Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0777

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-AĦĦAR RAPPORT TA' PROGRESS DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN TAT-TIENI ĠENERAZZJOPNI (SIS II) Jannar 2013 - Mejju 2013

    /* COM/2013/0777 final */

    52013DC0777

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-AĦĦAR RAPPORT TA' PROGRESS DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN TAT-TIENI ĠENERAZZJOPNI (SIS II) Jannar 2013 - Mejju 2013 /* COM/2013/0777 final */


    Werrej

    1.      Status tal-Proġett. 3

    1.1.       Ħarsa ġenerali tal-progress matul il-perjodu li qed jiġi rieżaminat. 3

    1.2.       L-attivitajiet ta’ ttestjar. 3

    1.3.       Is-sigurtà tan-netwerk SIS II. 5

    1.4.       Migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. 5

    1.4.1.        Il-qafas legali 5

    1.4.2.        Prerekwiżiti għall-bidu tal-operat 5

    1.4.3.        Migrazzjoni teknika tad-dejta. 6

    1.4.4.        Bidla. 7

    1.4.5.        Il-Perjodu ta’ Monitoraġġ Intensiv. 8

    2.      Ġestjoni. 8

    2.1.       L-aspetti finanzjarji 8

    2.1.1.        Il-Baġit tas-SIS II. 8

    2.1.2.        Finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp nazzjonali tal-Istati Membri 8

    2.2.       Il-ġestjoni operattiva. 9

    2.2.1.        It-tranżizzjoni għas-C.SIS (Centre de Systèmes d'Information Schengen). 9

    2.2.2.        L-Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA). 9

    2.3.       Il-ġestjoni tal-proġett. 10

    2.3.1.        Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali (BĠPG). 10

    2.3.2.        Il-Kumitat SIS-VIS (SIS II). 10

    2.3.3.        L-ippjanar u l-koordinazzjoni nazzjonali 10

    2.3.4.        Il-Kunsill 10

    2.3.5.        Il-Parlament Ewropew.. 11

    2.3.6.        Il-kampanja ta’ informazzjoni dwar is-SIS II. 11

    2.3.7.        Il-ġestjoni tar-riskji 11

    3.      Il-prijoritajiet għall-ġejjieni. 12

    4.      Konklużjoni. 12

    Introduzzjoni

    Dan ir-rapport ta' progress huwa l-aħħar rapport li ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008[1] u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008[2] dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-SIS II bħala riformulazzjoni (l-hekk imsejħa strumenti ta' migrazzjoni).

    Hu jiddeskrivi x-xogħol imwettaq minn Jannar 2013 sakemm jiskadu l-istrumenti ta' migrazzjoni msemmija hawn fuq fit-8 ta’ Mejju 2013 dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u tal-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.

    1. Status tal-Proġett

    1.1. Ħarsa ġenerali tal-progress matul il-perjodu li qed jiġi rieżaminat

    Abbażi tal-progress kostanti li sar fl-iżvilupp tas-sistema ċentrali u s-sistemi nazzjonali, il-passi kollha ta' tħejjija li jwasslu għall-migrazzjoni effettiva ta’ dejta mis-SIS1+ għas-SIS II ġew finalizzati matul dan il-perjodu ta’ rapportar. Il-proċess ta’ migrazzjoni kien mitmum b’suċċess mal-bidla għas-sistema l-ġdida fid-9 ta’ April 2013 u l-operat bla xkiel tas-sistema matul il-perjodu ta’ monitoraġġ intensiv sussegwenti.

    1.2. L-attivitajiet ta’ ttestjar

    Bħala segwitu għas-serje ta’ testijiet eżegwiti matul l-2012 sabiex jiġu aċċertati l-funzjonament, il-prestazzjoni u l-interazzjoni xierqa tas-sistemi nazzjonali u tas-sistema ċentrali, ftit Stati Membri li, minħabba riżultati insuffiċjenti f’xi testijiet, wettqu r-ripetizzjonijiet tat-testijiet neċessarji li kien fadal f’Jannar 2013. Kif spjegat fir-rapport preċedenti, il-Finlandja ħabbtet wiċċha ma’ diffikultà teknika ewlenija fl-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tagħha u għażlet li twettaq il-pjan B abbażi ta' soluzzjoni teknika alternattiva. Sabiex tlaħħaq mal-Istati Membri l-oħra biex tibda l-proċess ta’ migrazzjoni live, il-Finlandja reġgħet għamlet it-testijiet finali kollha inkluż it-test komprensiv. L-appoġġ tal-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Proġett li kien jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-kuntratturi ewlenin, ta prova li kien strumentali għas-suċċess ta’ dan l-eżerċizzju addizzjonali.

    (a)          Test ta’ Konformità Estiż (CTE)

    Peress li hija l-aħħar Stat Membru li se tkun lesta, il-Finlandja wettqet b’suċċess dan it-test ta' konformità tas-sistemi nazzjonali bl-ispeċifikazzjonijiet SIS II fil-bidu tal-2013 u ssieħbet mal-Istati Membri l-oħra li kellhom jerġgħu jagħmlu t-test komprensiv.

    (b)          Test komprensiv

    It-test komprensiv irrappreżenta prekondizzjoni teknika u legali għall-bidu tal-operat tas-SIS II[3] u għalhekk involva l-ittestjar tal-komponenti ewlenin kollha tas-SIS II — is-Sistema Ċentrali, is-sistemi kollha nazzjonali u n-netwerk.

    Il-maġġoranza tal-Istati Membri kienu diġà wettqu din il-kampanja tal-ittestjar finali b’suċċess fit-tieni nofs tal-2012 kif oriġinarjament skedat. Madankollu, minħabba problemi li ltaqgħu magħhom fil-livell nazzjonali ħames Stati Membri, kienu meħtieġa ripetizzjonijiet tat-testijiet lil hinn mill-iskeda ta' ħin iddedikat. B'mod konkret, il-Polonja u l-Isvizzera kellhom bżonn jirrepetu każ wieħed mit-test u d-Danimarka u l-Finlandja kellhom bżonn jirrepetu l-fażi kollha tat-test. Sabiex titneħħa r-riżerva li tpoġġiet fuq il-verdett tat-test tiegħu, il-Belġju talab li jerġa' jwettaq b'mod parzjali l-kampanja tat-test komprensiv.

    Eventwalment, l-Istati Membri kollha kkonċernati rnexxielhom jgħaddu l-kumplament tar-ripetizzjonijiet tat-testijiet li saru fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar 2013. Is-Sistema Ċentrali tas-SIS II kif ukoll l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni wrew li għandhom prestazzjoni tajba u stabbli matul dawn ir-ripetizzjonijiet tat-test komprensiv.

    (c) It-testijiet[4] funzjonali SIRENE

    Erba’ Stati Membri inkluża l-Finlandja kellhom jirrepetu t-test fuq l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari (it-test funzjonali SIRENE) fil-ġimgħa li bdiet fit-28 ta’ Jannar 2013. Filwaqt li dan it-test jaqa’ fi ħdan ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni pprovdiet is-Sistema Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għat-twettiq tat-test. Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Isvezja u l-Finlandja fl-aħħar mill-aħħar issodisfaw l-kriterji ta’ ħruġ tat-testijiet u l-Grupp ta' Ħidma dwar Materji Relatati ma' Schengen (SIS/formazzjoni SIRENE) approva formalment ir-riżultati tat-testijiet fil-15 ta’ Frar 2013.

    (d)          It-test relatat mal-iskambju ta' formoli SIRENE

    Minbarra t-test funzjonali SIRENE li kien meħtieġ skont l-istrumenti legali tal-migrazzjoni, l-Istati Membri ddeċidew li jwettqu test informali relatat mal-iskambju ta' formoli SIRENE fejn l-Istati Membri kollha skambjaw sett sħiħ ta’ formoli SIRENE mal-Istati Membri l-oħra. Il-kampanja ta’ ttestjar saret f’Marzu 2013 u tlestiet b’riżultati pożittivi.

    Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kaxxi tal-ittri funzjonali SIRENE kienu wkoll ittestjati b’suċċess f'Marzu.

    (e)          Testijiet oħrajn

    Saru wkoll xi testijiet mal-Istati Membri dwar il-funzjonament korrett ta’ żewġ għodod kumplimentari li jkunu użati għall-ġestjoni operattiva tas-SIS II:

    · L-ewwel għodda tintuża mill-operaturi tas-sistemi nazzjonali biex jiftħu l-biljetti ta' servizz lill-operatur tas-sistema ċentrali. L-għan tal-għodda huwa li jiġu identifikati u jkun hemm segwitu ta' kwalunkwe kwistjoni teknika li titqajjem bl-użu tas-SIS II.

    · It-tieni għodda hija sistema ta’ skambju ta’ messaġġi fuq l-internet bejn l-operaturi. Bħala eżempju, meta titwettaq manutenzjoni fuq is-sistema ċentrali, l-operatur jinforma lill-operaturi kollha tas-sistemi nazzjonali li jużaw din l-għodda.

    L-ebda waħda mill-għodod ma tintuża għall-iskambju ta’ messaġġi SIS II. Huma mfassla biex jiskambjaw informazzjoni meħtieġa biex iżommu s-sistema taħdem.

    It-testijiet taż-żewġ għodod kienu mwettqa b’suċċess mill-aħħar ta’ Frar sal-bidu ta’ April 2013.

    1.3. Is-sigurtà tan-netwerk SIS II

    Għal skopijiet operattivi, l-Istati Membri għandhom interfaċċji ewlenin u ta' riżerva man-netwerk ta’ komunikazzjoni fuq żona wiesgħa, li jippermettu li jkun hemm komunikazzjoni sikura bejn is-sistemi ċentrali u nazzjonali.

    Abbażi tal-ittestjar b’suċċess, kif approvat mill-Kumitat SIS-VIS, is-soluzzjoni teknika għat-tieni saff ta’ kriptaġġ li tkompli ssaħħaħ is-sigurtà tan-netwerk SIS II ġiet varata b’suċċess fl-aħħar ta’ Frar 2013.

    1.4.        Migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II

    1.4.1.    Il-qafas legali

    Il-qafas legali stabbilit għall-istadju finali tal-proġett SIS II ġie kkonsolidat fi tmiem il-perjodu preċedenti ta’ rapportar permezz tar-riformulazzjoni tal-istrumenti tal-migrazzjoni applikabbli mit-30 ta’ Diċembru 2012. Dan żgura proċess ta' migrazzjoni lagalment sod u teknikament ottimizzat u l-possibbiltà ta’ appoġġ finanzjarju żejjed għall-proġetti nazzjonali fir-rigward tal-attivitajiet ta' migrazzjoni.

    1.4.2.       Prerekwiżiti għall-bidu tal-operat

    Il-bażi legali tas-SIS II tistipula ċertu għadd ta’ prerekwiżiti qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar il-bidu tal-operat tas-SIS II.  Tabilħaqq id-data ta’ meta jibda l-operat setgħet biss tiġi stabbilita meta:

    ġew adottati l-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa;

    L-aħħar miżura ta’ implimentazzjoni pendenti kienet id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Manwal SIRENE u miżuri oħra ta’ implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengentat-tieni ġenerazzjoni[5], li ġiet adottata fis-26 ta’ Frar kif imsemmi hawn fuq.

    l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-SIS 1+ innotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw dejta tas-SIS II u jiskambjaw informazzjoni supplimentari;

    Wara t-tlestija tat-test funzjonali SIRENE, l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fis-SIS 1+ innotifikaw lill-Kummissjoni li huma kienu għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw dejta tas-SIS II u jiskambjaw informazzjoni supplimentari.

    il-Kummissjoni ddikjarat it-tlestija b'suċċess ta' test komprensiv tas-SIS II, li għandu jitmexxa mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, u l-korpi preparatorji tal-Kunsill ivvalidaw ir-riżultat propost tat-test u kkonfermaw li l-livell ta' prestazzjoni tas-SIS II huwa tal-inqas ekwivalenti għal dak miksub mis-SIS 1+;

    Wara l-validazzjoni tal-verdett propost li "għadda" għas-Sistema Ċentrali, in-netwerk s-Testa u s-sistemi nazzjonali mill-Grupp ta' Ħidma dwar Materji Relatati ma' Schengen (formazzjoni SIS-TECH) fis-6 ta’ Frar, il-Kummissjoni ddikjarat fil-COREPER tal-20 ta’ Frar li l-għanijiet tat-test komprensiv intlaħqu, b’mod partikolari li:

    - il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ kienu lestew l-arranġamenti tekniċi neċessarji biex jipproċessaw id-dejta tas-SIS II u

    - il-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwa tal-anqas ekwivalenti għal dak miksub mis-SIS 1+;

    - il-Kummissjoni għamlet l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex tippermetti li s-SIS II Ċentrali tkun konnessa man-N.SIS II tal-Istati Membri kkonċernati.

    - L-N.SIS II fl-Istati Membri kollha kienu konnessi mas-SIS II Ċentrali mill-25 ta’ Jannar 2013.

    Billi ġew issodisfati l-prerekwiżiti kollha stipulati mill-bażi legali SIS II, il-Kunsill tal-ĠAI (7-8 ta’ Marzu 2013) adotta żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu d-data tal-applikazzjoni tal-bażi legali tas-SIS II għad-9 ta’ April 2013, li fil-prattika tikkorrispondi mad-data minn meta tiġi attivata s-SIS II.

    1.4.3.       Migrazzjoni teknika tad-dejta

    L-aħħar test tal-konvertitur ipprovdut mill-Kummissjoni bħala l-qalba tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni ġie eżegwit b’suċċess f’Jannar 2013, f'ħin xieraq li jippermetti l-migrazzjoni tad-dejta live mis-SIS 1+ għas-SIS II. Wara l-provi ta' migrazzjoni u l-attivitajiet ta’ tindif ta’ dejta, rispettivament organizzati u appoġġjati mill-Kummissjoni, il-migrazzjoni tad-dejta live bdiet fit-22 ta’ Jannar 2013.

    L-ewwel pass tal-migrazzjoni kien jikkonsisti fit-trasformazzjoni ta' 46,7 miljun twissija tal-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ f'dejta konsistenti mal-mudell tad-dejta SIS II permezz tal-konvertitur. Waqt dan l-operat, li sar bejn it-22 ta’ Jannar u 6 ta’ Frar 2013, l-operati kollha ġodda ta' ħolqien / aġġornament / tħassir imwettqa fuq il-bażi tad-dejta SIS1+ kienu temporanjament maħżuna fil-kjus tal-konvertitur. Id-dejta konvertita mbagħad ittellgħet fis-Sistema Ċentrali tas-SIS II. Meta dan il-kompitu ġie konkluż il-messaġġi kollha tas-SIS 1+ li kienu akkumulaw fil-kju ġew ikkonvertiti wkoll u aġġornati fil-bażi tad-dejta ċentrali tas-SIS II. Fi tmiem dan il-proċess, kwalunkwe operat ġdid imwettaq fuq il-bażi tad-dejta SIS1+ kien qed jiġi rifless fuq il-bażi tad-dejta SIS II, b'tali mod li SIS 1+ ċentrali u SIS II ċentrali kienu sinkronizzati.

    Mis-7 ta’ Marzu 2013, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jagħmlu mistoqsijiet fil-bażi tad-dejta tas-SIS II Ċentrali (li f’dak il-mument kienet fiha biss kontenut tal-bażi tad-dejta tas-SIS 1+) billi jużaw il-faċilità ċentrali ta' mistoqsijiet tas-SIS II.

    Il-fażi li jmiss tal-migrazzjoni kienet tikkonsisti f'li jimtlew il-kopji nazzjonali tas-SIS II biex jiġi żgurat li l-Istati Membri b’kopja nazzjonali tas-SIS II ikollhom l-istess dejta bħal fil-bażi tad-dejta ċentrali SIS II. Dan il-proċess ma kienx meħtieġ għas-sitt Stati Membri li kienu ddeċidew li ma jimplimentawx kopja nazzjonali u jwettqu l-mistoqsijiet kollha fis-sistema ċentrali, li hija funzjonalità ġdida introdotta mis-SIS II. 

    It-tniżżil attwali tal-bażi tad-dejta kompluta tas-SIS II ħadet ħin stmat ta’ sittax-il siegħa għal kull Stat Membru. Il-fażi kollha intemmet fit-28 ta’ Marzu. F’dak il-mument, il-kopji kollha tas-SIS II ġew sinkronizzati mas-Sistema Ċentrali tas-SIS II, li hija nnifisha kienet sinkronizzata permezz tal-Konvertitur mas-Sistema Ċentrali tas-SIS 1+.

    1.4.4.       Bidla

    Il-bidla kienet stabbilita mill-Kunsill għad-9 ta’ April 2013.

    Bejn it-28 ta’ Marzu (it-tmiem tal-migrazzjoni teknika — ara hawn fuq) u d-9 ta’ April, is-sistemi SIS 1+ u SIS II, inklużi l-kopji nazzjonali kollha, inżammu perfettament sinkronizzati: kull messaġġ tas-SIS 1+ ġdid wassal għal aġġornament tal-bażi tad-dejta ċentrali SIS 1+, ġie kkonvertit, imbagħad aġġorna l-bażi tad-dejta SIS II u l-kopji nazzjonali. 

    Għall-bidla, il-proċess kien ikkoordinat ċentralment mit-tim tal-proġett tal-Kummissjoni bl-appoġġ tal-membri tal-BĠPG u seħħ kif ġej:

    · L-Istati Membri kollha waqqfu t-traffiku fuq in-naħa tas-SIS 1+ fl-istess ħin fit-08:00 u stennew sa ma t-twissijiet kollha kienu pproċessati fis-sistema ċentrali tas-SIS 1+ u fil-kopji nazzjonali tas-SIS 1+.

    · Fuq in-naħa ċentrali l-aħħar messaġġi SIS 1+ ġew ikkonvertiti għall-format SIS II. Meta dan ġie aċċertat, il-konvertitur bidirezzjonali ġie swiċċjat għall-"modalità inversa” tiegħu sabiex jikkonverti t-twissijiet tas-SIS II lura għall-format SIS 1+ (hekk kif mal-bidla s-SIS II issir is-"Sistema Master").

    · Min-naħa tal-Istat Membru, l-applikazzjonijiet nazzjonali tal-utenti finali (pereż.: is-sistemi nazzjonali użati mill-gwardji tal-fruntiera) ġew skonnettati mis-sistema nazzjonali SIS 1+ u ġew konnessi mill-ġdid għas-sistema nazzjonali SIS II. Bħala riżultat ta' dan, il-messaġġi l-ġodda kollha bdew jintbagħtu mis-Sistema Nazzjonali SIS II skont il-format tas-SIS II.

    · L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw lit-tim ta’ koordinazzjoni bid-disponibbiltà tagħhom biex jibdew jibagħtu messaġġi tas-SIS II , qabel ma jkunu awtorizzati jtellgħu l-messaġġi tagħhom fis-Sistema Ċentrali tas-SIS II.  Dan il-proċess sar bi Stat Membru wieħed kull darba biex ġie żgurat li l-mekkaniżmi kollha ta' aġġornament kienu qed jaħdmu kif mistenni.

    · Il-Portugall kien l-ewwel Stat Membru li kien lest biex jibgħat twissija tas-SIS II fil-10:51 ħin lokali, aktar minn siegħa qabel ma kien skedat li jsir dan. F’dak il-mument preċiż, il-bażi legali tas-SIS II daħlet fis-seħħ.

    Fi tmiem il-jum Grupp ta’ Tmexxija tal-Migrazzjoni ddedikat li jinvolvi it-tim SIS II tal-Kummissjoni, il-BĠPG u l-Presidenza seta' jikkonkludi li:

    l-Istati Membri kollha setgħu jibagħtu twissijiet tas-SIS II, il-kopji nazzjonali kollha ġew aġġornati bil-messaġġi li kienu joriġinaw mis-sistema ċentrali, il-mistoqsijietsetgħu jsiru jew fuq il-bażi tad-dejta ċentrali jew fuq kopja nazzjonali aġġornata.

    Bħala konklużjoni, l-Istati Membri  kollha li kellhom l-migrazzjoni għamlu l-bidla b'suċċess.

    1.4.5.       Il-Perjodu ta’ Monitoraġġ Intensiv

    Mill-mument li ntbagħtet l-ewwel twissija lis-SIS II, ir-rwol tal-konvertitur kien li jżomm is-sistema ċentrali tas-SIS 1+ sinkronizzata mas-sistema ċentrali tas-SIS II. Madankollu l-kopji nazzjonali SIS 1+ ma baqgħux jiġu aġġornati.

    Din kienet miżura ta’ kontinġenza f’każ li xi sistemi nazzjonali tas-SIS II jiltaqgħu ma’ problemi serji u jkollhom jerġgħu jmorru lura għal SIS 1+. F’dak il-każ, fuq talba, l-Istat Membru affettwat ikun niżżel il-bażi tad-dejta SIS 1+, biddel l-applikazzjonijiet u reġà beda jibgħat messaġġi permezz tas-SIS 1+. Hekk kif il-problema fuq is-SIS II tkun ġiet solvuta, dak l-istess Stat Membru mbagħad ikun biddel mill-ġdid għas-SIS II.

    Il-perjodu ta’ monitoraġġ intensiv dam 30 jum kif stabbilit mill-bażi legali. Matul dak il-perjodu kollu, it-tim tal-proġett tal-Kummissjoni SIS II baqa' b'kontroll kontinwu tal-istatus tas-sistema u assigura li l-bażi tad-dejta tas-SIS 1+ baqgħet sinkronizzata mal-bażi tad-dejta SIS II.

    Billi l-ebda Stat Membru ma kien jeħtieġ bidla lura għas-SIS 1+ matul dak il-perjodu ta’ żmien, il-konvertitur ġie diżattivat fit-8 ta’ Mejju 2013.

    Minn dik id-data ‘l quddiem is-sistema SIS II hija operata minn eu-LISA, l-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja.

    2. Ġestjoni

    2.1. L-aspetti finanzjarji

    2.1.1. Il-Baġit tas-SIS II

    Sal-aħħar ta’ Ġunju 2013, l-impenji baġitarji totali meħudin mill-Kummissjoni għall-proġett SIS II sa mill-2002, kienu jammontaw għal EUR 171 699 692. Il-kuntratti korrispondenti jinkludu studji dwar il-fattibbiltà, l-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali nnifisha, l-appoġġ u l-garanzija tal-kwalità, in-netwerk tas-SIS II, it-tħejjija għall-ġestjoni operattiva, is-sigurtà, il-komunikazzjoni u n-nefqiet ta' missjonijiet ta' esperti u l-kampanja ta' informazzjoni.

    Minn dan l-ammont fil-fatt tħallsu EUR 136 567 137 bejn l-2002 u t-tmiem ta’ Ġunju 2013. L-oġġetti ta’ nefqa ewlenin kienu l-iżvilupp (EUR 73 566 165), in-netwerk (EUR 32 154 296), l-appoġġ u l-garanzija tal-kwalità (EUR 13 612 454) u t-tħejjija għall-ġestjoni operattiva fi Strasburgu u f'Sankt Johann im Pongau (EUR 9 376 235).

    2.1.2. Finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp nazzjonali tal-Istati Membri

    Il-proġetti ta’ żvilupp nazzjonali tal-aħħar tmien Stati Membri li jeħtieġu iżjed kofinanzjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Fruntieri Esterni (EBF) tlestew f’dan il-perjodu ta’ rapportar. Barra minn hekk u b'segwitu għall-interess espress mill-Istati Membri dwar is-sejħa għal proposti mnedija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16 komuni tal-istrumenti ta’ migrazzjoni riformulati fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni għamlet disponibbli somma ulterjuri ta’ EUR 13-il miljun b’limitu massimu ta’ EUR 715 000 għal kull Stat Membru (li għandhom jiġu kofinanzjati b'25 % mir-riżorsi nazzjonali). Fl-aħħar nett, disa’ Stati Membri ngħataw faċilità finanzjarja għall-attivitajiet tagħhom relatati mal-migrazzjoni għal ammont massimu totali ta’ EUR 4 157 076.50.

    2.2. Il-ġestjoni operattiva

    2.2.1. It-tranżizzjoni għas-C.SIS (Centre de Systèmes d'Information Schengen)

    Il-ġestjoni operattiva tal-ambjent tal-produzzjoni SIS II l-ewwel kienet trasferita mill-Kuntrattur Ewlieni tal-Iżvilupp għas-C.SIS (fil-qafas ta' kuntratt ta’ servizz bejn Franza u l-Kummissjoni) qabel il-bidu tal-migrazzjoni live mis-SIS 1+ għas-SIS II, billi matul il-fażi ta’ migrazzjoni tas-SIS 1+, il-konvertitur u s-SIS II kellhom jiġu operati b'mod simultanju mill-istess entità. Matul il-fażi kollha ta’ migrazzjoni inkluż il-perjodu ta' xahar ta’ monitoraġġ intensiv, il-konvertitur u s-SIS II kienu operati mis-C.SIS.

    2.2.2. L-Aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (eu-LISA)

    It-trasferiment ippjanat tas-SIS II għall-eu-LISA[6] beda fil-bidu tal-2013 u tlesta sad-9 ta’ Mejju 2013. Dokument ta' trasferiment, akkumpanjat minn sett sħiħ ta’ dokumenti tekniċi li jiddeskrivu s-SIS II u l-aspetti operattivi tagħha, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-eu-LISA.

    L-eu-LISA ħadet ir-responsabbiltajiet tagħha, skont il-bażi legali tas-SIS II u skont ir-Regolament ta' twaqqif tal-Aġenzija stess[7], mid-9 ta’ Mejju 2013, mat-tmiem tal-perjodu ta’ monitoraġġ intensiv u mal-iskadenza tal-istrumenti ta' migrazzjoni.

    Rigward l-infrastruttura tal-komunikazzjoni, l-eu-LISA hija responsabbli wkoll għas-superviżjoni, is-sigurtà u l-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-fornitur tas-servizz.

    Barra minn hekk, l-eu-LISA ġiet inkarigata skont ir-Regolament ta' twaqqif tagħha, b’kompiti oħra relatati mas-SIS II, bħal taħriġ dwar l-użu tekniku tas-SIS II, b’mod partikolari għall-persunal SIRENE u t-taħriġ ta’ esperti dwar l-aspetti tekniċi tas-SIS II fil-qafas tal-evalwazzjoni ta’ Schengen.

    Barra minn hekk, l-eu-LISA hija wkoll responsabbli[8] mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-listi tal-awtoritajiet kompetenti intitolati li jfittxu direttament fid-dejta li tinsab fis-SIS II, flimkien mal-lista ta’ Uffiċċji tas-sistemi nazzjonali tas-SIS II (N.SIS II) u tal-Uffiċċji SIRENE. Qabel it-trasferiment tas-SIS II għall-eu-LISA, il-Kummissjoni pproċediet għall-pubblikazzjoni msemmija qabel fid-9 ta’ April 2013.[9]

    Il-grupp ta' konsulenza tas-SIS II li jipprovdi l-għarfien espert lill-Bord ta’ Ġestjoni tal-eu-LISA ltaqa’ tliet darbiet (fid-19 u l-20 ta’ Frar, fit-23 u l-24 ta’ April u fl-4u l-5 ta’ Ġunju) matul dan il-perjodu ta’ rapportar.

    Fid-dawl tal-indipendenza finanzjarja tal-eu-LISA miksuba fit-22 ta’ Mejju 2013 u tal-finalizzazzjoni gradwali ta' negozjati dwar ftehimiet meħtieġa ma' Stati Membri ospitanti, l-appoġġ tal-Kummissjoni pprovdut lill-eu-LISA matul il-fażi ta’ stabbiliment tagħha gradwalment naqas matul dan il-perjodu ta’ rapportar u r-relazzjonijiet ta’ ħidma bejn it-tnejn se jkunu rregolati minn żewġ Memoranda ta’ Qbil (jiġifieri minn Memorandum dwar arranġamenti operattivi ta’ ħidma li għad iridu jiġu ffirmati u minn Memorandum dwar trasferimenti finanzjarji ffirmat fis-17 ta’ Mejju 2013).

    2.3. Il-ġestjoni tal-proġett

    2.3.1. Il-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali (BĠPG)

    Il-BĠPG issodisfa l-mandat tiegħu u ffoka b’mod partikolari fuq ir-ripetizzjonijiet tat-testijiet li għad baqa' u fuq il-fażi ta’ migrazzjoni.

    Kien hemm sbatax-il laqgħa plenarja tal-BĠPG matul dan il-perjodu u l-aħħar laqgħa saret fis-7 ta’ Mejju 2013. Mal-iskadenza tal-istrumenti tal-migrazzjoni, il-BĠPG ma baqax jeżisti.

    2.3.2. Il-Kumitat SIS-VIS (SIS II)

    Bosta dokumenti ewlenin dwar il-migrazzjoni u l-ittestjar ġew approvati matul il-ħames laqgħat tal-Kumitat SIS-VIS dwar kwistjonijiet tekniċi fil-perjodu bejn Jannar u Mejju 2013. Kwistjonijiet dettaljati li nibtu minn riżultati tanġibbli u speċifiċi tal-proġett bħal talbiet għal tibdil u l-migrazzjoni komplew jiġu indirizzati minn sottogruppi ddedikati — il-Bord tal-Ġestjoni tal-Bidla u l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni li ltaqgħu tliet darbiet u 17-il darba rispettivament.

    2.3.3. L-ippjanar u l-koordinazzjoni nazzjonali

    L-aħħar laqgħa tal-maniġers nazzjonali tal-proġett tal-Istati Membri (NPM), li tiġi organizzata regolarment mill-Kummissjoni biex ikun jista' jsir l-iskambju dettaljat ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha rilevanti għall-istatus globali tal-proġett, seħħet fit-30 ta' Mejju. Dan il-grupp, li ltaqa' ħames darbiet f’dan il-perjodu ta’ rappurtar, ittratta b’mod partikolari l-iskeda globali, l-ittestjar, il-migrazzjoni, it-tranżizzjoni għas-SIS II, il-manwal operattiv tas-SIS II u r-rapporti tat-Task Force tas-SIS II.

    2.3.4. Il-Kunsill

    Filwaqt li tikkonċentra fuq il-kompiti tekniċi u legali li għad baqa' marbuta mal-perjodu finali qabel ma tiġi attivata s-SIS II, il-Kummissjoni kompliet iżżomm il-korpi kollha rilevanti tal-Kunsill infurmati dwar il-qagħda attwali tas-SIS II, inkluża l-iskeda ta’ żmien u l-aspetti baġitarji. Il-kwistjonijiet kollha rigward il-migrazzjoni u l-fażi ta' bidla b’mod partikolari ġew iċċarati f’livelli ta’ tħejjija. Kif imsemmi qabel, il-prekundizzjonijiet kollha li jorbtu legalment għad-deċiżjoni tal-Kunsill fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-SIS II ġew issodisfati fil-ħin. Dan ix-xogħol ta’ tħejjija bir-reqqa rriżulta fid-deċiżjoni msemmija meħuda mill-ewwel Kunsill tal-ĠAI taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2013 li unanimament adotta ż-żewġ Deċiżjonijiet dwar id-dħul fis-seħħ tas-SIS II fid-9 ta’ April 2013 (waħda għal kull eks pilastru).[10] L-attivazzjoni tas-SIS II ġiet akkumpanjata minn kampanja ta’ informazzjoni kif deskritt hawn taħt fit-Taqsima 3.3.6.

    Il-Kummissjoni kompliet tiċċirkola rapport qasir kull ġimgħa lill-kollegi involuti fil-proġett fil-livell nazzjonali sa tmiem il-perjodu ta’ monitoraġġ intensiv/ta' trasferiment lill-eu-LISA, li kien jiġbor fil-qosor l-iżviluppi tekniċi.

    2.3.5. Il-Parlament Ewropew

    Il-Parlament Ewropew kompla jagħti l-appoġġ lis-SIS II. Fi spirtu ta’ trasparenza u kooperazzjoni leali interistituzzjonali, il-Kummissjoni żammet lill-Parlament Ewropew infurmat bis-sħiħ dwar il-firxa sħiħa ta’ aspetti tal-iżvilupp tas-SIS II sa tmiem il-proġett — żewġ ittri (dwar il-kisba b'suċċess tat-test komprensiv u t-trasferiment tas-SIS II lill-eu-LISA) intbagħtu mill-Kummissjoni biex lill-Kumitat LIBE. Barra minn hekk, hi tat preżentazzjoni dwar l-istat attwali tal-proġett lill-Kumitat LIBE waqt is-seduta fil-21 ta’ Marzu 2013, jiġifieri ftit qabel ma daħlet fis-seħħ is-SIS II.

    2.3.6. Il-kampanja ta’ informazzjoni dwar is-SIS II

    Skont il-bażi legali tas-SIS II, sabiex takkumpanja l-bidu tal-operat tas-SIS II, il-Kummissjoni organizzat, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, kampanja ta’ informazzjoni biex tgħarraf lill-pubbliku dwar l-għanijiet, id-dejta maħżuna, l-awtoritajiet li għandhom aċċess u d-drittijiet tal-persuni.[11]

    Skont il-kuntratt qafas għar-riżultati tanġibbli ewlenin konklużi fi tmiem l-2012, il-fuljett, il-kartellun u filmat qasir b'animazzjoni ġew finalizzati u pprovduti mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għal iktar tixrid fuq livell nazzjonali (fil-punti ta' qsim tal-fruntiera, fl-għases tal-pulizija, fil-konsulati eċċ.). Il-kampanja ta’ informazzjoni għandha tiġi ripetuta b’mod regolari.

    2.3.7. Il-ġestjoni tar-riskji

    Il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib ir-riskji fil-proġett SIS II bl-appoġġ tal-kuntrattur tagħha inkarigat mill-garanzija tal-kwalità u żgurat li jsir segwitu tagħhom fuq bażi ta’ kull ġimgħa, fil-qafas tal-proċedura stabbilita sew, li jinvolvi wkoll, fuq bażi ta' kull xahar, lill-Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali. 

    Matul dan il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni kellha tiffoka fuq ir-riskji li ġejjin:

    · kemm l-Istati Membri kienu lesti (applikazzjonijiet tal-utent finali) u notevolment l-implimentazzjoni f’waqtha tal-“Pjan B” fil-Finlandja;

    · iż-żmien limitat li kien fadal għall-kontinġenza fl-iskeda tal-migrazzjoni.

    3. Il-prijoritajiet għall-ġejjieni

    Wara l-bidu tal-operat tas-SIS II, il-prijorità ewlenija hija li s-sistema tinżamm kompletament operattiva, b’mod partikolari billi:

    · tiġi żgurata l-infrastruttura neċessarja għas-sistema u l-operat tagħha,

    · tippermetti l-evoluzzjoni tal-komponenti nazzjonali skont l-evoluzzjonijiet miftiehma għas-sistema ċentrali,

    · tingħata prijorità għolja lill-uffiċċji SIRENE, kemm f’termini ta’ provvista adegwata ta' persunal u kemm f'dak li jirrigwarda l-appoġġ tekniku xieraq,

    · jiġi stabbilit pjan ta' rkupru sħiħ minn diżastru/pjan ta' kontinwità tan-negozju,

    · tiġi żgurata r-reżiljenza tas-SIS II għal ksur tas-sigurtà potenzjali.

    4. Konklużjoni

    Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen hija fil-qalba tal-kooperazzjoni ta’ Schengen. Peress li hi s-sistema tal-IT tal-ogħla livell li toffri bosta funzjonalitajiet imtejba kif ukoll kategoriji ġodda ta’ dejta meta mqabbla mal-predeċessur tagħha, is-SIS II hija għodda ewlenija għall-funzjonament taż-żona Schengen f’termini ta’ sigurtà u l-moviment liberu tal-persuni.

    Għalhekk, sa mit-tnedija tagħha, hija rrappreżentat proġett emblematiku għall-Kummissjoni.

    L-iżvilupp globali tas-SIS II kien b'mod inkontestabbli impenjattiv ħafna. It-tfassil ta' sistema kumplessa bħal din, filwaqt li jiġu ssodisfati l-aspettattivi għoljin tal-utenti tagħha u l-ħtiġijiet li qed jevolvu, kien ta' sfida kbira ħafna kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq dak politiku u konsegwentement kien meħtieġ aktar ħin milli previst fil-bidu.

    Fl-2009 seħħ eżerċizzju ewlieni ta’ evalwazzjoni. Bħala riżultat ta' dan, fl-2010 ġew stabbiliti struttura ta' ġestjoni msaħħa, speċifikazzjonijiet tekniċi aġġornati, pjan direzzjonali ġdid kif ukoll qafas baġitarju rivedut għat-tlestija tal-proġett. Minkejja diversi sfidi l-proġett tas-SIS II baqa' mixi fit-triq it-tajba kemm fir-rigward tal-ħin kif ukoll tal-baġit. Il-prestazzjoni b’suċċess taż-żewġ testijiet previsti fil-qafas tal-ewwel pass importanti kkonfermat ir-robustezza u l-prestazzjoni tajba tas-Sistema Ċentrali kif ukoll l-għażliet ewlenin arkitettorali u tekniċi sottostanti . Dan is-suċċess kien segwit mill-fażijiet finali tal-ittestjar u mill-migrazzjoni effettiva tad-dejta mis-SIS 1 għas-SIS II, li kollha kemm huma kienu finalizzati b’suċċess.

    Għaldaqstant, bis-saħħa ta’ impenn imġedded tal-partijiet interessati kollha lejn il-finalizzazzjoni tal-proġett, is-SIS II twettqet f’dan il-perjodu ta’ rapportar u daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ April kif determinat mill-Kunsill ĠAI f’Marzu 2013. Minn dakinhar 'l hawn is-SIS II taħdem mingħajr diffikultà.

    Fl-aħħar nett, it-tagħlimiet mill-proġett SIS II se jservu bħala esperjenza siewja għall-iżvilupp ta’ sistemi rilevanti ġodda tal-IT fuq skala kbira f’dan il-qasam, partikolarment is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u l-Programm ta' Reġistrazzjoni tal-Vjaġġaturi previsti fil-qafas tal-inizjattiva dwar il-fruntieri intelliġenti.

    Implimentazzjoni tal-baġit

    || Mill-2002 sa Ġunju 2013 || Minn Jannar sa Ġunju 2013

    (f'EUR) || Impenji || Pagamenti || Impenji || Pagamenti

    L-iżvilupp (HP/Steria) || 85 882 789 || 73 566 165 || 35 121 || 2 773 328

    L-iżvilupp (Atos) || 3 921 248 || 3 548 261 || 0 || 247 219

    Servizzi ta' appoġġ u ta' garanzija tal-kwalità || 16 063 293 || 13 612 454 || 210 379 || 1 000 068

    Netwerk || 45 335 129 || 32 154 296 || 0 || 1 778 679

    It-tħejjija għall-ġestjoni operattiva || 12 986 242 || 9 376 235 || 0 || 66 901

    Sigurtà || 1 358 310 || 386 914 || 0 || 0

    Studji / Konsulenza || 1 086 628 || 985 020 || 22 217 || 21 813

    Kampanja ta’ Informazzjoni || 183 943 || 108 846 || 0 || 75 473

    Nefqiet ta' Missjoni tal-Esperti || 4 867 236 || 2 814 072 || 3 482 456 || 2 231 362

    Oħrajn || 14 874 || 14 874 || 0 || 0

    TOTAL: || 171 699 692 || 136 567 137 || 4 067 173 || 8 194 842

    Il-laqgħat tal-Kumitat SIS-VIS (SIS II) u tal-Grupp ta' Ħidma

    a) Laqgħat li saru matul dan il-perjodu ta' rapportar

    JANNAR TAL-2013

    9, 16, 23, 30 ||  Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali tas-SIS II

    24 || Il-Kumitat SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

    24 || Laqgħa tal-Maniġers Nazzjonali tal-Proġett tas-SIS II

    10, 17, 25, 31 || Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

    29 || Laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Bidla tas-SIS II

    FRAR TAL-2013

    5, 13, 21, 27 || Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali tas-SIS II

    26 || Il-Kumitat SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

    26 || Laqgħa tal-Maniġers Nazzjonali tal-Proġett tas-SIS II

    7, 14, 21, 28 || Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

    6 || Laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Bidla tas-SIS II

    MARZU TAL-2013

    5, 14, 20, 26 || Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali tas-SIS II

    22 || Il-Kumitat SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

    22 || Laqgħa tal-Maniġers Nazzjonali tal-Proġett tas-SIS II

    7, 14, 21 || Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

    21 || Laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni tal-Bidla tas-SIS II

    APRIL TAL-2013

    3, 17, 25 || Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali tas-SIS II

    26 || Il-Kumitat SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

    26 || Laqgħa tal-Maniġers Nazzjonali tal-Proġett tas-SIS II

    4, 11, 18, 25 ||  Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

    MEJJU TAL-2013

    2, 7 || Bord tal-Ġestjoni tal-Programm Globali ttas-SIS II

    30 || Il-Kumitat SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

    30 || Laqgħa tal-Maniġers Nazzjonali tal-Proġett tas-SIS II

    2, 16 ||  Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

    [1]              Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1).

    [2]              Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43).

    [3]              L-Artikolu 55(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381/4, 28.12.2006) u l-Artikolu 71(3)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205/63, 7.8.2007).

    [4]              SIRENE — Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali

    [5]              (ĠU L 71/1, 14.3. 2013) (ĠU L 359/32, 29.12. 2012)

    [6]              L-Artikolu 15 komuni tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 381, 28.12.2006) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (ĠU L 205, 7.8.2007).

    [7]              Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286/1,1.11.2011).

    [8]              L-Artikolu 12(1)(y) tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286/1,1.11.2011).

    [9]              ĠU C 103, 9.04.2013, p. 1.

    [10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2013 li tiffissa d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament 1987/2006/ĠAI dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 87/10, 27.3.2013) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2013 li tiffissa d-data tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 87/8, 27.3.2007).

    [11]             L-Artikolu 19 komuni tar-Regolament (KE) Nru 1987/2008 (ĠU L 381, 28.12.2006) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (ĠU L 205, 7.8.2007).

    Top