Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XR2204

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-prijoritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2013 abbażi tal-Programm Leġislattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea”

    ĠU C 17, 19.1.2013, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 17/1


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-prijoritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2013 abbażi tal-Programm Leġislattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea”

    2013/C 17/01

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-KtR tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar il-prijoritajiet fid-dawl tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea (1) u r-Riżoluzzjoni tiegħu fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2012 (2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2013 (3) u l-Protokoll ta’ Kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea ffirmat fis-16 ta’ Frar 2012,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013 (4),

    Prijoritajiet politiċi ewlenin għall-2013

    1.

    jaħseb li l-isfida ewlenija tal-Unjoni Ewropea hija n-neċessità li tegħleb il-kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja. Għalhekk, jappoġġja bil-qawwa l-isforzi biex tiżdied u tinżamm l-enfasi tal-UE fuq:

    l-Istrateġija Ewropa 2020,

    is-Suq Uniku,

    investimenti mmirati, b’mod partikolari fir-riċerka u l-innovazzjoni fejn l-istituti tal-edukazzjoni u tar-riċerka (Ewropej), l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi (l-ispiral triplu) jikkooperaw biex jimplimentaw l-Istrateġija Ewropa 2020 b’mod intelliġenti,

    u riżultati tajbin, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    2.

    jappella għal Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ambizzjuż u riżorsi proprji ġenwini għall-Unjoni;

    3.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ u huwa ħerqan biex jgħin fit-tiswir tal-Pakkett tal-Impjieg taż-Żgħażagħ li ġej;

    4.

    ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona saħħaħlu r-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u l-impenn tiegħu li jsir punt ta’ referenza għall-applikazzjoni korretta tiegħu; f’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza li ser jagħti lill-monitoraġġ tal-inizjattivi tal-UE inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013, u jiġbed l-attenzjoni għall-programm ta’ ħidma tiegħu dedikat għall-monitoraġġ tas-sussidjarjetà fl-2013, li għandu jiġi adottat f’Jannar;

    5.

    jappoġġja l-idea ta’ diskussjoni fid-dettall dwar il-ġejjieni tal-Ewropa mill-perspettiva tal-leġittimità demokratika, ir-responsabbiltà u l-integrazzjoni effettiva. Iqis li huwa essenzjali li jiddefinixxi l-pożizzjoni politika tiegħu dwar ir-rwol futur tal-livell lokali u reġjonali, inkluża l-possibbiltà li jsiru bidliet fl-arranġamenti istituzzjonali tal-UE; għaldaqstant, fl-2013 il-KtR ser jagħti spinta lil kwalunkwe dibattitu dwar ir-riforma tat-Trattat billi jorganizza dibattiti politiċi u billi jiddefinixxi aħjar il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kunċett ta’ governanza f’diversi livelli bħala għodod importanti għall-ksib ta’ dawn l-objettivi;

    6.

    jappoġġja t-talba li għamel il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 biex l-Istati Membri jikkunsidraw li jiffirmaw “Patt dwar l-Investiment Soċjali”. Dan il-“Patt dwar l-Investiment Soċjali”, li tfassal abbażi tal-mudell tal-“Patt Euro Plus”, jistabbilixxi miri ta’ investiment għall-investimenti soċjali li għandhom isiru mill-Istati Membri fi żmien definit sabiex jiksbu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-rigward tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-qasam soċjali b’konformità mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma;

    7.

    se jkompli janalizza bir-reqqa l-impatt territorjali tal-programm leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea;

    Unjoni Ekonomika u Monetarja

    8.

    jitlob li jiġi kkonsultat dwar il-Blueprint tal-KE għal Unjoni Monetarja Ewropea komprensiva u ġenwina, meta wieħed iqis id-dimensjoni territorjali ta’ kull wieħed mill-erba’ pilastri tagħha;

    9.

    jappella għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali bejn il-livell Ewropew u dak nazzjonali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jitlob għal parteċipazzjoni ikbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’din il-koordinazzjoni. Il-KtR se jkompli jimmonitorja l-progress f’din id-direzzjoni filwaqt li jfittex kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Parlament Ewropew;

    10.

    jappoġġja bil-qawwa l-appell li għamel il-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni (5) biex “tindirizza bis-sħiħ”, fis-SAT (Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir) tagħha li jmiss, “ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tipprovdi data fattwali u konkreta dwar l-effetti katalitiċi, sinerġetiċi u kumplimentari li jqanqlu bidla fuq in-nefqa pubblika ġenerali fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali”;

    11.

    jilqa’ l-fatt li jitwaqqfu mekkaniżmi effettivi fil-livell tal-UE sabiex jiġu żgurati politiki baġitarji sostenibbli fl-Istati Membri iżda jwissi dwar ir-riskji li tista’ toħloq il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja fil-livell tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi adegwati;

    12.

    jiddispjaċih li l-proposta għal Green Paper dwar is-sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali ma ġietx inkluża fil-Programm ta’ Ħidma; ifakkar b’mod speċifiku l-appoġġ tiegħu għal Komunikazzjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku li għandha tindirizza, inter alia, il-kwistjoni tas-separazzjoni tal-infiq attwali u l-investiment fil-kalkoli tad-defiċit tal-baġit sabiex jiġi evitat li investimenti b’benefiċċji netti fit-tul jiġu kkalkolati bħala negattivi;

    13.

    jimpenja ruħu li janalizza bis-sħiħ id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Unjoni Bankarja;

    14.

    jitlob kjarifika dwar l-istrument legali previst għall-Inizjattiva dwar il-Kontijiet Bankarji;

    Politika ta’ koeżjoni

    15.

    japprova bil-qawwa, fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-QFP, li l-Politika ta’ Koeżjoni hija politika ta’ investiment li teħtieġ kemm infiq effettiv kif ukoll baġit b’saħħtu li ma jistax jitnaqqas jekk irridu nistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, inżidu l-kompetittività u nsaħħu l-ġlieda kontra d-differenzi territorjali fi ħdan ir-reġjuni kollha tal-UE u bejniethom, b’mod speċjali fi żmien ta’ kriżi;

    16.

    jiddispjaċih li l-“Kodiċi tal-Kondotta” propost mill-Kummissjoni Ewropea ma ġiex adottat mill-Presidenza Ċiprijotta; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi u tanalizza bir-reqqa l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi rilevanti, u jitlob għal rapport dwar din il-kwistjoni sa tmiem l-2013. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni ser isegwi mill-qrib in-negozjati rilevanti abbażi tal-mandati ta’ negozjar speċifiċi għal kull pajjiż tal-Kummissjoni għall-fondi tal-QSK għall-2014-2020, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju tas-sħubija;

    17.

    jitlob għal konsultazzjoni formali mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tar-reviżjoni tal-linji gwida għal għajnuna reġjonali;

    18.

    jitlob għal strateġija ta’ żvilupp rurali Ewropea sabiex jiġu bbilanċjati r-riżorsi għal żoni rurali li l-livell ta’ żvilupp tagħhom huwa inqas mill-medja tal-UE u ta’ sikwit ħafna inqas minn żoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma urbani;

    19.

    jitlob għall-adozzjoni ta’ Regolament rivedut dwar ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali separat mill-pakkett leġislattiv dwar il-Fondi Strutturali;

    Suq Uniku

    20.

    jiddispjaċih għall-pass bil-mod tal-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku;

    21.

    jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal fatturi elettroniċi obbligatorji fl-akkwist pubbliku, iżda jirrimarka li bidla sħiħa għal sistemi elettroniċi se tkun ta’ sfida għal uħud mill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jistgħu jirrikjedu għajnuna jew perjodu ta’ tranżizzjoni itwal;

    22.

    jitlob għall-ħolqien ta’ Sħubijiet tal-Att dwar is-Suq Uniku sabiex l-Att dwar is-Suq Uniku jiġi implimentat iktar fil-livell sottonazzjonali. Jaħseb li l-inizjattiva tar-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER), li ilha tingħata mill-KtR mill-2010, tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni għal aktar promozzjoni tal-intraprenditorija, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ;

    23.

    jitlob lill-Kummissjoni tispjega għala l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa Elettronika, li ġie mitlub preċedentement mill-Kumitat tar-Reġjuni u li tħabbar fil-Programm ta’ Ħidma għall-2012, għadu ma ġiex ippreżentat u ma jidhirx la fost il-miżuri li huma ppjanati li jiġu adottati sa tmiem l-2012 u lanqas fil-Programm ta’ Ħidma għall-2013;

    24.

    jemmen li aktar ċertezza legali hija meħtieġa għal attivitajiet fl-ekonomija soċjali u f’dan il-kuntest jappella għal statut ta’ impriża mutwa Ewropea;

    25.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li timmodernizza r-regoli tal-għajnuna tal-istat tal-UE u li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi billi tadatta l-eżenzjonijiet ta’ kategorija ġenerali, u f’dan ir-rigward isejjaħ għal żieda fil-limitu de minimis;

    26.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma kkonsultatx formalment lill-KtR b’rabta mat-tfassil tal-linji gwida ġodda li jirregolaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament pubbliku ta’ netwerks tal-broadband;

    27.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fl-Anness II tal-Programm ta’ Ħidma fuq inizjattivi konkreti dwar is-semplifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi, u beħsiebu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom;

    Nibnu n-netwerks tal-ġejjieni

    28.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi lejn is-soluzzjoni ta’ problemi ta’ konnettività bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni; jappella lill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-kuntest biex iżżid l-isforzi tagħha mmirati lejn it-tnaqqis tal-iżolament enerġetiku ta’ Stati Membri individwali u li tistabbilixxi suq intern tal-enerġija kompletament operattiv sal-2014;

    29.

    jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ impenn ċar mill-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ il-politiki tagħha mmirati lejn l-iżvilupp ta’ grilja infrastrutturali moderna, u b’mod speċifiku l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u l-kejl intelliġenti (smart metering), li huma aspetti importanti tal-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi miżuri li jiffaċilitaw it-tixrid tal-mikroproduzzjoni tal-enerġija u l-integrazzjoni tagħha fil-grilji ta’ distribuzzjoni;

    30.

    jiddispjaċih li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni ma jinkludix aktar inizjattivi relatati mal-mobilità urbana; itenni, f’dan il-kuntest, is-suġġeriment tiegħu li l-biljetti elettroniċi u intelliġenti, pereżempju dawk mobbli, għall-mezzi ta’ trasport kollha huma prerekwiżit essenzjali għall-mobilità urbana sostenibbli, u jittama li din il-kwistjoni tkun tista’ tiġi indirizzata fis-segwitu ppjanat tal-Green Paper dwar “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”;

    31.

    jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tieħu kull opportunità biex l-għanijiet stabbiliti fr-reviżjoni tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport jiġu implimentati b’mod konsistenti;

    32.

    jistenna bil-ħerqa l-proposta futura dwar il-politika portwarja tal-ġejjieni tal-UE u jfakkar dwar il-ħtieġa li tkun soġġetta għal Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali;

    Tkabbir, impjiegi u inklużjoni

    33.

    jaħseb li l-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan u bejn l-Istati Membri hija fattur importanti fil-ġlieda kontra l-qgħad u għalhekk jappoġġja l-pjani biex jiġu modernizzati s-servizzi pubbliċi ta’ impjieg, b’attenzjoni partikolari għar-riforma tal-EURES, li bħalissa qed jopera f’livell inqas mill-possibilitajiet tiegħu; madankollu jfakkar ukoll li s-servizzi pubbliċi ta’ impjieg ta’ sikwit huma ġestiti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jridu jiġu kkonsultati b’mod sħiħ dwar ir-riformi;

    34.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma kkunsidratx is-sejħa ripetuta tiegħu għal aġenda Ewropea dwar l-akkomodazzjoni soċjali, li tikkjarifika fost affarijiet oħra r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-akkomodazzjoni soċjali u tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu akkomodazzjonijiet soċjali deċenti u affordabbli, jippromovu t-taħlit soċjali u jiġġieldu d-diskriminazzjoni;

    35.

    jirrimarka dwar l-importanza ta’ pensjonijiet tal-irtirar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma entitajiet kbar li jħaddmu n-nies u jistenna li l-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni tinkludi proposti dwar trasferibilità transkonfinali mtejba tal-pensjonijiet tax-xogħol;

    36.

    jaħseb li t-twaqqif ta’ pjattaforma sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat huwa inizjattiva f’waqtha; u huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-entitajiet tal-infurzar reġjonali u l-ispettorati tax-xogħol jiġu inklużi f’din il-pjattaforma; barra minn hekk jara li hemm possibilitajiet kbar għal sinerġiji bejn din il-pjattaforma u l-proposti li jsaħħu l-infurzar tar-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema;

    37.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li fil-linji gwida ġodda tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għall-films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra jinżamm il-prinċipju tal-obbligi ta’ nfiq territorjali, kif spjegat fil-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema tal-2001, b’konformità mal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE;

    38.

    jiddispjaċih dwar il-livell baxx ta’ ambizzjoni fil-Programm ta’ Ħidma fir-rigward tal-kultura, meta wieħed iqis l-importanza tagħha għal identità Ewropea u li hija mutur tat-tkabbir;

    L-użu aħjar tar-riżorsi tal-Ewropa

    39.

    jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Qafas għas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li huwa għodda ewlenija biex l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 jissarrfu f’azzjoni ambjentali u li għandu jiffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib mal-livelli kollha ta’ governanza, fuq l-integrazzjoni tat-tħassib dwar l-ambjent fl-oqsma ta’ politika kollha u fuq id-dimensjoni internazzjonali tal-isfidi ambjentali;

    40.

    jitlob biex l-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE għat-tibdil fil-klima tinkludi sezzjoni dwar azzjoni ta’ adattament speċifika fil-livell reġjonali u muniċipali kif ukoll linji gwida u appoġġ f’termini ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjar u governanza għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali, kif propost mill-Patt tas-Sindki;

    41.

    huwa impenjat li jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi implimentat b’suċċess ir-riżultat tal-UNCCC f’Doha kif ukoll il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi;

    42.

    jistenna li r-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ssaħħaħ id-Direttiva dwar il-Limiti tal-Emissjonijiet Nazzjonali sabiex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet fl-isfond. Jappoġġja istandards iżjed stretti għall-vetturi u jsejjaħ għall-indirizzar tal-emissjonijiet mill-bastimenti, it-traffiku tal-ajru u l-agrikoltura, filwaqt li jiġu semplifikati l-indikaturi u l-kriterji tal-kejl. Isejjaħ ukoll għall-integrazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ma’ oqsma ta’ politika oħra, b’mod partikolari t-trasport, id-djar, l-industrija, l-enerġija u l-klima;

    43.

    iġedded l-impenn tiegħu għal kooperazzjoni msaħħa mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 tal-UE;

    44.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-istedina tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontribwixxi għall-politika futura tiegħu dwar is-self enerġetiku u jsejjaħ biex l-aċċess għal self għal investimenti fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u rinnovabbli jiġi faċilitat għall-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’dan il-kuntest, jaħseb li għandu jitqies il-periklu dejjem jikber tal-faqar enerġetiku fl-inizjattivi tal-politika tal-enerġija tal-UE;

    Ewropa għaċ-ċittadini

    45.

    ifittex biex ikun involut fit-tfassil tal-azzjonijiet kollha tal-UE relatati mas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 sabiex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom, sabiex jitneħħew l-ostakli li baqa’ għall-applikazzjoni u t-tisħiħ min-naħa tagħhom tal-idea taċ-ċittadinanza fl-Unjoni;

    46.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tipprepara rapport kontra l-korruzzjoni u klassifika ġudizzjarja, bħala mekkaniżmi li se jgħinu biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha, u joffri l-għajnuna tiegħu fl-iżvilupp tagħhom;

    47.

    jistenna bil-ħerqa li jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp tan-netwerk ta’ integrazzjoni, bil-għan li jkun hemm unità fid-diversità;

    L-Ewropa bħala attur globali

    48.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni tidħol f’aktar dettall fir-rapporti dwar l-istrateġija ta’ tkabbir tagħha dwar il-gvernijiet awtonomi lokali u reġjonali, u li tenfasizza lill-pajjiżi tat-tkabbir – fejn dan ikun adatt – dwar il-ħtieġa għad-deċentralizzazzjoni;

    49.

    jitlob li jiġi faċilitat l-aċċess tal-atturi lokali u reġjonali fil-pajjiżi tat-tkabbir u fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għal fondi speċifiċi tal-UE għal dan il-qasam, u jappoġġja użu akbar tal-programmi li diġà jeżistu, inkluż l-Erasmus Mundus u r-REKT lill-imsieħba fil-pajjiżi ġirien;

    50.

    jafferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jkompli l-kooperazzjoni pożittiva mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-programm tal-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali sabiex jitjieb il-bini tal-kapaċità lokali u jiġi promoss l-għarfien tal-UE u l-proċeduri tagħha fil-pajjiżi kandidati u ta’ qabel il-kandidatura; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li dan jiġi estiż għall-gvernijiet lokali tal-pajjiżi tal-PEV;

    51.

    jilqa’ b’sodisfazzjon id-distinzjoni li għamlet il-Kummissjoni Ewropea bejn ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fit-twassil tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp billi tippreżenta Komunikazzjonijiet separati, u jsejjaħ lill-Parlament Ewropew biex jagħmel l-istess;

    52.

    jistenna li l-bliet u r-reġjuni jkunu involuti fid-definizzjoni tal-pożizzjoni tal-UE fid-dawl tas-Summit dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju tal-2015;

    53.

    jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew, il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-UE u l-Presidenza futura Irlandiża u dik Litwana tal-Kunsill.

    Brussell, 30 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 1031/2012 fin.

    (2)  CdR 42/2012 fin.

    (3)  COM(2012) 629 final.

    (4)  P7_TA(2012) 0319.

    (5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew “Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2012”.


    Top