Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0264

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Annimali u Pjanti aktar b’saħħithom u Katina Agroalimentari aktar Sigura Qafas legali modernizzat għal UE aktar kompetittiva

/* COM/2013/0264 final */

52013DC0264

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Annimali u Pjanti aktar b’saħħithom u Katina Agroalimentari aktar Sigura Qafas legali modernizzat għal UE aktar kompetittiva /* COM/2013/0264 final */


WERREJ

1........... Il-kuntest attwali............................................................................................................. 4

1.1........ Saħħa tal-annimali........................................................................................................... 4

1.2........ Saħħa tal-pjanti............................................................................................................... 4

1.3........ Materjal riproduttiv tal-pjanti........................................................................................... 5

1.4........ Kontrolli uffiċjali............................................................................................................. 5

1.5........ Ġestjoni tal-ispiża........................................................................................................... 6

2........... Il-bżonn li jiġi modernizzat il-qafas legali tal-UE għall-annimali, il-pjanti u l-katina agroalimentari            6

2.1........ Saħħa tal-annimali........................................................................................................... 6

2.2........ Saħħa tal-pjanti............................................................................................................... 7

2.3........ Materjal riproduttiv tal-pjanti........................................................................................... 7

2.4........ Kontrolli uffiċjali............................................................................................................. 8

2.5........ Ġestjoni tal-ispiża........................................................................................................... 8

3........... Il-“Pakkett ta’ Reviżjoni”................................................................................................ 9

4........... Il-kontenut tal-“Pakkett ta’ Reviżjoni”............................................................................. 9

4.1........ Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali................................................................................... 9

4.1.1..... Tibdiliet ewlenin............................................................................................................ 10

4.2........ Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti...................................................................................... 11

4.2.1..... Tibdiliet ewlenin............................................................................................................ 11

4.3........ Il-Liġi dwar il-Materjal Riproduttiv tal-Pjanti................................................................. 12

4.3.1..... Tibdiliet ewlenin............................................................................................................ 13

4.4........ Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali........................................................................ 14

4.4.1..... Tibdiliet ewlenin............................................................................................................ 14

4.5........ Ġestjoni tal-ispiża......................................................................................................... 16

5........... Konklużjoni.................................................................................................................. 17

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Annimali u Pjanti aktar b’saħħithom u Katina Agroalimentari aktar Sigura Qafas legali modernizzat għal UE aktar kompetittiva

Introduzzjoni

L-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ saħħa għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti huwa għan tat-Trattat tal-UE. Matul iż-żmien, l-UE bniet korp komprensiv ta' liġijiet mfassal biex jevita u jikkontrolla r-riskji għas-saħħa tal-annimali u l-pjanti u s-sikurezza tal-katina alimentari fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonaIi. Il-liġi f’dawn l-oqsma ta' politika hija nfurzata permezz ta' sett komuni ta' regoli dwar il-kontrolli uffiċjali li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tal-UE.

Il-qafas legali li żviluppat l-UE, b’mod inġenerali, sa issa wera li huwa effettiv fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-riskji. Madanakollu, is-suq globali modern qiegħed jesponi l-UE dejjem aktar għal riskji ġodda u ta' sikwit ikun jeħtieġ innovazzjoni u kompetittività. Dan u l-esperjenza miksuba permezz tal-liġi tal-UE f’dan il-qasam, jinnotaw l-bżonn li jissimplifikaw u jaġġornaw l-istrumenti disponibbli u biex jintegraw aktar l-approċċ maż-żoni differenti kollha.

Għalhekk il-Kummissjoni wettqet reviżjoni tal-qafas legali attwali għas-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, il-materjal riproduttiv tal-pjanti u l-kontrolli uffiċjali mmirati l-aktar biex isaħħu l-effettività, il-konsistenza u ċ-ċarezza legali f’dawn l-oqsma. B’dan, il-Kummissjoni kienet qed tfittex li ssaħħaħ il-produttività, il-funzjonament u l-aċċessibbiltà mingħajr xkiel tas-suq intern u ssaħħaħ mill-ġdid il-kompetittività tal-UE fuq livell globali. Għalhekk, ir-reviżjoni fl-aħħar mill-aħħar qed tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ tkabbir għaqli, sostenibbli u inklużiv b’konformità mal-għanijiet tal-UE 2020.

Din il-komunikazzjoni tippreżenta l-erba’ proposti leġiżlattivi li jirriżultaw fl-erba’ oqsma tas-saħħa tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-materjal riproduttiv tal-pjanti u tal-kontrolli uffiċjali (il-"pakkett ta' reviżjoni") u għal kull waħda minnhom tispjega l-kuntest attwali, il-ħsieb wara l-pakkett u t-titjib ewlieni li ġie introdott.

Il-pakkett ta’ reviżjoni jinkludi wkoll il-ħames proposta li tistabbilixxi programm multiannwali għall-finanzjament tal-UE għall-azzjonijiet immirat biex jiżgura livell għoli ta’ saħħa għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti flimkien ma' katina agroalimentari u f'oqsma relatati filwaqt li jippermetti lin-negozji joperaw f’ambjent li jiffavorixxi l-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol.

Il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel huma fundamentali għal kwalunkwe soċjetà, u għandhom konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, u f'ħafna każijiet ambjentali. L-industrija agroalimentari hija t-tieni l-akbar parti tal-industrija tal-UE. Il-produzzjoni totali tal-katina alimentari għandha valur ta' madwar EUR 750 biljun fis-sena. Is-settur jimpjega ’l fuq minn 48 miljun persuna, minn produzzjoni primarja għal bejgħ bl-imnut u l-forniment tal-ikel. Hemm madwar 14-il miljun produttur agrikolu primarju u 25 miljun negozju tal-ikel li joperaw fil-katina agroalimentari tal-UE.

1.           Il-kuntest attwali

Sabiex tippermetti li ċ-ċittadini jkollhom livell għoli ta' saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti filwaqt li tħeġġeġ il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi sett ta' regoli armonizzati biex tevita, telimina u tnaqqas ir-riskji tas-saħħa għall-bniedem li jistgħu jfeġġu fil-katina agroalimentari u fiż-żewġ oqsma l-aktar relatati mill-qrib magħha, jiġifieri s-saħħa tal-pjanti u tal-annimali. Fuq kollox, ir-regoli tal-UE għandhom l-għan li jindirizzaw ir-riskji tas-saħħa - jiġifieri r-riskji għall-integrità tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti minn kontaminazzjoni mikrobjali u kimika, mard u pesti - iżda jistgħu jinkludu wkoll miżuri li jiżguraw il-produttività u d-diversità fil-produzzjoni tal-pjanti (għal għanijiet tas-sikurezza tal-ikel) u jirregolaw metodi speċifiċi tal-produzzjoni (e.ż. it-trattament xieraq tal-annimali u indikazzjonijiet ġeografiċi).

1.1.        Saħħa tal-annimali

Kulħadd għandu jimpurtaħ mis-saħħa tal-annimali. Bħalissa, l-intervent tal-UE jisħaq fuq il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed li jista’ jkollu impatti sinifikanti fuq l-ekonomija u fuq is-saħħa. L-impatti ta’ tifqigħa ta’ marda tal-annimali jistgħu jvarjaw ħafna, u normalment ikun ta’ riskju dirett għas-saħħa tal-annimali u ħafna drabi għas-saħħa tal-pubbliku, l-aktar permezz ta’ ikel li ġej mill-annimali. Madanakollu, jista' jkun hemm ukoll impatti indiretti negattivi oħrajn (bħal effetti ekonomiċi jew soċjali), inklużi spejjeż għar-raħħala u industriji relatati mat-trattament ta’ mard u tfixkil fin-negozju, spejjeż tas-settur pubbliku ta’ qerda u monitoraġġ, u bidliet fil-mudelli ta' konsum. Ħafna drabi, it-tifqigħat tal-mard ikollhom ukoll impatti sinifikanti fuq il-kummerċ internazzjonali tal-annimali u l-prodotti tal-annimali.

Mal-UE kollha, is-settur tal-agrikoltura huwa l-akbar utent tal-annimali b’tal-anqas 2 biljun tajra (tiġieġ, tiġieġ bajjada, dundjani, eċċ) u 334 miljun mammiferu (ħnieżer, nagħaġ, mogħoż, bovini, annimali bil-pil, eċċ). Hemm 13.7 miljun unità ta’ trobbija tal-annimali fl-UE. Il-valur tal-produzzjoni mit-trobbija tal-bhejjem fl-UE huwa EUR 156 biljun fis-sena.

1.2.        Saħħa tal-pjanti

Is-saħħa tal-pjanti hija fattur ewlieni fl-agrikoltura, l-ortikultura u l-forestrija kompetittiva u sostenibbli. Proporzjon kbir tal-ikel li nikkonsmaw, u tal-għalf mitmugħ lill-annimali li jipproduċu l-ikel, ġej mill-pjanti. L-ewwel għan tar-regoli tas-saħħa tal-pjanti huwa li jipproteġu l-prodotti ħajjin (jiġifieri s-siġar, l-arbuxelli u l-pjanti) tal-agrikoltura, l-ortikultura u l-forestrija tal-UE, ġonna pubbliċi u privati (pereżempju siġar tat-toroq, u pjanti f’ġonna pubbliċi / privati) u l-ambjent billi jevitaw id-dħul u l-firxa ta’ pesti mhux indiġeni. Ir-regoli tas-saħħa tal-pjanti jiżguraw kummerċ sigur billi jimponu rekwiżiti u kundizzjonijiet tal-UE fuq l-importazzjoni għall-moviment tal-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fl-UE. It-tifqigħat tal-pesti elenkati għandhom jinqerdu jew, jekk dan mhux possibbli, ma jitħallewx jinfirxu għall-protezzjoni tal-bqija tat-territorju tal-UE. It-tieni għan huwa li jkun żgurat li jintuża materjal tal-pjanti b'saħħtu fil-bidu tal-katina tal-produzzjoni tal-pjanti, permezz tal-prevenzjoni tat-tixrid tal-pesti fiż-żerriegħa u fil-materjal taż-żrigħ.

Il-valur tar-raba' imkabbar fl-UE huwa ta' EUR 205 biljuni fis-sena. Mingħajr il-protezzjoni mogħtija bir-regoli tas-saħħa tal-pjanti, l-agrikoltura, l-ortikultura u l-forestrija tal-UE jsofru ħsara ekonomika kbira. Firxa ta’ pesti rregolati b’mod internazzjonali thedded il-kultivazzjoni tar-raba’ bħall-qamħ (valur ta’ esportazzjonijiet tal-UE: EUR 9 biljuni), il-patata (valur tal-produzzjoni tal-UE: EUR 9 biljuni) u t-tadam (valur tal-produzzjoni: EUR 9-12-il biljun).

1.3.        Materjal riproduttiv tal-pjanti

Il-materjal riproduttiv tal-pjanti huwa s-sinsla tal-produzzjoni agrikola, ortikulturali u forestrali. Huwa l-ewwel ħolqa fil-katina agroalimentari, li taffettwa d-diversità, is-saħħa u l-kwalità tal-pjanti u tal-ikel. Il-materjal riproduttiv tal-pjanti huwa kkontrollat biex jiżgura l-identità, is-saħħa u l-kwalità tal-materjal għall-benefiċċju tal-utenti tiegħu, e.ż. il-bdiewa, il-ġardinara u l-forestiera. L-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE rigward il-materjal riproduttiv tal-pjanti huma li tittejjeb il-produttività agrikola, ortikulturali u forestrali, li jiġi żgurat it-tħaddim mingħajr tfixkil tas-suq tal-UE għal dawk il-prodotti u l-kompetittività fis-settur fuq livell globali.

Illum, is-suq kummerċjali taż-żerriegħa tal-UE, li jirrappreżenta aktar minn 20 % tal-bejgħ totali mad-dinja taż-żerriegħa kummerċjali għandu valur ta’ madwar EUR 6.8 biljuni. L-UE hija esportatur nett taż-żrieragħ.

Is-settur tal-UE huwa kompetittiv ħafna wkoll fil-kummerċ dinji: huwa l-akbar esportatur taż-żrieragħ, b'valur ta' esportazzjoni stmat ta' EUR 4.4 biljuni, u jirrappreżenta madwar 60 % tal-valur dinji ta' EUR 7.7 biljuni tal-esportazzjoni taż-żerriegħa.

1.4.        Kontrolli uffiċjali

Livell għoli ta' saħħa flimkien mal-katina agroalimentari jiddependi fuq infurzar konsistenti, effettiv u fil-ħin ta' standards tal-UE mill-Istati Membri. L-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-katina agroalimentari u tar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti, dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti u dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandha tkun żgurata mal-UE kollha għall-bnedmin, il-pjanti u l-annimali biex ikunu aktar b’saħħithom u sabiex is-suq intern jiżviluppa u jopera mingħajr tfixkil. Biex dan ikun possibbli, l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri għandhom jingħataw ambjent legali ċar, affidabbli u konsistenti li fih jagħmlu użu effettiv u effiċjenti mill-għodod ta’ infurzar, u b’mod partikolari mill-kontrolli uffiċjali. Jeħtieġu wkoll riżorsi xierqa biex jiżguraw il-kontinwità u l-konsistenza fix-xogħol tagħhom, abbażi tal-ħtiġijiet marbuta mal-għanijiet ta’ infurzar.

Aktar minn 100 000 persunal full-time iwettqu kontrolli uffiċjali fl-UE, li jinvolvu spezzjonijiet u attivitajiet oħra relatati mal-kontroll. Biex nagħtu xi eżempji: madwar 70 000 kampjun fis-sena ġew analizzati minn 'il fuq minn 270 laboratorju akkreditat li jivverifikaw jekk hemmx residwi tal-pestiċidi. Fl-2010 biss, ittieħdu 736 806 kampjuni biex jiġu vverifikati r-residwi veterinarji. Madwar 320 000 kampjun minn pollam domestiku u tjur selvaġġ ġew analizzati fl-2011 purament fir-rigward tal-influwenza avjarja.

It-tħaddim effiċjenti ta’ sistema ta’ kontrolli uffiċjali mal-UE kollha huwa importanti għall-esportazzjonijiet u għall-importazzjonijiet. Il-kapaċità tal-UE li tesporta għal pajjiżi mhux fl-UE tiddependi fuq il-valur miżjud li l-prodotti tagħha jidher li għandhom meta kkumparati ma' dawk ta’ kompetituri barra mill-UE. Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta' sistema tal-kontrolli uffiċjali effiċjenti li tiżgura li standards għoljin tas-sikurezza u l-kwalità jkunu nfurzati b'mod’konsistenti u li l-aspettazzjonijiet korrispondenti tal-imsieħba jiġu ssodisfati. Min-naħa l-oħra, l-UE hija l-akbar importatur ta’ annimali ħajjin, ikel u għalf fid-dinja. Verifiki mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq prodotti li jaslu minn pajjiżi mhux fl-UE jiżguraw li tal-aħħar jikkonformaw mal-istandards tal-UE jew mal-istandards li joffru livell ekwu ta' protezzjoni.

Fl-2010 l-importazzjonijiet tal-ikel u tax-xorb kienu jiswew EUR 78 biljun u l-esportazzjonijiet EUR 73 biljun. L-UE impurtat 79.3 miljun tunnellata ta’ ikel u annimali ħajjin u 3.4 miljun tunnellata ta’ xorb fl-2010, b’defiċit kummerċjali ta' 14-il miljun tunnellata ikel u annimali ħajjin, u eċċess ta’ 6 miljun tunnellata xorb.

1.5.        Ġestjoni tal-ispiża

Il-bażi legali attwali għall-finanzjament tal-UE hija: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE għall-programmi ta' qerda veterinarja u miżuri ta' emerġenza veterinarja, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE għall-miżuri tas-saħħa tal-pjanti u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-miżuri ta' finanzjament rigward il-laboratorji ta' referenza tal-UE, Taħriġ Imtejjeb u għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel (BTSF) u miżuri oħrajn użati għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kontroll uffiċjali.

Fl-2011 ġiet allokata parti kbira mis-somma ta' EUR 314.6 miljuni għal programmi għall-qerda tal-mard tal-annimali. L-ispiża fuq il-laboratorji, il-BTSF u miżuri oħra rrappreżentaw 9 % mit-total. 7 % ġew allokati għall-miżuri operazzjonali tas-saħħa tal-pjanti, filwaqt li 3 % ġew allokati għall-fond ta’ emerġenza għal mard veterinarju u mard ieħor.

2.           Il-bżonn li jiġi modernizzat il-qafas legali tal-UE għall-annimali, il-pjanti u l-katina agroalimentari

2.1.        Saħħa tal-annimali

Il-qafas leġiżlattiv dwar is-saħħa tal-annimali attwali tal-UE jinvolvi madwar 50 Direttiva u Regolament bażiku, li minnhom hemm li ilhom li ġew adottati mis-sittinijiet. Minn dak iż-żmien ’l hawn inbena korp ta’ madwar 400 att veterinajru – li ħafna minnhom tfasslu bejn l-1988 u l-1995 għal Komunità ta’ 12-il Stat Membru biss. Sadanittant, tfaċċaw sfidi ġodda: tfaċċa mard li għaxar snin ilu kienu għadu mhux magħruf, filwaqt li mard ieħor (e.ż. il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, il-lingwablu u l-influwenza avjarja) reġa’ tfaċċa, ifakkarna fir-riskji serji li jġib miegħu. Il-kundizzjonijiet kummerċjali wkoll inbidlu b’mod radikali, bil-volum tal-kummerċ fil-prodotti tal-annimali jiżdied b’mod sinifikanti fl-UE u mad-dinja kollha.

Fl-2004, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni indipendenti biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Politika tal-Komunità dwar is-Saħħa tal-Annimali (CAHP) matul l-aħħar għaxar snin. Għalkemm din l-evalwazzjoni u l-konsultazzjonijiet aktar tard ikkonkludew li fuq kollox is-sistema attwali kienet qed tiffunzjona kif xieraq, żvelat ukoll il-ħtieġa għal reviżjoni tar-regoli attwali biex tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

– il-kumplessità tal-qafas ta’ politika;

– in-nuqqas ta’ strateġija globali għas-saħħa tal-annimali;

– mhux biżżejjed enfasi fuq il-prevenzjoni tal-mard;

– il-possibbiltà ta’ titjib fil-kummerċ tal-annimali ħajjin ġewwa l-UE.

2.2.        Saħħa tal-pjanti

Sa mill-introduzzjoni tagħhom fl-1977, ir-regoli tas-saħħa tal-pjanti pproteġew lill-UE mill-introduzzjoni u l-firxa ta’ ħafna pesti. Bħalissa, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE hija l-istrument ewlieni f'dan il-qasam. Madanakollu, bil-globalizzazzjoni tal-kummerċ u t-tibdil fil-klima l-UE qed tiffaċċja riskju akbar ta’ dħul ta’ pesti ġodda, żieda f’opportunitajiet biex jistabbilixxu ruħhom u jinfirxu kif ukoll żieda fil-vulnerabbiltà tal-ekosistemi agrikoli u naturali.

Evalwazzjoni tar-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti mwettqa fl-2010 wriet li r-reġim attwali jrid jadatta ruħu sabiex jindirizza riskji ġodda b’mod effettiv. Fl-aħħar għaxar snin, firxiet kbar ta’ pesti perikolużi marbuta mal-importazzjoni li jolqtu l-foresterija (eż. in-nematodu tal-injam tal-arżnu, il-ħanfusa tal-qrun twil taċ-ċitru, il-bumunqar aħmar tal-palm) qajmu kuxjenza soċjali u politika tal-ispejjeż u l-impatti ta’ ħarsien inadegwat. Il-problemi ewlenin identifikati fl-evalwazzjoni tal-2010 huma relatati ma':

– mhux biżżejjed enfasi fuq il-prevenzjoni tal-importazzjonijiet li jippreżentaw riskji kbar;

– il-ħtieġa għal enfasi fuq il-pesti li nfirxu mal-Istati Membri u għalhekk huma prijorità għall-UE;

– il-ħtieġa għal strumenti aktar effettivi għall-kontroll tal-preżenza u l-firxa naturali tal-pesti;

– il-ħtieġa biex strumenti eżistenti għall-moviment ġewwa l-UE jiġu mmodernizzati (jiġifieri passaporti tal-pjanti u żoni protetti).

2.3.        Materjal riproduttiv tal-pjanti

Il-qafas legali tal-UE għall-materjal riproduttiv tal-pjanti żviluppa mis-sittinijiet. Dan jikkonsisti minn 12-il Direttiva bażika tal-Kunsill u kważi 90 att sekondarju li jkopru elenkar ta’ varjetajiet għall-għan tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni u r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni għal speċijiet differenti.

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-UE laħqet l-għanijiet inizjali li tiggarantixxi kummerċjalizzazzjoni ħielsa u li tiżgura s-sikurezza u l-kwalità tal-materjal riproduttiv tal-pjanti, il-kwistjonijiet li ġejjin jeħtieġu aktar attenzjoni:

– il-kumplessità u l-frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali;

– il-piż amministrattiv konsiderevoli għall-awtoritajiet, minħabba li ħafna mill-kompiti dwar ir-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni jeħtieġ li jitwettqu minn awtoritajiet uffiċjali;

– in-nuqqas ta' konsistenza ma' politiki oħra tal-UE (e.ż. l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, il-protezzjoni tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, il-bijoekonomija);

– in-nuqqas ta’ approċċ konsistenti biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet u ċ-ċertifikazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti.

2.4.        Kontrolli uffiċjali

Il-kontrolli uffiċjali huma mmexxija mir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Evidenza tal-implimentazzjoni tiegħu nġabret fuq kollox permezz tal-awditjar fuq il-post mill-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, iżda wkoll permezz ta' rispons mill-Istati Membri u l-partijiet interessati rigward l-implimentazzjoni ta’ kuljum. Din l-evidenza tikkonferma li t-tibdil ewlieni introdott mir-Regolament tal-2004 għall-mod li bih l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw u jwettqu kontrolli uffiċjali mal-katina agroalimentari stabbilixiet il-bażi għal approċċ għall-infurzar aktar integrat u orrizontali u b'hekk aktar effiċjenti. Fl-istess ħin, tindika sett ta’ nuqqasijiet li jitolbu aktar titjib, b’mod partikolari:

– simplifikazzjoni tal-qafas legali inġenerali, li bħalissa jsofri mill-frammentazzjoni, id-dupplikazzjonijiet u l-lakuni li baqa', u għalhekk id-differenzi u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali;

– użu aktar konsistenti tal-prinċipju “kontrolli abbażi ta’ riskji;

– użu aktar sistematiku u konsistenti ta’ għodod ta' kooperazzjoni amministrattiva u sistemi ta' informazzjoni kompjuterizzata;

– it-tħassir ta’ rekwiżiti amministrattivi mhux meħtieġa.

Fir-rigward tal-iffinanzjar tal-kontrolli uffiċjali u l-ħtieġa li jkun żgurat finanzjament stabbli u konsistenti tal-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti, l-evidenza tindika wkoll l-inċertezzi attwali dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-kontrolli uffiċjali. Studju estern imwettaq fl-2011 sab li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-kontrolli uffiċjali tal-finanzjament minn miżati mhumiex qed jagħtu riżultati sodisfaċenti dwar l-għan li jiżguraw livell adegwat ta’ riżorsi biex iwettqu kontrolli uffiċjali.

Hemm ukoll evidenza li r-regoli attwali qed jonqsu milli jiżguraw approċċ ġust u konsistenti bejn is-setturi kollha: xi setturi biss huma mitluba jħallsu, u l-miżati ma jiġux ikkalkulati b’mod uniformi u trasparenti mal-Istati Membri kollha, jew b’mod li jippremja l-konformità tal-operaturi.

2.5.        Ġestjoni tal-ispiża

Il-qafas legali attwali għandu jkun aġġustat f’konformità mat-tibdiliet proposti fl-oqsma tal-politika differenti biex jiżgura li l-għanijiet tagħhom jintlaħqu. Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-ispiża bħalissa hija kumplessa u teħtieġ li tiġi allineata mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF). Għalhekk hija meħtieġa bażi legali ġdida.

3.           Il-“Pakkett ta’ Reviżjoni”

Biex issegwi l-għan li ssaħħaħ, timmodernizza u tirrazzjonalizza l-ambjent legali attwali sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, il-Kummissjoni qed tressaq pakkett ta’ ħames proposti biex tirrevedi r-regoli tal-UE:

– li jistipula rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali (il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali);

– li jistipula miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti (il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti);

– li jmexxi l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' materjal riproduttiv tal-pjanti (il-liġi tal-materjal riproduttiv tal-pjanti);

– li jmexxi l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra uffiċjali mwettqa biex jiżguraw il-konformità mas-sett kollu ta’ regoli dwar il-katina agroalimentari (inkluż dawn ta’ hawn fuq) (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali); u

– li jmexxi l-ġestjoni tal-infiq tal-UE fl-oqsma ewlenin tal-katina agroalimentari.

Il-ħames proposti leġiżlattivi kollha koperti mill-pakkett għandhom jitressqu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (skont l-Artikoli 289(1) u 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni se jkunu mistoqsija għal opinjoni.

4.           Il-kontenut tal-“Pakkett ta’ Reviżjoni”

4.1.        Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali

L-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali 2007-2013 ġiet adottata fl-2007[1] Fil-qalba tagħha hemm l-idea li "aħjar tilqa' milli ssewwi" u l-għanijiet tagħha huma li tiżgura livell għoli ta’ saħħa pubblika u sikurezza tal-ikel, biex issostni l-biedja u l-ekonomija rurali, biex ittejjeb it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni u l-kompetittività, u tippromwovi prattiċi tal-biedja u t-trattament xieraq tal-annimali li jimminimizzaw l-impatti ambjentali. Aktar tard, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija[2] rrefera għall-iżvilupp ta' Regolament tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali, li hawnhekk jissejjaħ il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali (AHL), bħala wieħed mir-riżultati mistennija tal-istrateġija għal qafas legali modern u innovattiv li jappoġġjaw l-kisbiet tal-għanijiet hawn fuq. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-AHL hija riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati.

4.1.1.     Tibdiliet ewlenin

Is-simplifikazzjoni, il-modernizzazzjoni u ż-żieda fil-konsistenza mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali mal-UE kollha kienu prinċipji li taw spinta lill-proċess tar-reviżjoni f'dan il-qasam.

F’konformità ma’ dan l-approċċ, l-AHL tistabbilixxi s-sisien għal qafas leġiżlattiv wiesa’ u komprensiv għall-politika dwar is-saħħa tal-annimali tal-UE. Tistabbilixxi b’mod ċar il-prinċipji u l-għanijiet dominanti meħtieġa biex jitnaqqas aktar il-mard tal-annimali filwaqt li tinżamm il-kompetittività ekonomika tal-UE. Dispożizzjonijiet dettaljati – bħall-miżuri ta’ kontroll tal-mard speċifiċi, regoli ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni għal ċerti speċijiet, u miżuri speċifiċi dwar il-moviment ġewwa l-UE għal speċijiet partikulari - għandhom jiġu ttrattati permezz ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni. L-użu ta’ dawn l-atti għall-introduzzjoni ta’ regoli jew rekwiżiti aktar speċifiċi jippermetti l-flessibbiltà u l-ħeffa meħtieġa bħala reazzjoni għal xenarji u emerġenzi veterinarji li jinbidlu b'mod rapidu.

It-tisħiħ tas-sorveljanza tal-mard, l-avviżi ta' mard u n-netwerks ta’ rappurtar se jsostni aħjar d-detezzjoni bikrija u l-kontroll tal-mard, inkluż mard emerġenti bħal dak marbut mat-tibdil fil-klima, u jiżgura konverġenza akbar mal-istandards internazzjonali.

Simplifikazzjoni u kjarifikazzjoni

Qafas leġiżlattiv aktar sempliċi se jgħin lill-awtoritajiet u lill-operaturi jifhmuh u jużawh, jiżguraw li l-azzjonijiet tagħhom ikunu aktar konsistenti u ffukati fuq l-għan, u jistabbilixxi prinċipji ġenerali biex jiġu segwiti biex jippromwovi l-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard. Dan għandu l-potenzjal li jnaqqas il-piż amministrattiv minn fuqhom billi jnaqqas il-ħin li jieħdu biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni u billi jintroduċi ambitu għas-simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti amministrattivi biex dawn isiru aktar koerenti inkluż qafas legali koerenti u konsistenti għat-tilqim.

L-AHL il-ġdida se tikkjarifika r-responsabbiltajiet tas-saħħa tal-annimali għall-operaturi, il-veterinarji u oħrajn, parzjalment billi għall-ewwel darba titlob livell bażiku ta’ għarfien.

L-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda

L-AHL se tippermetti ambitu akbar għall-użu ta' teknoloġiji ġodda għal attivitajiet tas-saħħa tal-bniedem bħall-monitoraġġ ta’ patoġeni, l-identifikazzjoni elettronika u r-reġistrazzjoni ta' annimali u ċertifikati elettroniċi. Hemm il-probabbiltà li l-użu ta’ teknoloġiji u sistemi ġodda jnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet veterinarji u fuq l-operaturi fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Żieda fil-flessibbiltà permezz tal-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju

Se jiġu introdotti kriterji għall-elenkar ta’ mard tal-annimali, ikkategorizzati b’mod sistematiku u fuq bażi xjentifika u evidenzjali. Dan se jippermetti lill-UE li tipprijorittizza aħjar l-użu tar-riżorsi tagħha, waqt li tagħti anqas prijorità lill-mard li joffri anqas riskju.

Se jkun permess użu aktar wiesa’ ta’ “kompartimentalizzazzjoni” (jiġifieri fejn ċerti farms ikunu meqjusa siguri matul tifqigħat ta' mard), u dan jippermetti approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-kontroll tal-mard tal-annimali u potenzjalment anqas restrizzjonijiet kummerċjali.

4.2.        Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, msemmijja hawnhekk bħala l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti, tissodisfa t-talba tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2008 għal evalwazzjoni tar-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti tal-UE, meta wieħed iqis il-ħtieġa biex jiġi emendat il-qafas legali eżistenti u l-impatt ta’ tali emendi. Il-partijiet interessati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri ġew ikkonsultati ħafna waqt il-proċess ta' reviżjoni.

Fl-isfond ta’ dan, ir-Regolament propost għandu l-għan li jegħleb in-nuqqasijiet identifikati wara l-evalwazzjoni tar-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti fl-2010 u li jistabbilixxi qafas regolatorju robust, trasparenti u sostenibbli li huwa xieraq għal dan il-għan. B’mod inġenerali, is-sinerġiji mar-reġim tal-materjal riproduttiv tal-pjanti huma msaħħa, filwaqt li dupplikazzjonijiet li jistgħu jiġu evitati u piż mhux meħtieġ jiġu evitati. Il-kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar il-konformità tal-operaturi mar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-pjanti tal-UE huma koperti fil-proposta għal Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali.

4.2.1.     Tibdiliet ewlenin

Il-kamp ta’ applikazzjoni

Il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tar-Regolament propost huwa limitat għat-territorji tal-Istati Membri fl-Ewropa, esklużi pajjiżi u territorji barranin u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, fejn il-pesti li l-UE trid tkun imħarsa minnhom huma indiġeni.

Ir-Regolament propost ikopri l-organiżmi kollha li huma ta’ dannu għall-pjanti, jiġifieri l-insetti, id-dud, in-nematodi, il-mikroorganiżmi patoġeniċi u l-pjanti parassiti (issa jissejħu pesti). Ikopri l-pesti ta’ kwarantina u pesti li jaffettwaw il-kwalità, kif irregolat bħalissa skont id-"Direttivi għall-Kummerċjalizzazzjoni" għaż-żerriegħa u l-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti. Il-kriterji biex tittieħed deċiżjoni dwar it-tqassim xieraq tal-pesti (kwarantina jew kwalità) jinsabu fl-Annessi tar-Regolament. L-Annessi jistabbilixxu wkoll prinċipji u miżuri għall-ġestjoni ta’ riskji fitosanitarji.

L-esportazzjonijiet ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra lejn pajjiżi terzi huma koperti wkoll mir-Regolament propost. L-esportazzjonijiet jitmexxew f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-UE, jew jekk ir-regoli ta' pajjiżi mhux tal-UE jippermettu dan jew dak il-pajjiż jaqbel ma’ dan, f'konformità mar-rekwiżiti ta' dak il-pajjiż. Il-proposta tipprevedi l-introduzzjoni ta’ ċertifikat ta’ qabel l-esportazzjoni, għal każijiet fejn il-materjal tal-pjanti jiġi esportat minn Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta’ oriġini. Iċ-ċertifikat ta’ qabel l-esportazzjoni huwa maħsub li jissostitwixxi d-dokument ta' gwida informali li qed jintuża bħalissa.

Prevenzjoni msaħħa fuq l-importazzjonijiiet u azzjoni bikrija msaħħa mill-ġdid kontra t-tifqigħat.

Il-prevenzjoni tissaħħaħ billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ prekawzjoni rigward materjal għat-tħawwil kbir fir-riskju impurtat minn pajjiżi mhux fl-UE, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju preliminari, għal limitu taż-żmien ta' erba' snin. Dan il-perjodu ta’ żmien huwa meqjus meħtieġ biex titwettaq valutazzjoni tar-riskju sħiħa u regola dwar l-adegwatezza ta' miżuri permanenti. Ir-Regolament propost jistipula li meta l-passiġġieri jġibu magħhom pjanti regolati fit-territorju tal-UE fil-bagalji tagħhom, issa jridu jikkonformaw kompletament mar-rekwiżiti u l-projbizzjonijiet rilevanti.

Barra minn hekk, ir-Regolament propost jobbliga lill-Istati Membri li jwettqu s-sorveljanza fit-territorju tagħhom għall-preżenza ta’ pesti f’żoni li qabel ma kinux jafu li jinsabu fihom. Jekk il-pesti jiġu individwati l-Istati Membri huma mistennija jwettqu miżuri ta’ qerda, inklużi d-demarkazzjoni ta’ żona ristretta li tikkonsisti minn żona infestata mdawra b'żona ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, il-livelli msaħħa ta’ tħejjija u sorveljanza huma meħtieġa għal pesti tal-kwarantina identifikati bħala pesti ta' prijorità. L-obbligi tas-sorveljanza u tal-qerda mhumiex applikabbli għall-pesti li jaffettwaw il-kwalità.

Ir-Regolament propost jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tikkontrolla l-pesti tal-kwarantina li ma jistgħux jinqerdu mit-territorju tal-UE.

Rinfurzar u modernizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-suq intern

Fejn il-materjal tal-pjanti għandu jiġi mċaċlaq fl-UE, ir-Regolament propost jipprevedi l-użu obbligatorju ta’ passaport tal-pjanti, li juri l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-pesti ta' kwarantina u pesti li jaffettwaw il-kwalità. Il-passaport, simplifikat u standardizzat skont il-proposta tal-Kummissjoni, għandu jinħareġ minn operaturi, taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti. L-operaturi se jkollhom jaħżnu l-informazzjoni meħtieġa biex jintraċċaw kunsinni infestati, iżda l-passaport jista’ jinkludi trasportaturi tad-dejta (barcodes, eċċ) minflok in-numru tal-lott attwali. Meta materjal tat-tħawwil ikun jeħtieġ passaport tal-pjanti u tikketta ta' ċertifikazzjoni skont il-liġi tal-UE dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti, iż-żewġ tikketti issa jistgħu jingħaqdu b'dokument uniku, u b'hekk’jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi. Il-passaporti tal-pjanti huma meħtieġa għall-pjanti kollha mill-mixtla, iżda mhux għall-bejgħ lil utenti finali mhux professjonali.

4.3.        Il-Liġi dwar il-Materjal Riproduttiv tal-Pjanti

Fl-2007, l-Istati Membri fil-Kunsill talbu sabiex il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ssir aktar sempliċi. Wara evalwazzjoni esterna[3] fl-2007-2008, fl-2009 ġie adottat Pjan ta' Azzjoni[4]. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti (li hawnhekk qed tissejjaħ il-Liġi tal-Materjal Riproduttiv tal-Pjanti, tibni fuq konsultazzjonijiet estensivi tal-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-Uffiċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO).

4.3.1.     Tibdiliet ewlenin

Il-prinċipji ewlenin wara r-reviżjoni kienu s-simplifikazzjoni, il-modernizzazzjoni, it-tnaqqis fl-ispejjeż, effiċjenza akbar u żieda fil-flessibbiltà għall-operaturi, li jiżguraw livell xieraq ta’ armonizzazzjoni mal-UE u koordinazzjoni orizzontali ma’ għanijiet tal-politika tal-UE fil-biċċa l-kbira tagħhom ambjentali.

Simplifikazzjoni u modernizzazzjoni

Dawn l-għanijiet inkisbu billi t-12-il direttiva li bħalissa qed jittrattaw tipi speċifiċi ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti, bħal għelejjel tar-raba' agrikoli, pjanti tal-frott, pjanti ornamentali, ħaxix u materjal forestali ta' riproduzzjoni, ġew sostitwiti b'regolament wieħed. Ir-Regolament jintroduċi r-regoli bażiċi armonizzanti għat-tipi kollha tal-materjal riproduttiv tal-pjanti (bħal ħelsien minn pesti u difetti) filwaqt li jinżammu regoli aktar stretti għal pjanti importanti kkummerċjalizzati mal-UE kollha e.ż. speċijiet ta’ pjanti elenkati, liema varjetajiet se jkollhom jgħaddu minn testijiet għad-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà, u ċertifikazzjoni u spezzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-iskop tal-liġi huwa estiż għall-esportazzjonijiet u għall-provvediment ta' proċessi industrijali.

Flessibbiltà, tnaqqis fl-ispejjeż u gwadanni fl-effiċjenza

L-għan li jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-piż u l-ispiża amministrattiva inkiseb billi l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti ingħataw libertà konsiderevoli fit-tlestija tal-kompiti ta' reġistrazzjoni u ċertifikazzjoni u billi ġie introdott prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-varjetajiet (u għaċ-ċertifikazzjoni permezz tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali). Madanakollu, il-mikrointrapriżi se jkunu eżentati u l-miżati jistgħu jitnaqqsu għall-varjetajiet b’deskrizzjoni rikonoxxuta b’mod uffiċjali u għar-reġistrazzjoni ta' materjal eteroġenu, fl-interess li r-riżorsi u l-bijodiversità ġenetika jiġu kkonservati.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida trawwem il-flessibbiltà fir-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet billi tippermetti li l-biċċa l-kbira tal-kompiti tar-reġistrazzjoni jitwettqu minn operaturi skont is-sorveljanza uffiċjali jekk l-operatur jitlob dan.

L-obbligu attwali li l-Kummissjoni tiġi avżata rigward varjetà u li din tiġi inkluża fil-Katalgi Komuni qabel il-kummerċjalizzazzjoni mal-UE kollha se titneħħa biex titħaffef l-innovazzjoni, jiġifieri l-aċċess tas-suq għal varjetajiet ġodda ta' pjanti. Ir-reġistrazzjoni ta’ varjetà waħda ta’ pjanti fi Stat Membru wieħed se jkun biżżejjed.

Is-CPVO se jkollu rwol akbar fir-reġistrazzjoni tal-varjetajiet. Is-CPVO se jikkontrolla l-Bażi tad-Dejta tal-Varjetajiet tal-Pjanti tal-UE minflok tal-Kummissjoni u se tiġi introdotta l-alternattiva li varjetà tiġi rreġistrata direttament mas-CPVO. Biex il-kwalità tal-proċess ta’ reġistrazzjoni tkun żgurata, iċ-ċentri ta' eżami tal-varjetajiet nazzjonali se jkunu vverifikati mis-CPVO. Is-CPVO se jkompli jarmonizza wkoll il-protokolli tal-ittestjar għal varjetajiet ġodda. Barra minn hekk, approċċ “ċavetta waħda għal bosta bibien” se jippermetti li varjetà ġdida tiġi rreġistrata għal raġunijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, u tingħata d-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti skont il-proċedura unika.

Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni minn ħafna qabel tal-materjal riproduttiv tal-pjanti se jsir anke aktar flessibbli. L-alternattiva taċ-ċertifikazzjoni mill-operatur taħt is-sorveljanza uffiċjali ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru se tiġi estiża biex tinkorpora l-ispeċijiet kollha elenkati u għall-kategoriji tal-kummerċjalizzazzjoni kollha tal-materjal riproduttiv tal-pjanti.

Koordinazzjoni orizzontali ma' għanijiet oħra tal-politika tal-UE

Sabiex ikun hemm titjib fil-bijodiversità u l-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti fuq il-farm, ir-rekwiżiti għall-varjetajiet tradizzjonali u ta’ konservazzjoni u materjal ieħor e.ż. materjal eteroġenu u tas-suq niċċa tnaqqsu b’mod konsiderevoli. Ma huwa meħtieġ l-ebda ttestjar u ċertifikazzjoni tal-varjetajiet. Dan se jtejjeb b’mod konsiderevoli l-aċċess għas-suq għal tali materjal. Il-varjetajiet tradizzjonali u ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu rreġistrati bi prezz baxx abbażi ta' dejta storika bl-użu ta' deskrizzjoni ta' varjetà rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, ir-regoli ġew emendati biex jipprovdu l-possibbiltà li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni ta' materjal eteroġenu (e.ż. il-popolazzjonijiet) u materjal tas-suq niċċa fi kwantitajiet żgħar minn mikrointrapriżi.

L-ittestjar tal-protokolli għall-kriterji tas-sostenibbiltà agrikola (e.ż. għar-reżistenza għall-mard u għan-nixfiet) għal reġistrazzjoni tal-varjetajiet se jkun armonizzat għall-ewwel darba sabiex it-tnissil tal-pjanti jittieħed f'direzzjoni aktar sostenibbli. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jikkontrollaw l-ittestjar ta’ varjetajiet ġodda għall-valur, għall-kultivazzjoni u għall-użu, abbażi tal-kundizzjonijiet agroekoloġiċi tagħhom.

4.4.        Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali

Il-proposta għall-emenda tal-qafas ġenerali għall-kontrolli uffiċjali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tinkorpora l-eżitu ta’ għadd ta’ evalwazzjonijiet li ttrattaw mal-aspetti differenti ta’ dak il-qafas.

L-alternattivi għar-reviżjoni ġew diskussi mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Applikazzjoni Ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u fl-istadji ta’ tħejjija taż-żewġ studji (fl-2009 u l-2011) mwettqa rigward l-istat tal-applikazzjoni tar-regoli li jmexxu l-finanzjament tal-kontrolli uffiċjali. Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati mill-Grupp Konsultattiv dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti.

4.4.1.     Tibdiliet ewlenin

Konsolidazzjoni tal-approċċ integrat, bi flessibbiltà speċifika għas-settur

Novità ewlenija huwa t-twessigħ tal-ambitu tar-regoli fuq il-kontrolli uffiċjali, u b’mod partikolari, l-estensjoni tagħhom għall-kontrolli rilevanti dwar is-saħħa tal-pjanti, il-materjal riproduttiv tal-pjanti u l-prodotti sekondarji tal-annimali, li sa issa tmexxew mid-dispożizzjonijiet settorjali li mhumiex kompletament konsistenti mal-approċċ stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Is-sett dettaljat attwali tar-regoli applikabbli mal-kontrolli uffiċjali dwar ir-residwi tal-mediċini veterinarji se jitħassar biex jippermetti din iż-żona tkun irregolata b'mod ibbażat aktar fuq ir-riskju iżda xorta li tħares is-saħħa, taħt l-istess qafas leġiżlattiv.

Din ir-reviżjoni se jkollha impatt sinifikanti fuq il-qafas legali li jmexxi l-kontrolli uffiċjali fuq prodotti minn pajjiżi mhux fl-UE. Tipprovdi sett ta’ regoli komuni għall-attivitajiet kollha ta’ kontroll li għandhom jitwettqu mal-fruntieri tal-UE fuq annimali u oġġetti minn pajjiżi mhux fl-UE li jeħtieġu aktar attenzjoni għal raġunijiet ta' saħħa. F’dan il-kuntest, tintroduċi Posti ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera (BCPs) imfassla biex jissostitwixxu l-Posti ta’ Spezzjoni fuq il-Fruntiera (BIPs – għall-annimali u prodotti derivati), Punti Deżinjati tad-Dħul (DPEs – għall-għalf u prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-pjanti) u Punti tad-Dħul (pjanti u prodotti tal-pjanti). Sett uniformi ta’ regoli se japplika għall-kontrolli mwettqa mal-BCPs u se jintuża Dokument ta’ Dħul tas-Saħħa Komuni (CHED) għal avviż minn qabel tal-wasla tal-kunsinni u biex jinżamm reġistru tal-kontrolli uffiċjali u deċiżjonijiet (li jissostitwixxi d-dokumenti standard li qed jintużaw bħalissa f’kull settur)[5] Filwaqt li l-kontrolli tad-dokumenti se jibqgħu sistematiċi għall-oġġetti rregolati kollha u għall-annimali, il-kriterji komuni se jiżguraw li l-kontrolli fiżiċi u tal-identità ma jaqbżux dak li hu meħtieġ fir-rigward tar-riskju maħluq minn kategoriji differenti ta’ prodotti.

Il-provvediment isir biex jiġu adottati aktar regoli għal setturi speċifiċi permezz ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

Aktar mekkaniżmi ta’ infurzar effettivi

Għadd ta’ tibdiliet se jiżguraw li s-sett ta’ għodod offrut mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 lil infurzaturi nazzjonali jsir aktar sempliċi biex jintuża u jkun aktar effettiv:

– għal kull settur kopert mill-pakkett, kull Stat Membru se jkun mitlub li jinnomina awtorità unika responsabbli mill-koordinazzjoni tal-preparazzjoni u li tiżgura l-koerenza ta’ pjan ta’ kontroll multiannwali u biex taġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-Kummissjoni u Stati Membri oħra fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali;

– se jiġi introdott trattament elettroniku u l-ipproċessar tas-CHED għall-annimali u l-oġġetti kollha soġġetti għall-kontrolli mal-fruntieri;

– filwaqt li r-rekwiżit għal-laboratorji uffiċjali kollha li għandhom jiġu akkreditati mal-istandard ISO 17025 huwa affermat mill-ġdid, il-miżuri tradizzjonali u d-derogi temporanji u permanenti huma stipulati bħala xierqa.

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb ukoll l-użu tar-regoli dwar l-“għajnuna amministrattiva”, jiġifieri l-mekkaniżmi li jippermettu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali rigward kwistjonijiet ta’ infurzar transfruntieri, meta l-ksur ta’ regoli tal-UE għandu jiġi segwit mhux biss fl-Istat Membru fejn ġie individwat il-ksur iżda wkoll fl-Istat Membru fejn ikun oriġina. Mekkaniżmu wiesa' ġdid tal-UE għall-iskambju rapidu ta' informazzjoni relatata ma ksur serju u mifrux ħafna se jippermetti lill-Istati Membri li jindirizzaw prattiċi qarrieqa b'mod aktar effettiv.

Il-finanzjament tal-kontrolli uffiċċjali

L-allokament ta' riżorsi xierqa għall-kontrolli uffiċjali huwa essenzjali għall-prevenzjoni ta' tfixkil serju għas-sistema tal-UE tal-kontrolli uffiċjali fil-katina agroalimentari u biex ikun garantit li l-kapaċità tagħha li tantiċipa u twieġeb għal emerġenzi tas-saħħa hija effettiva kemm jista' jkun possibbli.

Il-proposta tibni fuq is-sistema attwali ta’ miżati obbligatorji (bħalissa imposti fuq ċerti operaturi u/jew għal ċerti kontrolli). Il-proposta ssaħħaħ il-prinċipju li skont dan l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jimponu miżati fuq negozji sabiex jirkupraw l-ispejjeż li jġarrbu fit-twettiq tal-kompiti tal-kontroll uffiċjali tagħhom mal-katina agroalimentari u f'ċerti żoni relatati (e.ż. kontrolli veterinarji u fitosanitarji, kontrolli fuq materjal riproduttiv tal-pjanti).

Ġie propost titjib għas-sett attwali tar-regoli bil-ħsieb li jkun żgurat fluss konsistenti u stabbli ta' riżorsi għall-awtoritajiet kompetenti u biex jiġu eliminati n-nuqqasijiet tas-sistema eżistenti.

– se jiġu imposti miżati obbligatorji fuq in-negozji kollha rreġistrati tal-ikel u tal-għalf u l-operaturi fis-setturi tal-pjanti u tal-materjal riproduttiv tal-pjanti sabiex l-ispiża tal-kontrolli tinfirex mal-katina kollha;

– il-miżati se jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jirkupraw kompletament l-ispejjeż involuti, sabiex id-dħul tagħhom ikun anqas dipendenti fuq il-politiki baġitarji u jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ riżorsi minħabba l-allokament mill-ġdid ta’ fondi għal prijoritajiet konfliġġenti;

– aktar ugwaljanza u ġustizzja se tinkiseb billi l-metodi użati biex jiġu kkalkolati l-miżati u l-lista ta' spejjeż koperti jkunu trasparenti għal kollox, u billi l-Istati Membri jkunu mitluba jippremjaw konformità konsistenti mill-operaturi (e.ż. permezz ta’ rati ta’ miżati mnaqqsa);

– bħala regola, il-mikrointrapriżi se jkunu eżentati mill-ħlas tal-miżati.

4.5.        Ġestjoni tal-ispiża

L-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-ispiża huwa li takkumpanja t-tibdiliet proposti fl-oqsma tal-politika rilevanti u li tfittex li jkun hemm allineament mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE, filwaqt li tippermetti l-użu ta’ riservi fis-settur agrikolu skont ċerti ċirkostanzi, pereżempju bħala rispons għall-kriżijiet.

Rigward is-saħħa tal-pjanti, sabiex l-UE tkun imħarsa kontra l-introduzzjoni u l-firxa tal-pesti, se jiġu ffinanzjati programmi ta’ stħarriġ kif ukoll miżuri ta’ appoġġ fitosanitarji għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Istati Membri. Il-qafas il-ġdid se jippermetti wkoll il-finanzjament ta’ inizjattivi mfassla biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni sabiex jinżamm il-pass mal-iżvilupp teknoloġiku u xjentifiku u sabiex ikun żgurat infurzar effiċjenti u effettiv. Fil-każ ta' miżuri ta' emerġenza, il-kofinanzjament tal-Unjoni se jkun possibbli mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti għal kumpens lil dawk li jkabbru l-pjanti għall-valur mitluf ta' materjal tal-pjanti soġġett għal qerda.

5.           Konklużjoni

Il-pakkett leġiżlattiv propost huwa riżultat ta’ reviżjoni kbira tal-aktar komponenti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jmexxu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-ikel, is-sikurezza tal-katina alimentari u l-katina tal-għalf, u s-saħħa tal-pjanti u tal-annimali.

Ir-reviżjoni inkwistjoni involviet esperti mill-Istati Membri, u l-partijiet interessati kkonċernati kollha, sa mill-2004 fil-każ tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali u għal aktar minn tliet snin fl-oqsma l-oħra. Ir-reviżjoni twettqet biex tevalwa jekk il-medda vasta ta’ regoli li l-UE pproduċiet tul iż-żmien biex twettaq l-għanijiet tat-Trattat biex tiżgura livell għoli ta' saħħa għall-bnedmin, għall-annimali u l-pjanti matul il-proċessi varji mill-farm sa fuq il-platt humiex xierqa għall-użu. Il-metodi u t-tekniki ta' produzzjoni nbidlu, il-globalizzazzjoni u ż-żieda fl-iskambji qed ikollhom impatt fuq il-firxa ta' perikli u riskji, feġġew perikli u riskji ġodda, u l-aspettazzjonijiet u l-edukazzjoni tal-konsumaturi evolvew ma' dan kollu.

Ir-reviżjoni komprensiva wasslet għat-tibdiliet proposti għal-leġiżlazzjoni tas-saħħa tal-annimali, għal-leġiżlazzjoni li tikkontrolla s-saħħa tal-pjanti u l-materjal riproduttiv tal-pjanti u r-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mal-katina agroalimentari. Dawn it-tibdiliet għandhom l-għan li jwasslu għal qafas legali aktar effettiv u modern għal dawk il-kwistjonijiet, biex iżidu l-flessibbiltà u l-proporzjonalità tar-regoli stabbiliti f’ċerti każijiet aktar minn erbgħin sena ilu, u b’mod inġenerali, biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji.

[1]               http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/strategy/index_en.htm.

[2]               COM(2008) 545 final, http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/strategy/documents_en.htm.

[3]               FCEC (2008), Evalwazzjoni tal-acquis Komunitarju dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni taż-żerriegħa u tal-pjanti (S&PM). Rapport Finali.

[4]               SEC(2009) 1272 final.

[5]               Jiġifieri d-Dokument Veterinarju Komuni għad-Dħul (CVED) fil-qasam tal-kontrolli veterinarji, id-Dokument Komuni għad-Dħul (CED) għal kontrolli mhux veterinarji, u ċ-ċertifikat fitosanitarju li qed jintuża bħalissa fis-settur tas-saħħa tal-pjanti.

Top