This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0459
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Fourth Report on the implementation by the Republic of Moldova of the Action Plan on Visa Liberalisation
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Raba’ Rapport dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Raba’ Rapport dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża
/* COM/2013/0459 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Raba’ Rapport dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża /* COM/2013/0459 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Raba’ Rapport dwar l-implimentazzjoni
mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni
tal-Viża 1. introduzzjoni Id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova dwar il-Viża li jeżamina l-kundizzjonijiet
għall-ivjaġġar mingħajr viża taċ-ċittadini
tar-Repubblika tal-Moldova (iktar ’il quddiem iċ-ċittadini
tal-Moldova) lejn l-UE kien imniedi fil-15 ta’ Ġunju 2010. Il-Pjan
ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża (iktar ’il quddiem
VLAP)[1]
ġie ppreżentat lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova (iktar
’il quddiem l-awtoritajiet Moldovani) mill-Kummissjoni
fl-24 ta’ Jannar 2011. Il-VLAP jistabbilixxi sensiela ta’
parametri referenzjarji preċiżi għar-Repubblika tal-Moldova dwar
erba’ hekk magħrufa “elementi”[2]
ta’ kwistjonijiet teknikament rilevanti, bl-għan kemm tal-adozzjoni ta’
qafas leġiżlattiv u politiku (fażi 1) kif ukoll
tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu (fażi 2). Il-Kummissjoni irrappurtat regolarment lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-VLAP. L-Ewwel Rapport ta’
Progress dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’
Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża ġie ppreżentat
fis-16 ta’ Settembru 2011[3].
Fis-7 ta’ Ottubru 2011, saret Laqgħa tal-Uffiċjali
Għolja, li matulha ġie ppreżentat l-Ewwel Rapport ta’ Progress u
ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess. Il-missjonijiet ta’ evalwazzjoni dwar l-Elementi 2,
3 u 4 tal-VLAP ġew organizzati fit-tieni nofs ta’ Ottubru u
fil-bidu ta’ Novembru 2011, u involvew esperti mill-Istati
Membri tal-UE akkumpanjati mill-uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-Servizz
Ewropew għal azzjoni Esterna (iktar ’il quddiem EEAS). L-għan ta’
dawn il-missjonijiet esperti kien li jivvalutaw il-qafas leġiżlattiv,
politiku u istituzzjonali skont il-parametri referenzjarji tal-ewwel fażi
tal-VLAP u l-konformità tiegħu mal-istandards Ewropej u internazzjonali.
Ir-rapporti tal-esperti ġew iffinalizzati f’Diċembru 2011. It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’
Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża nħareġ
fid-9 ta’ Frar 2012[4].
Fis-27 ta’ Frar 2012, saret Laqgħa tal-Uffiċjali
Għolja li matulha ġie ppreżentat it-Tieni Rapport ta’ Progress u
ġew diskussi l-passi li jmiss fil-proċess. It-Tielet Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova tal-Pjan ta’
Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża nħareġ
fit-22 ta’ Ġunju 2012[5].
Kien it-tielet u l-aħħar rapport ta’ progress dwar l-ewwel fażi
tal-VLAP u ppreżenta valutazzjoni konsolidata mill-Kummissjoni dwar
il-progress li sar mir-Repubblika tal-Moldova sabiex tilħaq il-parametri
referenzjarji tal-ewwel fażi tal-VLAP relatati mal-istabbiliment ta’ qafas
leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali. Il-valutazzjoni tal-impatti migratorji u
ta’ sigurtà li jista’ jkollha l-liberalizzazzjoni futura tal-viża
għaċ-ċittadini tal-Moldova li jivvjaġġaw lejn l-UE
nħarġet fit-3 ta’ Awwissu 2012[6] mill-Kummissjoni bl-involviment
tal-aġenziji tal-UE u l-partijiet interessati relevanti. Il-Kunsill, wara li bena fuq dawn ir-rapporti,
adotta Konklużjonijiet fid-19 ta’ Novembru 2012 li fihom
ġie miftiehem mal-Kummissjoni li r-Repubblika tal-Moldova kienet issodisfat
il-parametri referenzjarji kollha skont l-ewwel fażi tal-Pjan ta’
Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża. Sussegwentement, tnediet
il-valutazzjoni tal-parametri referenzjarji stabbiliti skont it-tieni fażi.
Il-passi li jmiss tat-tieni fażi kif
ukoll it-tħejjija tal-missjonijiet ta’ evalwazzjoni ġew diskussi
matul Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja li saret
fit-28 ta’ Jannar 2013. Ġiet organizzata sensiela
ġdida ta’ missjonijiet ta’ evalwazzjoni dwar l-erba’ elementi
kollha tal-VLAP
mit-18 ta’ Frar sal-15 ta’ Marzu 2013.
Il-missjonijiet ta’ evalwazzjoni ma kellhomx paragun f’terminu ta’ ambitu u
dettalji tal-valutazzjoni – erba’ ġimgħat ta’ involviment ta’ 12-il
espert mill-Istati Membri tal-UE akkumpanjati minn uffiċjali
tal-Kummissjoni u tal-EEAS. Il-missjonijiet tal-esperti kellhom
l-għan li jivvalutaw kemm l-istatus ta’ lħuq tal-parametri ta’
referenza tat-tieni fażi tal-VLAP, kif ukoll il-limitu
tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv, politiku u
istituzzjonali, b’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali.
Ingħatat attenzjoni partikolari għal oqsma
bħall-antidiskriminazzjoni u l-integrazzjoni ta’ minoritajiet u
t-traffikar ta’ bnedmin, xi wħud minnhom imsemmija wkoll
fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2012. Ir-rapporti tal-esperti ġew
iffinalizzati f’Mejju 2013. Ir-Repubblika tal-Moldova impenjat ruħha
li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet inklużi f’dawn ir-rapporti permezz
ta’ Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali aġġornat li l-abbozz tiegħu sar
fl-aħħar ta’ Mejju 2013. Il-Pjan ta’ Azzjoni
għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża wera li huwa inċentiv importanti
għar-riformi u għen lir-Repubblika tal-Moldova biex iżżomm
pass kontinwu ta’ riformi strutturali mill-2010. Ġie stabbilit il-qafas
leġiżlattiv u politiku kif rikonoxxut mill-konklużjoni tal-ewwel
fażi tal-VLAP f’Novembru 2012. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li
jippreżenta l-istat tal-implimentazzjoni tal-qafas
leġiżlattiv u istituzzjonali, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet
u l-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji. Il-Kummissjoni
ppreparat dan ir-rapport ta’ progress abbażi ta’ missjonijiet komprensivi
ta’ evalwazzjoni ta’ Frar-Marzu 2013, inklużi r-rapporti li
l-abbozz tagħhom sar f’dak il-kuntest minn esperti tal-Istati Membri, kif
ukoll informazzjoni addizzjonali li waslet għand is-Sottokumitat
Konġunt Nru 3 tal-UE u tar-Repubblika tal-Moldova[7] u matul id-Djalogu dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova li t-tnejn saru
f’April 2013. Ingħatat attenzjoni speċjali
għas-sostenibbiltà tar-riformi u r-riżultati miksuba, inkluż
permezz ta’ persunal u finanzjament li għandu rilevanza. Ir-rapport
jinkludi wkoll valutazzjoni dwar l-istat ta’ ssodisfar
tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika tal-Moldova
inklużi fir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatti[8] ta’ Awwissu 2012. 2. valutazzjoni
tal-implimentazzjoni tal-erba’ elementi tal-pjan ta’ azzjoni
għal-liberalizzazzjoni tal-viża Element 1: sigurtà tad-dokument,
inklużi l-bijometriċi (a) Parametri ta’ referenza VLAP ·
Ħruġ gradwali ta’ passaporti
bijometriċi b’konformità mal-istandards ICAO, inklużi f’konsolati
Moldovani ’l barra mill-pajjiż, u l-eliminazzjoni gradwali ta’ passaporti
li ma jikkonformawx mal-istandards ICAO Minn Jannar 2011, ir-Repubblika
tal-Moldova bdiet toħroġ esklussivament passaporti bijometriċi
(passaporti ordinarji, passaporti diplomatiċi, passaporti uffiċjali u
passaporti għal persuni mingħajr stat) bl-implimentazzjoni
tal-prinċipju “Passaport wieħed, dokument wieħed”. Fil-31 ta’ Diċembru 2012,
kien hemm jiċċirkolaw 2 514 335 passport ta’ ċittadini
tar-Repubblika tal-Moldova, li 487 745 minnhom (jew 19.3%) kienu passaporti
bijometriċi. Sal-2020, hija ppjanata l-eliminazzjoni totali ta’ passaporti
mhux bijometriċi. Mill-1 ta’ Jannar 2012,
iċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu barra mill-pajjiż
jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet lill-missjonijiet diplomatiċi
tar-Repubblika tal-Moldova u lill-uffiċċji konsulari sabiex jiksbu
passaporti bijometriċi. L-ambaxxati u l-konsulati kollha tar-Repubblika
tal-Moldova barra mill-pajjiż, mingħajr eċċezzjoni, kienu
mgħammra b’tagħmir speċjali għall-ġbir ta’ dejta
bijometrika mill-applikanti. Dan il-passaport bijometriku ġdid jikkonforma
mal-istandards ICAO u jinkludi għadd ta’ fatturi tas-sigurtà rakkomandati
mill-ICAO[9].
Mit-2 ta’ Jannar 2013,
iċ-Ċentru għar-Riżorsi ta’ Informazzjoni tal-Istat
“Registru” (CSIR Registru, iktar ’il quddiem ir-"Registru")
jaħdem bir-riżorsi tiegħu stess u b’ċertifikati
pubbliċi ewlenin. Fit-28 ta’ Settembru 2012, l-awtoritajiet
tal-Moldova għamlu applikazzjoni biex jingħaqdu mad-Direttorju
Ewlieni Pubbliku tal-ICAO (iktar ’il quddiem ICAO PKD). Fil-bidu tal-2013, sar
l-abbozz tal-Ordni bi ħlas tal-Ministeru tat-Teknoloġija
tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem MITC) mir-Registru
tat-tariffa ta’ reġistrazzjoni unika sabiex jingħaqad mal-ICAO PKD.
L-iffirmar mir-Registru ta’ kuntratt ta’ akkwist ta’ ktejjeb b’ċippa
integrata, abbażi tar-riżultati tas-sejħa
għall-offerti ta’ Jannar 2012 ġie sospiż sa
Frar 2013 minħabba proċedura legali li ġiet
miċħuda mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tar-Repubblika
tal-Moldova. Ir-rebbieħ tas-sejħa għall-offerti u r-Registru
huma mistennija li jiffirmaw kuntratt fis-sajf tal-2013. ·
Livell għoli ta’ integrità u sigurtà
tal-proċess ta’ applikazzjoni, personalizzazzjoni u distribuzzjoni
għall-passaporti, kif ukoll karti tal-identità u ta’dokumenti
oriġinaturi oħra Ir-‘Registru’ huwa responsabbli
mill-ħruġ ta’ dokumenti tal-Ivjaġġar u tal-Identità.
L-uffiċċji kollha tas-Servizz tal-istatus Ċivili huma
kkompjuterizzati u assoċjati permezz ta’ kanali ta’ komunikazzjoni siguri
ma’ Sistema ta’ Informazzjoni Awtomatizzata bl-isem “Reġistru tal-Istat
tal-Popolazzjoni (iktar ’il quddiem RSP). Iċ-ċertifikati tat-twelid,
taż-żwieġ, tal-mewt u tat-tibdil fl-isem/kunjom
maħruġa huma fformattjati b’mod identiku u jinkludu l-istess elementi
ta’ sigurtà[10].
Applikazzjonijiet għal dokumenti
tal-ivjaġġar u karti tal-identità nazzjonali jsiru fid-49
uffiċċju territorjali u reġjonali tar-Registru. Il-verifiki li
jsiru minn dawk l-uffiċċji ġeneralment jikkonċernaw
il-preċiżjoni tad-dejta u l-kompletezza tal-applikazzjoni, kif ukoll
verifiki mhux elettroniċi b’relazzjoni mal-MoI fir-rigward ta’ ksur
tal-liġi, każijiet kriminali u persuni li jkunu wettqu reati. Il-potenzjal għal xi ħadd biex
juża identitajiet multipli jidher li huwa limitat ħafna minħabba
l-eżistenza tal-RSP li jinkludi ammont kbir ta’ dejta relatata ma’ kull
ċittadin Moldovan. L-inklużjoni tal-bijometriċi fil-passaporti
“tiffriża” l-identità tad-detentur u tipprevjeni li tintuża identità
differenti. Ir-'Registru' qed jieħu passi serji biex
inaqqas kemm jista’ jkun il-korruzzjoni fil-livell tal-persunal, fost
l-oħrajn permezz ta’ separazzjoni ċara ta’ obbligi u l-funzjonijiet
tal-persunal, assenjar aleatorju ta’ applikanti lill-uffiċjali;
reviżjoni tat-talbiet tal-applikanti minn minimu ta’ 3 uffiċjali
differenti u ħlasijiet ta’ tariffi permezz ta’ magna tal-flus awtomatika
(ATM). Il-preżenza ta’ diversi verifiki tal-applikazzjonijiet tagħmel
l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ frodi fis-sistema mill-persunal iktar
diffiċli. Minbarra dan, is-Servizz tal-Istatus
Ċivili żviluppa strateġija għall-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell tal-persunal. Il-miżuri
jinkludu spezzjonijiet mhux ippjanati, aċċess limitat għal
dejta, sorveljanza bil-vidjow u dikjarazzjonijiet ta’ dħul, proprjetà u
kunflitt ta’ interess. F’kull uffiċċju lokali tal-applikazzjonijiet,
jidhru avviżi b’informazzjoni rigward korruzzjoni. Konsegwentement
għal dawn il-miżuri l-ġodda, ġew imposti seba’ sanzjonijiet
dixxiplinarji għal ksur imwettaq mill-impjegati tal-Uffiċċju
tal-Istatus Ċivili, wara investigazzjonijiet li saru fl-2012. L-applikanti li jgħixu fir-reġjun ta’
Transnistria[11]
jistgħu japplikaw għal dokumenti f’wieħed
mill-uffiċċji li jinsabu ħdejn il-linja amministrattiva.
Mis-17 ta’ Lulju 2003, sitt uffiċċji permanenti
fir-Repubblika tal-Moldova u uffiċċju mobbli wieħed jindirizzaw
tali talbiet u huma stabbiliti l-istess organizzazzjoni prattika u
proċeduri ewlenin bħal fil-bqija tar-Repubblika tal-Moldova.
Il-persuni li għandhom dokumenti maħruġa mill-“awtoritajiet” ta’
Transnistria jistgħu jirreġistraw id-dokumenti tal-istatus
ċivili tagħhom mal-awtoritajiet tal-Moldova billi jittraskrivuhom
mill-Uffiċċju tal-Istatus Ċivili u jiġu inklużi
fl-RSP. Imbagħad jinħareġ dokument lill-individwu
mill-Uffiċċju tal-istatus Ċivili li jippermettilhom jiksbu
passaport Moldovan. Proċedura speċjali għar-rikonoxximent
tad-dokumenti oriġinaturi maħruġa mill-“awtoritajiet ta’
Transnistria” hija prevista fil-liġi. L-identità tista’ tiġi
stabbilita permezz ta’ dokumenti ta’ identità jew ivvjaġġar
preċedenti tar-Repubblika tal-Moldova jew abbażi ta’ rekords
familjali. F’ħafna każijiet, il-verifikazzjoni tal-identità
tal-individwu se tkun relattivament sempliċi peress li rekords sal-1992
huma disponibbli. Għall-persuni li twieldu fir-reġjun ta’
Transnistria mill-1992 ’il quddiem, l-istabbiliment u l-intitolament għal
ċittadinanza tar-Repubblika tal-Moldova jirrikjedu investigazzjoni ta’
rekords tal-ġenituri jew ta’ aħwa sabiex tiġi stabbilita
relazzjoni familjari. Fl-aħħar nett, livell raġonevoli ta’
ċertezza dwar l-identità jista’ jintlaħaq permezz ta’ dejta
inkroċjata relatata ma’ rekords ta’ membri tal-familja fl-RSP. ·
Rappurtar fil-pront u sistematiku lil bażi
tad-dejta tal-Interpol/LASP dwar passaporti mitlufa jew misruqa Minn Ottubbru 2011, ġew stabbiliti
proċessi għad-dettalji tal-passaporti mitlufa jew misruqa kollha li
jintbagħtu kull ħames minuti mir-‘Registru’ lill-Uffiċċju
Ċentrali Nazzjonali tal-Pulizija (iktar ’il quddiem NCB) li huwa punt ta’
kuntatt mal-Interpol. L-NCB jibgħat din l-informazzjoni lill-Interpol anke
fuq bażi ta’ kuljum permezz ta’ sistema elettronika dak il-ħin stess.
Ma ssir ebda distinzjoni bejn passaporti mitlufa u passaporti misruqa. Il-punti
ta’ qsim fuq il-fruntieri huma konnessi ma’ bażi tad-dejta tal-Interpol
dwar passaporti mitlufa jew misruqa. L-għadd ta’ passaporti mitlufa huwa
għoli ħafna meta mqabbel mal-għadd ta’ passaporti li
jinħarġu. Fl-2011, 29 946 passport ġew iddikjarati mitlufa
filwaqt li nħargu 261 259. Fl-2012, 32 343 passport ġew
iddikjarati mitlufa filwaqt li nħarġu 260 393. Minn
Ottubru 2011, 15 603 passaport mitluf ġew iddikjarati li nstabu
u nġabru lura. ·
Skambju regolari ta’ kampjuni ta’ passaporti u
kooperazzjoni dwar is-sigurtà ta’ dokumenti fl-UE L-Istati
Membri tal-UE huma aġġornati fuq bażi annwali dwar kampjuni
ġodda ta’ passaporti fir-Repubblika tal-Moldova permezz ta’ kanal
speċifiku ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, mill-2009, ir-Repubblika
tal-Moldova ngħaqdet nar-Reġistru Pubbliku ta’ Identità Awtentika u
Dokumenti tal-Ivjaġġar onlajn (iktar ’il quddiem PRADO) tal-Kunsill
tal-Unjoni Ewropea. L-aħħar aġġornament li sar fis-sistema
PRADO kien fl-1 ta’ Lulju 2011, meta ġew introdotti
kampjuni ġodda bil-fatturi ta’ sigurtà tal-passaporti bijometriċi
tal-Moldova. F’Diċembru 2012, intbagħtu 65 kampjun ġdid
bil-fatturi tas-sigurtà tal-passaporti bijometriċi diplomatiċi u
tas-servizz tal-Moldova. Fl-2012, id-Diviżjoni tal-Esperti tad-dokumenti
tad-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera, irċeviet, permezz
tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Integrazzjoni Ewropea (iktar ’il
quddiem MFAEI) kampjuni tad-dokumenti tal-ivjaġġar tal-Istati Membri
tal-UE (62 biċċa). (b) Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Jiġu stabbiliti u applikati sanzjonijiet
proporzjonati, effettivi u dissważivi għall-persuni akkużati li
biegħu jew sellfu l-passaporti tagħhom L-Artikolu 361 tal-Kodiċi Kriminali
tar-Repubblika tal-Moldova diġà jipprevedi sanzjonijiet
għall-fabbrikazzjoni, il-pussess, il-bejgħ jew l-użu ta’
dokumenti uffiċjali foloz. Rigward passaporti mitlufa jew misruqa,
l-awtoritajiet tal-Moldova bħalissa qed jeżaminaw il-possibbiltà li
jirristrinġu iktar il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’
passaporti lill-persuni li jkunu ammettew tali każijiet. ·
Kondiviżjoni regolari mal-awtoritajiet
tal-UE dwar passaporti bijometriċi mitlufa jew misruqa, b’mod partikolari
pemezz tal-użu tal-bażi tad-dejta tal-Interpol dwar Dokumenti
tal-Ivjaġġar Mitlufa jew Misruqa Ara l-punt tal-parametri ta’ referenza
"Rappurtar fil-pront u sistematiku lill-bażi tad-dejta
tal-Interpol/LASP dwar passaporti mitlufa jew misruqa", paġna 5
ta’ dan ir-rapport. ·
Tisħiħ tal-qafas legali u
istituzzjonali rigward “ir-Reġistru Ċivili” sabiex jiġi evitat
l-abbuż tat-tibdil fl-ismijiet jew fl-identità għall-finijiet ta’
kisba ta’ passaport ġdid. Għandhom jiġu stabbiliti u applikati
regoli ċari rigward it-tibdil tal-ismijiet; il-qafas legali u
istituzzjonali għandu jissaħħaħ u jinkludi kontroll
effettiv kif ukoll miżuri ta’ traċċibbiltà Kwalunkwe
ċittadin jista’ japplika sabiex jibdel ismu jew kunjomu.
Id-deċiżjoni tittieħed mill-uffiċċju tal-Istatus
Ċivili Ċentrali. Il-liġi ma tinkludi ebda limitu fuq in-numru
ta’ drabi li l-isem u l-kunjom jistgħu jinbidlu. In-numru ta’ identifikazzjoni
personali uniku (minn hawn ’il quddiem IDNP) fiċ-ċertifikat
tat-twelid ma jista’ jinbidel qatt u fil-każ ta’ tibdil fl-isem jew
il-kunjom, id-dokumenti tal-ivjaġġar u tal-identità preċedenti
jiġu invalidati. Il-kontrolli fuq il-fruntieri fil-punti tal-ħruġ,
isiru abbażi tal-IDNP, filwaqt li l-Pulizija tal-Fruntiera għandhom
l-aċċess għall-RSP li jinkludi l-ismijiet/kunjomijiet
preċedenti taċ-ċittadini tal-Moldova. Is-sistema stabbilita
tnaqqas b’mod sinifikanti l-abbuż tat-tibdil tal-ismijiet. Valutazzjoni Ġenerali tal-Element 1 L-organizzazzjoni u l-proċessi stabbiliti jiżguraw livell tajjeb ta’ integrità u sigurtà ta’ dokumenti. Ir-reġistrazzjoni ta’ status ċivili u l-proċessi ta’ ħruġ ta’ dokument tjiebu b’mod sinifikanti mill-2010. Is-sistemi ta’ applikazzjoni u ħruġ stabbiliti huma siguri, maħsuba sew u jipprovdu servizz tajjeb liċ-ċittadini. Qed jiġu distribwiti passaporti bijometriċi li jikkonformaw mal-ICAO u l-passaporti l-qodma qed jiġu eliminati gradwalment. Ir-Repubblika tal-Moldova qed tintalab ukoll tipprovdi informazzjoni ulterjuri dwar in-numru għoli ta’ passaporti mitlufa. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova ġeneralment tissodisfa l-parametri referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti taħt l-Element 1. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa dwar: · L-introduzzjoni tal-użu ta’ ktejjeb b’ċippa integrata, li timplimenta kemm il-Kontroll Estiż tal-Aċċess (KES) kif ukoll il-Kontroll Supplimentari tal-Aċċess (KSA). · L-awtomazzjoni ta’ kemm jista’ jkun possibbli proċessi, l-eliminazzjoni tan-numru ta’ proċeduri manwali li għadhom fis-seħħ bħalissa u l-ħolqien ta’ ħolqa elettronika tar-‘Registru’ mal-Ministeru tal-Intern. Element 2: immigrazzjoni irregolari,
inkluża r-riammissjoni Element 2 / suġġett 1 –
L-immaniġġjar tal-fruntieri (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimentazzjoni effettiva ta’
leġiżlazzjoni ta’ kontroll tal-fruntieri permezz ta’ verifiki
tal-fruntieri, u sorveljanza tal-fruntieri, proċeduri u effettività
operazzjonali, stampa tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali u lokali,
inkluża l-implimentazzjoni tal-analiżi tar-riskju,
l-immaniġġjar tal-intelliġenza u l-fluss tad-dejta kif ukoll
l-aċċess dirett u l-konsultazzjoni ta’ bażijiet tad-dejta
rilevanti nazzjonali u internazzjonali Fl-1 ta’ Lulju 2012,
daħlet fis-seħħ liġi dwar il-Pulizija tal-fruntiera li
tgħid li s-Servizz ta’ Gwardja tal-Fruntieri ġie ristrutturat
f’Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera tal-Ministeru tal-Intern (iktar ’il
quddiem MoI) tar-Repubblika tal-Moldova. Il-Pulizija tal-Fruntiera għandhom
il-kompetenzi u s-setgħat eżekuttivi fil-qasam ta’ mmaniġġjar
integrat tal-fruntieri, kif ukoll fil-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’
kriminalità transfruntiera. Il-Liġi dwar il-Fruntiera tal-Istat issegwi
d-definizzjonijiet u l-qafas tal-Kodiċi ta’ Schengen dwar il-Fruntieri[12] u tikkunsidra wkoll il-qafas
legali tal-Unjoni Ewropea għar-responsabbiltà tat-trasportaturi,
speċjalment id-Direttiva dwar l-obbligi tat-trasportaturi li jikkomunikaw
dejta dwar il-passiġġieri (Direttiva 2004/82/KE). Il-Pulizija
tal-Fruntiera qed iwettqu l-attivitajiet tagħhom skont regoli u
regolamenti simili bħall-gwardji tal-fruntieri tal-istati ta’ Schengen
tal-UE. Fiż-żona kkontrollata mill-Moldova, ġew stabbiliti
56 punt ta’ qsim tal-fruntieri (iktar ’il quddiem BCPs) u t-traffiku fuq
il-fruntieri tar-Repubblika tal-Moldova jvarja bejn 13 u 15-il miljun
passiġġier kull sena. Il-verifiki fuq il-fruntieri huma b’mod
ġenerali mwettqa b’konformità mal-aħjar prattiki tal-Katalogu ta’
Schengen tal-UE. Is-sistemi ta’ rappurtar u analiżi
tar-riskju jinsabu f’livell tajjeb ħafna, anke meta mqabbel mas-sistemi
tal-pajjiżi ta’ Schengen. Is-sistemi tal-analiżi tar-riskju ssegwi
l-mudell komuni integrat tal-analiżi tar-riskju (CIRAM) tal-FRONTEX u
l-profili huma maħsuba sew u huma ta’ kwalità għolja. Bħala
parti min-Netwerk tal-Analiżi tar-Riskju tal-Fruntieri tal-Lvant
tal-FRONTEX (EB-RAN), il-Pulizija tal-Fruntiera jiskambjaw informazzjoni
mal-FRONTX kull xahar. Barra minn hekk, bl-għajnuna tal-Missjoni ta’
Assistenza tal-Fruntieri tal-UE għar-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna
(iktar ’il quddiem EUBAM), il-Pulizija tal-Fruntiera u d-Dwani, u
l-kontrapartijiet Ukranjani tagħhom qed ifasslu abbozz ta’ Rapport ta’
Valutazzjoni dwar is-Sigurtà Komuni tal-Fruntieri. Is-sorveljanza tal-fruntieri hija ppjanata u
mwettqa skont sistema tal-analiżi tar-riskju. In-numru ta’ rondi huwa
f’livell raġonevolment tajjeb. L-immaniġġjar integrat
tal-fruntieri (iktar ’il quddiem IBM) jinkludi pjanijiet għall-bini ta’
sistema ta’ sorveljanza komprensiva fissa fuq il-fruntieri. Billi tiġi introdotta
sistema ta’ sorveljanza fissa ma-sistemi portabbli (awtomatiċi) ta’
kumplimentazzjoni, il-Pulizija tal-Fruntiera jistgħu jimplimentaw
is-sistema tas-sorveljanza tal-fruntieri b’livell adegwat. Il-Pulizija
tal-Fruntieri għandhom numru adegwat ta’ klieb tas-servizz (total ta’ 123,
li 74 minnhom kienu klieb tal-intraċċar). B’mod ġenerali,
it-tagħmir għall-ewwel kontrolli tal-fruntieri jissodisfa
l-istandards Ewropej. L-għadd ta’ twissijiet fil-bażijiet tad-dejta
kien iktar minn 5 700 fl-2012 (5 687 twissija nazzjonali; 56 twissijiet
tal-Interpol) u l-għadd totali żdied b’iktar minn erba’ darbiet meta
mqabbel mal-2011. L-uffiċjali tal-ewwel linja għandhom
aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Integrata tal-Pulizija
tal-Fruntiera (iktar ’il quddiem BPIIS), qafas legali, twissijiet barranin,
profili tar-riskju u internet (e.ż. PRADO). Il-BCPs kollha għandhom
konnessjonijiet onlajn mal-bażijiet ta’ dejta ċentrali. Minħabba
n-nuqqas ta’ tagħmir suffiċjenti, il-livell tal-verifiki tat-tieni
linja mhuwiex f’livell adegwat fil-BCPs kollha. ·
Il-provvediment ta’ infrastruttura adegwata,
tagħmir tekniku, sistemi tal-IT, riżorsi finanzjarji u umani
b’konformità mal-Istrateġija IBM u l-Pjan ta’ Azzjoni li għandhom
jiġu adottati u l-implimentazzjoni effettiva ta’ programm ta’
taħriġ u l-miżuri kontra l-korruzzjoni Il-Pulizija tal-Fruntiera qed
jaġġornaw is-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntieri u se jistabbilixxu
Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (iktar ’il quddiem NCC).
L-iżvilupp tal-istampa tas-sitwazzjoni huwa parti mill-pjan tat-tielet fażi
li għaddej bħalissa bl-isem “Żvilupp ta’ sistema ta’
komunikazzjoni fissa u mobbli fuq il-fruntiera tal-istat”. Dawn
il-fażijiet jinkludu l-akkwist ta’ tagħmir u l-bini ta’ sistema ta’
telekomunikazzjoni fissa u mobbli għall-pajjiż kollu. L-istabbiliment
tal-NCC se jtejjeb is-sensibilizzazzjoni sitwazzjonali, u se jippermetti wkoll
kooperazzjoni mas-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri esterni[13] (iktar’ il quddiem EUROSUR).
Il-Pulizija tal-Fruntiera għandhom għadd suffiċjenti ta’
tagħmir għas-sorveljanza tal-fruntieri (e.ż. kameras ta’
viżjoni termini u nuċċalijiet għall-vista bil-lejl,
iżda bħalissa għandhom nuqqas ta’ sistemi fissi ta’
sorveljanza). In-numru ppjanat ta’ persunal tal-Pulizija
tal-Fruntiera huwa ta’ 3 543, li minnhom bħalissa, 83% (2 945) huma
reklutati. Ir-raġuni għan-nuqqas ta’ persunal hija li ma
għadhomx jiġu impjegati suldati tal-lieva għall-kontrolli
tal-fruntieri u l-postijiet vakanti kollha għandhom jimtlew
sal-aħħar tal-2013. Il-Kulleġġ nazzjonali tal-Pulizija
tal-Fruntiera jorganizza programm ta’ taħriġ ta’ sentejn
għall-uffiċjali mhux kummissjonali u korsijiet ta’ sitt xhur ta’
taħriġ bażiku għall-impjegati ġodda. Il-programm ta’
sentejn għall-uffiċjali mhux kommissjonati japplika
għall-proċess ta’ Kopenħagen, u kien imfassal bl-għajnuna
tal-EUBAM u skont il-Kurrikulu Komuni Ewlieni tal-UE (iktar ’il quddiem CCC)
għat-taħriġ tal-gwardji tal-fruntieri. B’mod ġenerali,
il-programmi ta’ taħriġ jagħtu bażi soda għall-preparazzjoni
ta’ persunal professjonali għall-finijiet tal-immaniġġjar
tal-fruntieri. Il-Pulizija tal-Fruntiera diġà implimentaw
il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki
għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni[14]
tal-Katalogu ta’ Schengen tal-UE dwar il-Kontroll tal-fruntieri esterni[15]. Il-Kodiċi Deontoloġiku
tal-Pulizija tal-Fruntiera ġie approvat
fit-13 ta’ Ġunju 2008 u s-salarji tal-Pulizija
tal-Fruntiera huma f’livell kompetittiv. Jitwettqu kontrolli mhux avżati u
l-persunal tal-Pulizija tal-Fruntiera għandhom jippubblikaw l-interessi
personali u d-dħul tagħhom meta jidħlu fis-servizz u kull sena
wara dakinhar. Hija stabbilita sistema ta’ rotazzjoni regolari. ·
Titjib tal-kooperazzjoni interaġenzija
(inkluż l-iskambju tad-dejta bejn is-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera u
l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi) il-kooperazzjoni internazzjonali,
inkluża l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u l-implimentazzjoni
ta’ arranġament ta’ ħidma mal-FRONTEX għal livell għoli ta’
effettività. Il-kooperazzjoni interaġenzija
fl-immaniġġjar tal-fruntieri laħqet livell sodisfaċenti.
Il-Pulizija tal-Fruntiera għandhom kooperazzjoni intensiva ħafna
mal-Pulizija, id-dwani, u l-uffiċċju tal-Migrazzjoni u l-Ażil
(iktar ’il quddiem BMA). Il-kooperazzjoni bejn il-Pulizija tal-Fruntiera u
l-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (iktar ’il quddiem GPO)
żdiedet strutturalment wara li l-Pulizija tal-Fruntiera rċeviet
kompetenzi ġodda għal investigazzjonijiet kriminali. Il-forom ewlenin
tal-kooperazzjoni interaġenzija huma l-iskambju tal-informazzjoni,
timijiet konġunti tal-investigazzjoni, azzjonijiet konġunti u
taħriġ konġunt. Fil-BCPs kollha, il-Pulizija tal-Fruntiera u
tad-Dwana implimentaw kontrolli f’punt wieħed. Huma qed jużaw sistema
komuni ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi tal-merkanzija u jistgħu jużaw
it-tagħmir ta’ xulxin, pereżempju sabiex jiċċekjaw
il-vetturi. Il-Pulizija tal-Fruntiera stabbilixxiet sett
komprensiv ta’ ftehimiet u protokolli ta’ kooperazzjoni mar-Rumanija u
l-Ukrajna. Fl-2012, il-Pulizija tal-Fruntiera kompliet il-kooperazzjoni
mal-EUBAM, biex tiżgura implimentazzjoni effiċjenti tal-attivitajiet
tad-9 Pjan ta’ Azzjoni tal-Fażi Annwali[16].
Mill-2006, il-Pulizija tal-Fruntiera għandha uffiċjal ta’ kuntatt
fiċ-ċentru konġunti ta’ Galati għall-kooperazzjoni
transfruntiera. Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni jeżistu ma’ xi Stati Membri
tal-UE (il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, l-Ungerija u l-Polonja).
Il-Kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra tal-Istati Indipendenti
tal-Commonwealth (iktar ’il quddiem CIS) isseħħ permezz tal-Kunsill
Kmandant tas-Servizzi tal-Gwardja tal-Fruntieri tas-CIS. Fl-aħħar
nett, hemm protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntieri tal-istati
tal-GUAM[17].
Il-Pulizija tal-Fruntiera ffirmat arranġament ta’ ħidma mal-Frontex
f’Awwissu 2008 u pparteċipat f’diversi attivitajiet ikkoordinati
tal-FRONTEX. F’Diċembru 2012, ġie stabbilit il-Punt ta’ Kuntatt
Nazzjonali tal-FRONTEX (NFPOC) fid-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera, u
ġie assenjat b’kompetenzi fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tal-Pjan ta’ Kooperazzjoni tal-FRONTEX. (b) Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Ikompli t-tisħiħ tal-kontrolli
tal-fruntieri, inkluż l-analiżi tar-riskju u l-miżuri ta’
sorveljanza, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq
il-fruntieri, u t-tkomplija tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-EUBAM
fl-oqsma kollha tal-immaniġġjar tal-fruntieri; Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 7 u 8 ta’ dan ir-rapport. ·
Tissaħħaħ il-kooperazzjoni
mal-pajjiżi tal-viċinat. Jissaħħu l-kooperazzjoni
bilaterali u internazzjonali u l-iskambju tal-informazzjoni dwar dejta
statistika u analitika u dejta/intelliġenza tattika/operattiva, permezz
ta’ miżuri bħall-inizjazzjoni/parteċipazzjoni f’operazzjonijiet
transfruntiera konġunti, timijiet ta’ investigazzjoni konġunti, u
timijiet ta’ intelliġenza konġunti, sabiex ikun iffaċilitat
l-iskambju ta’ uffiċjali ta’ kuntatt u sabiex jiġi offrut
taħriġ għal twettiq ta’ kontrolli konġunti fuq il-fruntieri
u fid-dwana Ara l-Parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 8, 9 u 10 ta’ dan ir-rapport. ·
Jitjiebu t-taħriġ u l-bini
tal-kapaċità fir-rigward ta’ dwana internazzjonali u kooperazzjoni
fl-infurzar tal-liġi u l-iskambju tal-informazzjoni. Ara l-Parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 8, 9 u 10 ta’ dan ir-rapport. ·
Jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta’ kontroll
fuq il-fruntieri komuni. Kondiviżjoni ta’ intelliġenza u
tisħiħ ta’ valutazzjoni komuni ta’ sitwazzjoni fil-livell operattiv. Ara l-Parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 8, 9 u 10 ta’ dan ir-rapport. ·
Tissaħħaħ il-kooperazzjoni
mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari l-Ukrajna Ir-Repubblika tal-Moldova u l-awtoritajiet
tal-Ukrajna fl-2007 bdew proġett pilota dwar il-Punt tal-Qsim
tal-Fruntiera Rososhany-Briceni operat b’mod konġunt (iktar ’il quddiem
JOBCP). Il-proġett pilota dawr il-JOBCP kien ippjanat u mibdi
bl-għajnuna u l-appoġġ tal-EUBAM u tal-Kummissjoni Ewropea.
Iż-żewġ kontrapartijiet għaddew ir-responsabbiltà
tal-verifiki fil-punti tal-ħruġ lil xulxin. Il-prinċipji ta’
“tieqa waħda”, “punt fejn tinqeda minn kollox”, “minn id
għall-oħra”, “taħt saqaf wieħed” u “spalla ma’ spalla”
ġew introdotti b’suċċess fil-proġett pilota JOBCP. ·
Jitkompla s-sostenn għall-kooperazzjoni
mal-EUBAM u l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet EUBAM dwar it-titjib u
l-intensifikazzjoni tal-użu ta’ unitajiet mobbli Il-parti tal-fruntiera ta’ Transnistria
mar-Repubblika tal-Moldova-Ukrajna ma taqax taħt il-Kontroll tal-Pulizija
tal-Fruntiera u tad-dwana tar-Repubblika tal-Moldova. Din il-parti tinkludi 25
punt ta’ qsim uffiċjali lejn l-Ukrajna u l-verifiki tal-fruntiera
rikonoxxuti internazzjonalment isiru biss mill-Gwardja tal-Fruntiera
tal-Ukrajna. Matul il-linja amministrattiva interna bejn ir-reġjun ta’
Transnistria u r-Repubblika tal-Moldova, hemm stabbiliti 14-il Punt Intern
għall-Kontroll tad-Dwana (ICCP) fejn jiġu vverifikati
oġġetti mid-Dwana tar-repubblika tal-Moldova. Fi
Frar 2013, l-awtoritajiet tal-Moldova bdew jimplimentaw strateġija
ġdida sabiex jevitaw immigrazzjoni irregolari u kriminalità
transfruntiera, u sabiex ikun iffaċilitat il-fluss tal-passiġġieri
li jgħaddu mir-reġjun ta’ Transnistria. L-istrateġija tinkludi
miżuri bħal: reġistrazzjoni ta’ ċittadini barranin li
jidħlu fir-Repubblika tal-Moldova u li joħorġu minnha fil-linja
amministrattiva kollha; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ICCPs
mill-BMA (f’6 mill-ICCPs se jkun hemm uffiċċju 24/7 ta’
reġistrazzjoni għall-barranin); regoli għall-abbozzar
għall-ICCPs (protezzjoni tad-dejta, skambju ta’ informazzjoni bejn
l-awtoritajiet u diviżjoni ta’ kompiti); kampanji ta’ informazzjoni dwar
regoli ġodda ta’ reġistrazzjoni għall-barranin; l-istabbiliment
ta’ unitajiet mobbli[18]
fil-pajjiż kollu u r-rinfurzar tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet
tal-Ukrajna u l-EUBAM. Skont din l-istrateġija, iċ-ċittadini
barranin li jidħlu fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u li
joħorġu minnu billi jgħaddu mir-reġjun ta’ Transnistria,
inklużi dawk li jgħixu hemmhekk, jistgħu jirreġistraw
ruħhom b’mod volontarju fl-ICCPs, BCPs jew uffiċċji definiti fi
Chisinau, Balti jew Comrat. Dan il-mekkaniżmu mhux se jaffettwa l-moviment
tal-barranin fuq il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tar-Repubblika
tal-Moldova. Sabiex tiġi indirizzata l-immiggrazzjoni irregolari u
l-kriminalità transfruntiera, unità mobbli magħmula minn
70 uffiċjal, se twettaq analiżi tar-riskju bbażata fuq
kontrolli interni fil-pajjiż kollu. Dawn ir-rondi se jsiru b’mod aktar
frekwenti bħala rondi konġunti magħmula mid-Dwana, il-Pulizija,
il-Pulizija tal-Fruntiera u l-BMA. L-implimentazzjoni ta’ din il-politika,
inkluż il-qafas legali għandha l-intenzjoni li titwettaq fl-ewwel
nofs tal-2013. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Moldova għandha
l-intenzjoni li testendi l-prattika ta’ kontroll konġunti u r-rondi
mal-gwardji tal-fruntiera tal-Ukrajna tal-parti ċentrali (ta’ Transnistria)
tal-fruntiera komuni. Din il-prattika nbdiet fl-2012 fuq il-parti
tat-tramuntana tal-fruntiera, fil-punt tal-qsim tal-fruntiera ta’
Rososhany-Briceni sorveljata b’mod konġunt, u li dalwaqt se tiġi
estiża għall-punt tal-qsim tal-fruntiera fi Palanca / Mayaki fuq
in-naħa tan-nofsinhar tal-fruntiera. Valutazzjoni tal-Element 2 / suġġett 1 – L-immaniġġjar tal-fruntiera Il-Pulizija tal-Fruntiera tar-Repubblika tal-Moldova hija organizzata skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Katalogu ta’ Schengen tal-UE, il-verifiki tal-fruntieri u s-sorveljanza jitwettqu skont l-istandards tal-UE u s-sistema tal-analiżi tar-riskju hija organizzata skont l-aħjar prattiki ta’ Schengen. Ċertament għad hemm bżonn ta’ titjib tekniku. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa għal: · L-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ sorveljanza tekniċi fissi fuq il-fruntiera fuq l-art. L-implimentazzjoni tal-aħjar prattika tal-UE għall-istabbiliment tal-NCC u l-RCCs. · L-intensifikazzjoni ta’ kontrolli ta’ vetturi għall-identifikazzjoni ta’ persuni moħbija u titjib tal-analiżi tar-riskju u tal-profili tat-Traffikar tal-Bnedmin (THB). Titjib tat-taħriġ u d-disponibbiltà tal-uffiċjali tal-ewwel linja u tat-tieni linja għall-identifikazzjoni ta’ dokumenti ffalsifikati. Akkwist kontinwu ta’ tagħmir għall-verifiki tat-tieni linja u għall-kontrolli tal-vetturi. Monitoraġġ u reġistrazzjoni ta’ verifiki fuq il-fruntiera f’kull punt. Intensifikazzjoni tal-prevenzjoni kontra l-korruzzjoni fid-dwana u implimentazzjoni tal-aħjar prattiki. · Implimentazzjoni ulterjuri tal-kunċett ta’ unità mobbli għar-reġjun ta’ Transnistria kompost minn awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi mħarrġa biex jindirizzaw l-immigrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera. Għandhom jiġu żgurati skambju awtomatiku ta’ informazzjoni u dejta personali dak il-ħin stess bejn l-awtoritajiet kollha tal-infurzar tal-liġi. Element 2 /
suġġett 2 – Ġestjoni tal-migrazzjoni (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
L-implimentazzjoni effettiva kontinwa tal-ftehim
ta’ riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova u l-miżuri għar-riintegrazzjoni
taċ-ċittadini tal-Moldova (ritorn volontarju jew riammessi) L-Uffiċċju tal-Migrazzjoni u
l-Ażil (BMA) tad-Dipartiment tal-MoI huwa l-awtorità kompetenti
għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ riammissjoni tar-Repubblika
tal-Moldova. Huma stabbiliti l-ftehimiet ta’ riammissjoni li ġejjin
tar-Repubblika tal-Moldova u stati oħra: UE (iffirmat fi Brussell
fl-10 ta’ Ottubru 2007), in-Norveġja
(09 ta’ Awwissu 2006), il-Konfiderazzjoni Żvizzera
(01 ta’ Ġunju 2004, 19 ta’ Mejju 2010), u
t-Turkija (01 ta’ Novembru 2012). Negozjati kontinwi
mal-Albanija, l-Ażerbajġan, il-Federazzjoni Russa, u l-Libanu. Matul
l-aħħar laqgħa bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Kumitat
Konġunt tal-UE dwar ir-Riammissjoni[19]
ġie spjegat li f’termini ta’ applikazzjonijiet ta’ riammissjoni li
jikkonċernaw ċittadini Moldovani mill-pajjiżi tal-UE,
iċ-ċifri naqsu minn 242 fl-2011, għal 142 fl-2012 u għal 57
għall-ewwel ħames (5) xhur tal-2013. Fl-2012, l-ogħla numru ta’
applikazzjonijiet ġie minn Franza (54), il-Ġermanja (34) u l-Awstrija
(26). Il-Ministeru tax-Xogħol, il-Protezzjoni
Soċjali u l-Familja stabbilixxa miżuri sostenibbli
għar-riintegrazzjoni taċ-ċittadini Moldovani permezz
tal-uffiċċji tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Impjieg. Jiġu
organizzati fieri regolari tas-suq tax-xogħol, ġiet stabbilita
hotline, informazzjoni disponibbli (faxxikli, pannelli tal-informazzjoni,
brochures) dwar postijiet vakanti fis-suq tax-xogħol u
l-benefiċċji soċjali għal dawk li ma jaħdmux huma
esebiti b’mod viżibbli fil-fergħat lokali kollha. Il-programm PARE
1+1 ikompli jappoġġa l-investimenti lokali ta’ ċittadini
Moldovani ritornati flimkien ma’ kontribuzzjoni addizzjonali mill-gvern. ·
Implimentazzjoni effettiva ta’ qafas legali
għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni, inkluż il-provvediment
ta’ strutturi amministrattivi b’riżorsi umani adegwati u b’kompetenzi
rilevanti għall-aspetti kollha tal-immaniġġjar tal-migrazzjoni,
kif ukoll il-kooperazzjoni effettiva bejn aġenziji rilevanti L-immaniġġjar tal-migrazzjoni
fir-Repubblika tal-Moldova huwa inkluż fil-Liġi Nru 200/16.07.2010
dwar ir-reġim tal-barranin fir-Repubblika tal-Moldova. Il-liġijiet
nazzjonali iktar antiki (jiġifieri l-Liġi Numru 275/1994,
Liġi Nru 180/2008) għadhom japplikaw għall-barranin li
jibqgħu b’mod legali u għadhom ma ġewx revokati u ġew
integrati fil-Liġi Ġdida. Għadhom pendenti proċeduri
komprensivi għall-kjarifikazzjoni tal-limiti taż-żmien u ebda
sanzjoni ta’ kontravenzjoni fil-mekkaniżmu ta’ ritorn volontarju, kif
ukoll salvagwardji għall-familji u t-tfal[20].
L-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u
l-Ażil (BMA) fil-MoI huwa l-awtorità responsabbli ewlenija
għall-immaniġġjar tal-immigrazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova.
Il-Kummissjoni għall-Koordinazzjoni ta’ ċerti attivitajiet relatati
ma’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni (stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Gvern
133/23.02.2010) tipprevedi l-implimentazzjoni tal-politiki u l-istrateġiji
statali kollha fil-qasam tal-migrazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda
tal-immigrazzjoni irregolari, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-attivitajiet
tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti kollha fil-qasam
tal-immaniġġjar tal-migrazzjoni. Fil-kuntest tar-ristrutturar intern
tal-MoI, il-BMA ġie mgħammar b’riżorsi umani adegwati (22
persunal) għall-koordinazzjoni ta’ diversi kompiti mwettqa fl-Istrateġija
tal-Migrazzjoni. Id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni fil-BMA għandu
kompetenzi addizzjonali, bħar-reġistrazzjoni/kanċellazzjoni
tar-residenza jew id-domiċilju ta’ barranin, ir-reġistrazzjoni ta’
residenza temporanja ta’ barranin fir-Repubblika tal-Moldova sa
90 ġurnata[21],
kif ukoll il-koordinazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal terminu
twil ta’ żmien u l-ġlieda kontra persuni barranin li joqogħdu
b’mod irregolari. It-taħriġ kontinwu lill-persunal tal-BMA jiġi
pprovdut fil-kuntest ta’ proġetti differenti tal-UE, bl-appoġġ
tal-IOM, ICMPD and UNHCR. Workshops estensivi dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni
dwar il-Viża u żjajjar ta’ studju f’diversi Stati Membri tal-UE,
jiġu organizzati fil-kuntest tal-Proġett ReVis. Matul l-aħħar laqgħa
tal-Kumitat Konġunt dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-UE[22],
ġie konkluż li r-rata tar-rifjut tal-viża
għaċ-ċittadini tal-Moldova naqset b’mod sinifikanti minn 11.43%
fl-2010 għal 6.53% fl-2012. L-istatistiki għall-2010 u l-2012 juru li
r-rata tar-rifjut tal-viża uniformi ta’ Schengen naqset fl-ambaxxati u
l-konsulati tal-UE f’Chisinau. Għar-Repubblika Ċeka – tnaqqis minn
22.72% għal 9.55%; il-Litwanja – minn 15.86% għal 2.9%; Franza – minn
14.11% għal 9.9%; il-Polonja – minn 11.64 % għal 6.42%; l-Italja –
minn 15.23% għal 8.0%;. l-Ungerija (ċentru komuni
għall-Applikazzjoni tal-Viża) – minn 7.75% għal 5.9%;
il-Ġermanja - minn 5.33% fl-2010 għal 2.4% fl-2012. Ir-rata medja
ppiżata tar-rifjut tal-viża fl-2010 kienet 11.43%%, fl-2012 kienet
4.8%. Il-perċentwal ta’ viżi ta’ Schengen bi dħul multilpu
maħruġa fir-Repubblika tal-Moldova wkoll żdied b’mod kontinwu
(25.2% fl-2010 u 26.7% fl-2012). ·
Profil tal-migrazzjoni stabbilit u
aġġornat regolarment u analiżi effettiva ta’ dejta dwar stokks u
flussi tal-migrazzjoni Skont statistika uffiċjali (Punti ta’
Qsim tal-Fruntieri) fl-1 ta’ Jannar 2013 – kien hemm 899 500
ċittadin tal-Moldova barra mill-pajjiż, li minnhom 274 500
baqgħu msifrin għal inqas minn 3 xhur, 289 500 għal iktar minn 3
xhur, 100 700 sa sena (1), 55 600 sa 3 snin u 179 100 għal iktar minn 3
snin. Il-Profil ta’ Migrazzjoni Estiża (EMP) ġie stabbilit
bid-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 634/24.08.2012 dwar l-approvazzjoni
tal-lista ta’ indikaturi u mudell EMP. L-ewwel EMP ġie ppubblikat
f’April 2013. L-EMP se jservi bħala strument għall-iżvilupp
ta’ politiki ta’ migrazzjoni iktar effiċjenti u koerenti fir-Repubblika
tal-Moldova, li jkun kumplimentari għall-Istrateġija Nazzjonali
tal-Migrazzjoni u l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tagħha. Ġiet
maħluqa unità speċjalizzata responsabbli għall-produzzjoni u
l-aġġornament tal-Profil ta’ Migrazzjoni Estiża fil-BMA (Unità
dwar l-iżvilupp tal-informazzjoni, l-immaniġġjar tad-dejta u
l-analiżi tar-riskju – 5 persuni). ·
Implimentazzjoni konsistenti ta’
metodoloġija effettiva dwar l-identifikazzjoni fuq l-art ta’ migrazzjoni
irregolari, l-analiżi tar-riskju (inkluż ir-rappurtar ta’
aġenziji rilevanti u l-analiżi ta’ kull livell amministrattiv
e.ż. lokali, ċentrali) u l-investigazzjoni ta’ każijiet ta’
migrazzjoni irregolari ffaċilitata organizzata, inkluża l-kooperazzjoni
effettiva bejn l-aġenziji rilevanti L-identifikazzjoni ta’ persuni barranin li
jibqgħu b’mod irregolari ssir permezz ta’ verifiki u kontrolli
speċifiċi tal-BMA. L-evidenza tiġi vverifikata mas-Sistema
tal-BMA ta’ Informazzjoni Awtomata Integrata dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil
(SIIAMA), rekords tal-Pulizija tal-Fruntiera, ir-Reġistru tal-Popolazzjoni
tal-Istat (ACCESS), BNC INTERPOL, Evidenza kkompjuterizzata ta’ persuni
mħarrkin – “SEARCH”. Il-BMA jagħmel rejds fil-pajjiż kollu
b’kooperazzjoni mal-Ispezzjoni tax-Xogħol, l-Ispettorat Statali dwar
it-Taxxa, u ċ-Ċentru Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika.
Bħala riżultat, 107 persuni barranin fl-2011 u 123 persuna barranija
fl-2012 ġew akkużati bi ksur tar-regoli sabiex jibqgħu
fil-pajjiż u ta’ xogħol mhux iddikjarat. Ġie pprovdut 34
persunal sabiex tiġi żgurata kopertura reġjonali tal-pajjiż
u t-twaqqif ta’ tliet servizzi reġjonali tal-BMA li jiġġieldu
l-fatt li persuni barranin jibqgħu fil-pajjiż. Il-BMA
riċentiment stabbilixxa Unità għall-Iżvilupp tal-Informazzjoni,
l-Immaniġġjar tad-Dejta u l-Analiżi tar-Riskju (persunal ta’5) u
l-Pulizija tal-Fruntiera wkoll stabbilixxiet Unità speċjalizzata
għall-Analiżi tar-Riskju dwar il-migrazzjoni irregolari.
Id-disseminazzjoni u l-użu ta’ din id-dejta fil-BCPs kollha ssir permezz
ta’ bażi tad-dejta onlajn disponibbli fil-BCPs kollha. Sabiex tiġi
żgurata implimentazzjoni komprensiva tal-Liġi dwar il-persuni
barranin u atti regolatorji, il-BMA jikkoopera mad-dipartimenti
speċjalizzati tal-MoI li ġejjin: id-dipartiment tal-Pulizija,
id-dipartiment Penitenzjarju, is-Servizz tal-Informazzjoni u tas-Sigurtà,
id-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera, id-dipartiment tat-Truppi
Carabineer. Fl-20 ta’ Diċembru 2012 ġie ffirmat ftehim
ta’ kooperazzjoni bejn il-BMA u d-dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera sabiex
tiġi evitata u miġġielda l-migrazzjoni irregolari ta’ persuni
barranin fuq il-fruntiera u fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova. Qed jiġi implimentat Pjan ta’ Azzjoni
għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiżguraw il-kontroll
tal-flussi tal-migrazzjoni li jgħaddu mir-reġjun ta’ Transnistria.
Huwa maħsub li jkollu reġistrazzjoni aħjar ta’ barranin
fil-Punti ta’ Kontrolli Interni tad-Dwana u kontroll tal-flussi migratorji
mill-MoI fuq il-linja amministrattiva. Il-BMA stabbilixxa unità responsabbli
għall-immaniġġjar tal-attività tal-Punti ta’ Kontroll Interni
għall-evidenza u r-reġistrazzjoni ta’ persuni. L-obbligu ta’
reġistrazzjoni se japplika għall-barranin kollha, mingħajr ma
tiġi imposta verifika tal-vjaġġaturi kollha li jaqsmu
r-reġjun ta’ Transnistria. Minbarra l-proċedura proposta fil-Punti
ta’ Kontroll Interni, il-barranin jistgħu jirreġistraw (i) fi
kwalunkwe uffiċċju territorjali tal-evidenza u d-dokumentazzjoni
tal-popolazzjoni tal-Ministeru tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u
l-Kommunikazzjoni, (ii) Servizzi Reġjonali kwalunkwe subdiviżjoni
territorjali tal-BMA (f’Chisinau, Balti u Cahul) kif ukoll (iii)
f’subdiviżjonijiet tad-Dipartiment tal-Pulizija tal-Fruntiera, sa massimu
ta’ 72 siegħa wara l-qsim tal-fruntiera. ·
Provvediment ta’ infrastruttura adegwata
(inklużi ċ-ċentri ta’ detenzjoni) u t-tisħiħ ta’ korpi
responsabbli sabiex tiġi żgurata l-espulsjoni effettiva ta’
ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu b’mod irregoli jew li
jkunu fi tranżitu mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova L-infurzar tal-miżura ta’
tkeċċija titwettaq mill-BMA billi l-persuni barranin jiġu
eskortati lejn il-fruntiera tal-istat jew tal-pajjiż tal-oriġini.
Il-barranin jitpoġġew taħt kustodja pubblika f’Ċentru ta’
Kollokament Temporanju għall-Barranin, subdiviżjoni tal-BMA, fejn
l-aċċess għal assistenza ġuridika, soċjali, kulturali
u d-drittijiet tal-bniedem previsti fil-liġi huma ggarantiti. Fil-kuntest
tar-ristrutturar intern tal-BMA/MoI, iċ-ċentru ġie allokat
riżorsi umani addizzjonali, u issa għandu 5 servizzi u persunal ta’
40 persuna. Bejn l-2009 u l-2013, 360 persuna barranija tpoġġew
taħt kustodja pubblika li minnhom: 71 persuna fl-2009, 80 persuna fl-2010,
103 persuni fl-2011, 97 persuna fl-2012 u (s’issa) 9 persuni fl-2013. Minn
115-il każ ta’ identifikazzjoni mibdija mill-BMA, ġew identifikati 85
persuna barranija li tpoġġew taħt kustodja pubblika mingħajr
dokumenti ta’ identifikazzjoni. (b) Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni
kontinwi u mmirati bil-għan li jiġu kkjarifikati d-drittijiet u
l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, inkluża
informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq
tax-xogħol tal-UE (inkluż permezz tal-Portal tal-UE dwar
l-Immigrazzjoni) u r-responsabbiltà għal kwalunkwe abbuż ta’
drittijiet taħt ir-reġim mingħajr viża Ġew
organizzati laqgħat estiżi tat-task force dwar il-Viża
mal-Konsulenti ta’ Livell Għoli tal-UE, is-soċjetà ċivili u
l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Jiġu organizzati sessjonijiet
pubbliċi ta’ informazzjoni fuq bażi regolari, bħala parti
mis-sessjonijiet ta’ integrazzjoni tal-UE, imwettqa mill-MFAIE f’ambjenti
differenti tal-midja/ soċjali u tal-università. Dawn is-sessjonijiet
pubbliċi għandhom l-għan li jikkjarifikaw id-drittijiet u
l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr Viża, inkluża
informazzjoni dwar regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq
tax-xogħol tal-UE u r-responsabbiltà għal kwalunkwe abbuż ta’
drittijiet taħt ir-reġim mingħajr viża. F’Balti jinsab
ċentru ta’ informazzjoni attiv ħafna, fil-bini tal-Università
Nazzjonali. Barra minn hekk, jitwettqu ħafna attivitajiet dwar
il-komunikazzjoni u l-informazzjoni fi proġetti differenti
tas-Sħubija UE-Repubblika tal-Moldova (eż. Legali fl-UE, Nexus,
eċc.). Rigward il-Kundizzjonijiet eżatti tal-ivjaġġar
fl-UE, il-politika tal-viża tal-UE, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim
tal-Faċilitazzjoni tal-Viża tal-UE-Repubblika tal-Moldova, huma
kollha ppreżentati u aġġornati b’mod permanenti fuq il-websajt
tal-MFAEI (il-parti tal-informazzjoni konsulari), kif ukoll
fiċ-Ċentru ta’ Appell tal-MFAEI, hotline b’xejn. Valutazzjoni tal-Element 2 / suġġett 2 – Il-ġestjoni tal-migrazzjoni Il-proċeduri operattivi għall-applikazzjoni ta’ Liġi dwar il-persuni barranin huma funzjonali u l-BMA sar l-attur ta’ koordinazzjoni fl-immaniġġjar ta’ flussi ta’ migrazzjoni. Ġie stabbilit il-Profil ta’ Migrazzjoni Estiża flimkien ma’ Rapport dwar Valutazzjoni tad-Dejta. Qed tiġi osservata l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet ta’ riammissjoni u tal-faċilitazzjoni tal-viża tal-UE-Repubblika tal-Moldova. Teżisti wkoll infrastruttura adegwata inklużi ċentri ta’ detenzjoni. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa dwar: · Il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Liġi Nru.200/2010 dwar ir-reġim tal-barranin u r-revokazzjoni ta’ liġijiet nazzjonali antiki. · It-tisħiħ ta’ riżorsi umani għall-kopertura reġjonali tal-BMA fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ġlieda kontra persuni barranin li jibqgħu b’mod irregolari. Il-provvediment ta’ rappurtar u mekkaniżmu ta’ analiżi dwar kull livell amministrattiv billi tissaħħaħ l-Unità tal-Analiżi tar-Riskju. · It-tkomplija tal-ftuħ ta’ unitajiet għar-reġistrazzjoni tal-BMA fil-linja ta’ Transnistria. Kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi oħra u l-iżgurar tal-iskambju awtomatiku tad-dejta. Element 2 /
suġġett 3 – Il-politika tal-ażil (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimenatazzjoni effettiva ta’
leġiżlazzjoni tal-ażil, inklużi l-provvediment ta’
infrastruttura adegwata u t-tisħiħ ta’ korpi responsabbli (persunal,
finanzjament), b’mod partikolari fil-qasam tal-proċeduri tal-ażil,
l-akkoljenza ta’ dawk li qed ifittxu ażil u l-protezzjoni tad-drittijiet
tagħhom, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ rifuġjati; l-iżgurar li
benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom
aċċess għal dokumenti tal-ivjaġġar previsti
fil-leġiżlazzjoni Il-liġi tar-Repubblika tal-Moldova
fil-qasam tal-protezzjoni tar-rifuġjati b’mod ġenerali hija konformi
mal-istandards internazzjonali u Ewropej. Il-liġi dwar l-ażil
tipprevedi l-qafas istituzzjonali neċessarju u proċeduri u
prinċipji ġuridiċi. Il-liġi hija implimentata b’mod
sodisfaċenti. Il-kwalità tal-Proċedura għad-Determinazzjoni ta’
Status ta’ Refuġjat hija tajba u qed titjieb. L-aċċess
għall-proċedura huwa ggarantit mil-liġi u implimentat
fil-prattika. Il-UNHCR għandha aċċess sħiħ
għall-persuni ta’ tħassib u għandha relazzjonijiet ta’
ħidma tajbin mal-awtoritajiet tal-ażil u l-pulizija tal-fruntiera.
Il-prinċipju ta’ non-refoulement huwa fil-prinċipju rispettat. Huwa
mifhum li l-RSD huwa ta’ kwalità tajba u qed ikompli jitjieb. Fl-2012,
l-istatus ta’ rifuġjat ingħata lil 19-il persuna u ngħatat
għajnuna umanitarja lil 45 persuna. B’kollox ittieħdu 119-il
deċiżjoni, li jfisser li iktar min-nofs l-applikazzjonijiet irriżultaw
fl-għoti ta’ forma ta’ protezzjoni. Pajjiżi oħra fl-ogħla 5
applikazzjonijiet li rriżultaw fl-għoti ta’ forma ta’ protezzjoni
huma: l-Armenja, l-Afganistan, il-Kirgistan u r-Russja. Dawn in-numri
jistgħu jkunu indikazzjoni li d-deċiżjonijiet huma bbażati
fuq informazzjoni oġġettiva u aġġornata tal-pajjiż
tal-oriġini (COI) u li l-protezzjoni tingħata lil dawk il-persuni li
jinħtieġu protezzjoni internazzjonali. Madankollu, is-sistema tal-COI
jeħtieġ li tiġi infurzata u għandu jiġi reklutat iktar
persunal. Fl-ewwel istanza[23]
fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, hemm rata estremament baxxa ta’
turnover fl-appell: fl-2012, id-deċiżjonijiet kollha nżammu fi
proċedura ġudizzjarja. Fid-Dipartiment tal-Ażil u
l-Integrazzjoni, 5 persuni qed jaħdmu fl-Unità tal-Protezzjoni
Internazzjonali u l-Proċedura tal-Ażil. Bħalissa dan huwa meqjus
bħala suffiċjenti, peress li n-numru ta’ applikazzjoni
għall-ażil għadu relattivament baxx (177 fl-2012, 72 fl-2011),
li jiggarantixxi żmien biżżejjed sabiex isiru intervisti u
jittieħdu deċiżjonijiet kwalitattivi. Hemm kamra waħda
għall-intervisti fil-bini tal-AID u hija mgħammra tajjeb u toffri
biżżejjed privatezza lill-applikant tal-ażil. Huwa rrappurtat li
attenzjoni speċjali tingħata lill-iktar persuni vulnerabbli
bħall-minorenni, vittmi ta’ tortura, persuni trawmatizzati, vittmi ta’
vjolenza u tortura, persuni trawmatizzati u persuni b’diżordni
psikoloġika. Huma ġeneralment jiġu assistiti mill-NGO “Memoria”.
Ġiet stabbilita unità ġdida fl-istruttura tal-BMA: l-unità
għall-persuni mingħajr stat u għall-informazzjoni, b’persunal li
jikkonsisti f’4 persuni. Din l-unità tittratta applikazzjonijiet
mingħajr stat[24],
iżda wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jfittxu ażil.
Ġew żviluppati kwestjonarju, mudell ta’ intervista u ktieb ta’ gwida
li jiggarantixxu li jiġu pprattikati d-dispożizzjonijiet
ġuridiċi. Minn Frar 2012, waslu 160 talba u 16-il persuna
ngħataw status ta’ persuni mingħajr stat. Il-“Liġi dwar l-integrazzjoni ta’ persuni
barranin fir-Repubblika tal-Moldova” daħlet fis-seħħ
fl-1 ta’ Lulju 2012. Ġew żviluppati l-metodoloġiji
għat-twettiq ta’ sessjonijiet ta’ akkomodazzjoni soċjokulturali u
tal-korsijiet fil-lingwa tal-istat. Ir-Regolament dwar il-proċedura u
l-kundizzjonijiet għall-kiri ta’ akkomodazzjoni
għall-benefiċjarji barranin ta’ programm ta’ integrazzjoni u l-barranin
li jkunu kisbu forma ta’ u r-Regolament taċ-Ċentru tal-Akkomodazzjoni
ġew approvati. Il-liġi tiggarantixxi aċċess sħiħ
għas-suq tax-xogħol għall-benefiċjarji ta’ forma ta’
protezzjoni u għall-applikanti għal ażil, assistenza
għall-qgħad u miżuri għall-prevenzjoni tal-qgħad.
Ġew osservati diversi proġetti pilota li kellhom suċċess.
Fiż-żmien meta saret din l-evalwazzjoni, kien għadu mhux
possibbli għar-rifuġjati li jiksbu dokumenti tal-ivjaġġar
li jippermettulhom jivvjaġġaw barra mit-territorju tar-Repubblika
tal-Moldova. Minħabba kwistjonijiet dwar l-għoti tal-offerta
għall-ħruġ ta’ karti tal-identità u passaporti bijometriċi
dawn id-dokumenti jkunu disponibbli sa Settembru 2013. Ir-Regolament
taċ-Ċentru tal-Akkomodazzjoni għal Dawk li qed ifittxu Ażil
ġie approvat mill-Gvern fit-28 ta’ Diċembru 2012.
Iċ-Ċentru ilu jeżisti minn Settembru 2010 u l-manutenzjoni
u l-persunal tiegħu jitħallsu mill-baġit tal-Istat.
Fil-15 ta’ Frar 2013, 18-il persuna li qed ifittxu ażil,
żewġ (2) benefiċjarji tal-protezzjoni Umanitarja u wieħed (1)
li għandu Status ta’ rifuġjat kienu qed jgħixu
fiċ-ċentru ta’ akkoljenza. Il-ħaddiema soċjali, l-avukati u
l-UNHCR għandhom aċċess għaċ-ċentru l-ħin
kollu. Il-kundizzjonijiet u l-kwalità taċ-Ċentru huma
ġeneralment tajbin, minkejja m-nuqqas ta’ persunal u fondi
insuffiċjenti. Valutazzjoni tal-Element 2 / suġġett 3 – Il-politika tal-ażil Il-Liġi dwar l-Ażil hija implimentata b’mod adegwat u l-Kwalità tal-Proċedura għad-Determinazzjoni ta’ Status ta’ Rifuġjat hija tajba u qed titjieb. Ir-Repubblika tal-Moldova żviluppat proċedura eżemplari għad-determinazzjoni ta’ mingħajr stat. Sar progress konsiderevoli fil-qasam tal-integrazzjoni. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa dwar: · L-inklużjoni ta’ punti li fihom tinqeda minn kollox bħala wieħed mill-awtoritajiet kompetenti li jirċievu applikazzjonijiet għall-ażil fl-Artikolu 52 tal-Liġi dwar l-Ażil. · Il-provvediment ta’ taħriġ kontinwu fl-ażil lill-pulizija u lill-pulizija tal-fruntiera. Jiġi żgurat l-għarfien espert neċessarju f’każijiet ta’ ażil fil-qrati, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ qrati speċjalizzati jew imħallfin speċjalizzati. · L-iżvilupp ulterjuri ta’ metodoloġija għall-immaniġġjar tal-COI u jiġi żgurat aċċess għal Laqgħat ta’ informazzjoni aġġornati tas-COI dwar is-suġġett. · Iż-żieda tal-fondi għall-miżuri ta’ integrazzjoni sponsorjati mill-Istat u l-iżvilupp ta’ kodiċi tal-etika għall-persunal fiċ-ċentru(i) ta’ akkoljenza. Valutazzjoni ġenerali tal-Element 2 Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova fil-biċċa l-kbira tissodisfa l-parametri referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti taħt l-Element 2. Xi rakkomandazzjonijiet għad iridu jiġu implimentati iktar, kif deskritt hawn fuq. Element 3: ordni pubbliku u sigurtà Element 3 / suġġett 1 –
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u
l-korruzzjoni organizzati (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan
ta’ Azzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità
inkluża l-koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rilevanti, kif
ukoll it-twettiq ta’ investigazzjoni effettiva, il-prosekuzzjoni u l-konfiski
ta’ rikavat mill-kriminalità; Sabiex tiġi implimentata
l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
kriminalità organizzata, mill-2011 twettqu diversi attivitajiet ta’
implimentazzjoni. Fl-4 ta’ Mejju 2012 twaqqaf il-Kunsill
Nazzjonali għall-koordinazzjoni ta’ attivitajiet li jevitaw u li
jiġġieldu kriminalità organizzata. Il-Kunsill huwa korp
kolleġjali interdipartimentali mwaqqaf biex jiżgura kooperazzjoni
effiċjenti bejn l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni ċentrali pubblika
u koordinazzjoni tal-attività tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda
tal-kriminalità organizzata. Fit-8 ta’ Ġunju 2012, ġie
approvat il-Pjan direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tal-missjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-UE minn Ottubru sa Novembru 2011
rigward il-miżuri investigattivi speċjali u għall-ġlieda
tal-kriminalità organizzata. Il-Kunsill Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
tal-attivitajiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda ta’ kriminalità
ġie mwaqqaf mill-GPO. Matul l-2012, 70 reat twettqu minn 49 grupp
kriminali b’229 membru attiv (li minnhom 6 gruppi kriminali għandhom
attività fil-livell internazzjonali). Fil-prattika ġie osservat titjib
tar-rappurtar tas-soċjetà ċivili dwar atti illeċiti, żamma
ta’ rekords iktar stretta u dixxiplina riġida sabiex jiġi evitat li
jinħbew reati u offiżi oħra. B’mod parallel għall-implimentazzjoni
tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni, fil-5 ta’ Marzu 2013,
daħlet fis-seħħ riforma ewlenija tal-Ministeru tal-Intern (MoI).
Il-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riforma huma:
id-depolitiċizzazzjoni tal-attivitajiet tal-aġenziji tal-infurzar
tal-liġi; id-demilitarizzazzjoni tad-dipartiment tal-Carabinieri Troops; iktar
preżenza ta’ aġenziji tal-infurzar tal-liġi (LEAs)
fil-pajjiż kollu, permezz ta’ mobilizzazzjoni aħjar tal-unitajiet
tal-pulizija; armonizzazzjoni u koordinazzjoni aħjar ta’ dipartimenti
differenti tal-pulizija sabiex jiġu evitati sovrapożizzjonar u
dupplikazzjoni ta’ funzjonijiet; reazzjoni iktar effiċjenti għal
reati kbar u serji billi jiġu speċjalizzati attivitajiet ta’
investigazzjoni kriminali u servizzi paralleli ta’ prosekuzzjoni. Permezz
tar-riforma tal-Ministeru tal-Intern, ġew introdotti żewġ
kunċetti ġodda u jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni:
speċjalizzazzjoni tal-unitajiet tal-pulizija li għandhom il-kompitu
ta’ fajls ta’ reati serji u ta’ kriminalità organizzata u approċċ ta’
pulizija mmexxija mill-intelliġenza. Twaqqfet l-Unità tal-Pulizija
għall-Analiżi li għandha ħames analisti
tal-intelliġenza li jużaw I2 u l-għodda analitika tal-IT
Letizia. Ir-riforma ġiet rikonoxxuta universalment bħala mezz
eċċellenti kif it-tfassil tal-politika jiġi separat mill-implimentazzjoni
tal-politika. Il-kompetenzi l-ġodda tal-Ministru li jikkonċernaw
attivitajiet tal-pulizija ma għadhomx jinkludu l-funzjoni ta’ qabel
tagħhom ta’ investigazzjoni kriminali, b’konformità mal-aħjar
standards tal-UE u internazzjonali. L-ewwel riżultat pożittiv tar-riforma
hija l-ħatra tal-Kap tal-Pulizija mill-Gvern wara li ġie propost
mill-Ministeru tal-Intern. Skont ir-riforma tal-MoI, il-Carabinieri ġew
riorganizzati, dimilitirizzati u pożizzjonati fl-istruttura tal-Ispettorat
Ġenerali tal-Pulizija. Saru wkoll attivitajiet sabiex
jissaħħu l-laboratorji forensiċi. Permezz tal-Ordni Nru 399
mid-29 ta’ Novembru 2012 twaqqaf grupp ta’ ħidma
interdipartimentali sabiex jiżviluppa qafas leġiżlattiv u
regolatorju neċessarju sabiex tinħoloq u tiġi
mmaniġġjata bażi tad-dejta tad-DNA u laboratorju tad-DNA. F’Ġunju 2013,
esperti mill-Awstrija se jassistu lill-MoI fl-abbozz ta’ liġi dwar id-DNA.
Se jiġu allokati EUR 2 miljun għat-tagħmir u
t-taħriġ ta’ persunal fl-oqsma tekniċi u forensiċi. Ġew adottati l-konvenzjonijiet
internazzjonali rilevanti kollha, u b’mod ġenerali, il-qafas
leġiżlattiv kurrenti u s-sistema istituzzjonali tal-infurzar
tal-liġi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkonformaw
mal-acquis tal-UE u l-aħjar standards tal-UE, u l-implimentazzjoni
tagħhom tinsab fi stadju avvanzat. Madankollu, il-leġiżlazzjoni
dwar il-konfiska għadha turi xi nuqqasijiet fir-rigward tal-istandards
internazzjonali u l-acquis tal-UE. Tali nuqqasijiet huma prinċipalment
relatati mal-iffriżar tas-setgħat u l-konfiska ta’ partijiet terzi. Ir-Repubblika tal-Moldova għandha
ssaħħaħ ir-regoli kurrenti tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji
u d-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà korporattiva kriminali sabiex
jiġi limitat l-użu ta’ kumpaniji “qoxra” għall-ħasil ta’
rikavat minn kriminalità u sabiex jinħbew assi kriminali. Abbażi tal-istatistika
dwar konfiska, l-ammonti konfiskati huma baxxi meta mqabbla man-numru ta’
kundanni. L-awtoritajiet Moldovani għandhom jagħmlu iktar użu
mis-setgħat ta’ konfiska tagħhom. Ir-Repubblika tal-Moldova
għandha tistabbilixxi uffiċċju ċentralizzat għall-irkupru
tal-assi sabiex jissaħħu l-identifikazzjoni u l-intraċċar
tar-rikavat minn kriminalità li jirriżulta kemm minn attività kriminali
domestika kif ukoll minn attività kriminali transfruntiera u jiskambja
informazzjoni b’mod effiċjenti mal-uffiċċji għall-irkupru
tal-assi fl-Istati Membri. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 1a – Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu L-implimentazzjoni tar-riforma tal-MoI ġiet pjanata u mibdija b’mod xieraq. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi responsabbli mill-ġlieda kontra reati serji u organizzata huma kkoordinati tajjeb, jilħqu l-livell tal-istandards Ewropej u jipproduċu riżultati. Hemm bżonn ta’ aġġustamenti ulterjuri u investiment f’mezzi tekniċi sabiex ir-riforma tkun sostenibbli u sfruttata b’mod sħiħ. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa għal: · L-iżvilupp ulterjuri ta’ mudell strateġiku ta’ analiżi ta’ intelliġenza għall-Pulizija b’konformità mal-Pulizija mmexxija mill-Intelliġenza. Jiżdiedu l-isforzi sabiex titjieb il-koordinazzjoni tal-obbligi li jsiru rondi tad-dipartimenti kollha taħt l-ispettorat Nazzjonali tar-Rondi. Jitneħħa r-rwol tekniku intermedjarju tas-Servizz tas-Sigurtà u Intelliġenza fl-interċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet peress li għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali tali attivitajiet għandhom jiġu implimentati esklużivament mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. · It-tisħiħ tal-qafas legali dwar il-konfiska, jiġi stabbilit uffiċċju għall-irkupru tal-assi, tissaħħaħ it-trasparenza tal-entitajiet ġuridiċi u sistematikament jużaw is-setgħat ta’ konfiska. ·
L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni
dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-Pjan Nazzjonali rispettiv,
inkluża l-koordinazzjoni effettiva bejn aġenziji tal-istat u
l-protezzjoni effettiva ta’ vittmi ta’ traffikar, b’mod partikolari tfal; Ir-Repubblika tal-Moldova għamlet passi
sinifikanti ’l quddiem fil-qasam kontra t-traffikar fl-aħħar sentejn
(2) f’termini tal-immodernizzar tal-qafas legali u istituzzjonali. Huwa
evidenti li l-politiki kontra t-traffikar huma prijoritizzati fl-aġenda
politika. Il-Pjan ta’ azzjoni Nazzjonali 2010-2011 u l-Pjan ta’ Azzjoni
Nazzjonali 2012-2013 (fir-rigward tal-azzjonijiet ippjanati
għall-2012) kienu 75 % implimentati b’mod sħiħ u 11 %
implimentati b’mod parzjali. Ħafna attivitajiet tal-pjan ġew
implimentati anke minħabba l-appoġġ pprovdut mill-IOs u l-NGOs
f’għadd ta’ programmi internazzjonali. Is-sitt (6) Pjan ta’ Azzjoni THB
ġdid se jiġi żviluppat fit-tieni nofs tal-2013. Skont
l-istatistika[25]
fl-2012, fuq il-fruntiera ġew identifikati 18-il każ ta’ THB b’35
persuna, filwaqt li n-numru fl-2010 kien 10 (15-il persuna) u 13 (29 persuna
fl-2011). Aktar minn nofs il-każijiet ġew identifikati fl-ajruport
ta’ Chisinau. Il-vittmi, tipikament bniet żgħar kienu se jiġu ttraffikati
lejn l-Emirati Għarab Magħquda, it-Turkija, Ċipru ta’ Fuq u
s-Sawdi Għarabja, iżda rari ħafna lejn pajjiżi tal-Ewropa. Il-liġijiet u r-regolamenti huma
b’konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej f’dan il-qasam –
il-Protokoll ta’ Palermo – Il-Konvenzjoni TOC tan-Nazzjonijiet Uniti, 2000, u
l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-THB, Varsavja 2005, kollha
ġew irratifikati u qed jiġu implimentati. L-istruttura tas-sistemi
nazzjonali kontra t-traffikar hija mibnija fuq kooperazzjoni ta’
multiaġenziji fost l-iktar istituzzjonijiet rilevanti, inkluża
s-soċjetà ċivili. Hija ffukata wkoll fuq approċċ
ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li huwa maħsub biex jagħti
prijorità lill-bżonnijiet tal-vittmi. Saru sforzi addizzjonali fil-qasam
tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja internazzjonali, inklużi
n-negozjati ta’ ftehimiet bilaterali ma’ xi pajjiżi ta’ destinazzjoni ta’
persuni traffikati. Fil-kuntest tar-riforma tal-MoI, iċ-Ċentru
għall-Mitigazzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni (CCTP) ġie integrat
għalkollox fl-ispettorat Ġenerali tal-Pulizija u ġiet
maħtura persuna ċivili bħala Direttur tas-CCTP, b’esperjenza
estiża fil-qasam kontra t-traffikar. F’termini ta’ implimentazzjoni attwali
tal-politiki kontra t-traffikar, minkejja sforzi konsiderevoli, l-allokazzjoni
tal-baġit (riżorsi finanzjarji u umani) tidher li għadha
insuffiċjenti mill-perspettiva ta’ sjieda komprensiva tal-gvern u
sostenibbiltà tal-azzjoni fuq terminu ta’ żmien twil. Il-gvern qed
iżid l-isforzi tiegħu b’mod kontinwu f’dan ir-rigward. Bħalissa
l-istat ma jistax jiffinanzja NGOs (minħabba l-qafas legali li
bħalissa huwa fis-seħħ), fattur li b’xi mod itellef
il-kooperazzjoni sħiħa mas-soċjetà ċivili. Madankollu,
riċentiment ġie adottat l-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament
pubbliku ta’ fornituri ta’ servizzi soċjali privati. Fir-rigward
tal-ġbir ta’ dejta, għadha qed titħejja bażi ta’ dejta
nazzjonali dwar l-istatistika dwar it-THB. L-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi għandhom il-bażijiet tad-dejta tagħhom dwar
investigazzjonijiet u proċeduri kriminali u l-Ministeru tax-Xogħol u
l-Protezzjoni Soċjali għandu l-bażi tad-dejta tiegħu dwar
persuni assistiti. Riċentement, ġie mniedi proġett pilota
għall-armonizzazzjoni tal-ġbir ta’ dejta mis-Segretarjat Permanenti
tal-Kumitat Nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar
b’kollaborazzjoni mal-IOM. Il-Gvern huwa konxju u impenja ruħu
fil-prevenzjoni u s-sistema nazzjonali ta’ riferiment dwar it-THB tipprevedi
wkoll assistenza għal vittmi potenzjali u gruppi vulnerabbli. Madankollu,
jidher li l-kwistjoni ta’ prevenzjoni sa ċertu punt hija interpretata
b’mod limitat ħafna u għandha tinkludi wkoll ħidma dwar
l-għeruq tal-kawża tat-THB. F’dan ir-rigward qed isiru sforzi
mill-gvern, bl-appoġġ ta’ NGOs, sabiex titjieb il-protezzjoni ta’ tfal
vulnerabbli, u bħalissa qed jiġi kkunsidrat abbozz ta’ liġi dwar
il-protezzjoni tat-tfal. Ġew stabbiliti kmamar speċjali fejn
jiġu intervistati t-tfal u addizzjonalment, fir-reġjuni ġew
stabbiliti kmamar speċjali fejn jiġu intervistati l-vittmi u x-xhieda.
Ġew abbozzati linji gwida għall-pulizija, għall-ħaddiema
fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-ħaddiema soċjali sabiex
jgħinuhom isolvu każijiet ta’ vjolenza domestika. Barra minn hekk,
il-Ministeru tal-Finanzi se jagħti fondi għall-kampanji ta’
sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku għall-2013. Il-kampanji
għas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-perikli u l-gravità ta’ reati
mwettqa fuq l-internet jibqgħu għaddejjin sa Awwissu 2013, u wara se
jkun hemm ġimgħa ta’ kampanji dwar it-THB f’Ottubru tal-2013, skont
il-jum tal-UE għat-THB. Il-gvern jidher li huwa impenjat ħafna
biex jindirizza l-korruzzjoni fost il-ħaddiema ċivili tiegħu u
l-uffiċjali pubbliċi u l-involviment tagħhom f’każijiet ta’
traffikar. Matul l-2012, inbdiet investigazzjoni kriminali kontra 11-il persuna
li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ uffiċjali pubbliċi, li
minnhom: intbagħtu l-qorti – 7 persuni; klassifikati –persuna 1;
investigazzjoni kriminali għaddejja – 3 persuni. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 1b – Prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin Inkiseb titjib sostanzjali permezz tal-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali. L-istruttura ta’ sistema nazzjonali kontra t-traffikar hija mibnija fuq kooperazzjoni bejn aktar minn aġenzija waħda, inkluża s-soċjetà ċivili. Għandhom jiġu pprovduti finanzjament addizzjonali u persunal sabiex tiġi ggarantita s-sjieda tal-gvern tal-implimentazzjoni tal-politiki kontra t-THB. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa għal: · Il-konsolidazzjoni ta’ bażi tad-dejta nazzjonali dwar traffikar li timtela b’dejta mill-awtoritajiet kollha tal-infurzar tal-liġi u minn korpi pubbliċi u privati responsabbli mill-assistenza għall-vittmi. Allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tan-NAP. · Il-kollegament tas-sistema nazzjonali għall-protezzjoni tal-vittmi u l-vittmi potenzjali tat-traffikar mas-sistema nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal. Jinħoloq fond nazzjonali għall-assistenza, il-protezzjoni u l-kumpens tal-vittmi. · L-iżvilupp ulterjuri tal-istandards ta’ kwalità minimi għall-assistenza u t-trattament ta’ vittmi u vittmi potenzjali tat-traffikar u r-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħaddiema soċjali. Implimentazzjoni tal-liġi u regolament dwar l-akkreditazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi soċjali privati. ·
Implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni
dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tiżgura
l-funzjonament effiċjenti tal-aġenzija indipendenti kontra
l-korruzzjoni; l-iżvilupp ta’ kodiċi tal-etika u t-taħriġ
kontra l-korruzzjoni, speċjalment immirat għall-uffiċjali
pubbliċi involuti fl-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura; Fl-aħħar erba’ snin, ir-Repubblika
tal-Moldova għamlet passi serji fil-perkors tal-ġlieda kontra
l-korruzzjoni, filwaqt li riċentiment tfaċċaw diversi
każijiet ta’ livell għoli ta’ abbuż minn uffiċjali superjuri.
L-avvenimenti riċenti fir-Repubblika tal-Moldova jinnutaw li d-dipendenza
politika indiretta ta’ istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni joħolqu
theddida għal investigazzjonijiet professjonali mhux partiġġjani
kontra uffiċjali f’livelli għolja. L-investigazzjonijiet ma
għandhomx jintużaw ħażin jew jiġu trasformati f’armi
politiċi. Għandhom jiġu stabbiliti garanziji adegwati sabiex
jiġi żgurat l-iffunzjonar indipendenti u effiċjenti ta’
istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni. Karigi għoljin għandhom isegwu
kriterji oġġettivi u trasparenti. F’Lulju 2011, Ir-Repubblika tal-Moldova
adottat l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-korruzzjoni 2011-2015 permezz
ta’ deċiżjoni tal-Parlament – hija dokument kumpless u żviluppat
tajjeb bħala programm. Fi Frar 2012, il-Parlament adotta Pjan ta’ Azzjoni
għall-2012-2013 għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija[26]. Ħafna mill-miżuri
damu biex ġew implimentati jew ma ġew implimentati xejn u l-impatt
tal-miżuri implimentati għadu jrid jidher. Ma hemm ebda indikazzjoni
dwar l-iskadenzi stmati għall-miżuri li għadhom ma ġewx
implimentati. Fil-qasam tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni,
ir-Repubblika tal-Moldova ħadet passi biex tagħmel is-settur pubbliku
iktar trasparenti f’attentat biex iżżid il-fiduċja tal-pubbliku
fl-istituzzjonijiet pubbliċi, sabiex il-poplu jitressaq eqreb lejn
il-gvern fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u sabiex
jiġu llimitati l-vulnerabbiltajiet għall-korruzzjoni. Parti minn dan
l-isforz tirrigwarda programm miftuħ ta’ dejta fuq skala wiesgħa li
permezz tiegħu l-gvern tal-Moldova jagħmel disponibbli
għall-pubbliku diversi settijiet ta’ dejta ta’ informazzjoni pubblika
f’format ta’ dejta miftuħa, inkluża informazzjoni baġitarja.
Fl-2008, ir-Repubblika tal-Moldova introduċiet ukoll l-obbligu
tal-inizjatur ta’ biċċa leġiżlazzjoni sabiex tiġi
ppostjata onlajn u jkunu possibbli kummenti mill-pubbliku li jiġu
sottomessi miċ-ċittadini. Iċ-Ċentru Nazzjonali kontra
l-Korruzzjoni (iktar ’il quddiem NAC) għandu kompetenzi importanti
fil-qasam tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-istituzzjonijiet tal-Moldova bdew
jimplimentaw pjanijiet ta’ integrità bbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ riskji
ta’ korruzzjoni f’kull istituzzjoni[27].
L-NAC jipprovdi wkoll, wara li ssir talba mill-Gvern jew mill-Parlament,
għarfien espert kontra l-korruzzjoni tal-abbozz ta’
leġiżlazzjoni. Fil-qasam tar-ripressjoni tal-korruzzjoni,
il-kompetenzi jinqasmu bejn l-NAC u l-uffiċċju speċjalizzat
tal-Prosekutur kontra l-Korruzzjoni (iktar ’il quddiem AP). Il-biċċa
l-kbira tax-xogħol investigattiv isir mill-impjegati tal-NAC filwaqt li
l-prosekutur mill-AP imexxi u jissuperviżjoni l-attività, filwaqt li
joħroġ diversi awtorizzazzjonijiet jew applikazzjonijiet għal
diversi ordnijiet tal-qorti matul l-istadju tal-investigazzjoni. L-NAC kien
riorganizzat fl-2012 u nbidel mis-superviżjoni tal-gvern
għas-superviżjoni [28]
tal-Parlament u reġa’ rritorna taħt il-kontroll tal-Gvern
f’Mejju 2013. Verifiki ta’ stil ta’ ħajja[29] u ttestjar tal-integrità huma
previsti fil-liġi tal-NAC u potenzjalment qed jiġu kkunsidrati
mill-awtoritajiet tal-Moldova għall-bqija tal-amministrazzjoni pubblika.
Id-diskrepanzi jistgħu joħolqu problema u jistgħu
jirriżultaw fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi
tkeċċijiet. Għadu qed jitħejja abbozz ta’ proċeduri
ddettaljati għall-verifiki ta’ stil ta’ ħajja. Bħalissa
s-Servizz tas-sigurtà u l-Informazzjoni biss jista’ teknikament
jinterċetta telefonati. L-NAC huwa awtorizzat jisma’ l-konverzazzjonijiet
interċettati dak il-ħin stess u jittraskrivihom jew jirrekordjahom
għall-prosekuturi. L-investigazzjonijiet finanzjarji huma punt debboli
għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fir-Repubblika tal-Moldova.
In-nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni ddettaljata tal-investigaturi
fl-investigazzjonijiet finanzjarji għandu impatt negattiv serju meta
wieħed iqis il-kumplessità tal-investigazzjonijiet u fl-aħħar
mill-aħħar fuq l-assi rkuprati tal-konvenuti kkundannati. L-eliminazzjoni tal-immunità
tal-imħallfin għal investigazzjonijiet kriminali dwar korruzzjoni
(l-artikoli 324 u 326) hija pass li ntlaqa’ fid-direzzjoni t-tajba.
Għandhom jiġu kkunsidrati passi simili fir-rigward tal-kategoriji
kollha li baqa’ ta’ uffiċjali li jgawdu l-immunità. Fl-2011, ġew adottati 314-il
deċiżjoni dwar korruzzjoni, iżda ftit minnhom kienu ta’ livell
għoli – 213-il kundanna, 18-il każ ġew liberati u
83 każ ġew abbandunati. Fl-2012, ġew adottati 293 deċiżjoni
- 197 kundanna, 27 liberati u 69 kawża abbandunata. Fl-2012, fi 17-il
każ biss ingħatat sentenza ta’ ħabs – il-bqija tal-kundanni
rriżultaw f’multi jew żmien ta’ prova fil-ħabs jew projbizzjoni
li jokkupaw karigi simili fis-settur pubbliku. Din mhix prattika
sodisfaċenti peress li l-qrati mhux qed ikunu stretti ma’ dawk li jiksru
l-liġi. L-NAC ikkummisjona studju analitiku li jivvaluta bl-għajnuna
tal-MIAPAC[30]
il-livell tal-għoti ta’ sentenzi fil-każijiet tal-korruzzjoni li
jkunu waslu għand il-qrati. Huwa rakkomandat ukoll li jiġu
organizzati dibattiti fil-ġudikatura tal-Moldova dwar il-prattika
tas-sanzjonar (linji gwida dwar l-għoti ta’ sentenzi) li tiżgura li
sanzjonijiet ta’ deterrent jiġu applikati fil-każijiet ta’
korruzzjoni. Il-Kummissjoni dwar l-Integrità Nazzjonali
(NIC) hija awtorità pubblika awtonoma indipendenti minn aġenziji oħra
tal-gvern, jew entitajiet jew individwi. Il-membri tagħha huma appuntati
mill-Parlament għal terminu ta’ 5 snin. L-NIC hija responsabbli
mid-dikjarazzjonijiet tal-assi, tal-interessi u tal-inkompatibbiltajiet.
Il-liġi li tistabbilixxiha daħlet fis-seħħ
fl-1 ta’ Marzu 2012, iżda l-NIC bdiet topera biss fl-1 ta’ Marzu 2013.
L-NIC għandha 21 kariga li minnhom diġà huma impjegati 12
minnhom. L-NIC tissorvelja lid-dinjitarji, l-prosekuturi, l-imħallfin,
il-ħaddiema tas-servizz pubbliku u funzjonijiet maniġerjali oħra
u tkopri total ta’ madwar 25,000 ħaddiem tas-servizz pubbliku. F’termini
ta’ software u ta’ kapaċitajiet tekniċi, ir-riżorsi tal-NIC huma
skarsi. L-NIC ġdida maħtura ma għandhiex rekord fuq il-kontrolli
tad-dikjarazzjonijiet tal-assi, dikjarazzjonijiet tal-interessi u
inkompatibbiltajiet. Riċentiment għaddiet liġi li
rduppjat is-salarji tal-impjegati tal-NAC (EUR 500 għal pożizzjoni
inizjali ekwivalenti għas-salarju tal-imħallef tal-Qorti Suprema jew
ta’ Deputat –Prosekutur Ġenerali), li madankollu tista’ tirrikjedi li
jiġi pprovdut l-istess trattament għal prosekuturi AC sabiex ma
tiġix żbilanċjata s-sistema. Ir-Repubblika tal-Moldova ġiet ivvalutata
mill-GRECO u rċeviet 17-il rakkomandazzjoni, li 9 minnhom fil-qasam
tal-finanzjament tal-parti u 8 kienu jikkonċernaw inkriminazzjonijiet.
Ir-rapport GRECO jirrikonoxxi li sar ħafna sforz sabiex jiġu
implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha. Sa issa l-leġiżlazzjoni
sabiex jiġu indirizzati kienet għadha ma ġietx adottata
iżda grupp ta’ ħidma mwaqqaf mill-Kummissjoni Elettorali
Ċentrali (CEC) (CEC)[31]
ipprepara u ddibatta pubblikament l-Abbozz ta’ Liġi, li issa suppost li
ġie adottat. L-eliminazzjoni tal-immunità tal-imħallfin għal
investigazzjonijiet kriminali dwar korruzzjoni (l-Artikoli 324 u 326) hija
pass li ntlaqa’ fid-direzzjoni t-tajba. Għandhom jiġu kkunsidrati
passi simili fir-rigward tal-kategoriji l-oħra kollha li jgawdu l-immunità.
Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 1c – Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni Ittieħdet azzjoni affermattiva rigward it-tisħiħ tal-NAC u l-AP, u l-bidu tal-attivitajiet tal-Kummissjoni tal-Integrità Nazzjonali. Salvagwardji solidi finanzjament adegwati u miżuri addizzjonali għall-bini tal-kapaċità huma wkoll meħtieġa sabiex tiġi żgurata indipendenza politika sħiħa tal-awtoritajiet kollha kontra l-korruzzjoni. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa għal: · L-istabbiliment ta’ sistema solida għal ħatriet ibbażati biss fuq kriterji professjonali u oġġettivi għal pożizzjonijiet ewlenin f’istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni, fil-prosekuzzjoni u fil-Qorti Suprema li jiggarantixxu l-attività operattiva mhux partiġġjana u indipendenti. L-amalgamazzjoni tal-AP mal-NAC u r-restrizzjoni tal-attivitajiet tiegħu għal korruzzjoni ta’ livell għoli. It-titjib tal-iskema tas-salarji u l-istimolu tan-numru ta’ impjegati fl-istituzzjonijiet kollha kontra l-korruzzjoni (NAC, AP, NIC). · L-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-kontroll tad-dikjarazzjonijiet tal-assi/ġid mhux iġġustifikati u kunflitti ta’ interessi, u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ investigazzjonijiet finanzjarji fl-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. L-implimentazzjoni ta’ bylaws għall-verifiki tal-istil ta’ ħajja tal-NAC abbażi tal-aħjar prattiki Ewropej u t-tfassil ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni dwar verifiki konġunti dwar l-istil ta’ ħajja mal-NIC. Reviżjoni tal-immunitajiet ta’ uffiċjali li baqa’ mil-lenti tal-aħjar prattiki internazzjonali. It-taħriġ tal-imħallfin, tal-prosekuturi u tal-persunal għall-infurzar tal-liġi dwar il-prattiki Ewropej ta’ interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet. ·
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u
strateġija għall-prevenzjoni ta’ ħasil tal-flus u finanzjament
ta’ terroriżmu, l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni rilevanti
dwar il-konfiska ta’ assi ta’ kriminali (inklużi d-dispożizzjonijiet
li jindirizzaw aspetti transfruntiera); Il-qafas legali
tar-Repubblika tal-Moldova kontra l-ħasil tal-flus u dwar il-ġlieda
kontra l-finanzjament ta’ terroriżmu (AML/CFT)
huwa komprensiv u komplut. Diversi awtoritajiet amministrattivi huma involuti
fir-reġim AML/CFT tal-Moldova bi rwoli u funzjonijiet differenti, u kollha
huma esperti fil-kompetenzi tagħhom. Il-livell ta’ koordinazzjoni u
kooperazzjoni istituzzjonali fost l-awtoritajiet differenti huwa tajjeb, kif
jeżiġu l-istandards internazzjonali. Fl-2012, ir-Repubblika tal-Moldova approvat u implimentat diversi
liġijiet (Liġi dwar is-Suq Kapitali, Liġi dwar is-Sistemi ta’
Pagament u flus elettroniċi, Liġi dwar Attività Speċjali ta’
Investigazzjoni), bylaws (Deċiżjoni rigward regolament dwar
miżuri AML/CFT għas-suq finanzjarju mhux bankarju) u struzzjonijiet u
rakkomandazzjonijiet sabiex jiġu indirizzati xi wħud
mid-defiċenzi li ġew identifikati fit-Tielet (3) Rapport ta’
Evalwazzjoni Reċiproka tal-Kumitat MONEYVAL tal-Kunsill tal-Ewropa. Ftit
defiċenzi minuri fil-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u
l-finanzjament tat-terroriżmu jeħtieġ li jiġu indirizzati u
f’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tal-Moldova ppreparaw tibdiliet
leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa. Madankollu,
ir-regolament kurrenti tar-reati jikkonforma mal-konvenzjonijiet FATF, tal-UE u
dawk internazzjonali. Għall-2011, minn 151 każ miftuħ mill-FIU,
akkużi ngħataw f’erba’ (4) każijiet u kundanni ngħataw fi
tnejn (2). L-istituzzjonijiet kollha ġew
inklużi bħala membri attivi tal-Istrateġija Nazzjonali 2013-2017
dwar l-AML/CFT li waslet biex tiġi approvata mill-Parlament tal-Moldova.
Ġew assenjati kompiti, obbligi u skadenzi fil-Pjan ta’ Azzjoni lil kull
waħda minn dawn l-istituzzjonijiet, taħt l-Uffiċċju
għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus[32] (OPFML),
il-koordinazzjoni u s-superviżjoni ta’ Kummissjoni speċjali
tal-Parlament tal-Moldova. Is-superviżjoni u l-gwida tal-entitajiet
finanzjarji tar-reġim AML/CFT tal-Moldova li jitwettqu mill-NBM, NCFM u
l-OPFML jidhru li huma xierqa u konsistenti mal-istandards internazzjonali.
Hemm livell tajjeb ta’ konformità mill-entitajiet finanzjarji permezz
tal-miżuri preventivi skont l-istandards tal-FATF u tal-UE: Diliġenza
Dovuta tal-Konsumatur; miżuri ta’ identifikazzjoni msaħħa,
relazzjonijiet ta’ negozju għaddejjin, persuni esposti politikament,
sidien benefiċjarji, trasferimenti, żamma ta’ rekords,
taħriġ, proċeduri u politiki interni, unitajiet ta’ konformità;
Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi (STRs). Ir-rapport ta’ Diċembru 2012 tal-Kumitat MONEYVAL tal-Kunsill tal-Ewropa jirrikonoxxi l-progress kontinwu li r-Repubblika tal-Moldova qed
tagħmel fl-oqsma tad-diliġenza tal-konsumatur u r-rappurtar.
Abbażi ta’ dan ir-rapport, minn Diċembru 2012, ir-Repubblika
tal-Moldova tpoġġiet taħt reġim simplifikat ta’ monitoraġġ. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 1d – Prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu Il-qafas legali tal-AML/CFT huwa komprensiv u implimentat kif xieraq. Il-livell ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni istituzzjonali fost l-awtoritajiet rilevanti huwa adegwat u jilħaq l-istandards Ewropej u internazzjonali. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex: · Jissaħħaħ iktar ir-reġim ta’ sanzjonar għall-AML/CFT, jiżdiedu l-penali u jitjieb ir-reġim ta’ konfiska, iffriżar u sekwestru għall-fondi AML/CFT. Jiġu implimentati miżuri ta’ superviżjoni għal Professjonijiet u Negozji Mhux Finanzjarji Identifikati. L-operazzjonijiet ta’ flus fuq il-fruntieri jinġiebu konformi mal-leġiżlazzjoni kurrenti tal-UE u mal-istandards FATF. · Titkompla l-implimentazzjoni sistematika u fil-ħin tal-Istrateġija Nazzjonali 2013-2017 dwar l-AML/CFT u l-Pjan ta’ Azzjoni Rrakkomandat imfassal minn Moneyval. ·
Implimentazzjoni tal-istrateġija Nazzjonali
kontra d-Droga u l-pjan ta’ azzjoni relatat tagħha, li jagħmlu
l-informazzjoni dwar is-sekwestru ta’ drogi u persuni involuti
aċċessibbli fuq il-punti tal-qsim tal-fruntieri; l-iżvilupp
ulterjuri tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-korpi
internazzjonali rilevanti fil-qasam tad-droga; L-Istrateġija Nazzjonali Kontra d-Droga
2011-2018 u l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali 2011-2013 huma implimentati
b’konformità mal-istandards Ewropej. Bħalissa qed jiġi mfassal
il-Pjan ta’ Azzjoni Kontra d-Droga nazzjonali 2014-2018 , u qed tingħata
importanza indaqs għall-indirizzar kemm tal-użu tad-droga kif ukoll
tat-traffikar. Kif previst mill-Pjan ta’ Azzjoni, f’April
2012, ir-Repubblika tal-Moldova ngħaqdet mal-Grupp Pompidor tal-Kunsill
tal-Ewropa. Wara l-iffirmar fl-2012 tal-Memorandum ta’ Ftehim
maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u l-Vizzju
tad-Droga, ġie stabbilit livell tajjeb ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni Nazzjonali kontra d-Droga
stabbilita fl-2011 tikkoordina l-kooperazzjoni interaġenzija fost
l-istituzzjonijiet govermentali u għandha kuntatt mal-istituzzjonijiet
mhux govermentali u s-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet relatati
mal-politika dwar id-droga. Ġie stabbilit livell tajjeb ta’ kooperazzjoni
u koordinazzjoni bejn il-korpi rilevanti. Huwa japplika approċċ
bilanċjat bejn it-tnaqqis tad-domanda u servizzi tat-tnaqqis
tal-provvista. Il-kooperazzjoni bejn id-Direttorat kontra
d-Droga tal-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija tal-MoI u l-istituzzjonijiet
għall-prevenzjoni u l-kura tinsab f’livell tajjeb ħafna.
Il-kooperazzjoni mal-NGOs involuti fl-assistenza tal-utenti tad-droga hija
sodisfaċenti iżda jidher li hija iktar żviluppata rigward
azzjonijiet relatati mal-HIV, milli mal-prevenzjoni tal-użu tad-droga u
t-tnaqqis tal-ħsara. Fl-2004 ġew introdotti trattamenti sostituttivi,
billi bdiet titqassam il-methadone fiċ-ċentri tas-saħħa u
l-kura. Ir-reati kollha relatati mad-droga u
kategoriji oħra ta’ offiżi huma rrappurtati u rrekordjati bħala
reati fis-Sistema ta’ Informazzjoni Awtomatika Integrata stabbilita mill-MoI
sabiex tirrekordja offiżi, każijiet kriminali u persuni li kkommettew
offiżi. Twettqu b’suċċess diversi operazzjonijiet speċjali
relatati mad-droga. Fl-2012, ġew reġistrati 1 457 offiża
relatata mad-droga u ġew dokumentati 8 gruppi kriminali involuti
fit-traffikar illeċitu ta’ drogi. Is-sekwestri fl-2012 ammontaw għal
304 kg 890 gramma ta’ droga. Fil-livell distrettwali, hemm stabbilita kapaċità
forensika bażika, iżda ma jistgħux isiru testijiet preliminari
tad-droga dwar is-sustanzi sekwestrati. Għaldaqstant, l-analiżi
tiddependi fuq laboratorji forensiċi esterni, fattur li jieħu
l-ħin u huwa ineffiċjenti. Ir-Repubblika tal-Moldova mhijiex pajjiż
ewlieni la fit-traffikar tad-droga u lanqas fil-produzzjoni tagħha,
iżda sservi bħal punt ta’ tranżitu għal drogi destinati
lejn l-Ewropa tal-Punent. Sa issa, attivitajiet kontra d-droga kienu mxekkla
minn uffiċjali tal-pulizija speċjalizzati u tagħmir
insuffiċjenti. Il-Gvern ħa passi serji sabiex jindirizza
s-sitwazzjoni fil-kuntest ta’ sforzi li għaddejjin bħalissa
għar-riforma tal-pulizija, u qed iżid l-għadd ta’ persunal u
r-riorganizzazzjoni ta’ unitajiet speċjalizzati kontra d-droga tad-Direttorat
kontra d-droga tal-MoI. Il-mitigazzjoni ta’ kultivazzjoni domestika
ta’ mariwana kienet waħda mill-iktar sfidi importanti li
affaċċja d-Direttorat f’dawn l-aħħar snin. Madankollu,
fl-2012 tfaċċaw bħala problema li qed tikber il-cannabinoids
sintetiċi u l-cathinones sintetiċi. Huwa rrappurtat li d-drogi sintetiċi huma
pjuttost mifruxa (amfitamini, methamfitamini, cannabinol sintetika u xi
analġesiċi sintetiċi bħat-Tramadol, li jidher li huma
irħas u li disponibbli b’mod relattivament faċli). Bħala reazzjoni
għal din it-tendenza, l-MoI talab lill-Gvern sabiex iżid ħafna
minn dawn is-sintetiċi mal-lista uffiċjali ta’ sustanzi pprojbiti.
L-użu ta’ ħafna drogi (drogi differenti jew drogi flimkien ma’
alkoħol u sustanzi oħra) ukoll kien qed jinfirex b’rata li qed
tiżdied. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 1e – Implimentazzjoni tal-politika kontra d-droga Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali kontra d-Droga 2011-2013 u l-qafas istituzzjonali ġew implimentati sew u l-kooperazzjoni interaġenzija tinsab f’livell tajjeb. Il-Kummissjoni Nazzjonali kontra d-Droga qed tiffunzjona sew u d-Direttorat kontra d-Droga tal-MoI huwa organizzat sew u riċentiment żied il-kapaċità analitika tiegħu fil-livell operattiv. Huwa neċessarju l-involviment ulterjuri tal-NGOs fit-tnaqqis tad-domanda għad-droga u l-attivitajiet tat-tnaqqis tal-ħsara. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex: · Ikomplu jiżdiedu l-isforzi sabiex il-pulizija jiġu mgħammra b’mezzi tekniċi biex jidentifikaw sustanzi misjuba fl-operazzjonijiet tagħhom. · Jiġi żgurat involviment ulterjuri tal-NGOs involuti fl-attivitajiet u t-trattamenti kontra d-droga. ·
Implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet rilevanti
tan-NU u tal-Kunsill, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO fl-oqsma
msemmija hawn fuq. Il-Liġi u l-Istrateġija
għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-kriminalità organizzata
jikkonformaw b’mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni
tan-NU kontra l-kriminalità organizzata transfruntiera u l-Protokolli
addizzjonali tagħha. (b) Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Prevenzjoni u ġlieda kontra l-korruzzjoni
fil-livelli u fl-oqsma kollha. Implimentati parzjalment – ara l-parametri
referenzjarji VLAP. Addizzjonalment, bl-Appoġġ tal-Proġett
kontra l-Korruzzjoni, il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament
tat-Terroriżmu fir-Repubblika tal-Moldova (MOLICO), ġiet
żviluppata Gwida Prattika għall-investigazzjoni ta’ korruzzjoni u
reati relatati mal-korruzzjoni. Il-Gwida hija intenzjonata għal
prosekuturi u investigaturi kontra l-korruzzjoni fl-Uffiċċju tal-Prosekutur
kontra l-Korruzzjoni, iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni,
il-MoI u s-Servizz tas-Sigurtà u l-Intelliġenza. ·
Titjib tal-ġbir tad-dejta dwar kriminali u
OCGs fil-livell nazzjonali inter alia billi jitwaqqfu/jitjiebu l-bażijiet
tad-dejta nazzjonali. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 17, 18 u 24 ta’ dan ir-rapport. ·
Jitkomplew l-isforzi sabiex jitjiebu
l-indikaturi tad-dejta u l-ġbir ta’ dejta dwar il-kriminalità fl-oqsma
kollha tal-kriminalità. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 17, 18 u 24 ta’ dan ir-rapport. ·
Implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kontra
l-korruzzjoni bħala prijorità fl-oqsma kollha, kif ukoll b’relazzjoni
għal aspetti usa’ tal-istat tad-dritt. L-awtoritajiet nazzjonali
għandhom ikollhom il-kapaċità li jiġġieldu l-korruzzjoni
fil-livelli kollha - ċentrali, reġjonali, lokali u
speċifiċi għas-settur, b’attenzjoni partikolari tingħata
lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tad-dwana. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 19 sa 22 ta’ dan ir-rapport. ·
Tiġi żgurata protezzjoni effettiva
tax-xhieda tat-THB, u jitjiebu iktar il-protezzjoni, l-assistenza u
l-appoġġ għall-vittmi tat-THB. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 18 u 19 ta’ dan ir-rapport. ·
Proċeduri ta’ konfiska ta’ assi
għandhom jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Moldova, sabiex
tiġi rkuprata proprjetà misruqa jew il-profitt minnha, u biex titnaqqas
is-saħħa finanzjarja tal-OCGs, u għaldaqstant sabiex jiġi
ffaċilitat ż-żarmar tagħhom. Ara l-punti referenzjarji VLAP
fil-paġni 17, 22 u 23 ta’ dan ir-rapport. Element 3 / suġġett 2 –
Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’oqsma kriminali (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet
internazzjonali dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’oqsma kriminali (b’mod
partikolari l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa); Ir-Repubblika tal-Moldova għandha qafas
legali komprensiv u aġġornat għall-finijiet tal-kooperazzjoni
ġuridika internazzjonali fl-oqsma kriminali. Il-liġi dwar
ir-ratifikazzjoni tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill
tal-Ewropa dwar Assistenza Ġuridika Reċiproka
f’Oqsma Kriminali, ġiet adottata
fis-26 ta’ Diċembru 2012. Dan il-qafas, kompost minn
diversi strumenti internazzjonali, reġjonali kif ukoll domestiċi,
jippermettilha titlob u toffri b’mod adegwat kooperazzjoni internazzjonali
f’oqsma kriminali f’konformità mal-istandards Ewropej. Il-qafas legali jkopri
l-oqsma tradizzjonali ta’ kooperazzjoni bħall-estradizzjoni, ittri
rogatorji, trasferimenti u r-responsabbiltà (takeover) ta’
proċeduri kriminali, talbiet għar-rikonoxximent u infurzar ta’
sentenzi kriminali barranin u talbiet għal trasferiment ta’ persuni
kkundannati. Dan il-qafas jinkludi xi dispożizzjonijiet dwar l-użu
ta’ mezzi relattivament effettivi ta’ investigazzjoni bħal seduti permezz
ta’ konferenzi bil-vidjow, osservazzjonijiet transfruntiera, kunsinni
kkontrollati, operazzjonijiet pajżana u timijiet konġunti ta’
investigazzjoni. Konsegwentement, il-qafas legali huwa b’saħħtu
biżżejjed biex jaffaċċja t-talba li qed tiżdied ta’
kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-iktar reati serji
bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga,
it-traffikar tal-bnedmin, il-korruzzjoni, il-kriminalità ċibernetika u
l-ħasil tal-flus. Mill-2012, ir-rappreżentant
tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Moldova qed jattendi
laqgħat plenarji tal-Kumitat tal-Esperti dwar l-operazzjoni
tal-Konvenzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-kooperazzjoni kriminali (PC-OC)
tal-Kunsill tal-Ewropa. It-talbiet li jidħlu u joħorġu
ta’ kooperazzjoni internazzjonali jgħaddu mill-awtoritajiet ċentrali,
il-GPO u l-Ministeru tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem MJ) skont ir-regoli
stabbiliti mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali skont l-istadju
fil-proċedura jew ta’ investigazzjoni kriminali jew ta’ kundanna wara
proċess. Iż-żewġ awtoritajiet iwettqu
l-kompitu tagħhom b’koordinazzjoni ma’ korpi u istituzzjonijiet interni
jew internazzjonali oħra. Għandhom persunal adegwat, speċjalment
il-Qrati wara diversi deċiżjonijiet adottati fil-bidu tal-2013
mill-Kunsill Għoli tal-Maġistrati sabiex jiżdied in-numru ta’
mħallfin investigattivi. Qed tingħata attenzjoni dejjem akbar lit-taħriġ
neċessarju u għaddejjin sforzi biex jiżdiedu r-riżorsi
baġitarji neċessarji għal dan il-għan. Id-dejta statistika disponibbli turi li kemm
is-servizzi tal-GPO kif ukoll is-servizzi tal-MJ regolarment jintalbu biex
jipproċessaw għadd sinifikanti ta’ talbiet għal kooperazzjoni
ġuridika internazzjonali. Fir-rigward tal-estradizzjoni, ir-responsabbiltà
tal-każijiet fi proċeduri kriminali u t-trasferimenti ta’ każijiet
fi proċeduri, ir-Repubblika tal-Moldova tidher iktar bħala l-istat li
jagħmel it-talba milli l-istat li ssirlu t-talba. Matul l-2009-2012
il-GPO intalab biex kull sena jipproċessa l-għadd medju ta’
madwar 227 talba li ssir għal estradizzjoni u kienubiss 27 it-talbiet
li daħlu għall-estradizzjoni. Bħala medja, il-GPO
indirizza 31 talba għal take over (talbiet deħlin)
bħal f’każijiet ta’ proċeduri kriminali u 11-il każ
(talbiet ħerġin) ta’ trasferiment fil-proċeduri kriminali.
Għall-kuntrarju, rigward l-ittri rogatorji, ir-Repubblika
tal-Moldova tidher li jsirulha talbiet iktar milli tagħmel talbiet hi
peress li matul l-istess perjodu, il-GPO ipproċessa medja ta’ 494 talba li
tidħol u 388 talba li ssir kull sena. Il-MJ qed jintalab ukoll biex jipproċessa
talbiet imma fuq skala żgħira mill-GPO. Matul l-2012-2013, rigward l-estradizzjoni,
il-MJ ipproċessa 71 talba li kienu ħerġin u 12-il talba li kienu
deħlin. Il-MJ tratta 14-il każ ta’ take over fi proċeduri
kriminali (talbiet deħlin) u ebda talba għal trasferimenti
f’każijiet kriminali (talbiet ħerġin). Għall-ittri rogatorji,
iċ-ċifri globali biss huma disponibbli għall-MJ,
jiġifieri 1068 każ ta’ talbiet deħlin u ħerġin f’oqsma
ċivili u kriminali, il-każijiet kriminali huma ftit inqas
numerużi minn dawk ċivili. Barra minn hekk, l-MJ huwa l-unika awtorità
għat-talba għal rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi kriminali ta’
talbiet għal trasferiment ta’ persuni kkundannati. Matul
l-2012-2013 il-MJ ittratta 16-il talba li daħlet u 12-il talba li
ħarġet għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi kriminali.
Il-MJ ipproċessa 390 talba għal trasferiment ta’ persuni kkundannati
lejn ir-Repubblika tal-Moldova u 21 talba għal trasferiment ta’ persuni
kkundannati lejn pajjiżi barranin. L-istatistika dwar l-estradizzjoni turi li GPO
jipproċessa għadd iktar sinifikanti ta’ talbiet mill-MJ. Din
id-differenza tirrifletti l-fatt li t-talbiet relatati ma’ każijiet li
huma fl-istadju tal-investigazzjoni, huma ħafna iktar numerużi minn
dawk relatati għall-istadju tal-proċess (ara iktar ’il fuq rigward
kompetenza). Rigward l-estradizzjoni, kemm il-GPO u
l-MJ irrifjutaw għadd limitat ta’ talbiet deħlin. Il-GPO matul
l-2009-2012 irrifjuta 15-il talba biss abbażi ta’ motivi
ġuridiċi l-iktar minħabba li l-persuni mfittxija kellhom
ċittadinanza tar-Repubblika tal-Moldova jew minħabba limitazzjonijiet
statutorji. Il-MJ matul l-2012-2013 irrifjuta talba waħda biss abbażi
ta’ motivi ġuridiċi minħabba li l-persuna mfittxija rċeviet
ażil. L-għadd limitat ta’ rifjut jista’ jkun meqjus bħala
indikazzjoni ta’ attitudni miftuħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika
tal-Moldova biex jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi. It-terminu ta’ żmien medju huwa indikatur ta’ prestazzjoni importanti biex jivvaluta
l-effettività tal-kooperazzjoni ġuridika internazzjonali. It-terminu ta’
żmien għall-ipproċessar kemm mill-GPO kif ukoll mill-MJ[33] jidher raġonevoli u ma
jaqbiżx il-medja tal-UE. ·
Livell għoli ta’ effettività ta’
kooperazzjoni ġudizzjarja f’oqsma kriminali ta’ mħallfin u
prosekuturi mal-Istati Membri tal-UE. Il-maġġoranza (bejn wieħed u
ieħor żewġ terzi (2/3)) tat-talbiet imsemmija hawn fuq
indirizzaw tħassibiet dwar is-CIS u inqas minn terz biss (1/3) tal-Istati
Membri tal-UE. L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova ilhom jiżguraw kooperazzjoni
effettiva mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri tal-UE. ·
Konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni
operattiva mal-Eurojust Fil-ħarifa tal-2012, il-Eurojust
iffinalizzat Rapport ta’ Evalwazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova dwar
il-protezzjoni tad-dejta u f’Novembru 2012 infurmat lill-Kunsill dwar
il-proposta li tniedi negozjati formali fl-1 ta’ Frar 2013
bl-għan li jiġi konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva.
L-ewwel rawnd ta’ negozjati sar fl-10 ta’ Ġunju 2013 u kien
pożittiv ħafna, konsegwentement, in-negozjati mistennija li jiġu
ffinalizzati dalwaqt. (b) Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Tissaħħaħ is-sistema
ġudizzjarja, inkluża l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’oqsma
kriminali, b’mod partikolari assistenza ġuridika reċiproka. Ir-Repubblika tal-Moldova bħalissa qed
timplimenta riforma komprensiva tas-sistema ġudizzjarja tagħha
abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni u l-Istrateġija tal-2011-2016
inklużi tibdiliet leġiżlattivi u istituzzjonali importanti.
F’Settembru 2012, ġie stabbilit dipartiment
għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-GPO u l-Programm
għall-iżvilupp Strateġiku tal-Uffiċċji tal-Prosekutur
għall-2012-2014 ġie approvat f’Diċembru 2012 mill-Kunsill
Superjuri tal-Prosekuturi u bħalissa qed jiġi implimentat. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 2 – Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’oqsma kriminali Ir-Repubblika tal-Moldova hija sieħeb affidabbli u attiv fil-kooperazzjoni ġuridika internazzjonali u r-rekord tagħha juri attitudni miftuħa ħafna għal kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi oħra. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex: · Jitkompla t-titjib tat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi dwar oqsma internazzjonali, inkluż billi jiżdiedu l-fondi neċessarji. · Jitkompla t-titjib tal-istatistika u r-reġistrazzjoni tagħha permezz tal-użu ta’ lista ta’ parametri definiti b’mod komun, fejn rilevanti, kemm għall-GPO kif ukoll għall-MJ. Element 3 /
suġġett 3 – Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Livell għoli ta’ kapaċità
investigattiva operattiva u speċjali ta’ servizzi tal-infurzar
tal-liġi u l-użu konsistenti u effiċjenti tagħha biex
tiġi indirizzata l-kriminalità transfruntiera; Mir-riforma tal-MoI f’Marzu 2013,
L-Ispettorat tal-Investigazzjoni Nazzjonali tal-Pulizija jikkonsisti f’direttorati
speċjalizzati (reati serji, kriminalità organizzata, frodi, drogi, unità
tal-intervenzjoni) u żewġ ċentri (tat-traffikar tal-bnedmin u
tal-IT), li jindirizzaw minn post wieħed, l-ispettru kollu ta’
attivitajiet ta’ kriminalità serji u organizzati. Tliet subdiviżjonijiet
reġjonali jiżguraw kopertura fir-Repubblika tal-Moldova kollha. Huma
jirrapportaw lid-direttorati ċentrali u jwettqu investigazzjonijiet
indipendenti. Ġuridikament u teknikament, ir-riforma
tipprevedi kooperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-pulizija u
l-prosekuturi. Ġiet stabbilita unità speċjalizzata fil-GPO–
Diviżjoni għall-kontroll u l-investigazzjoni ta’ kriminalità
organizzata, li għandha obbligi fl-eżerċitar u
l-immaniġġjar ta’ prosekuzzjoni f’każijiet ta’ reati ta’
kriminalità organizzata, fir-rappreżentazzjoni ta’ akkuża fil-qrati u
fil-kontroll u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ subdiviżjonijiet
speċjali mogħtija responsabbiltajiet fil-prevenzjoni u l-ġlieda
ta’ kriminalità organizzata. Barra minn hekk, il-GPO jopera diviżjoni dwar
il-mitigazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u diviżjoni dwar il-mitigazzjoni
ta’ kriminalità ċibernetika. F’Diċembru 2012, daħlet
fis-seħħ liġi ġdida dwar attivitajiet investigattivi
speċjali u f’April 2012 ġew adottati xi emendi għas-CPC.
Iż-żewġ liġijiet jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni
eżistenti mad-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-mitigazzjoni ta’
kriminalità transfruntiera u timijiet ta’ investigazzjoni konġunta
internazzjonali, jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar
l-interċezzjoni ta’ konverżazzjonijiet fuq it-telefown u jirrevedu
l-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar
il-kooperazzjoni tal-Pulizija fix-xlokk tal-Ewropa. Il-qafas legali kurrenti jipprevedi sistema
iktar adattata u legali sabiex tħaddem miżuri investigattivi speċjali,
regolati bil-liġi u taħt il-kontroll tal-prosekutur u tal-awtorità
ġudizzjarja. Id-dispożizzjonijiet ġuridiċi huma
f’konformità mal-istandards ġuridiċi u internazzjonali u tal-UE u
jpoġġu għad-dispożizzjoni tas-servizzi investigattivi,
firxa vasta ta’ għodod investigattivi. Diġà ġew solvuti diversi
każijiet kriminali bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri, u
l-investigaturi u l-prosekuturi jagħtu l-impressjoni li għandhom
stampa ċara u fehim dwar meta huwa prattikament u ġuridikament xieraq
li jintużaw dawn l-għodod. It-tagħmir tal-interċezzjoni u
l-irrekordjar ta’ konverżazzjonijiet, permezz tat-telefown u ta’ apparat
għal smigħ lajv jinsabu fil-bini tas-Servizz tas-Sigurtà u
l-Intelliġenza u taħt il-kustodja tagħhom. L-SIS jirċievi
s-sinjali mill-kumpanija tat-telefown jew mill-apparat għas-smigħ u
jitrasferixxi lis-servizzi investigattivi għall-attivitajiet tagħhom.
Is-sistema kurrenti toħloq sitwazzjoni li fiha l-atturi li jwettqu obbligi
oħra (bħall-intelliġenza u kontrointelliġenza għal
finijiet ta’ sigurtà statali) għandhom għad-dispożizzjoni u
l-kontroll tagħhom, dejta li tappartjeni investigazzjoni kriminali
rregolata bis-CPC. In-nuqqas ta’ kontroll ta’ Transnistria
jnaqqas l-isforzi tar-Repubblika tal-Moldova sabiex tiżgura l-ordni
pubblika u s-sigurtà. Il-kuntrabandu ta’ oġġetti huwa l-iktar
attività illegali frekwenti u l-impatt tagħha ġie llimitat permezz
tal-preżenza tal-EUBAM. F’dan l-istadju, ma hemm ebda kooperazzjoni
formalizzata tal-pulizija bejn Chisinau u Tiraspol. ·
Livell għoli ta’ effettività
fil-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fost aġenziji nazzjonali
rilevanti – speċjalment gwardji tal-fruntiera, pulizija, uffiċjali
tad-dwana, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji; Fl-2012 ir-Repubblika tal-Moldova
introduċiet għodda għal kooperazzjoni internazzjonali
ġudizzjarja u tal-pulizija: it-Timijiet Konġunti ta’ Investigazzjoni
(JITs). L-isfond ġuridiku huwa l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni
tan-Nazzjonijiet Uniti[34]
kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni ta’ Palermo,
li daħlet fis-seħħ wara r-ratifikazzjoni fir-Repubblika
tal-Moldova fis-16 ta’ Settembru 2005. Il-liġi tal-Moldova,
b’konformità mar-rekwiżiti tal-UE, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet
ġenerali meta dawn it-timijiet jistgħu jiġu stabbiliti. Il-mudell
użat mill-awtoritajiet tal-Moldova huwa bbażat fuq
id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal-UE u mir-Riżoluzzjoni
tal-Kunsill tal-UE dwar il-JITs. Fir-relazzjonijiet bejn il-pulizija u
l-prosekuzzjoni ma ġew osservati ebda ostakli jew nuqqasijiet kbar fil-komunikazzjoni.
Il-kooperazzjoni stabbilita hija f’livell tajjeb u hemm diviżjoni
ċara tal-kompetenzi bejn il-pulizija u l-uffiċċju
tal-prosekutur. Il-każijiet studjati juru għarfien profond u effettiv
tal-proċeduri kriminali u t-tekniki amministrattivi fuq
iż-żewġ naħat. Is-sistema ġdida li għadha kemm
ġiet stabbilita bir-riforma tal-MoI, jeħtieġ li tiġi
implimentata u sfruttata. Miżura oħra sabiex tiżdied
il-kooperazzjoni interaġenzija kienet l-istabbiliment fil-GPO fi
Frar 2013 ta’ unità ta’ kontroll[35]
u investigazzjoni speċjalizzata fi kriminalità organizzata u li
tikkonsisti f’10 prosekuturi li għandhom mill-inqas għaxar snin (10)
esperjenza kull wieħed. Is-setgħat tal-Prosekutur Ġenerali
hija kwistjoni sensittiva. Il-Prosekutur Ġenerali, minbarra li jmexxi
s-servizz ewlieni tal-prosekuzzjoni u huwa responsabbli għall-iktar
każijiet kriminali serji, għandu setgħa kbira magħrufa
bħala “sejħa mill-ġdid” (“call-back”), sabiex tieħu
r-responsabbiltà ta’ każ minn prosekutur li għandu grad iktar baxx.
Din is-setgħa, inkluża fl-oqfsa leġiżlattivi kollha
għall-finijiet ta’ koordinazzjoni u sostituzzjoni f’każ ta’ “nuqqas
ta’ attività”, tista’ tillimita ħafna l-indipendenza u l-awtonomija
tal-prosekuturi, u għandha tiġi eżerċitata b’attenzjoni u
restrizzjoni kbira. Tqajjem xi tħassib dwar jekk tali setgħa
għandhiex b’xi mod tiġi limitata jew irregolata aħjar. Forom oħra ta’ kooperazzjoni
interistituzzjonali bejn korpi tal-infurzar tal-liġi, inklużi dawk
fil-qasam tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ korruzzjoni, huma bbażati
fuq sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni. Mill-2008, is-sistema ta’
Informazzjoni Integrali Awtomatizzata dwar reati, każijiet kriminali u
dwar dawk li jiksru l-liġi, u l-leġiżlazzjoni proċedurali
kriminali, bdiet tinqasam bejn il-GPO, il-MoI, is-Servizz tad-Dwana u
ċ-Ċentru Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni. ·
Ftehimiet bilaterali u multilaterali
msaħħa dwar il-kooperazzjoni operattiva fl-infurzar tal-liġi,
inkluż permezz tal-kondivizjoni fil-ħin ta’ informazzjoni rilevanti
mal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE. Bħala riżultat tar-riforma li
għaddejja tal-MoI fil-bidu tal-2013 ġie stabbilit Ċentru
ġdid għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija (CIPC). Is-CIPC
ilaqqa’ flimkien tliet subdiviżjonijiet tal-MoI b’kompetenzi
fil-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija: NCB Interpol, NVC SELEC/GUAM u
NCP Europol. L-uffiċċji u l-unitajiet kollha inkarigati
bil-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija issa huma unifikati fi struttura
unika u jinsabu fl-istess bini. L-Interpol huwa ċ-ċentru
għall-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija fil-MoI, u huwa marbut
mal-MJ, is-Servizz tad-Dwana, is-Servizz tas-Sigurtà u l-Intelliġenza,
il-GPO, il-Pulizija tal-Fruntiera u ċ-Ċentru Nazzjonali kontra
l-Korruzzjoni. L-uffiċċju tal-Interpol jirċievi u jibgħat
it-talbiet internazzjonali kollha għal informazzjoni relatata
mal-bażijiet tad-dejta tal-interpol u huwa marbut ma’ bażijiet ta’
dejta u registri differenti tar-Repubblika tal-Moldova. Il-fluss ta’
informazzjoni li tidħol hija stabbli u r-rata ta’ informazzjoni li
toħroġ qed tiżdied. L-uffiċjali u l-ispeċjalisti
tal-unità huma konxji ħafna tal-mandat u l-missjoni tagħhom. Parti mis-sistema usa’
għall-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija hija l-unità GUAM, li
tiżgura skambju ta’ kuljum ta’ informazzjoni bejn il-Ġeorġja,
l-Ukrajna, l-Ażerbajġan u r-Repubblika tal-Moldova. L-ammont ta’
informazzjoni li r-Repubblika tal-Moldova taqsam ma’ dawk il-pajjiżi huwa
sostanzjali. L-awtoritajiet tal-Moldova jipparteċipaw fil-ħidma
tas-SELEC (Southeast European Law Enforcement Centre) u bagħtu
żewġ uffiċjali ta’ kuntatt liċ-ċentru u minbarra
l-iskambju ta’ informazzjoni, huma ppjanati u implimentati ħafna
operazzjonijiet konġunti mal-pajjiżi SELEC. Ir-Repubblika tal-Moldova
impjegat uffiċjal ta’ kuntatt fl-Uffiċċju
għall-Koordinazzjoni tal-Mitigazzjoni kontra Kriminalità Organizzata fil-Komunità tal-Istati
Indipendenti (CIS). Il-GPO tar-Repubblika tal-Moldova ffirma
ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet simili mir-Rumanija,
l-Ukrajna, iċ-Ċina, it-Turkija, l-Irlanda, l-Ungerija, l-Italja u
l-Korea t’Isfel. Fl-2012, il-GPO tar-Repubblika tal-Moldova ffirma ftehimiet u
memoranda ta’ kooperazzjoni ma’: DIICOT – ir-Rumanija; l-uffiċju
tal-Prosekutur Federali tar-Renju tal-Belġju, l-Uffiċċju
tal-Prosekutur Ġenerali tal-Armenja, il-Ministeru tal-Ġustizzja
tal-Ġeorġja. Bħalissa qed jiġu nnegozjati ftehimiet
bilaterali mal-Ażerbajġan, il-Federazzjoni Russa, il-Belarus, il-pajjiżi
Baltiċi u l-Bulgarija. Żewġ eżempji ta’
suċċess ta’ kooperazzjoni internazzjonali riċenti tal-pulizija
jinkludu b’mod partikolari l-arrest ta’ kriminal perikoluż Moldovan
f’Verona (l-Italja), bl-appoġġ tal-Uffiċċju Ċentrali
Nazzjonali tal-Interpol Ruma u l-Carabinieri ta’ Verona; u intervista
sensittiva bil-vidjow ta’ vittma tat-traffikar. F’Mejju 2013, is-Servizz tad-Dwana
tar-Repubblika tal-Moldova ffirma Memorandum ta’ Ftehim Reċiproku
mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Huwa jipprevedi t-trawwim
ta’ kooperazzjoni, skambju reċiproku ta’ informazzjoni u operazzjonijiet
konġunti kontra reati transfruntiera. ·
Konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni
operattiv mal-Europol Wara l-iffirmar ta’ ftehim strateġiku
mal-Europol fl-2007, ġie stabbilit punt ta’ kuntatt nazzjonali (NCP)
fl-uffiċċju tal-Europol sabiex tiġi skambjata informazzjoni
strateġika u teknika mal-Aġenzija tal-UE.
Fl-aħħar ta’ Lulju 2013, se jiġi ddelegat
uffiċjal ta’ kuntatt Moldovan fl-Aja wara l-iffirmar ta’ ftehim ta’
kuntatt fil-bidu tal-2013. Il-fażi preparatorja għall-iffirmar ta’ Ftehim
ta’ Kooperazzjoni Operattiva mal-Europol għadha għaddejja u
r-Repubblika tal-Moldova qed tistenna żjara ta’ studju mill-Europol sabiex
jiġi evalwat ir-reġim dwar il-protezzjoni tad-dejta. (b) Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Għandha tissaħħaħ
il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Moldovani u l-Istati Membri inkluż
il-qsim tal-informazzjoni mal-Europol. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 29 u 30 ta’ dan ir-rapport. ·
Għandha tissaħħaħ
il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Moldovani u l-kontrapartijiet tagħhom
fl-Istati Membri tal-UE dwar protezzjoni u assistenza, inkluża
l-identifikazzjoni u r-riferiment tal-vittmi tat-THB u r-ritorn sikur
tagħhom. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 18, 29 u 30 ta’ dan ir-rapport. ·
Għandhom jiġu żviluppati fuq
bażi regolari l-valutazzjonijiet u l-iskambju tal-informazzjoni dwar reati
serji, taħt l-awspiċju tal-Europol, u fejn xieraq bl-appoġġ
tal-kanali tal-Interpol. Id-dejta komparattiva dwar il-kriminalità għandha
tinġabar skont indikaturi definiti b’mod komuni. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 29 u 30 ta’ dan ir-rapport. ·
Għandu jissaħħaħ l-iskambju
tal-aħjar prattika u t-taħriġ tas-servizzi tal-infurzar
tal-liġi. Ara l-parametri referenzjarji tal-VLAP
fil-paġni 29 u 30 ta’ dan ir-rapport. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 3 – Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi Id-dispożizzjonijiet ġuridiċi, b’konformità mal-istandards Ewropej, jagħtu firxa wiesgħa ta’ għodod investigattivi speċjali għad-dispożizzjoni tas-servizzi ta’ investigazzjoni. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huma mgħammra u ddedikati biex isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali u ftehim operattiv mal-Europol iżid ħafna dawn il-prospetti. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex: · Jiġu żviluppati rabtiet qawwija bejn l-unità tal-pulizija għall-mitigazzjoni reġjonali u transnazzjonali ta’ kriminalità organizzata mal-kontrapartijiet tagħha fl-UE, fir-reġjun u mal-Europol. · Ikun hemm implimentazzjoni ulterjuri tal-ippjnaar konġunt ta’ miżuri u investigazzjonijiet koordinati bejn l-Ispettorat Nazzjonali tar-Rondi u l-Pulizija tal-Fruntiera, b’mod partikolari fl-isfond tal-eżekuzzjoni ta’ miżuri investigattivi speċjali bħall-konsenji kkontrollati. · Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntiera tal-Ukrajna bl-appoġġ tal-EUBAM. Jiġu inkoraġġiti r-rabtiet operattivi u l-iskambji tal-informazzjoni bejn Chisinau and Tiraspol, mingħajr ħsara għall-proċess ta’ soluzzjoni 5+2. Element 3 / suġġett 4 –
Protezzjoni tad-dejta (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
dwar il-protezzjoni tad-dejta personali; jiġi żgurat funzjonament
effiċjenti tal-awtorità superviżorja indipendenti tal-protezzjoni
tad-dejta anke permezz tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani
neċessarji Il-qafas leġiżlattiv tal-Protezzjoni
tad-Dejta, kif rivedut f’April 2012, huwa b’konformità mal-istandards
Ewropej, inkluż l-acquis tal-UE, speċjalment
id-Direttiva 96/46/KE. Il-liġi tistabbilixxi d-drittijiet tal-individwi
meta tiġi pproċessata dejta personali tagħhom u tapplika inter
alia għall-ipproċessar ta’ dejta minn negozji, l-amministrazzjoni
pubblika u s-settur tal-pulizija (minbarra dejta kklassifikata bħala
“sigriet tal-istat”). Il-Liġi tafda r-responsabbiltà ewlenija
għas-superviżjoni tal-konformità mal-istandards tal-protezzjoni
tad-dejta personali lill-awtorità indipendenti: iċ-Ċentru Nazzjonali
għall-Protezzjoni ta’ Dejta Personali (NCPDP). Ir-rapport tal-2012
tal-NCPDP, disponibbli fuq il-websajt tiegħu li hija multilingwi u faċli
biex tintuża, juri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u jipprovdi rekord
tajjeb tal-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta li
tindika li l-NCPDP jaqdi kemm il-kompitu tiegħu ta’ twettiq ta’ kontrolli
tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta u jinvesti sforzi fl-edukazzjoni
tal-kontrolluri tad-dejta minn istituzzjonijiet oħra. Il-proċeduri
għan-notifikazzjoni ta’ pproċessar ta’ dejta huma stabbiliti sew. L-istruttura taċ-Ċentru approvata
fl-2008 bil-liġi tindika limitu ta’ persunal ta’ 21 impjegat.
Bħalissa 16-il persuna huma impjegati u ċ-Ċentru huwa fornut
b’mod adegwat b’riżorsi finanzjarji. Għall-2012, iċ-Ċentru
wettaq 82 kontroll u bħala riżultat ħareġ: 6
deċiżjonijiet ta’ sospensjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar
ta’ dejta personali; deċiżjoni (1) dwar il-waqfien ta’
operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ dejta personali, u beda 4
proċeduri ta’ kontravenzjoni dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet li
jiddeklassifikaw informazzjoni meqjusa bħala klassifikata mingħajr
bażi. Peress li għandhom setgħat ġuridiċi sabiex
jinvestigaw ilmenti mis-suġġetti ta’ dejta personali, matul l-2012,
il-persunal taċ-Ċentru eżamina 214-il petizzjoni u lmenti
oħra (kważi tliet (3) darbiet iktar meta mqabbel mal-2011 u 10
darbiet iktar meta mqabbel mal-2010), li minnhom ġew aċċettati
98 petizzjoni u ġew rifjutati 5, f’111-il każ ingħataw
spjegazzjonijiet u f’sitt (6) każijiet infetħu kawżi fil-qorti
amministrattiva dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet li jiddeklassifikaw
informazzjoni meqjusa bħala kklassifikata mingħajr bażi. Barra
minn hekk, matul l-2012, iċ-Ċentru ċċekkja
41 proġett ta’ atti normattivi u ġuridiċi maħruġa
minn awtoritajiet oħra għall-konformità mal-prinċipji
tal-protezzjoni ta’ dejta personali. Valutazzjoni tal-Element 3 / suġġett 4 – Protezzjoni tad-dejta Il-leġiżlazzjoni hija implimentata f’konformità mal-istandards Ewropej, inkluż l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Dejta Personali huwa indipendenti u funzjonali. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex: · F’każ ta’ reviżjoni leġiżlattiva ulterjuri, tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni sabiex tkun inkluża formalment il-funzjoni ta’ konsultazzjoni minn qabel fost il-kompiti taċ-Ċentru. · Ikompli jsegwi b’mod attiv il-każijiet li bħalissa huma pendenti quddiem il-qrati sabiex tiġi klassifikata l-applikazzjoni tal-liġi meta tiġi pproċessata dejta personali minn korp tal-infurzar tal-liġi. Jiżdiedu l-isforzi sabiex ikun hemm iktar sensibilizzazzjoni pubblika rigward ir-regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta f’komunikazzjonijiet elettroniċi. Valutazzjoni
Ġenerali tal-Element 3 Il-Kummissjoni
tqis li r-Repubblika tal-Moldova b’mod ġenerali tissodisfa l-parametri
referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti taħt l-Element 3.
Jeħtieġ li jiġu implimentati diversi rakkomandazzjonijiet
oħra sabiex jiġu ssodisfati l-parametri referenzjarji kollha. Element 4: relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali (a) Parametri referenzjarji tal-VLAP ·
Jiġi żgurat li l-libertà tal-moviment
fir-Repubblika tal-Moldova ta’ ċittadini Moldovani u persuni barranin li
jibqgħu b’mod illegali jew persuni mingħajr stat, ma tkunx
suġġetta għal restrizzjonijiet mhux iġġustifikati,
inklużi miżuri ta’ natura diskriminatorja abbażi ta’ kwalunkwe
motiv bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali,
fatturi ġenetiċi, status ta’ saħħa (inkluż HIV/AIDS),
lingwa, reliġjon, sħubija f’minorità nazzjonali, proprjetà, twelid,
diżabbiltà, età jew orjentament sesswali; Kif jidher mill-parametri referenzjarji
tal-VLAP, ir-restrizzjoni tal-libertà tal-moviment fir-Repubblika tal-Moldova
ta’ ċittadini Moldovani u persuni barranin li jibqgħu b’mod legali,
jew persuni mingħajr Stat, ikkonċernat il-proċedura ta’
reġistrazzjoni/dereġistrazzjoni tagħhom. B’applikazzjoni
tal-Liġi tal-2010 dwar persuni barranin, ġie stabbilit qafas
istituzzjonali ġdid li jimmaniġġja lill-migranti barranin li
jirrisjedu b’mod legali fil-pajjiż. Fl-MoI ġie stabbilit
l-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u l-Ażil (BMA), li
introduċa “punt wieħed fejn tinqeda minn kollox” li jirċievi,
jipproċessa u joħroġ malajr permessi sabiex persuni barranin
jibqgħu jew dokumenti ta’ identità għall-persuni barranin li
jirrisjedu legalment fil-pajjiż, kif ukoll li jindirizza proċeduri
ta’ stedin, approvazzjoni ta’ ripatrijazzjoni u estensjonijiet ta’ viża.
Fl-10 ta’ Diċembru 2012, is-servizz għall-provvediment
ta’ dokumentazzjoni għal ċittadini barranin fetaħ żewġ
uffiċċji reġjonali: wieħed f’Balti (Servizz Reġjonali
tat-Tramuntana), li huwa mistenni li jaqdi madwar 13 % tal-barranin li
jgħixu fil-pajjiż, u wieħed f’Comrat (Servizz Reġjonali
tan-Nofsinhar), li mistenni li jaqdi madwar 11 % tal-barranin.
Il-kwartieri ġenerali tal-BMA f’Chisinau jkompli jaqdi lill-barranin li
jgħixu fil-kapitali kif ukoll fil-parti ċentrali tal-pajjiż. B’mod simili, il-Pjan ta’ Azzjoni approvat
fid-9 ta’ Novembru 2011 mill-Gvern sabiex jissimplifika
l-kundizzjonijiet għall-immigrazzjoni ta’ barranin għal
raġunijiet ta’ xogħol u jiffaċilita l-applikazzjoni għal
residenza minn investituri barranin (Digriet Nru 106) ġie tradott
fl-2012 f’emendi leġiżlattivi importanti għal-Liġi tal-2010
dwar il-Persuni Barranin, għal-Liġi tal-2008 dwar il-Migrazzjoni
għax-Xogħol u għal-Liġi tal-2007 dwar l-HIV. Dawn l-emendi
neħħew dispożizzjonijiet diskriminatorji preċedenti u
effettivament jabolixxu restrizzjonijiet ta’ residenza u vjaġġar
għall-persuni barranin li jgħixi bl-HIV/AIDS. Barra minn hekk,
l-emendi għal-Liġi dwar l-HIV jikkonċentraw fuq miżuri ta’
prevenzjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-vulnerabbiltà tan-nisa
fir-rigward tal-infezzjoni tal-HIV, b’mod partikolari billi jiġu promossi
programmi u azzjoni għall-pajjiż kollu bħala appoġġ
għall-edukazzjoni u għall-ugwaljalnza bejn is-sessi. Ġew
introdotti wkoll miżuri li jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ dejta medika
minn istituzzjonijiet mediċi, u l-protezzjoni mill-amministrazzjoni
pubblika ta’ dejta personali rigward persuni infettati bl-HIV. ·
Aċċess sħiħ u effettiv
għal dokumenti tal-ivjaġġar u tal-identità
għaċ-ċittadini kollha Moldovani inklużi n-nisa, it-tfal,
il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni li jappartjenu għall-minoritajiet
u gruppi vulnerabbli oħra. Ġew stabbiliti miżuri
speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ dokumenti
tal-identità għall-minorenni u kategoriji vulnerabbli tas-soċjetà.
Fl-2009, il-Gvern għamel l-ewwel applikazzjoni għall-karti
tal-identità mingħajr ħlas (id-Deċiżjoni Nru 844
tat-18 ta’ Diċembru 2009); kull sena f’April jew f’Mejju
ssir kampanja ta’ informazzjoni (“Karti tal-Identità għal Ċittadini
Żgħażagħ”). Fl-2011, 6 699 persuna rċevew l-ewwel
dokumenti tal-identità tagħhom. Minn dik is-sena, il-Ministeru
tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni żamm rekord u
għamel analiżi tal-każijiet tar-rifjut tal-ħruġ ta’
dokumenti tal-identità; din il-valutazzjoni li hija użata sabiex tiggwida
l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess
għall-identità għaċ-ċittadini kollha tal-Moldova, issir
kull tliet xhur. Il-kategoriji ta’ persuni li jibbenefikaw
mill-aċċess iffaċilitat għal dokumenti tal-identità
jinkludu wkoll persuni b’diżabbiltajiet serji, aċċetwati jew ta’
grad medju; veterani tal-WWII u persuni assimilati, likwidaturi
tal-aċċident ta’ Ċernobil u persuni assimilati u persuni midruba
matul il-kunflitt militari fit-Transnistria. Għal dawn il-kategoriji,
id-dokumenti tal-identità jistgħu jinħarġu mingħajr
ħlas mal-ewwel dokumentazzjoni; dan il-benefiċċju huwa
permanenti għall-persuni b’diżabbiltà. Ħruġ mingħajr
ħlas ta’ karta tal-identità u passaport bħala l-ewwel dokumentazzjoni
huwa pprovdut ukoll lill-vittmi tal-għargħar tas-sajf 2010
(benefiċċju ta’ darba); u trabi sa sena għandhom jirċievu
kura tas-saħħa barra mill-pajjiż, abbażi ta’
awtorizzazzjoni minn qabel mill-Ministeru tas-Saħħa (hija prevista
proċedura mgħaġġla ta’ ħruġ ta’ dokumenti
għal tali każijiet). Minn Jannar 2012, ġew stabbiliti
uffiċċji mobbli ta’ dokumentazzjoni u kunsinna d-dar ta’ dokumenti
tal-identità għall-persuni b’diżabbiltajiet. Is-servizzi mobbli huma
b’xejn għal tfal taħt sena li jkollhom bżonn trattament mediku
barra mill-pajjiż (abbażi ta’ riferimenti mill-Ministeru
tas-Saħħa) u għall-persuni b’diżabbiltajiet serveri
(abbażi ta’ riferimenti mill-Ministeru tas-Saħħa jew
il-Ministeru tax-Xogħol, il-Protezzjoni Soċjali u l-familja).
Fl-2012, l-uffiċċji mobbli tad-dokumentazzjoni kkunsinna 155 dokument
tal-identità; u 108 dokument ġew ipprovduti permezz tal-użu
tas-servizz tal-kunsinna d-dar. Għall-persuni mingħajr stat,
l-ostakli li baqa’ għall-akkwist taċ-ċittadinanza (abbażi
ta’ priġunerija preċedenti għal reati premedidati jew
prosekuzzjoni kriminali matul l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni)
tneħħew mill-emendi għal-Liġi tal-2000 dwar
iċ-Ċittadinanza adottata mid-9 ta’ Ġunju 2011.
Mill-1 ta’ Mejju 2011 sal-31 ta’ Marzu 2013, 52
persuna mingħajr Stat kisbet iċ-ċittadinanza tal-Moldova. Rigward il-minoritajiet etniċi,
l-awtoritajiet tal-Moldova matul iż-żmien irnexxielhom jistabbilixxu
sett ta’ miżuri li relattivament għamlu suċċess sabiex
il-politika ta’ integrazzjoni tagħhom tas-soċjetà multietnika
tal-Moldova, idawruha fi prattika. Wara l-2009, il-Programmi tal-Attività
tal-Gvern 2011-2014 u 2013-2015 "Integrazzjoni Ewropea: Libertà,
Demokrazija, Benesseri" inkludew kapitolu speċifiku dwar
“Minoritajiet Nazzjonali” fejn il-Gvern impenja ruħu
għall-għanijiet li ġejjin: li jippreserva u jiżviluppa
l-wirt kulturali u lingwistiku tal-persuni kollha li jappartjenu
lill-minoritajiet nazzjonali, sabiex jimplimentaw politika statali koerenti u
multidimensjonali b’relazzjoni ma’ persuni li jappartjenu għal
minoritajiet nazzjonali; u sabiex jirrevedu l-qafas legali, sabiex
jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal
minoritajiet nazzjonali fil-ħajja soċjali, amministrattiva,
kulturali, politika u ekonomika tal-pajjiż. Il-progress riċenti lejn dawn
l-għanijiet, bħall-ewwel passi previsti fis-sistema edukattiva lejn
l-edukazzjoni multilingwistika (pereżempju, fir-reġjun Awtonomu ta’
Gagauzia), ħafna drabi inkiseb b’kooperazzjoni mal-korpi internazzjonali
ta’ monitoraġġ (bħall-Kunsill tal-Kumitat ta’ Konsulenza tal-Kunsill
tal-Ewropa dwar il-Konvenzjoni Kwadru għall-Protezzjoni ta’ Minoritajiet
Nazzjonali) u minkejja qafas legali relattivament skadut (il-liġi dwar
l-użu ta’ Lingwi fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova tmur lura
għall-1989 u l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu
għall-Minoritajiet Nazzjonali tmur lura għall-2001). Ir-Repubblika
tal-Moldova fl-1996 rratifikat il-Konvenzjoni Kwadru tal-Kunsill tal-Ewropa
għall-Protezzjoni ta’ Minoritajiet Nazzjonali, u sa issa llimitat
ruħha għall-iffirmar fl-2002 tal-Karta Ewropea għal-Lingwi
Reġjonali u tal-Minoritajiet (“il-Karta”). Fi Frar 2012, madankollu
daħlu dinamiki ġodda, meta l-Gvern waqqaf grupp ta’ Ħidma dwar
ir-ratifikazzjoni tal-Karta, bl-għan li jibda l-abbozzar tal-Karta bħala
strument ta’ ratifikazzjoni. L-awtoritajiet rappreżentati
mill-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Interetniċi, minn dakinhar
għamlu stima preliminari tal-kost tar-ratifikazzjoni u qed jaħdmu
b’mod attiv lejn ir-ratifikazzjoni tal-Karta. Rigward b’mod partikolari l-minorità tar-Roma
(0.4 % tal-popolazzjoni skont iċ-ċensiment tal-2004),
il-Ministeru tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni segwa programm ta’
ħidma sistematiku sabiex jidentifika l-oqsma ta’ residenza kumpatta u
sabiex jirfina l-informazzjoni statistika dwar il-poplu Roma fir-Reġistru
tal-Istat tal-Popolazzjoni (“Ir-Reġistru”). It-terminu “Rom” ġie
introdott fir-Reġistru bħala għażla għal “membru
etniku”, u għamilha iktar faċli għall-membri tal-minorità Roma
sabiex jidentifikaw u jiddikjaraw ruħhom (qabel, it-terminu
"Tsygan", li għal ħafna għandu tifsira
peġġorattiva, kien l-uniku terminu propost
għall-identifikazzjoni). Barra minn hekk, minħabba li nuqqas ta’
dokumenti għandu impatt negattiv fuq it-tgawdija ta’ drittijiet
soċjali u ekonomiċi, l-awtoritajiet tal-Moldova għandhom
l-intenzjoni li kontinwament jindirizzaw il-kwistjoni li jipprovdu lill-poplu
kollu Roma li jirrisjedi fir-Repubblika tal-Moldova b’dokumenti tal-identità.
Fl-2012, il-Gvern eżenta liċ-ċittadini tal-etniċità
tar-Roma mit-tariffi għall-ħruġ ta’ dokumenti għal perjodi
ta’ sitt xhur mill-1 ta’ Ottubru 2012 (id-Deċiżjoni n.
497 tas-6 ta’ Lulju 2012). Sussegwentement seħħew
erba’ kampanji ta’ informazzjoni permezz tal-amministrazzjonijiet
pubbliċi, l-istituzzjonjiet edukattivi, l-NGOs Roma u l-midja elettronika
sabiex jinkoraġġixxu lill-poplu Roma biex japplika għal
dokumenti ta’ identifikazzjoni u benefiċċji soċjali.
Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri, 959 individwu ġew ipprovduti
b’karti tal-identità ġodda. Kumplessivament, fl-2012 inħarġu
2 521 dokument tal-identità għall-persuni Roma, b’applikazzjoni
tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Persuni li jappoġġjaw lir-Roma,
il-proċess tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità
għall-persuni Roma (evidenza u dokumentazzjoni) huwa mmonitorjat b’mod
permanenti mis-subdiviżjonijiet territorjali tal-Ministeru
tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Rigward ir-reġistrazzjoni ta’ trabi,
b’mod partikolari sabiex jiġu evitati każijiet possibbli ta’
reġistrazzjoni nieqsa ta’ tarbi ġodda Roma, il-Ministeru
tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Ordni Komuni
Nru 114/476 tat-12 ta’ Diċembru 2008) stabbilixxa
mekkaniżmu għall-ħruġ ta’ ċertifikati
fl-istituzzjonijiet mediċi, u stabbilixxa uffiċċji
għar-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ tfal fl-isptarijiet tal-maternità. ·
Implimentazzjoni effettiva ta’
leġiżlazzjoni u politiki kontra d-diskriminazzjoni ,
l-implimentazzjoni ta’ strumenti rilevanti tal-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa; Il-Liġi
tal-25 ta’ Mejju 2012 dwar l-Assikurazzjoni tal-Ugwaljanza
daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Flimkien
ma’ pakkett ta’ atti leġiżlattivi, inkluża l-Liġi dwar
l-Inklużjoni Soċjali ta’ Persuni b’Diżabbiltajiet u emendi
għall-Kodiċi Kriminali, adotta fil-ħin mill-Parlament, u l-atti
ta’ implimentazzjoni tagħhom, hija tikkostitwixxi s-sisien
għall-qafas kontra d-diskriminazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova.
Madankollu, tista’ tkun ipprovduta evidenza li l-awtoritajiet tal-Moldova
impenjaw ruħhom li jimplimentaw mingħajr dewmien programm robust ta’
azzjonijiet u inizjattivi li jippromwovu u jispjegaw il-kontenut tal-qafas
legali ġdid għall-maġistrati, l-avukati, l-uffiċjali
tal-infurzar tal-liġi u l-pubbliku ġenerali. Ir-riżultati ta’
dawn l-isforzi diġà jidhru, speċjalment bis-saħħa
tal-involviment bikri f’dan l-isforz tal-istituzzjonijiet rilevanti kompetenti
bħall-Ombudsman / iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem,
l-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, xi wħud minnhom bi sħubija
mal-UNDP, u l-għajnuna ta’ għadd ta’ NGOs u msieħba
internazzjonali. F’Novembru 2012, l-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja
organizza taħriġ reġjonali għal 255 imħallef u 42
prosekutur dwar “Interpretazzjoni u infurzar tal-Liġi sabiex tiġi
żgurata l-Ugwaljanza”. Dan it-taħriġ ġdid se jsir matul din
is-sena. Wara talba tal-MJ,
fis-6 ta’ Diċembru 2012, l-Uffiċċju
tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bi
sħubija mal-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, organizza kors pilota
ta’ taħriġ għal 30 imħallef u prosekutur. Għall-2013,
hemm ippjanati sitt seminars ta’ taħtiġ li minnhom diġà saru tlieta
(90 imħallef u prosekutur). Barra minn hekk, iċ-Ċentru
tal-Liġi tal-Avukati bi sħubija mal-Assoċjazzjoni tal-Bar
fl-2013 organizza serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għal 200
avukat (mir-reġjuni kollha tar-Repubblika tal-Moldova) dwar
dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali dwar nondiskriminazzjoni,
dwar ġurisprudenza f’dan il-qasam tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet
tal-Bniedem, u dwar il-provvediment ta’ assistenza ġuridika lill-vittmi
ta’ diskriminazzjoni. L-inizjattiva saret fil-kuntest ta’ proġett
(“Nikkonsolidaw l-għarfien tal-avukati dwar każijiet ta’
diskriminazzjoni”) iffinanzjat mill-Fondazzjoni Soros, li ġie konkluż
b’konferenza għan-nazzjon kollu dwar “Ir-rwol tal-avukati fl-indirizzar
tal-każijiet ta’ diskriminazzjoni – esperjenza Ewropea fil-prattika”
(id-19 ta’ April 2013). L-awtoritajiet tal-Moldova għamlu wkoll
sforzi sinifikanti sabiex jagħmlu operattiv element ewlieni
għall-implimentazzjoni tal-Liġi sabiex tiġi Żgurata
L-Ugwaljanza, il-Kunsill tal-Ugwaljanza. Il-funzjonament effettiv tal-Kunsill u
l-abbiltà tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu b’mod indipendenti u
parzjali huma komponenti ewlenin għall-proċess ta’ implimentazzjoni.
Fis-7 ta’ Marzu ġew maħtura żewġ membri u
t-tlieta li baqa’ ġew maħtura fl-10 ta’ Ġunju. Matul
id-djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
tas-16 ta’ April 2013, l-awtoritajiet tal-Moldova kkonfermaw
l-impenn tagħhom li jagħmlu l-Kunsill tal-Ugwaljanza operattiv
sal-ħarifa 2013. Il-MJ jantiċipa li l-baġit tal-Kunsill
tal-ugwaljanza jippermetti l-finanzjament ta’ 20 impjegat full-time
fil-fażi inizjali. Fl-2012, ir-Repubblika tal-Moldova
rrikonoxxiet il-kompetenza tal-Kumitat tan-NU dwar l-eliminazzjoni ta’
Diskriminazzjoni Razzjali li jirċievi komunikazzjonijiet individwali
taħt l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni
tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali. Wara l-adozzjoni tal-Liġi
sabiex tiġi Żgurata l-Ugwaljanza, l-awtoritajiet Moldovani kkunsidraw
ukoll li jirratifikaw il-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien
tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Minbarra l-Liġi sabiex tiġi
Żgurata l-Ugwaljanza, riformi importanti oħra kienu adottati fl-2012
sabiex jiġi żgurat il-qafas leġiżlattiv li jiżgura
nondiskriminazzjoni b’konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej.
Il-Liġi tal-2007 dwar l-HIV ġiet emendata sabiex taqdi għan
doppju: a) li jitneħħew id-dispożizzjonijiet diskriminatorji
kontra persuni affettwati bl-HIV f’oqsma differenti, inkluża
t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar u
r-residenza permanenti għall-barranin, u b) li tissaħħaħ
il-protezzjoni tal-privatezza u tal-kunfidenzjalità. Dawn l-emendi
effettivament ġew implimentati. Barra minn hekk, il-Liġi dwar
l-Inklużjoni Soċjali tal-Persuni b’Diżabbiltajiet (liġi n.
60 tat-30 ta’ Marzu 2012) daħlet fis-seħħ, u
allinjat il-qafas legali tal-Moldova mal-obbligi tal-pajjiż li
jirriżultaw mir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni
b’Diżabbiltà (UNCRPD). Din il-liġi ġdida u wiesgħa tapplika
mhux biss għaċ-ċittadini tal-Moldova iżda wkoll
għaċ-ċittadini barranin b’diżabbiltajiet li għandhom
ir-residenza ġuridika tagħhom fir-Repubblika tal-Moldova.
Il-liġi tipprevedi kooperazzjoni bejn l-Istat u s-soċjetà
ċivili. Skont din tal-aħħar, l-awtoritajiet tal-Moldova qed
jaħdmu b’mod attiv fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex
jgħaddu minn mudell “mediku” għal mudell “soċjali”
għad-determinazzjoni ta’, u sabiex jiġu indirizzati
d-diżabbiltajiet u d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, u dwar
l-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji neċessarji. Madankollu, diġà ġew adottati
għadd ta’ miżuri sabiex jiġu implimentati
d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 60 dwar l-integrazzjoni
fil-qasam tal-impjieg (Kapitolu V) u speċjalment
id-dispożizzjoni li tistabbilixxi kwota ta’ 5 % ta’ impjegati li
għandhom jiġu reklutati minn kumpaniji ta’ daqs medju u kbar (iktar
minn 20 impjegat) fost persuni b’diżabbiltajiet b’rakkomandazzjoni
ta’ impjieg mill-Kunsill Nazzjonali għad-Determinazzjoni
tad-Diżabbiltajiet u tal-Kapaċità tal-Impjieg. Il-Ministeru
tax-Xogħol, tal-Protezzjoni Soċjali u tal-Familja nieda
r-reklutaġġ ta’ 43 uffiċjali li għandhom jaħdmu
fl-uffiċċji lokali kollha tal-Aġenzija nazzjonali
għall-Impjieg bl-għan li jipprovdu assistenza personalizzata
lill-persuni b’diżabbiltajiet fil-proċess tar-reklutaġġ tal-impjieg,
bil-parteċipazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet ad hoc, trejdunjins u min
iħaddem. Fis-26 ta’ Diċembru 2012,
ġiet adottata mill-Parlament il-Liġi Nru 306 “li temenda u
tikkompleta xi atti ġuridiċi”; hija introduċiet fil-Kodiċi
ta’ Kontravenzjoni reati amministrattivi ġodda ta’ diskriminazzjoni
fir-rigward ta’ xogħol, diskriminazzjoni fl-edukazzjoni u diskriminazzjoni
rigward l-aċċess għal servizzi u oġġetti
pubbliċi. Barra minn hekk, ġiet riveduta
l-leġiżlazzjoni kriminali dwar “reati ta’ mibegħda”. L-Artikolu 176
tal-Kodiċi Kriminali (“ksur tal-ugwaljanza”) ġie riformulat sabiex
jiddefinixxi aħjar l-elementi li jikkostitwixxu reat kriminali
(“distinzjoni, esklużjoni, restrizzjoni jew preferenza” minflok ksur “mhux
speċifiku”). Madankollu, xi aspetti għadhom ma jikkonformawx
mal-istandards ta’ speċifiċità u prevedibbiltà; barra minn hekk,
il-leġiżlazzjoni kriminali li tkopri “reati ta’ mibegħda”,
tibqa’ implimentata b’mod rari mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u
mill-awtoritajiet ġudizzjarji. B’kuntrast, il-litigazzjoni
ġudizzjarja fil-każijiet ta’ liġi ċivili jirriflettu
dinamika attiva fis-soċjetà Moldovana, li tirrifletti l-politika proattiva
tal-gvern, permezz tar-rekord li tfaċċa ta’ attività ta’ litigazzjoni
mibdija mis-soċjetà ċivili u istituzzjonijiet tal-istat dwar
każijiet ta’ diskriminazzjoni, li wasslet għal
deċiżjonijiet li jistabbilixxu preċedent mill-qrati
domestiċi u li jqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni fost il-pubbliku
ġenerali. Barra minn hekk, fid-dawl
tad-Deċiżjoni ta’ Ġunju 2012 tal-Qorti Ewropea
tad-drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Genderdoc-M (applikazzjoni n.
9106/06), l-awtoritajiet ċentrali u l-muniċipalità ta’ Chisinau wrew
ir-rieda tagħhom li jiżguraw id-dritt għal-libertà tal-assemblea
għall-persuni LGBTI, kif jidher mill-marċijiet li għamlu
suċċess li l-komunità LGBTI organizzat
fl-14 ta’ Frar u fid-19 ta’ Mejju 2013. Dawn
il-marċijiet kienu l-ewwel marċijiet li saru fl-istorja
tar-Repubblika tal-Moldova f’kundizzjonijiet siguri, taħt il-protezzjoni
effettiva tal-pulizija. Għandu jkun imsemmi l-pass pożittiv
li sar rigward il-persuni transesswali u d-drittijiet tagħhom
għar-rikonoxximent ġuridiku għat-tibdil tal-isem u l-ġeneru
legali. Fit-2 ta’ Novembru 2012, il-Qorti Suprema
ħarġet ir-rakkomandazzjonijiet Nru 16 tagħha dwar
il-proċedura ta’ eżaminazzjoni għal ilmenti rigward
it-rettifikazzjoni tal-att dwar l-istatus ċivili wara li tkun saret
operazzjoni kirurġika ta’ tibdil tas-sess. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet
jirriflettu b’mod korrett u ċar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tistabbilixxi r-rifjut tar-rikonoxximent wara
l-operazzjoni tal-istatus ċivili bħala ksur tal-Konvenzjoni
għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-bniedem u l-Libertajiet Fundamentali
(dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja). Dan l-isforz,
filwaqt li għandu jiġi mfaħħar, ma jidhirx li jsolvi
għalkollox il-kwistjoni: dispożizzjonijiet ġuridiċi
oħra jidhru li jkomplu jagħtu raġun lill-uffiċċji tar-Reġistru
tal-Istatus Ċivili li jirrifjutaw li jemendaw l-istatus ċivili ta’
persuna wara t-tibdil tal-ġeneru tiegħu/tagħha, bil-konsegwenza
tal-bżonn għalih/għaliha li jikkontesta/tikkontesta
d-deċiżjoni fil-qorti. Fil-qasam ġudizzjarju, bħala
riżultat tad-dibattitu pubbliku jaħraq fl-2011-2012 u bħala
sinjal ta’ dinamika iktar attiva fis-soċjetà Moldovana, dwar kwistjonijiet
ta’ diskriminazzjoni, is-sena 2012 kienet xhieda ta’ attivitajiet ta’
litigazzjoni notevoli dwar każijiet ta’ diskriminazzjoni. Xi każijiet
ikkjarifikaw il-limiti tal-libertà tal-espressjoni fil-każ ta’ “diskors
ta’ mibegħda”, fost każijiet oħra f’ċirkostanzi ta’
defamazzjoni u dikjarazzjonijiet infjammatorji kontra persuni Roma u LGBTI jew
il-pubblikazzjoni fuq websajts ta’ “listi suwed” ta’ figuri pubbliċi
“jippromwovu l-omosesswalità”. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li
l-Qorti ġġudikat dawn il-każijiet f’konformità mal-istandards
Ewropej u internazzjonali fir-rigward tal-limiti leġittimi tal-libertà
tal-espressjoni f’każijiet ta’ disseminazzjoni ta’ mibegħda etnika,
reliġjuża, jew soċjali ('diskors ta’ mibegħda'); f’xi
każijiet, iddeċidew ukoll li jagħtu kumpens lill-atturi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell ta’
Chisinau rrifjutat ilment imressaq minn organizzazzjoni reliġjuża
kontra d-deċiżjoni ta’ ‘Teleradio Moldova’ li jxandar dokumentarju
dwar id-drittijiet tal-LGBTI bħala drittijiet tal-bniedem,
bir-raġunar li l-attur ipprova “jinforza interdizzjoni għal-libertà
tal-espressjoni u opinjoni dwar suġġett relatat mad-drittijiet
tal-minoritajiet sesswali”. Ir-reazzjoni tal-organizzazzjonijiet ċivili u
l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll il-miżuri diskriminatorji kontra
individwi LGBTI u membri ta’ minoritajiet reliġjużi adottatti minn xi
kunsilli lokali, inkluż il-Kunsill tal-Belt ta’ Balti, kienu daqstant
ieħor effettivi. Fit-28 ta’ Frar 2013, il-Qorti tal-Appell
ta’ Balti ddeċidiet li l-istabbiliment minn dan tal-aħħar ta’
“żona ta’ appoġġ speċjali għall-Knisja Ortodossa
tal-Moldova” u l-projbizzjoni ta’ “propaganda aggressiva ta’ orjentazzjoni
sesswali mhux tradizzjonali”, kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet
tal-bniedem. Rigward id-deċiżjonijiet diskriminatorji adottati minn
xi kunsilli lokali oħra, il-Kanċellerija tal-Istat innotifikat
lill-awtoritajiet ikkonċernati dwar l-illegalità
tad-deċiżjonijiet tagħhom u bdiet il-proċeduri legali relatati.
Konsegwentement, id-deċiżjonijiet kollha tal-muniċipalitajiet
lokali ġew ikkanċellati mill-awtoritajiet li ħarġuhom jew
ġew iddikjarati illegali mill-qrati rispettivi. L-istess approċċ
qed jiġi segwit mill-Ombudsmen fil-każ tal-liġi “li tiżgura
l-prinċipji tal-ugwaljanza, l-ekwità u oġġettività” adottata
fit-30 ta’ April 2013 mill-Assemblea tal-Poplu tal-Awtonomija
ta’ Gagauz, li ddaħħal ukoll fil-kwistjoni xi wħud
mid-drittijiet stabbiliti mil-Liġi sabiex tiġi Żgurata
Ugwaljanza, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tax-xogħol
għall-persuni LGBTI. ·
Implimentazzjoni effettiva tal-miżuri
tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar
il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (inkluża l-allokazzjoni ta’
riżorsi adegwati), is-sensibilizzazzjoni ġenerali kontra
r-razziżmu, l-ksenofobija, kontra s-Semitiżmu u forom oħra ta’
diskriminazzjoni; it-tisħiħ tal-korpi responsabbli
għall-politika kontra d-diskriminazzjoni u l-mitigazzjoni
tar-razziżmu, il-ksenofobija u kontra s-Semitiżmu; Fis-27 ta’ Diċembru 2012,
il-Parlament adotta emendi għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Pjan ta’ Azzjoni”), imħejji flimkien
mal-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili sabiex jiġu kkunsidrati żviluppi
ġodda, bħall-eżitu tar-Reviżjoni Perjodika Universali
(rapport finali ta’ Marzu 2012) u rakkomandazzjonijiet
internazzjonali oħra. Wara dan l-eżerċizzju, ġew
inklużi kapitoli ġodda bħal: il-Prevenzjoni ta’, u l-Ġlieda
kontra d-diskriminazzjoni; il-Libertà tal-Ħsieb, il-Kuxjenza u
r-Reliġjon; u d-drittijiet tal-persuni mingħajr stat, il-migranti,
ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu ażil. Fid-djalogu bejn l-UE u
r-Repubblika tal-Moldova dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
tas-16 ta’ April 2013, l-awtoritajiet tal-Moldova kkonfermaw
il-prijorità li jagħtu lill-implimentazzjoni kontinwa tal-Pjan ta’ Azzjoni
– b’finanzjament adegwat – u l-monitoraġġ tiegħu. Dan tal-aħħar huwa koordinat minn
kummissjoni ad hoc għall-Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem (“il-kummissjoni nazzjonali”) bl-appoġġ
tekniku tal-MJ, kif ukoll mill-Kumitat Parlamentari Permanenti dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa bbażat fuq sett ta’ indikaturi
tal-prestazzjoni u jinkludi valutazzjoni kwalitattiva u mekkaniżmu ta’
rispons; huwa wera li 85 % tal-azzjonijiet ippjanati għall-2012
intemmu jew fl-aħħar tas-sena kienu jinsabu għaddejjin.
Il-kummissjoni nazzjonali tablet iktar involviment mill-35 kunsill distrettwali
tal-pajjiż. Hija żiedet ukoll kapitolu finanzjarju separat
għall-Pjan ta’ Azzjoni, fejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali ntalbu
jindikaw is-sorsi tal-finanzi, interni jew esterni, allokati jew
meħtieġa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni
sħiħa; kooperazzjoni mal-imsieħba nazzjonali u internazzjonali
baqgħet fattur importanti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’
Azzjoni. L-awtoritajiet tal-Moldova riċentiment iddeċidew li
jistiednu rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ewropa, l-NU, l-UE, l-OSCE, NGOs
nazzjonali u internazzjonali sabiex jipparteċipaw fil-kummissjoni
nazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar
l-Appoġġ għall-poplu Roma 2011-2015, li ġie rivedut fl-2012
b’konsultazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħra, jagħmel
impatt kbir fuq il-politiki tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tar-Roma
peress li jiffoka fuq l-inklużjoni soċjali milli jillimita ruħu
għall-promozzjoni tal-kultura tar-Roma. L-istituzzjonalizzazzjoni
tal-medjaturi tal-komunità Roma huwa pass importanti lejn integrazzjoni
aħjar tal-poplu Roma. Ix-xogħol tan-netwerk ta’ medjaturi
tal-komunità Roma, li issa jirċievu salarju mill-baġit tar-Repubblika
tal-Moldova għandu jkun pass kardinali għall-istrateġija
intenzjonata ta’ inklużjoni soċjali, abbażi ta’ sforzi
kkombinati tal-awtoritajiet ċentrali u lokali, il-parteċipazzjoni
attiva tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali
(bħall-UNICEF), u b’allokazzjonijiet finanzjarji adegwati. Inħatru
15-il medjatur tal-komunità, li huma ffinanzjati għalkollox
mill-baġit tal-istat. Sal-2015, dan in-numru huwa ppjanat li jilħaq
l-ogħla livell ta’ 47 medjatur tal-komunità. B’appoġġ
għall-istrateġija li tingħata iktar setgħa lin-nisa Roma,
13 minn dawn il-15-il medjatur inizjali tal-komunità huma nisa. Bħala
żvilupp pożittiv biex tiżdied il-kapaċità u
s-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet tal-Moldova sabiex jindirizzaw il-kwistjoni
tal-inklużjoni soċjali tar-Roma, ġiet stabbilita kariga ta’
konsulent speċjali għall-Prim Ministru dwar kwistjonijiet tar-Roma
f’Novembru 2012. Rigward l-istituzzjonijiet, l-importanza li
jiġi żgurat rispett għad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tal-ġustizzja
ġie riaffirmat bħala wieħed mill-pilastri tal-Istarteġija
komprensiva fuq skala kbira għar-riforma tas-sistema tal-ġustizzja
2011-2016 u l-Pjan ta’ Azzjoni relatat. L-ewwel mewġa ta’ emendi leġiżlattivi,
adottata f Lulju 2012, saħħet il-Kunsill Superjuri
tal-Maġistratura u b’mod partikolari saħħet is-setgħat
dixxiplinarji tiegħu; huma laħqu wkoll l-għan li jallokaw
lill-imħallfin b’mod iktar effiċjenti u flessibbli, skont il-volum
ta’ xogħol u l-volum ta’ każijiet fi qrati partikolari u distretti, u
b’mod li titnaqqas il-pressjoni tax-xogħol tal-imħallfin billi
tinħoloq il-pożizzjoni ta’ assistent tal-imħallef. Is-sistema
ta’ għajnuna ġuridika, stabbilita fl-2008 u organizzata madwar
il-Kunsill Nazzjonali ta’ Għajnuna Legali, tjiebet ukoll. Il-Gwida dwar
Għajnuna Ġuridika Garantita mill-Istat ippubblikata fl-2010
bl-appoġġ tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea kompliet
titwassal għand l-istituzzjonijiet rilevanti u speċjalisti li
jipprovdu għajnuna ġuridika, filwaqt li kien disponibbli għall-pubbliku
ġenerali faxxiklu fil-qosor li jipprovdi spjegazzjonijiet dwar tipi ta’
għajnuna ġuridika u proċeduri ġuridiċi għat-talba
u l-kunsinna tiegħu. Barra minn hekk, il-provvediment ta’
għajnuna ġuridika ġie ddiversifikat billi difensuri
pubbliċi jaħdmu ma’ avukati privati li huma lesti li jagħtu
għajnuna ġuridika fuq bażi kuntrattwali fil-ħames
uffiċċji territorjali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Għajnuna
Ġuridika. NGOs akkreditati se jkunu jistgħu wkoll jipprovdu
għajnuna legali f’każijiet ċivili; paralegali u NGOs se
jipprovdu għajnuna ġuridika primarja (informazzjoni bażika dwar
il-liġi u assistenza fl-abbozzar ta’ atti differenti, minbarra atti
proċedurali għal proċeduri fil-qorti).
Mill-1 ta’ Jannar 2012, sar possibbli għall-atturi biex
japplikaw għal għajnuna ġuridika anke f’każijiet
ċivili; tali għajnuna hija disponibbli għal persuni li ma
għandhomx mezzi biex ikollhom avukat u li l-każ tagħhom
għandu ċertu kumplessità legali jew proċedurali. L-istrateġija għar-riforma
tas-settur tal-ġustizzja tagħti importanza xierqa lir-riforma
tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, iċ-Ċentru għad-Drittijiet
tal-Bniedem (“iċ-Ċentru”) bl-għan li tissaħħaħ
l-effettività u l-indipendenza tiegħu kif ukoll dawk tal-Mekkaniżmu
nazzjonali relatat mal-Prevenzjoni tat-Tortura (f’Novembru 2009,
iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem irċieva status “B”
mill-Kumitat Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali
għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jindika
konformità parzjali mal-prinċipji ta’ Pariġi). Grupp ta’ ħidma
ad hoc għamel studju ddettaljat dwar l-attività taċ-Ċentru,
inkluża evalwazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ dan tal-aħħar,
il-bżonnijiet finanzjarji u miżuri possibbli għall-ottimizzazzjoni
tal-attivitajiet tiegħu. Abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu,
u bl-involviment ta’ msieħba internazzjonali (bħall-konsulent lokali
tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar
it-Tortura) u NGOs lokali, il-MJ ipprepara abbozz ta’ leġiżlazzjoni
dwar ir-riorganizzazzjoni taċ-Ċentru, l-għażla u n-nomina
ta’ Ombudsperson(s), u l-istabbiliment tal-grad ta’ awtonomija ta’ dan
tal-aħħar u l-ħatra tal-persunal taċ-Ċentru, u b’hekk
tiġi ffurmata l-organizzazzjoni interna tal-istruttura u l-indirizzar ta’
kwistjonijiet baġitarji. F’dan l-istadju l-abbozz ta’ liġi ġie
ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika. Fl-istess ħin, iċ-Ċentru
għamel l-isforzi tiegħu biex itejjeb l-effettività u l-kredibbiltà
tar-rwol tiegħu. Huwa beda juża l-prerogattiva tiegħu biex
jivverifika l-kostituzzjonalità ta’ liġijiet speċifiċi quddiem
il-Qorti Kostituzzjonali u jibda pożizzjonijiet legali quddiem il-Qorti
jew biex jintervjeni fi proċeduri ġudizzjarji fil-forma ta’ “amicus
curiae”, inkluż fi proċeduri kontra d-diskriminazzjoni.
Iċ-Ċentru fetaħ ċentru reġjonali f’Varnita, subborg
ta’ Bender ikkontrollat mir-Repubblika tal-Moldova, fiż-żona
magħrufa bħala Żona ta’ Sigurtà, bl-għan li jiġu
indirizzati talbiet tal-popolazzjoni lokali u sabiex titjieb il-kooperazzjoni
mal-istituzzjoni korrispondenti tal-ombudsman fi “Transnistria”. (b) Rakkomandazzjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt ·
Titkompla l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’
Azzjoni 2011-2014 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jitkompla jintalab
l-involviment tal-komunità internazzjonali fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet
tal-minoritajiet. L-awtoritajiet tal-Moldova wrew impenn
konsistenti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2011-2014 dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem. F’Marzu 2013, beda jitħejja abbozz tal-emendi
għad-digriet tal-gvern li jistabbilixxi Kummissjoni Nazzjonali
għall-Implimentazzjoni tad-Drittijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar
id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jistieden organizzazzjonijiet internazzjonali
bħall-Kunsill tal-Ewropa, in-NU, l-UE, l-OSCE kif ukoll NGOs
internazzjonali sabiex jipparteċipaw fil-ħidma ta’
monitoraġġ u valutazzjoni. L-intenzjoni tal-awtoritajiet tal-Moldova
kienet li jipproċedu malajr b’tali stedina wara li jkun inħatar gvern
ġdid. ·
Tiġi żgurata implimentazzjoni
effettiva ta’ leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, b’konformità
mal-istandards Ewropej u internazzjonali, speċjalment billi
jinħarġu linji gwida komprensivi u billi jitwaqqaf Kunsill
għall-Ugwaljanza li jkun jiffunzjona. Kif diġà ġie diskuss b’mod estensiv
fit-taqsima preċedenti, l-awtoritajiet tal-Moldova, l-istituzzjonijiet
ġudizzjarji, is-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni b’mod
ġenerali juru livell għoli ta’ sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet
kontra d-diskriminazzjoni, suġġett li għadu kontroversjali
fis-soċjetà. Ftit wara li ġiet adottata l-Liġi sabiex tiġi
Żgurata l-Ugwaljanza ttieħdu għadd ta’ miżuri ta’
implimentazzjoni, speċjalment programm qawwi edukattiv u ta’
taħriġ li jipprovdi l-implimentazzjoni tal-linji gwida
lill-ġuristi u li jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali;
deċiżjonijiet amministrattivi jew atti ġuridiċi
reġjonali li jopponu l-Liġi sabiex tiġi Żgurata
l-Ugwaljanza jiġu rrevokati permezz ta’ mezzi ġuridiċi; u
fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali li qed titfaċċa li qed
tiġi allinjata mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea
tad-Drittijiet tal-Bniedem. ·
Isostni l-isforzi finanzjarji tiegħu sabiex
jimplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni 2011-2015 dwar Appoġġ għar-Roma
b’mod effettiv u konsistenti. Kif ġie indirizzat fit-taqsima
preċedenti, il-Pjan ta’ Azzjoni 2011-2015 dwar Appoġġ
għar-Roma ġie implimentat b’mod konsistenti. Għalkemm b’xi
dewmien, l-impenn preċedenti tagħhom li jistituzzjonalizzaw
lill-medjaturi tal-komunità Roma ġie msarraf f’impenji baġitarji
effettivi fl-2013. Dwar din il-kwistjoni, kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati
b’mod ġenerali mad-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni u
l-appoġġ mill-komunità internazzjonali huwa fattur importanti sabiex
jiġi żgurat suċċess tal-azzjonijiet ippjanati. ·
Tkompli l-kooperazzjoni tajba mal-awtoritajiet
de facto f’Tiraspol, li tippermetti skambju ta’ informazzjoni dwar
il-ħruġ ta’ dokumenti kif ukoll dwar aspetti tal-infurzar
tal-liġi; Kif deskritt fil-parametru referenzjarju VLAP,
il-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità għal residenti ta’
Transnistria mill-awtoritajiet kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova, isir
abbażi ta’ informazzjoni pprovduta taħt il-liġi Moldovana u
vverifikata abbażi ta’ informazzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom
l-awtoritajiet kostituzzjonali. Il-kooperazzjoni bejn Chisinau u Tiraspol dwar
kwistjonijiet ta’ infurzar tal-liġi ssir b’mod ad hoc abbażi ta’
ftehim tal-1994. Dan il-ftehim madankollu ma jistax jiġi implimentat
bħala tali fil-kuntest tal-progress tar-Repubblika tal-Moldova fi
kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem peress li ma jipprovdix garanziji suffiċjenti
dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali u rispett għad-drittijiet
tal-bniedem ta’ persuni suspettati mitluba għal investigazzjoni
mill-awtoritajiet de facto ta’ Transnistria; dan il-format jeħtieġ li
jiġi rivedut. Xogħol fuq din il-kwistjoni ssokta fl-isfond tal-laqgħa
“5+2” li saret f’Odessa, abbażi ta’ abbozz propost mill-missjoni tal-OSCE
għar-Repubblika tal-Moldova. ·
Jiżdiedu l-isforzi biex jingħelbu
l-isfidi possibbli tas-sigurtà u l-migrazzjoni u jinstabu soluzzjonijiet
possibbli għat-tisħiħ tal-kontroll mingħajr ħsara
għall-proċess tan-negozjar tal-“5+2”. F’Marzu 2013, id-Deputat Prim Ministru
tal-Moldova għar-riintegrazzjoni (ir-rappreżentant politiku
tar-Repubblika tal-Moldova fil-“5+2”) informa permezz ta’ ittra
lill-amministrazzjoni de facto ta’ Transnistria, lill-parteċipanti
l-oħra fil-proċess “5+2” u lill-Kummissjoni għall-Kontroll
Konġunt stabbilita mill-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tal-1992 bejn
ir-Russja u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-intenzjoni tar-Repubblika tal-Moldova
li tistabbilixxi sitt punti ta’ reġistrazzjoni tal-Uffiċċju
tal-Moldova dwar il-konfini amministrattivi mat-“Transnistria”,
fiż-żona magħrufa bħala żona ta’ sigurtà tal-kunflitt
ta’ Transnistria sabiex jiġu kkontrollati u mmonitorjati l-flussi
tal-migrazzjoni permezz tas-segment ċentrali (ta’ Transnistria)
tal-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. L-informazzjoni
pprovduta lil Tiraspol inkludiet fatti bażiċi dwar il-post,
il-proċeduri, l-istituzzjonijiet responsabbli u aspetti rilevanti oħra.
F’April, wara r-reazzjoni negattiva
tal-amministrazzjoni ta’ Transnistria, id-Deputat Prim Ministru
għar-riintegrazzjoni pprovda kjarifiki addizzjonali bil-miktub
mill-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-kwistjoni
reġgħet tqajmet matul il-laqgħa f’Odessa tal-“5+2”
(23 - 24 ta’ Mejju 2013), meta r-Repubblika tal-Moldova
neħħiet l-akkużi ta’ Transnistria li l-inizjattiva tagħha
xxekkel il-moviment ħieles tar-residenti tar-Russja u ta’ Transnistria li
ma għandhomx passaport tal-Moldova. Ir-Repubblika tal-Moldova addizzjonalment
qablet li ssewgi mar-Russja u l-Ukrajna konsultazzjonijiet konsulari
tripartitiċi dwar ir-rikonoxximent tar-residenza Moldovana ta’ residenti
Russi u Ukranjani li jirrifjutaw li jirreġistraw mal-awtoritajiet
Moldovani. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika,
fl-2012, il-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova kienet 3 559 541 persuna
(mingħajr ir-reġjun ta’ Transnistria). Barra minn hekk,
il-popolazzjoni tar-reġjun Transnistrijan kienet stmata li hi madwar 509
400 persuna (mingħajr ma jitnaqqas in-numru konsiderevoli ta’ immigranti
mir-reġjun), li minnhom 280 239 (55%) kienu ċittadini Moldovani
reġistrati fir-Reġistru tal-Popolazzjoni tal-Istat. Fl-2012,
il-Ministeru tal-Informazzjoni, it-Teknoloġija u l-Komunikazzjonijiet
ħareġ 15 531 passport lil ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova
li jirrisjedu fir-reġjun ta’ Transnistria. Ir-Repubblika tal-Moldova segwiet politika
ġeneralment inklussiva fir-rigward taċ-ċittadini tagħha li
jirrisjedu fit-“Transnistria”, u tippermettilhom li jkollhom aċċess
mingħajr ħlas għaċ-ċittadinanza Moldovana fuq
bażi volontarja (jew il-ħruġ mingħajr ħlas ta’
dokumenti tal-identità bħala l-ewwel dokumentazzjoni). Minħabba
n-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dokumenti dwar l-istatus ċivili ta’
Transnistria mir-Repubblika tal-Moldova, il-Ministeru tal-Informazzjoni,
it-Teknoloġija u l-Komunikazzjonijiet, japplika miżuri
speċifiċi sabiex jikkonferma ċ-ċittadinanza tal-applikanti,
b’konformità mal-emendi tal-Liġi tal-2004 dwar iċ-ċittadinanza u
d-Deċiżjonijiet tal-Gvern Nru 959 mid-9 ta’ Settembru 2005
u Nru 337 tal-10 ta’ Mejju 2011. Minn Mejju 2012,
għaddejjin diskussjonijiet bejn Chisinau u Tiraspol
għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni,
li jippermetti r-reġistrazzjoni mill-ġdid tad-dokumenti
maħruġa mill-awtoritajiet de facto ta’ Transnistria u,
speċjalment li jintroduċi elementi ta’ identifikazzjoni
għan-nazzjoni kollu (għadd iġġenerat mir-Reġistru
tal-Istatus Ċivili tal-Moldova) fid-dokumenti tal-istatus ċivili
maħruġa mill-awtoritajiet de facto ta’ Transnistria; dan se
jissimplifika l-proċess tal-applikazzjoni għar-residenti ta’
Transnistria li japplikaw għal dokumenti tal-identità Moldovani. Bħalissa, id-Deċiżjoni
tal-Gvern Nru 125 tat-18 ta’ Frar 2013 li tapprova
r-“Regolament dwar il-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità u tal-evidenza
tal-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova” (li tissostitwixxi
d-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 376
tas-6 ta’ Ġunju 1995 kif emendata sussegwentement)
tistipula li “l-identifikazzjoni tal-persuni li jilħqu l-età ta’
maġġorenni u ma kellhomx dokumenti qabel, jew li l-identità
tagħhom ma tistax tiġi stabbilita abbażi ta’ dokumenti
maħruġa qabel, għandha ssir b’dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà
ta’ wieħed mill-ġenituri, rappreżentanti ġuridiċi jew
membri oħra tal-familja fil-grad I-III ". Fil-każ
tal-aħħar, l-applikant għandu jipprovdi dokumenti ta’
spjegazzjoni addizzjonali maħruġa mill-awtorità pubblika lokali jew
minn istituzzjoni oħra tal-istat li għandha informazzjoni dwar
il-persuna rispettiva. Għalhekk, id-dixxendenti jew il-familja
tar-residenti ta’ Transnistria li ma jistgħux jiġu identifikati u
rikonoxxuti skont il-mudell Sovjetiku tas-sistema tal-passaport (li
r-“Reġistru” tal-Moldova wiret), bħalissa jistgħu jiddependu fuq
id-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-familja tagħhom sabiex japplikaw
għaċ-ċittadinanza tal-Moldova. Il-Kodiċi Kriminali
tal-Moldova jipprevedi multi u sa sena ħabs għal dikjarazzjonijiet
foloz li jsiru quddiem uffiċjal pubbliku sabiex tiġi prodotta
konsegwenza ġuridika għal persuna terza. Valutazzjoni Ġenerali tal-Element 4 Ir-Repubblika tal-Moldova mxiet lejn implimentazzjoni effettiva tal-parametri referenzjarji tat-tieni fażi. Ir-restrizzjonijiet li kien baqa’ sabiex persuni barranin u dawk mingħajr stat jibqgħu b’mod legali tneħħew; l-aċċess għaċ-ċittadini kollha għal dokumenti tal-identità kompla jitjieb b’mod effettiv; sar titjib konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-qafas legali kontra d-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Transnistria ġiet indirizzata b’diliġenza, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-migrazzjoni u l-introduzzjoni ta’ proċeduri speċjali ta’ konferma għar-residenti ta’ Transnistria li japplikaw għal dokumenti tal-identità Moldovani. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Moldova għandha rekord ta’ segwitu konsistenti tar-rakkomandazzjonijiet kollha li saru fil-Valutazzjoni tal-Impatti. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Moldova b’mod ġenerali tissodisfa l-parametri referenzjarji tat-tieni fażi stabbiliti taħt l-Element 4. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa sabiex: · Tiġi kkonfermata l-implimentazzjoni sostenibbli tal-Liġi sabiex tiġi Żgurata l-Ugwaljanza, speċjalment billi jitwaqqaf Kunsill għall-Ugwaljanza li jiffunzjona u jitkompla l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b’diżabbiltajiet; · Jiġi kkonfermat l-appoġġ finanzjarju tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; · Titkompla l-implimentazzjoni tar-riforma tas-settur tal-ġustizzja, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjoni tal-ombudsman; · Jiġu stabbiliti l-punti ta’ reġistrazzjoni mħabbra fuq il-konfini amministrattivi kollha mat-“Transnistria”; · Jitkompla l-progress mat-“Transnistria” sabiex tiġi ffaċilitata d-dokumentazzjoni u l-evidenza tar-residenti tat-Transnistria. 3. konklużjonijiet Mit-tnedija f’Ġunju 2010 tad-djalogu
bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-Viża u l- preżentazzjoni
lill-awtoritajiet Moldovani ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni
tal-Viża (VLAP) f’Jannar 2011, il-Kummissjoni bdiet tirrapporta b’mod
regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li tkun
għamlet ir-Repubblika tal-Moldova biex tieħu miżuri
neċessarji sabiex tissodisfa l-parametri referenzjarji identifikati
taħt l-erba’ Elementi tal-ewwel fażi u issa taħt it-tieni
fażi tal-VLAP permezz ta’ dan ir-raba’ (4) rapport tal-progress. Minbarra dan il-proċess ta’ rappurtar
intensiv relatat mal-VLAP, il-Kummissjoni kompliet timmonitorja wkoll
il-progress li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova fl-oqsma rilevanti
tal-VLAP permezz ta’ ·
il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża; ·
il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova dwar ir-Riammissjoni; ·
is-Sottokumitat Nru 3 Konġunt bejn l-UE u
r-Repubblika tal-Moldova; ·
il-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja
tal-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar is-Sħubija fil-Mobbiltà; ·
id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
dwar id-Drittijiet tal-Bniedem F’kull wieħed minn dawn il-Kumitati u
oqfsa, l-istat tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova huwa avvanzat u għaddej mingħajr ħafna
diffikultajiet. Matul l-aħħar Kumitati Konġunti dwar
il-Faċilitazzjoni tal-Viża u r-Riammissjoni li saru
fit-12 ta’ Ġunju 2013 fi Brussell, bil-parteċipazzjoni
tal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni rreġistrat implimentazzjoni
sodisfaċenti kumplessiva taż-żewġ ftehimiet. Id-Djalogu bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova dwar il-Viża wera li hu għodda importanti għar-riformi,
mhux biss il-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, iżda anke
lil hinn minn oqsma b’impatti bħall-istat tad-dritt u kwistjonijiet
kostituzzjonali inklużi l-finanzjament tal-partiti politiċi u
l-immunitajiet politiċi. Il-progress li għamlet ir-Repubblika
tal-Moldova fl-aħħar tliet snin fl-oqsma varji koperti mill-erba’
Elementi tal-VLAP kien konsistenti u effettiv, li juri l-impenn importanti u
l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet tal-Moldova biex jagħmlu
l-implimentazzjoni tal-VLAP prijorità fuq l-aġenda leġiżlattiva,
politika u amministrattiva tagħha. Madankollu, huwa importanti li jiġi
affermat li r-riformi li saru f’diversi oqsma koperti mill-VLAP, u b’mod
partikolari dawk dovuti għall-governanza tajba tal-amministrazzjoni
pubblika, jeħtieġu b’mod ċar rieda politika stabbli
mill-awtoritajiet Moldovani bil-għan li dawk ir-riformi jiġu
kkonsolidati għalkollox fis-soċjetà Moldovana. Il-valutazzjoni kurrenti turi li r-Repubblika
tal-Moldova hija b’mod ġenerali konformi mal-parametri referenzjarji
stabbiliti fl-erba’ Elementi tal-VLAP. Il-funzjonament tal-qafas
leġiżlattiv u politiku u l-prinċipji u l-proċeduri
istituzzjonali u organizzazzjonali fl-erba’ Elementi huwa konformi
mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika
tal-Moldova għamlet progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni
effettiv u sostenibbli tat-tieni fażi tal-parametri referenzjarji
tal-VLAP. L-issodisfar tal-azzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rapport
iwassal lir-Repubblika tal-Moldova għall-finalizzazzjoni
tal-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji kollha tat-tieni fażi
tal-VLAP. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti
attenzjoni partikolari li qed jiġu allokati riżorsi finanzjarji u
riżorsi umani adatti mir-Repubblika tal-Moldova
għall-implimentazzjoni sostenibbli tal-qafas leġiżlattiv u
politiku. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika tal-Moldova qed tintalab
tistabbilixxi ppjanar għal terminu ta’ żmien ta’ diversi snin
sabiex tiżgura li r-riżorsi finanzjarji u umani neċessarji huma
allokati biex jiġu ssodisfati l-parametri referenzjarji b’mod sostenibbli
permezz tal-integrazzjoni sistematika tal-linji tan-nefqa neċessarji
fil-baġit tal-Istat. Huwa essenzjali wkoll li jkompli jiġu
organizzati kampanji ta’ informazzjoni mmirati li għandhom l-għan li
jikkjarifikaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ivjaġġar mingħajr viża,
u dwar regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol
tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja
b’mod attiv l-issodisfar tal-azzjonijiet meħtieġa f’dan
ir-rapport taħt l-erba’ Elementi tal-VLAP, bil-għan ta’ rappurtar
fil-ħarifa dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-parametri referenzjarji
kollha taħt il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża.
[1] Id-Dokument tal-Kunsill 18078/10. [2] (i) is-sigurtà tad-dokument, inklużi
l-bijometriċi; (ii) l-immigrazzjoni irregolari, inkluża
r-riammissjoni; (iii) l-ordni pubbliku u s-sigurtà; kif ukoll (iv) ir-relazzjonijiet
esterni u d-drittijiet fundamentali. [3] SEC (2011) 1075 finali. [4] SWD (2012)12 finali. [5] COM (2012) 348 finali. [6] COM(2012) 443 final. [7] Sottokumitat Nru 3: Dwana, kooperazzjoni transfruntiera,
ħasil ta’ flus, drogi, migrazzjoni irregolari. [8] COM(2012) 443 final. [9] Watermark b’żewġ kuluri, fibri fluworexxenti
taħt id-dawl UV, ħajta tas-sigurtà fluworexxenti, mikrostampar, innumerar
tal-passaport b’perforazzjoni bil-lażer, kif imsemmi fil-punt V
tal-Appendiċi 1 Informattiv tat-Taqsima III. L-istandards tas-Sigurtà
għal dokumenti tal-ivjaġġar li jinqraw b’magna tad-Dok 9303
tal-ICAO, Parti 1. [10] Il-watermark, il-mikrostampar, l-emblema u n-numru
tas-serje tal-formola li taħt id-dawl UV jidhru fluworexxenti. [11] Skont l-awtoritajiet tal-Moldova, il-popolazzjoni
tar-reġjun tat-Transnistrija hija ta’ 509 400 persuna, li minnhom 55%
huma ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u 33 128 minnhom għandhom
passaporti bijometriċi tar-Repubblika tal-Moldova. [12] Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi
Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa
għall-oħra tal-fruntiera [13] SEC(2011) 145 finali [14] Fl-2012, kien hemm 87 każ investigat ta’ korruzzjoni,
92 każ ta’ investigazzjoni ġew konklużi, ġew applikati 102
sanzjonijiet dixxiplinarji, li minnhom 34 każ irriżultaw fi
tkeċċija. Matul l-2010-2012, inbdew erba’ każijiet kriminali
għal reati ta’ korruzzjoni serji. [15] Il-Katalogu ta’ Schengen tal-UE dwar il-kontroll
tal-Fruntieri esterni, ir-Ritorn u r-riammissjoni, ir-rakkomandazzjonijiet u
l-aħjar parattiki, dokument tal-Kunsill 7864/09. [16] http://www.eubam.org/files/20121206142708402683P9AP_ENG_Second_Year.pdf [17] L-Organizzazzjoni għad-Demokrazija u l-Iżvilupp
Ekonomiku tal-Ġeorġja, l-Ukrajna, l-Ażerbajġan u
r-Repubblika tal-Moldova (GUAM). [18] F’April 2013, id-Dipartiment tal-Pulizija
tal-Fruntiera rċieva t-tagħmir neċessarju kollu u 30 karozza
għar-rondi sabiex l-unitajiet mobbli jsiru funzjonali. [19] L-iktar Kumitat Konġunt riċenti dwar
ir-Riammissjoni ltaqa’ fit-12 ta’ Ġunju 2013. [20] B’konformità mal-istandards minimi
d-Direttiva 2008/115/KE dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati
Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu
qegħdin fil-pajjiż illegalment. [21] B’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 96/71/KE dwar
l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi. [22] L-iktar Kumitat Konġunt riċenti dwar
il-Faċilitazzjoni tal-Viża ltaqa’
fit-12 ta’ Ġunju 2013. [23] Fl-2012, iż-żmien medju
għall-ipproċessar ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza kien
ta’ mija u sebat ijiem (107), li huwa żmien tajjeb ħafna fit-terminu
ta’ skadenza ta’ 6 xhur. Meta hija inkluża t-tieni istanza, dan
iż-żmien ta’ pproċessar huwa konsiderevolment itwal - 401 jum.
Bħalissa hemm pendenti 82 każ (85 persuna) li qed jistennew
deċiżjoni fl-ewwel istanza jew fl-istanza tal-appell. [24] Mill-bidu
tal-proċedura ttieħdu 17-il deċiżjoni. Fl-1 ta’ Jannar 2013
kien hemm 1998 persuna mingħajr stat fit-territorju tar-Repubblika
tal-Moldova (rikonoxxuti/ bi dritt ta’ residenza permanenti). [25] Ċifri annwali dwar it-THB: reati reġistrati (140
fl-2010; 111 fl-2011; 151 fl-2012) u vittmi assistiti mis-CAP (355 fl-2010; 339
fl-2011; 424 fl-2012). Vittmi identifikati skont il-MoI: 131 fl-2011;
266 fl-2012. Kundanni: 7 fl-2011; 13 fl-2012. Vittmi tat-traffikar tat-tfal
assistiti: 9.6% fl-2010, 14% fl-2011, 13% fl-2012. [26] Il-fondi
neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet inklużi
fil-pjan għandhom jiġu pprovduti fl-allokazzjonijiet
għall-2012-2013 magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi ffinanzjati
mill-baġit tal-istat u l-baġits lokali, minbarra l-assitenza esterna
li għandha tasal mill-awtoritajiet pubbliċi
għall-implimentazzjoni ta’ proġetti speċifiċi:
Appoġġ għall-Proġett CoE għall-Governanza Tajba u
l-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fis-Sħubija tal-Lvant, Appoġġ
għall-Kummissjoni Ewropea fil-proġett “Appoġġ
għall-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova fiż-żamma
tal-attivitajiet kontra l-korruzzjoni, ir-riforma tal-Ministeru tal-Affarijiet
Interni inkluż il-pulizija u l-protezzjoni tad-dejta personali”. [27] Sa
issa din is-sistema ma kellhiex l-impatt previst u ma mmodifikatx b’mod
sinifikanti l-approċċ għall-integrità fis-settur pubbliku.
L-awtoevalwazzjoni ta’ riskji ta’ korruzzjoni fil-biċċa l-kbira
tal-ħin kienet eżerċizzju formali u l-instabbiltà politika
kellha impatt fuq il-kapaċità tal-immaniġġjar ta’
istituzzjonijiet pubbliċi. Il-pjanijiet ta’ integrità li jirriżultaw
minn dan il-proċess ma kinux ta’ kwalità sodisfaċenti.
Riċentiment l-NAC akkwistat il-kompetenza li tkun parti minn u tikkummenta
dwar ix-xogħol ta’ gruppi ta’ ħidma fdati bl-analiżi tar-riskji
tal-korruzzjoni – qabel l-NAC kellha rwol ġenerali ta’ superviżjoni
biss li ma kienx jippermetti involviment sostanzjali fil-proċess. [28] L-indipendenza
funzjonali hija żgurata permezz ta’ proċedura ta’ ħatra ta’
direttur tal-NAC sabiex it-terminu tal-uffiċċju ma jikkorrispondix
għal dak tal-Gvern, il-Parlament u l-President; ħatra ta’ direttur
tal-NAC u deputati diretturi bbażata fuq kriterji ta’
professjonaliżmu u mingħajr affiljazzjoni politika stabbilita
bil-liġi; proċedura ta’ ħatra/tkeċċija għandha tinvolvi
iktar minn awtorità waħda; kundizzjonijiet stretti ta’ tkeċċija
qabel it-tmiem tat-terminu tal-uffiċċju definiti b’mod
eżawrjenti fil-liġi. [29] Verifiki
tal-istil ta’ ħajja jirreferu għall-verifikazzjoni tal-istil ta’
ħajja ta’ persuna mqabbel mad-dħul li jaqla’ legalment. [30] Proġett
“Appoġġ għall-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova fil-qasam kontra
l-korruzzjoni, riforma tal-Ministeru tal-Affarijiet inklużi l-pulizija u
l-protezzjoni tad-dejta personali”. [31] Is-CEC hija komposta minn rappreżentanti minn partiti
politiċi varji bi tliet funzjonijiet full-time flimkien ma’ 20 persunal u
joperaw speċjalment matul kampanja elettorali. Is-CEC għandu jkollha
r-riżorsi neċessarji sabiex timplimenta sorveljanza sostantiva,
proattiva tal-finanzjament ta’ kampanji elettorali u tal-partiti politiċi
inġenerali. [32] OPFML huwa membru bi status ta’ osservatur tan-Netwerk
Interaġenzija Camden għall-Irkupru tal-Assi (CARIN). [33] (i) Talbiet li jaslu għal estradizzjoni: il-MJ
jipproċessahom fi żmien 3-4 xhur u l-GPO fi żmien 2 – 3 xhur;
(ii) Ittri rogatorji li jaslu: MJ jipproċessahom fi żmien 2 – 3 xhur
u l-GPO sa massimu ta’ 6 xhur; (iii) MJ jipproċessa talbiet li jaslu
għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi kriminali f’madwar 3 xhur u
talbiet li jsiru għal rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi kriminali fi
żmien 4-5 xhur; (iv) Il-MJ jipproċessa talbiet għal trasferiment
ta’ persuni kkundannati lejn pajjiżi barranin fi żmien 5 – 6 xhur. [34] Skont il-Konvenzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’
żewġ stati partijiet jew iktar jistgħu jistabbilixxu, bi ftehim
reċiproku, JIT għal għan speċifiku u għal perjodu ta’
żmien limitat sabiex jeżegwixxi investigazzjonijiet kriminali
f’pajjiż wieħed jew iktar minn tagħhom. [35] L-għan ta’ kontroll ifisser kif il-korpi tal-infurzar
jirreferu, jirreġistraw u jinnotifikaw każijiet ta’ kriminalità.