Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX1101(07)

    Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-KEPD tal- 14 ta’ Ġunju 2012 dwar il-proposti għal Regolament dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u għal Regolament dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej

    ĠU C 335, 1.11.2012, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 335/16


    Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-KEPD tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar il-proposti għal Regolament dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u għal Regolament dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej

    (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

    2012/C 335/09

    Introduzzjoni

    Konsultazzjoni tal-KEPD

    1.

    Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (1) (li minn hawn ’il quddiem ser jissejjaħ “ir-Regolament propost dwar il-VCF”). Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (2) (li minn hawn ’il quddiem ser jissejjaħ “ir-Regolament propost dwar is-SEF”). Dawn il-proposti ntbagħtu lill-KEPD għal konsultazzjoni fit-12 ta’ Diċembru 2011.

    2.

    Il-KEPD jilqa’ l-fatt li huwa kkonsultat mill-Kummissjoni u jirrakkomanda li fil-preamboli tar-Regolamenti proposti jiġu inklużi referenzi għal din l-Opinjoni.

    3.

    F’ċerti każijiet, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-qafas legali għall-Fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-Fondi ta’ Intreprenditorija Soċjali jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. Ir-Regolamenti proposti fihom dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-protezzjoni tad-dejta għall-individwi kkonċernati, bħall-applikabilità tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-iskambji transkonfinali ta’ informazzjoni, is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti u d-databases tal-maniġers tal-fondi.

    4.

    Hemm dispożizzjonijiet paragunabbli għal dawk imsemmija f’din l-Opinjoni f’bosta proposti pendenti jew oħrajn possibbli fil-ġejjieni, bħal dawk diskussi fl-Opinjonijiet tal-KEPD fuq il-pakkett leġiżlattiv dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni bankarja, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MIFID/MIFIR) u l-abbuż tas-suq (3). Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda li din l-Opinjoni tinqara flimkien mal-Opinjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Frar 2012 fuq l-inizjattivi msemmija hawn fuq.

    Għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta

    5.

    Ir-Regolamenti proposti għandhom l-għan li jsolvu problemi differenti biż-żewġ tipi ta’ fondi.

    6.

    Għad li l-Fondi ta’ kapital ta’ riskju jiffokaw fuq l-għoti ta’ finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-SMEs, l-industrija Ewropea tal-kapital ta’ riskju hija frammentata u maqsuma. Din il-frammentazzoni u dan il-qsim iwasslu għal nuqqas ta’ ħeġġa statistikament sinifikanti mill-investituri biex jinvestu f’Fondi ta’ kapital ta’ riskju. Il-frammentazzjoni regolatorja tipprevjeni wkoll lil Fondi ta’ kapital ta’ riskju speċjalizzati milli jiġbru ammont notevoli ta’ kapital minn barra l-pajjiż. Il-preferenza attwali tal-investituri potenzjali hija li jmorru għal ekwità privata milli investimenti tal-kapital ta’ riskju. Dan huwa ħażin għall-kompetittività globali tal-Ewropa. Ir-Regolament propost dwar il-Fondi ta’ kapital ta’ riskju għandu l-għan li jindirizza dawn il-problemi.

    7.

    Il-firxa ta’ għodod finanzjarji eliġibbli proposti fir-Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej tmur lil hinn mill-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma. L-impriżi soċjali jistgħu jirrikorru wkoll għal forom oħra ta’ finanzjament, billi jgħaqqdu finanzjament mis-settur pubbliku u dak privat, strumenti ta’ dejn jew ammonti żgħar mislufa. Għaldaqstant, ir-regoli proposti dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali jipprovdu għal firxa ikbar ta’ għodod tal-investiment li jikkwalifikaw u li huma disponibbli għall-Fondi ta’ kapital ta’ riskju.

    8.

    Barra minn hekk, il-kwistjonijiet ta’ trasparenza mqajma mill-investimenti f’negozji soċjali huma differenti mill-obbligi ta’ rapportar ġenerali li huma pprovduti fil-qasam tal-kapital ta’ riskju: l-investimenti fl-intraprenditorija soċjali għandhom fil-mira tagħhom forma ta’ ‘gwadann soċjali’ jew impatt soċjali pożittiv. Ir-regoli proposti fihom taqsimiet speċjali li jiffokaw fuq tagħrif li jappartjeni għal impatti soċjali, il-kejl tagħhom u l-istrateġiji mħaddma biex titrawwem il-kisba tagħhom.

    9.

    Ir-Regolamenti proposti dwar il-Fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej huma previsti li jikkumplimentaw lil xulxin. Iż-żewġ proposti, jekk jiġu adottati, sejrin jeżistu f’daqqa bħala atti legali awtonomi f’indipedenza reċiproka.

    Kumment Ewlieni tal-KEPD

    10.

    Il-KEPD iqis li -fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta- ir-Regolamenti proposti huma ġenerali wisq. F’ċerti każijiet mhuwiex ċar jekk l-ipproċessar ta’ dejta personali huwiex sejjer iseħħ skont ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti proposti, pereżempju rigward l-iskambji ta’ informazzjoni, is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti u t-twaqqif tad-databases tal-AETS.

    Konklużjonijiet

    32.

    Il-KEPD jirrakkomanda li:

    jiġu inklużi referenzi għal din l-Opinjoni fil-preamboli tar-Regolamenti proposti;

    jiddaħħlu dispożizzjonijiet fir-Regolamenti proposti li jisħqu fuq l-applikabilità sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jissuġġerixxi wkoll li tiġi ċċarata r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE billi jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet sejrin japplikaw b’konformità mar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE;

    jiġi speċifikat it-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi pproċessata u ttrasferita skont ir-Regolamenti proposti, li jiġu definiti l-iskopijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata u ttrasferita dejta personali mill-awtoraitajiet kompetenti kkonċernati u l-AETS u li jiġi stabbilit perjodu ta’ żamma proporzjonat għat-tali pproċessar jew tal-inqas jiġu introdotti kriterji preċiżi sabiex jiġi stabbilit;

    jiġi limitat l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għad-dokumenti u l-informazzjoni għal ksur serju u identifikat b’mod speċifiku tar-Regolamenti proposti u fil-każ fejn ikun jeżisti suspett raġonevoli (li għandu jkun appoġġjat minn provi inizjali konkreti) li jkun seħħ ksur;

    jiġi introdott rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu dokumenti u informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni formali, jiġu speċifikati l-bażi legali u l-iskop tat-talba u x’informazzjoni hija meħtieġa, il-perjodu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni kif ukoll id-dritt li d-destinatarju jitlob sabiex id-deċiżjoni tiġi riveduta minn qorti;

    tiġi ċċarata l-bażi legali tad-databases tal-Maniġers tal-Fondi billi jiġu introdotti dispożizzjonijiet iktar dettaljati fir-Regolamenti proposti. Dispożizzjonijiet bħal dawn iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. B’mod partikolari, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-database trid (i) tidentifika l-iskop tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar u tistabbilixxi liema huma l-użi kompatibbli; (ii) tidentifika liema entitajiet (AETS, awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni) ser ikollhom aċċess għal liema dejta maħżuna fid-database u ser ikollhom il-possibilità li jimmodifikaw id-dejta; (iii) tiżgura d-dritt ta’ aċċess u informazzjoni xierqa għas-suġġetti kollha tad-dejta li d-dejta personali tagħhom tista’ tinħażen u tiġi skambjata; (iv) tiddefinixxi u tillimita l-perjodu ta’ żamma għad-dejta personali għal dak li hu l-inqas neċessarju għat-twettiq tat-tali skop;

    peress li r-Regolamenti proposti huma ġenerali wisq f’każijiet ta’ skambji transkonfinali ta’ informazzjoni, is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti u t-twaqqif ta’ databases tal-AETS tal-maniġers tal-fond, l-elementi essenzjali tal-ipproċessar ta’ dejta personali ma għandhomx jitħallew jiġu deċiżi permezz ta’ atti ddelegati, iżda għandhom jiġu inklużi fl-Artikoli sostantivi relevanti tar-Regolamenti proposti;

    jiġu inklużi referenzi fir-Regolamenti proposti dwar il-bżonn li jiġi kkonsultat il-KEPD meta l-atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni jkunu jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ dejta personali.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2012.

    Giovanni BUTTARELLI

    Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


    (1)  COM(2011) 860.

    (2)  COM(2011) 862.

    (3)  Opinjonijiet tal-KEPD tal-10 ta’ Frar 2012, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu


    Top