Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE2600

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja” COM(2013) 147 final — 2013/0080 (COD)

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 102–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja”

COM(2013) 147 final — 2013/0080 (COD)

2013/C 327/17

Relatur: is-sur McDONOGH

Nhar it-12 ta’ April 2013 u nhar is-16 ta’ April 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja

COM(2013) 147 final – 2013/0080 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-20 ta’ Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’180 vot favur, vot 1 (wieħed) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jemmen li l-aċċess universali għal netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja huwa essenzjali għall-promozzjoni tat-tkabbir fl-Ewropa, biex jinħolqu l-impjiegi u tissaħħaħ il-koeżjoni. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-miri tal-broadband fl-Aġenda Diġitali (1); madankollu, il-miri ser ikunu diffiċli jinkisbu mingħajr ma jsiru sforzi speċjali mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jittejjeb l-ambjent kemm għall-provvista kif ukoll għad-domanda għall-broadband madwar l-Unjoni.

1.2

Il-Kumitat kien iddiżappuntat ferm bid-deċiżjoni li ħa l-Kunsill dan l-aħħar biex inaqqas il-parti mill-baġit 2014-20 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali minn EUR 9,2 biljun għal EUR 1 biljun biss. Dan it-tnaqqis ser ineħħi l-appoġġ tal-QFP għall-implimentazzjoni tal-broadband, u ser ikun l-aktar ta' ħsara għar-reġjuni l-aktar foqra u żvantaġġati tal-UE.

1.3

Il-Kumitat jilqa' r-Regolament propost mill-Kummissjoni. Il-miżuri proposti huma partikolarment importanti sabiex jonqos id-distakk diġitali u jiġi ffaċilitat it-tifrix tal-broadband fiż-żoni rurali.

1.4

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tagħti parir kif l-aċċess għall-broadband ta’ veloċità għolja jista’ jiġi rikonoxxut bħala dritt universali taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-post. Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni rigward l-inklużjoni tal-broadband fl-Obbligu ta’ Servizz Universali fl-2010 (2). Tweġiba għal din il-mistoqsija hija meħtieġa b’mod urġenti biex jiġu promossi l-benesseri taċ-ċittadini, l-impjiegi u l-inklużjoni diġitali.

1.5

Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex ilestu l-pjani nazzjonali għall-broadband minghajr iktar dewmien.

1.6

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw liema inċentivi u appoġġi finanzjarji għandhom jingħataw lis-settur privat sabiex jitħeġġeġ l-investiment fil-broadband b'veloċità għolja għaż-żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa.

1.7

Apparti l-investiment sostanzjali mis-settur privat fit-tifrix tal-broadband b'veloċità għolja, il-Kumitat huwa tal-fehma li ser jinħtieġu wkoll madwar EUR 60 biljun f'fondi pubbliċi biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda Diġitali 2020. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkludu dan il-finanzjament kritiku fil-baġits.

1.8

Il-Kumitat jixtieq li l-Kummissjoni tindirizza l-problema tal-fornituri tas-servizz tal-broadband li mhux qed jipprovdu lill-klijenti bil-veloċitajiet tal-konnessjoni tal-Internet li wegħduhom fil-kuntratti tagħhom. Din in-"nonkonformità" kuntrattwali u r-reklamar falz qed idgħajfu l-fiduċja fis-suq diġitali, huma ta' ħsara għad-domanda, u għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri sodi.

1.9

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tkompli żżid fuq ir-Regolament propost u tiżviluppa suq pan-Ewropew għall-operaturi għall-infrastruttura tal-broadband.

1.10

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jiġi żviluppat suq kompetittiv għall-infrastruttura tal-broadband fiż-żoni kollha tal-Unjoni.

1.11

Il-Kumitat jinnota li r-Regolament propost ser joffri opportunitajiet ġodda ta' negozju għall-impriżi tas-servizzi u t-trasport biex jipparteċipaw fis-suq tal-infrastruttura tal-broadband. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi speċjali sabiex iħeġġu lill-kumpaniji jisfruttaw din l-opportunità.

1.12

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-opinjonijiet riċenti preċedenti li jittrattaw it-tifrix tal-broadband b'veloċità għolja u t-tnaqqis tad-distakk diġitali: Aġenda Diġitali għall-Ewropa  (3), L-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju  (4) u L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa - Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b'mod diġitali(CES959-2013, għadha ma ġietx ippubblikata).

2.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Skop

2.1.1

Il-Komunikazzjoni "Att dwar is-Suq Uniku II: Flimkien għal tkabbir ġdid" identifikat it-tnaqqis fl-ispejjeż tat-tifrix tal-broadband bħala wieħed mit-12-il azzjoni ewlenija li ser tagħti spinta lit-tkabbir.

2.1.2

Il-provvista tal-broadband b'veloċità għolja naqset, b'mod speċjali fiż-żoni mhux urbani, minħabba taħlita ta' regoli u prattiki amministrattivi fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali.

2.2   Għanijiet

2.2.1

Ir-Regolament għandu l-għan li:

Inaqqas l-ispejjeż u r-riskju tal-investiment billi jintegra l-ippjanar effiċjenti u proċessi ta' investiment għall-provvista tal-broadband.

Ineħħi l-ostakli għall-funzjonamemnt tas-Suq Uniku kkawżati minn taħlita ta' regoli u prattiki amministrattivi fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali meħtieġa għall-provvista tal-infrastruttura tal-broadband.

Jistimola kopertura mifruxa tal-broadband.

Jiżgura t-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni tal-impriżi u l-investituri li jipprovdu l-broadband.

2.3   Ir-Regolament propost

2.3.1

Sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa tal-ispejjeż u l-effiċjenza, ir-Regolament jiddefinixxi għadd ta' drittijiet u obbligi direttament applikabbli għall-operaturi tan-netwerk u l-fornituri tal-infrastruttura, applikabbli tul il-passi varji tat-tħaddim tal-infrastruttura.

2.3.2

Ir-Regolament jipproponi r-regoli legali li ġejjin sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu:

Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti: Kull operatur tan-netwerk (sid l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet u l-infrastruttura mhux tat-telekomunikazzjonijiet - Fir-regolament, "l-operatur tan-netwerk" ifisser fornitur tan-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika u impriża li tipprovdi infrastruttura fiżika bil-ħsieb li tagħti: servizz tal-produzzjoni, tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-gass, l-elettriku, inkluż id-dawl pubbliku, it-tisħin, l-ilma, inkluż ir-rimi jew it-trattament tal-ilma mormi u d-drenaġġ; is-servizzi tat-trasport, inkluż il-linji tal-ferroviji, it-toroq, il-portijiet u l-ajruporti) għandu d-dritt li joffri, kif ukoll l-obbligu li jissodisfa, kull rikjesta raġonevoli għall-aċċess għall-infrastruttura tiegħu għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi b'veloċità għolja, kemm bil-kejbil kif ukoll mingħajr.

Informazzjoni dwar l-infrastruttura eżistenti: Il-fornituri tal-broadband ser ikollhom id-dritt jaċċessaw, permezz ta' punt ta' informazzjoni uniku, sett ta' informazzjoni minima rigward l-infrastruttura fiżika eżistenti, u d-dritt li jitwettaq stħarriġ fuq il-post dwar l-infrastruttura eżistenti.

Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili: Kull operatur tan-netwerk jista' jinnegozja ftehimiet sabiex jikkoordina xogħlijiet ċivili ma' entitajiet awtorizzati biex jipprovdu elementi ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja. Sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tax-xogħlijiet, kwalunkwe operatur tan-netwerk għandu jagħmel disponibbli fuq talba informazzjoni minima rigward xogħlijiet ċivili kurrenti jew ippjanati relatati mal-infrastruttura fiżika tiegħu.

L-għoti tal-permess: Kull fornitur tan-netwerks tal-broadband jista' jaċċessa, b'mod elettroniku permezz ta' punt ta' informazzjoni uniku, kwalunkwe informazzjoni li tikkonċerna l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' permess għal xogħlijiet ċivili, u jressaq l-applikazzjoni tiegħu elettronikament permezz tal-istess punt ta' informazzjoni uniku. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu jew jirrifjutaw li jagħtu l-permessi sa sitt xhur minn meta jirċievu talba.

Tagħmir ġol-bini: Il-bini kollu li għadu kif inbena u dak li qed issirlu rinnovazzjoni kbira ser ikun attrezzat b'infrastruttura fiżika b'veloċità għolja lesta ġol-bini, sal-punti terminali tan-netwerk.

2.3.3

Kwalunkwe tilwima bejn l-operaturi tan-netwerk u l-fornituri tas-servizz tal-broadband li tikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ser tiġi medjata, jekk ikun hemm bżonn, minn korp nazzjonali kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim: l-NRA jew awtorità kompetenti oħra.

2.3.4

Ir-Regolament ser ikun direttament applikabbli madwar l-UE wara li jkun hemm qbil mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Broadband huwa essenzjali

3.1.1

Il-Broadband huwa l-infrastruttura abilitanti essenzjali għall-Aġenda Diġitali u għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali. Ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed l-importanza ekonomika tas-servizzi tal-broadband. Id-disponibbiltà tal-broadband għandha effett multiplikatur fuq it-tkabbir ekonomiku: il-Bank Dinji jikkalkula li kull żieda ta' 10 % fix-xiri tal-broadband tirriżulta fi tkabbir sa 1,5 % fit-tkabbir tal-PDG. Il-konnettività b'veloċità għolja u universali hija essenzjali għat-tifrix ta' teknoloġiji u servizzi trasformattivi ġodda bħalma huma l-cloud computing u grilji intelliġenti.

3.1.2

L-importanza tal-broadband għat-tkabbir u l-impjiegi hija rikonoxxuta fl-Aġenda Diġitali li kellha l-għan li tipprovdi broadband bażiku għall-Ewropej kollha sal-2013, u li sal-2020 tipprovdi (i) aċċess għal rati ta' download ta' 30 Mbps għall-Ewropej kollha, u (ii) abbonament għall-konnessjonijiet tal-internet ta' aktar minn 100 Mbps minn 50 % jew aktar tal-unitajiet domestiċi Ewropej. Dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss jekk jitbaxxew l-ispejjeż tat-tnedija tal-infrastruttura madwar l-UE kollha u jittieħdu miżuri straordinarji biex jiġi pprovdut il-broadband f'żoni rurali u żoni anqas vantaġġati fl-Unjoni.

3.2   Prezz baxx u ta' klassi dinjija

3.2.1

L-infrastruttura tal-broadband bi prezz baxx u ta' klassi dinjija hija komponent fundamentali ta' ekonomija vibranti tas-Seklu 21. In-negozji bbażati fuq l-għarfien ser jikbru fejn hemm il-ħiliet u l-infrastruttura li jappoġġjawhom. Barra minn hekk, ammont dejjem jiżdied ta' servizzi avvanzati fis-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali ser jiddependu fuq id-disponibbiltà ta' broadband veloċi u ultraveloċi.

3.2.2

Il-kwalità tan-netwerks, l-ispejjeż tal-forniment tagħhom, u prezzijiet kompetittivi għall-utenti finali huma kriterji importanti tal-ġestjoni fil-programmi ta' żvilupp u espansjoni. Minħabba li sa 80 % tan-nefqa tal-infrastruttura tan-netwerks tikkonsisti f'xogħlijiet ta' inġinerija ċivili, huwa vitali li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jaħdmu sabiex inaqqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti permezz ta' koordinazzjoni effiċjenti tal-proġetti infrastrutturali.

3.3   Id-dritt għal servizz universali

3.3.1

Il-KESE talab lill-Kummissjoni f'bosta opinjonijiet, l-aktar riċenti fl-opinjoni tiegħu dwar Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b'mod diġitali (5), biex tagħti parir dwar kif l-aċċess għall-broadband b'veloċità għolja jista' jiġi rikonoxxut bħala dritt universali taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mil-lokalità. Issa l-ħtieġa għal tweġiba għal din il-mistoqsija saret waħda urġenti.

3.4   Il-broadband ultraveloċi huwa neċessarju

3.4.1

Il-miri stipulati fl-Aġenda Diġitali għad-disponibbiltà tal-broadband sal-2020 sfil-futur qrib ser jgħadduhom l-avvanzi rapidi li qed iseħħu fit-teknoloġija tal-broadband u s-servizzi li jibbażaw fuq l-Internet (eż. il-konferenzi bil-vidjio b'definizzjoni għolja). Netwerks ultraveloċi li jipprovdu konnettività sa 1Gbps (1 000 Mbps) diġà qed jinfirxu f'ċerti żoni urbani (http://arstechnica.com/tech-policy/2012/07/tokyo-seoul-and-paris-get-faster-cheaper-broadband-than-us-cities/) u qed jiżviluppaw servizzi bil-vidjo biex jintużaw dawn il-bit-rates ogħla.

3.4.2

Ser ikun meħtieġ finanzjament sostanzjali fil-konnettività b'veloċità għolja madwar l-UE kollha sabiex inlaħħqu mal-iżvilupp globali tal-ekonomija tal-Internet.

3.5   L-UE qed tibqa' lura

3.5.1

Kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fl-aħħar Komunikazzjoni tagħha dwar l-importanza tal-Aġenda Diġitali biex nixprunaw it-tkabbir ekonomiku (6), l-Ewropa qiegħda taqa' iktar lura mill-kompetituri globali tagħha fit-twettiq tal-infrastruttura tal-broadband.

3.5.2

L-investimenti tal-broadband b'veloċità għolja qed isiru aktar malajr f'partijiet tal-Asja u fl-Istati Uniti, li jwassal għal kopertura sinifikament aħjar u veloċitajiet ogħla. Minn Diċembru 2011, il-Korea t’Isfel, b’20,6 % ta’ abbonamenti għal kull 100 resident, kellha l-ogħla użu ta’ fibrottika fid-dinja kollha, jiġifieri d-doppju ta’ dak tal-Isvezja (Dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-proposta għal regolament għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-broadband: SWD(2013) 0073(l-ewwel parti)).

3.6   Id-distakk diġitali

3.6.1

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/scoreboard) u l-aħħar figuri mill-Eurostat (http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/information_society/data/main_tables) juru li d-distakk diġitali qed jikber, u d-differenzi bejn l-Istati Membri huma kbar. Fl-2012, 28 % tal-unitajiet domestiċi fl-UE27 kienu mingħajr konnettività tal-broadband. Barra minn hekk, 90 % tal-unitajiet domestiċi mingħajr broadband jinsabu fiż-żoni rurali. 35 miljun dar fiż-żoni rurali għadhom qed jistennew il-konnettività b'veloċità għolja, u sakemm ma tingħatax attenzjoni xierqa liċ-ċittadini li jgħixu barra miċ-ċentri urbani, dawn ser jibqgħu jsiru aktar żvantaġġati soċjalment u ekonomikament.

3.6.2

Il-miżuri inklużi fir-Regolament propost mill-Kummissjoni ser jipprovdu bażi għar-riforma tal-gvern nazzjonali u lokali fir-rigward tar-regolament tal-ippjanar, u l-ippjanar ta' infrastruttura intelliġenti, inċentivi ta' investiment u teknoloġiji innovattivi sabiex jitnaqqas id-distakk fil-broadband.

3.7   Investiment meħtieġ

3.7.1

Il-Kumitat kien iddiżappuntat ferm bid-deċiżjoni li ħa l-Kunsill fi Frar biex inaqqas l-baġit 2014-20 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, minn EUR 9,2 biljun għal EUR 1 biljun biss. Dan it-tnaqqis ineħħi l-appoġġ tal-QFP għall-implimentazzjoni tal-broadband, u l-akbar impatt negattiv ser iħossuh ir-reġjuni l-aktar foqra u żvantaġġati tal-UE, bir-riżultat li d-distakk diġitali li dejjem qed jikber ser ikompli jiggrava.

3.7.2

Il-flus inklużi fil-QFP għall-appoġġ tat-tifrix tal-broadband kienu maħsuba li jintużaw mill-Kummissjoni sabiex jiġi stimolat is-suq tal-broadband, iżda dawn jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-fondi li verament jinħtieġu biex jinkisbu l-miri tal-broadband fl-Aġenda Diġitali. Il-konsulenti mqabbda mill-Kumissjoni biex jistudjaw id-differenza fil-fondi huma tal-fehma li ser jinħtieġu sa EUR 62 biljun oħra ta' fondi pubbliċi sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020 ("Studju dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-bandwidth" minn Analysys Mason għall-Kummissjoni Ewropea, 2012).

3.7.3

Il-finanzjament għal dan l-investiment kbir ser ikollu jittieħed primarjament mis-settur privat, iżda ser jinħtieġu miżuri speċjali sabiex jiġi appoġġjat l-investiment privat fiż-żoni rurali fejn id-densità tal-popolazzjoni hija wisq baxxa biex tattira investiment. Il-Bank Ewropew tal-Investiment diġà pprovda fondi għal għadd ta' proġetti simili u ser ikollu jipprovdi ħafna iktar minn dan it-tip ta' appoġġ. Il-Kummissjoni għandha tagħmel sforz speċjali u tikkunsidra kif l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw aħjar il-finanzjament mis-settur privat għat-tifrix tal-broadband.

3.7.4

L-Azzjoni 48 tal-Aġenda Diġitali allokat l-użu tal-fondi strutturali sabiex jiġi ffinanzjat it-tifrix ta' netwerks b'veloċità għolja. Għandu jitqies ukoll il-Fond ta' Koeżjoni.

3.8   Tiġi stimolata l-provvista

3.8.1

Il-gvern lokali u l-awtoritajiet muniċipali jista' jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-provvista tal-konnettività tal-broadband fir-reġjuni tagħhom billi jmexxu inizjattivi tal-PPP u billi jimplimentaw il-miżuri fir-regolamenti proposti kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti.

3.8.2

Ir-regolament joffri l-opportunità li jinfetaħ is-suq għall-provvista tal-konnettività u s-servizzi tal-broadband għal aktar parteċipanti ġodda. B'mod partikolari, għall-kumpaniji barra s-settur tat-telekomunikazzjoni li għandhom infrastruttura estensiva li tista' tintuża għall-provvista ta' netwerks b'veloċità-għolja. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu sforz speċjali sabiex iħeġġu lil dawn il-parteċipanti ġodda.

3.8.3

Ir-regolament joffri wkoll il-potenzjal biex jinfetaħ is-suq għal investiment transkonfinali fil-provvista tal-infrastruttura minn kumpaniji madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kif dan is-suq uniku fl-infrastruttura jista' jiżviluppa billi jiżdied l-għarfien dwar l-opportunitajiet ta' investiment, jitnaqqas ir-riskju ta' dawn l-investimenti għal investituri mhux nazzjonali, u forsi billi jiġu żviluppati xi strumenti finanzjarji speċjali (bonds) li jżidu l-attraenza tal-investiment fir-reġjuni li l-aktar joffru sfida.

3.8.4

Is-soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, inkluż użu akbar ta' teknoloġiji mingħajr fili, għandhom jitnedew mill-aktar fis possibbli biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-broadband u jiġi indirizzat id-distakk diġitali li qed jikber bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.

3.8.4.1

B'mod partikolari, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm Ewropew dwar il-Politika fil-qasam tal-Ispettru tar-Radju (RSPP) (7) fl-Istati Membri ser jiżgura li jkun allokat u disponibbli spettru suffiċjenti u adegwat kemm għall-kopertura kif ukoll għall-ħtiġijiet ta' kapaċità tat-teknoloġija tal-broadband mingħajr fili sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-2020.

3.8.4.2

It-teknoloġija bis-satellita ser tipprovdi broadband lill-aktar żoni mbiegħda tal-Unjoni. Madankollu, il-kwistjonijiet ta' kapaċità, spiża u veloċità ser jagħmlu din soluzzjoni marġinali, li x'aktarx ser taqdi inqas minn 10 % tal-broadband Ewropew ta' 30Mbps fl-2020.

3.9   Tiġi stimolata d-domanda

3.9.1

Domanda fqira għall-broadband, b'mod speċjali f'żoni anqas popolati, taffettwa b'mod negattiv l-investiment fin-netwerks, minkejja li dejjem hemm domanda sostanzjali mhux espliċita f'żoni mingħajr konnessjoni b'veloċità għolja disponibbli.

3.9.2

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-istimolazzjoni tad-domanda għall-broadband permezz ta' firxa ta' metodi, li tinkludi kampanji ta' informazzjoni pubbliċi mmirati, hotspots tal-WiFi pubbliċi, aktar żvilupp tas-servizzi elettroniċi tal-Gvern, u l-promozzjoni tat-taħriġ fil-kompetenza u l-ħiliet diġitali. L-isforzi għall-istimolazzjoni tad-domanda għandhom jimmiraw b'mod speċjali lejn iż-żoni rurali.

3.9.3

L-ispejjeż tal-broadband u t-trasparenza tal-prezzijiet huma kritikalment importanti biex jiżguraw li ċ-ċittadini jadottaw il-broadband. Il-konsumaturi eżistenti tal-broadband madwar l-Ewropa qed jilmentaw li l-fornituri tas-servizz tagħhom mhux qed jipprovdulhom il-veloċitajiet tal-konnessjoni tal-Internet li wegħduhom fil-kuntratti tagħhom. Din in-"nonkonformità" kuntrattwali u r-reklamar falz qed idgħajfu l-fiduċja fis-suq diġitali u jkunu ta' ħsara għad-domanda, u għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri sodi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Ħtieġa għal regolament

4.1.1

Il-kumpaniji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b'interessi prinċipalment kummerċjali m'għandhomx inċentiv finanzjarju biżżejjed biex jinvestu fl-infrastruttura tal-broadband f'ħafna miż-żoni tal-UE fejn il-popolazzjoni hija baxxa wisq. Għaldaqstant, il-Kumitat huwa sodisfatt li r-regolament propost ser jintroduċi miżuri biex jitnaqqsu sostanzjalment l-ispejjeż u r-riskji tal-provvista tal-broadband, u jtejjeb l-argumenti ekonomiċi favur l-investiment fost il-fornituri tan-netwerk.

4.1.2

Sabiex ikun żgurat li hemm inklużjoni diġitali adegwata u jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi mill-broadband b'veloċità għolja, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-gvernijiet lokali jeżerċitaw influwenza aktar b'saħħitha fuq il-provvista u d-domanda għall-infrastruttura tal-broadband. Dan billi jiġu implimentati pjani tal-broadband li jibbilanċjaw ir-rendiment ekonomiku għoli magħmul mill-investiment tal-infrastruttura f'żoni b'densità ta' popolazzjoni għolja mal-investiment ħafna inqas attraenti finanzjarjament meħtieġ fir-reġjuni sottożviluppati. Dan ir-regolament propost ser jagħtihom mezzi aħjar biex jinkiseb dan.

4.1.3

F'ħafna swieq hemm fornitur dominanti uniku tal-infrastruttura. Il-Kumitat jispera li l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-regolament ser joħloq kundizzjonijiet aħjar għal fornituri ġodda tan-netwerk biex dawn jidħlu fis-suq u jipprovdu offerti kompetittivi.

4.2   Tnaqqis fl-ispejjeż u titjib fil-kooperazzjoni

4.2.1

Skont il-Komunikazzjoni, ix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili jistgħu jammontaw għal 80 % tal-ispejjeż għat-tifrix tal-broadband. L-iffrankar Capex għall-operaturi tan-netwerk mistennija mill-implimentazzjoni tar-regolament propost huwa stmat li ser ikun fil-firxa bejn 20 % u 30 % tal-ispejjeż totali tal-investiment, jiġifieri sa EUR 63 biljun sal-2020. It-EUR 63 biljun f'iffrankar imbagħad jistgħu jiġu investiti f'oqsma oħra tal-ekonomija.

4.2.2

Il-kooperazzjoni u l-qsim bejn il-fornituri privati tal-infrastruttura huma essenzjali għall-effiċjenza, il-veloċità tal-implimentazzjoni, is-sostenibbiltà ambjentali u d-disponibilità ta' prezzijiet kompetittivi għall-utenti finali. Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li r-regolament ser jirrikjedi li l-fornituri privati tal-infrastruttura jippubblikaw informazzjoni tajba dwar l-infrastruttura eżistenti u dik ippjanata, u li l-fornituri tan-netwerk ser ikunu obbligati jikkooperaw, sabiex ikunu faċilitati ppjanar tajjeb, kooperazzjoni u użu effiċjenti tar-riżorsi.

4.3   Monopolji naturali

4.3.1

F'żoni b'livelli baxxi ta' densità tal-popolazzjoni, l-ekonomiji jiddettaw li jista' jiġi appoġġjat fornitur wieħed biss tal-infrastruttura ta' qofol tal-broadband; fi kliem ieħor jeżisti monopolju naturali.

4.3.2

Dawn il-kundizzjonijiet ta' monopolju naturali jippermettu mudell ta' provvista tal-broadband b'aċċess miftuħ fejn fornitur uniku, forsi PPP, jifrex l-infrastruttura ta' qofol imbagħad jiftaħ il-faċilitajiet tan-netwerk billi jwelli l-kapaċità lil fornituri tas-servizz iżgħar b'kundizzjonijiet ġusti u ugwali. Il-Kummissjoni tista' forsi tikkunsidra kif dan il-mudell b'aċċess miftuħ jista' jiġi żviluppat u rregolat fl-Ewropa, filwaqt li tingħata attenzjoni biex ma jkunx hemm tgħawwiġ fil-kompetizzjoni normali.

4.4   Is-suq bl-ingrossa

4.4.1

Ir-regolament propost ser jipprovdi leġislazzjoni abilitanti għall-iżvilupp ta' suq bl-ingrossa għall-infrastruttura tal-broadband. Forsi l-Kummissjoni għandha tinvestiga kif ir-regolament jista' jingħatalu lieva biex jistimola dan is-suq, partikolarment fir-reġjuni tal-Unjoni li huma-diffiċli-jintlaħqu.

4.4.2

Suq bl-ingrossa tal-infrastruttura ta' appoġġ bil-fibra skura jew mingħajr fil jista' jkun transkonfinali u pan-Ewropew, kieku kien hemm informazzjoni ta' kwalità tajba dwar id-domanda tal-konsumatur u l-infrastruttura eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga kif dan is-suq jista' jiġi stimolat u appoġġjat.

4.5   Pjani Nazzjonali għall-Broadband

4.5.1

It-tifrix tal-infrastruttura, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, jirrikjedi pjan effettiv għall-istrateġija nazzjonali u l-implimentazzjoni. L-Istati Membri kollha għandhom strateġija tal-broadband, iżda ħafna għad m'għandhomx pjani biex jiksbu l-miri tal-Aġenda Diġitali. Jeħtieġ li jiġu aġġornati l-istrateġiji nazzjonali sabiex jinkludu l-approċċ biex jitwettqu netwerks ultraveloċi, b'miri konkreti u miżuri ta' implimentazzjoni identifikati.

4.5.2

L-Azzjoni 46 tal-Aġenda Diġitali tirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw il-pjani nazzjonali għall-broadband tagħhom, iżda għadd ta' Stati Membri għadhom ma lestewx il-pjani tagħhom u din l-azzjoni hija mmarkata bħala ttardjata mill-Kummissjoni. Dan id-dewmien għandu impatt negattiv fuq it-tifrix tal-broadband u l-pjani ta' finanzjament tal-industrija. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu l-pjani tagħhom fid-dawl ta' dan ir-regolament propost u jlestu x-xogħol mill-aktar fis possibbli.

4.5.3

Pjan Nazzjonali komprensiv għall-Broadband, li jinkludi inizjattivi ta' Sħubijiet Pubbliċi Privati (PPP) u inċentivi speċjali sabiex jiġi faċilitat it-tifrix fiż-żoni rurali, jippermetti biex il-fondi tal-UE u tal-BEI jintużaw ħafna aktar faċilment.

4.6   Kumpaniji tas-servizzi

4.6.1

Ir-regolament propost ser iwitti t-triq għas-sidien tal-infrastruttura li mhumiex kumpaniji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – jiġifieri kumpaniji tal-enerġija, tal-ilma, tat-trasport u tar-rimi tal-iskart – biex l-infrastruttura tagħhom issir disponibbli f'termini kummerċjali għall-provvista ta' servizzi tal-broadband. Dan ser jgħin lil dawk il-kumpaniji biex jaqilgħu introjtu ġdid, ibaxxu l-ispejjeż tagħhom ta' infrastruttura essenzjali billi jaqsmu l-ispejjeż mal-fornituri tal-broadband, u jtejbu s-sinerġiji ta' lieva filwaqt li jiżviluppaw is-servizzi ewlenin tagħhom, pereżempju fl-iżvilupp ta' grilji intelliġenti għall-fornituri tal-enerġija.

4.6.2

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex javżaw lil dawn il-kumpaniji dwar l-opportunitajiet offruti mit-tifrix essenzjali tal-infrastruttura tal-broadband, u l-impatt pożittiv potenzjali tar-regolament propost fuq in-negozju tagħhom.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2010) 245.

(2)  COM(2008) 572 final.

(3)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58-64.

(4)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53-57.

(5)  "It-Tkabbir Diġitali - Reviżjoni Interim", ĠU C 271, 19.09.2013, p. 127-132.

(6)  COM(2012) 784 final.

(7)  COM(2010) 471 final.


Top