This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0844
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the joint review of the implementation of the Agreement between the European Union and the United States of America on the processing and transfer of passenger name records to the United States Department of Homeland Security
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' entrati fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipertimant tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' entrati fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipertimant tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
/* COM/2013/0844 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' entrati fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lid-Dipertimant tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti /* COM/2013/0844 final */
RAPPORT
TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar
ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni
Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment
ta' entrati fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri
lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti Il-Ftehim preżenti bejn l-Istati
Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta'
entrati fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri
lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti daħal
fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012. Il-Ftehim
jipprovdi li għandu jsir l-ewwel rieżami konġunt sena wara li
jidħol fis-seħħ u mbagħad b’mod regolari kif maqbul b’mod
konġunt. Din ir-rieżami konġunt sar fit-8 u
d-9 ta’ Lulju 2013 f’Washington. L-attenzjoni prinċipali
tiegħu kienet fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b’attenzjoni partikolari
għall-metodu tat-trażmissjoni tal-entrati fir-reġistri
tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) kif ukoll it-trasferiment
ulterjuri tal-entrati fil-PNR kif stabbilit fl-artikoli relevanti tal-Ftehim, u
skont il-premessa Nru 18 tal-Ftehim. Ir-rieżami
konġunt huwa bbażat fuq il-metodoloġija żviluppata bejn
it-timijiet mill-UE u mill-Istati Uniti għall-ewwel rieżami
konġunt tal-Ftehim PNR tal-2004, li sar f’Settembru 2005. L-ewwel
parti ta' din il-metodoloġija kienet tikkonsisti minn kwestjonarju
mibgħut mill-Kummissjoni Ewropea lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna
tal-Istati Uniti (DHS), qabel ir-rieżami konġunt. Id-DHS ipprovda
t-tweġibiet bil-miktub għall-kwestjonarju qabel ir-rieżami
konġunt. It-tieni parti kienet tikkonsisti minn żjara fil-post
f'ċentru tal-operazzjonijiet tad-DHS mit-tim tal-UE. It-tielet parti
kienet tikkonsisti minn laqgħa bejn rappreżentanti tad-DHS,
tad-Dipartiment tal-Ġustizzja u tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati
Uniti, it-tim tal-UE u mill-Uffiċċju tal-Privatezza tad-DHS, li
ddiskutew fid-dettall l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Qabel
ir-rieżami konġunt l-Uffiċċju tal-Privatezza tad-DHS wettaq
rieżami intern tal-implimentazzjoni mid-DHS tal-Ftehim. Dan
ir-rieżami sar biex jiġi ddeterminat jekk id-DHS hux qed jopera
f'konformità mal-istandards u r-rappreżentanzi fil-Ftehim mal-UE. It-tim
tal-UE sab li d-DHS kien qed jimplimenta l-Ftehim f’konformità
mal-kundizzjonijiet stipulati fih. Pereżempju d-DHS juża filtri
effettivi biex tiġi eliminata dejta li ma jkollhiex rabta mal-Istati
Uniti, kif ukoll dejta tal-PNR li ma tkunx taqa' fid-19-il kategorija deskritti
fl-Anness ta’ dan il-Ftehim. Il-ħabi u t-tħassir ta’ dejta sensittiva
jiġu rispettati u d-DHS iddikjara li qatt ma aċċessa dejta
sensittiva għal finijiet operattivi. Id-DHS
jimplimenta wkoll l-impenji tiegħu fir-rigward tad-drittijiet
tal-passiġġieri, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti
tal-informazzjoni xierqa lill-passiġġieri u l-implimentazzjoni
tad-dritt għal aċċess mingħajr eżenzjonijiet.
Madankollu, dan għandu jiġi kkunsidrat kontra r-raba’
rakkomandazzjoni magħmula hawn taħt li tindirizza l-ħtieġa
li jkun hemm trasparenza akbar fejn jidħlu l-mekkaniżmi ta’ rimedju
disponibbli għall-passiġġieri. Il-kondiviżjoni
ta' dejta ma' aġenziji domestiċi oħrajn ssir mid-DHS skont dan
il-Ftehim. Il-kondiviżjoni ssir każ b’każ, tiġi
rreġistrata u ssir fuq il-bażi ta’ fehim bil-miktub.
Il-kondiviżjoni tad-dejta ma' pajjiżi terzi hija wkoll interpretata
b’mod strett, u hija wkoll konformi mal-Ftehim. Bħala
rakkomandazzjoni ġenerali, qed issir ir-rakkomandazzjoni li jsir
rieżami ieħor tal-Ftehim mill-Uffiċċju tal-Privatezza
tad-DHS qabel ir-rieżami konġunt li jmiss. Iż-żewġ
naħat jissuġġerixxu li jiġi organizzat ir-rieżami li
jmiss matul l-ewwel nofs tal-2015. Qed issir ukoll
ir-rakkomandazzjoni li kemm jista' jkun malajr issir il-qalba sħiħa
għall-metodu “push” u f’kull każ mhux aktar tard
mill-1 ta’ Lulju 2014, kif mitlub fl- Artikolu 15(4)
tal-Ftehim. Qed issir ukoll
ir-rakkomandazzjoni li l-Istati Uniti u l-UE jaħdmu flimkien biex
jippromwovu l-użu ta’ standards ta’ trasmissjoni komuni, b’mod partikolari
l-istandard PNRGOV kif żviluppat mill-IATA, il-linji tal-ajru, u l-Gvern.
F’dan ir-rigward ikun pożittiv kieku d-diskussjonijiet fl-IATA dwar
standard komuni “push” iwasslu wkoll għal standard komuni għal “push”
ad hoc. Minkejja
l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għad hemm il-bżonn ta' xi titjib. L-ewwel nett, dan jikkonċerna meta jibda l-perjodu ta’ sitt
xhur li jiskatta d-depersonalizzazzjoni tal-PNR skont l-Artikolu 8(1)
tal-Ftehim. Bħalissa, jitqies li dan il-perjodu jkun beda biss malli jsir
l-aktar aġġornament riċenti fil-PNR fis-Sistema Awtomatika ta'
Individwazzjoni tad-DHS (Automated Targeting System -ATS) li
ġġorr il-PNR, mhux meta l-PNR jiddaħħal fl-ATS. Qed issir
ir-rakkomandazzjoni li l-perjodu jitqies li jkun beda fil-jum li fih il-PNR
jiddaħħal fl-ATS (l-hekk imsejħa ATS Load Date) li huwa l-ewwel
jum li fih id-dejta tinħażen fl-ATS, minflok ma titkompla l-prattika
attwali, li tittardja l-bidu tal-perjodu ta’ sitt xhur (sakemm isir
l-aħħar aġġornament tal-PNR fl-ATS). It-tieni,
għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-użu
tal-metodu ad hoc "pull". Qed issir ir-rakkomandazzjoni li d-DHS,
minbarra r-reġistru li għandu bħalissa, iżomm
reġistrazzjoni aħjar bir-raġunijiet li għalihom jiġi
applikat il-metodu "pull" ad hoc f'kull każ,
ħaġa li tippermetti valutazzjoni aħjar tal-proporzjonalità u
awditjar aktar effettiv tal-użu tiegħu, li hu maħsub bħala
eċċezzjoni għar-regola. It-tielet,
id-DHS qed jintalab jirrispetta l-impenn tiegħu sabiex jiżgura
r-reċiproċità u b’mod proattiv jikkondividi entrati individwali
fil-PNR individwali u l-informazzjoni analitika li toriġina mid-dejta
tal-PNR mal-Istati Membri tal-UE u fejn ikun xieraq mal-Europol u l-Eurojust. Ir-raba’, qed
jingħata l-parir li tiġi pprovduta aktar trasparenza dwar
il-mekkaniżmi ta’ rimedju disponibbli skont il-liġi tal-Istati Uniti.
Tali trasparenza għandha tippermetti li l-passiġġieri li ma
jkunux ċittadini jew residenti legali tal-Istati Uniti jikkontestaw
id-deċiżjonijiet tad-DHS relatati mal-użu tad-dejta tal-PNR,
b’mod partikolari meta l-użu ta’ tali dejta jkun jista’ jikkontribwixxi għal
rakkomandazzjoni biex trasportatur jiċħad l-imbark. Fl-aħħar
nett, id-DHS implimentata wkoll miżuri li jmorru lil hinn
mir-rekwiżiti tal-Ftehim. Id-DHS jipprevedi li jinnotifika
lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 48 siegħa wara aċċess
għal entrati sensittivi fil-PNR. Id-DHS daħħal proċedura
ġdida biex f'kull kwart jissorvelja u jeżamina l-implimentazzjoni
tal-ATS u janalizza x-xenarji, l-analiżi u r-regoli kollha mmirati lejn
l-ivvjaġġar biex jaċċerta li jkunu proporzjonati sabiex
jiġi minimizzat l-impatt fuq id-drittijiet ċivili u l-privatezza ta'
vjaġġaturi bona fide, u sabiex tiġi evitata
diskriminazzjoni kontra l-vjaġġaturi. Minkejja
l-Artikolu 23(1) dwar evalwazzjoni konġunta tal-Ftehim erba’ snin
wara d-dħul tiegħu fis-seħħ, valutazzjoni preliminari dwar
jekk il-PNR hux qiegħed jaqdi l-iskop li jkun ta' appoġġ
fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati oħra li huma fin-natura
tagħhom transnazzjonali wriet li l-PNR jipprovdi lid-DHS bil-possibbiltà
li jwettaq valutazzjonijiet ta’ qabel it-tluq tal-passiġġieri kollha
sa 96 siegħa qabel, ħaġa li tagħti lid-DHS żmien
biżżejjed biex jagħmel il-verifiki kollha tal-isfond qabel
il-wasla ta’ passiġġier u biex jipprepara r-reazzjoni tiegħu.
Dan l-ipproċessar jappoġġa wkoll id-DHS meta jkun qed
jiddeċiedi jekk passiġġier għandux jimbarka fuq ajruplan
jew le. Jagħti wkoll lid-DHS l-opportunità biex jagħmel
valutazzjonijiet ta’ riskju fuq il-bażi ta’ regoli mmirati bbażati
fuq kuntest sabiex jiġu identifikati l-individwi "mhux
magħrufa" li jkunu potenzjalment ta' riskju għoli. Il-PNR
jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jsiru assoċjazzjonijiet bejn
il-passiġġieri u jiġu identifikati kriminali li jkunu
jappartjenu għall-istess grupp ta’ kriminalità organizzata. Skont id-DHS,
il-PNR jintuża wkoll b’suċċess fl-identifikazzjoni ta’ xejriet
ta' kif għandhom mnejn iġibu ruħhom il-kriminali meta
jivvjaġġaw, pereżempju billi jifhem liema huma r-rotot li
jużaw. Ir-rapport
tar-rieżami konġunt, anness ma’ din il-Komunikazzjoni, jikkonsisti
minn tliet kapitoli. Il-Kapitolu 1 jagħti ħarsa ġenerali
lejn l-isfond tar-rieżami u l-iskop u l-aspetti proċedurali
tal-eżerċizzju. Il-Kapitolu 2 jippreżenta r-riżultati
ewlenin tar-rieżami konġunt u l-kwistjonijiet li għad iridu
jiġu indirizzati mid-DHS. Dan il-Kapitolu huwa ssupplimentat
mill-Anness A li fih il-kwestjonarju u t-tweġibiet tad-DHS
għalih. Fl-aħħar nett, il-Kapitolu 3 jippreżenta
l-konklużjonijiet ġenerali tal-eżerċizzju. L-Anness B
jippreżenta l-kompożizzjoni tat-timijiet tal-UE u tal-Istati Uniti li
wettqu l-eżerċizzju ta’ rieżami.