Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR0593

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Is-seba’ Programm ta' Azzjoni Ambjentali”

    ĠU C 218, 30.7.2013, p. 53–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 218/53


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Is-seba’ Programm ta' Azzjoni Ambjentali”

    2013/C 218/08

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jenfasizza li dan il-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali ġdid irid jiżgura li l-għażliet ambjentali tal-UE jkunu ċari u prevedibbli b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali;

    jenfasizza li huwa neċessarju li jingħelbu ċerti nuqqasijiet, jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri u tingħata spinta lejn konformità sħiħa mal-leġislazzjoni ambjentali, fil-livelli kollha ta’ gvern, bil-għan li jittejbu l-ambjent u s-saħħa pubblika, jiġu żgurati kondizzjonijiet indaqs u ċertezza legali u jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq; jirrakkomanda fl-Opinjoni bosta azzjonijiet konkreti li għandhom jiġu inklużi fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni f’dan ir-rigward;

    jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjonijiet tal-impatt tajbin meta tkunu qed tiġi riveduta jew żviluppata leġislazzjoni ambjentali ġdida tal-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis l-esperjenza prattika tal-Istati Membri b'mod dimostrabbli u verifikabbli;

    jappella biex il-politiki leġislattivi ambjentali settorjali tal-UE (valuri ta’ limitu tal-UE) jiġu allinjati mal-politika tal-UE dwar l-emissjonijiet (miżuri tal-UE fis-sors), billi jiġi adottat approċċ olistiku li jippermetti koordinazzjoni bejn dawn il-miżuri, il-livell tal-ambizzjonijiet u l-kalendarji tagħhom;

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ “objettiv prijoritarju” dwar is-sostenibbiltà tal-bliet fost l-objettivi tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, u jappella biex il-kriterji minimi ta’ sostenibbiltà jiġu rispettati minn maġġoranza ta’ bliet fl-UE; l-indikaturi għandhom jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u mal-awtoritajiet responsabbli għall-ambjent u l-istatistika;

    jappella biex il-programm ikun iżjed ambizzjuż fil-livell lokali, u biex inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki jiġu estiżi għal oqsma oħra tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, u jappella wkoll biex jiġi żviluppat iżjed il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa;

    Relatur

    Is-Sur Macário CORREIA (PT/PPE), Sindku ta’ Faro

    Dokument ta’ referenza

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”

    COM(2012) 710 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    A.    Sfond

    1.

    ifakkar li s-sitt programmi ta’ azzjoni ambjentali fis-seħħ sal-lum il-ġurnata kienu importanti biex jenfasizzaw l-importanza dejjem tikber tal-politika ambjentali Ewropea u biex jipprovaw jiżguraw il-koerenza tagħha bħala parti integrali tal-integrazzjoni Ewropea, iżda ma rnexxilhomx isolvu ħafna mill-problemi ambjentali tal-Ewropa minħabba nuqqas ta’ rieda politika biex jiġu implimentati l-miżuri;

    2.

    is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, sottotitolat “L-ambjent 2010: il-ġejjieni tagħna, l-għażla tagħna”, li skada fit-22 ta’ Lulju 2012, tfassal fl-2001 bħala d-dimensjoni ambjentali tal-politika tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE, bl-Istrateġija ta’ Lisbona bħala l-pilastru ekonomiku tiegħu;

    3.

    iddefinixxa l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għall-2012, fejn enfasizza erba’ oqsma għal azzjoni: it-tibdil fil-klima, in-natura u l-bijodiversità, l-ambjent u s-saħħa, u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iskart. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea ppermettiet li tintesa l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli;

    4.

    l-Istrateġija Ewropa 2020 issa qed titqies bħala l-għodda strateġika l-ġdida għall-politika u l-politika ambjentali għandha tkun ikkoordinata fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija tal-istrateġija bl-isem ta’ “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi”, billi din ma titqisx bħala element li jagħmel parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, iżda bħala mira strateġika ġenerali awtonoma madwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni Ewropea sal-2050;

    5.

    jenfasizza li s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu jiġi adottat mill-iktar fis sabiex jiżgura l-koerenza tal-politika ambjentali tal-UE u jiggwida l-iżvilupp futur f’dan il-qasam ewlieni ta’ politika; jenfasizza li dan il-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali ġdid irid jiżgura li l-għażliet ambjentali tal-UE jkunu ċari u prevedibbli b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali (1);

    6.

    hija prijorità wkoll l-integrazzjoni tar-riżultat sostantiv tal-UNCSD 2012 f’azzjoni fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew, internazzjonali u globali;

    B.    Approċċ sistematiku

    Fid-dawl tal-fatt li:

    7.

    filwaqt li sar progress pożittiv sal-lum il-ġurnata, b’mod partikolari tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet dannużi fl-arja u fl-ilma, aktar ġestjoni u ġestjoni aħjar tal-iskart, u tnaqqis fil-prodotti kimiċi perikolużi, għad hemm objettivi fir-rigward tal-arja, l-ambjent urban, il-bijodiversità, it-tħaddim tal-ekosistema u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali li għadhom ma ntlaħqux;

    8.

    minkejja l-konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tul l-aħħar għaxar snin, l-Istati Membri u l-Kummissjoni mhux dejjem aġixxew skont il-programm, u huwa neċessarju li jingħelbu ċerti nuqqasijiet, jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri u tingħata spinta lejn konformità sħiħa mal-leġislazzjoni ambjentali, fil-livelli kollha ta’ gvern, f’oqsma bħall-kontroll tat-tniġġis atmosferiku, it-trattament tal-ilma, l-ilma skartat, il-konservazzjoni tal-iskart u tan-natura, bil-għan li jittejbu l-ambjent u s-saħħa pubblika, jiġu żgurati kondizzjonijiet indaqs u ċertezza legali u jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq;

    9.

    fi tmiem is-6 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, diversi oqsma ta’ politika ambjentali għadhom ma ġewx indirizzati biżżejjed, b’mod partikolari:

    il-protezzjoni tal-ħamrija, is-suġġett ta’ diversi programmi ambjentali, iżda li għaliha ma ttieħdet l-ebda inizjattiva reali fil-livell tal-UE;

    dwar il-kwistjoni tal-bijodiversità, li tinkludi 160 miżura, fejn il-programm ma kienx kapaċi jilħaq l-objettiv, u nħolqot strateġija ġdida għall-bijodiversità fl-2011 li issa qed tfittex biex tilħaq l-objettiv oriġinali;

    Huma meħtieġa dawn il-passi li ġejjin:

    10.

    li fil-programm il-ġdid jiġi mistqarr, b’mod ċar u mhux ambivalenti, x’inhuma l-isfidi ambjentali li qed tiffaċċja l-UE, inkluż it-tibdil fil-klima li qed jiżdied fir-rata tiegħu, it-tgħawwir tal-ekosistema tagħna, l-użu żejjed tal-kapaċitajiet taċ-ċiklu tan-nitroġenu u l-użu eċċessiv li dejjem qed jiżdied tar-riżorsi naturali;

    11.

    li tiġi riflessa d-Dikjarazzjoni ta’ Rio+20 kif adottata mill-UNCSD fit-22 ta’ Ġunju 2012 u l-enfasi tagħha fuq ekonomija ekoloġika inklużiva u l-Objettivi tal-Iżvilupp Sostenibbli għal wara l-2015, kif ukoll il-kontribut tal-KtR għas-Summit ta’ Rio (2);

    12.

    li jiġu stabbiliti miri konkreti. Il-KtR jilqa’ l-livell ta’ ambizzjoni tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, imma jistaqsi jekk dawn l-ambizzjonijiet humiex realistiċi u kif ser jinkisbu. Hemm referenzi għal dokumenti ta’ politika u pjani direzzjonali eżistenti, iżda f’dawn id-dokumenti ħafna drabi hemm nuqqas ta’ punti prattiċi dwar l-implimentazzjoni bħat-tul ta’ żmien u l-għanijiet intermedji. Il-KtR huwa tal-fehma li ambizzjonijiet ġodda għandhom ikunu fattibbli. It-twaqqif ta’ ambizzjonijiet li ma jkunux realistiċi huwa ta’ ħsara għall-kredibbiltà tal-politika ambjentali tal-UE. Għalhekk fit-tfassil ta’ għanijiet ambjentali ġodda tal-UE għandu jkun ċar li dawn l-għanijiet huma fattibbli u fejn hemm bżonn tiġi prevista politika parallela tal-UE bbażata fuq is-sors fis-setturi rilevanti. Il-proposti għandu jkollhom tul ta’ żmien ċar (b’għan aħħari, għanijiet intermedji u valutazzjonijiet intermedji) li jkun abbinat mal-miżuri adatti. Il-KtR jitlob għalhekk li jiġu previsti għanijiet speċifiċi, u fejn huwa possibbli kwantifikabbli, għall-2020, kif ukoll it-twaqqif ta’ viżjoni ċara u ambizzjuża u miri intermedjarji għall-ambjent sal-2050 immirata lejn il-provvediment ta’ kwalità għolja tal-ħajja u tal-benesseri għal kulħadd fil-limiti ambjentali sikuri;

    13.

    huwa importanti li l-esperjenza tal-Istati Membri tiġi kkunsidrata fir-reviżjoni u l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni ġdida tal-UE jew meta tkun qed tiġi riveduta. Għalhekk jeħtieġ li l-istadji fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE jkunu koordinati aħjar ma’ xulxin. L-iżvilupp ta’ leġislazzjoni tal-UE jgħaddi minn ħames stadji: it-tħejjija, id-deċiżjoni, it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali, l-applikazzjoni mill-qrati (nazzjonali) u l-feedback dwar l-esperjenzi fl-Istati Membri. Ir-rabta bejn l-ewwel stadju u l-istadji sussegwenti timxi tajjeb, imma mhuwiex ċar kif l-esperjenzi tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (il-ħames stadju) jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-liġijiet ġodda tal-UE (l-ewwel stadju). Il-KtR jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex dawn l-esperjenzi jitqiesu b’mod dimostrabbli u verifikabbli meta jkunu qed jitħejjew proposti ġodda;

    14.

    li l-Kummissjoni Ewropea l-ewwel teżamina l-leġislazzjoni eżistenti u mbagħad, fuq din il-bażi, twettaq valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni għandha tqis id-data mill-valutazzjonijiet tal-impatt b’mod dimostrabbli u verifikabbli hi u tirrevedi l-leġislazzjoni eżistenti jew hi u tfassal proposti ġodda. Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa ta’ valutazzjonijiet tal-impatt tajbin peress li jagħmluha ċara minn kmieni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li:

    l-esperjenza prattika tal-Istati Membri qed tiġi kkunsidrata;

    qed isir użu aħjar mill-għarfien xjentifiku u teknoloġiku;

    il-fattibbiltà tal-għanijiet tkun żgurata;

    qed jiġu previsti l-politika bbażata fuq is-sors meħtieġa u l-integrazzjoni tal-politika;

    l-informazzjoni u l-interessi tad-diversi setturi ta’ politika u d-diversi livelli ta’ gvern ġew integrati b’mod adatt;

    tqies l-impatt ġeografiku tal-għanijiet fil-livell reġjonali u lokali;

    15.

    li l-Kummissjoni Ewropea tibdel il-mod kif tippubblika l-proposti tagħha. Matul l-implimentazzjoni tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, il-valutazzjonijiet tal-impatt, l-istrateġiji tematiċi u l-proposti leġislattivi ġew pubblikati fl-istess ħin. Sabiex jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, il-KtR jipproponi li jiġu adottati l-proċedura u t-tul ta’ żmien li ġejjin:

    l-ewwel nett għandha tiġi preżentata l-valutazzjoni ta’ impatt;

    imbagħad għandhom jiġu stabbiliti l-oqfsa ġenerali ta’ politika;

    il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tressaq il-proposti leġislattivi biss ladarba l-politika tkun ġiet stabbilita;

    16.

    li jiġi żgurat li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkompli tkopri ċerti setturi prijoritarji li s’issa huma koperti mill-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, bħall-ġustizzja fid-distribuzzjoni u l-ġustizzja interġenerazzjonali;

    17.

    li jiġi żgurat li l-għanijiet tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali huma riflessi b’mod adegwat fil–Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal wara l-2013 u l-Istrateġija Ewropa 2020, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet ewlenin b’impatt ambjentali qawwi f’oqsma oħra jistgħu jittieħdu qabel l-adozzjoni tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali. Il-finanzjament tal-objettivi ambjentali, f’sinerġija mal-LIFE, u l-integrazzjoni sħiħa tal-protezzjoni ambjentali, iridu jkunu parti sinifikanti tal-QFP li jmiss, ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Orizzont 2020;

    18.

    li jiġi pprovdut qafas adatt għall-garanzija ta’ finanzjar suffiċjenti, b’mod partikolari għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ strumenti tas-suq u pagamenti għal servizzi tal-ekosistema;

    li jiġi garantit, b’mod ċar u adatt, l-appoġġ għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-impenn għat-titjib tar-riżultati b’rabta mal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, il-politika dwar il-kimiki u b’mod partikolari l-objettivi stipulati fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, il-Pjan Direzzjonali għal ekonomija b’użu baxx ta’ karbonju u l-istrateġija għall-bijodiversità sal-2020, permezz tal-introduzzjoni ta’ miri u indikaturi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri.

    C.    Il-prijoritajiet tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

    19.

    jenfasizza li l-prijoritajiet tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandhom ikunu imsejsa fuq tliet assi fundamentali:

    1.

    is-salvagwardja u l-irkupru tal-kapital naturali tal-Ewropa;

    2.

    l-iżgurar ta’ effiċjenza għolja tar-riżorsi u emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

    3.

    is-salvagwardja tas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE billi jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni ambjentali.

    Għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon id-disa’ objettivi mressqa fil-proposta tal-Kummissjoni.

    Fir-rigward tas-salvagwardja tal-kapital naturali tal-Ewropa, għandu jkun hemm implimentazzjoni aħjar tal-miżuri u l-azzjonijiet relatati mal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-foresti, l-eliminazzjoni tal-emissjonijiet minn ilma skartat urban u industrijali, l-użu tal-fertilizzant u l-emissjonijiet fl-arja responsabbli għall-ewtrofikazzjoni. b’mod simili, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ.

    20.

    fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, iridu jitwettqu spezzjonijiet u sorveljanza ambjentali iktar effettivi. Ir-RMCEI – ir-Rakkomandazzjoni għal Kriterji Minimi ta’ Spezzjonijiet Ambjentali fl-Istati Membri 2001/331/KE – għaldaqstant hija kruċjali għall-Istati Membri kollha, sabiex tingħata gwida għall-ispetturi f’kull Stat Membru fil-ħidma ta’ spezzjoni ambjentali tagħhom b’mod strutturat u konsistenti.

    21.

    sabiex jissaħħaħ il-qafas legali li diġà jeżisti u b’hekk l-UE tkun tista’ tiggarantixxi li l-ispezzjonijiet ambjentali u s-sistemi ta’ sorveljanza fil-livell lokali u reġjonali jkunu għal-kollox konsistenti, koerenti u effettivi, bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-liġi ambjentali tal-UE u kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji fis-suq intern.

    22.

    sabiex jiġu appoġġjati mekkaniżmi tat-trattament tal-ilmenti u mekkaniżmi ta’ medjazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

    23.

    sabiex jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali u b’hekk tinxtered informazzjoni dwar l-applikazzjoni effettiva tal-liġi ambjentali tal-UE.

    24.

    sabiex jiġu konklużi ftehimiet ta’ sħubija tripartitiċi bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u b’hekk tittejjeb l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni ambjentali speċifika u jiġu solvuti problemi speċifiċi jew transkonfinali fir-rigward tal-ġestjoni ta’ problemi ambjentali.

    25.

    sabiex tittejjeb il-bażi ta’ evidenza xjentifika għall-politika ambjentali – b’mod partikolari fil-qasam tal-fehim dwar kif taħdem ekosistema (flussi ta’ enerġija, ilma u materjali u l-funzjonament sostenibbli relatat tal-ħamrija, l-ilma u l-klima lokali) – inkluża l-aċċessibilità tagħha, billi jiġu semplifikati, armonizzati u modernizzati l-ġbir, il-ġestjoni u l-iskambju tad-data u l-informazzjoni ambjentali, u biex jiġu żviluppati strumenti li jantiċipaw, jevalwaw u jiġġestixxu r-riskju ambjentali emerġenti u jimtlew il-lakuni eżistenti fl-għarfien mill-iktar fis-possibbli. Fl-istess ħin, għandu jkun hemm appoġġ speċjali f’dan il-qasam għar-riċerkaturi (permezz ta’ boroż ta’ studju), u fejn ikun possibbli, għandhom jiġu involuti bħala esperti biex isolvu problemi ambjentali fil-livell lokali u reġjonali. B’hekk, jiġi evitat li jiżdied il-piż burokratiku minħabba rekwiżiti ta’ spezzjoni u sorveljanza addizzjonali; l-għan għandu jkun minflok li jiġu stabbiliti prijoritajiet immirati u jiġu sfruttati sinerġiji ma’ rekwiżiti attwali ta’ sorveljanza.

    26.

    fir-rigward tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-isfida tinkludi l-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija sal-2020, kif ukoll il-leġislazzjoni tal-UE dwar l-iskart, u b’hekk jiġi żgurat li jkunu trasposti u implimentati b’mod adatt fl-Istati Membri kollha, bit-twaqqif ta’ timijiet għat-traspożizzjoni tal-liġi ambjentali fil-livell lokali u reġjonali.

    27.

    b’mod parallel, għandhom jitneħħew l-ostakli tas-suq intern għal attivitajiet tar-riċiklaġġ u għandu jitnaqqas l-impatt ambjentali globali tal-produzzjoni u l-konsum, filwaqt li jiġu promossi prodotti b’impatt ambjentali baxx u jiġu pprovduti informazzjoni u linji gwida preċiżi u bbażati fuq ix-xjenza għall-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti.

    28.

    barra minn hekk, f’termini ta’ kumpaniji, ir-responsabbiltà tagħhom li qed tiżdied b’rabta ma’ problemi ambjentali, il-verifiki ambjentali volontarji, it-tikketti ekoloġiċi li jagħtu prova tar-rispett għall-ambjent ta’ prodotti u l-espansjoni tan-negozju ekoloġiku jistgħu fihom innifishom jgħinu biex tinħoloq il-kwalità ambjentali li trid titrawwem;

    29.

    teknoloġiji iżjed ekoloġiċi u effiċjenti, produttività mtejba u opportunitajiet ta’ impjieg ġodda se jappoġġjaw it-tkabbir u l-impjiegi.

    30.

    qafas ta’ politika koerenti u iżjed integrat fil-livell lokali u reġjonali bħala appoġġ għall-effiċjenza fir-riżorsi u prodotti iżjed ekoloġiċi se jgħin lill-SMEs li qed jistinkaw biex isiru iżjed effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u jiġi faċilitat l-aċċess tagħhom għal swieq ġodda.

    31.

    f’termini ta’ finanzjament, huwa importanti li jiġi żgurat li l-objettivi ambjentali u tal-klima huma appoġġjati minn fondi adegwati u li jkunu riflessi f’kuntratti ta’ sħubija, u li jiġi żgurat li tal-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-2014-2020 jiġi allokat għal dak il-għan. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi żgurat il-finanzjament, speċjalment tal-aktar azzjonijiet ambjentali għaljin u li għandhom jiġu implimentati sal-2020 – pereżempju t-titjib mixtieq tal-ekosistemi degradati permezz ta’ infrastrutturi ekoloġiċi interkonnessi – li l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità tikkunsidra bħala pilastru essenzjali tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.

    32.

    b’mod parallel, għandhom isiru sforzi biex tiżdied l-allokazzjoni ta’ fondi tal-UE għal azzjoni ambjentali b’mill-inqas 25 %, permezz ta’ sistema għar-rapportar u l-ittraċċar tan-nefqa relatata mal-ambjent, b’tali mod li jiġi garantit, fost affarijiet oħra, il-finanzjament f’waqtu tal-aktar azzjonijiet ambjentali għaljin u li għandhom jiġu implimentati sal-2020 sabiex jittejbu l-ekosistemi degradati.

    33.

    sabiex jitneħħew b’mod progressiv is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u jintużaw dejjem iktar strumenti bbażati fis-suq, inklużi t-tassazzjoni u pieni għal dawk li jagħmlu ħsara ambjentali.

    34.

    sabiex jiġi promoss u jiżdied il-finanzjament tas-settur privat għall-infiq relatat mal-ambjent u mal-klima, b’mod partikolari billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal strumenti finanzjarji innovattivi.

    35.

    il-KtR jappella biex jiġu allinjati l-politiki leġislattivi ambjentali settorjali tal-UE (valuri ta’ limitu tal-UE) u l-politika tal-UE dwar l-emissjonijiet (miżuri tal-UE fis-sors), billi jiġi adottat approċċ olistiku li jippermetti koordinazzjoni bejn dawn il-miżuri u l-ambizzjonijiet u l-kalendarji tad-direttivi ambjentali settorjali. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkalkula t-tul taċ-ċiklu ta’ tiġdid tal-miżuri fis-sors u tivvaluta l-iskadenza biex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu taħt kundizzjonijiet reali, sabiex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet madwar l-Ewropa. Għal dan il-għan, il-livell ta’ ambizzjoni tad-direttivi ambjentali settorjali (valuri ta’ limitu) u l-iskadenzi għall-implimentazzjoni għandhom ikunu ekwivalenti għal-livell ta’ ambizzjoni u l-kalendarji għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-UE fis-sors.

    36.

    fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu żgurati s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE, huwa importanti li tiġi implimentata politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja u li din tkun allinjata mal-għarfien xjentifiku l-iżjed aġġornat, jiġu identifikati miżuri kosteffettivi sabiex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-arja mis-sors u jissaħħu l-isforzi sabiex tintlaħaq konformità sħiħa mal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, b’mod partikolari għall-partiċelli fini li jinsabu fl-arja.

    37.

    b’rabta mal-istorbju, għandhom jiġu identifikati miżuri kosteffettivi sabiex jitnaqqas it-tniġġis mill-istorbju mis-sors.

    38.

    jappella għal miżuri ambizzjużi għal oqsma li jniġġsu ħafna l-ambjent, b’mod partikolari t-trasport u l-mobbiltà. Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jagħmel referenza għall-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011) 144 final). Il-KtR jilqa’ b’mod pożittiv il-livell ta’ ambizzjoni ta’ din il-White Paper, imma biex tintlaħaq din l-ambizzjoni l-Kumitat jappella biex jitfassal pjan ta’ azzjoni Ewropew b’għanijiet intermedji, miżuri speċifiċi (bħall-miżuri tal-UE bbażati fuq is-sors) u valutazzjonijiet li jiġu skedati skont kalendarju preċiż (3).

    39.

    fir-rigward tal-ilma, għandhom jissaħħu l-isforzi ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva dwar l-Ilma għax-Xorb, b’mod partikolari għal provvedituri żgħar f’kull Stat Membru, u għandhom isiru sforzi simili b’rabta mad-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, bil-għan li jintlaħqu livelli ta’ konformità ’l fuq minn 95 % sal-2020.

    40.

    iridu jitwettqu valutazzjonijiet sistematiċi ex ante tal-impatti soċjoekonomiċi, ambjentali u territorjali fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak lokali u reġjonali.

    41.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ “objettiv prijoritarju” dwar is-sostenibbiltà tal-bliet fost l-objettivi tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, u jappella biex il-kriterji ta’ sostenibbiltà minima jiġu rispettati minn maġġoranza ta’ bliet fl-UE.

    42.

    irid ikun hemm iżjed kooperazzjoni b’rabta ma’ ftehimiet internazzjonali, li jappoġġjaw proċessi internazzjonali u reġjonali mmirati lejn il-formazzjoni tal-ekonomija dinjija bħala ekonomija ekoloġika inklużiva, permezz tat-trawwim ta’ futur sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali għall-pjaneta tagħna u għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

    43.

    fil-livell lokali l-programm għandu jkun iżjed ambizzjuż, bl-estensjoni ta’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki għal oqsma oħra tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, bħall-bijodiversità u b’mod parikolari l-użu tal-ħamrija, kif ġie rakkomandat fl-Opinjoni reċenti tal-KtR dwar din it-tema (CdR 1121/2012 fin). B’mod ugwali, il-ġestjoni tal-iskart u tar-riżorsi tal-ilma u t-tniġġis tal-arja għandha tiġi studjata, billi dan jista’ jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ politika ambjentali tal-UE permezz ta’ metodu innovattiv ta’ governanza f’diversi livelli, li jippromovi l-impenn proattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE.

    44.

    dan japplika wkoll għat-twaqqif tal-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa, bħala mezz importanti kif iservu ta’ vetrina l-bliet li huma xempji u innovaturi fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE.

    45.

    Għaldaqstant, is-Seba Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu jissejjes fuq il-prinċipji fundamentali tal-liġi ambjentali – il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-prinċipju tal-prekawzjoni, il-prinċipju ta’ prevenzjoni u l-prinċipju tar-rettifikazzjoni fis-sors – bil-għan li jiġu implimentati miżuri, azzjonijiet u miri skont il-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti u fi ħdan qafas ta’ politiki ambjentali bbilanċjati u sostenibbli. Wisq miżuri għadhom miżuri korrettivi li ttieħdu fi tmiem il-proċess jew fl-aħħar tal-katina, filwaqt li l-prijorità għandha twassal għall-adattar, jekk mhux ir-reviżjoni ta’ dawn il-proċessi biex l-impatt tagħhom fuq l-ambjent jitnaqqas b’mod fundamentali f’kull waħda mill-fażijiet tagħhom. L-inizjattivi innovattivi fl-ekonomija ċirkulari, l-għeluq taċ-ċiklu tal-materjali, u l-analiżi komparattiva taċ-ċikli tal-ħajja għandhom jiġu promossi, u, għal dan il-għan, jeħtieġ li nużaw b’mod iffukat l-għarfien, li f’ċerti każijiet għad irid jinkiseb, dwar kif jaħdmu l-ekosistemi f’termini ta’ ċikli tal-ħajja tal-enerġija, l-ilma u l-materjali u l-effetti pożittivi tagħhom fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-art, tal-ilmijiet u l-klima lokali, sabiex naslu għal tnaqqis aktar sistemiku tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet umani.

    D.    Rilevanza fil-livell lokali u reġjonali

    46.

    Iċ-ċittadini Ewropej huma dejjem iżjed konxji tar-rwol li għandu l-ambjent f’ħajjithom. Bħala l-livell l-eqreb tal-komunitajiet lokali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali bħala pjattaformi għall-iffaċilitar tat-taħriġ u l-mobilizzazzjoni.

    47.

    il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma applikati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-ambjent skont l-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jipprovdi għall-kondiviżjoni tal-poteri bejn l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fuq kwistjonijiet ta’ politika ambjentali.

    48.

    filwaqt li jitqiesu l-miżuri speċifiċi adottati mill-Kummissjoni, l-objettivi li se jirrappreżentaw l-isfidi lokali u reġjonali jridu jiġu identifikati.

    49.

    l-Aġenda 21 Lokali tista’ u għandha tkun għodda għal demokrazija parteċipattiva fil-livell lokali u reġjonali, bil-għan li jiġu segwiti l-objettivi tal-politika ambjentali, u tinxtered informazzjoni, anke fuq l-internet, dwar l-applikazzjoni fil-livell lokali tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u r-rimedji ġudizzjarji disponibbli.

    50.

    il-programm irid jirrifletti l-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli b’rabta mal-ambjent. Il-KtR huwa tal-fehma li l-problemi ambjentali ma jistgħux jiġu solvuti minn livell ta’ gvern wieħed waħdu, u l-politika tal-UE ma tistax tiġi implimentata minn livell ta’ gvern wieħed waħdu. Il-politika ambjentali tal-UE ma tistax tibqa’ titfassal mil-livell ta’ gvern li jfassal il-leġislazzjoni fil-livell tal-UE biss, fejn imbagħad l-awtoritajiet nazzjonali u sottonazzjonali jkunu mistennija jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE. Il-leġislazzjoni għandha titfassal permezz ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi livelli ta’ gvern. Hemm bżonn approċċ f’diversi livelli fejn kull livell ta’ gvern (Ewropew, nazzjonali reġjonali u lokali) għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu b’mod koordinat mal-awtoritajiet l-oħra u jadotta l-miżuri li jistgħu u għandhom jittieħdu f’dak il-livell, mingħajr ma jkun hemm dupplikazzjoni tal-kompetenzi.

    51.

    huwa tal-fehma li l-approċċ ta’ governanza f’diversi livelli għandu jissaħħaħ matul il-fażi tat-tfassil ta’ politika. It-titjib tal-ambjent tal-Ewropa jeħtieġ livell realistiku ta’ ambizzjoni u għalhekk il-leġislazzjoni u l-implimentazzjoni għandhom jiġu koordinati. Għaldaqstant, huwa kruċjali li anke fil-fażi tal-iżvilupp ta’ politika tingħata attenzjoni lill-konsegwenzi potenzjali finanzjarji, ta’ politika jew legali għall-gvernijiet sottonazzjonali u għall-prattikabbiltà u l-fattibbiltà tar-regolamentazzjoni tal-UE.

    52.

    jirrakkomanda li l-approċċ f’diversi livelli jissaħħaħ anke matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali mhijiex biss kwistjoni ta’ implimentazzjoni ġuridika (it-traspożizzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali). Dan ifisser li r-regolamentazzjoni ambjentali tal-UE għandha tkun akkumpanjata minn pjani ta’ implimentazzjoni nazzjonali u Ewropej (bi gwidi, l-aħjar prattiki u miżuri ta’ politika). F’dan il-kuntest, il-KtR jirrakkomanda approċċ f’diversi livelli u jenfasizza l-importanza tat-tims intergovernattivi fl-Istati Membri fejn esperti minn diversi livelli ta’ gvern jaħdmu flimkien fit-tfassil tal-pjani nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

    53.

    għalhekk huwa kruċjali li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jappoġġja r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni, permezz ta’ dawn l-azzjonijiet li ġejjin: li tiżdied il-parteċipazzjoni lokali u reġjonali matul il-proċess tat-tfassil, it-traspożizzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE, sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u tiġi faċilitata sjieda ikbar;

    a)

    li jiġu implimentati mekkaniżmi sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu impenjati u jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-politika;

    b)

    li ssir enfasi biex dawk il-pajjiżi u r-reġjuni li għandhom politiki ambjentali domestiċi anqas żviluppati jingħataw l-għajnuna minflok ma jiġu introdotti miżuri estensivi ġodda fl-UE kollha meta dawn ma jkunux kompatibbli ma’ politiki u pjani ekwivalenti f’pajjiżi u reġjuni li jkollhom sett aktar żviluppat ta’ standards u politiki ambjentali;

    c)

    li jintużaw direttivi minflok regolamenti biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiżviluppaw is-soluzzjonijiet ambjentali tagħhom stess ġewwa qafas tal-UE maqbul b’mod ċar;

    d)

    li jitfassal qafas tal-UE għal spezzjonijiet ambjentali fil-livell tal-Istat Membru;

    e)

    li jiġu adottati politiki effettivi bbażati fis-sors, ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, ta’ għeluq taċ-ċikli tal-materjali u tal-implimentazzjoni ta’ ekonomiji ċirkulari u jitwessgħu l-għażliet ta’ rkupru tal-ispejjeż għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    f)

    li jissaħħu l-bliet sostenibbli tal-Unjoni Ewropea. Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jrid ikompli jappoġġja l-inizjattivi innovattivi tal-bliet permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi, l-identifikar u l-adozzjoni ta’ firxa ta’ indikaturi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali ta’ bliet f’termini ta’ impatti ekonomiċi, territorjali u soċjali, tiżdied l-informazzjoni dwar sorsi ta’ finanzjament u t-tixrid ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli. Dawn l-indikaturi għandhom jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali;

    g)

    li jiġu appoġġati inizjattivi sostenibbli għaż-żoni rurali;

    h)

    li tiżdied l-effiċjenza tal-UE fil-ġlieda kontra l-problemi ambjentali fil-livell reġjonali u globali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-impenji li saru f’Rio+20;

    i)

    li jiġu stabbiliti kriterji għat-trattament tal-ilmenti fuq livell nazzjonali, inkluż għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim, bħall-medjazzjoni;

    j)

    li jkun hemm konformità mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-kompetittività;

    k)

    li jiġu integrati l-objettivi ambjentali f’intestaturi baġitarji importanti, bħall-iżvilupp rurali, l-agrikoltura kif ukoll il-fondi strutturali ta’ żvilupp;

    l)

    li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn il-livelli kollha ta’ gvern, kif ukoll l-istadji kollha ta’ politika tal-iżvilupp, investimenti f’sistemi ta’ informazzjoni u għodod tal-internet għall-għoti ta’ informazzjoni ambjentali trasparenti għaċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet pubbliċi;

    m)

    li tintuża l-pjattaforma teknika għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-ambjent maħluqa mill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiġu faċilitati d-djalogu, l-iskambju tal-informazzjoni u tittejjeb l-applikazzjoni prattika;

    n)

    li jinħolqu mekkaniżmi li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġbru data ambjentali u jistabbilixxu koresponsabbiltà bejn il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni u l-Istati Membri għall-ġbir, l-ipproċessar u l-monitoraġġ ta’ dik id-data;

    o)

    li jiġu stabbiliti oqfsa strutturati ta’ implimentazzjoni u ta’ informazzjoni (SIIF) għall-atti leġislattivi kollha tal-UE fil-qasam tal-ambjent, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    p)

    li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ programmi speċifiċi ta’ edukazzjoni ambjentali fil-kuntest lokali u reġjonali, għall-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali u sabiex iċ-ċittadini jiġu infurmati jistgħu jikkontribwixxu sabiex dawn jiġu solvuti. Dawn il-programmi għandhom jiġu implimentati b’mod parteċipattiv, anke fil-forma ta’ sejħiet għall-offerti;

    q)

    li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-ambjent permezz ta’ edukazzjoni u programmi ta’ taħriġ ambjentali mwettqa mill-muniċipalitajiet u r-reġjuni, immirati lejn ġenerazzjonijiet differenti sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet ambjentali fost iċ-ċittadini;

    r)

    li jissaħħaħ u jiġi estiż in-netwerk IMPEL, għall-konformità mal-leġislazzjoni ambjentali fl-UE billi jiġi provdut finanzjament fit-tul sabiex tiġi faċilitata r-reviżjoni bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki, għall-konformità mal-leġislazzjoni ambjentali fl-UE b’mod partikolari fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    s)

    li jiġi promoss ir-rwol ta’ benefiċċju li jaqdi s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali billi jappoġġja lill-kumpaniji u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u jipprovdi qafas strutturat għall-ippjanar fit-tul, b’mod partikolari għal investimenti fuq skala kbira fl-infrastruttura;

    t)

    li jintużaw l-awtoritajiet u l-assoċjazzjonijiet lokali biex iċ-ċittadini jiġu mobilizzati fit-tfassil ta’ strateġiji u objettivi ambjentali fit-tul, l-użu ta’ fondi Ewropej biex isir investiment f’infrastrutturi ambjentali, kif ukoll servizzi tal-ekosistema, l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, kif ukoll it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u t-taħriġ b’rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttivi EIA u SEA;

    u)

    li jiġu inklużi metodi għall-ġestjoni sostenibbli tal-ambjent urban meta jkunu qed jitfasslu dokmenti ta’ pjanar urban, b’enfasi fuq l-ippjanar ambjentali integrat, il-mobilità sostenibbli, netwerks tat-trasport elettriku, rotot għaċ-ċiklisti, roti għall-kiri fiċ-ċentri tal-bliet, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa pubblika.

    54.

    L-istrateġija tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali se tiddipendi parzjalment minn strumenti ta’ politika speċifiċi magħżula bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti, li mhux se jiġu determinati sakemm ma jitwettqux il-valutazzjonijiet tal-impatt. Għalhekk se jintlaqtu l-kosteffettività u impatti soċjali u ekonomiċi speċifiċi, kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fl-applikazzjoni ta’ politiki u leġislazzjoni miftiehma fil-livell Ewropew. Il-miżuri stipulati fil-punt preċedenti m’għandhomx iżidu l-pressjonijiet ta’ spejjeż fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li r-responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri mfissra fil-punt preċedenti għandha tkun prinċipalment tal-UE, jew tal-gvernijiet nazzjonali. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-progress ekonomiku huwa sostenibbli, u li l-ekosistemi tagħna, li jappoġġaw it-tkabbir u jissalvagwardjaw is-saħħa taċ-ċittadini, jibqgħu b’saħħithom.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 15

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    F’ħafna każijiet, il-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet se tkun primarjament fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’oħrajn, se jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE. Peress li l-politika ambjentali hija qasam ta’ kompetenza kondiviża fl-UE, wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-programm huwa li joħloq sjieda komuni ta’ miri u għanijiet kondiviżi u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Permezz ta’ miri u għanijiet ċari, dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati oħrajn, inklużi r-reġjuni u l-ibliet, in-negozji u l-imsieħba soċjali, u ċittadini individwali, jingħataw sens ta’ direzzjoni u qafas prevedibbli għal azzjoni.

    F’ħafna każijiet, il-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet se tkun primarjament fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. F’oħrajn, se jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE. Peress li l-politika ambjentali hija qasam ta’ kompetenza kondiviża fl-UE, wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-programm huwa li joħloq sjieda komuni ta’ miri u għanijiet kondiviżi u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Permezz ta’ miri u għanijiet ċari, dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati oħrajn, inklużi r-reġjuni u l-ibliet, in-negozji u l-imsieħba soċjali, u ċittadini individwali, jingħataw sens ta’ direzzjoni u qafas prevedibbli għal azzjoni.

    Raġuni

    It-titjib tal-ambjent huwa responsabbiltà maqsuma mil-livelli kollha ta’ gvern.

    Emenda 2

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 43

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Parti sostanzjali mill-popolazzjoni tal-UE tibqa’ esposta għal livelli ta’ tniġġis tal-arja ogħla mill-istandards irrakkommandati mill-WHO. L-azzjoni hija speċjalment meħtieġa f’oqsma fejn in-nies, partikolarment gruppi tas-soċjetà sensittivi jew vulnerabbli, u l-ekosistemi huma esposti għal livelli għolja ta’ sustanzi li jniġġsu, bħal fl-ibliet jew fil-bini.

    Parti sostanzjali mill-popolazzjoni tal-UE tibqa’ esposta għal livelli ta’ tniġġis tal-arja ogħla mill-istandards irrakkommandati mill-WHO. L-azzjoni Ewropea u nazzjonali hija speċjalment meħtieġa f’oqsma fejn in-nies, partikolarment gruppi tas-soċjetà sensittivi jew vulnerabbli, u l-ekosistemi huma esposti għal livelli għolja ta’ sustanzi li jniġġsu, bħal fl-ibliet jew fil-bini.

    Raġuni

    L-azzjoni Ewropea u nazzjonali hija meħtieġa b’mod partikolari f’dan il-qasam.

    Emenda 3

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 58

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    It-tieni, l-UE se testendi r-rekwiżiti dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza għal ġabra usa' ta' liġi ambjentali tal-UE, filwaqt li dawn ikunu kkomplementati b’kapaċità fil-livell tal-UE li tista' tindirizza sitwazzjonijiet fejn hemm raġuni valida għal tħassib.

    It-tieni, billi tiddefinixxi prijoritajiet immirati u billi jiġu sfruttati sinerġiji mar-rekwiżiti attwali ta' sorveljanza, l-UE se testendi r-rekwiżiti dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza għal ġabra usa' ta' liġi ambjentali tal-UE, filwaqt li dawn ikunu kkomplementati b’kapaċità fil-livell tal-UE li tista' tindirizza sitwazzjonijiet fil-qafas tal-kompetenzi tagħha fejn hemm raġuni valida għal tħassib.

    Raġuni

    Hekk kif ir-regoli ta' sorveljanza jiġu estiżi għall-korp kollu tal-liġi ambjentali tal-UE, għandu jiġi adottat approċċ effiċjenti sabiex tiġi evitata żieda mhux meħtieġa fil-burokrazija fil-proċeduri tal-UE, li diġà huma formalizzati ħafna u jieħdu ħafna ħin. Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk hemmx ġustifikazzjoni għal poteri ġodda għall-Kummissjoni Ewropea. It-test tal-punt 58 għalhekk għandu jagħmilha ċara li l-Kummissjoni Ewropea qed taġixxi fil-qafas tal-kompetenzi attwali tagħha. Dan m’għandux jikkontradixxi l-messaġġ tal-Opinjoni tal-KtR, li tipproponi ir-razzjonalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni u l-iskambju ta’ data ambjentali.

    Emenda 4

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 69

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Għad hemm diskrepanzi sinifikanti fl-għarfien, uħud minnhom rilevanti għall-għanijiet prijoritarji ta' dan il-programm. L-investiment f’aktar riċerka biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi huwa għalhekk essenzjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji jkollhom bażi soda li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet li jirriflettu bis-sħiħ l-benefiċċji u l-prezz soċjali, ekonomiku u ambjentali. Huma erba' d-diskrepanzi li jispikkaw:

    Riċerka avvanzata biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fid-dejta u l-għarfien u għodod ta' mmudellar adegwati huma meħtieġa biex jiġu mifhuma aktar kwistjonijiet kumplessi marbuta mat-tibdil ambjentali, bħat-tibdil fil-klima u l-impatti tad-diżastri, l-implikazzjonijiet tat-telf tal-ispeċijiet għas-servizzi tal-ekosistemi, il-limiti ambjentali u punti ekoloġiċi kritiċi. Filwaqt li l-evidenza disponibbli tiġġustifika bis-sħiħ azzjoni ta' prekawzjoni f'dawn l-oqsma, aktar riċerka dwar il-limiti tal-pjaneta, riskji sistemiċi u l-ħila tas-soċjetà tagħna li taffrontahom se tappoġġja l-iżvilupp tal-aktar reazzjonijiet xierqa. Dan ikun jinkludi investiment fl-indirizzar ta' diskrepanzi fid-dejta u l-għarfien, fl-immappjar u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, fil-fehim tar-rwol tal-bijodiversità meta jkunu msejsa fuqhom u kif dawn jadattaw għat-tibdil fil-klima.

    (…)

    Għad hemm diskrepanzi sinifikanti fl-għarfien, uħud minnhom rilevanti għall-għanijiet prijoritarji ta' dan il-programm. L-investiment f’aktar riċerka biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi huwa għalhekk essenzjali biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji jkollhom bażi soda li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet li jirriflettu bis-sħiħ l-benefiċċji u l-prezz soċjali, ekonomiku u ambjentali. Huma erba' d-diskrepanzi li jispikkaw:

    Riċerka avvanzata biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fid-dejta u l-għarfien u għodod ta' mmudellar adegwati huma meħtieġa biex jiġu mifhuma aktar kwistjonijiet kumplessi marbuta mat-tibdil ambjentali, bħat-tibdil fil-klima u l-impatti tad-diżastri, l-implikazzjonijiet tat-telf tal-ispeċijiet għas-servizzi tal-ekosistemi, il-limiti ambjentali u punti ekoloġiċi kritiċi. L-għarfien espert li s'issa kien speċjalizzat ħafna f'ċerti setturi (pereżempju l-ħamrija, l-ilma, il-klima, l-arja, il-pjanti, l-annimali) qed ikun aktar iffukat fuq l-interazzjonijiet funzjonali tagħhom. L-għarfien ta' dan it-tip huwa indispensabbli għal ġestjoni funzjonali u sostenibbli tal-ekosistemi. Dan jiggarantixxi li jinkiseb b'mod uniformi l-għan fundamentali tal-istabbilizzazzjoni tal-ekosistemi u li r-riżorsi jintużaw b'mod effiċjenti. Filwaqt li l-evidenza disponibbli tiġġustifika bis-sħiħ azzjoni ta' prekawzjoni f'dawn l-oqsma, aktar riċerka dwar il-limiti tal-pjaneta, riskji sistemiċi u l-ħila tas-soċjetà tagħna li taffrontahom se tappoġġja l-iżvilupp tal-aktar reazzjonijiet xierqa. Dan ikun jinkludi investiment fl-indirizzar ta' diskrepanzi fid-dejta u l-għarfien, fl-immappjar u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, fil-fehim tar-rwol tal-bijodiversità meta jkunu msejsa fuqhom u kif dawn jadattaw għat-tibdil fil-klima.

    (…)

    Raġuni

    Huwa essenzjali li jimtlew malajr kemm jista’ jkun il-lakuni fl-għarfien tagħna dwar l-ekosistemi sabiex jiġu żviluppati miżuri b’mod immirat u effiċjenti fil-qafas ta’ politika ambjentali sostenibbli u fl-istess waqt li tiġi żgurata trasparenza fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema rilevanti għall-maniġers tal-proġetti (previsti fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali),u l-prevenzjoni ta’ telf nett. B’dan il-mod jistgħu jiġu evitati strateġiji ineffiċjenti, li huma piż għal maniġers tal-proġetti, fost oħrajn. Dan huwa konformi mal-Opinjoni tal-KtR, li timmira lejn miri ambjentali li jistgħu jintlaħqu u li jingħalqu l-lakuni fl-għarfien.

    Emenda 5

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 83

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Għalkemm l-integrazzjoni tat-tħassib dwar il-protezzjoni ambjentali f’politiki u attivitajiet oħrajn tal-UE ilha rewiżit tat-Trattat sa mill-1997, l-istat ġenerali tal-ambjent tal-Ewropa jindika li l-progress sal-lum, filwaqt li, f’xi oqsma, huwa ta’ min ifaħħru, dan ma kienx biżżejjed biex jitreġġgħu lura x-xejriet negattivi kollha. Il-kisba ta’ bosta għanijiet prijoritarji ta’ dan il-programm se tesiġi integrazzjoni saħansitra aktar effettiva tal-konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk dwar il-klima f’politiki oħra, kif ukoll approċċi aktar koerenti, konġunti li jwasslu għal benefiċċji multipli. Dan għandu jgħin biex jiġi żgurat li kompromessi diffiċli jkunu mmaniġġjati fi stadju bikri, minflok fil-fażi tal-implimentazzjoni, u li l-impatti inevitabbli jkunu jistgħu jiġu mnaqssa b’mod aktar effettiv. Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, meta jiġu applikati kif suppost, huma għodod effettivi biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali huma integrati fi pjanijiet u programmi kif ukoll fi proġetti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma ġeneralment responsabbli għal deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art u taż-żoni tal-baħar, għandhom rwol partikolarment importanti fil-valutazzjoni tal-impatti ambjentali u l-protezzjoni, il-perservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali, sabiex tinkiseb reżistenza akbar għall-impatti tat-tibdil fil-klima u għad-diżastri naturali.

    Għalkemm l-integrazzjoni tat-tħassib dwar il-protezzjoni ambjentali f’politiki u attivitajiet oħrajn tal-UE ilha rewiżit tat-Trattat sa mill-1997, l-istat ġenerali tal-ambjent tal-Ewropa jindika li l-progress sal-lum, filwaqt li, f’xi oqsma, huwa ta’ min ifaħħru, dan ma kienx biżżejjed biex jitreġġgħu lura x-xejriet negattivi kollha. Il-kisba ta’ bosta għanijiet prijoritarji ta’ dan il-programm se tesiġi integrazzjoni saħansitra aktar effettiva tal-konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk dwar il-klima f’politiki oħra, kif ukoll approċċi aktar koerenti, konġunti li jwasslu għal benefiċċji multipli. Dan għandu jgħin biex jiġi żgurat li kompromessi diffiċli jkunu mmaniġġjati fi stadju bikri, minflok fil-fażi tal-implimentazzjoni, u li l-impatti inevitabbli jkunu jistgħu jiġu mnaqssa b’mod aktar effettiv. Huwa meħtieġ l-allinjament tal-livell ta’ ambizzjoni fil-politika tal-UE bbażata fuq is-sorsi mal-objettivi ambjentali settorjali, u l-perjodi ta’ żmien tal-miżuri bbażati fuq sorsi għandhom jiġu sinkronizzati mal-miri tal-imissjonijiet. Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, meta jiġu applikati kif suppost, huma għodod effettivi biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali huma integrati fi pjanijiet u programmi kif ukoll fi proġetti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma ġeneralment responsabbli għal deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art u taż-żoni tal-baħar, għandhom rwol partikolarment importanti fil-valutazzjoni tal-impatti ambjentali u l-protezzjoni, il-perservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali, sabiex tinkiseb reżistenza akbar għall-impatti tat-tibdil fil-klima u għad-diżastri naturali.

    Raġuni

    L-ambizzjoni u l-perjodi ta’ żmien tal-livelli ta’ ambizzjoni tal-politika bbażata fuq is-sorsi għandhom ikunu konformi mal-objettivi ambjentali settorjali.

    Emenda 6

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 86

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Sabiex titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza tal-politika, il-programm għandu jiżgura li sal-2020:

    a.

    Politiki settorjali fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru jkunu żviluppati u implimentati b’mod li jappoġġa l-miri u l-għanijiet rilevanti relatati mal-ambjent u l-klima.

    Dan jesiġi, b’mod partikolari:

    a.

    l-integrazzjoni ta’ kundizzjonalitajiet u inċentivi ambjentali u dawk relatati mal-klima f’inizjattivi ta’ politika, inklużi analiżi u riformi tal-politika eżistenti, kif ukoll inizjattivi ġodda, fil-livell tal-UE u tal-Istati. Membri.

    b.

    it-twettiq ta’ valutazzjonijiet ex-ante sistematiċi tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' inizjattivi ta' politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġu żgurati il-koerenza u l-effettività tagħhom.

    Sabiex titjieb l-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza tal-politika, il-programm għandu jiżgura li sal-2020:

    a.

    Politiki settorjali fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru jkunu żviluppati u implimentati b’mod li jappoġġa l-miri u l-għanijiet rilevanti relatati mal-ambjent u l-klima.

    Dan jesiġi, b’mod partikolari:

    a.

    l-integrazzjoni ta’ kundizzjonalitajiet u inċentivi ambjentali u dawk relatati mal-klima f’inizjattivi ta’ politika, inklużi analiżi u riformi tal-politika eżistenti, kif ukoll inizjattivi ġodda, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

    b.

    l-allinjament tal-livell ta’ ambizzjoni fil-politika tal-UE bbażata fuq is-sorsi mal-objettivi ambjentali settorjali, u s-sinkronizzazzjoni tal-perjodi ta’ żmien tal-miżuri bbażati fuq is-sorsi u l-miri tal-imissjonijiet.

    c.

    it-twettiq ta’ valutazzjonijiet ex-ante sistematiċi tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' inizjattivi ta' politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġu żgurati il-koerenza u l-effettività tagħhom.

    Raġuni

    L-ambizzjoni u l-perjodi ta’ żmien tal-livelli ta’ ambizzjoni tal-politika bbażata fuq is-sorsi għandhom ikunu konformi mal-objettivi ambjentali settorjali.

    Emenda 7

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 89

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Iċ-ċittadini tal-UE, kemm jekk huma urbani u kif ukoll dawk rurali, jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ politiki u inizjattivi tal-UE li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni urbani. Madankollu, dan jesiġi koordinazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-livelli differenti tal-amministrazzjoni u bejn il-konfini amministrattivi kif ukoll l-involviment sistematiku tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar, fil-formulazzjoni u fl-iżvilupp ta’ politiki li għandhom impatt fuq il-kwalità tal-ambjent urban. Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni msaħħa fil-livelli nazzjonali u reġjonali proposti fil-Qafas Strateġiku Komuni għall-perjodu li jmiss ta’ finanzjament u l-ħolqien ta’ “Pjattaforma għall-Iżvilupp Urban” jistgħu jgħinu sabiex dan jiġi żgurat, kif ukoll l-involviment ta’ aktar gruppi ta’ partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali se jibbenefikaw ukoll minn żvilupp ulterjuri ta’ għodda biex jirrazzjonalizzaw il-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta ambjentali, u biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll sforzi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u lokali. Dan huwa skont l-impenn meħud waqt is-Summit Rio+20 li jiġi promoss approċċ integrat għall-ippjanar, il-bini u l-ġestjoni ta’ bliet u żoni urbani sostenibbli. Approċċi integrati għall-ippjanar tal-ispazju urban, li fihom jitiqiesu bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tul flimkien mal-isfidi ekonomiċi u soċjali, huma essenzjali biex jiġi żgurat li komunitajiet urbani jkunu sostenibbli, effiċjenti u tajbin għas-saħħa għal min jgħix u jaħdem fihom.

    Iċ-ċittadini tal-UE, kemm jekk huma urbani u kif ukoll dawk rurali, jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ politiki u inizjattivi tal-UE li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni urbani. Madankollu, dan jesiġi koordinazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-livelli differenti tal-amministrazzjoni u bejn il-konfini amministrattivi kif ukoll l-involviment sistematiku tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar, fil-formulazzjoni u fl-iżvilupp ta’ politiki li għandhom impatt fuq il-kwalità tal-ambjent urban. Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni msaħħa fil-livelli nazzjonali u reġjonali proposti fil-Qafas Strateġiku Komuni għall-perjodu li jmiss ta’ finanzjament u l-ħolqien ta’ “Pjattaforma għall-Iżvilupp Urban” jistgħu jgħinu sabiex dan jiġi żgurat, kif ukoll l-involviment ta’ aktar gruppi ta’ partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali se jistgħu jibbenefikaw ukoll minn żvilupp ulterjuri ta’ għodda biex jirrazzjonalizzaw il-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta ambjentali, u biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll sforzi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u lokali. Dan huwa skont l-impenn meħud waqt is-Summit Rio+20 li jiġi promoss approċċ integrat għall-ippjanar, il-bini u l-ġestjoni ta’ bliet u żoni urbani sostenibbli. Approċċi integrati għall-ippjanar tal-ispazju urban, li fihom jitiqiesu bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tul flimkien mal-isfidi ekonomiċi, u soċjali, u territorjali huma essenzjali biex jiġi żgurat li komunitajiet urbani jkunu sostenibbli, effiċjenti u tajbin għas-saħħa għal min jgħix u jaħdem fihom.

    Raġuni

    Barra mill-aspetti soċjali u ekonomiċi, l-isfidi territorjali huma importanti wkoll.

    Emenda 8

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 90

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-UE għandha tkompli tippromwovi u, fejn xieraq, tespandi l-inizjattivi eżistenti li jappoġġaw l-innovazzjoni u l-aħjar prattika fl-ibliet, fin-netwerking u l-iskambji bejniethom u biex l-ibliet jitħeġġu biex juru l-livell avvanzat tagħhom fl-iżvilupp urban sostenibbli. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-utilizzazzjoni tal-finanzjament tal-UE disponibbli bil-politika ta’ Koeżjoni u fondi oħra biex jiġu appoġġati l-ibliet fl-isforzi tagħhom li jsaħħu l-iżvilupp urban sostenibbli, joħolqu sensibilizzazzjoni u jħeġġu l-atturi lokali biex ikunu involuti. L-iżvilupp ta’, u l-ftehim dwar, sett ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-ibliet jipprovdi bażi ta’ referenza komuni għal inizjattivi bħal dawn u jippromwovi approċċ koerenti, integrat għall-iżvilupp urban sostenibbli.

    L-UE għandha tkompli tippromwovi u, fejn xieraq, tespandi l-inizjattivi eżistenti li jappoġġaw l-innovazzjoni u l-aħjar prattika fl-ibliet, fin-netwerking u l-iskambji bejniethom u biex l-ibliet jitħeġġu biex juru l-livell avvanzat tagħhom fl-iżvilupp urban sostenibbli. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-utilizzazzjoni tal-finanzjament tal-UE disponibbli bil-politika ta’ Koeżjoni u fondi oħra biex jiġu appoġġati l-ibliet fl-isforzi tagħhom li jsaħħu l-iżvilupp urban sostenibbli, joħolqu sensibilizzazzjoni u jħeġġu l-atturi lokali biex ikunu involuti. Filwaqt li jiġu mħares il-prinċipju tas-sussidjarjeta, l L-iżvilupp ta’, u l-ftehim dwar, sett ta’ kriterji indikaturi ta’ sostenibbiltà għall-ibliet jistgħu jipprovdu i bażi ta’ referenza komuni għal inizjattivi bħal dawn u jippromwovu i approċċ koerenti, integrat għall-iżvilupp urban sostenibbli. Il-kriterji tas-sostenibbiltà se jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u mal-awtoritajiet responsabbli għall-ambjent u l-istatistika, b'tali mod li jiġu garantiti l-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà neċessarji sabiex jiġu valutati t-tendenzi.

    Raġuni

    Fir-rigward tal-indikaturi ambjentali, l-allinjament preċiż tad-data bażika u l-ipproċessar statistiku kif ukoll l-esperjenza prattika huma neċessarji sabiex jiġu żgurati paraguni affidabbli. L-awtoritajiet lokali jridu jkunu involuti, kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Eurostat.

    Emenda 9

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 91

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-UE, il-programm għandu jiżgura li sal-2020:

    (a)

    Maġġoranza ta’ bliet fl-UE jkunu qed jimplimentaw politiki għall-ippjanar u d-disinn urban sostenibbli.

    Dan jesiġi, b’mod partikolari:

    (a)

    Definizzjoni ta’ u ftehim dwar sett ta’ kriterji biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ambjentali tal-ibliet, billi jitqiesu l-impatti ekonomiċi u soċjali.

    (b)

    L-iżgurar li l-ibliet ikollhom informazzjoni dwar il-finanzjament u l-aċċess għalih għal miżuri li jtejbu s-sostenibbiltà urbana.

    Sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-ibliet tal-UE, il-programm għandu jiżgura li sal-2020:

    (a)

    Maġġoranza ta’ bliet fl-UE jkunu qed jimplimentaw politiki għall-ippjanar u d-disinn urban sostenibbli.

    Dan jesiġi, b’mod partikolari:

    (a)

    f'każ li l-pjanijiet ġenerali tal-ġestjoni tat-territorju urban ikollhom jitlestew iżjed kmieni, anke qabel ma jkunu disponibbli l- Definizzjoni ta’ u ftehim dwar sett ta’ kriterji indikaturi biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ambjentali tal-ibliet, li l-gvernijiet nazzjonali ingħataw l-opportunità proviżorjament li jwettqu valutazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali, billi jitqiesu l-impatti ekonomiċi u soċjali u l-ispeċifiċitajiet storiċi u ġeografiċi u billi jsir użu mill-kompetenzi tal-professjonisti tal-bliet (bħalma huma l-pjanifikaturi u l-periti). L-indikaturi tas-sostenibbiltà se jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u mal-awtoritajiet responsabbli għall-ambjent u l-istatistika, b'tali mod li jiġu garantiti l-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà neċessarji sabiex jiġu valutati t-tendenzi. Għall-pjanijiet li diġà jeżistu, tista’ ssir eċċezzjoni.

    (b)

    L-iżgurar li l-ibliet ikollhom informazzjoni dwar il-finanzjament u l-aċċess għalih għal miżuri li jtejbu s-sostenibbiltà urbana.

    Raġuni

    Fir-rigward tal-indikaturi ambjentali, l-allinjament preċiż tad-data bażika u l-ipproċessar statistiku kif ukoll l-esperjenza prattika huma neċessarji sabiex jiġu żgurati paraguni affidabbli. L-awtoritajiet lokali jridu jkunu involuti, kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Eurostat. Barra minn hekk, il-problema hija li ħafna bliet iridu jġeddu l-pjani globali tagħhom għall-ġestjoni tat-territorju wara sena jew sentejn, anke qabel – għal raġunijiet ċari – ma jiġu stabbiliti l-indikaturi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bliet. Ma jkunx tajjeb li jinżammu l-pjani l-antiki u jiġu estiżi. Għaldaqstant, qed nissuġġerixxu li tiġi solvuta l-problema billi l-gvernijiet nazzjonali jingħataw proviżorjament l-opportunità li jwettqu valutazzjoni tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali, li m’għandhiex tnaqqas il-pass ta’ żvilupp territorjali armonjuż u sostenibbli.

    Emenda 10

    Proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Anness, punt 100

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Sabiex tiżdied l-effettività tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u tal-klima reġjonali u globali, il-programm għandu jiżgura li sal-2020:

    (…)

    Dan jesiġi, b'mod partikolari:

    (a)

    Ħidma favur l-adozzjoni tal-Miri ta' Żvilupp Sostenibbli li: a) jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità ta' ekonomija ekoloġika inklussiva u għanijiet usa' ta' żvilupp sostenibbli, bħall-enerġija, l-ilma, is-sigurtà tal-ikel, l-oċeani u l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, kif ukoll kwistjonijiet trasversali bħall-ekwità, l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol diċenti, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; b) huma universalment applikabbli, billi jkopru t-tliet oqsma ta' żvilupp sostenibbli; c) huma vvalutati u akkumpanjati minn miri u indikaturi, u d) huma koerenti u integrati mal-qafas ta' żvilupp għal wara l-2015, u jappoġġaw azzjonijiet dwar il-klima.

    (b)

    Ħidma favur struttura aktar effettiva tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli permezz tat-tisħiħ tal-UNEP skont l-eżitu ta’ Rio+20, filwaqt li jissokta l-isforz favur aġġornament tal-istatus tal-UNEP għal dak ta' aġenzija tan-NU, u appoġġ għall-isforzi kontinwi biex jissaħħu s-sinerġiji bejn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali;

    (c)

    It-tisħiħ tal-impatt ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament, inklużi t-tassazzjoni u l-mobilizzazzjoni domestika tar-riżorsi, l-investiment privat, sorsi ġodda u innovattivi, u l-ħolqien ta’ alternattivi għall-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp għall-ingranaġġ ta’ dawn is-sorsi oħra ta' finanzjament bħala parti mill-istrateġija ta’ finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli stabbilit f’Rio, kif ukoll fil-politiki tal-UE stess, inklużi l-impenji internazzjonali dwar il-finanzjament relatat mal-klima u l-bijodiversità.

    (…)

    Sabiex tiżdied l-effettività tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi ambjentali u tal-klima reġjonali u globali, il-programm għandu jiżgura li sal-2020:

    (…)

    Dan jesiġi, b'mod partikolari:

    (a)

    Ħidma favur l-adozzjoni tal-Miri ta' Żvilupp Sostenibbli li: a) jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità ta' ekonomija ekoloġika inklussiva u għanijiet usa' ta' żvilupp sostenibbli, bħall-enerġija, l-ilma, is-sigurtà tal-ikel, l-oċeani u l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, kif ukoll kwistjonijiet trasversali bħall-ekwità, l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol diċenti, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; b) huma universalment applikabbli, billi jkopru t-tliet oqsma ta' żvilupp sostenibbli; c) huma vvalutati u akkumpanjati minn miri u indikaturi, u d) huma koerenti u integrati mal-qafas ta' żvilupp għal wara l-2015, u jappoġġaw azzjonijiet dwar il-klima.

    (b)

    Ħidma favur struttura aktar effettiva tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli permezz tat-tisħiħ tal-UNEP skont l-eżitu ta’ Rio+20, filwaqt li jissokta l-isforz favur aġġornament tal-istatus tal-UNEP għal dak ta' aġenzija tan-NU, u appoġġ għall-isforzi kontinwi biex jissaħħu s-sinerġiji bejn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali;

    (c)

    Li jkun hemm mezzi finanzjarji addizzjonali disponibbli għall-azzjonijiet ambjentali li huma partikolarment għaljin u li għandhom jiġu implimentati sal-2020 – b'mod partikolari dawk li huma intiżi għat-titjib tal-ekosistemi degradati permezz ta' infrastrutturi ekoloġiċi kif ukoll i It-tisħiħ tal-impatt ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament, inklużi t-tassazzjoni u l-mobilizzazzjoni domestika tar-riżorsi, l-investiment privat, sorsi ġodda u innovattivi, u l-ħolqien ta’ alternattivi għall-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp għall-ingranaġġ ta’ dawn is-sorsi oħra ta' finanzjament bħala parti mill-istrateġija ta’ finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli stabbilit f’Rio, kif ukoll fil-politiki tal-UE stess, inklużi l-impenji internazzjonali dwar il-finanzjament relatat mal-klima u l-bijodiversità.

    (…)

    Raġuni

    Ir-referenza għall-provvediment ta’ finanzjament tal-UE għal miżuri ambjentali kosteffettivi li jridu jitwettqu sal-2020 – pereżempju l-irbit ta' ekosistemi frammentati permezz ta’ infrastruttura ekoloġika (pereżempju pontijiet ekoloġiċi) – għandha tkun inklużi bil-għan li jintlaħqu l-objettivi fi żmien f'waqtu. L-esperjenza tal-Istati Membri toħroġ fid-dieher nuqqas ta’ bażi għal finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ dan l-objettiv. L-Opinjoni tal-KtR b’mod partikolari tenfasizza miri li jistgħu jintlaħqu bħala l-bażi għal politika kredibbli tal-UE, u bażi finanzjarja adegwata sabiex jintlaħqu l-objettivi.

    Brussell, 30 ta’ Mejju 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 164/2010 fin, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 2012 (2011/2194(INI)).

    (2)  CdR 187/2011 fin.

    (3)  Din ir-rakkomandazzjoni saret ukoll fl-Opinjoni tal-KtR 101/2011 fin.


    Top