Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE1121

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper — Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE” COM(2012) 698 final

    ĠU C 161, 6.6.2013, p. 60–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/60


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper — Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE”

    COM(2012) 698 final

    2013/C 161/11

    Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

    Nhar id-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Green Paper – Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE

    COM(2012) 698 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2013.

    Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’156 vot favur u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li hu importanti li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi onlajn u tal-bejjiegħa onlajn fil-loġistika integrata użata għall-kummerċ elettroniku li hu partikolarment attraenti għal ħafna konsumaturi, minħabba l-importanza tas-suq diġitali u l-potenzjal kbir tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku u għall-impjiegi.

    1.2

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistudja fil-fond il-kwistjonijiet tas-settur b’konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha permezz tal-Green Paper dwar suq integrat, li l-għan tagħha hu li jinħoloq suq integrat tal-loġistika għall-konsenja tal-pakketti relatati max-xiri onlajn u li jkun hemm żviluppi pożittivi fil-kummerċ elettroniku mhux biss B2C iżda wkoll B2B u C2C.

    1.3

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tfassal direttiva ffokata fuq sitt esiġenzi prijoritarji:

    sistema ta’ obbligazzjoni in solidum li tapplika għall-bejjiegħa onlajn u l-operaturi tal-konsenja tul il-katina kollha tal-konsenja, b’mod partikolari meta l-konsumatur jirritorna l-oġġett għax ma jkunx iridu jew għax l-oġġett ma jkunx konformi;

    it-traċċabbiltà u l-lokalizzazzjoni sħiħa tal-konsenji;

    l-obbligu li jiġu offruti diversi alternattivi ta’ konsenja sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħżel;

    l-approvazzjoni sħiħa tas-sistema taċ-ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-konsenji tal-kummerċ elettroniku;

    l-obbligu li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti;

    l-obbligu tat-trasparenza dwar il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet.

    u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati miksuba fil-livell tal-Istati Membri individwali u tal-konsenji transkonfinali.

    1.4

    Il-Kumitat iqis li għandhom jiġu indirizzati d-dgħufijiet tal-qafas regolatorju u jirrakkomanda li jinfetaħ djalogu strutturat bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata – speċjalment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs, tal-bejjiegħa onlajn u tal-operaturi tal-konsenji – sabiex jiġu vvalutati l-għażliet ta’ politika regolatorji u mhux regolatorji l-aktar adatti biex jiġu indirizzati s-sitt prijoritajiet ta’ hawn fuq.

    1.5

    Il-KESE jaħseb li hu importanti li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni jingħataw impuls qawwi biex – b’parteċipazzjoni ugwali min-naħa tal-gruppi tal-utenti, tal-SMEs u tal-partijiet interessati l-oħra – iħejju standards tekniċi u regolatorji Ewropej li jiżguraw il-kwalità, l-affidabbiltà u s-sostenibbiltà tas-servizzi tal-loġistika integrata użati għall-kummerċ elettroniku u li jipprovdu garanziji soċjali u tas-sikurezza fl-istess servizzi. Huwa mixtieq ħafna li tinħoloq tikketta Ewropea tas-sikurezza u l-kwalità għas-sistemi tal-konsenja.

    1.6

    Sabiex jiġi garantit li s-servizzi tal-loġistika integrata tal-konsenji jkunu aċċessibbli, affidabbli u effikaċi, il-KESE jemmen li hemm bżonn l-intervent tal-programmi Ewropej tar-riċerka teknoloġika, l-ambjent u t-trasport, b’mod partikolari l-Galileo.

    1.7

    L-interoperabbiltà sħiħa bejn is-sistemi u l-pjattaformi tal-interkonnessjoni ma’ netwerk hija indispensabbli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-atturi kollha.

    1.8

    Bil-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jiġi evitat l-abbuż minn pożizzjonijiet dominanti, il-KESE jirrakkomanda li jingħata appoġġ adegwat lill-SMEs innovattivi, li joħolqu l-impjiegi, permezz tal-attivazzjoni ta’ linji ta’ assistenza tal-BEI speċifikament għalihom.

    1.9

    Il-KESE jitlob bil-qawwa li jinħoloq netwerk Ewropew ta’ ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-konsenji tal-kummerċ elettroniku li jkun faċli għall-utenti u li jsib soluzzjonijiet rapidi u bi ftit spejjeż għall-problemi tal-klijenti u tal-bejjiegħa onlajn, u li jitwaqqaf osservatorju Ewropew għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-problemi fis-settur.

    1.10

    Fil-fehma tal-Kumitat għandha titwaqqaf sistema ta’ twissija rapida għall-konsenji tal-kummerċ elettroniku, bl-istess poteri tas-sistemi RAPEX u ICSMS, li tiffaċilita l-iskambju rapidu tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar miżuri li jittieħdu biex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta’ sistemi tal-konsenji tal-kummerċ elettroniku li joħolqu riskji serji għad-drittijiet tal-konsumaturi elettroniċi jew tal-bejjiegħa elettroniċi.

    1.11

    Il-KESE jemmen li biex jinkiseb suq integrat għall-konsenja tal-pakketti, hemm bżonn li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità permezz ta’ dimensjoni soċjali soda u koerenti li terġa’ tiddefinixxi l-impjiegi attwali u toffri kwalifiki ġodda għalihom filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u pagi deċenti, u permezz tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat fil-qafas ta’ djalogu bejn l-imsieħba soċjali tas-settur fil-livell Ewropew, nazzjonali u territorjali.

    1.12

    Il-KESE jirrakkomanda li jinħoloq netwerk Ewropew ta’ ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-konsenji tal-kummerċ elettroniku li jkun faċli għall-utenti u li jsib soluzzjonijiet rapidi u mingħajr spejjeż għall-problemi kollha tal-utenti u tal-bejjiegħa onlajn, u li jitwaqqaf osservatorju Ewropew għall-monitoraġġ tas-sistemi tal-konsenji tal-kummerċ elettroniku li kull tliet xhur jagħti rendikont tal-problemi li jinqalgħu fil-konsenji tal-kummerċ elettroniku.

    1.13

    Il-KESE jemmen li għandha tiġi organizzata konferenza interistituzzjonali dwar il-loġistika integrata l-ġdida għall-kummerċ elettroniku, bil-għan li jiġu promossi l-iżvilupp ekwu u sostenibbli tas-settur, l-iskambju tal-prattiki nazzjonali tajbin dwar il-kuntratti standard (1) u s-sistemi tal-kwalità u tal-arbitraġġ kif ukoll biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà bejn l-atturi involuti kollha fil-livell nazzjonali u transkonfinali.

    2.   Il-kummerċ elettroniku u s-sistemi tal-loġistika integrata għall-konsenja tal-pakketti

    2.1

    Il-kummerċ elettroniku fl-Ewropa kellu fatturat ta’ EUR 300 biljun fl-2012, jiġifieri żieda ta’ 20 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (2), filwaqt li x-xiri onlajn żdied minn 20 % għal 37 % f’ħames snin (3); huwa stmat li l-konsumaturi ffrankaw madwar EUR 12-il biljun fis-sena.

    2.2

    Il-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku jistgħu jitkejlu f’termini ta’ ffrankar u rapidità tat-tranżazzjoni, ta’ internazzjonalità, ta’ kompletezza, ta’ veloċità tal-informazzjoni, u ta’ kontenut tas-servizz b’rabta ma’ dak li jkun ġie negozjat. Però d-disponibbiltà fiżika tal-biċċa l-kbira tal-prodotti, minbarra dawk diġitali, għadha marbuta mal-kapaċità li jiġu ġestiti l-proċessi loġistiċi tal-ipproċessar u l-imballaġġ, it-traċċabbiltà, l-identifikazzjoni, l-immaniġġar, il-ħżin u t-trasport tal-pakketti.

    2.3

    L-istrateġija tal-Kummissjoni “għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (4) tidentifika “ħames ostakoli prinċipali għas-Suq Uniku Diġitali u tipproponi pjan ta’ azzjoni biex jitneħħew”. Fosthom hemm “is-sistemi ta’ pagament u ta’ kunsinna […] inadegwati”; barra minn hekk, “10 % tal-persuni bħalissa ma jixtrux online (5) għaliex huma mħassba dwar l-ispejjeż tas-servizzi tal-kunsinna, partikolarment fir-rigward tal-kunsinna transkonfinali, u dwar il-kwalità tas-servizz”. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tisħaq li:

    “għandha tiġi żviluppata l-għażla bejn il-varji alternattivi għall-konsumaturi, filwaqt li għandhom jiġu disseminati u implimentati l-aħjar prassi Ewropej bħall-kunsinna fid-domiċilju, il-ġbir f’ħanut imsieħeb jew f’sistemi awtomatizzati li għandhom sigħat twal tal-ftuħ, eċċ. fl-Istati Membri varji”;

    “mill-perspettiva kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, il-kwistjoni tar-responsabbiltà għal pakketti danneġġati, misruqa jew mitlufa għandhom jiġu ċċarati”;

    “għandha tingħata attenzjoni wkoll sabiex ikun żgurat li s-servizzi tal-kunsinna jkunu wkoll effiċjenti u tajbin għall-but f’żoni rurali jew dawk imbiegħda u fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, sabiex il-kummerċ elettroniku jnaqqas minflok jenfasizza l-inugwaljanzi f’termini ta’ koeżjoni territorjali”;

    fil-każ tal-konsenja ta’ prodotti mediċinali ffalsifikati u/jew imitati, għandha tiġi żgurata “protezzjoni adegwata għall-pazjenti li jixtru prodotti mediċinali online”.

    2.4

    Is-sistemi tal-loġistika tradizzjonali użati fil-katina tal-konsenja issa qdiemu u hemm ir-riskju li jnaqqsu l-veloċità tal-proċess ta’ tixrid u żvilupp tal-kummerċ elettroniku, speċjalment rigward it-tranżazzjonijiet transnazzjonali, filwaqt li l-iżvilupp aċċellerat tat-teknoloġiji ġodda joffri possibbiltajiet ġodda ta’ konverġenza.

    2.5

    L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur (B2C) fil-każ tal-prodotti li ma jistgħux jiġu fornuti onlajn jew diġitalizzati wassal għal tkabbir konsiderevoli fil-konsenji medji u żgħar lejn numru kbir ħafna ta’ destinazzjonijiet mhux rikorrenti li huma diffiċli biex jiġu ppjanati, b’servizz dejjem aktar imfassal speċifikament fuq l-esiġenzi tal-klijent individwali.

    2.6

    Il-veloċità tal-ġbir tal-informazzjoni u tal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet bis-saħħa ta’ interfaċċja dejjem aktar diretta bejn il-produtturi u l-konsumaturi toħloq aspettattivi akbar f’termini ta’ rapidità u affidabbiltà tal-konsenji, u dan ipoġġi pressjoni kbira fuq l-effiċjenza u l-ispejjeż tas-sistema tal-loġistika.

    2.7

    Il-Kumitat jemmen li hu importanti li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur onlajn, li t-tħassib prinċipali tiegħu jinkludi li ma ssirx il-konsenja, il-ħsara jew it-telf ta’ dak li jkun ordna u l-possibbiltà li jirkupra flusu lura speċjalment fit-tranżazzjonijiet transkonfinali, kif ukoll il-fiduċja tal-bejjiegħ onlajn minħabba n-nuqqas ta’ netwerk strutturat ibbażat fuq l-esiġenzi speċifiċi tal-operaturi tas-settur, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà u n-nuqqas ta’ qafas regolatorju adegwat.

    3.   Il-Green Paper tal-Kummissjoni

    3.1

    Il-Green Paper tal-Kummissjoni tistabbilixxi tliet linji ta’ azzjoni sabiex issolvi l-problemi u tegħleb l-isfidi li jiffaċċjaw il-konsumaturi u l-bejjiegħa onlajn, bil-għan li tappoġġja t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u tiggarantixxi li ċ-ċittadini u l-SMEs kollha ta’ kull reġjun fl-Ewropa jkollhom aċċess għall-vantaġġi tiegħu bis-saħħa ta’ sistema tal-konsenji sostenibbli u effiċjenti fil-livell nazzjonali, Komunitarju u internazzjonali:

    is-servizzi ta’ konsenja fl-UE għandhom ikunu aktar konvenjenti għall-konsumaturi u l-SMEs;

    il-konsumaturi u l-SMEs għandu jkollhom soluzzjonijiet ta’ konsenja aktar effiċjenti f’termini ta’ spejjeż u tariffi aħjar;

    fis-servizzi ta’ konsenja għandha tiġi promossa aktar interoperabbiltà bejn l-operaturi, billi jittejbu l-metodi ta’ kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-operaturi u l-bejjiegħa onlajn, b’mod partikolari l-SMEs.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq suq integrat tal-loġistika għall-konsenja tal-pakketti relatati max-xiri onlajn u biex ikun hemm żviluppi pożittivi fil-kummerċ elettroniku mhux biss B2C iżda wkoll B2B u C2C, sabiex b’hekk tittejjeb kemm jista’ jkun il-fiduċja fost l-operaturi involuti kollha b’mod partikolari ċ-ċittadini Ewropej, u jiġu garantiti l-aċċessibbiltà, l-affidabbiltà, it-trasparenza, l-effikaċja u r-rispett sħiħ u l-protezzjoni tad-drittijiet reċiproċi.

    4.2

    Il-Kumitat iqis li l-qafas regolatorju fih nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati:

    fir-rigward tas-servizzi postali, “servizz postali universali li jiggarantixxi l-aċċess liċ-ċittadini kollha, tkun xi tkun is-sitwazzjoni ġeografika, finanzjarja jew oħra tagħhom għal servizzi postali ta’ kwalità, affidabbli u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, huwa element prinċipali tal-mudell soċjali Ewropew” (6),

    fir-rigward tal-aċċess għall-forniment ta’ servizzi b’dimensjoni transkonfinali u l-obbligi ta’ informazzjoni, bl-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi (7).

    4.3

    Fil-fehma tal-Kumitat, huwa fundamentali li l-qafas regolatorju jiġi adattat biex joffri lill-konsumaturi Ewropej vantaġġi soċjoekonomiċi akbar f’termini ta’ awtonomija, prattiċità, trasparenza u kompetizzjoni u jipprovdilhom aċċess għal firxa usa’ ta’ prodotti u servizzi, u biex lill-intrapriżi – b’mod partikolari l-SMEs – joffrilhom opportunitajiet kbar li jipprovdu prodotti u servizzi innovattivi, ta’ kwalità għolja u qrib il-konsumatur fis-suq intern Ewropew onlajn kollu, filwaqt li jsaħħilhom il-pożizzjoni tagħhom u jagħtihom il-possibbiltà li jibqgħu kompetittivi fl-ekonomija globali.

    4.4

    Jeħtieġ li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi jistabbilixxu miri kwalitattivi u kwantitattivi fuq il-bażi tal-prinċipju SMART (specific, measurable, achievable, realistic and timely). Sabiex jiġu ġestiti b’mod effikaċi l-inizjattivi u jiġi evalwat l-impatt prattiku tagħhom, jeħtieġ fuq kollox li l-progress miksub ikun jista’ jitkejjel u jitqabbel ma’ miri realistiċi (8). B’dan il-mod titjieb il-fiduċja tal-konsumaturi, tal-operaturi u tal-intrapriżi u jitjiebu wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’settur li tradizzjonalment jirrikjedi ħafna ħaddiema.

    4.5

    Il-KESE jaħseb li hu importanti li s-CEN-CENELEC-ETSI (9) jingħataw impuls qawwi biex – b’parteċipazzjoni ugwali min-naħa tal-gruppi tal-utenti, tal-SMEs u tal-partijiet interessati l-oħra – iħejju standards tekniċi u regolatorji Ewropej li jiżguraw il-kwalità, l-affidabbiltà u s-sostenibbiltà tas-servizzi tal-loġistika integrata użati għall-kummerċ elettroniku u li jipprovdu garanziji soċjali u tas-sikurezza fl-istess servizzi, abbażi ta’ kalendarju preċiż permezz ta’ kampanja adegwata ta’ informazzjoni fuq l-internet u l-mezzi tax-xandir. Il-KESE jqis li wieħed mill-passi hu li tinħoloq tikketta Ewropea tas-sikurezza u l-kwalità għas-sistemi tal-konsenja (bħall-VeriSign Secured Seal għall-pagamenti onlajn), liema tikketta tingħata min-netwerk Ewropew taċ-ċentri għas-soluzzjoni tal-problemi.

    4.5.1

    Il-KESE jirrakkomanda li jinħoloq netwerk Ewropew ta’ ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-konsenji tal-kummerċ elettroniku li jkun faċli għall-utenti u li jsib soluzzjonijiet rapidi u mingħajr spejjeż għall-problemi kollha tal-utenti u tal-bejjiegħa onlajn, u li jitwaqqaf osservatorju Ewropew għall-monitoraġġ tas-sistemi tal-konsenji tal-kummerċ elettroniku li kull tliet xhur jagħti rendikont tal-problemi li jinqalgħu fil-konsenji tal-kummerċ elettroniku.

    4.5.2

    Il-KESE jitlob bil-qawwa li tinħoloq sistema ta’ twissija rapida, bħas-sistemi RAPEX (10) u ICSMS (11), li wara li tivverifika l-abbużi rappurtati liċ-ċentri nazzjonali għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-konsenji tal-kummerċ elettroniku, tkun tista’ twaqqaf il-prattiki kummerċjali qarrieqa fis-settur, tibblokka l-websajt u tippenalizza lill-operaturi tal-konsenji sakemm tinsab soluzzjoni għall-problema li tkun effikaċi, faċli għall-utenti u mingħajr spejjeż.

    4.6

    Sabiex jiġi garantit li s-servizzi integrati tal-loġistika tal-konsenji jkunu aċċessibbli, affidabbli u effikaċi, il-KESE jemmen li hemm bżonn li:

    fil-qafas tal-Orizzont 2020 tingħata prijorità kbira lir-riċerka dwar it-teknoloġiji tal-loġistika integrata biex jiġu garantiti t-traċċabbiltà, rotot rapidi u interfaċċji ta’ kooperazzjoni bejn il-produtturi, l-operaturi tal-loġistika u l-konsumaturi bil-għan li jitnaqqsu kemm il-ħin tal-konsenja kif ukoll l-ispejjeż;

    jinbeda malajr kemm jista’ jkun l-operat tal-kostellazzjoni satellitari Galileo b’netwerk ta’ stazzjonijiet terrestri, b’konformità mal-opinjonijiet adottati mill-Kumitat dwar dan is-suġġett (12);

    tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa b’mod partikolari tas-sistemi ta’ monitoraġġ u tas-sistemi informatiċi semplifikati għar-ritorn tal-prodotti u r-rimborżi, billi jintużaw l-esperjenzi miksubin fil-programmi Komunitarji IDA, IDABC u ISA (13) – Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej;

    jitwaqqfu pjattaformi tal-interkonnessjoni ma’ netwerk għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn it-trasportaturi, anke biex jiġi limitat l-impatt ambjentali speċjalment tal-“aħħar mil”, fuq il-bażi ta’ proġetti pilota fil-kuntest tal-Orizzont 2020 u l-programm “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna 2020”;

    tiġi attivata linja tal-BEI għall-SMEs tal-loġistika integrata bħala mezz biex tingħata l-għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju innovattivi li joħolqu l-impjiegi fil-kuntest tal-inizjattiva għat-tkabbir u l-impjiegi (14);

    tiġi żgurata t-trasparenza tal-ispejjeż individwali sabiex tiġi mmonitorjata l-istruttura tal-ispejjeż u l-prezzijiet u jiġi żgurat li s-servizzi jkunu aċċessibbli, billi tiżdied is-sorveljanza tas-suq sabiex ikun hemm diversi offerti.

    4.7

    Is-settur tal-konsenja tal-pakketti jirrikjedi ħafna ħaddiema, speċjalment lil hinn mill-UE, iżda bi kwalifiki professjonali baxxi. F’ħafna pajjiżi tal-UE, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati huma kkaratterizzati minn kuntratti prekarji, ħinijiet tax-xogħol twal ħafna u pagi baxxi u l-possibbiltajiet ta’ aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu huma limitati. Din is-sitwazzjoni hi r-riżultat tal-proċessi ta’ esternalizzazzjoni li l-kumpaniji tal-konsenja wettqu permezz ta’ kooperattivi jew aġenti individwali li, għalkemm jaħdmu għal operatur tal-konsenji u jużaw il-brand u l-uniformi tiegħu, huma s-sidien tal-vann tat-trasport (it-taparsi ħaddiema għal rashom) (15).

    4.8

    Il-KESE jemmen li biex jinħoloq suq intern integrat għall-konsenja tal-pakketti, huwa essenzjali li jkun hemm dimensjoni soċjali soda u koerenti, li jiġu garantiti impjiegi ta’ kwalità u taħriġ kontinwu u li jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiżguraw, anke permezz tan-negozjati kollettivi, li l-ħaddiema jkunu impjegati direttament mal-kumpaniji tal-konsenja tal-pakketti u jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti fis-settur kollu.

    4.9

    Għalhekk, il-Kumitat iqis li sabiex jiġi żviluppat is-settur tal-konsenja tal-pakketti u tal-loġistika, huwa ta’ importanza strateġika li jinħoloq djalogu settorjali strutturat fil-livell Ewropew, nazzjonali u territorjali kemm bejn l-imsieħba soċjali li jirrappreżentaw is-settur kif ukoll bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata – speċjalment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs, tal-bejjiegħa onlajn u tal-operaturi tal-konsenji – bil-għan li jippromovu l-kooperazzjoni, il-fiduċja reċiproka u s-sostenibbiltà u l-interoperabbiltà totali tal-iżvilupp tas-suq għall-konsenja tal-ordnijiet li jsiru onlajn.

    Brussell, 20 ta’ Marzu 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Pereżempju, Thuiswinkel: kuntratt standard Olandiż li nħoloq fl-1 ta’ Jannar 2012 fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi b’konsultazzjoni mal-konsumaturi, u li diġà ngħaqdu miegħu 80 % tal-“partijiet interessati onlajn”.

    (2)  Sors: McKinsey – Ir-Raba’ Konferenza Annwali Ewropea dwar il-Kummerċ Elettroniku, 14 ta’ Novembru 2012, Brussell.

    (3)  Sors: EUROSTAT għall-perjodu 2004-2009.

    (4)  COM(2011) 942 final tal-11 ta’ Jannar 2012.

    (5)  Eurostat, Household Survey (stħarriġ dwar il-familji) 2009.

    (6)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 74.

    (7)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

    (8)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 23 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (9)  CEN: Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni; CENELEC: Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika; ETSI: Istitut Ewropew tal-Istandards tat- Telekomunikazzjoni.

    (10)  Is-sistema ta’ twissija rapida għall-prodotti perikolużi li mhumiex għall-ikel.

    (11)  ICSMS: Information and Communication System on Market Surveillance (Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni dwar is-Sorveljanza tas-Suq).

    (12)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 73; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 41 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 324, 30.12.2006, p. 37 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 318, 23.12.2006, p. 210 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 302, 7.12.2004, p. 35; ĠU C 48, 21.2.2002, p. 42 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (13)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36.

    (14)  Programm tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ biex jinbdew in-negozji – Fond Ewropew tal-Investiment.

    (15)  Ara l-Opinjoni "L-abbuż mill-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha" (Ara paġna 14 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top