Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR3535

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Riċerkaturi, studenti, volontarji u kategoriji oħra ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

    ĠU C 114, 15.4.2014, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/42


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Riċerkaturi, studenti, volontarji u kategoriji oħra ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

    2014/C 114/09

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Qafas ta’ referenza

    1.

    jiġbed l-attenzjoni li t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi t-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-politika tal-immigrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi bil-għan li jkun hemm ġestjoni effiċjenti tal-flussi ta' migrazzjoni, trattament ġust taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-Istati Membri, u l-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni. Għal dan il-għan, it-Trattat jiddikjara li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw miżuri b'mod partikolari rigward il-kundizzjonijiet tad-dħul, ta' residenza u tal-moviment liberu fit-territorju tagħha, l-istabbiliment ta' standards dwar il-ħruġ ta' viżi u ta' permessi ta' residenza fit-tul mill-Istati Membri, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. F'dak li jirrigwarda l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, it-Trattat jindika b'mod ċar li l-UE tista' tieħu miżuri ta' appoġġ għall-Istati Membri iżda dan m'għandux il-għan li jarmonizza d-dispożizzjonijiet legali u regolamentari tal-Istati Membri;

    2.

    jinnota li l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà fid-deċiżjoni dwar l-għadd ta' migranti ta' pajjiżi terzi li huma lesti li jilqgħu fit-territorju tagħhom biex jaħdmu. Jekk fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-integrazzjoni tal-migranti hija prinċipalment ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, madankollu huma l-awtoritajiet reġjonali u lokali li għandhom l-ewwel responsabbiltà li jimplimentaw il-politiki tal-integrazzjoni f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u s-suq tax-xogħol;

    3.

    ifakkar li l-programm ta' Stokkolma, li jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà għall-perjodu 2010-2014, jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv li l-flussi migratorji ġestiti tajjeb jistgħu jagħtu għall-bini ta' soċjetà ġusta u inklużiva, kif ukoll għal ekonomija kompetittiva, u jenfasizza kemm hija importanti l-integrazzjoni aktar effikaċi tal-immigranti legali fil-livell soċjali, ekonomiku u kulturali sabiex jiġu żgurati l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni kemm għall-migranti kif ukoll għas-soċjetajiet ospitanti;

    4.

    isemmi mill-ġdid li l-Aġenda Ewropea l-ġdida għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi tqis li l-immigrazzjoni tagħti kontribut pożittiv għall-iżvilupp tal-UE u li tipproponi miżuri biex titjieb l-integrazzjoni tal-migranti. Il-Kummissjoni Ewropea tħares lejn l-integrazzjoni bħala proċess evoluttiv li huwa r-responsabbiltà konġunta ta’ diversi livelli ta’ poter u jitlob sforzi kontinwi fid-dawl tal-iżviluppi li jiġu notati kif ukoll kooperazzjoni kostanti mill-partijiet interessati;

    5.

    iqis li fost l-isfidi li l-Ewropa għandha quddiemha llum hemm dik tat-tixjiħ demografiku li qed jinteraġixxi mal-kriżi ekonomika dinija reċenti b'mod li qed jinħoloq defiċit fir-riżorsi umani kkwalifikati u bħala effett immedjat qed jinħoloq ostaklu għad-dinamiżmu ekonomiku, is-saħħa kompetittiva, il-kreattività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tagħha. F'dan il-kuntest, l-aċċettazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu għal raġunijiet ta' riċerka, studju, taħriġ prattiku, volontarjat, biex jieħdu sehem fi programmi ta' skambju jew biex isibu impjieg bħala au pairs tikkontribwixxi biex timtela din il-ħtieġa ta' kapital uman;

    6.

    jiġbed l-attenzjoni li l-pajjiżi Ewropej qegħdin jiffaċċjaw nuqqas ta' ħaddiema f'għadd ta' setturi u għandhom postijiet battala li ma jistgħux jimtlew minn ħaddiema kkwalifikati biżżejjed li jgħixu fil-pajjiż jew li huma ċittadini tal-UE, partikolarment f'ċerti setturi partikolari bħas-saħħa, ix-xjenzi u t-teknoloġiji;

    7.

    jirrimarka għal darb'oħra li t-tisħiħ tal-kapital uman jifforma wieħed mill-għanijiet politiċi li huma mogħtija b'mod ċar lill-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-UE;

    8.

    jiġbed l-attenzjoni li d-Direttiva 2005/71/KE tipprevedi proċedura mħaffa għall-ammissjoni ta' riċerkaturi ġejjin minn pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw ftehim ta' akkoljenza ma' korp ta' riċerka rikonoxxut mill-Istat Membru. Dan il-ftehim jiċċertifika li ġie stabbilit proġett ta' riċerka f'forma xierqa u sħiħa u li r-riċerkatur interessat għandu l-kompetenzi xjentifiċi meħtieġa biex iwettqu, kif ukoll riżorsi finanzjarji suffiċjenti u assigurazzjoni tas-saħħa. Barra minn hekk ir-riċerkaturi għandhom il-possibbiltà li jibqgħu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor b'rabta mal-proġett tagħhom ta' riċerka u anke jgħallmu hemm, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali;

    9.

    jinnota li d-Direttiva 2004/114/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet vinkolanti għall-ammissjoni ta' studenti minn pajjiżi terzi. L-applikazzjoni tagħha għal studenti, volontarji u persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Sakemm huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti, dawn l-istudenti jistgħu jitolbu permess ta' residenza, igawdu minn ċerti drittijiet rigward l-impjieg tagħhom u huma awtorizzati li jiċċirkolaw fi Stat Membru ieħor barra dak li jkunu qed jistudjaw fih;

    10.

    jinnota li m'hemm l-ebda direttiva dwar l-ammissjoni ta' apprentisti mħallsin jew dwar persuni li jaħdmu bħala au pair u li l-Istati Membri kollha m'għandhomx oqfsa legali unifikati jew sempliċement simili biex jirregolaw ix-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tagħhom, huma ma adottawx il-Konvenzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li ser tidħol fis-seħħ f'Settembru 2013;

    11.

    jindika li din l-Opinjoni tal-KtR tkompli ma' għadd ta' opinjonijiet oħra adottati preċedentement u għandha l-għan li twassal il-fehmiet tal-KtR rigward il-mod li bih għandhom jiġu regolati l-ammissjoni u r-residenza, fit-territorju tal-UE, taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jiġu bi skop ta' riċerka, studju, skambju ta' studenti, taħriġ imħallas u mhux, volontarjat jew xogħol bħala au pair. Fost affarijiet oħra fiha proposti għal parteċipazzjoni aktar attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'din il-kwistjoni u għal applikazzjoni effikaċi tad-Direttiva;

    Il-prinċipji fundamentali

    12.

    isostni li l-politiki ta' akkoljenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu konformi mal-valuri fundamentali Ewropej, bħal ngħidu aħna r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tad-diversità, il-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u tat-tolleranza. Għandhom ikunu konformi wkoll mal-politiki fundamentali tal-UE fl-oqsma tal-koeżjoni, l-impjiegi, l-iżvilupp, ir-relazzjonijiet esterni, kif ukoll il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

    13.

    jemmen li l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament indaqs hija determinanti għall-kwalità tas-sistemi demokratiċi, li hija kisba fundamentali fil-kultura tal-Unjoni Ewropea u tifforma parti integrali minn din l-istess kultura;

    Metodu

    14.

    iqis li l-metodu tal-governanza f'diversi livelli huwa l-aktar wieħed adatt biex jinkisbu l-aħjar riżultati fil-qasam tad-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Dan l-approċċ għandu jkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    15.

    huwa konvint li kull inizjattiva li tittieħed fil-qasam tal-migrazzjoni trid tistrieħ fuq għanijiet strateġiċi u impenji komuni mal-pajjiżi terzi biex tagħti riżultati konkreti. L-isforzi li qed isiru biex l-UE ssir attraenti u aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jridu jidħlu fil-qafas ta' djalogu li l-UE trid tiftaħ ma' dawn il-pajjiżi u tistabbilixxi magħhom l-għanijiet tal-azzjoni esterna tagħha u tal-politika tagħha fir-rigward tal-migrazzoni fil-fruntieri esterni, kif ġew definiti fil-verżjoni riveduta tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM).

    Titjib tal-qasam leġislattiv u indirizzar tal-punti dgħajfa

    16.

    huwa tal-fehma li d-dgħufijiet li hemm fil-qafas legali attwali għandhom jiġu rimedjati, biex titħeġġeġ il-mobbiltà tar-riċerkaturi u tal-istudenti tal-pajjiżi terzi billi jiġu mħajra jiċċaqalqu lejn l-UE. Iż-żieda fil-flussi migratorji b'potenzjal ta' ħaddiema bi kwalifiki għoljin ħafna minn pajjiżi terzi tikkontribwixxi biex il-ħtiġijiet tal-Unjoni jiġu sodisfatti;

    17.

    jappoġġja l-Proposta għal Direttiva COM(2013) 151 li għandha l-għan li ttejjeb il-qafas legali li japplika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jidħlu fl-UE u jibqgħu b'mod temporanju għal iktar minn tliet xhur biex jagħmlu riċerka jew jistudjaw, biex jiksbu esperjenza u/jew jieħdu sehem f'attivitajiet differenti bil-għan li jtejbu l-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom, pereżempju bħala riċerkaturi, studenti, volontarji, apprentisti bi ħlas jew mhux jew bħala au pairs;

    18.

    jappoġġja lill-UE fl-isforzi li qed twettaq biex tibqa' ċentru li jattira lill-istudenti u r-riċerkaturi. Hija għandha potenzjal apprezzabbli fil-qasam tal-kompetenzi u tal-infrastrutturi indispensabbli għall-iżvilupp ta' ċentri internazzjonali ta' eċċellenza f'diversi setturi tar-riċerka u oqsma ta' għarfien. Madankollu, jekk trid tibqa' kompetittiva fil-livell internazzjonali, l-Istati Membri tagħha jridu jiżviluppaw il-kooperazzjoni ekonomika u xjentifika tagħhom u, b'mod parallel, jadottaw programmi u għanijiet komuni. Barra minn hekk, peress li reġjuni oħra fid-dinja qed isiru dejjem aktar attraenti għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-ħaddiema migranti bi kwalifiki għoljin, l-UE trid titratta b'mod effikaċi l-punti dgħajfa biex fl-Ewropa jiġu attirati l-gruppi kkonċernati;

    19.

    jikkunsidra li direttiva hija strument leġislattiv adegwat biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet tar-regoli attwali, kif ukoll biex jiġi garantit qafas ġuridiku koerenti. Hija tippermetti li jiġu stabbiliti regoli komuni vinkolanti dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissioni, il-proċeduri u l-awtorizzazzjoni filwaqt li tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha;

    20.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma tagħmilx referenza diretta għall-adozzjoni ta' mudell "minn isfel għal fuq" u li l-valutazzjoni tal-impatt li saret ma tqisx il-limitazzjonijiet speċifiċi li l-politika ta' ammissjoni u ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għandha fuq il-livell lokali u reġjonali;

    21.

    jilqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment ta' qafas komuni għall-kategoriji kollha ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu eżaminati. Mekkaniżmu effikaċi li jiġbed migranti b'talent irid ikun bilfors ibbażat fuq kundizzjonijiet u rekwiżiti ta' ammissjoni komuni u semplifikati;

    22.

    jagħraf il-ħtieġa li jinħoloq qafas leġislattiv trasparenti u koordonat dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni u ta' residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jekk irridu li l-Unjoni ssir aktar attraenti u tkun toffri aċċess aktar faċli għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi. Il-liġijiet tal-UE għandhom ikopru dawn il-kundizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza, il-viżi u l-permessi ta' residenza fit-tul, id-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jibqgħu b'mod legali f'pajjiż tal-UE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-mobbiltà tagħhom fi ħdanha;

    23.

    jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif jinnota li l-mekkaniżmi komuni tad-Direttiva ser jiġu applikati għall-apprentisti bi ħlas u għall-au pairs u jaħseb li l-għoti ta' statut ġuridiku lil dawn iż-żewġ kategoriji joffri assigurazzjoni indispensabbli biex jiġi garantit trattament ġust taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiffurmaw parti minn dawn il-kategoriji;

    24.

    jappoġġja l-istabbiliment ta' garanizi ta' proċedura rigward l-għoti jew ir-rifjut ta' permess ta' residenza (Artikolu 29);

    25.

    huwa favur l-adozzjoni ta' miżuri li jsaħħu l-mobbiltà fi ħdan l-UE għall-kategoriji kollha kkonċernati, filwaqt li ġew stabbiliti regoli aktar favorevoli għal dawk li jibbenefikaw mill-programmi Ewropej ta' mobbiltà bħal Erasmus Mundus u Marie Curie (Artikolu 29);

    26.

    jindika l-qbil tiegħu mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri li jirregolaw l-għoti ta' permess ta' residenza u jqis pożittiv l-obbligu fuq l-Istati Membri li jagħtu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni u ta' residenza (Artikolu 30);

    27.

    iżomm mal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità biex jiġu stabbiliti l-miżati li jridu jitħallsu biex it-talba tiġi proċessata (Artikolu 31);

    28.

    huwa sodisfatt jinnota li ġie rikonoxxut id-dritt li l-kategoriji kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali bħaċ-ċittadini tal-pajjiż li qed jospitahom f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-beni u għas-servizzi, għalkemm saret eċċezzjoni għall-proċeduri biex tinkiseb akkomodazzjoni (Artikolu 21(2));

    29.

    jappoġġja l-mekkaniżmi li jagħtu lill-istudenti d-dritt li jaħdmu tal-anqas 20 siegħa fil-ġimgħa fil-pajjiż li jilqagħhom, u li jiftħu l-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-membri tal-familji tagħhom, peress li ladarba l-istudji tagħhom ikunu ġew stabbiliti sew, il-familji jkunu awtorizzati jibqgħu fil-pajjiż ikkonċernt għal perjodu massimu ta' tnax-il xahar biex ifittxu xogħol;

    30.

    japprova l-mekkaniżmi fl-Artikoli 32 u 33 li jipprevedu l-ġbir ta' data statistika meħtieġa biex jiġi deċiż l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ser jirċievu awtorizzazzjoni ta' ammissjoni fil-qafas tad-direttiva l-ġdida;

    31.

    jikkunsidra importanti l-fatt li r-riċerkaturi mhumiex suġġetti għar-restrizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali previsti mid-Direttiva 2011/98/KE dwar il-permess uniku;

    Proposti biex jinkisbu l-għanijiet

    32.

    iqis li huwa meħtieġ approċċ integrat biex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva, li l-għan aħħari tagħha huwa l-iżvilupp ta' ekonomija Ewropea kompetittiva f'ambjent internazzjonali. Huwa importani li l-isforzi li jsiru biex jiġi attirat dan il-potenzjal uman minn pajjiżi terzi ma jkunux limitati biss għall-kundizzjonijiet ta' ammissjoni u ta' residenza taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi, iżda jkunu jikkonsistu wkoll fl-appoġġ ta' miżuri indispensabbli biex huma jintegraw fis-soċjetà lokali, li jistgħu jikkonċernaw firxa wiesgħa ta' politiki, bħall-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa pubblika jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, biex insemmu biss ftit eżempji;

    33.

    jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jipprovdu qafas legali adatt sabiex jiġi garantit it-trattament indaqs tal-apprendisti mħallsa u l-assistenti domestiċi (au pairs), u jħeġġiġhom biex jadottaw il-"Konvenzjoni dwar Ħaddiema Domestiċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol";

    34.

    huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-governanza f'diversi livelli tifforma kundizzjoni essenzjali għar-regolamentazzjoni b'suċċess tar-regoli ta' dħul u ta' residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jenfasizza li biex il-politika li għandha l-għan li tiġbed il-migranti b'talent titwettaq b'mod effikaċi, hemm bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jieħdu sehem attiv fil-promozzjoni tal-mobbiltà tal-gruppi ta' persuni koperti mill-proposta għal Direttiva. Id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dħul u ta' residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UE u, għaldaqstant, tal-akkoljenza u l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan l-Istati Membri huwa qasam ta' azzjoni u ta' interess b'implikazzjonijiet kbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet reġjonali jaqdu rwol deċiżiv sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom aċċess għall-informazzjoni u għas-servizzi relatati mal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u servizzi oħra pubbliċi;

    35.

    huwa konvint li approċċ Ewropew koerenti jrid jiġi akkumpanjat minn analiżi rilevanti tal-ispejjeż, biex jinżamm kont tal-ispiża finanzjarja u tal-piż amministrattiv li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tista' toħloq għall-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa jfakkar li jifformaw il-ħolqa li toffri lill-migranti l-possibbiltà li jistabbilixxu relazzjoni b'saħħitha u kostruttiva mas-soċjetà li tilqagħhom. Dan il-kompitu jista' jinvolvi spejjeż addizzjonali għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet, li f'kuntest ta' ekonomiji f'reċessjoni u awsterità baġitarja severa, ta’ spiss jintalbu jiffaċċjaw l-isfidi tal-integrazzjoni, li huma partikolarment diffiċli iżda anke iktar neċessarji fi żminijiet bħal dawn.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Premessa 6

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Din id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tinkoraġġixxi l-kuntatti bejn il-persuni kif ukoll il-mobilità, bħala elementi importanti tal-politika esterna tal-Unjoni, b’mod speċjali fejn jidħlu l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jew l-imsieħba strateġiċi tal-Unjoni. Għandha tippermetti kontribut aħjar fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità u s-Sħubijiet għall-Mobilità tiegħu, li joffru qafas konkreti għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inklużi l-iffaċilitar u l-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali.

    Din id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tinkoraġġixxi l-kuntatti bejn il-persuni kif ukoll il-mobilità, bħala elementi importanti tal-politika esterna tal-Unjoni, b’mod speċjali fejn jidħlu l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jew l-imsieħba strateġiċi tal-Unjoni. Għandha tippermetti kontribut aħjar fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità u s-Sħubijiet għall-Mobilità tiegħu, li joffru qafas konkreti għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inklużi . Din il-kooperazzjoni, li fiha jipparteċipaw ukoll l-awtoritajiet lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili, tifforma element essenzjali tal-iżvilupp u tikkontribwixxi għall-iffaċilitar u l-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali.

    Raġuni

    Ara punt 34 tal-opinjoni.

    Emenda 2

    Premessa 32

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-programmi tal-Unjoni li jinkludu miżuri ta’ mobilità għandhom jikkumplementaw aktar lil xulxin. Riċerkaturi u studenti biċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz koperti minn programmi tal-Unjoni bħal dawn għandhom ikunu intitolati jiċċaqalqu lejn l-Istati Membri previsti abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-ewwel Stat Membru, sakemm il-lista sħiħa ta’ dawn l-Istati Membri tkun magħrufa minn qabel ma jidħlu fl-Unjoni. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tippermettilhom ikunu mobbli mingħajr il-ħtieġa li jipprovdu xi informazzjoni addizzjonali, jew li jwettqu xi proċedura ta’ applikazzjoni oħra. L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw il-mobilità fl-Unjoni ta’ voluntiera biċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz, fejn il-programmi ta’ volontarjat ikopru aktar minn Stat Membru wieħed.

    Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-programmi tal-Unjoni li jinkludu miżuri ta’ mobilità għandhom jikkumplementaw aktar lil xulxin. Riċerkaturi u studenti biċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz koperti minn programmi tal-Unjoni bħal dawn għandhom ikunu intitolati jiċċaqalqu lejn l-Istati Membri previsti abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-ewwel Stat Membru, sakemm il-lista sħiħa ta’ dawn l-Istati Membri tkun magħrufa minn qabel ma jidħlu fl-Unjoni. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tippermettilhom ikunu mobbli mingħajr il-ħtieġa li jipprovdu xi informazzjoni addizzjonali, jew li jwettqu xi proċedura ta’ applikazzjoni oħra. L-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom fil-livelli kollha huma mħeġġa jiffaċilitaw il-mobilità fl-Unjoni ta’ voluntiera biċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz, fejn il-programmi ta’ volontarjat ikopru aktar minn Stat Membru wieħed.

    Raġuni

    Ara punt 34 tal-opinjoni.

    Emenda 3

    Premessa 35

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw il-volum ta’ ammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ xogħol.

    Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw il-volum ta’ ammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ xogħol fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq tal-impjiegi fil-livell lokali u dak reġjonali.

    Raġuni

    Ara punt 34 tal-opinjoni.

    Emenda 4

    Artikolu 14

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Kundizzjonijiet speċifiċi għall-au-pairs

    Ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess sabiex jaħdem bħala au-pair għandu, minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6:

    (a)

    jkollu mill-inqas 17-il sena iżda mhux aktar minn 30 jew, ħlief f’xi każijiet iġġustifikati individwalment, aktar minn 30 sena;

    (b)

    jagħti prova li l-familja ospitanti hija responsabbli għalih tul il-perjodu li jkun fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari rigward is-sussistenza, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-maternità jew ir-riskji għall-inċidenti;

    (c)

    jippreżenta ftehim bejn l-au-pair u l-familja ospitanti li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tiegħu, inklużi speċifikazzjonijiet bħas-somom żgħar ta’ flus li għandhom jingħataw u l-arranġamenti adegwati li jippermettulu jattendi korsijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni fid-dmirijiet ta' kuljum tal-familja.

    Kundizzjonijiet speċifiċi għall-au-pairs

    Ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess sabiex jaħdem bħala au-pair għandu, minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6:

    (a)

    jkollu mill-inqas 17-il sena iżda mhux aktar minn 30 jew, ħlief f’xi każijiet iġġustifikati individwalment, aktar minn 30 sena;

    (b)

    jagħti prova li l-familja ospitanti hija responsabbli għalih tul il-perjodu li jkun fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari rigward is-sussistenza, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-maternità jew ir-riskji għall-inċidenti;

    (c)

    jippreżenta ftehim bejn l-au-pair u l-familja ospitanti li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tiegħu, inklużi speċifikazzjonijiet bħas-somom żgħar ta’ flus li għandhom jingħataw u l-arranġamenti adegwati li jippermettulu jattendi korsijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni fid-dmirijiet ta' kuljum tal-familja;

    (d)

    dan il-ftehim bejn il-persuna li taħdem bħala au pair u l-familja li tilqagħha jipprevedi tal-anqas ġurnata sħiħa fil-ġimgħa li tkun libera;

    Raġuni

    Il-modifika li qed tiġi suġġerita għandha l-għan li tiggarantixxi li l-ħaddiema au pair igawdu minn trattament ugwali meta mqabbel mal-mod li bih jiġu trattati ħaddiema oħra f'dak li jirrigwarda il-perjodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa, l-għan huwa li jiġi assigurat li jkollhom tal-anqas ġurnata sħiħa fil-ġimgħa biex jistrieħu.

    Brussell, 28 ta' Novembru 2013

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top