EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0082

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar is-simplifikar tat-trasferiment ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq Uniku

/* SWD/2012/0082 - COD 2012/0082 */

52012SC0082

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar is-simplifikar tat-trasferiment ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq Uniku /* SWD/2012/0082 - COD 2012/0082 */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar is-simplifikar tat-trasferiment ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq Uniku

1.           Definizzjoni tal-problema - Objettivi

Il-problemi bir-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur huma eżempju tipiku tal-burokrazija żejda msemmija fl-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[1]. Dawn il-problemi ġew identifikati fl-ewwel Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE[2] bħala waħda mill-ostakli prinċipali li jħabbtu wiċċhom iċ-ċittadini meta jeżerċitaw jeddijiethom skont il-liġi tal-UE f’ħajjithom ta’ kuljum. Barra minn hekk, ġew enfasizzati wkoll bħala wieħed mill-20 punt ta' tħassib konnessi mas-Suq Uniku kif jinsab bħalissa, f'lista miġbura mill-Kummissjoni[3].

Il-valutazzjoni tal-impatt tidentifika żewġ problemi ewlenin li jolqtu r-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor:

(1) Meta vettura bil-mutur tiġi rreġistrata fi Stati Membru partikolari u tintuża ta' spiss f’ieħor, tinqala’ l-kwistjoni dwar f’liema Stat Membru għandha tkun irreġistrata. Iċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, il-ħaddiema li jaqsmu fruntiera biex imorru x-xogħol, il-kumpaniji li jikru l-karozzi u dawk li jwellu vettura bil-mutur fi Stat Membru ieħor spiss jiġu obbligati jirreġistraw il-vettura inkwistjoni fit-territorju fejn jgħixu jew fejn tintuża l-vettura, minkejja li tkun diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor. In-negozjanti tal-vetturi bil-mutur użati, li spiss ikunu SMEs, ukoll iħabbtu wiċċhom mal-istess problema meta jixtru xi vettura bil-mutur fi Stat Membru ieħor. Il-kumpaniji li jwellu ukoll jiffaċċjaw il-problemi, talanqas jekk ikunu d-detenturi taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni filwaqt li l-vettura bil-mutur tintuża minn persuna li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor. Fl-aħħar nett, il-kumpaniji li jikru l-karozzi li jixtiequ jittrasferixxu parti mill-flotta tagħhom lejn Stat Membru ieħor għal perjodu qasir ta' żmien sabiex ilaħħqu mad-domandi staġjonali, normalment jintalbu jirreġistraw il-vetturi bil-mutur inkwistjoni f'dak l-Istat Membru.

(2) Jekk vettura bil-mutur tkun teħtieġ li tiġi rreġistrata mill-ġdid fi Stat Membru ieħor, il-formalitajiet amministrattivi biex tinkiseb ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru reċipjenti spiss huma ta' piż żejjed u jikkawżaw id-dewmien. Il-piż addizzjonali huwa kkawżat l-aktar mill-fatt li l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Istat Membru reċipjenti ftit jew xejn ma jkollhom informazzjoni dwar il-vettura bil-mutur, għajr l-informazzjoni li tkun tinsab fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni. Li kieku vettura jkollha tiġi rreġistrata mill-ġdid fl-istess Stat Membru, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni jkunu jistgħu jserrħu fuq l-informazzjoni li jsibu fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tagħhom. Bħalissa, ir-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor tinvolvi għadd ta’ passi amministrattivi u, aktar importanti minn hekk, kontrolli u verifiki varji, bħas-sottomissjoni ta' ċertifikat ta' konformità u testijiet nazzjonali dwar kemm il-vettura hija adatta biex tinsaq fit-toroq.

L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakli amministrattivi konnessi mal-proċedura tar-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vetturi bil-mutur, li bħalissa xxekkel il-moviment liberu tal-merkanzija.

L-objettivi speċifiċi ta’ din l-inizjattiva huma:

· Li tarmonizza, tistandardizza, u tissimplifika l-proċeduri tar-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vetturi bil-mutur li jkunu ġew irreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor, għaċ-ċittadini, l-impjegati, l-impjegaturi, il-kumpaniji tal-kiri u t-twellija tal-karozzi, u l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni;

· Li permezz t'hekk tnaqqas l-piżijiet amministrattiv għal dawk kollha involuti bla ma xxekkel is-sikurezza tas-sewqan fit-toroq jew il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-frodi.

L-objettivi operattivi ta’ din l-inizjattiva huma:

– Li tiddetermina f’liema Stat Membru għandha tiġi rreġistrata vettura bil-mutur trasferita minn pajjiż għal ieħor fi ħdan l-UE;

– Li tnaqqas it-tul ta' żmien li jieħdu l-proċeduri tar-reġistrazzjoni mill-ġdid;

– Li tnaqqas il-piż amministrattiv għaċ-ċittadini u l-impriżi billi tillimita l-għadd ta' dokumenti meħtieġa biex wieħed iwettaq il-proċedura tar-reġistrazzjoni mill-ġdid u billi tħaffef l-iskambju tad-dejta bejn l-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni.

2.           Is-sussidjarjetà

L-aspetti transkonfinali tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur baqgħu jikkawżaw problemi fi ħdan is-suq intern. Ngħidu aħna, kien hemm 17-il sentenza u ordni tal-Qrati tal-Ġustizzja dwar l-ostakli, ikkawżati minn kwisjonijiet konnessi mar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur, għall-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi u l-persuni.

Il-problemi u d-differenzi attwali fir-regoli amministrattivi fil-livell nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-vetturi bil-mutur li kienu ġew irreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor jimpedixxu l-moviment liberu ta’ dawn il-vetturi fi ħdan l-UE. Għaldaqstant, l-UE għandha d-dritt li taġixxi abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, biex tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq uniku għall-vetturi bil-mutur użati mixtrija fi Stat Membru ieħor, għaċ-ċittadini li jittrasferixxu vettura bil-mutur lejn Stat membru ieħor ta' residenza, għal ċittadini li jużaw vettura bil-mutur irreġistrata fl-Istat Membru fejn huma impjegati, kif ukoll għall-azjendi li jikru l-karozzi (u sa ċertu punt inqas għall-azjendi li jwellu) li, minħabba rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni li jikkonċernaw lilhom jew lill-klijenti tagħhom, iħabbtu wiċċhom ma ostakli għall-użu transkonfinali ta' dawn il-vetturi. Biex tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-inizjattiva ma għandhiex, madankollu, tikkunsidra għażliet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjonijiet mill-ġdid fi ħdan l-istess Stat Membru, jew it-trasferiment ta' vettura bil-mutur fi ħdan l-istess Stat Membru.

Matul il-konsultazzjoni pubblika, maġġoranza sinifikanti f’kull kategorija ta’ partijiet interessati kkunsidrrat li għandha tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex tittejjeb is-sitwazzjoni attwali. L-awtoritajiet pubbliċi kollha li taw sehemhom fil-konsultazzjoni jaqblu li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE.

3.           Għażliet ta’ politika

L-għażliet ta' politika ssawru abbażi tal-preżunzjonijiet li ġejjin:

· L-ewwel reġistrazzjoni ta' vettura bil-mutur ġdida fl-UE normalment isseħħ fl-Istat Membru tar-residenza/stabbiliment tal-applikant (jiġifieri d-detentur futur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni) minkejja li xi drabi l-vetturi bil-mutur ġodda jiġu rreġistrati minn bejjiegħ tal-vetturi bil-mutur fi Stat Membru wieħed u mbagħad jinxtraw minn konsumatur li jkun residenti fi Stati Membru ieħor.

· L-Istati Membri jibqgħu liberi li jeżerċitaw setgħethom f'dik li hija taxxa fir-rigward tal-vetturi bil-mutur abbażi tat-territorju li fih il-vettura attwalment tintuża, jew tar-residenza tax-xufier, skont il-liġi tal-UE. Pereżempju, it-taxxi taċ-ċirkulazzjoni jinzammu mill-Istat Membru li fih tkun irreġistrata l-vettura jew mill-Istat Membru fejn essenzjalment tkun qed tintuża l-vettura.

· L-ebda waħda mill-għażliet ma tikkonċerna r-reġistrazzjonijiet mill-ġdid fi ħdan l-istess Stat Membru, jew it-trasferiment ta’ vettura bil-mutur fi ħdan l-istess Stat Membru.

L-għażliet ta’ politika li jridu jiġu evalwati viżavì l-għażla bażika (jiġifieri is-segwiment ta' proċedimenti ta' ksur u l-pubblikazzjoni ta' komunikazzjonijiet interpretattivi) ikun kif ġej:

3.1.        Għażla 1: Reġistrazzjoni waħdanija għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-vettura bil-mutur ("Reġistrazzjoni Waħdanija")

Skont din l-għażla, il-vettura bil-mutur tiġi rreġistrata darba fl-UE għaċ-ċiklu tal-ħajjja tagħha kollu. Il-vetturi bil-mutur iżommu r-reġistrazzjoni oriġinali sakemm jilħqu l-istatus ta’ tmiem-il-ħajja. Meta l-vettura tiġi trasferita lil detentur ġdid, ir-reġistrazzjoni oriġinali tibqa' tgħodd.

Din l-għażla jaf ikollha impatti negattiv vasti fuq is-sikurezza tas-sewqan fit-toroq (testijiet ta’ kemm il-vettura hija adatta għas-sewqan fit-toroq), l-infurzar tat-traffiku u l-kriminalità li tinvolvi l-vetturi bil-mutur, l-assikurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, is-suq tal-vetturi użati u ż-żamma tat-taxxi tar-reġistrazzjoni u ċ-ċirkulazzjoni. Ikollha impatti pożittivi fuq il-gruppi l-oħra fil-mira.

L-Għażla 1 telimina l-ispejjeż amministrattivi għan-negozji u ċ-ċittadini kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi li jeżistu fix-xenarju bażiku. Dan iwassal għal frankar ta' EUR 1 500 miljun fis-sena. It-telf fil-profitt ikun eliminat ukoll, billi l-vettura issa tkun tista’ tintuża bla interruzzjoni. Dan jippermetti frankar ta' EUR 336 miljun fis-sena. L-ispejjeż speċifiċi għall-kumpaniji li jikru l-karozzi jgħibu wkoll permezz ta’ din l-għażla ta’ politika (EUR 636 miljun) peress li dawn ikunu jistgħu jittrasferixxu l-vetturi bil-mutur bejn pajjiż u ieħor bla ebda trażżin.

3.2.        Għażla 2: id-detentur iżomm ir-reġistrazzjoni tiegħu/tagħha fl-UE kollha, iżda jekk ikun hemm trasferiment tal-vettura għand detentur ġdid, dan ikun jirrikjedi reġistrazzjoni ġdida

B’din l-għażla, kull detentur (jiġifieri d-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni) jżomm ir-reġistrazzjoni tiegħu/tagħha sakemm il-vettura tiġi ttrasferita għand id-detentur l-ieħor. Fi kliem ieħor, il-vetturi bil-mutur ma għandhomx jiġu rreġistrati mill-ġdid meta d-detentur jibdel ir-residenza tiegħu/tagħha għal Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, però, hu/hi għandu/għandha jinforma/tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ġdid tiegħu/tagħha li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-kontropartijiet tiegħu fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni. Trasferiment tal-vettura għand detentur ieħor, madankollu, jkun jeħtieġ reġistrazzjoni mill-ġdid. Din l-għażla ġiet subdiviża fis-subgħażla 2a (l-ebda formalitajiet), is-subgħażla 2b (ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor ikunu jistgħu iżommu r-reġistrazzjoni oriġinali tal-vettura imma jkollhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza preċedenti dwar ir-residenza l-ġdida tagħhom), u s-subgħażla 2c (ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jżommu r-reġistrazzjoni oriġinali tal-vettura tagħhom iżda jkollhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Istat Membru l-ġdid tagħhom dwar ir-residenza il-ġdida tagħhom).

Din l-għażla jkollha impatti negattivi fuq is-sikurezza tas-sewqan fit-toroq (testijiet dwar kemm il-vetturi huma adatti biex jinsaqu fit-toroq) u l-infurzar tat-traffiku, l-assikurazzjoni tal-vetturi bil-mutur u t-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Madankollu, din l-għażla jkollha impatti pożittivi fuq iċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor, il-ħaddiema li jaqsmu fruntiera mid-dar għax-xogħol, il-kumpaniji li jwellu, il-kumpaniji li jikru l-karozzi u l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni. Ikollha impatt newtrali fuq is-suq tal-vetturi bil-mutur użati u l-kriminalità bil-vetturi.

L-iffrankar stmat ivarja bejn EUR 2 472 miljun (subgħażla 2a), EUR 2 385 miljun (subgħażla 2b) u EUR 2 343 miljun (subgħażla 2c) fis-sena.

3.3.        Għażla 3: reġistrazzjoni fl-Istat Membru tad-detentur tal-vettura u reġistrazzjoni mill-ġdid issimplifikata

Meta d-detentur jibdel ir-residenza tiegħu/tagħha għal Stat Membru ieħor jew meta l-vettura tiġi trasferita għand detentur ieħor fi Stat Membru ieħor, il-vettura bil-mutur tkun trid tiġi rreġistrata mill-ġdid, iżda għal dan tkun tapplika proċedura tar-reġistrazzjoni ssimplifikata. Din il-proċedura ssimplifikata tkun tillimita x-xogħol burokratiku u l-għadd ta’ kontrolli, permezz ta’ lista dettaljata ta’ dokumenti li jistgħu jew ma jistgħux jiġu rikjesti, u projbizzjoni espliċita li jintalbu dokumenti supplimentari.

L-ebda impatti negattivi ma jistgħu jiġu identifikati fil-każ ta' din l-għażla. Ikollha impatt newtrali fuq it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur, l-infurzar tat-traffiku, is-sikurezza tas-sewqan fit-toroq u l-assikurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, filwaqt li jkollha impatt pożittiv fuq il-gruppi milquta l-oħrajn.

L-ispejjeż amministrattivi jitnaqqsu billi din l-għażla telimina l-ħtieġa għal dereġistrazzjoni u tnaqqas iż-żmien u l-ispejjjeż meħtieġa għar-reġistrazzjoni mill-ġdid. Fuq medda qasira ta' żmien, l-awtoritajiet pubbliċi xorta jkollhom iwettqu l-proċeduri tad-dereġistrazzjoni.

Din l-għażla tippermetti frankar ta' EUR 1 171 miljun fis-sena.

3.4.        Għażla 4: reġistrazzjoni fl-Istat Membru fejn il-vettura bil-mutur tintuża primarjament u reġistrazzjoni mill-ġdid issimplifikata

Skont din l-għażla, il-vettura bil-mutur għandha tiġi rreġistrata fl-Istat Membru tal-użu ewlieni, anki f'każ li d-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni jkun resident permanenti jew stabbilit fi Stat Membru ieħor. Il-proċedura tar-reġistrazzjoni, madankollu, tiġi ssimplikata bħal fil-każ tal-għażla 3.

Din l-għażla jkollha impatti pożittivi għall-kumpaniji li jikru l-karozzi u l-infurzar tat-traffiku. Id-diffikultà ewlenija ta’ din l-għażla hija l-fatt li hija vaga u d-diffikultajiet li taf tagħti lok għalihom fil-prattika, speċjalment għall-persuni jew in-negozji li jużaw vetturi fi Stati Membri differenti. Il-kunċetti ta’ ‘użu essenzjali fuq bażi permanenti’ jew ‘użu attwali fuq bażi permanenti’ ikollhom jiġu ċċarati aktar u jingħataw definizzjoni preċiża. Għaldaqstant, din l-għażla jkollha impatti negattivi fuq iċ-ċittadini, il-ħaddiema li jaqsmu fruntiera biex imorru x-xogħol, l-impjegaturi, il-kumpaniji tat-twellija u t-tassazzjoni fuq il-vetturi bil-mutur. Din l-għażla jkollha impatti newtrali fuq l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni, il-kriminalità bil-vetturi u l-assikurazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

Din l-għażla tippermetti frankar ta' EUR 1 171 miljun fis-sena.

3.5.        Għażla 5: ottimizzar tal-iskambju elettroniku tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni

Din l-għażla tipprevedi li l-informazzjoni teknika dwar il-vetturi bil-mutur u l-aħħar dettalji dwar ir-reġistrazzjoni fl-Istati Membri tal-oriġini jkunu jistgħu jinġabru elettronikament mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, permezz tas-sistema eżistenti ‘EUCARIS’.

L-Għażla 5 ikollha impatti pożittivi fuq iċ-ċittadini li jġibu l-vettura tagħhom fil-pajjiż tar-residenza, fuq l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni, fuq il-kriminalità bil-vetturi u fuq is-suq tal-vetturi użati. Ma setgħu jiġu identifikati l-ebda impatti negattivi. Fl-aħħar nett, din l-għażla jkollha impatti newtrali fuq il-ħaddiema li jaqsmu fruntiera biex imorru x-xogħol, il-kumpaniji li jwellu u l-kumpaniji li jikru l-karozzi, it-tassazzjoni fuq il-vetturi bil-mutur, l-infurzar tat-traffiku u l-assikurazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

Din l-għażla tippermetti frankar stmat ta' EUR 274 miljun fis-sena.

4.           Tqabbil tal-għażliet

L-impatti tal-għażliet varji fuq it-tnaqqs tal-piż amministrattiv huwa mogħti fil-qosor hawn taħt:

Għażliet || 1 || 2a || 2b || 2c || 3 || 4 || 5

Iċ-Ċittadini u n-Negozji || 1,400 || 1,400 || 1,359 || 1,360 || 890 || 890 || 133

L-Awtoritajiet pubbliċi || 100 || 100 || 78 || 56 || 776 || 53 || 29

Spejjeż amministrattivi totali (A) || 1,500 || 1,500 || 1,437 || 1,416 || 943 || 943 || 162

Telf ta’ profitt (B) || 336 || 336 || 336 || 336 || 224 || 224 || 112

Frankar fuq spejjeż ta’ kiri f'direzzjoni waħda || 418 || 418 || 409 || 407 || 0 || 0 || 0

Frankar fuq nuqqas ta’ domanda || 202 || 202 || 188 || 169 || 0 || 0 || 0

Frankar fuq domanda staġjonali fl-aqwa tagħha || 16 || 16 || 15 || 15 || 4 || 4 || 0

Frankar addizzjonali totali għall-kumpaniji li jikru l-karozzi (C) || 636 || 636 || 612 || 591 || 4 || 4 || 0

TOTAL (A+B+C) || 2,472 || 2,472 || 2,385 || 2,343 || 1,171 || 1,171 || 274

Ix-xenarju bażiku jiġġenera spejjeż amministrattivi sinifikanti u spejjeż oħra għaċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi. Minn din il-perspettiva, l-għażliet kollha jwasslu għal titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni u tnaqqis tal-ispejjeż (speċjalment fil-piż amministrattiv) għal dawk kollha involuti.

L-impatti kwalitattivi tal-għażliet huma miġbura fil-qosor fit-tabella ta' paragun kwalitattiv li ġejja:

Għażliet || 1 || 2a || 2b || 2c || 3 || 4 || 5

Gruppi fil-mira ||

Iċ-ċittadini li jittrasferixxu r-residenza || + || + || + || + || + || 0 || +

Is-suq tal-vetturi bil-mutur użati || + || 0 || 0 || 0 || + || 0 || +

Il-ħaddiema li jaqsmu fruntiera biex imorru x-xogħol || + || + || + || + || + || - || 0

Azjendi tat-twellija || + || + || + || + || + || - || 0

Azjendi li jikru l-karozzi || + || + || + || + || + || + || 0

L-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni || + || + || + || + || + || 0 || +

Impatti oħra ||

Kontrolli dwar kemm vettura tkun adatta għas-sewqan fit-toroq || - || - || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Infurzar tat-traffiku || - || - || 0 || 0 || 0 || + || 0

Assikurazzjoni tal-vetturi || - || - || - || - || 0 || 0 || 0

Kwistjonijiet fiskali || - || - || - || - || 0 || 0 || 0

Kriminalità bil-vetturi || - || 0 || 0 || 0 || + || 0 || +

+ = impatt pożittiv - = impatt negattiv 0 = impatt newtrali

It-tabella turi li l-ebda għażla ma tolqot il-problemi kollha.

Tqabbil tal-impatti kwantifikabbli u mhux kwantifikabbli jwassal għar-riżultati li ġejjin, meta mqabbla mal-għażla bażika:

Paragun bejn l-impatti kollha

Għażliet || 1 || 2a || 2b || 2c || 3 || 4 || 5

Frankar (milljuni ta’ euro) || 2,472 || 2,472 || 2,385 || 2,343 || 1,171 || 1,171 || 274

Dan iwassal għas-sejba preliminari li l-għażliet kollha jwasslu għal frankar konsiderevoli iżda wkoll li, minkejja dak l-iffrankar, l-għażliet 1, 2a, 2b u 4 iġibu magħhom impatti negattivi importanti ferm, speċjalment fir-rigward tal-assikurazzjoni tal-vetturi bil-mutur u t-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li jintgħażlu biss l-għażliet ta’ politika li jippreżentaw biss impatti pożittivi u newtrali, jiġifieri:

· L-Għażla 3: reġistrazzjoni fl-Istat Membru tad-detentur tal-vettura u reġistrazzjoni mill-ġdid issimplifikata.

· L-Għażla 5: ottimizzar tal-iskambju elettroniku tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni.

Jekk l-għażliet 3 u 5 jiġu kkombinati flimkien, dawn joħolqu ffrankar relattivament għoli ta' almenu EUR 1 445 miljun u fl-istess waqt joffru impatt pożittiv jew newtrali fuq il-gruppi kollha fil-mira.

Fir-rigward tal-għamla tal-istrument leġiżlattiv, il-valutazzjoni tal-impatt tirrakkomanda regolament.

5.           Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Il-problemi differenti msemmija f’din il-valutazzjoni tal-impatt għadhom mhumiex suġġetti għal-liġi sekondarja tal-UE. Għaldaqstant, dawn huma ggvernati mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE. Is-sistemi nazzjonali u l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini u n-negozji huma differenti ferm, speċjalment għall-vetturi li kienu rreġistrati qabel fi Stati Membru ieħor. Għaldaqstant, huwa importanti li titqiegħed fis-seħħ skema koerenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni bla, madankollu, ma toħloq piż amministrattiv addizzjonali għaċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni. Bħalissa, qajla hemm statistika preċiża dwar ċerti gruppi fil-mira li jintlaqtu direttament mill-problemi attwali fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur, speċjalment dwar iċ-ċittadini li jittrasferixxu l-vetturi tagħhom minn pajjiż għal ieħor jew dwar is-suq tal-vetturi bil-mutur użati. M’hemm ukoll l-ebda statistika preċiża dwar l-ammont ta’ diffikultajiet u ż-żmien meħtieġ għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor. Madankollu, l-applikazzjoni tas-softwer ‘EUCARIS’ tagħti statistika li tista' tintuża bħala indikaturi.

Huwa suġġerit li jintużaw l-indikaturi u l-metodi ta’ monitoraġġ li ġejjin fid-dawl ta' evalwazzjoni tal-istrument leġiżlattiv, fi żmien erba' snin wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni proprja:

Min intlaqat mill-problemi? || Indikaturi/ metodi għall-monitoraġġ

Ċittadini li jixtru vettura bil-mutur użata fi Stat Membru ieħor || - Għadd ta’ lmenti; - Għadd ta' każijiet SOLVIT; - Għadd ta' każijiet fil-qrati; - Għadd ta’ rikjesti liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi; - Għadd ta’ reġistrazzjonijiet mill-ġdid u dereġistrazzjonijiet; - Konsultazzjoni pubblika, b’mod partikolari dwar il-piżijiet amministrattivi

Ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor u jieħdu l-vettura tagħhom magħhom

Ċittadini li jgħixu parti mis-sena fi Stat Membru ieħor

Ċittadini li jaqsmu fruntieri għax-xogħol bil-karozza tal-kumpanija

Intrapriżi tat-twellija u l-kiri tal-karozzi || Stħarriġ indirizzat speċifikament lil dan is-settur

Awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni || Stħarriġ indirizzat speċifikament lill-awtoritajiet nazzjonali tar-reġistrazzjoni

Il-gruppi kollha fil-mira || Statistika EUCARIS.

[1]               COM(2010)2020 tat-3.3.2010.

[2]               COM(2010)603, tas-27.10.2010.

[3]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/docs/20concerns/publication_en.pdf.

Top