Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0752

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-ATTIVITAJIET TAT-TEĦID U L-GĦOTI B'SELF TAL-UNJONI EWROPEA FL-2012

/* COM/2013/0752 final */

52013DC0572

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-ATTIVITAJIET TAT-TEĦID U L-GĦOTI B'SELF TAL-UNJONI EWROPEA FL-2012 /* COM/2013/0752 final */


Werrej

1........... Introduzzjoni 3

2........... Attivitajiet ta’ għoti b’self tal-Unjoni Ewropea. 3

2.1........ Faċilità tal-BOP. 3

2.2........ EFSM... 4

2.3........ Faċilità tal-MFA.. 7

2.4........ Il-faċilità tal-Euratom.. 8

3........... Attivitajiet ta’ teħid b’self tal-Unjoni Ewropea. 9

3.1........ BOP. 9

3.2........ EFSM... 10

3.3........ MFA.. 10

3.4........ Euratom.. 11

4........... Il-Bank Ewropew tal-Investiment 11

4.1........ Attivitajiet ta’ għoti b’self tal-BEI 11

4.2........ Attivitajiet ta’ teħid b’self tal-BEI 11

5........... Żgurar ta' stabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. 12

5.1........ Faċilità ta’ Self għall-Greċja (GLF) 12

5.2........ Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) 13

5.3........ Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) 13

1.           Introduzzjoni

Il-Kummissjoni hi meħtieġa li tgħarraf kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tad-diversi strumenti ta’ self tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni, dan ir-rapport jiddeskrivi l-operazzjonijiet ta’ għoti b’self għal kull strument kif ukoll l-attivitajiet rispettivi ta’ teħid b’self.

2.           Attivitajiet ta’ għoti b’self tal-Unjoni Ewropea

Is-sostenn finanzjarju għall-pajjiżi terzi kif ukoll għall-Istati Membri fil-forma ta’ selfiet bilaterali ffinanzjati mis-swieq kapitali bil-garanzija tal-baġit tal-UE huwa pprovdut mill-Kummissjoni permezz ta’ bosta atti legali tal-Kunsill jew tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, skont l-għanijiet segwiti[1]. Il-konsistenza ta’ appoġġ finanzjarju lil pajjiżi terzi bl-għanijiet ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE hija żgurata mill-Kummissjoni u r-Rappreżentanta Għolja, megħjuna mis-SEAE.

2.1.        Faċilità tal-BOP

L-assistenza għall-Bilanċ tal-Pagamenti (BOP) skont l-Artikolu 143 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri[2] tieħu l-forma ta’ self fuq medda medja ta’ żmien ipprovdut mill-Unjoni u ġeneralment tingħata flimkien mal-fondi mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u selliefa multilaterali oħra, bħall-BEI, il-BERŻ jew il-Bank Dinji, jew għajnuna bilaterali mill-Istati Membri.

L-assistenza għall-BOP hija eċċezzjonali fin-natura tagħha u tingħata fuq bażi ta’ każ b’każ mill-Kunsill billi jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Benefiċjarji potenzjali huma l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jkunu qed jaffrontaw diffikultajiet serji fil-bilanċ tal-pagamenti. L-għan tagħha huwa li ttaffi l-pressjonijiet esterni ta’ finanzjament tal-Istati Membri benefiċjarji u li treġġa’ lura l-vijabbiltà tal-bilanċ tal-pagamenti ta’ pajjiż. Hija tingħata soġġetta għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li tiġi deċiża mill-Kunsill — wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) dwar abbozz ta’ programm ta’ aġġustament — u qbil min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru benefiċjarju f’Memorandum ta’ Qbil (MtQ) qabel il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ self. Il-konformità kontinwa ma' miżuri fil-programm ta' aġġustament tiġi rieżaminata regolarment u hija kundizzjoni għall-iżborżi ta' ħlas parzjali ulterjuri. Il-fondi meħtieġa jinġabru mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea fis-swieq kapitali.

Il-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti.

Il-faċilità tal-BOP ġiet riattivata fl-2008 b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali u l-limitu massimu tagħha żdied minn EUR 12-il biljun għal EUR 25 biljun f’Diċembru 2008[3] filwaqt li f’Mejju 2009 ġiet deċiża żieda oħra għal EUR 50 biljun[4] sabiex l-UE tkun tista' tirreaġixxi malajr għal kwalunkwe talba ulterjuri għal assistenza għall-BOP. Sal-31 ta’ Diċembru 2012, kien ġie impenjat ammont totali ta’ EUR 14,6-il biljun lill-Ungerija[5], lil-Latvja[6] u lir-Rumanija[7] li minnhom EUR 13,4-il biljun ġew żborżati sal-aħħar tal-2012.

Minbarra l-EUR 5 biljun ta’ assistenza għall-BOP, li skadiet fis-6 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill iddeċieda fl-2011 li jipprovdi assistenza finanzjarja prekawzjonarja (PFA) lir-Rumanija sa EUR 1,4 biljun[8]. Madankollu, ma sar l-ebda żborż u l-faċilità skadiet fil-31 ta’ Marzu 2013.

L-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Ungerija u lil-Latvja, skadiet f’Novembru 2010 u f’Jannar 2012, rispettivament.

Fl-2012, l-ebda deċiżjoni/pagament ma saru skont il-faċilità tal-BOP.

Tabella 1: Assistenza għall-BoP fil-31.12.2012 (f’EUR biljuni)

Pajjiż || Ammont mogħti || Ammont żborżat || Ammont rimborżat || Ammont pendenti || Maturità medja tas-self (snin)

L-Ungerija || 6,5 || 5,5 || 2,0 || 3,5 || 6,1

Il-Latvja || 3,1 || 2,9 || 0 || 2,9 || 6,6

Ir-Rumanija (BOP) || 5,0 || 5,0 || 0 || 5,0 || 7,0

Ir-Rumanija (PFA) || 1,4 || 0 || 0 || 0,0 || 0

Total || 16,0 || 13,4 || 2,0 || 11,4 ||

2.2.        EFSM

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 stabbilixxa l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) fuq il-bażi tal-Artikolu 122(2)[9] . L-EFSM huwa appoġġjat bis-sħiħ mill-baġit tal-UE u għandu kapaċità totali ta’ self sa EUR 60 biljun.

Benefiċjarji potenzjali għall-assistenza tal-EFSM huma l-Istati Membri fiż-żona tal-euro li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ikkawżati minn deterjorament serju fl-ambjent ekonomiku u finanzjarju internazzjonali. L-użu tal-EFSM huwa suġġett għal kundizzjonalità politika fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju kif miftiehem skont Memorandum ta’ Qbil konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru benefiċjarju u jsegwi proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet simili għal dak ta’ assistenza għall-BOP. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji u s-sorveljanza regolari fl-implimentazzjoni tal-programm huma magħmula f’konsultazzjoni mal-BĊE, mill-inqas kull sitt xhur rigward il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika tal-programm ta’ aġġustament u kull tliet xhur għall-verifika ta’ twettiq mill-Istat Membru tal-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-assistenza. Kwalunkwe tibdil li jista’ jkun meħtieġ fil-programm ta’ aġġustament jiġi diskuss mal-Istat Membru benefiċjarju. Il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi dwar kwalunkwe aġġustament li jrid isir fil-kundizzjonijiet ġenerali inizjali tal-politika ekonomika u japprova l-programm ta’ aġġustament rivedut kif imħejji mill-Istat Membru benefiċjarju.

Il-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-EFSM u dwar l-issoktar tal-okkorrenzi eċċezzjonali li ġġustifikaw l-adozzjoni tiegħu .

Il-faċilità tal-EFSM ġiet attivata fl-2011 għall-Irlanda u l-Portugall, fejn ġie impenjat ammont ta’ self sa EUR 22,5 biljun u EUR 26 biljun għal dawn iż-żewġ pajjiżi benefiċjarji rispettivament. L-impenji totali, li jinkludu wkoll dawk tal-EFSF, tal-FMI u ta' Stati Membri oħra, jammontaw għal EUR 85 biljun u EUR 78 biljun rispettivament:

Tabella 2: Dettalji tal-impenji (f’EUR biljuni)

Pajjiż || EFSM || EFSF || FMI || Oħrajn || Total

L-Irlanda || 22,5 || 17,7 || 22,5 || 22,3* || 85

Il-Portugall || 26,0 || 26,0 || 26,0 || || 78

Total || 48,5 || 43,7 || 48,5 || 22,3 || 163

* EUR 4,8 biljuni minn Stati Membri oħra (ir-Renju Unit, l-Isvezja, id-Danimarka) u EUR 17,5-il biljun mill-Istat Irlandiż.

Barra minn hekk, f’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-UE tal-21 ta’ Lulju 2011, estensjoni tal-maturitajiet[10] kif ukoll tnaqqis fil-marġini tar-rata tal-imgħax[11] kienu ġew deċiżi u applikati b’mod retroattiv lil kull porzjon ta' self żborżat.

B'konformità mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE[12] u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE,[13] ġew żborżati EUR 7,800 miljun lill-Irlanda u EUR 8,000 miljun lill-Portugall fl-2012. L-ammont pendenti totali tal-Faċilità huwa ta’ EUR 43,800 miljun fi tmiem l-2012.

Tabella 3: Lista ta’ operazzjonijiet ta’ self żborżati taħt il-faċilità tal-EFSM fl-2012 (f’EUR miljuni)

Pajjiż || Deċiżjoni || Ammont mogħti || Data tal-ħlas parzjali || Ammont żborżat || Kupun || Maturità || Maturità medja tas-self (snin)

L-Irlanda || 2011/77/UE || 22,500 || 16/01/2012 05/03/2012 03/07/2012 30/10/2012 || 1,500 3,000 2,300 1,000 || 3,75 % 3,375 % 2,875 % 2,50 % || 04/04/2042 04/04/2032 04/04/2028 04/11/2027 || 10,2 11,8 12,3 12,4

Subtotal || || || || 7,800 || || || 12,4

Il-Portugall || 2011/344/UE || 26,000 || 16/01/2012 24/04/2012 04/05/2012 30/10/2012 || 1,500 1,800 2,700 2,000 || 3,75 % 3,375 % 2,75 % 2,50 % || 04/04/2042 05/04/2038 04/04/2022 04/11/2027 || 10,9 12,5 12,2 12,4

Subtotal || || || || 8,000 || || || 12,4

Total || || 48,500 || || 15,800 || || ||

2.3.        Faċilità tal-MFA

Qed tiġi pprovduta assistenza makrofinanzjarja (MFA) biex tgħin lill-pajjiżi kandidati, lill-pajjiżi kandidati potenzjali u lill-pajjiżi tal-viċinat tal-UE jsolvu problemi ta’ bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu qasir, sabiex jiġu stabbilizzati l-finanzi pubbliċi u sabiex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tar-riforma strutturali. L-MFA tingħata fuq bażi eċċezzjonali u temporanja u hija msejsa fuq kundizzjonalità stretta tal-politika ekonomika. L-operazzjonijiet tal-MFA tipikament jikkumplimentaw il-programmi ta’ aġġustament tal-FMI. L-MFA tista’ tiġi pprovduta fl-għamla ta’ għotjiet u/jew selfiet mhux rimborżabbli.

Jekk pajjiż benefiċjarju ma jonorax l-obbligu tiegħu ta’ ħlas lura, il-Kummissjoni tista’ tattiva l-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni[14] biex il-ħlas lura tas-self korrispondenti mill-Kummissjoni jsir mill-fondi tiegħu[15].

Informazzjoni dettaljata dwar l-operazzjonijiet tal-MFA tista’ tinstab fir-Rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-MFA lill-pajjiżi terzi[16].

Fl-2012, tlestiet l-operazzjoni tal-MFA għall-Armenja li kienet adottata fl-2009[17] . Il-komponent ta' self tat-tieni u l-aħħar porzjon li jammonta għal EUR 39 miljun tħallas lill-awtoritajiet Armeni fi Frar 2012. L-ewwel porzjon u l-parti tal-għotja mit-tieni porzjon kienu tħallsu fl-2011. Din għalqet l-operazzjoni tal-MFA ta' EUR 100 miljun magħmula minn EUR 65 miljun f'selfiet u EUR 35 miljun f’għotjiet.

Fir-rigward tal-MFA lill-Moldova[18], li tikkonsisti f’EUR 90 miljun f’għotja, il-Kummissjoni ħarġet it-tielet u l-aħħar porzjon (EUR 30 miljun) f’April 2012.

L-implimentazzjoni tal-MFA lill-Ukraina, li ġiet approvata fl-2010[19], li, flimkien mal-fondi disponibbli minn operazzjoni preċedenti approvata fl-2002, tammonta għal EUR 610 miljun f’selfiet, ittardjat aktar fl-2012 minħabba l-ħtieġa ta' qbil mal-awtoritajiet Ukraini rigward ċerti kondizzjonijiet tal-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) kif ukoll il-fatt li l-programm tal-FMI kien waqa' lura u mbagħad skada f’Diċembru 2012. Intlaħaq ftehim dwar l-MtQ f’nofs l-2012 u l-MtQ ġie ffirmat fil-qafas tas-Summit Ukraina-UE fi Frar 2013. Madankollu, l-ewwel żborż ta’ din l-operazzjoni tal-MFA jibqa’ suġġett għall-awtoritajiet Ukraini u li l-FMI jiftiehem dwar programm ġdid ta’ għajnuna finanzjarja.

Fir-rigward tal-MFA lill-Bożnja u Ħerzegovina[20], li ġiet approvata fl-2009 (li tammonta għal total ta’ EUR 100 miljun f’selfiet), il-validità tal-Memorandum ta’ Qbil u tal-Ftehim ta’ Self ġiet estiża b’sena sa Novembru 2013. L-ewwel porzjon ta' din l-operazzjoni, li tammonta għal EUR 50 miljun, tħallset fi Frar 2013.

Fl-2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddiskutew żewġ proposti leġiżlattivi għal operazzjonijiet ġodda tal-MFA adottati mill-Kummissjoni fl-2011, il-proposta biex tiġi estiża l-MFA lil Ġeorġja għal EUR 23 miljun f'selfiet u EUR 23 miljun f'għotjiet, u l-proposta biex tiġi estiża MFA eċċezzjonali[21] lir-Repubblika Kyrgiża ta' EUR 15-il miljun f'selfiet u EUR 15-il miljun f'għotjiet. Id-Deċiżjoni dwar il-Ġeorġja ġiet adottata f’Awwissu 2013.

2.4.        Il-faċilità tal-Euratom

Il-faċilità ta’ self tal-Euratom tista’ tintuża biex tiffinanzja proġetti fl-Istati Membri (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/270/Euratom) jew f’ċerti pajjiżi terzi (l-Ukraina, ir-Russja jew l-Armenja) (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/179/Euratom).

Fl-1990, il-Kunsill iffissa limitu ta’ teħid b’self ta’ EUR 4 biljuni, li minnhom ġew deċiżi u żborżati madwar EUR 3,4 biljuni. Fl-2002, il-Kummissjoni pproponiet żieda fil-limitu tas-self għal EUR 6 biljuni, iżda l-Kunsill ippospona d-deċiżjoni tiegħu sakemm l-iżborżi jaslu għal EUR 3,8 biljun.

Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar self ta’ EUR 300 miljun lill-Ukraina, li se jkunu ddedikati għall-aġġornament tal-faċilitajiet nukleari eżistenti.

Fl-2012, ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet ta' self u ma saru l-ebda żborżi taħt il-faċilità ta’ self tal-Euratom.

3.           Attivitajiet ta’ teħid b’self tal-Unjoni Ewropea

Sabiex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet ta’ għoti b’self deċiżi mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef fondi mis-swieq tal-kapital kemm f’isem l-Unjoni Ewropea kif ukoll f’isem l-Euratom. L-għoti u t-teħid b’self jitwettqu b'operazzjonijiet fejn wieħed isegwi l-ieħor ("back to back"), li jassiguraw li l-baġit tal-UE ma jieħu l-ebda riskju marbut mar-rata tal-imgħax jew tal-kambju[22]. It-teħid b'self pendenti huwa kopert b'selfiet pendenti.

Tabella 4: L-evoluzzjoni tat-teħid b’self totali tal-Unjoni Ewropea (ammonti pendenti ta' kapital(1) f'miljuni ta' EUR)

|| KEFA f'likwid.(1) (2) || Euratom (1) || BOP || MFA || EFSM || Total

2008 || 266 || 484 || 2,000 || 654 || || 3,404

2009 || 214 || 481 || 9,200 || 584 || || 10,479

2010 || 219 || 466 || 12,050 || 500 || || 13,235

2011 2012 || 225 183 || 447 423 || 11,400 11,400 || 590 545 || 28,000 43,800 || 40,662 56,351

(1)Ir-rati ta’ konverżjoni użati huma dawk tal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena. (2)Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar ilha fi stat ta’likwidazzjoni mill-2002. L-aħħar bond maħruġ mill-KEFA jimmatura fl-2019. ||

3.1.        BOP

Fl-2012, taħt il-faċilità tal-BOP, l-ebda self ma ġie eżegwit fis-suq.

3.2.        EFSM

Matul l-2012, inġabru EUR 15,8-il biljun, iffinanzjati minn sitt bonds ta’ referenza tal-UE (“bonds ta' referenza” tirreferi għal bonds b’ammont nominali pendenti ta’ EUR 1 biljun jew aktar għal kull sensiela ta' bonds).

Dawn il-bonds tal-UE sabu domanda qawwija fis-suq li wasslet għal domanda li ssuperat bil-bosta l-offerta. Il-gruppi importanti kollha ta’ investituri u b’mod partikolari l-investituri fit-tul (fondi ta’ investiment, maniġers tal-assi, assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni) kif ukoll istituzzjonijiet uffiċjali xtraw dawn il-bonds tal-UE.

Il-prestazzjoni fis-suq sekondarju ta’ dawn il-bonds tal-UE kienet pożittiva u kkonfermat il-pożizzjoni tal-UE bħala emittent b’saħħitha ta’ bonds ta’ referenza. Skont il-kalkoli tagħna u bl-użu ta’ input minn 22 banek il-fatturat tas-suq sekondarju f’bonds ta’ referenza tal-UE kien ta’ EUR 50 biljun fl-2012 (li jitqabbel ma’ EUR 40 biljun fl-2011).

Tabella 5: Ħarsa ġenerali tal-finanzjament u l-iżborżi ta’ għoti b’self mill-EFSM (f’EUR biljuni)

Pajjiż || Miġbur fi || Data tal-maturità || Daqs

L-Irlanda (1,5), Il-Portugall (1,5) || 16/01/2012 || 04/04/2042 || 3,00

L-Irlanda || 05/03/2012 || 04/04/2032 || 3,00

Il-Portugall || 24/04/2012 || 05/04/2038 || 1,80

Il-Portugall || 04/05/2012 || 04/04/2022 || 2,70

L-Irlanda || 03/07/2012 || 04/04/2028 || 2,30

L-Irlanda (1), Il-Portugall (2) || 30/10/2012 || 04/11/2027 || 3,00

Total || || || 15,80

L-ammont totali miġbur tal-EFSM huwa ta’ EUR 43,8 biljun fi tmiem l-2012.

3.3.        MFA

Fl-2012, operazzjoni waħda ta’ teħid b'self ġiet eżegwita b’suċċess (EUR 39 miljun lill-Armenja).

Tabella 6: Pjazzament privat tal-UE matul l-2012 (f’EUR miljuni)

Pajjiż || Deskrizzjoni || Data tal-ħruġ || Data tal-Maturità || Daqs

L-Armenia || SSD UE 3,137/2026 || 09/02/2012 || 04/12/2026 || 39

Total || || || || 39

3.4.        Euratom

Fl-2012, ma kien hemm l-ebda operazzjoni ta’ teħid b’self taħt l-Euratom.

4.           Il-Bank Ewropew tal-Investiment

4.1.        Attivitajiet ta’ għoti b’self tal-BEI

Il-BEI jipprovdi finanzjament jew direttament lil proġetti ta’ investiment individwali jew permezz ta’ intermedjarji finanzjarji lil proġetti fuq skala iżgħar imwettqa mill-SMEs jew mill-awtoritajiet lokali u l-muniċipalitajiet. Il-BEI jipprovdi wkoll garanziji fuq is-self, assistenza teknika u kapital ta’ riskju.

Fl-2012, il-BEI iffirma total ta' volum ta’ finanzjament ta’ EUR 52,2 biljun (meta mqabbla ma’ EUR 61 biljun fl-2011).

Il-finanzjament fl-Istati Membri tal-UE kien jirrappreżenta EUR 44,8 biljun. Dan l-ammont mhuwiex kopert mill-garanzija tal-UE. EUR 7,4 biljuni kienu ffirmati barra mill-UE, li minnhom EUR 4 biljuni taħt il-Mandat Estern kienu koperti mill-garanzija tal-UE.

Wara d-dħul fis-seħħ fi tmiem l-2012 tad-deċiżjoni tal-Istati Membri biex jiżdied il-kapital imħallas tal-BEI b'EUR 10 biljun, il-BEI huwa mistenni li jżid il-volum tiegħu ta’ self b'EUR 60 biljun bejn is-snin 2013 u 2015.

L-attivitajiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom impatt fuq il-baġit tal-UE meta huma jkunu akkumpanjati minn garanziji tal-UE. Dan huwa l-każ għal:

- Self tal-BEI imwettaq permezz tal-Mandat Estern (li jkopri l-pajjiżi ta’ Qabel l-Adeżjoni, il-pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija, l-Asja u l-Amerika Latina, l-Afrika ta’Isfel kif ukoll mandat tal-Bidla fil-Klima) li jibbenefika minn garanzija tal-baġit tal-UE li tkopri riskji ta’ natura sovrana jew politika. Rapport separat dwar l-attività esterna ta’ għoti b’self mill-BEI matul l-2012 se jinħareġ mill-Kummissjoni matul it-tieni semestru tal-2013.

- il-faċilitajiet ta’ finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji li jinvolvu l-użu tal-baġit tal-UE sabiex isostni l-politiki tal-UE (eż. il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għall-proġetti ta’ riċerka u żvilupp u l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti).

4.2.        Attivitajiet ta’ teħid b’self tal-BEI

Fil-kuntest ta' suq volatili, ir-riskju ta' eżekuzzjoni baqa' għoli matul is-sena, speċjalment għal tranżazzjonijiet kbar ta’ riferiment. Id-domanda għolja għal bonds tal-BEI l-ewwel kienet tiffavorixxi restrizzjoni fid-differenzjali bi skadenzi iqsar, speċjalment f’EUR. L-aġenziji ta' klassifikazzjoni ppreservaw il-klassifikazzjoni AAA tal-Bank, appoġġjata mill-pjanijiet dwar żieda kapitali, filwaqt li ċerti pari supranazzjonali Ewropej ma bbenefikawx minn tali riżultat.

Bis-saħħa tal-flessibbiltà ta' dawn il-kundizzjonijiet tas-suq, il-Bank irnexxielu jlesti l-programm ta' finanzjament previst oriġinarjament ta’ EUR 60 biljun f’Settembru, u kompla jaħtaf l-opportunitajiet għall-ħruġ f’livelli attraenti sakemm is-swieq saru inqas likwidi qrib tmiem is-sena. Fl-2012, l-attività ta’ self tal-BEI tammonta għal EUR 71,3 biljun b’maturità medja ta’ 8,4 snin.

5.           Żgurar ta' stabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro

B’risposta għall-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, il-Kunsill u l-Istati Membri fiż-żona tal-euro ddeċidew dwar pakkett ta’ miżuri biex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u fl-Ewropa b’mod ġenerali. Dawn il-miżuri huma deskritti fil-qosor hawn taħt u mhumiex garantiti mill-baġit tal-UE.

5.1.        Faċilità ta’ Self għall-Greċja (GLF)

Wara l-qbil unanimu tal-Ministri tal-Finanzi fiż-żona tal-euro fit-2 ta’ Mejju 2010[23] sabiex jappoġġjaw lill-Greċja, ġie stabbilit programm konġunt ta’ tliet snin mal-FMI li jinvolvi pakkett finanzjarju sa EUR 110 biljun biex jgħin lill-Greċja, akkumpanjat minn kundizzjonalità qawwija ta’ politika[24] li ġiet negozjata mal-awtoritajiet Griegi mill-Kummissjoni u l-FMI, b’kollaborazzjoni mal-BĊE. Il-pakkett finanzjarju inizjali tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (EUR 80 biljun) – l-FMI ikkommetta ruħu bi EUR 30 biljun - tnaqqas fl-aħħar bi 2,7 biljuni minħabba li s-Slovakkja ddeċidiet li ma tipparteċipax u minħabba li l-Irlanda u l-Portugall irtiraw mill-GLF billi talbu għall-assistenza finanzjarja għalihom infushom stess. Is-selfiet maħruġa mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro taħt dan l-ewwel programm jammontaw għal EUR 52,9 biljun u għal EUR 20,1 biljun mill-FMI.

Il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-faċilità kienu aġġustati mill-ġdid f’Diċembru 2012. Il-maturità finali ġiet estiża għal 30 sena filwaqt li nżamm perjodu ta' konċessjoni ta’ 10 snin. Barra minn hekk, il-marġini tnaqqas għal 0,5 %. Madankollu, il-marġini ugwali għal 1,5 % se jkompli japplika fir-rigward ta’ ammonti dovuti lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro li huma taħt programm ta’ assistenza finanzjarja sħiħa ffinanzjat mill-EFSF jew l-EFSM. 

Fl-14 ta’ Marzu 2012, it-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku ġie approvat mill-Ministri tal-Finanzi fiż-żona tal-euro u l-FMI, li żied EUR 130 biljun mal-ammonti mhux imħallsa tal-ewwel programm. Dan it-tieni programm jipprevedi għalhekk total ta' assistenza finanzjarja ta’ EUR 164,5 biljun, il-kontribuzzjoni tal-FMI tammonta għal EUR 19,8 biljun. Filwaqt li l-ewwel programm ġie stabbilit bħala Ftehim ta’ Bejn il-Kredituri ta’ self bilaterali kollettiv mill-Istati Membri appoġġanti taż-żona tal-euro, bil-Kummissjoni tipprovdi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni, it-tieni wieħed huwa ffinanzjat permezz tal-EFSF.

Fil-31 ta’ Diċembru 2012, is-somma totali maħruġa għall-Greċja ammontat għal EUR 182,9 biljun.[25]

5.2.        Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF)

Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) inħolqot mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro bħala kumpanija rreġistrata fil-Lussemburgu u hija proprjetà tagħhom, wara d-deċiżjonijiet meħuda fid-9 ta’ Mejju 2010 fil-qafas tal-Kunsill tal-Ecofin.

Din tfasslet bħala mekkaniżmu ta’ salvataġġ temporanju għal self ta' fondi mislufa lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jkunu qegħdin f’diffikultà, billi toħroġ bonds garantiti mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro. F’Ottubru 2010, ġie deċiż li jinħoloq mekkaniżmu ta’ salvataġġ permanenti, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).

5.3.        Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)

L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu permanenti ġdid għall-kriżijiet, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), ġie miftiehem fit-2 ta’ Frar 2012 u inawgurat fit-8 ta' Ottubru 2012. Il-mekkaniżmu għandu f’idejh il-kompiti li bħalissa qed jitwettqu mill-EFSF, tal-għoti fejn meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jkunu qegħdin b’massimu fil-kapacità ta’ self ta’ EUR 500 biljun, filwaqt li l-limitu ta’ self kumbinat tal-EFSF/MES huwa stabbilit għal EUR 700 biljun. Il-kapital awtorizzat huwa ta' EUR 700 biljun li minnhom EUR 80 biljun huma mħallsa f'kapital mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro. Is-sottoskrizzjoni għall-kapital imħallas hija ppjanata li ssir f’ħames pagamenti li jkunu saru sal-ewwel nofs tal-2014. Il-kapital awtorizzat mhux imħallas jista’ jissejjaħ biex jirrestawra l-livell ta’ kapital imħallas jekk dan tal-aħħar jitnaqqas bl-assorbiment tat-telf. Se jinżamm proporzjon minimu ta' 15 % bejn il-kapital imħallas u l-ammont ta' ħruġ mill-MES matul il-perjodu ta' introduzzjoni gradwali tal-kapital, il-kapital imħallas mhuwiex diponibbli għas-self - iżda huwa investit f'assi likwidi ta' kwalità għolja.

Minn Ottubru 2012, l-MES[26] għandu jkun l-istrument prinċipali biex jiffinanzja programmi ġodda.

[1]               Il-preżentazzjoni dettaljata tal-attivitajiet ta’ għoti u teħid b’self tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/index_en.htm.

[2]              ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1360/2008 tat-2 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagamenti tal-Istati Membri (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 11).

[4]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 431/2009 tat-18 ta' Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagamenti tal-Istati Membri (ĠU L 128, 27.5.2009, p. 1).

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/102/KE tal-4 ta’ Novembru 2008.

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/290/KE tal-20 ta’ Jannar 2009.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459/KE tas-6 ta’ Mejju 2009.

[8]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/288/UE tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-UE fuq terminu ta’ żmien medju lir-Rumanija (ĠU L 132, 19.5.2011, p. 15).

[9]               L-Artikolu 122(2) tat-TFUE jipprevedi appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri li jinsabu f'diffikultajiet ikkawżati minn ċirkustanzi eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom.

[10]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2013/313/UE tal-21 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2011/77/UE (l-Irlanda) (ĠU L 173, 26.6.2013, p. 40), u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2013/323/UE tal-21 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2011/344/UE (il-Portugall) (ĠU L 175, 27.6.10.2013, p. 47).

[11]             Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/682/UE tal-11 ta’ Ottubru 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2011/77/UE (l-Irlanda) (ĠU L 269, 14.10.2011, p. 31), u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/683/UE tal-11 ta’ Ottubru 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2011/344/UE (il-Portugall), (ĠU L 269, 14.10.2011, p. 32).

[12]             Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/77/UE tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34).

[13]             Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2011/344/UE tat-30 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 30.5.2011, p. 88).

[14]             Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009. Sa issa ma ġiet irreġistrata l-ebda inadempjenza għall-għoti b’self mill-MFA.

[15]             Għalkemm il-ħlas lura tas-self huwa kopert bil-garanzija tal-baġit tal-UE, il-Fond ta’ Garanzija jaġixxi bħala riżervi ta’ likwidità li jipproteġu l-baġit tal-UE kontra r-riskju ta’ sejħiet li jirriżultaw minn inadempjenzi. Għal rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond, ara COM(2010)418 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah (SEC(2010)968).

[16]             COM(2013)426 u SWD(2013)211.

[17]         Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/890/KE tat-30 ta' Novembru 2009.

[18]             Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 938/2010/UE tas-7 ta' Settembru 2010.

[19]             Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 388/2010/UE tas-7 ta’ Lulju 2010.

[20]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/891/KE tat-30 ta' Novembru 2009.

[21]             “Eċċezzjonali” fis-sens li tingħata lil pajjiż li jinsab ’il barra mill-ambitu ġeografiku normali tal-MFA, jiġifieri kandidat/kandidat potenzjali u l-pajjiżi tal-viċinat.

[22]             Ir-Regolament dwar l-EFSM jppermetti li jsir użu minn prefinanzjament billi jawtorizza lill-Kummissjoni li "tissellef fuq is-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żmien l-aktar xieraq bejn il-ħruġ ippjanat tal-fondi, sabiex tottimizza l-kost tal-finanzjament u tippreserva r-reputazzjoni tagħha bħala l-emittent tal-Unjoni fis-swieq."." Madankollu, kwalunkwe kost tar-riport li jirriżulta jitħallas minn min jissellef.

[23]             L-appoġġ huwa pprovdut permezz ta’ selfiet bilaterali mill-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro, miġbura ċentralment mill-Kummissjoni, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tagħhom tal-11 ta’ April 2010.

[24]             L-elementi ewlenin tal-kundizzjonalità tal-politika ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjus meħtieġ biex tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (2010/320/UE). Il-kundizzjonalità kienet spjegata f’iktar dettall f'Memorandum ta' Qbil konkluż bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni f'isem l-Istati Membri fiż-żona tal-euro.

[25]             Dettalji addizzjonali dwar il-Faċilità Griega ta’ Self huma disponibbli fis-sit elettroniku http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms//greek_loan_facility.

[26]             Dettalji addizzjonali dwar l-MES huma disponibbli fuq http://esm.europa.eu.

Top