EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0847

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE

/* COM/2013/0847 final */

52013DC0847

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE /* COM/2013/0847 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE

1. Introduzzjoni

Id-Direttiva 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (aktar 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta") tistabbilixxi r-regoli għat-trasferimenti tad-dejta personali mill-Istati Membri tal-UE għal pajjiżi oħra barra mill-UE[1] sal-punt fejn it-tali trasferimenti jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-istrument[2].

Skont id-Direttiva, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni minħabba l-liġi domestika tiegħu jew l-impenji internazzjonali li jkun ħa sabiex jipproteġi d-drittijiet ta’ individwi, u f'dan il-każ il-limitazzjonijiet speċifiċi dwar it-trasferiment tad-dejta lejn dan il-pajjiż ma jkunux japplikaw. Dawn id-deċiżjonijiet komunement jissejħu "deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza".

Fis-26 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 520/2000/KE[3] (aktar 'il quddiem "id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza") li tirrikonoxxi li l-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-Mistoqsijiet Frekwenti (rispettivament "il-Prinċipji" u "FAQs"), maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, jipprovdu protezzjoni xierqa għall-finijiet ta' trasferimenti tad-dejta personali mill-UE. Id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza ttieħdet wara opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u opinjoni tal-Kumitat tal-Artikolu 31 mogħtija minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza kienet soġġetta għal skrutinju minn qabel mill-Parlament Ewropew.

B'konsegwenza ta' dan, id-Deċiżjoni attwali dwar l-Isfera ta' Sikurezza tippermetti t-trasferiment liberu[4] tal-informazzjoni personali mill-Istati Membri tal-UE[5] għall-kumpaniji fl-Istati Uniti li ffirmaw għall-Prinċipji f'ċirkostanzi meta t-trasferiment inkella ma jissodisfax l-istandards tal-UE għal-livell xieraq ta' protezzjoni tad-dejta minħabba d-differenzi sostanzjali fir-reġimi privati bejn iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Il-funzjonament tal-arranġament attwali tal-Isfera ta’ Sikurezza huwa bbażat fuq l-impenji u l-awtoċertifikazzjoni tal-kumpaniji li jaderixxu. L-adeżjoni ma' dawn l-arranġamenti hija volontarja, iżda r-regoli huma vinkolanti għal dawk li jiffirmaw. Il-prinċipji fundamentali ta’ arranġament bħal dan huma:

a) It-trasparenza tal-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji li jaderixxu,

b) L-inkorporazzjoni tal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza fil-politiki ta’ privatezza tal-kumpaniji, u

c) L-infurzar, inkluż mill-awtoritajiet pubbliċi.

Din il-bażi fundamentali tal-Isfera ta' Sikurezza għandha tiġi rieżaminata fil-kuntest il-ġdid ta’:

a) iż-żieda esponenzjali fil-flussi tad-dejta li kienu jkunu anċillari iżda issa huma ċentrali għat-tkabbir mgħaġġel tal-ekonomija diġitali u l-iżviluppi sinifikanti ħafna fil-ġbir, l-ipproċessar u l-użu tad-dejta,

b) l-importanza kritika tal-flussi tad-dejta notevolment għall-ekonomija transatlantika,[6]

c) it-tkabbir mgħaġġel tal-għadd ta' kumpaniji fl-Istati Uniti li jaderixxu mal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza li żdied bi tmien darbiet fid-daqs tiegħu mill-2004 (minn 400 fl-2004 sa 3 246 fl-2013),

d) l-informazzjoni maħruġa dan l-aħħar dwar il-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti li tqajjem mistoqsijiet ġodda dwar il-livell ta' protezzjoni li l-arranġament tal-Isfera ta' Sikurezza huwa meqjus li jiggarantixxi.

F'dan il-kuntest, din il-Komunikazzjoni tivvaluta l-funzjonament tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza. Hija bbażata fuq evidenza miġbura mill-Kummissjoni, il-ħidma tal-Grupp ta' Kuntatt dwar il-Privatezza tal-UE u l-Istati Uniti tal-2009, Studju mħejji minn kuntrattur indipendenti fl-2008[7] u informazzjoni li waslet għand il-Grupp ta' Ħidma ad hoc tal-UE u l-Istati Uniti (il-"Grupp ta' Ħidma") stabbilit wara r-revelazzjonijiet dwar il-programmi ta' sorveljanza tal-Istati Uniti (ara Dokument parallel). Din il-Komunikazzjoni tiġi wara ż-żewġ Rapporti ta' Valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-perjodu ta' bidu tal-arranġament tal-Isfera ta' Sikurezza, rispettivament fl-2002[8] u fl-2004[9].

2.           L-Istruttura u l-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza

2.1.        L-Istruttura tal-Isfera ta' Sikurezza

Kumpanija tal-Istati Uniti li tixtieq taderixxi mal-Isfera ta' Sikurezza trid: (a) tidentifika fil-politika ta' privatezza tagħha disponibbli pubblikament li hija taderixxi mal-Prinċipji u tassew tikkonforma mal-Prinċipji, kif ukoll (b) tagħmel awtoċertifikazzjoni, jiġifieri tiddikjara lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li hija konformi mal-Prinċipji. L-awtoċertifikazzjoni trid tiġi ppreżentata mill-ġdid kull sena. Il-Prinċipji ta’ Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza mehmuża fl-Anness I tad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza jinkludu rekwiżiti dwar il-protezzjoni sostantiva tad-dejta personali (il-prinċipji dwar l-integrità tad-dejta, is-sigurtà, l-għażla u t-trasferiment ’il quddiem) u d-drittijiet proċedurali tas-suġġetti tad-dejta (il-prinċipji dwar l-avviż, l-aċċess u l-infurzar).

Fir-rigward tal-infurzar tal-iskema dwar l-Isfera ta' Sikurezza fl-Istati Uniti, żewġ Istituzzjonijiet tal-Istati Uniti għandhom rwol ewlieni: id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti.

Id-Dipartiment tal-Kummerċ jagħmel rieżami ta' kull awtoċertifikazzjoni tal-Isfera ta' Sikurezza u kull sottomissjoni annwali ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid li jirċievi mingħand il-kumpaniji biex jiżgura li dawn jinkludu l-elementi kollha meħtieġa biex ikunu membri tal-iskema[10]. Huwa jaġġorna lista ta’ kumpaniji li jkunu ppreżentataw ittri ta' awtoċertifikazzjoni u jippubblika l-lista u l-ittri fuq il-websajt tiegħu. Barra minn hekk, huwa jimmonitorja l-funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza u jneħħi mil-lista l-kumpaniji li ma jikkonformawx mal-Prinċipji.

Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ, bis-setgħat tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, tintervjeni kontra prattiki inġusti jew qarrieqa skont it-Taqsima 5 tal-Att dwar il-Kummissjoni tal-Kummerċ Ħieles. L-azzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ jinkludu inkjesti dwar dikjarazzjonijiet foloz ta’ aderenza mal-Isfera ta' Sikurezza u nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-Prinċipji minn kumpaniji li huma membri tal-iskema. Fil-każijiet speċifiċi tal-infurzar tal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza kontra t-trasportaturi bl-ajru, il-korp kompetenti huwa d-Dipartiment tat-Trasport tal-Istati Uniti[11].

Id-Deċiżjoni attwali dwar l-Isfera ta' Sikurezza hija parti mil-liġi tal-UE li trid tiġi applikata mill-Awtoritajiet tal-Istati Membri. Skont id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE (data protection authorities - DPAs) għandhom id-dritt li jissospendu t-trasferimenti tad-dejta lill-kumpaniji ċertifikati tal-Isfera ta' Sikurezza f’każijiet speċifiċi[12]. Il-Kummissjoni ma tafx b'każijiet ta’ sospensjoni minn awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta minn mindu ġiet stabbilita l-Isfera ta' Sikurezza fl-2000. Indipendentement mis-setgħat li għandhom skont id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE għandhom il-kompetenza li jintervjenu, inkluż fil-każ ta' trasferimenti internazzjonali, sabiex jiżguraw il-konformità mal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta stabbilti fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995.

Kif imfakkar fid-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, fid-dawl tal-esperjenza fl-implimentazzjoni tagħha, l-adattament tad-Deċiżjoni, is-sospensjoni tagħha jew il-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha f'kull mument jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni – li taġixxi skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni stabbilita fir-Regolament 182/2011 –. Dan huwa notevolment previst jekk ikun hemm falliment sistematiku min-naħa tal-Istati Uniti, pereżempju jekk korp responsabbli biex jiżgura l-konformità mal-Prinċipji ta’ Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza fl-Istati Uniti ma jkunx qed jissodisfa effettivament ir-rwol tiegħu, jew jekk il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza jinqabeż mir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti. Bħal kull deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni, tista’ wkoll tiġi emendata għal raġunijiet oħra jew saħansitra titħassar.

2.2.        Il-funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza

It-3246[13] kumpanija ċertifikata jinkludu kumpaniji żgħar u kbar[14]. Filwaqt li l-industriji tas-servizzi finanzjarji u tat-telekomunikazzjoni huma barra mis-setgħat ta' infurzar tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ u għalhekk esklużi mill-Isfera ta' Sikurezza, ħafna mis-setturi tal-industrija u tas-servizzi huma preżenti fost il-kumpaniji ċertifikati, inklużi kumpaniji u industriji tal-Internet magħrufa sew li jvarjaw mis-servizzi tal-informazzjoni u tal-kompjuter għall-farmaċewtiċi, is-servizzi tal-ivjaġġar u tat-turiżmu u s-servizii tal-kura tas-saħħa jew tal-karti tal-kreditu[15]. Dawn huma prinċipalment kumpaniji tal-Istati Uniti li jipprovdu servizzi fis-suq intern tal-UE. Hemm ukoll xi sussidjarji ta’ xi ditti tal-UE bħal pereżempju Nokia jew Bayer. 51 % huma ditti li jipproċessaw id-dejta tal-impjegati fl-Ewropa trasferita lejn l-Istati Uniti għall-finijiet ta’ riżorsi umani[16].

Kien hemm tħassib dejjem jikber fost xi awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta fl-UE dwar trasferimenti ta’ dejta taħt l-iskema attwali tal-Isfera ta' Sikurezza. L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta ta' xi Stati Membri kkritikaw il-formulazzjoni ġenerali ħafna tal-prinċipji u d-dipendenza kbira fuq l-awtoċertifikazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni. Tqajjem tħassib simili mill-industrija, li tirreferi għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba nuqqas ta’ infurzar.

L-arranġament attwali tal-Isfera ta' Sikurezza huwa bbażat fuq l-aderenza volontarja tal-kumpaniji, fuq l-awtoċertifikazzjoni ta' dawn il-kumpaniji aderenti u fuq l-infurzar tal-impenji ta' awtoċertifikazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan il-kuntest kull nuqqas ta’ trasparenza u kull nuqqas fl-infurzar ixekklu l-bażijiet li fuqhom tinbena l-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza.

Kull diskrepanza fit-trasparenza jew fl-infurzar min-naħa tal-Istati Uniti tirriżulta fit-trasferiment tar-responsabbiltà fuq l-awtoritajiet Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta u fuq il-kumpaniji li jużaw l-iskema. Fid-29 ta' April 2010 l-awtoritajiet Ġermaniżi tal-protezzjoni tad-dejta ħarġu deċiżjoni li titlob lill-kumpaniji li jittrasferixxu dejta mill-Ewropa għall-Istati Uniti biex jiċċekkjaw b’mod attiv li l-kumpaniji fl-Istati Uniti li jimportaw id-dejta effettivament jikkonformaw mal-Prinċipji ta’ Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u tirrakkomanda li “mill-inqas il-kumpanija li tesporta trid tiddetermina jekk iċ-ċertifikazzjoni tal-Isfera ta' Sikurezza mill-importatur għadhiex valida”[17].

Fl-24 ta' Lulju 2013, wara r-revelazzjonijiet dwar il-programmi ta' sorveljanza tal-Istati Uniti, id-DPAs Ġermaniżi żiedu ma' dan billi esprimew it-tħassib tagħhom li "hemm probabbiltà sostanzjali li l-prinċipji fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni qed jinkisru"[18]. Hemm każijiet ta’ xi DPAs (pereżempju Bremen DPA) li talbu kumpanija li tittrasferixxi dejta personali lil fornituri tal-Istati Uniti biex tinforma lid-DPA dwar jekk u kif il-fornituri kkonċernati jipprevjenu l-aċċess mill-Aġenzija ta’ Sigurtà Nazzjonali. Id-DPA Irlandiża rrapportat li rċeviet żewġ ilmenti reċentement li jsemmu l-programm tal-Isfera ta' Sikurezza wara l-kopertura dwar il-programmi tal-Aġenżiji tal-Intelligence tal-Istati Uniti iżda rrifjuta li jinvestigahom minħabba li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz issodisfa r-rekwiżiti tal-liġi Irlandiża dwar il-protezzjoni tad-dejta. Wara ilment simili, id-DPA Lussemburgiża sabet li Microsoft u Skype kkonformaw mal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-Lussemburgu meta jittrasferixxu dejta lill-Istati Uniti[19]. Madankollu, il-High Court Irlandiża minn dak iż-żmien aċċettat applikazzjoni għal rieżami ġudizzjarju li bih se teżamina n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissarju Irlandiż tal-Protezzjoni tad-Dejta fir-rigward tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti. Wieħed miż-żewġ ilmenti tressaq minn grupp ta' studenti Europe kontra Facebook (EvF) li ressaq ukoll ilment simili kontra Yahoo fil-Ġermanja, li qed isirlu proċess mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta rilevanti.

Dawn ir-reazzjonijiet diverġenti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta għar-rivelazzjonijiet dwar is-sorveljanza juru r-riskju reali tal-frammentazzjoni tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza u jqajmu mistoqsijiet dwar sa liema punt hija infurzata.

3.           It-trasparenza tal-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji li aderixxu

Taħt il-FAQ 6 li huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza (Anness II) il-kumpaniji interessati li jiċċertifikaw taħt l-Isfera ta' Sikurezza għandhom jipprovdu l-politika ta' privatezza tagħhom lid-Dipartiment tal-Kummerċ u jippubblikawha. Din għandha tinkludi impenn li jirrispettaw il-Prinċipji ta’ Privatezza. Ir-rekwiżit li jiġu ppubblikati l-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji awtoċertifikati kif ukoll id-dikjarazzjoni tagħhom li jirrispettaw il-Prinċipji ta’ Privatezza huma importanti ħafna għat-tħaddim tal-iskema.

Aċċessibbiltà insuffiċjenti għall-politiki ta’ privatezza ta’ dawn il-kumpaniji tkun ta' ħsara għall-individwi li d-dejta personali tagħhom tkun qed tiġi miġbura u pproċessata, u tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ notifika. F’każijiet bħal dawn, l-individwi li d-dejta tagħhom qed tiġi trasferita mill-UE jistgħu ma jkunux jafu dwar id-drittijiet tagħhom u l-obbligi li kumpanija awtoċertifikata tkun soġġetta għalihom.

Barra minn hekk, l-impenn tal-kumpaniji biex jikkonformaw mal-Prinċipji ta’ Privatezza jattiva s-setgħat tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ li tinforza dawn il-prinċipji kontra l-kumpaniji f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bħala prattika inġusta jew qarrieqa. In-nuqqas ta’ trasparenza minn kumpaniji fl-Istati Uniti tagħmel is-sorveljanza mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ aktar diffiċli u tnaqqas l-effikaċja tal-infurzar.

Matul is-snin għadd sostanzjali ta’ kumpaniji awtoċertifikati ma ppubblikawx il-politika ta’ privatezza tagħhom u/jew ma għamlux dikjarazzjoni pubblika ta’ aderenza mal-Prinċipji ta’ Privatezza. Ir-rapport tal-2004 dwar l-Isfera ta' Sikurezza indika l-bżonn li d-Dipartiment tal-Kummerċ jadotta pożizzjoni aktar attiva fl-iskrutinju tal-konformità ma’ dan ir-rekwiżit.

Mill-2004, id-Dipartiment tal-Kummerċ żviluppa għodod ta’ informazzjoni ġodda bl-għan li jgħinu lill-kumpaniji jikkonformaw mal-obbligi ta’ trasparenza tagħhom. L-informazzjoni rilevanti dwar l-iskema hija aċċessibbli fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ iddedikat lill-Isfera ta' Sikurezza[20] li jippermetti wkoll lill-kumpaniji jtellgħu l-politiki ta’ privatezza tagħhom. Id-Dipartiment tal-Kummerċ rrapporta li kumpaniji użaw din il-karatteristika u tellgħu l-politiki ta’ privatezza tagħhom fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ meta applikaw biex jissieħbu mal-Isfera ta' Sikurezza[21]. Barra minn hekk, fl-2009-2013, id-Dipartiment tal-Kummerċ ippubblika serje ta' linji gwida għall-kumpaniji li jixtiequ jissieħbu mal-Isfera ta' Sikurezza, bħal pereżempju “Guide to Self-Certification” u “Helpful Hints on Self-Certifying Compliance”[22].

Il-grad ta’ konformità mal-obbligi ta’ trasparenza jvarja fost il-kumpaniji. Filwaqt li ċerti kumpaniji jillimitaw ruħhom li jinnotifikaw lid-Dipartiment tal-Kummerċ deskrizzjoni tal-politika ta’ privatezza tagħhom bħala parti mill-proċess ta’ awtoċertifikazzjoni, il-maġġoranza jippubblikaw dawn il-politiki fuq il-websajts tagħhom, minbarra li jittellgħuhom fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ. Madankollu, dawn il-politiki mhux dejjem huma preżentati f’forma li tinqara faċilment u li tappoġġa l-konsumatur. Il-hyperlinks għall-politiki ta’ privatezza mhux dejjem jaħdmu sew u lanqas ma jirreferu dejjem għall-paġni web korretti.

Mid-Deċiżjoni u l-Annessi tagħha joħroġ li r-rekwiżit li l-kumpaniji għandhom jippubblikaw il-politiki ta’ privatezza tagħhom tmur lil hinn minn sempliċi notifika ta’ awtoċertifikazzjoni lid-Dipartiment tal-Kummerċ. Ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni kif stipulati fil-FAQs jinkludu deskrizzjoni tal-politika ta’ privatezza u informazzjoni trasparenti dwar fejn hija disponibbli għall-pubbliku[23]. Id-dikjarazzjonijiet dwar il-politika ta’ privatezza jridu jkunu ċari u aċċessibbli faċilment mill-pubbliku. Dawn iridu jinkludu hyperlink għall-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ dwar l-Isfera ta' Sikurezza li jelenka l-membri “attwali” kollha tal-iskema u link għall-fornitur ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim. Madankollu, għadd ta' kumpaniji fl-iskema fil-perjodu 2000-2013 naqsu milli jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti. F'kuntatti ta' xogħol mal-Kummissjoni fi Frar 2013, id-Dipartiment tal-Kummerċ irrikonoxxa li sa 10 % tal-kumpaniji ċertifikati setgħu saħansitra ma tellgħux politika ta' privatezza li fiha d-dikjarazzjoni affermattiva tal-Isfera ta' Sikurezza fuq il-websajts pubbliċi rispettivi tagħhom.

Statistiċi reċenti juru wkoll problema persistenti ta' dikjarazzjonijiet foloz ta’ aderenza mal-Isfera ta' Sikurezza. Madwar 10 % tal-kumpaniji li jiddikjaraw li huma membri tal-Isfera ta' Sikurezza mhumiex elenkati mid-Dipartiment tal-Kummerċ bħala membri attwali tal-iskema[24].  Dawn id-dikjarazzjonijiet foloz joriġinaw minn: kumpaniji li qatt ma kienu parteċipanti tal-Isfera ta' Sikurezza u kumpaniji li darba kienu membri tal-iskema iżda mbagħad naqsu milli jerġgħu jippreżentaw l-awtoċertifikazzjoni tagħhom lid-Dipartiment tal-Kummerċ kull sena. F’dan il-każ, huma jibqgħu jkunu elenkati fuq il-websajt tal-Isfera ta' Sikurezza, iżda bl-istatus ta’ ċertifikazzjoni “mhux attwali”, li jfisser li l-kumpanija kienet membru tal-iskema u għalhekk għandha obbligu li tkompli tipprovdi protezzjoni għad-dejta diġà pproċessati.  Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ huwa kompetenti biex jintervjeni f’każijiet ta’ prattiki qarrieqa u nuqqas ta’ konformità tal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza (ara t-Taqsima 5.1). Nuqqas ta' ċarezza fuq “id-dikjarazzjonijiet foloz” ikollha impatt fuq il-kredibbiltà tal-iskema.

Il-Kummissjoni Ewropea wissiet lid-Dipartiment tal-Kummerċ permezz ta' kuntatti regolari fl-2012 u l-2013 li, sabiex jikkonformaw mal-obbligi ta' trasparenza, mhuwiex biżżejjed li l-kumpaniji jipprovdu deskrizzjoni tal-politika ta' privatezza tagħhom lid-Dipartiment tal-Kummerċ biss. Id-dikjarazzjonijiet tal-politiki ta’ privatezza jridu jiġu ppubblikati. Id-Dipartiment tal-Kummerċ intalab ukoll jintensifika l-kontrolli perjodiċi tiegħu tal-websajts tal-kumpaniji wara l-proċedura ta’ verifika mwettqa fil-kuntest tal-ewwel proċess ta' awtoċertifikazzjoni jew it-tiġdid annwali tagħha u biex jieħdu azzjoni kontra dawk il-kumpaniji li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ trasparenza.

Bħala l-ewwel risposta għat-tħassib tal-UE, id-Dipartiment tal-Kummerċ għamilha obbligatorja minn Marzu 2013 li kumpanija fl-Isfera ta' Sikurezza b'websajt pubbliku tagħmel il-politika ta' privatezza tagħha għad-dejta tal-konsumaturi/utenti disponibbli faċilment fuq il-websajt pubbliku tagħha. Fl-istess ħin, id-Dipartiment tal-Kummerċ beda jinnotifika lil dawk il-kumpaniji kollha li l-politika ta’ privatezza tagħhom ma kinitx diġà tinkludi link għall-websajt dwar l-Isfera ta' Sikurezza tad-Dipartiment tal-Kummerċ li għandhom iżidu dan il-link, u b'hekk il-Lista u l-websajt uffiċjali tal-Isfera ta' Sikurezza  jkunu direttament aċċessibbli għall-konsumaturi li jkunu qed iżuru l-websajt tal-kumpanija. Dan se jippermetti lis-suġġetti tad-dejta Ewropea jivverifikaw immedjatament, mingħajr tiftix addizzjonali fil-web, l-impenji ta' kumpanija ppreżentati lid-Dipartiment tal-Kummerċ. Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Kummerċ beda jinnotifika lill-kumpaniji li għandha tiġi inkluża l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom għall-fornitur indipendenti tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-politika ta’ privatezza mtellgħa fuq il-websajt[25].

Dan il-proċess jeħtieġ li jitħaffef sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji ċertifikati kollha jissodisfaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza sa mhux aktar tard minn Marzu 2014 (jiġifieri sad-data ta' skadenza għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid annwali tal-kumpaniji, li tibda tgħodd mill-introduzzjoni ta' rekwiżiti ġodda f'Marzu 2013).

Madankollu, għad hemm tħassib dwar jekk il-kumpaniji awtoċertifikati kollha jikkonformawx bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ trasparenza. Il-konformità mal-obbligi meħuda fil-mument tal-awtoċertifikazzjoni inizjali u t-tiġdid annwali għandha tiġu mmonitorjata u investigata b’mod aktar strett mid-Dipartiment tal-Kummerċ.

4.           L-integrazzjoni tal-prinċipji ta' privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza fil-politiki ta’ privatezza tal-kumpaniji

Il-kumpaniji awtoċertifikati jridu jikkonformaw mal-Prinċipji ta' Privatezza stabbiliti fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni sabiex jiksbu u jżommu l-benefiċċju tal-Isfera ta' Sikurezza.

Fir-rapport tal-2004, il-Kummissjoni sabet li għadd sinifikanti ta' kumpaniji ma inkorporawx b'mod korrett il-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza fil-politiki tagħhom dwar l-ipproċessar tad-dejta. Pereżempju, l-individwi mhux dejjem ingħataw informazzjoni ċara u trasparenti dwar l-iskopijiet li għalihom id-dejta tagħhom kienet qed tiġi ipproċessata jew ma ingħatawx il-possibbiltà li jagħżlu li ma jipparteċipawx jekk id-dejta tagħhom kienet se tiġi żvelata lil parti terza jew se tintuża għal skop li kien inkompatibbli mal-iskopijiet li għalihom tkun ġiet oriġinalment miġbura. Ir-rapport tal-2004 tal-Kummissjoni qies li d-Dipartiment tal-Kummerċ għandu jkun aktar proattiv fir-rigward tal-aċċess għall-Isfera ta' Sikurezza u għas-sensibilizzazzjoni tal-Prinċipji[26].

Kien hemm progress limitat f’dan ir-rigward. Mill-1 ta' Jannar 2009, kull kumpanija li xtaqet iġġedded l-istatus ta' ċertifikazzjoni tagħha għall-Isfera ta' Sikurezza – li għandu jiġġedded kull sena – saritilha evalwazzjoni tal-politika ta' privatezza tagħha mid-Dipartiment tal-Kummerċ qabel it-tiġdid. Madankollu l-evalwazzjoni għandha kamp ta' applikazzjoni limitat. Ma hemm l-ebda evalwazzjoni sħiħa tal-prattika reali fil-kumpaniji awtoċertifikati li tista' żżid b’mod sinifikanti l-kredibbiltà tal-proċess ta' awtoċertifikazzjoni.

Wara t-talbiet tal-Kummissjoni għal aktar sorveljanza bir-reqqa u sistematika tal-kumpaniji awtoċertifikati mid-Dipartiment tal-Kummerċ, aktar attenzjoni bħalissa qed tiġi applikata fuq sottomissjonijiet ġodda. L-għadd ta' sottomissjonijiet ġodda li ma ġewx aċċettati, iżda li ntbagħtu lura lill-kumpaniji għal titjib fil-politiki ta' privatezza żdied b'mod sinifikanti bejn l-2010 u l-2013: id-doppju għall-kumpaniji li qed iġeddu ċ-ċertifikazzjoni u t-tripplu għal dawk li huma ġodda fl-Isfera ta' Sikurezza[27]. Id-Dipartiment tal-Kummerċ żgura lill-Kummissjoni li kull ċertifikazzjoni jew ċertifikazzjoni mill-ġdid tista’ tiġi ffinalizzata biss jekk il-politika ta' privatezza tal-kumpanija tissodisfa r-rekwiżiti kollha, b’mod partikolari li tinkludi impenn fl-affermattiv li taderixxi mas-sett rilevanti tal-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u li l-politika ta' privatezza tkun disponibbli pubblikament. Kumpanija hija meħtieġa li tidentifika fir-rekord tagħha tal-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza, il-post tal-politika rilevanti. Hija wkoll meħtieġa li tidentifika b’mod ċar fuq il-websajt tagħha fornitur għal Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u tinkludi link għall-awtoċertifikazzjoni tal-Isfera ta' Sikurezza fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ. Madankollu, kien stmat li aktar minn 30 % tal-membri tal-Isfera ta' Sikurezza ma jipprovdux informazzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim fil-politiki ta' privatezza fuq il-websajts tagħhom[28].

Maġġoranza tal-kumpaniji li d-Dipartiment tal-Kummerċ neħħa mil-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza tneħħew fuq talba espliċita tal-kumpaniji rilevanti (pereżempju l-kumpaniji li kienu ngħaqdu jew ġew akkwistati, li biddlu l-linji ta’ negozju tagħhom jew li fallew). Numru iżgħar ta’ rekords ta’ kumpaniji skaduti tneħħew meta l-websajts li kienu elenkati fir-rekords dehru bħala mhux operattivi u l-istatus taċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji kien “Mhux attwali” għal bosta snin[29]. Importanti li wieħed jinnota li jidher li l-ebda kumpanija ma tneħħiet minħabba li l-verifika mid-Dipartiment tal-Kummerċ wasslet għall-identifikazzjoni ta’ problemi ta’ konformità.

Ir-rekord tal-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza iservi bħala avviż pubbliku u bħala rekord tal-impenji tal-Isfera ta' Sikurezza ta’ kumpanija.  L-impenn li kumpanija tirrispetta l-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza mhuwiex limitat fiż-żmien fir-rigward tad-dejta li tasal matul il-perjodu li fih il-kumpanija tgawdi mill-benefiċċju tal-Isfera ta' Sikurezza, u l-kumpanija trid tkompli tapplika l-Prinċipji għal din id-dejta sakemm taħżinha, tużaha jew tiżvelaha, anki jekk titlaq mill-Isfera ta' Sikurezza għal xi raġuni.

L-għadd ta’ applikanti tal-Isfera ta' Sikurezza li ma għaddewx mir-rieżami amministrattiv tad-Dipartiment tal-Kummerċ u għalhekk qatt ma żdiedu mal-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza huwa dan li ġej: Fl-2010, 6 % (33) biss tal-513 kumpanija ċertifikata għall-ewwel darba qatt ma ġew inklużi fil-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza minħabba li ma kkonformawx mal-istandards tad-Dipartiment tal-Kummerċ għall-awtoċertifikazzjoni. Fl-2013, 12 % (75) tal-605 kumpanija ċertifikata għall-ewwel darba qatt ma ġew inklużi fil-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza minħabba li ma kkonformawx mal-istandards tad-Dipartiment tal-Kummerċ għall-awtoċertifikazzjoni.

Bħala rekwiżit minimu biex tiżdied it-trasparenza tas-sorveljanza, id-Dipartiment tal-Kummerċ għandu jelenka fuq il-websajt tiegħu l-kumpaniji kollha li tneħħew mill-Isfera ta' Sikurezza u jindika r-raġunijiet għaliex ma ġġeddidtx iċ-ċertifikazzjoni. It-tikketta “Mhux attwali” fuq il-lista tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-kumpaniji li huma membri tal-Isfera ta' Sikurezza għandha titqies mhux biss bħala informazzjoni, iżda għandha tkun akkumpanjata minn twissija ċara – verbali u grafika - li kumpanija bħalissa mhux qed tissodisfa r-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza.  

Barra minn hekk, xi kumpaniji xorta jonqsu milli jinkorporaw bis-sħiħ il-Prinċipji kollha tal-Isfera ta' Sikurezza. Minbarra l-kwistjoni ta' trasparenza indirizzata fit-Taqsima 3 hawn fuq, il-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji awtoċertifikati ta' spiss mhumiex ċari fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom tinġabar id-dejta, u fir-rigward tad-dritt li wieħed jagħżel jekk id-dejta tkunx tista' tiġi żvelata lil partijiet terzi jew le; u dan iqajjem kwistjonijiet ta' konformità mal-Prinċipji ta' Privatezza ta' "Notifika" u "Għażla". In-notifika u l-għażla huma kruċjali sabiex jiġi żgurat kontroll mis-suġġetti tad-dejta fuq x’jiġri mill-informazzjoni personali tagħhom. 

L-ewwel pass kritiku fil-proċess ta' konformità, l-inkorporazzjoni tal-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza fil-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji, mhuwiex żgurat biżżejjed. Id-Dipartiment tal-Kummerċ għandu jindirizzah bħala kwistjoni ta’ prijorità billi jiżviluppa metodoloġija ta’ konformità fil-prattika operattiva tal-kumpaniji u l-interazzjoni tagħhom mal-klijenti. Għandu jkun hemm segwitu attiv mid-Dipartiment tal-Kummerċ dwar l-inkorporazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza fil-politiki ta' privatezza tal-kumpaniji, minflok iħalli li l-azzjoni ta’ infurzar tinbeda biss mill-ilmenti ta’ individwi.

5.           L-infurzar mill-awtoritajiet pubbliċi

Għadd ta’ mekkaniżmi huma disponibbli biex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza u biex jiġi offrut rikors għall-individwi f’każijiet fejn il-protezzjoni tal-informazzjoni personali tagħhom hija affettwata minn nuqqas ta’ konformità mal-Prinċipji ta’ Privatezza.

Skont il-Prinċipju ta' “Infurzar”, il-politiki ta’ privatezza tal-organizzazzjonijiet awtoċertifikati jridu jinkludu mekkaniżmi ta’ konformità effettivi. Skont il-Prinċipji ta' Privatezza tal-"Infurzar" kif spjegat aktar fil-FAQ 11, FAQ 5 u FAQ 6, dan ir-rekwiżit jista' jiġi ssodisfat billi kumpanija taderixxi ma' mekkaniżmi ta' rikors indipendenti li jkunu ddikjaraw pubblikament il-kompetenza tagħhom li jisimgħu l-ilmenti individwali għan-nuqqas ta' rispett tal-Prinċipji. Alternattivament, dan jista’ jinkiseb permezz ta’ impenn tal-organizzazzjoni li tikkoopera mal-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta[30]. Barra minn hekk, il-kumpaniji awtoċertifikati huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ skont it-Taqsima 5 tal-Att tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ li jipprojbixxi atti jew prattiki inġusti jew qarrieqa fil-kummerċ jew li jaffetwaw il-kummerċ[31].

Ir-rapport tal-2004 esprima tħassib fir-rigward tal-infurzar tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza, jiġifieri li l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għandha tkun aktar proattiva fit-tnedija tal-investigazzjonijiet u fis-sensibilizzazzjoni tal-individwi dwar id-drittijiet tagħhom.  Qasam ieħor ta’ tħassib kien in-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ fl-infurzar tal-Prinċipji dwar id-dejta tar-riżorsi umani.

Il-korp tar-rikors responsabbli għad-dejta tar-riżorsi umani – il-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta – irċievva ilment wieħed dwar id-dejta tar-riżorsi umani[32].  Madankollu, in-nuqqas ta’ ilmenti ma jippermettix li jsiru konklużjonijiet dwar il-funzjonament sħiħ tal-iskema.  Għandhom jiġu introdotti kontrolli ex-officio tal-konformità ta’ kumpaniji biex jivverifikaw l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE għandhom ukoll jieħdu azzjonijiet għas-sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza tal-Panel.

Ġew indikati problemi fir-rigward tal-mod kif jaħdmu l-mekkaniżmi alternattivi ta’ rikors bħala korpi ta’ infurzar. Għadd ta’ dawn il-korpi ma għandhomx mezzi xierqa biex jirrimedjaw għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Prinċipji. Dan in-nuqqas irid jiġi indirizzat.

5.1.        Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ

Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tista' tieħu miżuri ta’ infurzar f'każ ta’ ksur tal-impenji tal-Isfera ta' Sikurezza li jieħdu l-kumpaniji. Meta ġiet stabbilita l-Isfera ta' Sikurezza, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ impenjat ruħha biex teżamina fuq bażi ta’ prijorità r-riferimenti kollha mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE[33]. Billi ma wasal l-ebda ilment għall-ewwel għaxar snin tal-arranġament, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ iddeċiediet li tipprova tidentifika kull ksur tal-Isfera ta' Sikurezza f'kull investigazzjoni fil-privatezza u sigurtà tad-dejta li tmexxi. Mill-2009, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ ħadet 10 azzjoni ta' infurzar kontra kumpaniji fuq il-bażi ta' ksur tal-Isfera ta' Sikurezza. Dawn l-azzjonijiet b'mod partikolari rriżultaw f'ordinijiet ta' ħlas – soġġetti għal penali sostanzjali – li jipprojbixxu rappreżentazzjonijiet ħżiena dwar il-privatezza, inkluż dwar il-konformità mal-Isfera ta' Sikurezza, u li jimponu lill-kumpaniji programmi ta' privatezza komprensivi u awditi għal 20 sena. Il-kumpaniji jridu jaċċettaw valutazzjonijiet indipendenti tal-programmi ta’ privatezza tagħhom fuq it-talba tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ. Dawn il-valutazzjonijiet huma rrappurtati regolarment lill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ. L-ordnijiet tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ jipprojbixxu wkoll dawn il-kumpaniji milli jirrappreżentaw ħażin il-prattiki ta’ privatezza tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-Isfera ta' Sikurezza jew skemi ta' privatezza simili. Dan kien il-każ pereżempju fl-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ kontra Google, Facebook u MySpace.[34] Fl-2012, Google aċċettat li tħallas multa ta' EUR 22,5 miljun bħala soluzzjoni għall-allegazzjonijiet li kisret ordni ta' kunsens.  Fl-investigazzjonijiet ta' privatezza kollha l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ jeżaminat ex officio jekk hemmx ksur tal-Isfera ta' Sikurezza.

Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ reċentement tenna d-dikjarazzjonijiet u l-impenn tiegħu li jeżamina, fuq bażi ta’ prijorità, kull riferiment li jasal mingħand kumpaniji awtoregolatorji ta’ privatezza u mingħand l-Istati Membri tal-UE li jallegaw in-nuqqas ta' konformità ta' kumpanija mal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza.[35]  Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ irċeviet biss ftit riferimenti mill-awtoritajiet Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta f'dawn l-aħħar tliet snin.

Il-kooperazzjoni transatlantika bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta bdiet tiżviluppa f’dawn l-aħħar xhur. Pereżempju, fis-26 ta' Ġunju 2013 il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ iffirmat Memorandum ta' Qbil mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-Irlanda dwar l-assistenza reċiproka fl-infurzar tal-liġijiet li jipproteġu l-informazzjoni personali fis-settur privat. Il-memorandum jistabbilixxi qafas għal aktar kooperazzjoni ta’ infurzar tal-privatezza li tkun aktar sempliċi u aktar effettiva[36]. 

F'Awwissu 2013, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ ħabbret rinfurzar ulterjuri tal-verifiki tal-kumpaniji b'kontroll fuq bażijiet ta' dejta kbar ta' informazzjoni personali. Ħolqot ukoll portal fejn il-konsumaturi jistgħu jressqu ilment dwar il-privatezza fir-rigward ta' kumpanija tal-Istati Uniti[37].

Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għandha żżid ukoll l-isforzi tagħha biex tinvestiga d-dikjarazzjonijiet foloz ta’ aderenza mal-Isfera ta' Sikurezza. Kumpanija li tiddikjara fuq il-websajt tagħha li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza, iżda mhijiex elenkata mid-Dipartiment tal-Kummerċ bħala membru "attwali" tal-iskema, tkun qed tqarraq lill-konsumaturi u tabbuża mill-fiduċja tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet foloz idgħajfu l-kredibbiltà tas-sistema kollha u għalhekk għandhom jitneħħew minnufih mill-websajts tal-kumpaniji. Il-Kumpaniji għandhom ikunu marbuta b'rekwiżit li jista’ jkun infurzat biex ma jqarrqux lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għandha tkompli tipprova tidentifika d-dikjarazzjonijiet foloz tal-Isfera ta' Sikurezza bħal dik fil-każ Karnani fejn il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għalaq websajt f’California minħabba li kien jiddikjara reġistrazzjoni falza fl-Isfera ta' Sikurezza u kien involut prattiki tal-kummerċ elettroniku frodulenti mmirati lejn il-konsumaturi Ewropej[38].

Fid-29 ta' Ottubru 2013 il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ ħabbret li kienet fetħet “għadd kbir ta’ investigazzjonijiet dwar il-konformità mal-Isfera ta' Sikurezza f’dawn l-aħħar xhur” u li huma mistennija aktar azzjonijiet ta’ infurzar f’dan il-qasam “fix-xhur li ġejjin”. Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ kkonfermat ukoll li hija “impenjata li tfittex modi biex ittejjeb l-effikaċja tagħha” u “tkompli tilqa’ ħjiel sostantivi, bħal pereżempju l-ilment li wasal matul ix-xahar li għadda minn Avukat tal-Konsumatur ibbażat fl-Ewropa li jallega għadd kbir ta’ ksur relatat mal-Isfera ta' Sikurezza”.[39] L-Aġenzija impenjat ruħha wkoll li “timmonitorja sistematikament il-konformità mal-ordnijiet tal-Isfera ta' Sikurezza, kif nagħmlu bl-ordnijiet kollha tagħna”[40].

Fit-12 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ għarrfet lill-Kummissjoni Ewropea li “jekk il-politika ta’ privatezza ta’ kumpanija twiegħed protezzjonijiet tal-Isfera ta' Sikurezza, in-nuqqas ta' dik il-kumpanija milli tagħmel jew iżżomm reġistrazzjoni, x’aktarx ma jeħlisx lil dik il-kumpanija mill-infurzar tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ ta' dawk l-impenji tal-Isfera ta' Sikureza”[41].

F'Novembru 2013, id-Dipartiment tal-Kummerċ għarraf lill-Kummissjoni Ewropea li “biex jgħin jiżgura li l-kumpaniji ma jagħmlux 'dikjarazzjonijiet foloz' tal-parteċipazzjoni fl-Isfera ta' Sikurezza, id-Dipartiment tal-Kummerċ se jibda proċess ta’ kuntatt mal-parteċipanti fl-Isfera ta' Sikurezza xahar qabel id-data taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid tagħhom sabiex jiddeskrivi l-passi li jridu isegwu jekk jagħżlu li ma jiċċertifikawx mill-ġdid”. Id-Dipartiment tal-Kummerċ “se jwissi lill-kumpaniji f’din il-kategorija biex ineħħu r-riferenzi kollha għall-parteċipazzjoni fl-Isfera ta' Sikurezza, inkluż l-użu tal-marka ta’ ċertifikazzjoni tal-Isfera ta' Sikurezza tal-Kummerċ mill-politiki ta' privatezza u l-websajts tal-kumpaniji, u jinnotifikahom b’mod ċar li jekk dan ma jsirx, il-kumpaniji jistgħu jkunu soġġetti għal azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ"[42].

Fil-ġlieda kontra d-dikjarazzjonijiet foloz dwar l-aderenza mal-Isfera ta' Sikurezza, il-politiki ta’ privatezza tal-websajts tal-kumpaniji awtoċertifikati għandhom dejjem jinkludu link għall-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ dwar l-Isfera ta' Sikurezza fejn il-membri "attwali" kollha tal-iskema huma elenkati. Dan se jippermetti lis-suġġetti Ewropej tad-dejta jivverifikaw minnufih, mingħajr aktar tiftix jekk il-kumpanija bħalissa hijiex membru tal-Isfera ta' Sikurezza. F'Marzu 2013 id-Dipartiment tal-Kummerċ beda jitlob dan mill-kumpaniji, iżda l-proċess għandu jiġi intensifikat.

Il-monitoraġġ kontinwu u l-infurzar konsegwenti mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-konformità attwali mal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza – minbarra l-miżuri meħuda mid-Dipartiment tal-Kummerċ kif enfasizzat hawn fuq – jibqa’ prijorità ewlenija għall-funzjonament tajjeb u effettiv tal-iskema. Huwa meħtieġ b’mod partikolari li jiżdiedu l-kontrolli u l-investigazzjonijiet ex-officio tal-konformità tal-kumpaniji mal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza.  L-ilmenti quddiem il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ relatati mal-ksur għandhom ukoll jiġu ffaċilitati aktar.

5.2.        Il-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta

Il-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta huwa korp maħluq taħt id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza. Huwa kompetenti biex jinvestiga l-ilmenti mressqa minn individwi li jirreferu għal dejta personali miġbura fil-kuntest ta' relazzjoni ta' impjieg kif ukoll f'każijiet relatati ma' kumpaniji ċertifikati li għażlu din l-alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Isfera ta' Sikurezza (53 % tal-kumpaniji kollha). Huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ diversi awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

Sa issa, il-Panel irċieva erba' ilmenti (tnejn fl-2010 u tnejn fl-2013). Huwa ssottometta żewġ ilmenti fl-2010 lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta (ir-Renju Unit u l-Isvizzera). It-tielet u r-raba’ ilmenti bħalissa qed jiġu eżaminati. Il-livell baxx ta’ ilmenti jista’ jiġi spjegat mill-fatt li s-setgħat tal-Panel huma, kif imsemmi hawn fuq, primarjament limitati għal ċertu tip ta’ dejta.

L-ammont limitat ta' każijiet tal-Panel jista’ jiġi wkoll parzjalment spjegat minħabba n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza tal-Panel. Mill-2004, il-Kummissjoni għamlet l-informazzjoni dwar il-Panel aktar viżibbli fuq il-websajt tagħha[43].

Biex isir użu aħjar tal-Panel, il-kumpanniji fl-Istati Uniti li għażlu li jikkooperaw miegħu u jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tiegħu, għal xi wħud mill-kategoriji jew il-kategoriji kollha tad-dejta personali koperti fl-awtoċertifikazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom b’mod ċar u prominenti jindikawh fl-impenji tal-politiki ta' privatezza tagħhom biex jippermettu lid-Dipartiment tal-Kummerċ janalizza dan l-aspett. Għandha tinħoloq paġna apposta fuq kull websajt tal-awtorità tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tal-Isfera ta' Sikurezza biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza fost il-kumpaniji u s-suġġetti tad-dejta Ewropej.

5.3.        It-titjib fl-infurzar

In-nuqqasijiet fit-trasparenza u n-nuqqasijiet fl-infurzar li ġew identifikati hawn fuq, iwasslu għal tħassib fost il-kumpaniji Ewropej fir-rigward tal-impatt negattiv tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza fuq il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. Meta kumpanija Ewropea tikkompeti ma’ kumpanija tal-Istati Uniti u topera fl-Isfera ta' Sikurezza, iżda fil-prattika ma tapplikax il-prinċipji tagħha, il-kumpanija Ewropea hija fi żvantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ dik il-kumpanija tal-Istati Uniti.

Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ testendi għal atti jew prattiki inġusti jew qarrieqa "fil-kummerċ jew li jaffettwaw il-kummerċ". It-Taqsima 5 tal-Att tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tistabbilixxi eċċezzjonijiet għall-awtorità tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ fuq atti jew prattiki inġusti jew qarrieqa fir-rigward inter alia tat-telekomunikazzjoni. Billi huma barra mill-infurzar tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ, il-kumpaniji tat-telekominikazzjoni ma jistgħux jaderixxu mal-Isfera ta' Sikurezza. Madankollu, bil-konverġenza dejjem tiżdied tat-teknoloġiji u s-servizzi, ħafna mill-kompetituri diretti tagħhom fis-settur tal-ICT tal-Istati Uniti huma membri tal-Isfera ta' Sikurezza. L-esklużjoni tal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni mill-iskambji ta’ dejta taħt l-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza hija kwistjoni ta’ tħassib għal xi operaturi tat-telekomunikazzjoni Ewropej. Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Operaturi tan-Netwerks tat-Telekomunikazzjoni (ETNO) “dan huwa b’mod ċar kunflitt mal-aktar talba importanti tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni dwar il-ħtieġa għal kundizzjonijiet indaqs”[44].

6.           It-tisħiħ tal-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza

6.1.        Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim

Il-prinċipju tal-infurzar jirrikjedi li jrid ikun hemm “mekkaniżmi ta' rikors faċilment disponibbli u abbordabbli li bihom kull ilment u tilwima minn individwu jkunu investigati”. Għal dak l-għan, l-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza tistabbilixxi sistema ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (Alternative Dispute Resolution - ADR) minn parti terza indipendenti[45] biex tipprovdi lill-individwi soluzzjoni rapida. L-aqwa tliet korpi ta' mekkaniżmi ta’ rikors huma l-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta, BBB (Better Business Bureaus) u TRUSTe.

L-użu tal-ADR żdied mill-2004 u d-Dipartiment tal-Kummerċ saħħaħ il-monitoraġġ tal-fornituri Amerikani tal-ADR sabiex jiżgura li l-informazzjoni li joffru dwar il-proċedura tal-ilment hija ċara, aċċessibbli u tista' tinftiehem. Madankollu, l-effettività ta’ din is-sistema għad trid titnwera minħabba l-għadd limitat ta’ każijiet trattati s’issa[46]. 

Għalkemm id-Dipartiment tal-Kummerċ irnexxilu jnaqqas il-miżati li jitolbu l-ADRs, tnejn minn seba’ fornituri ewlenin tal-ADR ikomplu jimponu miżati mill-individwi li jressqu ilment[47]. Dan jirrappreżenta l-fornituri tal-ADR użati b'madwar 20 % tal-kumpaniji tal-Isfera ta' Sikurezza. Dawn il-kumpaniji għażlu fornitur tal-ADR li jimponi miżata lill-konsumaturi talli jressqu ilment. Dawn il-prattiki ma jikkonformawx mal-Prinċipju ta’ Infurzar tal-Isfera ta' Sikurezza li jagħti lill-individwi d-dritt ta’ aċċess għal “mekkaniżmi ta' rikors indipendenti, faċilment disponibbli u abbordabbli”. Fl-Unjoni Ewropea, l-aċċess għal servizzi indipendenti għas-soluzzjoni tat-tilwim provdut mill-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta huwa bla ħlas għas-suġġetti kollha tad-dejta.

Fit-12 ta' Novembru 2013 id-Dipartiment tal-Kummerċ ikkonferma li “se jkompli jaħdem favur il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE u jaħdem mal-fornituri tal-ADR biex jiddetermina jekk il-miżati tagħhom jistgħux jitnaqqsu aktar”.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet, mhux il-fornituri kollha tal-ADR għandhom l-għodod neċessarji biex jirrimedjaw għas-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Prinċipji ta’ Privatezza. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma jidhirx li hija prevista fost il-firxa ta’ sanzjonijiet u miżuri tal-fornituri tas-servizzi kollha tal-ADR.

Il-fornituri tal-ADR huma wkoll meħtieġa li jittrasferixxu każijiet lill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ meta kumpanija tonqos milli tikkonforma mall-eżitu tal-proċess tal-ADR, jew tirrifjuta d-deċiżjoni tal-fornitur tal-ADR, sabiex il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tkun tista’ tagħmel rieżami u tinvestiga u, jekk xieraq, tieħu miżuri ta’ infurzar. Madankollu, sal-lum, ma kien hemm ebda każ ta’ trasferiment mill-fornituri tal-ADR lill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ minħabba nuqqas ta’ konformità[48].

Il-fornituri tas-servizzi għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim iżommu fuq il-websajts tagħhom listi ta’ kumpaniji (Parteċipant fis-Soluzzjoni tat-Tilwim) li jużaw is-servizzi tagħhom. Dan jippermetti lill-konsumaturi jivverifikaw faċilment jekk – fil-każ ta' tilwim ma' kumpanija – individwu jistax iressaq ilment lil fornitur tas-soluzzjoni tat-tilwim identifikat. Għalhekk, pereżempju, il-fornitur għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-BBB jelenka l-kumpaniji kollha li huma fis-sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim tal-BBB. Madankollu, hemm diversi kumpaniji li jiddikjaraw li huma f'sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim speċifika iżda ma jkunux elenkati mill-fornituri tas-servizzi tal-ADR bħala parteċipanti tal-iskema tas-soluzzjoni tat-tilwim tagħhom[49].

Il-mekkaniżmi tal-ADR għandhom ikunu aċċessibbli faċilment, indipendenti u abbordabbli għall-individwi. Suġġett tad-dejta għandu jkun jista’ jressaq ilment mingħajr ebda ostaklu eċċessiv. Il-korpi kollha tal-ADR għandhom jippubblikaw fuq il-websajts tagħhom l-istatistika dwar l-ilmenti trattati kif ukoll informazzjoni speċifika dwar l-eżiti tagħhom. Fl-aħħar nett, il-korpi tal-ADR għandhom jiġu mmonitorjati aktar sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li jipprovdu dwar il-proċedura u kif tressaq ilment tkun ċara u li tinftiehem, sabiex is-soluzzjoni tat-tilwim issir mekkaniżmu effettiv u fdat li jipprovdi riżultati. Għandu wkoll jiġi mtenni li l-pubblikazzjoni ta’ sejbiet dwar in-nuqqas ta’ konformità għandha tiġi inkluża fil-firxa ta’ sanzjonijiet obbligatorji tal-ADRs.

6.2.        It-trasferiment 'il quddiem

Bit-tkabbir esponenzjali tal-flussi tad-dejta hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni kontinwa tad-dejta personali fl-istadji kollha tal-ipproċessar tad-dejta, notevolment meta d-dejta tiġi trasferita minn kumpanija li taderixxi mal-Isfera ta' Sikurezza għal proċessur ta' parti terza. Għalhekk, il-ħtieġa għall-infurzar aħjar tal-Isfera ta' Sikurezza tikkonċerna mhux biss il-membri tal-Isfera ta' Sikurezza iżda wkoll is-sottokuntratturi.

L-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza tippermetti li jsiru trasferimenti 'il quddiem lil partijiet terzi li qed jaġixxu bħala "aġenti" jekk il-kumpanija – membru tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza – "taċċerta li l-parti terza tkun tissottoskrivi lejn il-Prinċipji jew tkun suġġetta għad-Direttiva jew għal xi sejbiet oħra adegwati jew tidħol fi ftehim bil-miktub ma’ dik il-parti terza li jkun jenħtieġ li l-parti terza tipprovdi mill-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ privatezza kif meħtieġa mill-Prinċipji relevanti"[50]. Pereżempju, fornitur tas-servizzi tal-clouds huwa meħtieġ mid-Dipartiment tal-Kummerċ li jidħol f’kuntratt anki jekk ikun "konformi mal-Isfera ta' Sikurezza” u jirċievi dejta personali għall-ipproċessar[51]. Madankollu, din id-dispożizzjoni mhijiex ċara fl-Anness II tad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza.

Billi r-rikors għas-sottokuntratturi żdied konsiderevolment tul l-aħħar snin, b’mod partikolari fil-kuntest tal-cloud-computing, meta tidħol f'kuntratt bħal dan, kumpanija fl-Isfera ta' Sikurezza għandha tinnotifika lid-Dipartiment tal-Kummerċ u tkun obbligata li tippubblika s-salvagwardji dwar il-privatezza[52]. 

It-tliet kwistjonijiet imsemmijin hawn fuq: il-mekkaniżmu tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, sorveljanza rinfurzata u trasferimenti 'il quddiem tad-dejta għandhom jiġu ċċarati aktar.        

7.           L-aċċess għad-dejta trasferita fil-qafas tal-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza

Matul l-2013, l-informazzjoni dwar l-iskala u l-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza tal-Istati Uniti qajmet tħassib fuq il-kontinwità tal-protezzjoni tad-dejta personali li tkun ġiet trasferita legalment fl-Istati Uniti taħt l-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza. Pereżempju, il-kumpaniji kollha involuti fil-programm PRISM, u li jagħtu aċċess lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għad-dejta maħżuna u pproċessata fl-Istati Uniti, jidhru li huma ċertifikati mal-Isfera ta' Sikurezza. Dan għamel l-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza wieħed mill-mezzi li permezz tagħhom jingħata l-aċċess lill-awtoritajiet tal-intelligence tal-Istati Uniti biex jiġbru dejta personali inizjalment ipproċessata fl-UE.

Id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza tipprevedi, fl-Anness 1, li l-aderenza mal-Prinċipji tal-Privatezza tista’ tkun limitata, jekk tkun ġustifikata mis-sigurtà nazzjonali, l-interess pubbliku jew r-rekwiżiti tal-infurzar tal-liġi jew mill-istatut, regolament governattiv jew il-każistika. Sabiex il-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet dwar it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali jkunu validi, dawn iridu jkunu interpretati b'mod strett; iridu jkunu stipulati f'liġi pubblikament aċċessibbli u jridu jkunu neċessarji u proporzjonati f'soċjetà demokratika. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza tispeċifika li dawn il-limitazzjonijiet huma permessi biss “sa fejn ikun meħtieġ” biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali, tal-interess pubbliku jew tal-infurzar tal-liġi[53].  Filwaqt li l-ipproċessar ta’ dejta eċċezzjonali għall-finijiet tas-sigurtà nazzjonali, l-interess pubbliku jew l-infurzar tal-liġi huwa previst fl-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza, l-aċċess fuq skala kbira mill-aġenziji tal-intelligence għad-dejta trasferita lejn l-Istati Uniti fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ma kinitx prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-Isfera ta' Sikurezza.

Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi nnotifikata mid-Dipartiment tal-Kummerċ b’kull statut jew regolament governattiv li jaffettwaw l-aderenza mal-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza[54]. L-użu ta’ eċċezzjonijiet għandu jiġi mmonitorjat bir-reqqa u l-eċċezzjonijiet ma jridux jintużaw b’tali mod li jdgħajfu l-protezzjoni mogħtija mill-Prinċipji[55]. B’mod partikolari, l-aċċess fuq skala kbira mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għad-dejta pproċessata minn kumpaniji awtoċertifikati fl-Isfera ta' Sikurezza joħloq ir-riskju li tiddgħajjef il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika.

7.1.        Il-proporzjonalità u n-neċċessità

Kif jirriżulta mis-sejbiet tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta, għadd ta’ bażijiet legali taħt il-liġi tal-Istati Uniti jippermettu l-ġbir u l-ipproċessar fuq skala kbira tad-dejta personali li tkun maħżuna jew ipproċessata mod ieħor minn kumpaniji bbażati fl-Istati Uniti. Din tista’ tinkludi dejta trasferita qabel mill-UE għall-Istati Uniti taħt l-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza, u tqajjem il-kwistjoni ta’ konformità kontinwa mal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza. In-natura ta’ skala kbira ta’ dawn il-programmi tista’ twassal biex id-dejta trasferita fl-Isfera ta' Sikurezza tkun aċċessata u pproċessata aktar mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju u proporzjonat għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali kif previst taħt l-eċċezzjoni prevista fid-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza. 

7.2.        Il-limitazzjonijiet u l-possibbiltajiet għar-rimedju

Kif jirriżulta mis-sejbiet tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta, is-salvagwardji li huma previsti fil-liġi tal-Istati Uniti huma l-aktar disponibbli għaċ-ċittadini jew ir-residenti legali tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda opportunità għas-suġġetti tad-dejta tal-UE jew tal-Istati Uniti biex jiksbu aċċess, rettifika jew tħassir tad-dejta, jew rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju fir-rigward tal-ġbir u l-ipproċessar ulterjuri tad-dejta personali tagħom li jitwettqu taħt il-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti. 

7.3.        It-Trasparenza

Il-kumpaniji ma jindikawx sistematikament fil-politiki ta' privatezza tagħhom meta japplikaw eċċezzjonijiet għall-Prinċipji. L-individwi u l-kumpaniji għalhekk mhumiex konxji dwar dak li qed isir bid-dejta tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari rilevanti f’dak li għandu x’jaqsam mat-tħaddim tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Istati Uniti in kwistjoni. Bħala riżultat, l-Ewropej li d-dejta tagħhom hija trasferita lil kumpanija fl-Istati Uniti fl-Isfera ta' Sikurezza jistgħu ma jiġux mgħarrfa minn dawk il-kumpaniji li d-dejta tagħhom tista’ tkun soġġetta għal aċċess[56]. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ konformità mal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza dwar it-trasparenza. It-trasparenza għandha tiġi żgurata kemm jista’ jkun possibbli mingħajr ma tiġi pperikolata s-sigurtà nazzjonali. B’żieda mal-ħtiġiet eżistenti għall-kumpaniji sabiex jindikaw fil-politiki ta’ privatezza tagħhom meta l-Prinċipji jistgħu jkunu limitati bl-istatut, regolament governattiv jew il-każistika, il-kumpaniji għandhom ukoll jiġu mħeġġa biex jindikaw fil-politiki ta' privatezza tagħhom meta japplikaw eċċezzjonijiet għall-Prinċipji biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali, tal-interess pubbliku jew tal-infurzar tal-liġi.

8.           Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Mill-adozzjoni tagħha fl-2000, l-Isfera ta' Sikurezza saret mezz għall-flussi tad-dejta personali bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-importanza ta’ protezzjoni effiċjenti fil-każ ta’ trasferimenti ta’ dejta personali żdiedet minħabba ż-żieda esponenzjali fil-flussi tad-dejta ta' importanza għall-ekonomija diġitali u l-iżviluppi sinifikanti ħafna fil-ġbir, l-ipproċessar u l-użu tad-dejta. Il-kumpaniji tal-Web bħal pereżempju Google, Facebook, Microsoft, Apple u Yahoo għandhom miljuni ta' klijenti fl-Ewropa u ttrasferixxew dejta personali għall-ipproċessar lill-Istati Uniti fuq skala li hija inkonċepibbli fis-sena 2000 meta inħolqot l-Isfera ta' Sikurezza. 

Minħabba nuqqasijiet fit-trasparenza u l-infurzar tal-arranġament, għad hemm problemi speċifiċi u għandhom jiġu indirizzati:

a) it-trasparenza tal-politiki ta’ privatezza tal-membri tal-Isfera ta' Sikurezza,

b) l-applikazzjoni effettiva tal-Prinċipji ta’ Privatezza minn kumpaniji fl-Istati Uniti, u

c) l-effittività tal-infurzar.

Barra minn hekk, l-aċċess fuq skala kbira mill-aġenziji tal-intelligence tad-dejta ttrasferita lill-Istati Uniti minn kumpaniji ċertifikati fl-Isfera ta' Sikurezza jqajjem mistoqsijiet serji addizzjonali fir-rigward it-tkomplija tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ewropej meta d-dejta tagħhom tiġi trasferita lejn l-Istati Uniti.

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni identifikat dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

It-Trasparenza

1. Il-kumpaniji awtoċertifikati għandhom jiżvelaw pubblikament il-politiki ta’ privatezza tagħhom. Mhuwiex biżżejjed li l-kumpaniji jipprovdu lid-Dipartiment tal-Kummerċ deskrizzjoni tal-politika ta’ privatezza tagħhom. Il-politiki ta’ privatezza għandhom jkun disponibbli għall-pubbliku fuq il-websajts tal-kumpaniji, f'lingwa ċara u konspikwa.

2. Il-politiki ta’ privatezza tal-websajts tal-kumpaniji awtoċertifikati għandhom dejjem jinkludu link għall-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ dwar l-Isfera ta' Sikurezza li jelenka il-membri "attwali" kollha tal-iskema. Dan se jippermetti lis-suġġetti Ewropej tad-dejta jivverifikaw minnufih, mingħajr aktar tiftix jekk il-kumpanija bħalissa hijiex membru tal-Isfera ta' Sikurezza. Dan jista’ jgħin biex tiżdied il-kredibbiltà tal-iskema billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet għal dikjarazzjonijiet foloz ta’ aderenza mal-Isfera ta' Sikurezza. F'Marzu 2013 id-Dipartiment tal-Kummerċ beda jitlob dan mill-kumpaniji, iżda l-proċess għandu jiġi intensifikat.

3. Il-kumpaniji awtoċertifikati għandhom jippubblikaw il-kundizzjonijiet ta’ privatezza ta’ kull kuntratt li jikkonkludu mas-sottokuntratturi, pereżempju s-servizzi tal-cloud computing. L-Isfera ta' Sikurezza tippermetti t-trasferimenti 'il quddiem minn kumpaniji awtoċertifikati fl-Isfera ta' Sikurezza għal partijiet terzi li jaġixxu bħala “aġenti”, pereżempju għall-fornituri tas-servizzi tal-clouds. Skont il-fehim tagħna, f’każijiet bħal dawn, id-Dipartiment tal-Kummerċ jitlob lill-kumpaniji awtoċertifikati biex jidħlu f’kuntratt. Madankollu, meta jidħlu f'kuntratt bħal dan, kumpanija fl-Isfera ta' Sikurezza għandha wkoll tinnotifika lid-Dipartiment tal-Kummerċ u tkun obbligata li tippubblika s-salvagwardji dwar il-privatezza.

4. Immarka b’mod ċar fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ il-kumpaniji kollha li mhumiex membri attwali tal-iskema. It-tikketta “Mhux attwali” fuq il-lista tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-membri tal-Isfera ta' Sikurezza għandha tkun akkumpanjata minn twissija ċara li kumpanija bħalissa mhux qed tissodisfa ir-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza. Madankollu, fil-każ ta’ “Mhux attwali” il-kumpanija hija obbligata li tkompli tapplika r-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza għad-dejta li tkun waslet fl-Isfera ta' Sikurezza.  

Ir-Rimedju

5. Il-politiki ta' privatezza fuq il-websajts tal-kumpaniji għandhom jinkludu link għall-fornitur tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) u/jew il-Panel tal-UE.  Dan jippermetti lis-suġġetti tad-dejta Ewropej jikkuntattjaw minnufih l-ADR jew il-Panel tal-UE fil-każ ta’ problemi. F'Marzu 2013 id-Dipartiment tal-Kummerċ beda jitlob dan mill-kumpaniji, iżda l-proċess għandu jiġi intensifikat.

6. L-ADR għandha tkun faċilment disponibbli u affordabbli. Xi korpi tal-ADR fl-iskema tal-Isfera ta' Sikurezza jkomplu jitolbu miżati minn individwi – li jistgħu jkunu pjuttost għaljin għal utent individwali – għall-ipproċessar tal-ilment (USD 200-250). B’kuntrast, fl-Ewropa l-access għall-Panel għall-Protezzjoni tad-Dejta previst biex isolvi l-ilmenti fl-Isfera ta' Sikurezza, huwa bla ħlas.

7. Id-Dipartiment tal-Kummerċ għandu jimmonitorja b’mod aktar sistematiku il-fornituri tal-ADR fir-rigward tat-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li jipprovdu dwar il-proċedura li jużaw u s-segwitu li jagħtu għall-ilmenti. Dan jagħmel is-soluzzjoni tat-tilwim mekkaniżmu effettiv u fdat li jipprovdi riżultati. Għandu wkoll jiġi mtenni li l-pubblikazzjoni ta’ sejbiet dwar in-nuqqas ta’ konformità għandha tiġi inkluża fil-firxa ta’ sanzjonijiet obbligatorji tal-ADRs.

L-Infurzar

8. Wara ċ-ċertifikazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid tal-kumpaniji fl-Isfera ta' Sikurezza, ċertu perċentwali ta’ dawn il-kumpaniji għandu jkun soġġett għal investigazzjonijiet ex officio tal-konformità effettiva tal-politiki ta’ privatezza tagħhom (li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti formali).

9. Kull meta jkun hemm sejba ta’ nuqqas ta’ konformità, wara ilment jew investigazzjoni, il-kumpanija għandha tkun soġġetta għal investigazzjoni speċifika ta’ segwitu wara sena.

10. F’każ ta’ dubji dwar il-konformità ta’ kumpanija jew ilmenti pendenti, id-Dipartiment tal-Kummerċ għandu jgħarraf lill-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE kompetenti.

11. Id-dikjarazzjonijiet foloz ta’ aderenza mal-Isfera ta' Sikurezza għandhom ikomplu jiġu investigati. Kumpanija li tiddikjara fuq il-websajt tagħha li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza, iżda mhijiex elenkata mid-Dipartiment tal-Kummerċ bħala membru "attwali" tal-iskema, tkun qed tqarraq lill-konsumaturi u tabbuża mill-fiduċja tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet foloz idgħajfu l-kredibbiltà tas-sistema kollha u għalhekk għandhom jitneħħew minnufih mill-websajts tal-kumpaniji.

L-aċċess mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti

12. Il-politiki ta’ privatezza tal-kumpaniji awtoċertifikati għandhom jinkludu informazzjoni dwar sa fejn il-liġi tal-Istati Uniti tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jiġbru u jipproċessaw id-dejta trasferita fl-Isfera ta' Sikurezza. B’mod partikolari l-kumpaniji għandhom ikunu mħeġġa li jindikaw fil-politiki ta' privatezza tagħhom meta japplikaw eċċezzjonijiet għall-Prinċipji biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali, tal-interess pubbliku jew tal-infurzar tal-liġi.

13. Huwa importanti li l-eċċezzjoni għas-sigurtà nazzjonali prevista fid-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza tintuża biss sa fejn huwa strettament meħtieġ jew proporzjonat.

[1]               L-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta jistipulaw il-qafas legali għat-trasferimenti tad-dejta personali mill-UE għal pajjiżi terzi barra miż-ŻEE.

[2]               Ġew stabbiliti regoli addizzjonali fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali sal-punt li t-tali trasferimenti jikkonċernaw dejta personali trasmessa jew magħmula disponibbli minn Stat Membru wieħed lil Stat Membru ieħor, li sussegwentement ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi dik id-dejta lil stat terz jew korp internazzjonali għall-fini ta' prevezjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' sanzjonijiet kriminali.

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 520/2000/KE tas-26 ta' Lulju 2000 skont id-Direttiva 95/46/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA fil-ĠU 215 tat-28 ta' Awwissu 2000, paġna 7.

[4]               Dan ta’ hawn fuq ma jeskludix l-applikazzjoni għall-ipproċessar tad-dejta ta’ rekwiżiti oħra li jistgħu jeżistu taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

[5]               It-trasferimenti tad-dejta mit-tliet Stati Parteċipanti liż-ŻEE huma affettwati b'mod simili, wara l-estensjoni tad-Direttiva 95/46/KE għall-Ftehim ŻEE, id-Deċiżjoni 38/1999 tal-25 ta' Ġunju 1999, ĠU L 296/41, 23.11.2000.

[6]               Skont xi studji, jekk il-flussi tad-dejta tas-servizzi u dawk transfruntiera kellhom jiġu interrotti bħala konsegwenza tad-diskontinwità tar-regoli korporattivi vinkolanti, il-mudelli tal-klawżoli kuntrattwali u l-Isfera ta’ sikurezza, l-impatt negattiv fuq l-PDG tal-UE jista’ jilħaq -0,8 % sa -1,3 % u l-esportazzjonijiet tas-servizzi tal-UE lejn l-Istati Uniti jonqsu bi -6,7 % minħabba telf ta’ kompetittività. Ara: “The Economic Importance of Getting Data Protection Right”, studju mwettaq miċ-Ċentru Ewropew għall-Ekonomija Politika Internazzjonali għall-Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, Marzu 2013

[7]               Studju tal-Valutazzjoni tal-Impatti mħejji għall-Kummissjoni Ewropea fl-2008 mis-Centre de Recherche Informatique et Droit ("CRID") tal-Università ta' Namur.

[8]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 520/2000/KE tas-26 ta' Lulju 2000 skont id-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni xierqa pprovduta mill-Prinċipji ta’ Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-FAQs relatati maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti", SEC (2002) 196, 13.12.2002.

[9]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Kummissjoni "L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 520/2000/KE dwar il-protezzjoni xierqa pprovduta mill-Prinċipji ta’ Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-FAQs relatati maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti", SEC (2004) 1323, 20.10.2004.

[10]             Jekk iċ-ċertifikazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid ta’ kumpanija tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tal-Isfera ta' Sikurezza, id-Dipartiment tal-Kummerċ jinnotifika lill-kumpanija u jitlob li jittieħdu passi (pereżempju kjarifiki, bidliet fid-deskrizzjoni tal-politiki) qabel ma ċ-ċertifikazzjoni tal-kumpanija tkun tista’ tiġi ffinalizzata.

[11]             Skont it-Titolu 49 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti t-Taqsima 41712.

[12]             B’mod aktar speċifiku, is-sospensjoni tat-trasferimenti tista' tkun meħtieġa f’żewġ sitwazzjonijiet, meta:

(a) il-korp Governattiv fl-Istati Uniti ddetermina li l-kumpanija qed tikser il-Prinċipji ta’ Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza; jew

(b) ikun hemm possibbiltà sostanzjali li l-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza mhux qed jiġu rispettati; hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-mekkaniżmu ta' infurzar ikkonċernat mhuwiex jew mhux se jieħu passi xierqa u fil-ħin biex isolvi l-każ inkwistjoni; it-trasferiment kontinwu se joħloq riskju imminenti ta' ħsara serja lis-suġġetti tad-dejta; u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu sforzi raġonevoli fiċ-ċirkostanzi biex jipprovdu lill-kumpanija avviż u opportunità li twieġeb.

[13]             Fis-26 ta' Settembru 2013 l-għadd ta' organizzazzjonijiet tal-Isfera ta' Sikurezza elenkati bħala "attwali" fuq il-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza kien 3246, u bħala "mhux attwali" kien 935.

[14]             Organizzazzjonijiet fl-Isfera ta' Sikurezza b'250 impjegat jew inqas: 60 % (1925 minn 3246). Organizzazzjonijiet fl-Isfera ta' Sikurezza b'251 impjegat jew aktar: 40 % (1295 minn 3246).

[15]             Pereżempju MasterCard ikollha x'taqsam ma' eluf ta’ banek u l-kumpanija hija eżempju ċar ta’ każ fejn l-Isfera ta' Sikurezza ma tistax tiġi sostitwita minn strumenti legali oħrajn għat-trasferimenti ta’ dejta personali bħal pereżempju regoli korporattivi vinkolanti jew arranġamenti kuntrattwali.

[16]             L-organizzazzjonijiet tal-Isfera ta' Sikurezza li jkopru d-dejta tar-riżorsi umani skont iċ-ċertifikazzjoni tagħhom tal-Isfera ta' Sikurezza (u b’hekk qablu li jikkooperaw u jikkonformaw mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE): 51 % (1671 minn 3246).

[17]             Ara d-Deċiżjoni Düsseldorfer Kreis tat-28/29 ta' April 2010. Ara: Beschluss der obersten Aufsichtsbehörden für den Datenschutz im nicht-öffentlichen Bereich am 28./29. April 2010 f'Hannover: http://www.bfdi.bund.de/SharedDocs/Publikationen/Entschliessungssammlung/DuesseldorferKreis/290410_SafeHarbor.pdf?__blob=publicationFile Madankollu, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (KEPD) Peter Hustinx esprima opinjoni fil-Kumitat ta' Inkjesta LIEBE tal-Parlament Ewropew fis-7 ta' Ottubru 2013 li “sar titjib sostanzjali u l-maġġoranza tal-kwistjonijiet issa ġew riżolti" f'dak li għandu x'jaqsam mal-Isfera ta' Sikurezza: https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/EDPS/Publications/Speeches/2013/13-10-07_Speech_LIBE_PH_EN.pdf

[18]             Ara Riżoluzzjoni ta’ Konferenza Ġermaniża ta’ kummissarji tal-protezzjoni tad-dejta li timplika li s-servizzi tal-intelligence jikkostitwixxu theddida enormi għat-traffiku tad-dejta bejn il-Ġermanja u pajjiżi barra l-Ewropa: http://www.bfdi.bund.de/EN/Home/homepage_Kurzmeldungen/PMDSK_SafeHarbor.html?nn=408870

[19]             Ara d-dikjarazzjoni tal-istampa tad-DPA tal-Lussemburgu fit-18 ta' Novembru 2013.

[20]             http://www.export.gov/SafeHarbour/

[21]             https://SafeHarbour.export.gov/list.aspx

[22]             Il-Gwida tinsab fil-websajt tal-programm fuq: http://export.gov/SafeHarbour/ Ħjiel ta' Għajnuna: http://export.gov/SafeHarbour/eu/eg_main_018495.asp

[23]             Fit-12 ta' Novembru 2013, id-Dipartiment tal-Kummerċ ikkonferma li "Illum, il-kumpaniji li għandhom websajts pubbliċi u li jkopru dejta tal-konsumaturi/klijenti/viżitaturi jridu jinkludu politika ta' privatezza li tikkonforma mal-Isfera ta' Sikurezza fuq il-websajts rispettivi tagħhom" (dokument: “U.S.-EU Cooperation to Implement the Safe Harbor Framework” tat-12 ta' Novembru 2013).

[24]             F'Settembru 2013, konsulenza Awstraljana Galexia qabblet "id-dikjarazzjonijiet foloz" tas-sħubija mal-Isfera ta' Sikurezza fl-2008 u l-2013. Is-sejba ewlenija tagħha hija li, b'mod parallel maż-żieda tas-sħubija fl-Isfera ta' Sikurezza bejn l-2008 u l-2013 (minn 1 109 għal 3 246), l-għadd ta' dikjarazzjonijiet foloz żdied minn 206 għal 427. http://www.galexia.com/public/about/news/about_news-id225.html

[25]       Bejn Marzu u Settembru 2013, id-Dipartiment tal-Kummerċ:

• Innotifika l-101 kumpanija li diġà tellgħu l-politika ta' privatezza tagħhom li tikkonforma mal-Isfera ta' Sikurezza fil-websajt tal-Isfera ta' Sikurezza li jridu wkoll itellgħu l-politika ta' privatezza tagħhom fil-websajts tal-kumpanija;

• Innotifika l-154 kumpanija li għadhom ma għamlux dan, li għandhom jinkludu link għall-websajt tal-Isfera ta' Sikurezza fil-politika ta' privatezza tagħhom;

• Innotifika aktar minn 600 kumpanija li għandhom jinkludu l-informazzjoni ta' kuntatt għall-fonitur indipendenti tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-politika ta' privatezza tagħhom.

[26]             Ara l-paġna 8 tar-Rapport tal-2004 SEC (2004) 1323.

[27]             Skont l-istatistika pprovduta f'Settembru 2013 mid-Dipartiment tal-Kummerċ, fl-2010 id-Dipartiment tal-Kummerċ innotifika 18 % (93) tal-512-il kumpanija ċertifikata għall-ewwel darba u 16 % (231) tal-1 417 kumpanija li ġeddu ċ-ċertifikazzjoni biex jagħmlu titjib fil-politiki ta' privatezza tagħhom u/jew fl-applikazzjonijiet tal-Isfera ta' Sikurezza. Madankollu, bħala segwitu għat-talbiet tal-Kummissjoni għal skrutinju strett, diliġenti u sistematiku tas-sottomissjonijiet kollha, sa nofs Settembru 2013, id-Dipartiment tal-Kummerċ innotifika 56 % (340) tas-602 kumpanija ċertifikata għall-ewwel darba u 27 % (493) tal-1 809 kumpanija li ġeddu ċ-ċertifikazzjoni biex jiltolbhom jagħmlu titjib fil-politiki ta' privatezza tagħhom.

[28]             Chris Connolly (Galexia) li deher quddiem il-Kumitat ta' Inkjesta LIBE tal-Parlament Ewropew fis-7 ta' Ottubru 2013.

[29]             Minn Diċembru 2011, id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti neħħa 323 kumpanija mil-Lista tal-Isfera ta' Sikurezza. Minn dawn, 94 kumpanija tneħħew minħabba li ma kinux għadhom operattivi, 88 kumpanija minħabba akkwist jew fużjoni, 95 fuq talba mill-kumpanija azzjonarja; 41 kumpanija minħabba nuqqas ripetut li jitolbu għal ċertifikazzjoni mill-ġdid u ħames kumpaniji minħabba raġunijiet diversi.

[30]             Il-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta huwa korp kompetenti fl-investigazzjoni u s-soluzzjoni tal-ilmenti mressqa minn individwi għal ksur allegat tal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza minn kumpanija tal-Istati Uniti li hija membru tal-Isfera ta' Sikurezza. Il-kumpaniji li jiċċertifikaw mal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza jridu jagħżlu li jikkonformaw ma’ mekkaniżmu ta’ rikors indipendenti jew li jikkooperaw mal-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta sabiex jirrimedjaw għall-problemi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità mal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza. Il-kooperazzjoni mal-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta hija obbligatorja meta kumpanija tal-Istati Uniti tipproċessa dejta personali tar-riżorsi umani trasferita mill-UE fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Jekk il-kumpanija timpenja ruħha li tikkoopera mal-Panel tal-UE, trid ukoll timpenja ruħha li tikkonforma ma’ kull parir mogħti mill-Panel tal-UE meta jkun tal-fehma li l-kumpanija teħtieġ tieħu azzjoni speċifika biex tikkonforma mal-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza, inklużi miżuri ta’ rimedju jew ta' kumpens.

[31]             Id-Dipartiment tat-Trasport jeżerċita ġurisdizzjonijiet simili fuq t-trasportaturi bl-ajru skont it-Titolu 49 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti Taqsima 41712.

[32]             L-ilment oriġina minn ċittadin Svizzeru u għalhekk il-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta bagħtitu lill-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta Svizzera (l-Istati Uniti għandhom skema tal-Isfera ta' Sikurezza separata għall-Isvizzera).

[33]             Ara l-Anness V tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000.

[34]            Matul il-perjodu mill-2009 sal-2012 il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ lestiet għaxar azzjonijiet ta' infurzar tal-impenji tal-Isfera ta' Sikurezza: Il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ (FTC) vs Javian Karnani, u Balls of Kryptonite, LLC (2009), World Innovators, Inc. (2009), Expat Edge Partners, LLC (2009), Onyx Graphics, Inc. (2009), Directors Desk LLC (2009), Progressive Gaitways LLC (2009), Collectify LLC (2009), Google Inc. (2011), Facebook, Inc. (2011), Myspace LLC (2012). Ara: “Federal Trade Commission of Safe Harbour Commitments”: http://export.gov/build/groups/public/@eg_main/@SafeHarbour/documents/webcontent/eg_main_052211.pdf  Ara wkoll: “Case Highlights”: http://business.ftc.gov/us-eu-Safe-Harbour-framework. Il-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet kienu jinvolvu problemi ma’ kumpaniji li ssieħbu mal-Isfera ta' Sikurezza iżda mbagħad komplew jirrappreżentaw lilhom infushom bħala membri mingħajr ma ġeddu ċ-ċertifikazzjoni annwali.

[35]             Dan l-impenn ittenna f'laqgħa tal-Kummissarju tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ Julie Brill mal-Awtoritajiet tal-UE tal-Protezzjoni tad-Dejta (l-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma) f'Brussell fis-17 ta' April 2013.

[36]             http://www.dataprotection.ie/viewdoc.asp?Docid=1317&Catid=66&StartDate=1+January+2013&m=n

[37]             Il-konsumaturi jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom permezz tal-Assistent għall-Ilmenti tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ      (https://www.ftccomplaintassistant.gov/) u l-konsumaturi internazzjonali jistgħu jressqu l-ilmenti permezz ta' econsumer.gov (http://www.econsumer.gov).

[38]             http://www.ftc.gov/os/caselist/0923081/090806karnanicmpt.pdf

[39]             http://www.ftc.gov/speeches/brill/131029europeaninstituteremarks.pdf  and http://www.ftc.gov/speeches/ramirez/131029tacdremarks.pdf

[40]             Ittra mill-President tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ Edith Ramirez lill-Viċi President Viviane Reding.

[41]             Ittra mill-President tal-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ Edith Ramirez lill-Viċi President Viviane Reding.

[42]             “U.S.-EU Cooperation to Implement the Safe Harbor Framework”, it-12 ta' Novembru 2013.

[43]             Skont ir-rapport tal-2004, Avviż ta' Informazzjoni fil-forma ta' mistoqsijiet u tweġibiet tal-Panel tal-UE għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni (DĠ Ġustizzja) bl-iskop li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-individwi u tgħinhom iressqu ilment meta jaħsbu li d-dejta personali tagħhom ġiet ipproċessata bi ksur tal-Isfera ta' Sikurezza: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/adequacy/information_Safe_harbour_en.pdf

                Il-formola standard għall-ilmenti tinsab hawnhekk http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/adequacy/ complaint_form_en.pdf

[44]             Il-"kunsiderazzjonijiet tal-ETNO" li waslu għand is-servizzi tal-Kummissjoni fl-4 ta' Ottubru 2013 jiddiskutu wkoll 1) id-definizzjoni tad-dejta personali fl-Isfera ta' Sikurezza, 2) in-nuqqas ta' monitoraġġ tal-Isfera ta' Sikurezza, 3) u l-fatt li "il-kumpaniji tal-Istati Uniti jistgħu jitrasferixxu dejta b'ħafna inqas restrizzjonijiet mill-kontropartijiet Ewropej tagħhom" li "jikkostitwixxi diskriminazzjoni ċara għall-kumpaniji Ewropej u qed jaffettwa l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej".  Skont ir-regoli tal-Isfera ta' Sikurezza, biex jiżvelaw informazzjoni lil parti terza, l-organizzazzjonijiet iridu japplikaw il-Prinċipji ta’ Notifika u Għażla. Meta organizzazzjoni tixtieq tittrasferixxi informazzjoni lil parti terza li tkun qed taġixxi bħala aġent, din tista’ tagħmel hekk jekk l-ewwel taċċerta li l-parti terza tkun tissottoskrivi għall-Prinċipji jew tkun soġġetta għad-Direttiva jew għal xi kostatazzjoni ta' l-adegwatezza oħra jew tidħol fi ftehim bil-miktub ma’ dik il-parti terza li jirrikjedi li l-parti terza tipprovdi mill-inqas l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ privatezza kif rikjest mill-Prinċipji relevanti.

[45]             Id-Direttiva tal-UE 2013/11/UE dwar l-ADR tal-konsumaturi tenfasizza l-importanza ta' proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim indipendenti, imparzjali, trasparenti, effettivi, rapidi u ġusti.

[46]             Pereżempju, fornituri ewlieni ta' servizzi ("TRUSTe") irrapporta li rċieva 881 talba fl-2010, iżda li tlieta minnhom biss tqiesu ammissibbli u kellhom raġunijiet validi, u dawn wasslu għall-fatt li l-kumpanija kkonċernata ntalbet biex tbiddel il-politika ta' privatezza u l-websajt tagħha. Fl-2011, l-għadd ta' ilmenti kien ta' 879 u f'każ wieħed il-kumpanija ntalbet tbiddel il-politika ta' privatezza tagħha. Skont id-Dipartiment tal-Kummerċ, il-biċċa l-kbira tal-ilmenti lill-ADR huma talbiet mingħand il-konsumaturi, pereżempju utenti li nsew il-password tagħhom u ma setgħux jiksbuh mis-servizz tal-internet. Wara talbiet mingħand il-Kummissjoni, id-Dipartiment tal-Kummerċ żviluppa kriterji ta’ rappurtaġġ tal-istatistika ġodda li jridu jintużaw mill-ADR kollha. Dawn jiddistingwu bejn talbiet sempliċi u ilmenti u jipprovdu aktar kjarifika tat-tipi tal-ilmenti riċevuti. Madankollu, dawn il-kriterji ġodda jeħtieġu li jiġu diskussi sabiex jiġi żgurat li l-istatistika ġdida fl-2014 tikkonċerna l-fornituri tal-ADR kollha, tkun tista' titqabbel u tipprovdi informazzjoni kritika biex wieħed jaċċedi għall-effettività tal-mekkaniżmu tar-rikors.  

[47]             International Centre for Dispute Resolution / American Arbitration Association (ICDR/AAA), jitlob "miżata ta' reġistrazzjoni" ta' USD 200 u JAMS USD 250. Id-Dipartiment tal-Kummerċ għarraf lill-Kummissjoni li kien ħadem mal-AAA, l-aktar fornitur għali għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-individwi, biex jiżviluppaw programm speċifiku għall-Isfera ta' Sikurezza li naqqas l-ispiża għall-konsumaturi minn eluf ta’ dollari għal rata fissa ta’ USD 200.

[48]             Ara FAQ 11.

[49]             Eżempji: Amazon għarrfet lid-Dipartiment tal-Kummerċ li tuża l-BBB bħala fornitur tas-soluzzjoni tat-tilwim tagħha. Madankollu, il-BBB ma jelenkax lil Amazon fost il-parteċipanti tas-soluzzjoni tat-tilwim tiegħu. Bil-kontra, Arsalon Technologies (www.arsalon.net), fornitur tas-servizzi li jospitaw il-clouds, jidher fuq il-lista tas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Isfera ta' Sikurezza tal-BBB iżda l-kumpanija bħalissa mhijiex membru tal-Isfera ta' Sikurezza (is-sitwazzjoni fl-1 ta’ Ottubru 2013).  BBB, TRUSTe u fornituri tas-servizzi tal-ADR oħra għandhom ineħħu jew jikkoreġu d-dikjarazzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni. Dawn għandhom ikunu marbuta b’rekwiżit infurzabbli biex jiċċertifikaw biss il-kumpaniji li huma membri tal-Isfera ta' Sikurezza. 

[50]             Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE paġna 7 (trasferiment 'il quddiem).

[51]             Ara: “Clarifications Regarding the U.S.-EU Safe Harbor Framework and Cloud Computing”: http://export.gov/static/Safe%20Harbor%20and%20Cloud%20Computing%20Clarification_April%2012%202013_Latest_eg_main_060351.pdf 

[52]             Dawn ir-rimarki jikkonċernaw il-fornituri tal-clouds li mhumiex fl-Isfera ta' Sikurezza. Skont id-ditta ta' konsulenza Galexia, “il-livell tas-sħubija tal-Isfera ta' Sikurezza (u l-konformità) fost il-fornituri tas-serivizzi tal-clouds huwa pjuttost għoli. Il-fornituri tas-servizzi tal-clouds tipikament għandhom diversi saffi ta’ protezzjoni tal-privatezza, li sikwit jużaw flimkien kuntratti diretti mal-klijenti kif ukoll politiki ta’ privatezza komprensivi. B’eċċezzjoni importanti waħda jew tnejn, il-fornituri tas-servizzi tal-clouds fl-Isfera ta' Sikurezza huma konformi mad-dispożizzjonijiet ewlenin relatati mas-soluzzjoni tat-tilwim u l-infurzar. Ma hemm l-ebda fornitur ewlieni tas-servizzi tal-clouds fil-lista ta' dikjarazzjonijiet foloz dwar is-sħubija bħalissa." (Chris Connolly minn Galexia li deher quddiem il-Kumitat ta' Inkjesta LIBE dwar "Is-Sorveljanza Elettronika tal-Massa taċ-Ċittadini tal-UE").

[53]             Ara l-Anness 1 tad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza: "Osservanza ma’ dawn il-Prinċipji tista’ tkun illimitata: (a) għal-limitu meħtieġ biex jintlaħaqu l-ħtiġiet ta’ sigurtà, l-interess pubbliku, jew tal-liġi; (b) bi statut, regolament governattiv, jew deċiżjonijiet tal-qrati li joħolqu obbligazzjonijiet konflinġenti jew awtorizzazzjonijiet espliċiti, basta li, bl-eżerċitar ta’ xi awtorizzazzjoni bħal din, organizzazzjoni tkun tista’ turi li n-nuqqas ta’ konformità tagħha mal-Prinċipji hija llimitata għal-limiti meħtieġa biex tilħaq l-interessi leġittimi ġenerali imħeġġa b’awtorizzazzjoni bħal din; jew (ċ) jekk l-effett ta’ din id-Direttiva fuq il-liġi ta’ Stat Membru hija li tħalli eċċezzjonijiet jew derogazzjonijiet, basta li dawn l-eċċezzjonijiet jew derogazzjonijiet ikunu applikabbli f’kuntesti kumparabbli. Konsistenti mal-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni ta’ privatezza, organizzazzjonijiet għandhom jagħmlu l-almu li jimplimentaw dawn il-Prinċipji bis-sħiħ u bit-trasparenza, inkluż l-indikazzjoni tal-istrateġiji tagħhom ta’ privatezza meta eċċezzjonijiet għal Prinċipji permessi permezz b’(b) ta’ hawn fuq għandha tkun applikabbli fuq bażi regolari. Għall-istess raġuni, meta l-għażla tkun permissibli permess tal-Prinċipji u/jew il-liġi tal-U.S., organizzazzjonijiet huma mistennija li jagħżlu l-protezzjoni iktar għolja meta jkun possibbli.”

[54]             Opinjoni 4/2000 dwar il-livell ta' protezzjoni provdut mill-"Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza", adottata permezz tal-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta fis-16 ta' Mejju 2000.

[55]             Opinjoni 4/2000 dwar il-livell ta' protezzjoni provdut mill-"Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza", adottata permezz tal-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta fis-16 ta' Mejju 2000.

[56]             Informazzjoni relattivament trasparenti f’dan ir-rigward hija pprovduta minn xi kumpaniji Ewropej fl-Isfera ta' Sikurezza. Pereżempju Nokia, li għandu operazzjonijiet fl-Istati Uniti u huwa membru tal-Isfera ta' Sikurezza, jipprovdi l-avviż li ġej fil-politika ta' privatezza tiegħu: “We may be obligated by mandatory law to disclose your personal data to certain authorities or other third parties, for example, to law enforcement agencies in the countries where we or third parties acting on our behalf operate.”

Top