Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XR1031

    Riżoluzzjoni dwar “Il-prijoritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2013 bi tħejjija għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea”

    ĠU C 277, 13.9.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/1


    Riżoluzzjoni dwar “Il-prijoritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2013 bi tħejjija għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea”

    2012/C 277/01

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 “It-Twettiq tat-Tiġdid Ewropew” (1)

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Prioritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2012 abbażi tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea (2),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 lill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa 2012 dwar l-abbozz tat-Trattat dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza fl-unjoni ekonomika u monetarja, (3),

    wara li kkunsidra l-Protokoll eżistenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fis-16 ta’ Frar 2012,

    billi l-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq juri l-pożizzjonijiet prinċipali tiegħu b’rabta mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kumissjoni għall-2013,

    Il-ġejjieni tal-Unjoni

    1.

    jinsab konvint li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi enormi sabiex tindirizza l-kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali u politika kontinwa, hemm bżonn urġenti ta’ Programm ta’ Ħidma ambizzjuż għall-2013 min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li għandu jsaħħaħ it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa u jikkontribwixxi sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

    2.

    iqis li l-irkupru għandu jistrieħ fuq żewġ pilastri importanti indaqs ta’ riformi strutturali: it-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir u l-iżgurar tad-dixxiplina baġitarja;

    3.

    jappoġġja integrazzjoni ekonomika aktar profonda u allinjament aħjar tal-prijoritajiet ta’ politika, tad-dħul finanzjarju u tal-infiq bejn il-livelli kollha ta’ gvern, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija u s-setgħat tal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali: abbażi tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-gvernanza f’diversi livelli, jirrifjuta kwalunkwe rinazzjonalizzazzjoni jew ċentralizzazzjoni impliċiti jew espliċiti tal-politiki;

    4.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirreżisti t-tentattivi li jintużaw il-ftehimiet intergovernattivi sabiex jiġu evitati l-proċeduri demokratiċi tal-Unjoni, kif stipulati fit-Trattati, mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjonijiet imsaħħa previsti mit-Trattat ta’ Lisbona;

    5.

    ifakkar fil-pożizzjoni tal-KtR (4) li adozzjoni bikrija tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020 fl-aħħar tal-2012 huwa sinjal importanti li l-UE hija kapaċi tirreaġixxi għall-isfidi globali bl-istrateġija proprja tagħha għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività u prerekwiżit sabiex jiġi garantit li l-politika ta’ koeżjoni tibqa’ taħdem mingħajr interuzzjonijiet;

    6.

    itenni li l-baġit tal-UE huwa baġit ta’ investiment, li l-proposti għall-qtugħ finanzjarju fil-programmi li huma parti mill-aġenda għat-tkabbir tal-UE għandhom jiġu rrifjutati u li hemm bżonn li jinħolqu riżorsi proprji ġodda, b’mod partikolari bil-għan li jiġu sostitwiti l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE;

    7.

    itenni d-determinazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikunu involuti fis-semplifikazzjoni tal-fondi tal-UE u r-reviżjoni tar-regolament finanzjarju, sabiex tonqos il-burokrazija, jiżdied l-effett ta’ lieva tal-fondi pubbliċi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali, kif ukoll biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà għall-kontribwenti Ewropej;

    8.

    huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea għandha tressaq analiżi tal-impatt tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u – b’mod partikolari – fuq il-kwistjoni dwar kif jista’ jinżamm il-mandat tal-awtonomija fiskali reġjonali u lokali;

    9.

    jappoġġja l-isforzi biex tiġi assigurata dixxiplina baġitarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar ta’ livelli għolja ta’ dejn pubbliku li huma theddida serja għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Jinnota li l-kapaċità adegwata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istess ħin tista’ tiżgura t-tkabbir permezz tal-investiment adatt, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġetti kkofinanzjati mill-fondi Ewropej u mill-akkwist pubbliku;

    10.

    itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex fil-proposti kollha tagħha tintegra l-Artikolu 9 tat-TFUE dwar il-promozzjoni ta’ livelli għoljin ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta rakkomandazzjonijiet bilanċjati relatati mas-Semestru Ewropew u tikkunsidra l-obbligi imposti mit-Trattat f’kull strument leġislattiv relatat mal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

    11.

    jitlob lill-Kummissjoni li tikkoopera mal-Kumitat tar-Reġjuni fit-tfassil ta’ Att Ewropew dwar il-Proċeduri Amministrattivi;

    L-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew

    12.

    jenfasizza li filwaqt li s-Semestru Ewropew għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, id-dixxiplina fiskali u l-isfidi strutturali, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jantiċipaw u jimmonitorjaw ukoll mill-qrib l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq l-awtonomija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    13.

    jilqa’ b’mod wiesa’ il-“PATT GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI” ġdid kif ġie deċiż mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012, u jappoġġja l-ħtieġa urġenti biex “f’kull livell ta’ governanza tal-Unjoni Ewropea jiġu mobilizzati l-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha” sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (5);

    14.

    jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex jittejbu l-arranġamenti ta’ governanza u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ sħubija fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma; madankollu jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi evalwazzjoni ta’ dawn l-aspetti f’kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi;

    15.

    ifakkar fil-bżonn li fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jkun hemm strutturi orjentati lejn ir-riżultati, bħall-patti territorjali (6); barra minn hekk, għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati l-inizjattivi li jippromovu l-kompetittività u l-innovazzjoni fil-livell lokali u reġjonali, bħal pereżempju t-tikketta tar-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej;

    16.

    qiegħed jistenna bil-ħerqa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea matul iċ-ċiklu ta’ politika tal-Ewropa 2020 u jitlob li jkun involut fit-tħejjija tas-Sondaġġ tat-Tkabbir Annwali;

    17.

    jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi b’mod partikolari tħejji rapporti dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħhom;

    18.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li fl-2013, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-istrateġija, tipprovdi sommarju dwar kif tixtieq tassigura involviment mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dak ir-rigward;

    19.

    jitlob li kwalunkwe trasferiment ta’ fondi strutturali mhux użati lejn aġenda ġdida dwar it-tkabbir għandu jirrispetta l-prinċipju tas-solidarjetà u jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    20.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli tindirizza l-isfidi prinċipali bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-impjiegi għal ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena u l-gruppi soċjalment żvantaġġati, waqt li jitqies ir-rwol prinċipali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; b’mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kunsill għal Regolament dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jappella li fil-Pjani Nazzjonali ta’ Impjieg tiddaħħal dimensjoni lokali u reġjonali konkreta;

    21.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-rakkomandazzjoni li jmiss dwar il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-benesseri tat-tfal tinkorpora s-suġġerimenti mfissra fl-Opinjoni tal-KtR dwar il-Faqar fost it-Tfal ta’ Frar 2012 (CdR 333/2011), b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ strateġija komprensiva kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal li tinkludi l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll it-twaqqif ta’ qafas ta’ monitoraġġ imsejjes fuq indikaturi affidabbli u b’rabta mal-mekkaniżmu ta’ rappurtar attwali taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Il-KtR huwa konvint li hemm bżonn li fl-2013 issir valutazzjoni tal-impatt tal-kriżi fuq il-faqar fost it-tfal li tkun imsejsa fuq ir-rapporti speċifiċi tal-Istati Membri taħt il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u l-Istrateġija Ewropa 2020;

    Il-baġit tal-UE

    22.

    ifakkar li fiż-żminijiet ta’ kriżi u awsterità, il-baġit tal-UE għandu juża kemm jista’ kofinanzjament pubbliku u privat fil-livelli kollha ta’ governanza (7); jiddispjaċih li hemm nuqqas ta’ statistika li tippermetti evalwazzjoni soda ta’ effetti ta’ lieva u multiplikaturi bħal dawn;

    23.

    jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tressaq rapport dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku (8); jirrakkomanda li fil-kalkoli tad-defiċit baġitarju jkun hemm distinzjoni bejn l-infiq attwali u l-investiment, sabiex jiġi evitat li l-investimenti b’benefiċċji netti fit-tul jiġu kkalkolati bħala negattivi;

    24.

    jenfasizza li b’mod partikolari jistgħu jitfittxu sinerġiji bejn il-baġits tal-UE u dawk nazzjonali u sottonazzjonali, sakemm ikun hemm fis-seħħ mekkaniżi ta’ koordinazzjoni tajbin u effettivi, bħall-interoperabbiltà bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jindirizzaw kwistjonijiet baġitarji, regoli tal-komptabilità armomizzati dwar il-finanzi pubbliċi kif ukoll ċikli baġitarji u strutturi baġitarji paragunabbli, u jistieden lill-Kumissjoni Ewropea toħroġ Green Paper sabiex tesplora miżuri konkreti possibbli f’dan il-qasam;

    Is-suq uniku, l-SMEs u l-industrija

    25.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2013 tinkludi t-Tielet Att dwar is-Suq Uniku, li għandu jinkludi l-inizjattivi kollha ta’ politika li fadal mill-Att dwar is-Suq Uniku li għadha ma ttiħditx azzjoni dwarhom u għandu jżomm bilanċ fost il-pilastri ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza fir-rigward tal-erba’ libertajiet fundamentali;

    26.

    jitlob lill-Kummissjoni li tagħmel sforz partikolari sabiex ittejjeb aktar il-mobilità transkonfinali fil-qasam tal-impjiegi u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema u jappella għal sistema mtejba ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki sabiex tiġi appoġġjata l-mobilità tal-professjonisti;

    27.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirtira l-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-dritt biex tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi li attivat twissija bikrija dwar is-sussidjarjetà minn 12-il parlament nazzjonali;

    28.

    jenfasizza r-rwol importanti tal-SMEs fir-riġenerazzjoni ekonomika u l-impjieg fil-livell lokali u reġjonali; dan jista’ jissaħħaħ aktar permezz tal-involviment tal-SMEs, l-universitajiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-programmi tal-UE li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    29.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippermetti aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjament u għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku kif ukoll sabiex tkompli tnaqqas il-piż amministrattiv;

    30.

    jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-KtR fir-reviżjoni tal-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali;

    31.

    jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex sa Jannar 2013 tressaq, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal direttiva li tiżgura aċċess għal servizzi bażiċi ta’ pagament lill-konsumaturi kollha li jgħixu b’mod legali fl-Unjoni;

    32.

    itenni s-sejħa tiegħu għal aġenda Ewropea dwar id-djar soċjali, li tikkjarifika r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għad-djar soċjali u tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu djar soċjali deċenti u affordabbli, jippromovu taħlita soċjali u jiġġieldu d-diskriminazzjoni;

    33.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, wara l-irtirar tal-ewwel abbozz ta’ regolament għall-istatus tas-soċjetajiet Ewropej għall-assigurazzjoni reċiproka, sabiex kemm jista’ jkun malajr tippreżenta abbozz rivedut ta’ proposta;

    Enerġija

    34.

    iħeġġeġ li fl-2013 ikun hemm segwitu tal-Pjan ta’ Direzzjoni dwar l-Enerġija 2050 sabiex ikun assigurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu kapaċi jagħtu kontribut għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata u l-infrustruttura tal-enerġija bħan-netwerks intelliġenti, li jikkostitwixxu element prinċipali ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi u l-ekonomija ekoloġika; għalhekk jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex sal-2030 tiżviluppa qafas ta’ investiment komprensiv, sabiex tipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa kemm lill-atturi tas-swieq kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    35.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea tevalwa l-għażliet għal strument finanzjarju addizzjonali ġestit b’mod deċentralizzat sabiex titħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni dwar l-Enerġija Sostenibbli mill-awtoritajiet reġjonali u lokali u, b’mod partikolari mill-imsieħba tal-Patt tas-Sindki; jappoġġja wkoll raggruppament aħjar tal-miżuri tal-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-konservazzjoni fil-programmi finanzjarji futuri tal-UE (9),

    36.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi lejn is-soluzzjoni tal-problemi ta’ konnettività bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni fl-Istati Membri; u biex tippromovi miżuri li jiffaċilitaw it-tixrid tal-mikroproduzzjoni tal-enerġija u l-integrazzjoni tagħha fin-netwerks tad-distribuzzjoni;

    37.

    jappella sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-self mill-Bank Ewropew ta’ Investiment għal investimenti fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    Il-politika reġjonali

    38.

    jinsisti fuq il-bżonn li tintlaħaq il-mira li l-pakkett leġislattiv dwar il-politika ta’ koeżjoni għall-2014-2020 jiġi adottat fil-bidu tal-2013 sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jibdew jużaw il-programmi tal-Fondi Strutturali fl-1 ta’ Jannar 2014;

    39.

    jistieden b’mod insistenti lill-EUROSTAT biex, b’kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali tal-istatistika, jindirizza l-ħtieġa ta’ data komparabbli li toħroġ fi żmien adatt dwar il-PDG reġjonali;

    40.

    ifakkar fil-ħtieġa li d-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE titqies b’mod aktar koerenti u strett; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi dawn l-elementi fl-attivitajiet tagħha tal-futur relatati mal-valutazzjoni tal-impatt u li tagħti rapport regolari dwarhom (10);

    41.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex testendi l-iskema ta’ stazzjonar temporanju ta’ ħaddiema taċ-ċivil tal-UE għal-livell sottonazzjonali (minflok tiffoka biss fuq il-livell nazzjonali) sabiex jitjieb l-għarfien fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-prattika li tiġi implimentata l-leġislazzjoni u l-proġetti tal-UE fil-livell lokali u reġjonali;

    Trasport

    42.

    jistenna bil-ħerqa l-proposta li jmiss dwar il-politika tal-UE futura dwar il-portijiet; jitlob li l-proposta tkun soġġetta għal valutazzjoni ta’ impatt territorjali u jinsab lest li jikkontribwixxi għal dan l-eżerċizzju;

    43.

    jindika l-importanza tal-mobilità urbana sostenibbli u jissuġġerixxi li jiġi promoss it-tikkettar elettroniku u intelliġenti fost il-modi kollha tat-trasport, inklużi l-karozzi tal-linja, il-ferroviji, il-vapuri, l-użu konġunt tal-karozzi u tar-roti, u l-ħlasijiet għall-użu tat-toroq (road tolls), bil-għan li titħeġġeġ interoperabbiltà aħjar bejn is-sistemi u jiżdied l-użu tat-trasport pubbliku;

    Ambjent

    44.

    josserva li, sa ċertu punt, it-tnaqqis fit-titjib tal-kwalità tal-arja, huwa kkawżat minn nuqqas ta’ ambizzjoni fil-politika tal-UE dwar it-tnaqqis mis-sors u nuqqas ta’ miżuri nazzjonali. Ħafna mill-piż u r-responsabbiltà sabiex jissolvew il-problemi dwar il-kwalità tal-arja tqiegħdu fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali (11); jistenna bil-ħerqa l-proposti dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn il-problemi fir-reviżjoni li jmiss tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja;

    45.

    jistenna li f’din ir-reviżjoni, il-livelli ta’ ambizzjoni u skadenzi tal-politika ta’ emissjonijiet tal-UE (ibbażati fuq is-sors) u tal-politika ta’ immissjonijiet jkunu allinjati u li b’mod partikolari tissaħħaħ id-Direttiva dwar il-limiti nazzjonali ta’ emissjonijiet sabiex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet fl-isfod; l-istandards għall-vetturi fir-rigward tan-NO2/NOx għandhom ikunu aktar stretti u għandhom jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-vapuri, mit-traffiku fl-ajru u mill-agrikoltura, filwaqt li jiġu ssemplifikati l-indikaturi u l-kriterji għall-kejl; jappella wkoll li tiġi integrata l-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-ajru ma’ oqsma oħra ta’ politika, b’mod partikolari t-trasport l-akkomodazzjoni, l-industrija, l-enerġija u l-klima;

    46.

    jitlob sabiex l-Istrateġija għall-Adattament tal-UE għat-tibdil fil-klima tkun tinkludi sezzjoni dwar azzjoni għal adattament speċifiku fil-livell reġjonali u muniċipali kif ukoll linji gwida u appoġġ għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali. Għandhom jiġu esplorati wkoll it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-istrateġiji ta’ adattament f’reġjuni Ewropej partikolarment vulnerabbli u t-tlaqqigħ ta’ rappreżentanti mill-KtR, mid-DĠ Azzjoni favur il-Klima, iż-ŻEE, miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u min-netwerks u l-assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali

    Agrikoltura u politika marittima

    47.

    jenfasizza l-bżonn għal Komunikazzjoni mmirata dwar skema ġdida ta’ kwalità tal-UE għall-prodotti alimentari lokali, peress li s-sistemi agrikolil lokali jappoġġjaw l-ekonomija lokali u reġjonali billi jipprovdu impjieg fl-agrikoltura u l-produzzjoni alimentari;

    48.

    jirrakkomanda li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-kontribut tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tal-istaġnar bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-bażi ġuridika relatata mal-pjani multiannwali għas-settur tas-sajd; jittama li fil-qafas tal-pakkett ta’ proposti għar-riforma tal-politika komuni tas-sajd jiżdiedu l-inizjattivi favur iktar deċentralizzazzjoni tal-politika tas-sajd u miżuri ta’ implimentazzjoni adatti għall-bżonnijiet u l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni kostali u r-reġjuni li jmissu mal-ilmijiet interni;

    49.

    jappoġġja l-iżvilupp tal-istrateġija tal-baċir tal-baħar bħala għodda integrata ta’ politika marittima integrata, iżda jikkunsidra li dawn l-istrateġiji, bħall-istrateġija li ser tiġi adottata għaż-Żona tal-Atlantiku fl-2013, iridu jinkludu dimensjoni territorjali iktar b’saħħitha u jitgħallmu mil-lezzjonijiet tal-approċċ ta’ strateġija makroreġjonali;

    Ċittadinanza tal-UE

    50.

    japella sabiex id-dimensjoni lokali u reġjonali titqies fl-inizjattivi li jibnu u jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u fl-isforsi sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE u l-istituzzjonijiet tagħha, u jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu involuti t-tfal u ż-żgħażagħ meta wieħed iqis il-kapaċità tagħhom biex jeżerċitaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadinanza; jappella lill-Kummissjoni sabiex tiffoka fuq din l-isfida fl-attivitajiet ippjanati fil-kuntest tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, li għaliha beħsiebu jikkontribwixxi l-KtR;

    51.

    huwa impenjat li jikkontribwixxi għas-segwitu tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej b’suċċess f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE l-oħra;

    Ewropa estiża u Ewropa fid-Dinja

    52.

    jitlob sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-partijiet interessati lokali u reġjonali fil-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat għall-fondi speċifiċi tal-UE għal din iż-żona u jappoġġja l-ftuħ ta’ programmi eżistenti, inklużi r-REKT għall-imsieħba fil-pajjiżi ġirien;

    53.

    jerġa’ jafferma l-intenzjoni tiegħu li jkompli bil-kooperazzjoni pożittiva mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-programm tal-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali sabiex jitjieb it-trawwim tal-kapaċità lokali u jiġi promoss l-għarfien tal-UE u tal-proċeduri tagħha fil-pajjiżi kandidati u prekandidati; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tespandiha għall-gvernijiet lokali fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

    54.

    huwa fiduċjuż li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ser jitqiesu tajjeb fil-proċess tat-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013 u jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-UE u lill-Presidenzi li jmiss Irlandiża u Litwana rispettivament.

    Brussell, 19 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  COM(2011) 777 final

    (2)  CdR 361/2011 fin

    (3)  CdR 42/2012 fin

    (4)  CdR 318/2010, korelaturi: is-Sinjura Mercedes Bresso u s-Sur Ramon Valcárcel Siso.

    (5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28/29 ta’ Ġunju 2012, p. 7.

    (6)  CdR 72/2011, relatur: is-Sur Markku Markkula

    (7)  CdR 318/2010, korelaturi: is-Sinjura Mercedes Bresso u s-Sur Ramon Valcárcel Siso.

    (8)  Ara COM(2012) 299, punt 2.1

    (9)  CdR 85/2012, relatur: is-Sur Brian Meaney.

    (10)  CdR 273/2011, relatur: is-Sur Luc Van den Brande

    (11)  CdR 329/2011, relatur: is-Sur Cor Lamers.


    Top