EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0270

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI SKONT L-ARTIKOLU 25 TFUE Dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2011-2013

/* COM/2013/0270 final */

52013DC0270

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI SKONT L-ARTIKOLU 25 TFUE Dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2011-2013 /* COM/2013/0270 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

SKONT L-ARTIKOLU 25 TFUE

Dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2011-2013

1.           Introduzzjoni

Fil-qafas tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 u skont l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-rapport preżenti jkopri żviluppi ewlenin fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-UE bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Marzu 2013. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jirreferi wkoll għall-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità[1].

Dwar id-diskriminazzjoni għal raġunijiet oħra (l-Artikolu 19 TFUE), f’Novembru 2013, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali[2] u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi[3] li se tevalwa diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali b’mod konsistenti. Il-Kummissjoni se tippubblika wkoll rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa[4].

It-Trattat ta’ Lisbona ta effett ġuridiku sħiħ lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tiżgura d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fit-Titlu V tiegħu (l-Artikoli 39-46). It-tliet Rapporti Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, adottati f’Marzu 2011[5], f'April 2012[6] u f'Mejju 2013[7], għalhekk jinkludu wkoll rekord tal-progress dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni.

2.           Żviluppi fil-qasam tad-Drittijiet ta' ċittadinanza tal-UE

2.1.        Żviluppi riċenti fil-ġurisprudenza dwar iċ-ċittadinanza tal-UE

F’għadd ta’ sentenzi ewlenin, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħarġet l-affermazzjoni konsistenti tagħha li “ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intenzjonata li tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri”[8].

Fis-sentenza Zambrano[9], il-Qorti sostniet li l-Artikolu 20 tat-TFUE ma jipprekludix miżuri nazzjonali li jistgħu jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni għal tgawdija ġenwina tas-sustanza mid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni. Bl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju f’dak il-każ partikolari, hija kkonkludiet li migrant irregolari fi Stat Membru li t-tfal minuri tiegħu jkunu dipendenti jkunu ċittadini ta’ dak il-pajjiż, għandhom jitħallew joqogħdu u jaħdmu hemm. Il-Qorti spjegat li rifjut li jingħata tali dritt lil dan il-ġenitur iċaħħad lit-tfal mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni peress li jġiegħelhom jħallu t-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti speċifikat ukoll li dan japplika anki meta t-tfal għandhom qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment ħieles fl-UE.

F’kawża oħra, Dereci[10], il-Qorti enfasizzat in-natura eċċezzjonali ta’ sitwazzjonijiet li fihom dan il-kriterju jista’ japplika. Il-kriterju japplika biss għal sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadin tal-UE se jkunu mġiegħla jħallu t-territorju tal-Unjoni kollha kemm hi (mhux biss it-territorju tal-Istat Membru li tiegħu hu/hi huwa/hija ċittadin/a). Barra minn hekk, jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn dritt ta’ residenza ma jistax jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru ta' familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, peress li l-effikaċja ta’ ċittadinanza tal-Unjoni mgawdija minn dak iċ-ċittadin li kieku tkun ippreġudikata. Madankollu, il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jkun jixtieq jgħix flimkien ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li hu membru tal-familja mhux biżżejjed biex hu/hi j/taċċetta li jiġu mġiegħla jitilqu mill-UE jekk il-membru tal-familja ma jingħatax d-dritt ta’ residenza.

Il-Qorti indikat ukoll li l-awtoritajiet jew qrati nazzjonali għandhom jevalwaw f’kull każ jekk rifjut li jagħtu d-dritt ta’ residenza jista’ jdgħajjef id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, f’sitwazzjonijiet koperti mil-liġi tal-Unjoni, u fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, fejn il-liġi tal-Unjoni mhijiex applikabbli.

Aktar riċentement, f’O, S[11], il-Qorti kkonfermat li l-prinċipji mniżżla fis-sentenza Zambrano sentenza japplikaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, iżda speċifika li l-applikazzjoni tagħhom mhix limitata għal sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm relazzjoni tad-demm, filwaqt li enfasizza li fattur rilevanti hu r-relazzjoni ta’ dipendenza (legali, finanzjarja jew emozzjonali).

2.2.        Akkwiżizzjoni u telf taċ-Ċittadinanza tal-UE

Skont il-liġi tal-UE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. Hu f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu liema huma ċ-ċittadini tagħhom u li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-akkwist u t-telf tan-nazzjonalità tagħhom, b’kunsiderazzjoni għal-liġi tal-UE[12].

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni wieġbet għal madwar 62 mistoqsija individwali, 29 mistoqsija mill-Parlament Ewropew u sitt petizzjonijiet dwar kwistjonijiet bħal dawn.

Il-Kummissjoni rċeviet mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri ddeċidew li jagħtu nazzjonalità għal gruppi ta’ nies bħal dawk li jappartjenu għal minoranzi etniċi f’pajjiżi oħra jew li jiddepożitaw ċerti ammonti f’bank domestiku. L-awturi staqsew jekk l-Istati Membri humiex liberi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-akkwiżizzjoni tan-nazzjonalità tagħhom, speċjalment fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom f’dan ir-rigward, l-Istati Membri “għandhom iqisu l-liġi tal-UE”.

L-interpretazzjoni ta' din il-kundizzjoni fil-Kawża Rottmann[13], il-Qorti ma kkontestatx il-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri li jiddeterminaw min jista’ jsir ċittadin tagħhom u għalhekk ċittadin tal-Unjoni. Anzi, imponiet limiti fuq il-poter tagħhom li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni bid-drittijiet tagħhom mehmuża mal-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija affermat li, fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju tal-Istati Membri biex jistipulaw ir-regoli dwar l-akkwist u t-telf ta’ nazzjonalità, sa fejn tolqot id-drittijiet konferiti u mħarsa mill-ordni legali tal-Unjoni, kif inhu l-każ ta’ deċiżjoni li tirtira naturalizzazzjoni, jiġi soġġett għal reviżjoni ġudizzjarja li ssir fid-dawl tal-liġi tal-UE. Is-sitwazzjonijiet li ġew deskritti fil-mistoqsijiet irċevuti mill-Kummissjoni kkonċernaw deċiżjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li ma jaffettwax id-drittijiet konferiti u protetti mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni.

2.3.        Il-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE (id-Direttiva 2004/38/KE)

2.3.1.     Miżuri biex tkun żgurata t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2004/38/KE[14]

Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri hija waħda mill-pilastri tal-integrazzjoni tal-UE.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni segwiet politika ta’ infurzar rigoruża bil-għan li jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u effettiva tad-Direttiva mill-Istati Membri kollha. B’riżultat ta’ dan, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri emendaw il-liġijiet tagħhom, jew impenjaw ruħhom li jagħmlu dan, sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-moviment liberu. Il-Kummissjoni qiegħda tissorvelja mill-qrib it-twettiq ta’ dawn l-impenji u ilha taħdem mal-Istati Membri kkonċernati biex tittratta kwistjonijiet pendenti.

Fl-2011 il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra 12-il Stat Membru[15]. Fl-2012 sal-bidu tal-2013, bagħtet opinjonijiet motivati f’sebgħa minn dawn it-12-il każ[16]. Sa issa bħala riżultat, ħames Stati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom jew taw impenn li jagħmlu hekk[17]. Il-kwistjonijiet ewlenin imqajma fil-proċedimenti ta' ksur jikkonċernaw id-dritt ta' dħul u residenza għal membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni, inklużi persuni tal-istess sess li huma miżżewġin jew sħab[18], il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viża u karti ta' residenza lil membri tal-familja li mhumiex tal-UE u l-ħarsien materjali u proċedurali kontra t-tkeċċija ta' ċittadini tal-UE.

Il-portal tal-internet tal-Your Europe[19] jinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom. Taqsima speċifika hija ddedikata għad-drittijiet tal-moviment ħieles. Il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll verżjoni aġġornata tal-gwida tagħha għaċ-ċittadini tal-UE dwar il-libertà tal-moviment u l-għajxien fl-Ewropa[20].

2.3.2.     Mistoqsijiet u lmenti ttrattati

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, 1566 mistoqsija individwali dwar kwistjonijiet ta' moviment liberu u residenza ġew sottomessi lill-Kummissjoni, li minnhom 581 kienu rreġistrati bħala lmenti formali. Il-Kummissjoni wieġbet ukoll għal 147 mistoqsija mill-Parlament Ewropew u 137 petizzjoni.

Fl-2011, kien hemm 2 413-il mistoqsija dwar kwistjonijiet relatati mal-moviment liberu ppreżentati liċ-Ċentri ta’ Kuntatt Europe Direct u 3 787 fl-2012 (li jirrappreżentaw 3,9 % tal-volum annwali EDCC).

Kwistjonijiet relatati mal-moviment liberu u residenza huma fost it-tliet oqsma ewlenin f’termini ta’ numri ta’ rikjesti SOLVIT (922 mistoqsija) u każijiet (481 każ trattati u magħluqa minn SOLVIT fil-perjodu tar-rappurtar, li minnhom 88 % minnhom ġew solvuti).

2.3.3.     Eżempji ta' kwistjonijiet indirizzati

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt li jkeċċu ċittadini tal-UE mit-territorju tagħhom biss b'ċerti salvagwardji materjali u proċedurali stabbiliti mil-liġi tal-UE. Biex tiġi żgurata ċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE, huwa essenzjali li dawn is-salvagwardji jkunu trasposti b’mod sħiħ u korrett mill-Istati Membri kollha.

Fl-2010, l-awtoritajiet Franċiżi taw lill-okkupanti ta’ kampijiet mhux awtorizzati, l-aktar ir-Roma Rumeni u Bulgari, b’ordnijiet ta’ tkeċċija u ordnijiet li jħallu t-territorju Franċiż. Il-Kummissjoni wettqet djalogu mal-awtoritajiet Franċiżi li wassal għall-inkorporazzjoni sħiħa fil-leġiżlazzjoni Franċiża tas-salvagwardji stabbiliti mil-liġi tal-UE. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2011.

Id-Danimarka adottat regoli ġodda għat-tkeċċija li daħlu fis-seħħ f’Lulju 2011 u li kienu japplikaw ukoll għaċ-ċittadini tal-UE, u dan qajjem tħassib serju dwar il-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu. Wara l-intervent tal-Kummissjoni u l-kuntatti mal-Gvern Daniż, l-Att dwar il-Persuni Barranin kien emendat f’Ġunju 2012.

Dawn l-eżempji juru li djalogu mal-Istati Membri jista’ jkun mezz effettiv biex jissolvew kwistjonijiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE.

Eżempju ieħor tal-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għan-nondiskriminazzjoni u tneħħi l-ostakoli għall-moviment ħieles huma l-każijiet relatati mar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet doppji barranin. Wara l-azzjoni tal-Kummissjoni fl-2010, l-Isvezja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha fl-2012 biex r-reġistrazzjoni ta’ kunjomijiet doppji barranin għal ċittadini Svediżi tkun possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet il-Belġju quddiem qorti biex tinfurza dan l-istess dritt għal tfal imwielda fil-Belġju minn ġenitur Belġjan u ġenitur wieħed minn Stat Membru ieħor.

2.3.4.     Prijoritajiet għall-ġejjieni

Wara l-azzjoni tagħha biex tiżgura t-traspożizzjoni, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu fuq il-post. Hi qiegħda twettaq żewġ studji dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE. L-ewwel wieħed, tnieda fi tmiem l-2012, se jeżamina kif id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza huwa affettwat minn formalitajiet u proċeduri dwar il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza. It-tieni, imniedi kmieni fl-2013, se jevalwa s-sitwazzjoni u l-impatt tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE fil-livell lokali.

Ir-riżultati se jiġu inkorporati f'azzjonijiet ulterjuri kif imħabbar fir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, bħas-simplifikar tal-formalitajiet għaċ-ċittadini tal-UE u l-promozzjoni effiċjenti ta’ każijiet ta' moviment liberu fil-livell lokali.

Barra minn hekk, l-infurzar sħiħ tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu jibqa’ prijorità għall-Kummissjoni. Rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli se ssir ladarba dan l-isforz ta' infurzar u l-valutazzjoni globali tal-impatt tal-moviment liberu politika jitlestew.

Il-Kummissjoni tkompli ssejjaħ lill-Istati Membri biex jaqsmu informazzjoni u l-aħjar prattiki, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-abbuż u l-frodi fir-rigward tal-moviment liberu.

2.4.        Drittijiet elettorali

Ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru differenti minn dak li huma għandhom in-nazzjonalità tagħhom huma garantiti d-dritt li jipparteċipaw (bħala votanti u kandidati) f'elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew f'dak il-pajjiż skont l-istess kundizzjonijiet li jgawdu ċ-ċittadini b'nazzjonalità ta' dak l-Istat.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kummissjoni wieġbet għal madwar 100 mistoqsija individwali, 50 mistoqsija mill-Parlament Ewropew u disa' petizzjonijiet dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE.

F’ħames każijiet, il-Kummissjoni segwiet djalogi mal-Istati Membri dwar kwistjonijiet rigward it-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/80/KE (id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali) u f’10 każijiet f’dak li għandu x’jaqsam mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/109/KE (id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej). Bħala riżultat, l-Istati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom jew ħabbru emendi biex jikkonformaw mal-liġi tal-UE[21]. Il-Kummissjoni qiegħda tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha u se tissorvelja mill-qrib it-twettiq tal-impenji tagħhom u l-konformità sħiħa tal-liġijiet nazzjonali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkuntattjat 11-il Stat Membru li ma ppermettewx lil ċittadini mhux tal-UE li joħolqu jew jsiru membri ta’ partiti politiċi, li jmur kontra l-Artikolu 22 tat-TFUE. F’żewġ każijiet is-sitwazzjoni ġiet iċċarata, f’każ wieħed ġiet adottata leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-UE u f’każ ieħor l-emendi ġew mħabbra. Ittieħdet azzjoni kontra s-seba’ Stati Membri l-oħra[22].

Fir-rapport tagħha dwar elezzjonijiet muniċipali[23] maħruġa fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni evalwat kif id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE qed jiġu implimentati fil-livell lokali u ssuġġeriet lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri mmirati biex jistimulaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jiżdied l-għadd ta’ nies li joħorġu jivvutaw.

Fit-12 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar "It-Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar tisħiħ tat-twettiq demokratiku u effiċjenti" u Rakkomandazzjoni "dwar it-titjib demokratiku u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew", li huma mmirati lejn it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej. Billi żżid l-effiċjenza u tnaqqas il-piż amministrattiv, ir-Rakkomandazzjoni se ttejjeb ukoll il-funzjonament tal-mekkaniżmu sabiex ma tħallix li jsir ivvutar doppju kif stipulat fid-Direttiva 93/109/KE.

Fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2013/1/UE[24], li jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini tal-UE li jikkandidaw ruħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, peress li se jeħtiġilhom biss li jipproduċu dokument tal-identità u dikjarazzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’eliġibbiltà.

Fl-aħħar nett, kif ġie mħabbar fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni nediet dibattitu ma’ dawk l-Istati Membri li jċaħħdu liċ-ċittadini tagħhom mid-dritt li wieħed jieħu sehem fl-elezzjonijiet nazzjonali meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu u residenza u jħallu pajjiżhom ta’ oriġini (it-tneħħija tad-dritt tal-vot). Wara dibattitu ffukat li sar b’seduta koġunta organizzat mill-Parlament Ewropew dwar iċ-ċittadinanza tal-UE fid-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ħabbret azzjonijiet konkreti fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2013.

2.5.        Protezzjoni konsulari

Kull ċittadin tal-Unjoni li jkun ivvjaġġa lejn jew ikun qed jgħix f'pajjiż terz fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat għandu dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari ta' kull Stat Membru ieħor, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

Fit-23 ta’ Marzu 2011, bħala segwitu għal Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar Protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi: Il-qagħda attwali u l-ġejjieni[25]u t-tnedija ta' sit elettroniku apposta[26].

Fl-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni konsolari għaċ-ċittadini tal-Unjoni barra mill-pajjiż, li għandha l-għan li tistabbilixxi regoli ċari u li jorbtu legalment fuq il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konsolari tal-Istati Membri biex jiżguraw li ċittadini tal-UE mhux rappreżentati għandhom aċċessmhux diskriminatorju għal protezzjoni minn Stati Membri oħra jew rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari f’pajjiż terz.

2.6.        Id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ta’ petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet tal-Unjoni li jolqtuhom direttament. Fl-2012, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew irċieva 1964 sottomissjoni, meta mqabbla ma’ 2091 fl-2011 u 1746 fl-2010.

Bejn Jannar u Settembru 2012, 1010 petizzjoni ġew iddikjarati ammissibli minn total ta' 1400 petizzjoni rreġistrati (72%), meta mqabbla ma’ 998 petizzjoni fl-2011 (71%) u 989 fl-2010 (60%). Il-petizzjonijiet ammissibbli jew ingħataw lil istituzzjoni jew korp jew ingħalqu bi tweġiba diretta lil min għamel il-petizzjoni.

Bħal fis-snin preċedenti, is-suġġetti l-aktar komuni għall-petizzjonijiet fl-2012 kienu d-drittijiet fundamentali/il-ġustizzja, l-ambjent u s-suq intern.

2.7.        Id-dritt ta' lment lill-Ombudsman Ewropew

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, l-Ombudsman irreġistra madwar 2500 ilment fis-sena. L-għadd ta’ lmenti barra l-mandat tiegħu naqas minn 1983 fl-2010 u 1846 fl-2011 għal 1720 ilment fl-2012. Dan it-tnaqqis huwa dovut l-aktar għall-gwida interattiva tal-Ombudsman li dderieġa l-kwerelanti lejn l-awtorità kompetenti. Fl-2012, 19 281 ċittadin użaw il-gwida sabiex jiksbu pariri.

L-għadd ta’ inkjesti miftuħin bbażat fuq ilmenti żdied minn 323 inkjesta fl-2010 għal 450 fl-2012. Din iż-żieda ġejja mis-suċċess tal-Ombudsman li qed jagħti daqqa t’id lil kwerelanti potenzjali.

L-iktar fowkus komuni tal-investigazzjonijiet huwa n-nuqqas ta’ trasparenza fl-amministrazzjoni tal-UE. Fl-2012, 21,5 % tal-każijiet kienu relatati mat-trasparenza, meta mqabbla ma’ 33 % fl-2010 u 25 % fl-2011. F’20 % tal-inkjesti kollha magħluqa fl-2012 (80 każ), l-Ombudsman kien kapaċi jikseb riżultat pożittiv.

2.8.        Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

Bl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni tista' tiġi mistiedna biex tipproponi miżuri leġiżlattivi f’oqsma fejn ikollha s-setgħa li tagħmel dan jekk l-inizjattiva għandha l-appoġġ ta’ miljun ċittadin.

Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011, li tapplika mill-1 ta’ April 2012, jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għal dawn l-inizjattivi.

Bejn April 2012 u Frar 2013, il-Kummissjoni rċeviet 27 talba biex jiġu rreġistrati inizjattivi proposti. Kwistjonijiet ivarjaw minn dħul bażiku bla kundizzjoni u edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd għall-pluraliżmu tal-midja u drittijiet tal-vot. L-ewwel inizjattiva għandha, skont l-organizzaturi, tiġbor l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ meħtieġa[27], iżda ma tkunx għadha ġiet sottomessa formalment lill-Kummissjoni.

Fl-2011, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ esperti tal-Istati Membri biex jiskambjaw opinjonijiet, għarfien u l-aħjar prassi dwar il-kompiti li jridu jitwettqu mill-Istati Membri fil-proċedura tal-inizjattiva taċ-ċittadini.

2.9.        Dejta ta' statistika dwar ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu u residenza

Mill-1 ta’ Jannar 2012, kien hemm madwar 13,6 miljun ċittadin tal-UE li jirrisjedu (għal mill-inqas 12-il xahar) fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini. Madankollu, hemm ħafna iktar ċittadini tal-UE li qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u residenza. Fl-2011 saru aktar minn 180 miljun vjaġġ għal raġunijiet privati fl-UE u kważi 30 miljun għal raġunijiet ta’ negozju.

3.           Żviluppi rigward il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità

L-Artikolu 18 tat-TFUE u l-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċjali li hemm fihom.

Minħabba li dan il-prinċipju japplika fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li taqa’ taħt il-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-liġi tal-UE, ir-rispett ta' dan il-prinċipju huwa parti integrali tar-rwol tal-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE f’diversi oqsma ta’ politika, kif jidher minn xi eżempji indikattivi hawn taħt mill-perjodu ta’ rappurtar.

F’serje ta’ azzjonijiet miġjuba kontra sitt Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja u l-Lussemburgu) Il-Kummissjoni kkontestat dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriservaw l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini proprji tal-Istati Membri kkonċernati. Fis-sentenzi tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet illi dawn id-dispożizzjonijiet kienu diskriminatorji fuq il-bażi ta’ nazzjonalità u għalhekk bi ksur tat-Trattat[28].

Fl-2011, f'eżempju ieħor ta’ azzjoni ta’ infurzar, il-Kummissjoni ħadet l-Awstrija quddiem il-Qorti minħabba regola nazzjonali li tagħti tariffi ridotti fuq it-trasport pubbliku biss għal studenti li l-ġenituri tagħhom kienu persuni li rċevew benefiċċji għal familji Awstrijaċi. Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti appoġġat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li jiġi rispettat il-prinċipju li l-istudenti tal-UE li jistudjaw x’imkien ieħor fl-UE jkollhom l-istess dritt għal xi benefiċċji bħal studenti lokali[29].

Fl-2012, il-Kummissjoni ħadet azzjoni dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom ċittadini tal-UE mhux Maltin, li jirrisjedu f’Malta biex ikollhom aċċess għal tariffi tal-ilma u tal-elettriku mnaqqsa bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk disponibbli għaċ-ċittadini Maltin.

Il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjoni ta’ politika mmirata f’oqsma fejn problemi speċifiċi relatati ma’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità ġew identifikati.

Għadd ta’ lmenti u talbiet għal ċarezza legali minn partijiet interessati semmew l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet dubjużi ta' nazzjonalità dwar aċċess għal attivitajiet sportivi u/jew kompetizzjonijiet sportivi f’xi Stati Membri. Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni adottat Kommunikazzjoni[30] f'Jannar 2011 dwar l-iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isports li tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif jiżguraw prattiċi mhux diskriminatorji fuq raġunijiet ta' nazzjonalità dwar aċċess għal attivitajiet sportivi u/jew kompetizzjonijiet sportivi.

F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri dwar kif jiġi żgurat li regoli dwar it-taxxa tas-suċċessjoni transfruntiera ma jiddiskriminawx fuq bażi ta’ nazzjonalità[31]. Din l-azzjoni ġiet segwita permezz ta’ eżerċizzju ta' infurzar orizzontali li jindirizza regoli dwar it-taxxa tas-suċċessjoni li kienu kuntrarju għat-Trattati tal-UE.

Fl-aħħar tal-2012, il-Kummissjoni nediet studju sabiex twettaq valutazzjoni fil-fond tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa diretta nazzjonali biex tiddetermina jekk iwasslux għal żvantaġġi inġusti għall-ħaddiema u l-persuni li jiċċaqalqu lejn Stat Membru ieħor. Din l-inizjattiva ssegwi waħda preċedenti mnedija fl-2010 biex tiskrutinizza l-leġiżlazzjoni fiskali diretta tal-Istati Membri biex jiżguraw li dawn ma jiddiskriminawx kontra l-ħaddiema transfruntiera. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qed tieħu l-azzjoni xierqa u se ssegwi l-istess approċċ fir-rigward tal-istudju tal-2012 imsemmi hawn fuq.

F’Mejju 2012, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida lill-Istati Membri[32] għal sistemi ta’ vinjetti mhux diskriminatorji għal karozzi tal-passiġġieri u muturi.

F'Ġunju 2012, bħala parti mill-isforzi tagħha biex tagħti spinta għat-tkabbir permezz ta' implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva tas-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE), il-Kummissjoni ħabbret[33] miżuri biex tiżgura infurzar xieraq tal-prinċipji ta' ebda diskriminazzjoni bbażati fuq in-nazzjonalità ta' riċevituri ta' servizzi, filwaqt li tispeċifika gwida lil Istati Membri fuq l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju[34].

Għarfien li l-aċċess għal kontijiet ta' pagament u servizzi oħrajn bankarji sar essenzjali għas-sehem ta' ċittadini fil-ħajja ekonomika u soċjali, kif imħabbar fl-Att II dwaris- Suq Uniku[35] ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni qed tadotta fl-istess ġurnata tar-rapport preżenti inizjattiva mmirata fost oħrajn li tingħeleb id-diskriminazzjoni fin-nazzjonalità relatata ma' kontijiet bħal dawn u servizzi bankarji.[36].

Fl-aħħar tal-2012, il-Kummissjoni nediet studju[37] biex tevalwa kif il-prinċipju tan-nuqqas ta’ ebda diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità huwa implimentat fil-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-aċċess għal edukazzjoni ogħla, inkluża għajnuna finanzjarja.

Fl-aħħar, fis-26 ta' April 2013, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva li tiffaċilita l-eżerċizzju effettiv għad-dritt ta' moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE[38], li għandha l-għan, fost oħrajn, li tipprevjeni diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità fuq ħaddiema mobbli tal-UE.

4.           konklużjoni

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin u l-azzjonijiet fil-livell tal-UE dwar iċ-ċittadinanza tal-UE mill-2011. Din tikkomplementa u takkumpanja r-rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE.

[1]               L-Artikoli 18 u 24 tat-TFUE ġew integrati mit-Trattat ta’ Lisbona fit-Tieni Parti tat-TFUE "Nondiskriminazzjoni u Ċittadinanza tal-Unjoni”.

[2]               Id-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

[3]               Id-Direttiva 2000/78/KE tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

[4]               Id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

[5]               COM(2011) 160 - http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/annual_report_2010_mt.pdf.

[6]               COM(2012) 169 - http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/charter-brochure-report_en.pdf.

[7]               COM(2013) 271- http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/charter_report_2012_en.pdf.

[8]               Ara, pereżempju l-Kawża C-184/99 Grzelczyk.

[9]               Il-Kawża C-34/09 Ruiz Zambrano.

[10]             Il-Kawża C-256/11, Dereci and others.

[11]             Kawżi Magħquda C-356/11 and C 357/11, O, S.

[12]             Ara pereżempju l-Kawża C‑369/90 Micheletti and others.

[13]             Il-Kawża C-135/08.

[14]             ĠU L 158, p. 77

[15]             AT, BE, DE, CY, CZ, ES, IT, LT, MT, PL, SE, UK. (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-11-981_mt.htm?locale=mt).

[16]             CZ, LT (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-75_en.htm?locale=en), UK (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-417_en.htm?locale=en) AT, DE u SE (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-12-646_en.htm?locale=en) u BE (http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-122_en.htm).

[17]             MT emendat il-leġiżlazzjoni tagħha ES, IT, PL u SE impenjaw ruħhom li jagħmlu dan sar-rebbiegħa 2013.

[18]             Ara wkoll ir-Rapport dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, COM(2013) 271.

[19]             http://ec.europa.eu/youreurope/index.htm.

[20]             http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/guide_free_movement_en.pdf.

[21]             CY, PL u RO adottaw leġiżlazzjoni ġdida; CZ, SI u SK ħabbru emendi tal-leġislazzjoni tagħhom fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014. EE u LV ma pprovdewx spjegazzjoni sodisfaċenti, filwaqt li l-BG, HU, LT, MT riċentement adottaw leġiżlazzjoni li attwalment qed tiġi kkunsidrata.

[22]             CZ, ES, GR, LT, LV, PL u SK.

[23]             Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali miċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini, COM(2012) 99.

[24]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/1/UE li temenda d-Direttiva 93/109/KE dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 26, p. 28).

[25]             COM(2011) 149

[26]             http://ec.europa.eu/consularprotection.

[27]             http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-107_mt.htm.

[28]             Il-Kawżi C-53/08, C-47/08, C-50/08, C-54/08, C-61/08 u C-51/08.

[29]             Il-Kawża C-75/11.

[30]             SEC(2011) 66/2

[31]             COM(2011) 864

[32]             COM(2012) 199

[33]             COM(2012) 261

[34]             COM(2012) 146.

[35]             COM(2012) 573

[36]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà ta' miżati relatati ma' kontijiet ta' pagament, tibdil f'kontijiet ta' pagament u aċċess għal kontijiet ta' pagament b'karatteristiċi bażiċi, COM(2013) 266.

[37]             "L-evalwazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u l-implimentazzjoni prattika tagħhom".

[38]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, COM(2013) 236.

Top