EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG0615(04)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2012 dwar il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ

ĠU C 169, 15.6.2012, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2012 dwar il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ

2012/C 169/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI JIKKUNSIDRA:

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (1), li minħabba l-importanza li titjieb il-kapaċità għall-impjieg permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jintlaħqu l-isfidi attwali u futuri tas-suq tax-xogħol stiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal punt ta' riferiment Ewropew possibbli f'dan il-qasam.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tat-18 ta' Novembru 2010 dwar il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011-2020 (2), li enfasizzaw li l-pajjiżi għandhom jippromwovu sħubiji bejn dawk li joffru l-edukazzjoni u t-taħriġ, sħab soċjali u partijiet interessati rilevanti oħrajn sabiex jiġi żgurat trasferiment aħjar ta' informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex jiġi pprovdut tlaqqigħ aħjar bejn dawk il-ħtiġijiet u l-iżvilupp tal-għarfien, ħiliet u kompetenzi.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (3), li enfasizzaw l-importanza għaż-żieda fl-impjegabbiltà tat- tranżizzjoni lejn sistemi ta' kwalifiki bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim u validazzjoni akbar ta' ħiliet u kompetenzi miksuba f'kuntesti mhux formali u informali.

L-inizjattiva ewlenija ta' Ewropa 2020 “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi” , li hija mmirata biex iżżid il-prestazzjoni tal-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ u biex iż-żgħażagħ ikomplu jiġu attrezzati bil-ħiliet u kompetenzi rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar il-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi ta' Ewropa 2020 (4), li enfasizzaw li l-Fond Soċjali Ewropew għandu rwol importanti fit-titjib tal-prospetti ta' impjieg u l-livelli tal-ħiliet ta' żgħażagħ u l-linji ta' politika implimentattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jikber l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (5), li appellaw għal sforzi sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, min iħaddem u l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jittieħed aktar kont tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-programmi ta' studju, sabiex jitjieb it-tqabbil bejn il-ħiliet u l-impjiegi, u sabiex jiġu żviluppati politiki tas-suq tax-xogħol attivi bl-għan li jippromwovu l-impjieg tal-persuni ggradwati.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (6), li appella lill-Istati Membri biex b'mod partikolari jappoġġaw l-impjieg ta' żgħażagħ, inkluż billi jiġu promossi kuntratti ta’ kwalità ta’ apprendistati u ta’ taħriġ u billi s-sistemi tal-edukazzjoni u ta’ taħriġ jiġu adattati biex jirriflettu l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u d-domanda ta’ ħiliet.

Id-Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 (7), li tappella għal sforzi biex jiġi stimolat l-impjieg, speċjalment għaż-żgħażagħ, inkluż billi tiġi promossa l-ewwel esperjenza tagħhom tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, bil-għan li jiġi żgurat li fi żmien ftit xhur minn meta joħorġu mill-iskola, iż-żgħażagħ jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat, jew taħriġ għax-xogħol.

FILWAQT LI JFAKKAR LI:

Huwa essenzjali aktar minn qatt qabel li nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ Ewropej biex jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa sabiex tiġi żgurata it-tranżizzjoni faċli lejn is-suq tax-xogħol u biex jiżviluppaw aktar il-prospetti tal-karriera tagħhom, hekk kif l-għadd ta' dawk iż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg jibqa' jiżdied b'rata mgħaġġla.

Il-kriżi ekonomika attwali tenfassizza l-importanza tat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol. Huwa kruċjali li ż-żgħażagħ joħorġu mill-iskola u t-taħriġ bl-aqwa appoġġ possibbli biex jiksbu l-ewwel impjieg tagħhom. Iż-żgħażagħ li jiffaċċjaw il-qgħad jew tranżizzjoni bil-mod jistgħu jesperjenzaw effetti negattivi fuq perijodu fit-tul f'termini ta' suċċess futur fis-suq tax-xogħol, ta' introjtu jew ta' bini ta' familja. Dan jista' min-naħa tiegħu jipperikola l-investiment pubbliku jew privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, li jwassal f'telf għas-soċjetà b’mod ġenerali. Dan huwa partikolarment minnu fil-kuntest tal-isfidi demografiċi, li jagħmlu pressjoni akbar fuq iż-żgħażagħ Ewropej, li kull ma jmur qegħdin jonqsu fin-numru, biex jintegraw b'mod rapidu u effettiv fis-suq tax-xogħol.

Iż-żieda ta' punt ta' riferiment (8) dwar il-porzjon ta' persuni ggradwati impjegati (9) li jiffoka fuq it- tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ lejn is-suq ta' xogħol tippermetti li jitwettqu skambji ta' politika fil-qafas “ET 2020” dwar il-miżuri biex tiżdied il-kapaċità għall-impjieg ta' persuni ggradwati.

WAQT LI JQIS LI:

Il-porzjon ta' persuni ggradwati impjegati - jiġifieri, il-porzjon tal-popolazzjoni impjegata ta' bejn 20 u 34 sena li ggradwa sena, sentejn jew tliet snin qabel is-sena ta' referenza u li mhux attwalment irreġistrat f'xi attività ta' edukazzjoni jew taħriġ avvanzat – naqas bi kważi 4,5 punti perċentwali bejn l-2008 (81 %) u l-2010 (76,5 %).

Diġà hija disponibbli biżżejjed data li tippermetti l-monitoraġġ tal-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ, mingħajr ma jinħolqu piżijiet u spejjeż amministrattivi addizzjonali għall-Istati Membri jew għall-Eurostat (10).

JIRRIKONOXXI LI:

Il-kapaċità għall-impjieg – jiġifieri, it-tgħaqqid ta' fatturi li jippermettu li l-individwi jagħmlu progress lejn jew jidħlu fl-impjieg, jibqgħu fl-impjieg u jagħmlu progress matul il-karriera tagħhom – huwa kunċett kumpless, li jinvolvi mhux biss il-karatteristiċi, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni ta' kull individwu, iżda wkoll fatturi oħra esterni li jaqgħu lil hinn mill-ambitu tal-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħal ma huma regolamenti tas-suq tax-xogħol, id-demografija, l-istruttura tal-ekonomija u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali.

It-tisħiħ tal-kapaċità għall-impjieg huwa ta' interess għal-linji ta' politika għall-awtoritajiet pubbliċi kollha, inkluż dawk responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-impjieg. Fil-livell Ewropew, hija kwistjoni ta' rilevanza għall-istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas “ET 2020”.

L-appoġġ tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-kapaċità għall-impjieg taż-żgħażagħ huwa parzjalment kopert mill-miri ewlenin rilevanti tal-Ewropa 2020 u l-punti ta' riferiment “ET 2020” eżistenti, bħal ma huma dawk dwar il-kisba ta' edukazzjoni terzjarja, dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja u ta' dawk li għandhom riżultati baxxi fil-qari, il-matematika u x-xjenza.

Madankollu, it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-imjpieg għandha mhix indirizzata, fil-qafas ta' monitoraġġ attwali. F'din il-fażi, il-kontribut tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati jista' jsir pereżempju permezz ta' gwida u għoti ta' pariri relatati mal-karriera, permezz ta' rabiet aktar qawwijin bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ u l-partijiet interessati rilevanti, permezz tal-allinjament tal-kurrikulu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, permezz tat-tisħiħ tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija, permezz ta' esperjenzi qosra ta' xogħol f'kumpanniji, permezz ta' informazzjoni aktar trasparenti dwar l-eżiti tat-tagħlim u permezz ta' linji ta' politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ li jirrispondu aħjar u li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u billi ż-żgħażagħ kollha jiġu mħeġġa jkomplu l-istudji tagħhom lil hinn mill-edukazzjoni sekondarja għolja. Għandha tingħata attenzjoni wkoll għall-kapaċità għall-impjieg taż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali fis-suq tax-xogħol.

L-iżvilupp ta' punt ta' riferiment Ewropew dwar il-porzjon ta' persuni ggradwati impjegati jgħin fl-identifikazzjoni ta' linji ta' politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ li jtejjbu t- tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ u x-xogħol u jgħin iżid is-suċċess fl-impjieg. Punt ta' riferiment Ewropew li jkejjel il-porzjon tal-persuni ggradwati impjegati, akkumpanjat mill-analiżi rilevanti dwar l-aspetti kwalitattivi bħat-tqabbil bejn il-forniment ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi u l-okkupazzjoni miksuba sa tliet snin wara l-gradwazzjoni, jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea dwar linji ta' politika fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jiffokaw fuq it- tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol. Huwa jgħin fil-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri lejn kapaċità għall-impjieg miżjuda ta' persuni ggradwati, kif ukoll jidentifika eżempji ta' prassi tajba u jappoġġa l-iżvilupp ta' inizjattivi ta' tagħlim bejn il-pari.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

filwaqt li jieħu kont tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali,

(1)

Jadottaw miżuri fil-livell nazzjonali bil-għan li jżidu l-kapaċità għall-impjieg ta' persuni ggradwati li joħorġu mis-sistema edukattiva u tat-taħriġ, bil-ħsieb li jinkiseb il-punt ta' riferiment Ewropew kif deskritt fl-Anness mehmuż, filwaqt li jiġi promoss ukoll it-tqabbil bejn il-kisba edukattiva u l-okkupazzjoni.

(2)

Abbażi tas-sorsi u l-għodod disponibbli, iwettqu monitoraġġ tal-porzjon ta' persuni ggradwati impjegati mill-edukazzjoni u t-taħriġ, bil-ħsieb li jsaħħu l-bażi ta' evidenza għall-iżvilupp ta' politika dwar l-interfaċċja bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ minn naħa, u x-xogħol min-naħa l-oħra, kif deskritt fl-Anness.

(3)

Jippromowovu l-implimentazzjoni u l-użu tal-programmi, l-għodod u l-oqfsa tal-UE imfassla biex jappoġġaw il-kapaċità għall-impjieg, il-mobbiltà u t-tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-Europass, il-Youthpass, il-QEK, l-ECTS, l-ECVET u l-EQAVET.

(4)

Itejbu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ u l-partijiet interessati rilevanti fid-dinja tax-xogħol fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, bil-ħsieb li jiġu promossi l-apprendistati, l-internati u l-postazzjonijiet f'kumpanniji matul l-aktar fażi bikrija tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(1)

Teżamina, b'mod partikolari permezz tal-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u r-Rapport Konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku “ET2020”, il-livell li għandu jintlaħaq mill-punt ta' riferiment Ewropew.

Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-punt ta' riferiment Ewropew fir-rigward ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni, għalkemm dan il-grupp fil-mira mhux inkluż fl-objettiv stabbilit.

(2)

Issaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta' politika fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-kapaċità għall-impjieg permezz tal-analiżi u l-monitoraġġ ta' tali edukazzjoni u taħriġ, inkluż billi:

jiġi eżaminat l-impatt speċifiku ta' linji ta' politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ dwar it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol;

tiġi analizzata l-kwalità tal-ewwel impjiegi billi jitqabblu aħjar il-kisba edukattiva u l- kontenut tal-impjieg, inkluż it-tqabbil bejn il-forniment ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi u l-okkupazzjoni segwita matul l-ewwel tliet snin fis-suq tax-xogħol.

(3)

Tikkoopera mill-qrib ma' istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-ILO, l-OECD u l-UNESCO, sabiex jiġu skambjati l-analiżi u l-kompetenza esperta dwar it-tranżizzjoni tal-persuni ggradwati għas-suq tax-xogħol.

U JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(1)

Jiġbru informazzjoni kwalitattiva u eżempji ta' prassi tajba bil-għan li jiġi kkomplimentat il-monitoraġġ kwantitattiv u tissaħħaħ il-bażi tat-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza, bl-użu ta' prinċipalment sorsi eżistenti, inkluż l-arranġamenti ta' rappurtaġġ “ET2020”.

(2)

Jidentifikaw eżempji ta' prattika tajba fl-Istati Membri rigward it-tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol bl-istabbiliment ta' grupp ta' esperti dwar it-tranżizzjoni tal-persuni ggradwati mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol, biex b'hekk isir kontribut għall-prijoritajiet tal-“ET2020”. Il-grupp għandu jikkonsisti minn esperti nazzjonali maħtura mill-Istati Membri u esperti li jirrappreżentaw l-imsieħba soċjali rilevanti maħtura mill-Kummissjoni, u għandu, fir-rigward debitu tas-sussidjarjetà:

(i)

jeżamina kif għandhom jiġu inkorporati aktar elementi prattiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, pereżempju, permezz tat-tagħlim applikat jew l-edukazzjoni doppja, bħala mod biex tittejjeb il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati;

(ii)

iqis – f'kollaborazzjoni mill-qrib Grupp tal-Indikaturi tal-Kumitat tal-Impjiegi u l-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta' Referenza – l-aktar indikaturi adatti għall-monitoraġġ ta' liema politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jgħinu biex tiżdied il-kapaċità tal-impjieg tal-persuni ggradwati;

(iii)

jirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżiti tal-ħidma tiegħu sal-aħħar tal-2014 fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku “ET2020”.

(3)

Jiżviluppaw, f'kooperazzjoni mal-korpi adatti fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjieg (inkluż il-Kumitat tal-Impjiegi), attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari dwar il-fażi ta' tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

(3)  ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.

(4)  11838/11.

(5)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.

(6)  17229/11 + ADD 1, 2 u 3.

(7)  SN 5/12.

(8)  Kif muri fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sena 2009, dan huwa livell ta’ riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea li m'għandux jiġi kkunsidrat bħala mira konkreta li kull pajjiż li għandu jilħaq, iżda pjuttost bħala mira kollettiva li l-Istati Membri huma mistiedna jikkontribwixxu għall-ksib tagħha (ĠU C 119, 28.5.2009, p. 7).

(9)  Għall-fini ta' dan it-test, it-terminu “gradwat” jirreferi għal kwalunkwe persuna li telqet mill-edukazzjoni u t-taħriġ b'tal-inqas kwalifiki sekondarji għolja jew postsekondarji, nonterzjarji (ISCED 3 sa ISCED 4, eskluż ISCED 3 C qasir), jew bi kwalifiki terzjarji (ISCED 5 u 6).

(10)  Lejn Punt ta' Riferiment dwar il-Kontribut tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Kapaċità għall-Impjieg: (Nota metodoloġika EUR 24616 EN 2011).


ANNESS

Livell ta’ riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea

(“Punt ta' riferiment Ewropew”)

dwar il-porzjon ta’ persuni ggradwati impjegati mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ

Bħala mezz ta' monitoraġġ tal-progress u tal-identifikazzjoni tal-isfidi, kif ukoll ta' kontribut għat-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza, fl-2009 l-Istati Membri qablu li l-livelli ta' riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea (“punti ta' riferiment Ewropej”) għandhom jappoġġaw l-objettivi msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill li huma adottaw fit-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (1). Dak iż-żmien intlaħaq ftehim dwar ħames punti ta’ riferiment Ewropej u tressqet talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti dwar aktar punti ta’ riferiment, inkluża waħda fil-qasam tal-kapaċità għall-impjieg.

Wara li eżaminaw il-proposti fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 (2), l-Istati Membri issa jaqblu wkoll dwar il-punt ta’ riferiment li ġej dwar il-porzjon ta' persuni ggradwati impjegati mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-punt ta' riferiment jikkumplementa dawk diġà adottati f'Mejju 2009 u dak dwar il-mobbiltà tat-tagħlim adottat mill-Kunsill f'Novembru 2011 (3). Proprjament, dan għandu jkun ibbażat biss fuq id-data komparabbli eżistenti. Dan għandu jieħu kont tal-punti ta' tluq differenti tal-Istati Membri individwali u l-possibbiltajiet varji li huma għandhom għat-titjib tal-prestazzjoni permezz tal-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa m'għandux jiġi kkunsidrat bħala mira konkreta għal pajjiżi individwali li għandha tintlaħaq sal-2020. Pjuttost, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw, fuq il-bażi ta’ prijoritajiet nazzjonali u filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qegħdin jinbidlu, kif u safejn huma jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib kollettiv tal-punt ta’ riferiment Ewropew fil-qasam deskritt hawn taħt permezz ta’ azzjonijiet nazzjonali.

Punt ta’ riferiment dwar il-porzjon ta’ persuni ggradwati impjegati mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ

Il-kapaċità għall-impjieg - jiġifieri, it-tgħaqqid ta' fatturi li jippermettu li l-individwi jagħmlu progress lejn jew jidħlu fl-impjieg, jibqgħu fl-impjieg u jagħmlu progress matul il-karriera tagħhom – huwa kunċett kumpless, li jinvolvi mhux biss il-karatteristiċi, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni ta' kull individwu, iżda wkoll fatturi oħra esterni li jaqgħu lil hinn mill-ambitu tal-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħal ma huma regolamenti tas-suq tax-xogħol, id-demografija, l-istruttura tal-ekonomija u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali.

Fuq dan l-isfond, u bil-ħsieb li jiġi enfasizzat dak li l-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jagħmlu biex iżidu s-suċċess fl-impjiegi u biex tiżdied il-kapaċità għall-impjieg tal-persuni ggradwati (4) li mhumiex attwalment irreġistrati fi kwalunkwe attività ta' edukazzjoni u taħriġ ulterjuri, għaldaqstant l-Istati Membri jaqblu dwar il-punt ta' riferiment li ġej:

Il-livell ta' mira jirreferi għal medja tal-UE u ma joħloqx mira nazzjonali għall-Istati Membri individwali.

Il-punt ta' riferiment għandu jippermetti tqassim skont is-subpopolazzjonijiet speċifiċi. B'mod partikolari għandu jkun hemm diżaggregazzjoni ta' data bbażata fuq il-livelli tal-ISCED (8), l-orjentazzjoni edukattiva u l-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jippermetti, pereżempju, distinzjoni li għandu jkun hemm bejn il-prestazzjoni ta' gradwati ta' edukazzjoni sekondarja ogħla hekk kif ilestu l-edukazzjoni ġenerali jew l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u bejn il-prestazzjoni ta' gradwati b'edukazzjoni ogħla skont il-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Barra minn hekk, għandha titwettaq analiżi dwar safejn l-oqsma u l-livelli tal-edukazzjoni u t-taħriġ jaqblu mat-tipi ta' okkupazzjoni li l-persuni ggradwati jsegwu matul l-ewwel snin ta' impjieg tagħhom u din tista' tkun ibbażata fuq il-kisba edukattiva mkejla bl-ISCED.

Il-punt ta’ riferiment t'hawn fuq ser jiġi eżaminat u vvalutat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala parti mir-Rapport Konġunt “ET2020” fl-2014, sabiex jiġi deċiż jekk ikunx meħtieġ rieżami tal-indikaturi.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 7.

(2)  Dok. 10697/11.

(3)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31.

(4)  Għall-fini ta' dan it-test, it-terminu “gradwat” jirreferi għal kwalunkwe persuna li għandha bejn 20-34 li telqet mill-edukazzjoni u t-taħriġ b'mill-inqas kwalifiki sekondarji għolja jew postsekondarji nonterzjarji (ISCED 3 sa ISCED 4, eskluż ISCED 3C qasir), jew bi kwalifiki terzjarji (ISCED 5 u 6).

(5)  Il-Klassifikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Edukazzjoni tal-1997 (ISCED) tikklassifika l-attivitajiet edukattivi f'7 livelli wesgħin, fejn l-ISCED 0-2 u 3C qasir ikopru l-edukazzjoni sekondarja fil-livell baxx. Fl-istima tal-livelli adatti għall-mira tal-2020, huma kkunsidrati biss żewġ livelli ta' gradwati, b'mod partikolari gradwati b'kisba ta' edukazzjoni sekondarja ogħla (ISCED 3), postsekondarju, nonterzjarju (ISCED 4) u kisba ta' edukazzjoni terzjarja (ISCED 5-6). Dawk li ggradwaw mill-edukazzjoni sekondarja ogħla ġenerali (ISCED 3A) għandhom ikunu mħajra biex jipparteċipaw f'edukazzjoni u taħriġ ulterjuri. Il-grupp ta' persuni ggradwati b'inqas minn kisba sekondarja għolja (ISCED 0-2 u ISCED C3 qasir) ġie eskluż mill-istima minħabba li kien kampjun żgħir (fil-grupp b'età ta' 20-34 sena hemm biss xi ftit persuni li waqfu reċentement mill-iskola qabel iż-żmien b'inqas minn edukazzjoni sekondarja ogħla), u minħabba l-fatt li fl-2003 l-Istati Membri qablu li jnaqqsu r-rata ta' dawk li jieqfu mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien għal inqas minn 10 % ta' dawk bejn it-18 u l-24 sena (mira kkonfermata mill-istrateġija Ewropa 2020).

(6)  Intgħażel il-limitu minimu ta' 20 sena biex ikun allinjat mal-grupp ta' età ġdid introdott mal-mira ewlenija tar-rata tal-impjiegi tal-istrateġija Ewropa 2020 (jiġifieri 20-64). Billi fl-Ewropa l-maġġoranza tal-istudenti jkomplu l-edukazzjoni sekondarja ogħla tagħhom (ISCED 3, eskluż l-ISCED 3C qasir) u edukazzjoni postsekondarja, nonterzjarja (ISCED 4) bejn l-età ta' 18 u 20 sena, dan il-limitu minimu ta' età huwa mistenni jippermetti l-analiżi tal-kapaċità għall-impjieg ta' dak il-grupp sena, sentejn, u tliet snin wara li jiksbu l-lawrea. Il-limitu massimu ta' 34 sena madankollu ntgħażel fir-rigward tal-punt ta' riferiment attwali dwar il-ksib terzjarju, li jitkejjel fil-grupp ta' persuni bejn it-30 u l-34 sena. Għal darb'oħra, dan il-limitu massimu għandu għalhekk jiżgura kopertura ottimali tal-popolazzjoni gradwata ġdida mill-edukazzjoni terzjarja (ISCED 5-6).

(7)  Imkejla bħala l-porzjon tal-popolazzjoni impjegata ta' bejn 20 u 34 sena li ggradwa 1, 2 jew 3 snin qabel u li mhux attwalment irreġistrat f'xi attività ta' edukazzjoni jew taħriġ ulterjuri. Individwi li bħalissa huma impenjati f'xi forma ta' edukazzjoni jew taħriġ huma esklużi, biex jiġi żgurat li l-kapaċità għall-impjieg ta' dak il-grupp ma tistax tinbidel mill-fatt li l-individwu bħalissa huwa impenjat fl-aġġornament tal-ħiliet tiegħu. Minħabba n-nuqqas ta' data lonġitudinali biex jitkejjel preċiżament il-fluss ta' gradwati fl-impjiegi, tintuża l-medja ta' punti fl-aħħar tat-tliet snin wara l-lawrja. Dan l-approċċ jgħin biex ma jixxekkilx l-impatt possibbli tal-perijodi qosra ta' qgħad li huma komuni fis-snin bikrin tal-impjiegi.

(8)  Kif indikat hawn fuq, il-Klassifikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Edukazzjoni tal-1997 attwali (ISCED) tikklassifika l-attivitajiet edukattivi f'7 livelli wesgħin minn 0 sa 6. ISCED 2011 ser tiġi implimentata fl-2014 b'9 livelli fis-sorsi kollha ta' data tal-UE dwar l-edukazzjoni. Dan jimplika li l-edukazzjoni terzjarja ser tkun aktar differenzjata f'livell ta' Baċellerat, Master u Dottorat u li l-konfini bejn l-edukazzjoni sekondarja fil-livell baxx u ogħla ser ikunu ddefiniti aħjar.


Top