EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0303(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Ottubru 2011 rigward proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (Każ COMP/39.482 – Frott eżotiku (Banana)) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 7273 final)

ĠU C 64, 3.3.2012, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/10


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta’ Ottubru 2011

rigward proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

(Każ COMP/39.482 – Frott eżotiku (Banana))

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7273 final)

(It-test bl-ingliż biss hu awtentiku)

2012/C 64/09

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fit-12 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inklużi kull penalità imposta, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Destinatarji

(2)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil żewġ impriżi, Chiquita Brands International, Inc. (l-Istati Uniti), Chiquita Banana Company BV (il-Pajjiżi l-Baxxi), Chiquita Italia SpA (l-Italja) (kollettivament imsemmija bħala “Chiquita”) u FSL Holdings NV (il-Belġju), Firma Leon Van Parys NV (il-Belġju), Pacific Fruit Company Italy SpA (l-Italja) (kollettivament imsemmija bħala “Pacific”).

2.2.   Proċedura

(3)

Fit-8 ta’ April 2005 Chiquita applikat għall-immunità mill-multi skont l-Avviż ta' Klemenza tal-2002 (2) li ġiet irreġistrata bħala l-Każ 39.188 – Bananas. Fit-3 ta’ Mejju 2005 il-Kummissjoni tat lil Chiquita immunità kondizzjonali mill-multi fir-rigward ta' attivitajiet ta' kartell fil-bejgħ tal-banana u l-ananas fiż-ŻEE kollha. Bid-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ 39.188 – Bananas, Chiquita ngħatat immunità finali minn kwalunkwe multi għal kartell fil-banana li jirrelata mal-iffissar tal-prezzijiet ta’ kwotazzjoni fl-Ewropa ta' Fuq.

(4)

Fis-26 ta’ Lulju 2007 l-Kummissjoni rċeviet kopji tad-dokumenti mill-pulizija fiskali Taljana li kienu miġbura matul spezzjoni fid-dar u l-uffiċċju ta' impjegat tal-Pacific fil-qafas ta' investigazzjoni nazzjonali. Wara dan, bejn it-28 u t-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet fl-uffiċċji ta' importaturi ewlenin tal-banana fl-Italja u Spanja taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-Ewropa t'Isfel fil-każ 39.482-Frott Eżotiku.

(5)

Fl-10 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet dwar dan il-każ. Wara aċċess għall-fajl, id-destinatarji kollha ta' din id-Deċiżjoni infurmaw lill-Kummissjoni bil-miktub dwar il-fehmiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom u ħadu sehem f'Seduta tas-Smigħ li saret fit-18 ta’ Ġunju 2010. Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fit-3 u l-10 ta' Ottubru 2011.

2.3.   Sommarju tal-ksur

(6)

Fil-perjodu bejn it-28 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ April 2005 Chiquita u Pacific ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat li bih iż-żewġ impriżi kkoordinaw l-istrateġija tagħhom ta' prezz rigward il-prezzijiet fil-ġejjieni, il-livelli tal-prezzijiet, il-movimenti fil-prezz u/jew it-tendenzi tal-prezzijiet u skambjaw informazzjoni dwar l-imġiba futura rigward il-prezzijiet tas-suq. L-imġiba kkonċernat il-bejgħ tal-banana friska fil-Greċja, fil-Portugall u fl-Italja.

(7)

Il-ġabra ta' evidenza tal-ksur tikkonsisti f'evidenza dokumentarja kontemporanja provenjenti mis-sottomissjonijiet ta' Pacific u Chiquita li juru arranġamenti kollużivi kontinwi bejn il-partijiet għall-perjodu tal-ksur.

(8)

Kemm Chiquita kif ukoll Pacific huma fost l-akbar fornituri tal-banana fl-Ewropa u jiffurmaw parti minn gruppi multinazzjonali kbar. Fl-Ewropa t'Isfel in-negozju tal-banana hu ferm ikkonċentrat u jopera f’żewġ saffi – banana ħadra (mhux misjura) u banana misjura (safra). Id-daqs tan-negozju tal-banana fl-Italja, fil-Portugall u fil-Greċja huwa stmata li kien madwar EUR 525 miljun fl-2004 u fl-2005. Il-kartell kopra madwar 50 % tas-suq fl-Italja, iktar minn 30 % fl-2004 u madwar 40 % fl-2005 fil-Portugall, u madwar 65 % fl-2004 u madwar 60 % fl-2005 fil-Greċja. Chiquita u Pacific kienu kważi esklussivament qed ibigħu banana ħadra lil stabbilimenti tal-manutenzjoni indipendenti, li mbagħad kienu jbigħu din il-banana safra madwar ġimgħa aktar tard lill-klijenti bħal supermarkets. Fornituri kbar oħra tal-banana fl-Ewropa t'Isfel kienu fil-biċċa l-kbira qed ibigħu banana safra.

2.4.   Rimedji

2.4.1.   L-ammont bażiku tal-multa

(9)

Skont il-Linji Gwida 2006 dwar il-multi (3), l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi kkonċernati għandu jiġu stabbiliti b’referenza għall-valur tal-bejgħ fiż-żona ġeografika relevanti fl-Unjoni.

(10)

Minħabba ż-żmien qasir tal-ksur u l-fatt li dan il-ksur kopra partijiet minn sentejn kalendarji, il-Kummissjoni kkalkulat estimi għal valur annwali tal-bejgħ (ibbażata fuq il-valur attwali ta' bejgħ magħmul mill-impriżi matul tmien xhur tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur minn Awwissu 2004 sa Marzu 2005) biex jintużaw bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti.

(11)

L-oġġetti marbuta mal-ksur f'dan il-każ huma l-banana (frott frisk) kemm mhux misjura (ħadra) kif ukoll misjura (safra). Iż-żona ġeografika relevanti tkopri l-Greċja, l-Italja u l-Portugall.

(12)

Meta wieħed iqis in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tal-kartell, il-persentaġġ tal-ammont varjabbli u l-ammont addizzjonali (“l-imposta tad-dħul”) kien stabbilit għal 15 %.

(13)

Il-kartell seta' jkun ippruvat għal 8 xhur u 12-il jum. L-ammont varjabbli ġie mmultiplikat b'2/3.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(14)

Ma nstabu l-ebda ċirkustanzi aggravanti.

(15)

Ir-reġim regolatorju li applika fiż-żmien tal-ksur fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ 39.188 – Banana u f 'dan il-każ operaw skont ir-regoli li kienu fil-parti l-kbira identiċi. Minħabba ċ-ċirkostanzi ta' dan il-każ, u fid-dawl tal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-Każ 39.188 – Banana, tnaqqis ta' 20 % kien applikat fuq l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kollha konċernati.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(16)

L-ammonti finali tal-multi qabel l-applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza huma taħt l-10 % tal-fatturat dinji kemm ta' Chiquita kif ukoll ta' Pacific.

2.4.4.   L-applikazzjoni tal-Avviż ta' Klemenza tal-2002: l-immunità

(17)

Minħabba li l-imġiba taħt investigazzjoni f'dan il-każ kienet distinta minn dik fil-Każ 39.188 – Banana, l-investigazzjoni oriġinali kienet maqsuma f’żewġ każijiet, jiġifieri il-Każ 39.482 – Frott Eżotiku u l-Każ 39.188 – Banana. F'dan it-tip ta' sitwazzjoni, applikant għall-immunità għandu d-dmir li jikkoopera fiż-żewġ investigazzjonijiet separati li jistgħu joriġinaw mill-istess applikazzjoni għall-immunità, u jkompli jagħmel hekk anke wara l-għotja finali tal-immunità fir-rigward tal-ksur kopert(i) minn waħda mill-investigazzjonijiet. Billi Chiquita ssodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Avviż ta' Klemenza, hija tingħata immunità minn kwalunkwe multi li altrimenti jiġu imposti fuqha.

3.   DEĊIŻJONI

(18)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat mit-28 ta’ Lulju 2004 sat-8 ta' April 2005 billi pparteċipaw fi ftehim uniku u kontinwu u/jew prattika miftiehma rigward il-provvista tal-banana fl-Italja, fil-Greċja u fil-Portugall, li kkonsista minn iffissar tal-prezz:

Chiquita Brands International, Inc., Chiquita Banana Company BV, Chiquita Italia SpA,

Fsl holdings NV, Firma Leon Van Parys NV, Pacific Fruit Company Italy SpA.

(19)

Il-multi segwenti huma imposti:

Chiquita Brands International, Inc., Chiquita Banana Company BV, Chiquita Italia SpA, responsabbli in solidum: EUR 0

FSL Holdings NV, Firma Leon Van Parys NV, Pacific Fruit Company Italy SpA, responsabbli in solidum: EUR 8 919 000

(20)

L-impriżi kkonċernati għandhom itemmu immedjatament il-ksur, sakemm huma mhux diġà għamlu dan.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 45, 19.2.2002, p. 3.

(3)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.


Top