EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012TA1215(22)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

ĠU C 388, 15.12.2012, p. 129–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/129


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

2012/C 388/22

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”), li tinsab f'Lisbona, twaqqfet bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti tal-Aġenzija huma li tiżgura livell għoli ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri, tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll li tevalwa l-effettività tagħha (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

4.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (6). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (7) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (8) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (9), abbażi tal-verifika tagħha, b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

6.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

7.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżit tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

8.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (10) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni (11).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

11.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

12.

Il-baġit 2011 tal-Aġenzija (12) ammonta għal EUR 56 miljun meta mqabbel ma’ EUR 51 miljun is-sena ta’ qabel. L-impenji tal-baġit li ammontaw għal EUR 0,9 miljun ma kinux relatati ma’ impenji legali eżistenti u l-Aġenzija missha diżimpenjat u ħallset l-ammont lura lill-Kummissjoni fil-bidu tal-2012. Madankollu, l-Aġenzija bdiet il-proċess tard wisq. B’konsegwenza, minħabba restrizzjonijiet imposti mis-sistema tal-IT, il-fondi se jkunu bblokkati għal sena u se jiġu diżimpenjati u mħallsa lura mhux qabel it-tmiem tal-2012.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-AĠENZIJA

13.

Il-Qorti identifikat il-ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-attivi tal-Aġenzja. Hemm differenzi mhux spjegati bejn id-deprezzament annwali u dak akkumulat irreġistrati. Għal attivi intanġibbli maħluqin internament, il-proċeduri u l-informazzjoni tal-kontabilità dwar l-ispejjeż mhumiex affidabbli. Hemm nuqqas ta’ evidenza ta’ inventarju fiżiku tat-tagħmir amministrattiv fil-perjodu meħtieġ.

14.

F’Diċembru 2011, l-Aġenzija biegħet żewġ settijiet ta’ sistemi sweeping arms għas-servizzi tal-irupru taż-żejt fil-baħar. Hija kellha l-għan li tikseb mill-inqas il-valur nett skont il-kotba għat-tagħmir li jammonta għal EUR 319 050. Madankollu, peress li l-prezz minimu kien iffissat ħażin f’valur inqas mill-valur nett skont il-kotba t-tagħmir inbigħ b’telf ta’ EUR 93 950.

KUMMENTI OĦRA

15.

Hemm lok għal titjib fit-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. Il-limiti minimi li l-kandidati kellhom jiksbu sabiex jiġu mistiedna għal intervista, il-mistoqsijiet għat-testijiet bil-miktub u għall-intervisti u l-ippeżar korrispondenti għall-evalwazzjoni tal-kandidati ma ġewx stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-11 ta’ Settembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.

(4)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(6)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(7)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(8)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma integrati hekk fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(9)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(10)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fl-20 ta’ Ġunju 2012 u rċevuti mill-Qorti fid-29 ta’ Ġunju 2012. Il-Kontijiet Annwali Finali, ikkonsolidati ma' dawk tal-Kummissjoni, jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew www.emsa.europa.eu.

(11)  Ir-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità.

(12)  Skont it-tielet emenda tal-baġit datata 3.12.2011, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali; approprjazzjonijiet tas-sena attwali biss.


ANNESS

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (Lisbona)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 100 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Il-politika tat-trasport komuni

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u tal-ajru.”

Il-kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat bir-Regolamenti (KE) Nru 1644/2003 u (KE) Nru 724/2004)

L-objettivi

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ġiet stabbilita bl-iskop tal-assigurazzjoni ta’ livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ u r-reazzjoni għal tniġġis minn vapuri fl-Unjoni.

L-Aġenzija tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bl-assistenza teknika u xjentifika meħtieġa u b'livell għoli ta’ konnoxxenza, sabiex tgħinhom:

Jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi applikata sewwa fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn vapuri;

Jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħha;

Jevalwaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti.

Servizzi operazzjonali ġew żviluppati u offruti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiġi indirizzat it-tniġġis li joriġina minn vapuri fl-Unjoni u fil-qasam ta’ monitoraġġ tat-traffiku u s-sorveljanza marittima. Ġew żviluppati sistemi għas-sostenn tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relevanti (THETIS fil-qasam ta’ Kontroll mill-Istat tal-Portijiet, EMCIP fil-qasam tal-Investigazzjoni tal-Aċċidenti, STCW-IS fil-qasam tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara, eċċ.).

Il-kompiti

Il-kompiti tal-Aġenzija huma kondiviżi b’mod wiesa’ f’erba’ oqsma ewlenin f’konformità mar-regolament li fuqu hija msejsa u l-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE. L-ewwel nett, l-Aġenzija tassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata, fost l-oħrajn, mal-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ vapuri, iċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħmir marittimu, is-sikurezza tal-vapuri, it-taħriġ tal-baħrin u l-Kontroll mill-Istat tal-Portijiet.

It-tieni nett, l-Aġenzija tiżviluppa u topera kapaċitajiet ta’ informazzjoni marittima fil-livell tal-UE. Eżempji sinifikanti huma s-sistema ta’ traċċar ta’ bastimenti SafeSeaNet (SSN), għat-traċċar madwar l-UE ta’ bastimenti u l-merkanzija tagħhom, u inċidenti abbord; u ċ-Ċentru tad-Data LRIT tal-UE, biex jiġu żgurati l-identifikazzjoni u t-traċċar mad-dinja kollha ta’ vapuri li jtajru l-bandiera tal-UE.

B’mod parallel, kapaċità ta’ stat ta’ tħejjija, sejba u reazzjoni għal tniġġis tal-baħar, li tinkudi Netwerk Ewropew ta’ Riżerva ta’ Bastimenti ta’ Reazzjoni għal Tixrid taż-Żejt kif ukoll servizz Ewropew ta’ monitoraġġ bis-satellita dwar tixrid taż-żejt u s-sejba ta’ bastimenti (CleanSeaNet), tikkontribwixxi għal katina effettiva għall-protezzjoni tax-xtut u l-ilmijiet tal-UE mit-tniġġis minn vapuri.

Fl-aħħar nett, l-Aġenzija tipprovdi parir tekniku u xjentifiku lill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima u fil-prevenzjoni ta’ tniġġis minn vapuri fil-proċess kontinwu ta’ evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri fis-seħħ, u fl-aġġornament u fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Hija tipprovdi wkoll sostenn lil, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn, l-Istati Membri u xxerred l-aqwa prattiki.

It-tmexxija

Il-Bord Amministrattiv

Il-kompożizzjoni

Rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni, u erba’ rappreżentanti, mingħajr id-dritt li jivvutaw, mis-setturi professjonali kkonċernati.

Il-kompiti

Li jadotta l-pjan ta’ politika tal-persunal multiannwali, il-baġit annwali, il-programm ta’ ħidma, ir-rapport annwali u pjan dettaljat għall-istat ta’ tħejjija u attivitajiet ta’ reazzjoni tal-Aġenzija, għat-tniġġis.

Li jissorvelja l-ħidma li ssir mid-Direttur Eżekuttiv.

Id-Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord Amministrattiv. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi kandidat wieħed jew aktar.

Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

II-verifika interna

Is-Servizzi tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kapaċita tal-Verifika Interna tal-Aġenzija.

L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2011 (2010)

Il-Baġit Finali

L-Approprjazzjonijiet ta’ Impenn (C1)

EUR 56,4 (54,4) miljun

L-Approprjazzjonijiet ta’ Pagament (C1)

EUR 56,4 (50,6) miljun

Baġits emendatorji ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jkopru varjetà ta’ sorsi ta’ fondi, fejn C1 huwa prattikament is-sors esklussiv ta’ fondi. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u trasparenza, huma kkwotati biss l-approprjazzjonijiet tal-baġit C1 li huma predominanti u għalhekk relevanti.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

Il-Persunal Statutorju

208 (200) awtorizzati fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 197 (196).

L-Aġenti b’Kuntratt:

29 (27) ippjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: 25 (23).

L-Esperti Nazzjonali Ssekondati

15 (15) ippjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: 15 (10).

Il-prodotti u s-servizzi 2011

51 Workshop u avvenimenti oħrajn (b’1 442 parteċipant fil-workshops)

27 sessjoni differenti ta’ taħriġ li rriżultaw f'713-il espert nazzjonali mħarreġ

90 spezzjoni u żjara

SSN kienet 99,28 % disponibbli matul is-sena

2 481 immaġni satellitari ordnati u analizzati permezz ta’ CleanSeaNet

Iċ-Ċentru tad-Data LRIT tal-UE 99,36 % disponibbli matul is-sena

16-il bastiment kontra t-tniġġis ikkuntrattati

64 eżerċizzju ta’ taħriġ u 26 eżerċizzju mal-bastimenti kontra t-tniġġis (13-il eżerċizzju operazzjonali u 13-il eżerċizzju ta’ notifika)

Is-Servizzi ta’ Sostenn Marittimi tal-EMSA joperaw fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum

THETIS 99,07 % disponibbli matul is-sena

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija.


IT-TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

12.

L-Aġenzija se tanalizza l-proċeduri ta’ tmiem is-sena sabiex tiżgura li l-bilanċi pendenti fuq l-impenji li mhumiex marbuta ma’ obbligi legali eżistenti jiġu diżimpenjati qabel l-għeluq tas-sena. L-Uffiċjali Awtorizzanti għandhom struzzjonijiet biex jibdew il-proċedura ta’ diżimpenn hekk kif ikun hemm ċertezza li miżura mhijiex jew mhux se tiġi implimentata bis-sħiħ.

13.

Id-differenzi bejn deprezzament irreġistrat u kumulat kull sena ġew ikkawżati l-aktar minħabba proċeduri ta’ indeboliment u inklużjoni ta’ assi trasferiti minn partijiet terzi u diġà parzjalment deprezzati. Linji gwida għal assi intanġibbli ġġenerati internament qed jiġu aġġornati flimkien ma’ allokazzjoni ta’ infiq proprju bbażata fuq “miri speċifiċi aċċettati formalment” u l-perċentwal relatat tagħhom komplut. L-Aġenzija qed tagħmel inventarju fiżiku tal-assi tagħha inkluża verifika fiżika. Qed tippjana li tikkonkludi dan fit-tielet kwart tal-2012.

14.

Bejgħ pubbliku ta’ tagħmir APM użat huwa kunċett ġdid għall-EMSA. L-Aġenzija indikat bħala valur immirat il-valur nett skont il-kotba (il-kost tax-xiri bit-tnaqqis tad-deprezzament) iżda l-prezz finali kelli jiġi stabbilit mis-suq. Ġiet riċevuta offerta waħda biss li twassal għal bejgħ subottimali. Ġiet żviluppata proċedura biex tikkalkola u tivverifika il-valur deprezzat skont il-kotba, ibbażata fuq din l-ewwel esperjenza ta’ bejgħ.

15.

L-EMSA tapprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u għaldaqstant diġà aġġornat il-proċeduri tagħha ta’ reklutaġġ.


Top