Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AA0003

Opinjoni Nru 3/2013 (skont l-Artikolu 287(4), TFUE) dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

ĠU C 370, 17.12.2013, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 370/1


OPINJONI Nru 3/2013

(skont l-Artikolu 287(4), TFUE)

dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

2013/C 370/01

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI…

1–7

2

Trasparenza…

1–6

2

Simplifikazzjoni…

7

3

OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI…

8–24

3

Modi ta' implimentazzjoni…

8–11

3

Akkwist…

12–15

3

Għotjiet…

16–17

4

Appoġġ għall-baġit…

18–22

4

Awditu estern u kwittanza…

23–24

4

OSSERVAZZJONI OĦRA…

25

5

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 287(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Europea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (1),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar (OCT) mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (2),

Wara li kkunsidrat l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020 skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu (3),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 12/2002 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE ffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (4),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2007 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (5),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 9/2007 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (6),

Wara li kkunsidrat ir-rapporti annwali tal-Qorti dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, id-9 u l-10 Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (7),

Wara li kkunsidrat ir-rapporti speċjali tal-Qorti Nru 9/2013 (8), Nru 4/2013 (9) u Nru 11/2010 (10),

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (11),

Wara li kkunsidrat it-talba għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq li waslet għand il-Qorti mill-Kummissjoni fid-29 ta' Settembru 2013,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

Osservazzjonijiet ġenerali

Trasparenza

1.

Ir-Regolament Finanzjarju huwa parti importanti tal-qafas legali li japplika għal kull wieħed mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ). Id-dispożizzjonijiet tiegħu (neċessarjament tekniċi u dettaljati) għandhom jiġu rispettati jekk il-fondi FEŻ għandhom jintnefqu sew; in-nuqqas ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu ifisser li sar żball fit-tranżazzjoni tal-FEŻ ikkonċernata. Huwa għaldaqstant mixtieq ħafna li t-test tar-Regolament ikun trasparenti u faċli għall-utent kemm jista' jkun.

2.

Il-memorandum 1-7 ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni jiddikjara li l-objettiv prinċipali fit-tħejjija ta' din il-proposta kien l-allinjament tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ ma' dawk tar-Regolament Finanzjarju ġenerali (12) u mar-regoli ta' applikazzjoni tiegħu (13).

3.

Il-proposta fiha bosta referenzi għar-Regolament Finanzjarju ġenerali, u tindika liema mill-artikoli tiegħu għandhom japplikaw. Madankollu, hija spiss iżżid aktar dispożizzjonijiet jew referenzi għal dispożizzjonijiet fir-Regolament Finanzjarju ġenerali li ma għandhomx japplikaw (ara pereżempju l-artikoli diskussi taħt “Osservazzjonijiet speċifiċi”, il-paragrafi 8 sa 24). Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom japplikaw mhux direttament iżda ‘mutatis mutandis’ u ċerti termini għandhom jinqraw bħala li għandhom tifsira differenti minn dak li japplika fir-Regolament Finanzjarju ġenerali (ara l-lista fl-Artikolu 2(4) tal-proposta).

4.

L-abbozz ta' Regolament Finanzjarju li jirriżulta ma huwa xejn faċli għall-utent. Mhuwiex dokument awtonomu. Huwa impossibbli li wieħed jifhmu mingħajr ma jirreferi għar-Regolament Finanzjarju ġenerali u għar-regoli ta' applikazzjoni tiegħu. Din il-kumplessità twassal għal riskju sinifikanti ta' inċertezza legali. Id-dokument kif ippreżentat attwalment ikun diffiċli biex jintuża mill-maniġers, mill-benefiċjarji u mill-awdituri. Għaldaqstant hemm riskju sinifikanti li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu interpretati b'mod skorrett u li jsiru żbalji.

5.

Il-Qorti jiddispjaċiha li l-Kummissjoni ma pproduċietx abbozz ta' regolament trasparenti u awtonomu mfassal biex ikun mill-aktar ċar għall-utenti u biex jimminimizza r-riskju ta' żball permezz ta' fehim skorrett.

6.

Il-Qorti jiddispjaċiha wkoll li, minkejja s-suġġerimenti tal-Qorti fl-Opinjonijiet tagħha Nru 12/2002, Nru 2/2007 u Nru 9/2007, il-Kummissjoni ma ħaditx l-opportunità li tipproponi Regolament Finanzjarju uniku, applikabbli għall-FEŻ kollha attwali u futuri li, bħar-Regolament Finanzjarju ġenerali, ikun jista' jiġi emendat kull meta jinħass il-bżonn. Miżura ta' dan it-tip kieku tiżgura l-kontinwità, mingħajr ir-riskju li tiġi interrotta l-implimentazzjoni tal-FEŻ, u tista' tkun mistennija li tissimplifika l-ġestjoni.

Simplifikazzjoni

7.

Il-kumplessità fir-regoli ta' nfiq hija sors ta' piż amministrattiv u ta' żbalji għal-legalità u r-regolarità. L-Artikolu 11 fih miżura ta' simplifikazzjoni li potenzjalment tista' tkun ta' benefiċċju: għall-għotjiet, għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-użu ta' somom ta' darba, rati fissi u spejjeż għal kull unità.

Osservazzjonijiet speċifiċi

Modi ta' implimentazzjoni

8.

L-Artikolu 17 jipprovdi, fost l-oħrajn, li għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali dwar ‘ġestjoni indiretta’. Madankollu, il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 17 jintroduċu elementi li jmorru lil hinn minn dawk id-dispożizzjonijiet.

9.

Il-paragrafu 3 jipprovdi li l-‘entitajiet inkarigati’ jistgħu jafdaw ulterjorment kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lil organizzazzjonijiet oħra bl-istess mod, u b'hekk, fil-fatt, joħolqu kaskata ta' relazzjonijiet ta' fiduċja. Din is-setgħa tapplika fuq firxa wiesgħa ħafna, u tippermetti lil stati tal-AKP u l-PTEE jafdaw il-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil korpi rregolati mil-liġi privata fuq il-bażi ta' kuntratt ta' servizz. Mhuwiex ċar għalfejn din id-dispożizzjoni ddaħħlet fil-proposta. Hemm riskju sinifikanti li din toskura u potenzjalment tiffrustra l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali. Dawn jiddikjaraw, fost l-oħrajn, li entitajiet u persuni fdati bi dmirijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit ‘għandhom jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ekwivalenti għal dak mitlub taħt dan ir-Regolament meta jamministraw il-fondi tal-Unjoni...’.

10.

It-test tal-premessa 9 tal-proposta jirreferi għal din id-dispożizzjoni, u jiġġustifikaha permezz ta' referenza għar-‘regolament dwar Regoli ta' Implimentazzjoni Komuni’. Madankollu, analiżi tal-proposta għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-11-il FEŻ (14) ma żvelat ebda ġustifikazzjoni espliċita għal tali varjazzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

11.

Il-Qorti tirrakkomanda li l-Kunsill jeżamina l-ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tal-paragrafu 3: b'mod partikolari jekk xi vantaġġ mill-inklużjoni tagħha jkunux aktar bil-qabda mir-riskji li jiġi oskurat min ikollu r-responsabbiltà għall-infiq sew tal-flejjes tal-FEŻ.

Akkwist

12.

L-Artikolu 36 tal-abbozz ta' regolament jipprevedi, b'mod wiesa', li d-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom japplikaw għax-xiri pubbliku appoġġat mill-FEŻ. L-ewwel żewġ linji tal-paragrafu 5 jipprevedu li fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawn il-proċeduri, in-nefqa ma tkunx eliġibbli għal finanzjament tal-FEŻ.

13.

Madankollu l-aħħar sitt kelmiet tal-Artikolu 36(5) jikkwalifikaw dan il-prinċipju permezz ta' referenza għall-prinċipju ta' proporzjonalità.

14.

Id-dispożizzjoni proposta ddgħajjef ir-regola ġenerali li, biex ikun eliġibbli, l-infiq għandu jiġi mġarrab b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-akkwist. Il-prinċipju ta' proporzjonalità huwa rilevanti fl-istadju fejn jiġu ddeterminati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' rispett tar-regoli tal-akkwist (pereżempju l-irkupru ta' assistenza finanzjarja). Billi l-prinċipju ta' proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tal-liġi, mhuwiex meħtieġ li wieħed jirreferi għalih fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36.

15.

Il-Qorti tirrakkomanda li l-Kunsill iħassar l-aħħar sitt kelmiet tal-Artikolu 36(5).

Għotjiet

16.

Skont l-Artikolu 37 tal-proposta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali dwar l-għotjiet japplikaw b'mod wiesa' għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEŻ. Madankollu l-paragrafu 3 fih dispożizzjoni addizzjonali li tenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet u l-kuntesti speċifiċi meta tiddefinixxi l-modalitajiet. Mhuwiex ċar għalfejn tinħass il-ħtieġa li din id-dispożizzjoni tiġi inkluża fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid tal-FEŻ meta jidher li ma hemmx dispożizzjoni ekwivalenti fir-Regolament Finanzjarju ġenerali.

17.

Il-Qorti tirrakkomanda li l-Kunsill jeżamina jekk hemmx ġustifikazzjoni tajba għall-inklużjoni ta' tali dispożizzjoni u jekk id-dispożizzjoni hijiex definita b'mod ċar biżżejjed.

Appoġġ għall-baġit

18.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39 tal-proposta jipprevedi li l-Artikolu 186 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandu japplika għall-pagamenti tal-FEŻ għall-appoġġ tal-baġit. Dak l-Artikolu tar-Regolament Finanzjarju ġenerali jipprevedi li deċiżjonijiet għall-finanzjament li taħthom jitħallas l-appoġġ għall-baġit għandhom jagħtu dettalji tal-objettivi u r-riżultati mistennijin tiegħu, u li l-pagament għandu jiddependi fuq il-progress fl-issodisfar tal-kundizzjonijiet (il-paragrafu 2); li l-ftehimiet finanzjarji għandhom jipprevedu r-rimborż ta' nfiq irregolari (il-paragrafu 3); u li l-Kummissjoni għandha tappoġġa f'pajjiżi terzi benefiċjarji l-iżvilupp tal-kontroll parlamentari u tal-kapaċitajiet ta’ verifika (tal-awditjar) u żżid it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni (il-paragrafu 4).

19.

It-tieni sas-seba' paragrafi tal-Artikolu 39 tal-proposta jikkonsistu f'sensiela ta' prinċipji u prattiki relatati mal-appoġġ għall-baġit mill-FEŻ. Dawn jinkludu dikjarazzjonijiet ġenerali ta' politika (it-tieni u r-raba' paragrafi), dikjarazzjonijiet mill-ġdid jew verżjonijiet ipparafrażati ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali (it-tielet, il-ħames u s-sitt paragrafi) u referenza oskura għal links bejn il-PTEE u l-Istati Membri kkonċernati (is-seba' paragrafu).

20.

Għaldaqstant it-test jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa xieraq f'Regolament Finanzjarju (definit fil-premessa 3 bħala ‘r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni finanzjarja’). Huwa wkoll sors ta' konfużjoni potenzjali fis-sens li, fuq naħa waħda huwa jgħid li qed japplika d-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolament Finanzjarju ġenerali filwaqt li, fuq in-naħa l-oħra, huwa jipparafraża xi wħud minn dawk id-dispożizzjonijiet.

21.

Il-Qorti għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet f'rapporti reċenti rigward l-użu tal-appoġġ għall-baġit (15), inkluża b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu ssettjati kriterji oġġettivament verifikabbli, u fejn possibbli kwantifikati, u li l-progress jiġi mmonitorjat bi tqabbil magħhom. F'dan is-sens, it-test jista' jissaħħaħ b'mod utli. Xi partijiet mit-test inkluż fl-abbozz attwali (pereżempju r-referenzi għal ‘differenzazzjoni’ u ‘fatturi prinċipali li jiddeterminaw’ fir-raba' paragrafu), jistgħu fuq naħa waħda jiġu interpretati bħala ġustifikazzjoni għat-teħid ta' ħarsa relattivament laxka lejn il-ħtieġa li l-pagamenti tal-appoġġ għall-baġit ikunu kundizzjonali b'mod rigoruż.

22.

Il-Qorti tirrakkomanda li l-Kunsill jeżamina dan l-artikolu tal-proposta fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stipulati hawn fuq.

Awditu estern u kwittanza

23.

L-Artikolu 48(6) jistipula li l-‘awtoritajiet nazzjonali ta' verifika (tal-awditjar) tal-Istati AKP u l-PTEE għandhom ikunu mħeġġa sabiex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri’. Il-Qorti tinnota li r-Regolament Finanzjarju ġenerali ma fih ebda dispożizzjonijiet simili li japplikaw għall-azzjonijiet esterni ffinanzjati mill-baġit ġenerali. Il-Qorti ssegwi standards internazzjonali tal-awditjar matul it-twettiq ta' xogħolha, inklużi standards li jirrigwardaw l-użu minn xogħol awdituri oħra. Filwaqt li l-Qorti tista' tixtieq tistieden lil awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar biex josservaw xogħolha, mhuwiex xieraq għar-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ li joħloq obbligu għall-Qorti li tħeġġeġ, inġenerali, il-parteċipazzjoni tagħhom f'xogħolha.

24.

Il-Qorti tirrakkomanda lill-Kunsill biex jemenda dan il-paragrafu sabiex iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar tal-Istati tal-AKP u l-PTEE biex jikkooperaw mal-Qorti, fuq stedina tagħha.

Osservazzjoni Oħra

25.

L-Artikolu 62 tal-proposta jelenka għadd ta' aspetti ta' FEŻ preċedenti li għalihom ikun japplika r-Regolament Finanzjarju propost għall-11-il FEŻ. Il-Qorti tirrakkomanda li l-Kunsill iqis jekk huwiex xieraq l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju futur tal-FEŻ tkun limitata għall-oqsma msemmija fil-lista (għaldaqstant bl-esklużjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal punti li mhumiex imsemmija, bħall-appoġġ għall-baġit).

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

(2)  ĠU L 314, 30.11.2001, p.1 u ĠU L 324, 7.12.2001, p. 1, emendata b'Deċiżjoni 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33) u b'Deċiżjoni Nru 528/2012/UE (ĠU L 264, 29.9.2012, p. 1). Il-Proposta għal ‘Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni extra-Ewropea’ ġdida (COM)2012 362 final) qed tistenna li tiġi adottata.

(3)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1. Il-Ftehim qed jistenna li jiġi ratifikat.

(4)  ĠU C 12, 17.1.2003, p. 19.

(5)  ĠU C 101, 4.5.2007, p. 1.

(6)  ĠU C 23, 28.1.2008, p. 3.

(7)  ĠU C 331, 14.11.2013, p. 261; ĠU C 326, 10.11.2011, p. 251; ĠU C 303, 9.11.2010, p. 243 u ĠU C 269, 10.11.2009, p. 257.

(8)  “Appoġġ tal-UE għall-governanza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo” (http://eca.europa.eu).

(9)  “Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza” (http://eca.europa.eu).

(10)  “Il-ġestjoni mill-Kummissjoni tas-Sostenn Baġitarju Ġenerali fil-pajjiżi AKP, tal-Amerika Latina u tal-Asja” (http://eca.europa.eu).

(11)  COM(2013) 660 final.

(12)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(13)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(14)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ (COM(2013) 445 final). Mhuwiex ċar jekk ir-referenza f'parentesi kwadri fil-premessa 9 hijiex relatata mal-abbozz ta' regolament jew pjuttost mar-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

(15)  Il-paragrafu 51 tar-rapport annwali 2012 tal-Qorti dwar il-FEŻ, il-paragrafu 64 tar-rapport annwali 2010 tal-Qorti dwar il-FEŻ, il-paragrafu 54 tar-rapport annwali 2009 tal-Qorti dwar il-FEŻ, il-paragrafu 56 tar-rapport annwali 2008 tal-Qorti dwar il-FEŻ, ir-Rapport Speċjali Nru 9/2013 “Appoġġ tal-UE għall-governanza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo”, ir-Rapport Speċjali Nru 4/2013 “Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza”, ir-Rapport Speċjali Nru 11/2010 “Il-ġestjoni mill-Kummissjoni tas-Sostenn Baġitarju Ġenerali fil-pajjiżi AKP, tal-Amerika Latina u tal-Asja”.


Top