This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0299
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL Ninth report on the implementation of Council Regulation (EC) 866/2004 of 29 April 2004 and the situation resulting from its application covering the period 1 January until 31 December 2012
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Id-disa' rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u l-qagħda li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2012
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Id-disa' rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u l-qagħda li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2012
/* COM/2013/0299 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Id-disa' rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u l-qagħda li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2012 /* COM/2013/0299 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Id-disa' rapport dwar l-implimentazzjoni
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004
u l-qagħda li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri
l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2012 INTRODUZZJONI Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004
dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att
tal-Adeżjoni[1]
(minn hawn ’il quddiem: Ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra, RLĦ)
daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Huwa
jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE
japplikaw fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi
minn naħa għal oħra tal-Linja bejn iż-żoni
tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern ma għandux kontroll
effettiv u ż-żoni li fihom għandu. Sabiex tiġi żgurata
l-effikaċja ta' dawn ir-regoli, l-applikazzjoni tagħhom ġiet
estiża għall-fruntiera bejn dawn iż-żoni u ż-Żona
tal-Bażi Sovrana tar-Renju Unit fil-Lvant (ESBA).[2] Dan ir-rapport ikopri l-perjodu
mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012. Matul il-perjodu tar-rappurtar, il-Kummissjoni
ma pproponiet l-ebda tibdil għar-RLĦ u lanqas emendat ir-regoli ta'
implimentazzjoni. Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv
mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru u mal-Amministrazzjoni
taż-Żona ta’ Bażi Sovrana (Sovereign Base Area -SBA) fir-rigward
tal-implimentazzjoni tar-Regolament. 1. PERSUNI LI JAQSMU L-LINJA 1.1. Il-qsim fil-punti ta’ qsim
awtorizzati Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli
għall-moviment ħieles taċ-Ċiprijotti, ta' ċittadini
oħrajn tal-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu
l-Linja l-Ħadra (minn hawn 'il quddiem "il-Linja") fil-punti ta'
qsim awtorizzati. Deher tnaqqis viżibbli fl-għadd kemm ta' Ċiprijotti
Griegi kif ukoll ta' Ċiprijotti Torok li qasmu fl-2012 meta mqabbel
mas-snin preċedenti. Skont id-dejta mir-Repubblika ta' Ċipru,
kien hemm 481 732 (is-sena preċedenti: 621 406) qsim minn
Ċiprijotti Griegi u 154 778 qsim minn vetturi Ċiprijotti Griegi
(is-sena preċedenti: 210 877) kienu osservati miż-żoni
kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u
850 362 (is-sena preċedenti: 937 789) qsim minn Ċiprijotti
Torok u 280 358 qsim minn vetturi Ċiprijotti Torok (is-sena
preċedenti: 348 225) mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru lejn
iż-żoni kkontrollati mill-Gvern matul il-perjodu ta' rappurtar[3]. L-għadd ta’ ċittadini tal-UE
minbarra Ċiprijotti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qasmu
l-Linja naqas ukoll b'mod sinifikanti. Skont id-dejta mill-Pulizija
tar-Repubblika ta' Ċipru (minn hawn 'il quddiem: CYPOL), matul il-perjodu
ta' rappurtar kien hemm 530 014 qsim ulterjuri minn ċittadini tal-UE
li mhumiex Ċiprijotti u ċittadini ta' pajjiżi terzi (is-sena
preċedenti: 634 218). minn dan il-qsim, 67 % (354 713) saru
fil-punt ta' qsim pedonali ta' Ledra Street li kompla jirrappreżenta
l-maġġoranza l-kbira tal-qsim minn persuni mhux Ċiprjotti
(l-aktar turisti). Iċ-ċifri miġbura mill-komunità
Ċiprijotta Torka jindikaw l-istess xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’
qsim, jiġifieri 658 117 qsim minn Ċiprijotti Griegi u
233 682 qsim minn vetturi Ċiprijotti Griegi miż-żoni
kkontrollati mill-Gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u
1 398 866 qsim minn Ċiprijotti Torok u 516 852 qsim minn
vetturi Ċiprijotti Torok fid-direzzjoni l-oħra. Barra minn hekk, kien
hemm 1 107 672 ċittadin barrani li mhumiex Ċiprijotti li
qasmu miż-żoni kkontrollati mill-Gvern lejn il-parti tat-Tramuntana
ta’ Ċipru. Iċ-ċifri tas-CYPOL imsemmija aktar
'il fuq, madankollu, ma jinkludux dejta dwar persuni u vetturi li qasmu
fil-punti tal-qsim ta' Pergamos u Strovilia, min-naħa
tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn l-ESBA.[4]
L-ebda statistika dettaljata mhija miżmuma mill-Amministrazzjoni tal-ESBA
għal dawn iż-żewġ punti ta’ qsim. Madankollu, l-ESBA
tikkalkola, abbażi ta' informazzjoni mill-komunità Torka Ċiprijotta,
li 48 807 (is-sena preċedenti: 84 407) Ċiprijotti Griegi
qasmu lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 315 683 (is-sena
preċedenti: 450 408) Ċiprijotti Torok qasmu lejn iż-żoni
kkontrollati mill-Gvern, filwaqt li 84 801 ċittadin tal-UE minbarra
Ċiprijotti u ċittadini ta' pajjiżi terzi qasmu
fiż-żewġ direzzjonijiet, permezz tal-punti ta' qsim li jinsabu
fl-ESBA. Fl-2012, l-għadd ta' persunal tas-CYPOL
li jaħdmu direttament fil-punti ta' qsim żdied minn għal 80 (77
fl-2011). Il-maġġoranza kbira tal-qsim
seħħ mingħajr problemi iżda ġew rapportati xi
inċidenti matul il-perjodu ta’ rappurtar. Dawn l-inċidenti huma sors
ta’ tħassib għall-komunità Ċiprijotta Torka. F’Marzu 2012, l-istess xarabank Torka
Ċiprijotta li ma tħallietx taqsam b'turisti mill-UE abbord , matul
l-aħħar perjodu ta’ rappurtar, reġgħet twaqqfet fil-punt
ta’ qsim Agios Dhometios, meta kienet qed iġġorr ċittadini
Brittaniċi li jirrisjedu f’Kyrenia li kienu qed jivvjaġġaw lejn
Larnaca. Ix-xarabank kellha ċertifikat ta’ affidabbiltà stradali
maħruġ mir-Repubblika ta’ Ċipru u liċenzja tas-sewqan
professjonali. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru talbu
wkoll liċenzja ta' operatur turistiku. Il-Kummissjoni infurmat
lill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru li la huwa meħtieġ u
lanqas xieraq li jkun hemm l-esiġenza ta’ liċenzja ta' operatur
turistiku fir-rigward ta' kumpanija tal-karozzi tal-linja li tinsab
fiż-żoni fejn l-acquis ma japplikax. Din il-kwistjoni għadha ma
ġietx solvuta. Fil-bidu tal-2012, il-Kummissjoni rċeviet
rapporti ta’ tibdil ta’ prattika fil-punti tal-qsim li jikkonċernaw
ir-rekwiżiti għal liċenzji tas-sewqan lejn il-konjuġi ta'
ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ ċittadini Ċiprijotti Torok,
li ma għadhomx jistgħu jsuqu fir-Repubblika ta’ Ċipru jekk dawn
ma jġorrux liċenzja tas-sewqan mill-pajjiż tal-oriġini
tagħhom. Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni mal-awtoritajiet
tar-Repubblika ta’ Ċipru biex tivvaluta jekk hemmx bidla tal-politika, li
fil-każ tkun teħtieġ notifika lill-Kummissjoni kif stabbilit
fir-RLĦ.[5] Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni
nnutat ukoll li l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ħarġu Note
Verbale biex itennu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-punti
tad-dħul u l-ħruġ lejn u minn Ċipru, li fil-fehma
tal-Kummissjoni ma kinux jinterpretaw b'mod preċiż il-kontenut
tar-RLĦ. Kif iddikjarat f’diversi okkażjonijiet,
il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-moviment liberu
taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom minn naħa
għal oħra tal-Linja l-Ħadra. 1.2. Migrazzjoni irregolari fuq
il-Linja l-Ħadra u l-asil Iċ-ċifri tas-CYPOL għall-2012
jindikaw tnaqqis żgħir fil-migrazzjoni irregolari fuq il-Linja
mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati
mill-Gvern. Fl-2011, 1 265 migrant irregolari (is-sena preċedenti : 1 311)
inqabdu fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern[6]. 19-il migrant irregolari
daħlu direttament fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern (is-sena
preċedenti: 1) u 13-il persuna (is-sena preċedenti: 18) daħlu
permezz tal-ESBA, li jġib l-għadd totali ta' migranti irregolari
maqbuda għal 1 297 (is-sena preċedenti: 1 330). Bħala
raġuni probabbli, CYPOL indikat it-tnaqqis fil-prospetti tal-impjieg,
minħabba l-kriżi ekonomika f’Ċipru, kif ukoll iż-żieda
fl-għadd tal-persunal u l-għassa skont il-pjan strateġiku
ġdid ta' CYPOL għall-2012-2015 kontra l-immigrazzjoni irregolari.
Il-maġġoranza ta’ immigranti irregolari maqbuda kienu ċittadini
tas-Sirja, l-Iran u l-Ġeorġja (l-Anness VI). Il-migranti
irregolari normalment jinqabdu waqt kontrolli tul il-Linja u fl-ajruporti meta
jkunu qed jippruvaw iħallu Ċipru. Ċittadini ta' pajjiżi
terzi li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali normalment jiġu
identifikati fl-għases tal-pulizija meta japplikaw għall-asil. Minn 1 265 migrant irregolari, 542
(42,8 %) persuna applikaw għal asil fir-Repubblika ta’ Ċipru.
Matul il-perjodu ta’ rappurtar, kien hemm żieda sinifikanti ta’
ċittadini tas-Sirja li applikaw għall-asil. Il-valutazzjoni ta’ CYPOL tar-rotta ta’
dħul ta’ migranti irregolari fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern
hija bbażata fuq l-istess kriterji bħas-snin ta’ qabel,
prinċipalment permezz ta’ dokumenti (karti tal-identità, passaporti,
viżi, timbri fuq il-passaport ta’ dħul/ħruġ mit-Turkija jew
“viża” jew “permess ta’ residenza” tat-“TRNC”, dokumenti oħra ta'
sostenn bħal-liċenzja tas-sewqan, dikjarazzjonijiet li saru minn
migranti iżda wkoll evidenza oħra bħan-nuqqas ta' dokumenti ta'
identifikazzjoni, flus karta Ċiprijotti Torok). Il-biċċa l-kbira tal-migranti
irregolari jaslu fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern mit-Turkija u
l-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru. Skont informazzjoni mill-komunità
Ċiprijotta Torka, 41-il migrant irregolari nqabdu fil-parti tat-Tramuntana
ta’ Ċipru, 39 minnhom Sirjani. 2 072 ma tħallewx jidħlu
fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru f’punti differenti ta’ dħul[7]. Matul il-perjodu ta’
referenza, 741 persuna ġew “deportati” mill-parti tat-Tramuntana ta’
Ċipru[8]. Ma teżisti l-ebda koperazzjoni diretta
dwar kwistjonijiet ta' pulizija u immigrazzjoni bejn ir-Repubblika ta'
Ċipru u l-komunità Ċiprijotta Torka. Madankollu, rappreżentanti
miż-żewġ komunitajiet jiltaqgħu regolarment fil-qafas ta'
Kumitat Tekniku bikomunali dwar il-Kriminalità u l-Affarijiet Kriminali
taħt l-awspiċji tan-NU[9].
Bħala estensjoni ma' dan il-kumitat, iż-żewġ komunitajiet
stabilixxew ukoll mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta'
informazzjoni u inizjattivi konġunti, jiġifieri "Kamra
Konġunta għall-Komunikazzjoni", fejn il-pulizija tal-UNFICYP
għandha preżenza kontinwa, u li topera fuq bażi ta' sitt ijiem
fil-ġimgħa. Permezz ta' dawn il-mekkaniżmi
ż-żewġ naħat urew rieda li jtejbu l-komunikazzjoni bejn
il-forzi tal-pulizija rispettivi tagħhom, u li jikkoperaw u jassistu lil
xulxin permezz ta' skambju ta' informazzjon dwar każijiet li jinvolvu
sekwestru, persuni maħtufa, drogi illegali, u propjetà misruqa[10]. CYPOL iddeskriviet il-koperazzjoni ma'
dipartimenti tal-gvern oħra relevanti u l-amministrazzjoni tal-ESBA
bħala tajba ħafna. Iż-Żona tal-Bażi Sovrana
fil-Lvant (ESBA) B'mod ġenerali, l-migrazzjoni irregolari
li tgħaddi mill-ESBA naqset matul il-perjodu ta' rrappurtar.
L-uffiċjali tal-SBA għadhom jiddeskrivu l-koperazzjoni bejn
ir-Repubblika ta' Ċipru u d-Dwana u l-Immigrazzjoni tal-SBA f'din
iż-żona bħala eċċellenti. Matul il-perjodu ta'
rrapurtar, 1 014-il persuna ma tħallewx jaqsmu, u
l-maġġoranza tagħhom kienu ċittadini Torok li qed
jgħixu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Persuni barranin oħra
kienu turisti mill-Iran, ir-Russja u l-Iżrael li qasmu mill-parti
tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Dawn il-persuni ġew diretti lejn il-punt
tal-qsim ta' Nicosia, Agios Dometios, għall-ipproċessar
tal-kundizzjonijiet għad-dħul fir-Repubblika ta' Ċipru[11]. Total ta' 13-il migrant irregolari nqabdu
fl-ESBA[12],
u minnhom ħamsa kienu qasmu legalment għaż-żoni
kkontrollati mill-gvern iżda baqgħu hemm wara li l-viżi
tagħhom kienu skadew. It-tmienja l-oħra daħlu fil-gżira
mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru u qasmu l-Linja b'mod irregolari.
Ħames faċilitaturi[13]
ġew ukoll arrestati mill-SBA. F'postijiet oħra għajr il-punti ta'
qsim, il-Pulizija tal-SBA twettaq rondi irregolari, ibbażati fuq ir-riskju
u ggwidati mill-intelligence kontra l-immigrazzjoni irregolari. Dawn ir-rondi
huma ssupplimentati minn rondi mill-SBA Doganali u assi militari. Bosta “punti ta’ qsim mhux awtorizzati”
fil-villaġġ ta’ Pergamos (li jinsab parzjalment fl-SBA u
parzjalment fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru) jew qrib tiegħu, li
għadhom qed jintużaw minn residenti lokali u bdiewa, huma
partikolarment diffiċli li jiġu kkontrollati. Kif imsemmi
fir-rapporti preċedenti tal-Linja l-Ħadra, dawn il-"punti ta'
qsim mhux awtorizzati" għadhom kawża għal tħassib u
l-kwistjoni jetieġ tiġi indirizzata mingħajr dewmien.
Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni tal-"punti ta' qsim mhux
awtorizzati" mal-uffiċjali tal-SBA, filwaqt li talbet
lill-uffiċjali tal-SBA biex isibu soluzzjoni xierqa konformi
mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll Nru 3 mal-Att ta'
Adeżjoni tal-2003[14].
L-SBA indikat li qed tfittex li timplimenta alternattivi differenti sabiex
tiġi ttrattata dil-kwistjoni. 2. QSIM TAL-MERKANZIJA 2.1. Il-valur tal-kummerċ Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament
tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[15],
il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ’il quddiem: TCCoC)
kif ukoll l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru rrappurtaw fuq bażi
mensili dwar it-tip, il-volum u l-valur tal-merkanzija li għaliha
inħarġu d-dokumenti anċillari. Iż-żewġ rapporti
jinkludu prodotti li qasmu lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern minn
fuq il-punti ta’ qsim ta’ Pergamos u Strovilia taħt
l-awtorità tal-Amministrazzjoni tal-SBA. Skont ir-rapporti tat-TCCoC, il-valur totali
tal-prodotti li għalihom inħarġu dokumenti anċillari
fl-2012 kien jammonta għal EUR 9 584 410 filwaqt li l-valur
tal-prodotti li fil-fatt ġew kummerċjati kien ta' EUR 8 945 347[16]. Fl-2012,
il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra kien tliet darbiet anqas minn dak
tal-2011. Dan it-tnaqqis sostanzjali huwa spjegat mill-fatt li l-bejgħ
tal-elettriku mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni
kkontrollati mill-gvern, li kien ir-riżultat ta’ ċirkostanzi
eċċezzjonali, waqaf f'Marzu 2012. Għas-sena 2012, il-bejgħ
tal-elettriku kien jammonta għal EUR 4 748 881 (53 %
tal-kummerċ). Il-bejgħ tal-elettriku, anki jekk inqas minn dak
tal-2011, kellu impatt fuq il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra fl-2012. Mingħajr ma jitqies il-bejgħ
tal-elettriku, skont it-TCCoC, il-valur totali tal-prodotti li
nħarġulhom dokumenti anċillari kienu jammontaw għal
EUR 4 835 528 waqt li l-valur tal-prodotti li fil-fatt ġew
kummerċjati kien ta’ EUR 4 196 465. Dawn iċ-ċifri
jindikaw tnaqqis sinifikanti ta' kummerċ tal-Linja l-Ħadra ta’
22 % meta mqabbel ma' dak tal-2011. Skont ir-rapporti li pprovdew l-awtoritajiet
tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li
attwalment qasmu l-Linja naqas bi 303% għal EUR 8 788,890.
Il-valur kummerċjali totali tal-prodotti (mingħajr ma jitqies
il-bejgħ tal-elettriku) li attwalment qasmu l-Linja naqas b’mod
sinifikanti bi 17 % minn EUR 4 827 454 fl-2011 għal
EUR 4 040 018. Dan huwa dovut l-aktar għal tnaqqis
fil-kummerċ tar-ruttam tar-ram, tal-materjali tal-bini u ħut frisk li
jista’ jiġi spjegat mill-kriżi ekonomika (kważi interruzzjoni
tal-kostruzzjoni u l-għeluq ta’ ristoranti). It-tnaqqis globali
fil-kummerċ jista' wkoll jindika tnaqqis fl-interdipendenza ekonomika bejn
iż-żewġ komunitajiet. Minkejja li mhuwiex kopert mill-kamp ta'
applikazzjoni tar-RLĦ, il-kummerċ fiż-żoni kkontrollati
mill-gvern fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru naqas b'madwar 50% minn
EUR 2 272 493 fl-2011 għal EUR 1 014 067
fl-2012 skont ċifri mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija (CCCI) ta'
Ċipru. Fl-2011, il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern
lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru kien insolitament qawwi l-aktar
minħabba x-xiri ta’ tagħmir elettriku bħala parti minn
proġett iffinanzjat mill-UE. Il-kummerċ miż-żoni kkontrollati
mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għalhekk
jirrappreżenta 11,3 % tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta (7,85%
fl-2011). Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-kummerċ tal-Linja
l-Ħadra mingħajr il-bejgħ tal-elettriku, il-kummerċ
miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’
Ċipru jirrappreżenta 24% tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta (46%
fl-2011). Il-komunità Ċiprijotta Torka qed tkompli
tapplika sistema ta’ kummerċ, li fil-prinċipju, “tirrifletti”
r-restrizzjonijiet tar-RLĦ. Madankollu, din is-sistema mhux dejjem qed
tiġi applikata b’mod konsistenti, u dan jagħmilha diffiċli biex
jitwaqqfu relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli. Il-protezzjoni ta’
negozji lokali hija ddikkjarata apertament mill-komunità Ċiprijotta Torka,
bħala r-raġuni ewlenija. 2.2. Tipi ta' prodotti Fl-2012, wara l-elettriku, il-prodotti
tal-plastik kienu l-aktar prodott ikkumerċjat, segwit minn materjali
tal-bini/oġġetti tal-ġebel u ħut frisk[17]. Prodotti ġodda bħall-passiflora
edulis, karfus, pitravi u kejbils tal-fibra ottika ġew introdotti matul
il-perjodu tar-rapportar iżda kellhom impatt limitat ħafna fuq
il-kummerċ[18]. Matul dan il-perjodu ta’ rappurtar,
il-kummerċ kollu li għadda mill-Linja kien kummerċ limitat
għall-gżira nnifisha u ma kienx hemm esportazzjoni rreġistrata
la lejn Stati Membri oħra tal-UE u lanqas lejn pajjiżi terzi. 2.3. Irregolaritajiet Matul il-perjodu ta’ rappurtar, ma kienx hemm
każijiet ta’ irregolaritajiet. 2.4. Ostakoli u diffikultajiet li
għadhom jeżistu fir-rigward tal-moviment tal-merkanzija L-ostakoli għall-kummerċ li
jgħaddi mill-Linja qed ikomplu jippersistu u dan huwa rifless ukoll
fit-tnaqqis ta' 22% tal-kummerċ. Kif imsemmi f'rapporti preċedenti,
il-kwistjoni tal-qsim tat-trakkijiet Ċiprijotti Torok
għaż-żoni kkontrollati mill-gvern għadha mhix solvuta b'mod
sodisfaċenti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-faċilitazzjoni taċ-ċirkolazzjoni
tal-vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok tkun tikkontribwixxi
għall-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka.
Is-servizzi tal-Kummissjoni bdew taħditiet tekniċi mal-awtoritajiet
kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-bidu tal-2012 sabiex jindirizzaw
il-kwistjoni u jsibu arranġamenti vijabbli li jistgħu jindirizzaw
b’mod partikolari l-problemi tas-sikurezza fit-toroq. Minkejja proposti
konkreti mill-Kummissjoni biex japplikaw mezzi aktar proporzjonati biex
jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' sikurezza fit-toroq bħal kontrolli
fit-toroq, ma jista’ jiġi rrappurtat l-ebda progress. Għalhekk,
l-ebda l-vettura kummerċjali Ċiprijotta Torka ta’ aktar minn
7,5 tunellati ma tista' taqsam il-Linja sakemm ma jkollhiex dokumenti
maħruġa mir-Repubblika ta’ Ċipru. L-awtoritajiet tar-Repubblika
ta’ Ċipru infurmaw lill-Kummissjoni li kienu daħħlu
fis-seħħ dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw il-ksib ta' ċertifikati
tal-affidabbiltà stradali u liċenżji tas-sewqan professjonali
għaċ-Ċiprijotti Torok. F’Awwissu 2012, il-Kummissjoni ġiet
infurmata li kunsinna ta’ 180 tunnellata ta’ patata kienet ibblukkata
fil-punt tal-qsim għal aktar kontrolli tal-pestiċidi mill-Ministeru
tas-Saħħa tar-Repubblika ta’ Ċipru, li ried ipoġġi
l-patata fil-kwarantina, minkejja l-fatt li l-kunsinna kellha
ċ-ċertifikati fitosanitarji tal-UE meħtieġa
maħruġa minn espert indipendenti. Wara intervent minn espert tal-UE,
mill-Kummissjoni u mit-TCCoC, il-kwistjoni ġiet solvuta. Bħal fl-2011, xi problemi
tfaċċaw fl-2012 rigward prodotti tal-ikel u speċjalment rigward
ikel ipproċessat. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ma
jippermettux li prodotti ta' ikel ipproċessat jaqsmu, minħabba
t-tħassib li qajmu s-servizzi tas-saħħa dwar il-proċess
tal-produzzjoni fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni
infurmat lill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru li, filwaqt li
setgħu jieħdu kampjuni tal-prodotti għal analiżi ulterjuri,
ma kellhomx jimpedixxu l-prodotti kollha tal-ikel ipproċessati milli
jaqsmu. Sal-lum, prodotti tal-ikel ipproċessati għadhom ma
jitħallewx jaqsmu. Bħal fis-snin preċedenti,
in-negozjanti Ċiprijotti Torok baqgħu jirrappurtaw diffikultajiet
biex il-prodotti tagħhom ikunu stokkjati fil-ħwienet u biex
jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fl-oqsma kkontrollati
mill-gvern, ħaġa li tfixkel il-kummerċ. Dawn id-diffikultajiet possibbilment
jirriflettu n-nuqqas kbir ta' ħeġġa fost iċ-Ċiprijotti
Griegi biex jixtru prodotti tad-ditti Ċiprijotti Torok u xejra bħal
din tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ. Apparti dan, issemma’ li
n-negozjanti miż-żewġ komunitajiet qegħdin iħabbtu
wiċċhom ma’ ħafna ostakoli amministrattivi meta jkunu jridu
jidħlu f’negozju mal-komunità l-oħra. L-operaturi ekonomiċi
miż-żewġ naħat għandhom bżonn ikunu ħielsa
li jidħlu f'relazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq
il-ħtiġiet tan-negozju, mingħajr ma jiffaċċjaw l-ebda
pressjoni. 2.5. Il-kuntrabandu ta’ merkanzija Fl-2012 il-kuntrabandu tal-merkanzija minn
naħa għal oħra tal-Linja baqa' fl-istess livell bħall-2011
u l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru wettqu 1 305 konfiska
(fis-sena preċedenti: 1 538. L-SBA wettqet 218-il konfiska fuq
il-punti uffiċjali ta' qsim ta' Pergamos u Strovilia. Madankollu,
il-kuntrabandu ta’ merkanzija għadu mifrux u dan jirrifletti n-natura
ġeografika tal-Linja li tippermetti attività klandestina matul it-tul
tagħha kollu. L-operazzjonijiet ta' kontroll iseħħu
fiż-żoni qrib il-Linja l-aktar sabiex jiġu trattati kwistjonijiet
staġjonali b'mod partikolari bħat-trasport ta' għasafar
tal-kaċċa/slavaġ jew trikkitrakki (ukoll permezz tal-ESBA) lejn
żoni kkontrollati mill-gvern. Oġġetti oħra kkonfiskati
jinkludu sigaretti u tabakk, prodotti li ġejjin mill-annimali u tal-ħalib
kif ukoll basktijiet foloz tan-nisa u tessuti. L-għadd ta’ każijiet
kriminali preżentati fil-qorti distrettwali rigward il-kuntrabandu kien ta'
disgħa fl-2010, u żero fl-2011 u fl-2012. Għall-biċċa
l-kbira tal-każijiet rappurtati, tiġi imposta penali amministrattiva
minflok proċedimenti legali. Il-biċċa l-kbira
tal-oġġetti nstabu f’punti ta’ qsim awtorizzati iżda wkoll
madwar Pyla, il-bażijiet Brittaniċi Sovrani, Potamia u
ż-żona bafer ħdejn Zodia. Fir-rigward tal-forniment tradizzjonali
tal-popolazzjoni Ċiprijotta Torka fir-raħal ta' Pyla, li jinsab
fiż-Żona Bafer (l-Artikolu 4(10) tal-RLĦ), il-kwantitajiet
ta' materjali ta' kostruzzjoni, ħut, sigaretti, eċċ huma
mmonitorjati u rreġistrati mill-amministrazzjoni tal-ESBA. L-ESBA nnutat
żieda notevoli l-ammont ta’ tabakk tal-brim, li probabbilment jaqbeż
id-domanda. Tal-ESBA indikat l-intenzjoni tagħha li tqajjem il-kwistjoni
mal-komunità Torka Ċiprijotta f’Pyla. 2.6. Il-faċilitar
tal-kummerċ Il-Kummissjoni qed tkompli tfittex modi sabiex
jiżdied il-kummerċ li jaqsam il-Linja. Fl-2011, il-Kummissjoni
neħħiet l-obbligu li patata kkummerċjata minn naħa
għal oħra tal-Linja l-Ħadra trid titkabbar direttament minn
żerriegħa tal-patata ċċertifikata. Fl-2012, ma
seħħ l-ebda kummerċ ta’ patata mhux imkabbra direttament minn
patata taż-żriegħ iċċertifikata iżda l-ewwel
kunsinna ġiet innegozjata kmieni fl-2013. Barra minn hekk, hemm interess ġenerali
fit-tneħħija tal-projbizzjoni tal-kummerċ fl-annimali
ħajjin u l-prodotti tal-annimali kollha sa fejn dawn il-prodotti jkunu
jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti tal-UE. B’mod partikolari, it-TCCoC
tkun interessata li dalwaqt jibda l-kummerċ tal-ħut tal-akkwakultura
u xorrox għal konsum mhux mill-bniedem. Il-Kummissjoni bħalissa qed
tanalizza dawn it-talbiet. Ir-Repubblika ta' Ċipru ripetutament espremiet
ir-rieda tagħha li teżamina l-possibbiltà li tespandi l-lista
tal-prodotti li jistgħu jaqsmu għaż-żoni kkontrollati
mill-gvern. Il-Kummissjoni
kompliet tesprimi t-tħassib tagħha lir-Repubblika ta’ Ċipru
rigward il-moviment ta’ prodotti miż-żoni ikkontrollati mill-gvern li
jgħaddu mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u lura lejn
iż-żoni kkontrollati mill-gvern peremezz tal-post ta’ qsim ta’
Limnitis. Minħabba li r-RLĦ huwa l-għodda legali esklussiva li
tirregola kwalunkwe moviment tal-merkanzija u tal-persuni minn naħa
għal oħra tal-Linja, il-Kummissjoni se tħejji emenda
għar-RLĦ sabiex din il-prattika tinġieb f’konformità
mal-liġi tal-UE. Wara konsultazzjoni produttiva mal-partijiet kollha
kkonċernati, din il-kwistjoni issa qorbot lejn riżoluzzjoni,
bil-preżentazzjoni tal-proposta msemmija hawn fuq. [Din il-proposta ġiet ippreżentata fit-13/05/2013] 3. KONKLUŻJONIJIET Kif intqal
f'rapporti preċedenti, il-kontroll tal-Linja fil-punti ta’ qsim
awtorizzati huwa sodisfaċenti. Matul il-perjodu ta' rappurtar, in-numru
ta' migranti irregolari maqbuda jidher li jikkonferma xejra ta' tnaqqis
iżda l-qsim irregolari minn persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi
terzi għadu kwistjoni ta' tħassib. Il-Kummissjoni tevalwa li
tisħiħ ulterjuri tas-sorveljanza tal-Linja bejn il-punti ta’ qsim
immexxija mir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Amministrazzjoni tal-ESBA ikun
importanti biex jgħin biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari.
Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Amministrazzjoni tal-ESBA sabiex issib
soluzzjoni xierqa biex tindirizza l-kwistjoni tal-punti ta’ qsim "mhux
awtorizzati". Il-Kummissjoni
nnutat bi tħassib ftit inċidenti li seħħew fil-punti
tal-qsim kmieni fl-2012 u se tkompli żżomm kuntatt mal-awtoritajiet
tar-Repubblika ta' Ċipru dwar kwalunkwe żviluppi li jistgħu
jikkonċernaw tibdil fil-politika. Fl-2012, il-valur tal-kummerċ minn
naħa għal oħra tal-Linja kien tliet darbiet inqas minn dak
tal-2011. Dan it-tnaqqis qawwi huwa spjegat mill-fatt li l-bejgħ
tal-elettriku mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni
kkontrollati mill-gvern, li miftiehem f'Lulju 2011, waqaf
f'Marzu 2012. Mingħajr ma jitqies il-bejgħ tal-elettriku,
il-kummerċ regolari tal-Linja l-Ħadra naqas b'mod sinifikanti u
għar-raba' darba konsekuttiva mid-dħul fis-seħħ
tar-RLĦ fl-2004 (bi 17% naqas b'EUR 4 827 454 fl-2011
għal EUR 4 040 018) parzjalment minħabba
r-riċessjoni ekonomika. Il-prodotti li kienu l-aktar negozjati kienu,
minbarra l-elettriku, prodotti tal-plastik, materjali tal-bini u
oġġetti tal-ġebel u ħut frisk. Il-livell ġenerali
tal-kummerċ baqa’ pjuttost limitat, l-aktar minħabba l-ambitu
ristrett tar-Regolament. Matul il-perjodu ta' rappurtar, kien għad
hemm ċerti ostakoli għall-kummerċ. Vetturi kummerċjali
Ċiprijotti Torok, b'mod partikolari trakkijiet ta' aktar minn 7,5
tunellati u xarabankijiet, jistgħu jivvjaġġaw liberament
fil-gżira kollha biss jekk jinkisbu liċenzji tas-sewqan u tal-karozzi
fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom
taħdidiet mad-dipartimenti rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru biex
tinstab soluzzjoni vijabbli għal din il-kwistjoni. Madankollu, ma jista’
jiġi rrapurtat l-ebda progress f’dan l-istadju. Lanqas ma jista' jiġi
rrappurtat progress ulterjuri s'issa fir-rigward ta' diffikultajiet oħra
kif rappurtat fil-punt2.4. Jidher li
l-kuntrabandu tal-merkanzija minn naħa għal oħra tal-Linja naqas
iżda għadu mifrux. Il-moviment ta'
merkanzija miż-żoni kkontrollati mill-gvern mill-punt ta' qsim ta'
Limnitis li jgħaddi mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u lura lejn
iż-żoni kkontrollati mill-gvern mhuwiex skont il-liġi tal-UE u
jeħtieġ emenda għar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Din
l-emenda tinsab fil-perkors li tiġi adottata. Kollox ma' kollox,
ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi bażi legali
li wieħed jista' jaħdem biha biex persuni u merkanzija jitħallew
jaqsmu minn u lejn iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru kkontrollati
mill-gvern. Madanakollu, il-Kummissjoni hija mħassba dwar it-tnaqqis
fil-volum ta' qsim kemm ta’ persuni kif ukoll ta' kummerċ, li huwa marbut
mal-kriżi ekonomika, iżda jista’ wkoll jindika tnaqqis
fl-interdipendenza ekonomika bejn iż-żewġ komunitajiet. Fuq dan
l-isfond, il-Kummissjoni tistrieħ fuq il-kooperazzjoni effettiva
tar-Repubblika ta’ Ċipru biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni
effettiva tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004. Il-Kummissjoni se
tibqa’ tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament. [1] ĠU L 161, 30.04.2004, p. 128.
Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 587/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1) -
magħruf bħala r-"Regolament dwar il-Linja l-Ħadra". [2] Ara t-3et inċiż tar-Regolament dwar
il-Linja l-Ħadra [3] L-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru ma
jżommux rekords għar-ritorn ta' Ċiprijotti Griegi lejn
iż-żoni kkontrollati mill-gvern jew ir-ritorn ta' Ċiprijotti
Torok lejn il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru (ara l-Anness VII). [4] Ir-RLĦ ma jinkludix obbligi ta' rappurtar għal
dan it-traffiku. [5] L-Artikolu 10 tar-RLĦ [6] Din il-figura teskludi l-għadd ta’ persuni li ma
tħallewx jaqsmu l-Linja l-Ħadra minħabba li r-Repubblika ta’
Ċipru ma żżommx statistika uffiċjali dwarhom. Madankollu,
CYPOL tagħmel estimu li fl-2012, madwar 2500 persuna ma tħallewx
jaqsmu lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern. [7] It-Turkija: 807, is-Sirja: 438, it-Turkmenistan: 117,
l-Iraq: 83, il-Pakistan: 69 [8] It-Turkija: 318, il-Pakistan: 93, il-Moldova: 71,
it-Turkmenistan: 65, is-Sirja: 46 [9] Dan il-Kumitat huwa wieħed minn seba' kumitati
speċjalizzati li twaqqfu bħala miżuri ta' bini ta' kunfidenza
bejn iż-żewġ Komunitajiet bl-appoġġ tan-NU u huwa
riżultat dirett tal-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ
mexxejja Ċiprijotti fil-21 ta' Mejju 2008. [10] Ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar
l-operazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ċipru,
7 ta’ Jannar 2013 [11] i.a.: It-Turkija: 478, l-Iran: 40, ir-Russja: 40,
l-Iżrael: 34 [12] L-Użbekistan 3, l-Iraq: 2, l-Indja: 2, l-Iran: 1,
l-Eġittu: 1, il-Moldavja: 1, is-Sri Lanka: 1, iċ-Ċina: 1,
il-Vjetnam: 1 [13] Ċiprijotti Griegi: 4, l-Iran: 1 [14] ĠU L 236, 23.09.2003, p. 940 [15] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004
tal-10 ta' Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004,
p. 3. [16] Ara l-Annessi I, II, u III ta' dan ir-rapport [17] Ara l-Anness IV ta' dan ir-rapport [18] Il-prodotti l-ġodda kienu jirrappreżentaw
0,26 % tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra