EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0810(04)

Avviż ippubblikat skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ 39.230 – Réel/Alcan (notifikata bid-dokument numru C(2012) 5758) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 240, 10.8.2012, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/23


Avviż ippubblikat skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ 39.230 – Réel/Alcan

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5758)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 240/08

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi – f'każijiet fejn ikollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jitwaqqaf ksur u fejn il-partijiet ikkonċernati joffru li jintrabtu li jindirizzaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha – li tagħmel dak l-irbit vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi adottata għal perjodu speċifiku u tkun tikkonkludi li m'għadx hemm aktar raġuni għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sad-data stabbilita mill-Kummissjoni.

2.   TAQSIRA TAL-KAŻ

(2)

Fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, dwar ksur allegat tal-produttur internazzjonali tal-aluminju Rio Tinto Alcan (“Alcan”).

(3)

Skont il-valutazzjoni preliminari, il-prattika ta’ Alcan li torbot kuntrattwalment il-liċenzji tagħha tat-teknoloġija tad-tidwib tal-aluminju (riduzzjoni) Aluminium Pechiney (“AP”) max-xiri ta’ ċerti krejnijiet speċjalizzati għall-impjanti ta' riduzzjoni tal-aluminju, fornuti minn Electrification Charpente Levage SASU (“ECL”), sussidjarja ta’ Alcan, tista’ tirriżulta fi ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u l-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE. Fil-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkunsidrat li Alcan għandha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti għal-liċenzjar tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju. Għall-finijiet ta’ dan il-każ, dan is-suq kien ikkunsidrat li hu usa’ miż-ŻEE u x’aktarx huwa dinji bl-esklużjoni taċ-Ċina “is-suq ġeografiku relevanti”. Il-valutazzjoni preliminari esprimiet it-tħassib li l-prattika kuntrattwali ta’ Alcan tista’ tipproduċi effetti negattivi fuq l-innovazzjoni u l-prezzijiet u tirriżulta f'esklużjoni antikompetittiva fuq is-suq rilevanti tal-PTA (Pot Tending Assemblies).

3.   IL-KONTENUT PRINĊIPALI TAL-IMPENJI OFFRUTI

(4)

Alcan ma taqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu, offriet li tidħol għal impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni fejn tidħol il-kompetizzjoni. L-elementi kruċjali tal-impenji huma dawn li ġejjin:

(5)

Alcan se timmodifika t-termini tal-ftehimiet tat-trasferiment tat-teknoloġija tagħha (“TTAs” – Technology transfer agreements) li daħlet għalihom wara d-dħul fis-seħħ tal-impenji, sabiex kwalunkwe detentur tal-liċenzja tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju AP, ikun intitolat li jixtri PTAs minn ECL jew mingħand kwalunkwe fornitur rakkomandat li ġie identifikat li jissodisfa ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-familja rilevanti tat-teknoloġija AP.

(6)

Alcan se tintroduċi wkoll proċess ta’ prekwalifikazzjoni mhux diskriminatorju u oġġettiv, li se jagħti fornituri terzi tal-PTA li jsiru fornituri rakkomandati tal-PTA. Dan il-proċess ta’ prekwalifikazzjoni huwa deskritt f’aktar dettall fl-Anness I għall-impenji.

(7)

Alcan se tipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-prekwalifikazzjoni lil kwalunkwe fornitur terz ta’ PTA fuq talba, soġġett għal li l-ewwel jidħol fi ftehim ta’ kunfidenzjalità li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-ispeċifikazzjonijiet. Alcan se tkun intitolata li tirrifjuta li tforni l-ispeċifikazzjonijiet lil fornitur tal-PTA fejn jista' jiġi raġonevolment ikkunsidrat li hemm protezzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-proprjetà intellettwali ta’ Alcan.

(8)

Sakemm jibqa' jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli, il-proċess ta’ preċertifikazzjoni se jkun meħtieġ li jsir biss darba minn kull fornitur terz tal-PTA għal PTAs maħsuba għall-installazzjoni ta’ makkinarju li jdewweb li għalihom tintuża fil-kostruzzjoni familja ta’ teknoloġija partikolari għat-tidwib tal-Aluminju AP.

(9)

L-impenji se japplikaw għall-familji kollha tat-teknoloġija żviluppata minn Alcan AP għall-produzzjoni tal-aluminju permezz tat-tnaqqis elettrolitiku tal-alumina permezz tal-proċess Hall-Heroult f’ċelloli għat-tnaqqis mgħammra b’anodi prebaked, disponibbli għal-liċenzjar lil partijiet terzi u li joperaw f’amperaġġ sa 450 kA, komunement magħrufa bħala il-familja AP-18 (inkluż il-varjanti AP-18, AP-22 u AP-24 ) u l-familja AP-30 (inkluż il-varjanti AP-36, AP-37, AP-39 u AP 40 ), inkluż f'kull każ kwalunkwe żieda ta’ varjanti fl-amperaġġ ta’ dawn il-familji rispettivi li jistgħu jiġu żviluppati u li jsiru disponibbli għal-liċenzjar lil partijiet terzi fi kwalunkwe ħin matul it-terminu tal-impenji.

(10)

L-impenji mhux se japplikaw għal proġetti tat-tidwib tal-aluminju bbażati fuq il-proġett tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju AP li fih Alcan (jew il-grupp tal-kumpaniji li tagħmel sehem minnu Alcan) għandha interess ta’ sjieda ta' 15 % jew aktar jew għal proġetti li jinsabu f’ġuriżdizzjoni barra mis-suq ġeografiku.

(11)

L-impenji se japplikaw għat-talbiet kollha għal offerti relatati mal-liċenzjar tat-teknoloġija tat-tidwib tal-aluminju AP indirizzati lill-AP fi żmien ħames snin minn meta l-impenji jsiru effettivi (“it-Terminu”), anki jekk it-TTA rilevanti jiġi konkluż wara t-tmiem tat-Terminu.

(12)

Dawn l-impenji jinsabu ppubblikati kollha bl-Ingliż fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fuq:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

4.   STEDINA BIEX JITRESSQU KUMMENTI

(13)

Il-Kummissjoni beħsiebha, soġġett għall-ittestjar tas-suq, tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li tiddikkjara l-impenji li jinsabu fis-sommarju hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, bħala vinkolanti. F'każ li jkun hemm bidliet sostanzjali fl-irbit, jitnieda ttestjar ġdid tas-suq.

(14)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-irbit li qed ikun propost. Jekk hu possibbli, il-kummenti għandhom ikunu motivati u għandhom jistabbilixxu l-fatti relevanti. Jekk tfiġġ xi problema, il-Kummissjoni għandha espliċitament tistieden lir-rispondenti biex jissottomettu proposta għal soluzzjoni.

(15)

Il-kummenti kollha għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Partijiet terzi interessati huma mitluba wkoll biex jippreżentaw verzjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom li fiha titħassar l-informazzjoni kollha li huma jqisu bħala sigriet kummerċjali, kif ukoll informazzjoni kunfidenzjali oħra, u tiġi ssostitwita skont kif ikun hemm bżonn permezz ta’ sommarju mhux kunfidenzjali jew permezz tal-kliem ‘sigriet kummerċjali’, jew ‘kunfidenzjali’.

(16)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta' referenza COMP/E-2/39230 – Réel/Alcan jew bl-e-mail (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), jew bil-faks (+32 22950128) jew bil-posta f'dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) (“Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003”).


Top