EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0619(05)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 175, 19.6.2012, p. 35–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/35


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 175/14

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“PASAS DE MÁLAGA”

Nru KE: ES-PDO-0005-0849-24.01.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Pasas de Málaga”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6.:

Frott, ħxejjex, ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f'(1):

Definizzjoni

Il-“Pasas de Málaga” tradizzjonali jinkisbu billi tiġi mnixxfa fix-xemx il-frotta matura tal-varjetà “Moscatel de Alejandría” ta' Vitis vinifera L., magħrufa wkoll bħala “Moscatel Gordo” jew “Moscatel de Málaga”.

Karatteristiċi fiżiċi

Daqs: fil-Kodiċi Deskrittiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid għall-Varjetajiet ta' Għeneb u Speċi ta' Vitis, id-daqs tal-għenba huwa kklassifikat kif ġej: 1 żgħir ħafna, 3 żgħir, 5 medju, 7 kbir, 9 kbir ħafna “Moscatel de Alejandría” hija kklassifikata bħala 7 (“kbir”) jiġifieri hija għenba kbira.

Kulur: iswed jagħti fil-vjola b'mod uniformi

Forma: fit-tond

Il-pendunkulu jista' jibqa' mwaħħal jekk l-għeneb jitneħħa manwalment mill-għanqud.

Qoxra: Fil-kodiċi deskrittiva tal-OIV, il-“ħxuna tal-qoxra” hija kklassifikata kif ġej: 1 irqiqa ħafna, 3 irqiqa, 5 medja, 7 ħoxna u 9 ħoxna ħafna. “Moscatel de Alejandría” hija kklassifikata bħala 5 (“medja”). Għaldaqstant, peress li l-għenbiet ma jgħaddu minn ebda trattament li jgħarraq il-qoxra, iż-żbib għandhom qoxra ta' ħxuna medja.

Karatteristiċi kimiċi

Il-kontenut ta' ilma (umdità) għandu jkun inqas minn 35 %. Il-kontenut ta' zokkor għandu jkun ikbar minn 50 % skont il-piż.

Aċidità: minn 1,2 sa 1,7 % espressa bħala aċidu tartariku

pH: minn 3,5 sa 4,5

Solidi idrosolubbli, aktar minn 65 °Brix

Karatteristiċi organolettiċi

Iż-żbib iżommu t-togħma tipika ta' muskatell tal-għeneb li jiġu prodotti minnhom l-istess żbib. Fil-kodiċi deskrittiv tal-OIV it-“togħma tipika” hija kklassifikata kif ġej: 1 ebda, 2 muskatell, 3 foxé, 4 erbaċja, 5 togħma oħra. Il-“Moscatel de Alejandría” hija kklassifikata bħala 2, u hija din il-varjetà ta' “Moscatel” li hija r-referenza OIV għal dan il-grad.

It-togħma ta' muskatell hija intensifikata b'aroma retronasali ddominata mit-terpineoli li ġejjin: a-terpineol (ħwawar aromatiċi), linalol (ward), ġeranjol (ġeranju) u b-ċitronellol (ċitru).

Il-livell ta' aċidità, indikat hawn fuq, jgħin biex jinħoloq bilanċ bejn il-ħlewwa u l-qrusa.

Id-daqs medju, il-livell ta' ilma u l-valur Brix jagħtu liż-żbib kwalità elastika, flessibbli, il-polpa tinħass imlaħħma u mmerrqa fil-ħalq, sensazzjonijiet li huma differenti għalkollox minn dik niexfa u mhux elastika li ta' spiss ikollha l-frotta mniffxa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti ipproċessati biss):

Il-frotta matura tal-varjetà “Moscatel de Alejandría” tal-Vitis vinifera L., magħrufa wkoll bħala Moscatel Gordo jew Moscatel de Málaga.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Mhux applikabbli.

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona geografika definita:

Il-produzzjoni u l-ippakkjar għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4.

Il-produzzjoni tibda bil-ħsad tal-għeneb b'saħħithom, li qatt ma jseħħ qabel l-istadju fenoloġiku ta' “maturazzjoni” (Baggiolini, 1952), sabiex jiġi skartat il-frott li mhuwiex intatt jew dak imħassar bil-mard jew li jkun waqa' mal-art qabel il-ħsad.

Il-pass li jmiss huwa t-tnixxif tal-għeneb billi l-għenieqed jiġu direttament esposti għax-xemx. Dawn ma għandhomx jiġu mnixxfa b'mod artifiċjali. Il-ħidma ssir manwalment: kuljum il-bidwi jdawwar l-għenieqed tal-għeneb mifruxa ghat-tnixxif sabiex ikunu jistgħu jinxfu b'mod ugwali fuq iż-żewġ naħat.

Ladarba jkunu niexfa l-għenieqed, l-għenbiet jitneħħew permezz ta' proċedura magħrufa bħala picado, li titwettaq bl-idejn u bl-użu ta' mqass li d-daqs u l-forma tiegħu huma adattati speċjalment biex ma jdgħajfux il-kwalità tal-frott imneħħi mill-għenieqed imnixxfa, jew permezz ta' magni fil-fabbriki.

Ladarba iż-żbib ikunu lesti, kemm jekk jinsabu fl-għanqud jew le, il-proċess ta' produzzjoni jitkompla fil-fabbriki taż-żbib, fejn għandhom jitwettqu l-kompiti li ġejjin qabel ma jitqiegħdu fis-suq l-iżbib ippakkjati:

Wasla u ġbir taż-żbib ipprovduti mill-bdiewa konċernati.

Iż-żbib jitneħħew mill-għanqud, sakemm dan ma jkunx sar diġà mill-bidwi.

Dawn jiġu kklassifikati skont id-daqs medju tal-frotta, imkejjel bħala l-għadd ta' żbib għal kull 100 gramma.

It-tħejjija għall-ippakkjar: jiġifieri s-separazzjoni f'unitajiet ta' frott li diġà ġie kklassifikat u maħżun. Irid ikun hemm dejjem inqas minn 80 frotta għal kull 100 gramma netti.

L-ippakkjar: bl-idejn jew bil-magna. Dan huwa l-istadju finali tal-produzzjoni u għandu rwol kruċjali fil-ħarsien tal-karatteristiċi ta' kwalità taż-żbib biż-żmien, hekk kif il-frott inevitabbilment ikompli jinxef, għalhekk huwa biss billi jiġi iżolat mill-ambjent f'ippakkjar nadif u ssiġillat sew li huwa possibli li jiġi ppreservat il-bilanċ delikat fil-livell ta' ilma li hija karatteristika importanti tal-prodott.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ:

Mhux applikabbli

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

L-ippakkjar għandu juri l-informazzjoni li ġejja:

L-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott: l-isem “Pasas de Málaga” għandu jintwera b'mod prominenti, bil-kliem “Denominación de Origen” immedjatament taħtu.

Il-kwantità netta, f'kilogrammi (kg) jew grammi (g).

Data ta' durabilità minima.

L-isem, l-isem kummerċjali jew deżinjazzjoni tal-produttur jew dak li jippakkja u, fi kwalunkwe każ, l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tagħhom.

Il-lott.

L-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott, il-kwantità netta u d-data ta' skadenza għandhom jidhru fl-istess kamp viżiv.

Fil-każijiet kollha, l-indikazzjonijiet obbligatorji għandhom jinftiehmu faċilment, murija b'mod prominenti, ikunu faċilment viżibbli, jinqraw b'mod ċar u li ma jistgħux jitħassru. Bl-ebda mod ma għandhom ikunu moħbija, oskurati jew interrotti b'xi element miktub jew grafiku.

L-ippakkjar kollu għandu jinkludi tikketta li turi l-logo tad-DPO u l-kliem “Denominación de Origen Protegida” u “Pasas de Málaga”, kif ukoll kodiċi uniku għal kull unità.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Lok:

Pajjiż: SPANJA

Komunità awtonoma: ANDALUCÍA

Provinċja: MALAGA

Hemm żoni ta' dwieli mxerrda mal-Provinċja kollha ta' Malaga, kemm fit-tramuntana kif ukoll fin-nofsinhar, fil-lvant u fil-punent. Fi tnejn minn dawn iż-żoni, il-biċċa l-kbira tal-għeneb ġie tradizzjonalment imkabbar għall-produzzjoni taż-żbib. L-ikbar fost dawn huwa d-distrett ta' Axarquia fil-parti tal-lvant tal-provinċja, lejn il-lvant tal-kapitali. Iż-żona l-oħra tinsab fuq in-naħa estrema tal-punent tal-kosta tal-Malaga. Iż-żona ġeografika definita tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin:

Muniċipalitajiet:

AXARQUIA

Alcaucín

Alfarnate

Alfarnatejo

Algarrobo

Almáchar

Árchez

Arenas

Benamargosa

Benamocarra

El Borge

Canillas del Aceituno

Canillas de Albaida

Colmenar

Comares

Cómpeta

Cútar

Frigiliana

Iznate

Macharaviaya

Málaga

Moclinejo

Nerja

Periana

Rincón de la Victoria

Riogordo

Salares

Sayalonga

Sedella

Torrox

Totalán

Vélez Málaga

Viñuela

ŻONA TA' MANILVA

Casares

Manilva

Estepona

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Ir-referenzi għar-rabta bejn it-tkabbir tad-dwieli u ż-żona ġeografika definita huma ferm antiki u għadhom għaddejjin sal-ġurnata ta' llum. Plinio El Viejo (l-ewwel seklu Wara Kristu) semma l-fatt li kien hemm dwieli fil-Malaga fix-xogħol tiegħu – “Historia Natural” (“L-Istorja Naturali”). Waqt l-era tad-dinastija Nasrid (seklu 13-15), kienet imħeġġa il-produzzjoni agrikola, partikolarment, dik tat-tkabbir tal-għeneb għall-produzzjoni taż-żbib. It-tkabbir tad-dwieli ffjorixxa sa tmiem is-seklu 19, meta kombinazzjoni sfortunata ta' fatturi kummerċjali u problemi marbuta mas-saħħa tal-pjanti, partikolarment il-fillossera (Viteus vitifoliae, Fitch) wasslu għall-kollass tas-settur. B'riżultant ta' dan, id-dwieli attwali huma mxerrda mal-provinċja kollha. Fi tnejn minn dawn iż-żoni, il-biċċa l-kbira tal-għeneb ġiet tradizzjonalment imkabbra għall-produzzjoni taż-żbib. Dawn iż-żewġ żoni ta' produzzjoni taż-żbib huma fil-parti tan-nofsinhar tal-provinċja li tmiss mal-baħar Mediterran, għalhekk għandhom klima subtropika Mediterranja. Din l-orografija wieqfa hija karatteristika ġenerali tal-Provinċja ta' Malaga. Għalkemm l-għeneb imkabbar għall-produzzjoni taż-żbib ma għadhomx jokkupaw daqstant art bħal qabel il-fillossera, dawn għadhom fattur importanti fl-ekonomija u l-ambjent soċjokulturali f'sezzjoni kbira tal-provinċja. Dawn jitkabbru f'aktar minn 35 muniċipalità minn iktar minn 1 800 bidwi fuq 2 200 ettaru ta' art.

Il-kwalitajiet tal-Pasas de Málaga huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, iddeterminati mill-ambjent naturali. Wieħed mill-elementi tipiċi taż-żona ġeografika hija l-orografija wieqfa tagħha: il-pajsaġġ huwa kompost minn sensiela ta' għoljiet u qigħan tan-nixxigħat b'pendili ta' aktar minn 30 %. It-territorju, bil-firxa għolja u muntanjuża fit-tramuntana u l-baħar Mediterran fin-nofsinhar, huwa sensiela ta' kanjons u qigħan tan-nixxigħat li jiffurmaw pajsaġġ partikolari ħafna b'għoljiet wieqfin, u b'hekk l-Axarquia hija bħal ġenb ta' għolja li tinżel sal-baħar. Fiż-żona ta' Manilva, fejn id-dwieli jinsabu qrib il-baħar, ir-riżalt huwa iktar moderat minn dak f'Axarquia.

Il-ħamrija hija essenzjalment taflija, ta' kwalità baxxa, mhux profonda u b'kapaċità baxxa li żżomm l-ilma. Il-klima hija Mediterranja subtropika, b'temperaturi moderati fix-xitwa, sjuf niexfin, ftit xita u sigħat twal ta' dawl tax-xemx (medja ta' 2 974 siegħa tul l-aħħar għaxar snin).

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Id-daqs tal-Pasas de Málaga hija waħda mill-karatteristiċi l-aktar apprezzati u li tiddistingwihom, u b’hekk jitqiesu bħala kbar, u ċarament superjuri għal prodotti oħra tat-tip tagħhom, bħas-sultana, il-passolini u l-California Thompson ta’ mingħajr żrieragħ.

Iż-żbib iżommu t-togħma tipika ta' muskatell tal-għeneb li minnhom jiġu prodotti l-istess żbib, u din il-varjetà ta' Muskatell hija r-referenza OIV għal wieħed mill-gradi ta' “togħma partikolari”.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika tal-prodott ġejja direttament mill-kundizzjonijiet li fihom jiġu prodotti iż-żbib. L-orografija tiffaċilità l-esponiment naturali tal-għenieqed għax-xemx għat-tnixxif. Dan il-metodu ta' tnixxif iħares il-kwalità tal-qoxra u jintensifika t-togħma ta' muskatell billi jikkonċentra l-aromi. It-temp sħun u niexef fil-perjodu ta' ħsad huwa tajjeb għall-maturazzjoni u l-akkumulu tal-materja niexfa u taz-zokkor fl-għeneb, li huma importanti biex it-tnixxif isir tajjeb u li imbagħad jippermettu lill-polpa li żżomm il-meraq u elastiċità tipiċi tagħha. Is-sigħat ta' xemx ifissru li l-għenieqed jistgħu jiġu esposti fix-xemx għal perjodi qosra, sabiex iż-żbib iżommu l-aċidità tal-għeneb.

Huwa minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli ta' tkabbir li, biż-żmien, il-“Moscatel de Alejandría” saret il-varjetà ewlenija kkultivata, peress li hija dik adatta l-aktar għal dan l-ambjent partikolari. Il-varjetà għandha l-potenzjal ġenetiku li toħloq distinzjoni bejn il-karatteristiċi bħad-daqs tal-frotta, il-kwalità tal-qoxra, il-karatteristiċi tal-polpa, l-aromi tal-muskatell u propozjoni għoli ta' solidi insolubbli (fibra) li jinsabu l-aktar fiż-żrieragħ.

Minħabba l-art diffiċli, il-produzzjoni taż-żbib saret attività artiġjanali, fejn kompiti bħall-ħsad, it-tqegħid ta' għenieqed ta' għeneb barra għat-tnixxif fix-xemx u t-tidwir tagħhom hekk kif jinxfu, kif ukoll l-għażla tal-frott, isiru kollha manwalment u tingħata attenzjoni kbira lill-kwalità. Il-kompitu li jitneħħa l-għeneb mill-għanqud (picado) ukoll isir manwalment u huwa għalhekk li l-Pasas de Málaga ta' spiss ikollhom il-pendunkulu mwaħħal.

It-tnixxif huwa mod antik u naturali ta' kif jibqa' ppreservat l-ikel, hekk kif id-deterjorament jiġi evitat bit-tneħħija tal-ilma żejjed. Huwa biss permezz tal-esperjenza u l-għarfien miksuba tul is-snin li huwa possibbli li jintlaħaq il-bilanċ delikat ta' ilma miżmun li jagħti lill-prodott uħud mill-karatteristiċi organolettiċi l-aktar magħrufa, kif deskritt f'din l-ispeċifikazzjoni.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/PliegoPasas.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top