EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0738

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

/* COM/2012/0738 final */

52012PC0738

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv /* COM/2012/0738 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-miżuri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tal-Greċja u l-istabbiliment ta’ linji gwida għall-politika ekonomika għall-Greċja huma ddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE abbażi tal-Artikoli 126(9) u 136 tat-TFUE. Il-Greċja ġiet irrakkomandata biex tieħu miżuri biex tikkoreġi s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014 u li jiżguraw titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 10 punti perċentwali tal-PDG matul il-perjodu 2009-14.

Il-konformità mad-deċiżjoni hija rilevanti mhux biss fil-kuntest tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv, iżda wkoll fil-kuntest tal-finanzjament lill-Greċja mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, permezz tal-Faċilità ta’ Self għall-Greċja u l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF).

Id-defiċit tal-2012 tal-amministrazzjoni pubblika hu mistenni li jilħaq EUR 13.4 biljun, li jirrispetta l-limitu massimu ta' EUR 14.8 biljun ta' defiċit preskritt fid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Id-defiċit tal-amministrazjoni pubblika huwa mistenni li jkun laħaq 6.9% tal-PDG, ferm taħt il-limitu massimu għad-defiċit tal-gvern ta' 7.3% tal-PDG għall-2012. Il-mira primarja tad-defiċit għal dik is-sena huwa mistenni li ma tintlaħaqx b'madwar 0.5% tal-PDG. L-eżitu kumplessiv jirrifletti pagamenti aktar baxxi milli kien ippjanat tal-imgħax, b'riżultat tal-iskambju tad-dejn f’Marzu 2012.

Għall-2013, il-Greċja adottat fil-11 ta' Novembru baġit li jiżgura l-kontinwazzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali, permezz ta' miżuri mmirati biex jiżguraw iffrankar ta' madwar 5% tal-PDG. Fis-7 ta' Novembru adottat ukoll Strateġija Fiskali fuq Terminu ta' Żmien Medju li tinkludi miżuri li jiżguraw tnaqqis ulterjuri fid-defiċit fis-snin sussegwenti. Il-Greċja ħadet azzjoni effettiva f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE. Il-Greċja żgurat titjib fil-bilanċ strutturali fl-2009-2012 li diġà huwa akbar mill-minimu ta' 10 punti perċentwali tal-PDG matul il-perjodu 2009-14 irakkomandat mill-Kunsill. Huwa stmat li l-Greċja tejbet id-defiċit strutturali tagħha bi 13.9 punti perċentwali tal-PDG minn defiċit ta' 14.7% fl-2009 għal defiċit stmat ta' 1.5% fl-2012.

L-attività ekonomika hija attwalment projettata li se tkun ferm iktar dgħajfa milli kien mistenni meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2012/734/UE f'Marzu 2012. L-ekonomija Griega tinsab fil-ħames sena konsekuttiva tagħha ta' riċessjoni. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-PDG reali huwa pprojettat li jonqos b'6.0% fl-2012 u b'4.2% fl-2013 - minflok l-4.7% u 0.0% rispettivament fid-Deċiżjoni tal-Kunsill preċedenti -, segwiti bi tkabbir ta' 0.6% biss fl-2014. B’kuntrast, id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Marzu 2012 kienet ibbażata fuq tkabbir mill-ġdid diġà mill-2013. Id-deterjorament notevoli fil-prospettiva ekonomika jirrifletti inċertezzi politiċi fil-Greċja matul l-elezzjonijiet doppji, tnaqqis fid-domanda esterna, u l-effetti tad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programm u żborzament għal finanzjament pubbliku u privat.

Dan id-deterjorament notevoli tax-xenarju ekonomiku jimplika deterjorament korrespondenti fil-prospettiva għall-finanzi pubbliċi jekk ma jinbidlux il-politiki, u jagħmilha diffiċli biex titlesta l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014, kif mitlub mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2011/734/UE. Minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi, estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament hija ġġustifikata. B'mod partikolari, l-iskadenza li ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-Greċja teħtieġ li tiġi estiża b'sentejn sa 2016. Il-miri fiskali lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandhom jiġu ddefiniti fuq il-bażi tal-bilanċ primarju tal-amministrazzjoni pubblika f'termini nominali. Għall-2012 id-defiċit primarju għandu jkun EUR 2 925 miljun (1.5% tal-PDG), għall-2013 l-bilanċ primarju għandu jkun EUR 0 (0% tal-PDG), għall-2014 EUR 2 775 miljun (1.5% tal-PDG), għall-2015 EUR 5 700 miljun (3.0% tal-PDG) u għall-2016 EUR 9 000 miljun (4.5% tal-PDG)

Meta jitqiesu dawn l-iżviluppi, li jirrinforzaw il-ħtieġa li l-gvern iwettaq b'suċċess il-pakkett ambizzjuż ta' riformi, il-kondizzjonalità tal-politika fil-Memorandum ta’ Ftehim tal-programm ta' aġġustament ekonomiku tal-Greċja teħtieġ li tiġi aġġornata. Il-kundizzjonalità tikkonċerna mhux biss il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll dawk il-miżuri meħtieġa biex isaħħu l-ambjent li jiffaċilita t-tkabbir u jnaqqsu kwalunkwe impatt soċjali negattivi.

B'kunsiderazzjoni tal-inizjattivi miftiehma mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro biex titjieb is-sostenibbiltà tad-dejn u ċerti miżuri għat-tnaqqis tad-dejn meqjusa mill-Greċja, kif ukoll tnaqqis fid-defiċit tal-baġit u tkabbir aktar qawwi tal-PDG nominali li jirriżultaw mill-miżuri strutturali politiċi, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG mistenni li jilħaq l-ogħla livell fl-2013. Il-proporzjon tad-dejn ma l-PDG se jibda jonqos mill-2014 'il quddiem biex jinżel taħt 160% tal-PDG fl-2016. Dan għandu jtejjeb is-sostenibbiltà tat-trajjettorja tad-dejn, mingħajr ma jibdel id-direzzjoni fiskali għal surplus primarju.

Il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE u bagħtitha lill-Kunsill.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Artikolu 136(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

(2)       L-Artikolu 126 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċ eċċessiv tal-gvern u għaldaqstant jistabbilixxi l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn immedjat lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jqisu l-qagħda ekonomika.

(3)       Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-TKE), li fil-Greċja kien hemm defiċit eċċessiv.

(4)       Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE[1] indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tat-TFUE bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2014. Il-Kunsill stabbilixxa l-2014 bħala l-iskadenza għall-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, u miri annwali għad-defiċit tal-gvern.

(5)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. Billi kien meħtieġ li jsiru aktar emendi, fl-interess taċ-ċarezza, din ġiet irriformulata, fit-12 ta’ Lulju 2011, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE[2]. Din id-Deċiżjoni ġiet emendata għall-ewwel darba fit-8 ta' Novembru 2011[3].

(6)       Fit-13 ta’ Marzu 2012[4], wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE reġgħet ġiet emendata f'għadd ta' aspetti, inkluż il-perkors għall-aġġustament fiskali, filwaqt li l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tħalliet kif inhi[5]. Id-deċiżjoni kkonfermat ir-rakkomandazzjoni li l-Greċja jkollha tieħu miżuri biex tikkoreġi l-qagħda ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014 li jiżguraw titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 10 punti perċentwali tal-PDG matul il-perjodu 2009-14.

(7)       Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva skont l-Artikolu 126(9) TFUE u wara l-adozzjoni ta’ dak l-avviż ikun hemm avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li jkollhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta avviż rivedut skont l-Artikolu 126(9) TFUE.

(8)       L-attività ekonomika hija attwalment projettata li se tkun ferm iktar dgħajfa minn meta kienet adottata l-aħħar emenda għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE f'Marzu 2012. Kemm il-PDG reali u dak nominali huma mistennija jkunu f'livelli ferm aktar baxxi fl-2012 u l-2013. Ir-reviżjoni riċenti tal-kontijiet nazzjonali Griegi f'Ottubru 2012 żvelat tnaqqis iktar qawwi tal-PDG reali, b'paragun maċ-ċifri sottostanti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-PDG reali huwa pprojettat li jonqos b'6.0% fl-2012 u b'4.2% ulterjuri fl-2013 - minflok l-4.7% u tkabbir ta' 0.0% fid-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-2012 u 2013 rispettivament - qabel jikber b'0.6% fl-2014. Dan id-deterjorament notevoli tax-xenarju ekonomiku jimplika deterjorament korrespondenti tal-prospettiva għall-finanzi pubbliċi jekk ma jinbidlux il-politiki.

(9)       Fl-2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni jilħaq 6.9% tal-PDG, ferm taħt il-limitu massimu tad-defiċit tal-gvern ta' 7.3% tal-PDG (abbażi tal-ESA95) għall-2012 stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill. F'termini nominali d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2012 huwa mistenni jilħaq EUR 13.4 biljuni meta mqabbla ma' EUR 14.8 biljuni ta' defiċit massimu preskritti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Id-defiċit primarju madankollu huwa mistenni li jkun kemmxejn ogħla mill-mira ta' 1.0% tal-PDG minħabba r-riċessjoni aktar qawwija milli mistenni. Huwa stmat li l-Greċja tejbet id-defiċit strutturali tagħha bi 13.9 punti perċentwali tal-PDG minn defiċit ta' 14.7% fl-2009 għal defiċit stmat ta' 1.5% fl-2012. Il-Greċja b’hekk żgurat titjib fil-bilanċ strutturali fl-2009-2012 li diġà huwa akbar mill-minimu ta' 10 punti perċentwali tal-PDG matul il-perjodu 2009-14 rakkomandat mill-Kunsill. Fil-11 ta’ Novembru 2012, ġie adottat il-baġit tal-2013 mill-parlament Grieg, b’iffrankar ta’ aktar minn EUR 9.2 biljun, aktar minn 5% tal-PDG. Il-baġit tal-2013 jifforma parti mill-Istrateġija Fiskali fuq Terminu ta' Żmien Medju (Medium-Term Fiscal Strategy - MTFS) tal-2013-2016 li ġiet adottata mill-Parlament Grieg ftit jiem qabel fis-7 ta’ Novembru 2012. L-MTFS u l-leġiżlazzjoni rilevanti biex tiġi implimentata stipulaw konsolidazzjoni fiskali mdaqqsa ferm u kkonċentrata fil-bidu tal-perjodu li tammonta għal aktar minn 7% tal-PDG sal-2016, b'sett komprensiv ta' miżuri strutturali sottostanti għal konsolidazzjoni fiskali sostanzjali. Meta jitqiesu dawn l-iżviluppi, il-kondizzjonalità tal-politika fil-Memorandum ta’ Ftehim tal-programm ta' aġġustament ekonomiku tal-Greċja teħtieġ li tiġi aġġornata. L-impenn li ħadet il-Greċja jikkonċerna mhux biss il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali, iżda wkoll dawk il-miżuri meħtieġa biex jissaħħaħ l-ambjent li jiffaċilta t-tkabbir u li jitnaqqas kwalunkwe impatt soċjali negattiv. Għaldaqstant, b’mod kumplessiv, il-Greċja ħadet azzjoni effettiva fl-2012 biex tnaqqas id-defiċit tagħha f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE.

(10)     Id-dejn ikkonsolidat tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li naqas b’EUR 11.1 biljun fl-2012 meta mqabbel ma’ EUR26.95 biljuni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Dan huwa minħabba dħul aktar baxx milli mistenni mill-privatizzazzjoni, konsolidazzjoni aktar baxxa milli mistennija tad-dejn tal-gvern u aġġustamenti tal-kontabbiltà bbażata fuq ħlasijiet-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti u aġġustamenti oħrajn tal-imgħax agħar milli mistennija. Minħabba PDG nominali aktar baxx wara r-reviżjoni tad-dejta statistika u fid-dawl ta' prospetti makroekonomiċi agħar, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG probabbilment se jikber għal 162.5% fl-2012. Inizjattivi miftiehma mill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex titjieb is-sostenibbiltà tad-dejn u ċerti miżuri li jnaqqsu d-dejn meqjusa mill-Greċja għandhom itejbu s-sostenibbiltà tat-trajjettorja tad-dejn, mingħajr ma jibdlu d-direzzjoni fiskali għas-surplus primarju. Meta wieħed jikkunsidra wkoll tnaqqis tad-defiċit tal-baġit u tkabbir tal-PDG nominali aktar qawwi li jirriżultaw mill-miżuri strutturali politiċi, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jilħaq l-ogħla livell fl-2013. Il-proporzjon bejn tad-dejn mal-PDG se jibda jonqos mill-2014 'il quddiem biex jinżel taħt 160% tal-PDG fl-2016.

(11)     Minkejja l-azzjoni effettiva meħuda, id-deterjorament notevoli tax-xenarju ekonomiku jimplika deterjorament korrespondenti tal-prospettiva għall-finanzi pubbliċi jekk ma jinbidlux il-politiki u jagħmilha diffiċli biex titlesta l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014, kif mitlub mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2011/734/UE. Minħabba l-avvenimenti ekonomiċi negattivi, estensjoni tal-iskadenza għall-perjodu ta' aġġustament hija ġġustifikata. B'mod partikolari, l-iskadenza li ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill teħtieġ tiġi estiża b’sentejn sa 2016. Skont il-perkors tal-Programm tal-Aġġustament Ekonomiku rivedut, il-miri tal-bilanċ primarju għandhom ikunu ta' 0%, 1.5%, 3% u 4.5% tal-PDG għall-perjodu ta' erba' snin bejn 2013-2016. Il-perkors rivedut ifisser li l-bilanċ tal-baġit tal-amministrazzjoni pubblika se jinżel taħt it-3% tal-PDG fl-2016. Minkejja l-estensjoni, madankollu, l-isforz fiskali meħtieġ biex tintlaħaq il-mira jibqa’ kbir ħafna fl-2013-14, u kkonċentrata bil-kbir fil-bidu tal-perjodu. Din ir-reviżjoni tal-iskadenza għalhekk ser iżżomm il-kredibbiltà tal-programm, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-konsolidazzjoni u l-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenza fil-kapaċità tal-gvern li jindirizza l-isfida fiskali.

(12)     Kull miżura meħtieġa minn din id-Deċiżjoni hija strumentali fil-kisba tal-aġġustament baġitarju meħtieġ. Xi miżuri għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni baġitarja tal-Greċja filwaqt li l-oħrajn huma miżuri strutturali li ser jirriżultaw f’titjib fil-governanza fiskali u sitwazzjoni baġitarja aktar soda fuq terminu ta' żmien medju.

(13)     Id-deterjorazzjoni tassew qalila tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Grieg wasslet lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiddeċiedu li jipprovdu sostenn ta’ stabbiltà lill-Greċja, bil-għan li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, flimkien ma’ assistenza multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Minn Marzu 2012, l-appoġġ provdut mill-Istati Membri taż-żona euro jieħu l-forma kemm ta' Faċilità ta' Self għall-Greċja bilaterali kif ukoll ta' selfa mill-EFSF. Il-mutwanti ddeċidew li s-sostenn tagħhom għandu jkun kondizzjonali fuq ir-rispett min-naħa tal-Greċja tad-Deċiżjoni 2011/734/UE kif emendata b'din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-Greċja hija mistennija twettaq il-miżuri speċifikati f’din id-Deċiżjoni b’mod konformi mal-kalendarju hawnhekk stabbilit,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/734/UE hija b’dan emendata kif ġej:

1.         L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

'(1)    Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv li għandha bħalissa malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2016.

(2)     Il-perkors tal-aġġustament lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandu l-għan li jikseb defiċit primarju tal-amministrazzjoni pubblika (defiċit minbarra nefqa fuq l-imgħax) ta’ mhux aktar minn EUR 2 925 miljun (1.5% tal-PDG) fl-2012, u surpluses primarji tal-amministrazzjoni pubblika ta' mill-inqas EUR 0 miljun (0.0% tal-PDG) fl-2013, EUR 2 775 miljun (1.5% tal-PDG) fl-2014, EUR 5 700 miljun (3.0% tal-PDG) fl-2015 u EUR 9 000 miljun (4.5% tal-PDG) fl-2016. Dawn il-miri għad-defiċit/surplus primarju jimplikaw defiċit kumplessiv tal-gvern abbażi tal-ESA ta' 6.9% tal-PDG fl-2012, 5.4% tal-PDG fl-2013, 4.5% tal-PDG fl-2014, 3.4% tal-PDG fl-2015 u 2.0% tal-PDG fl-2016. Dawn in-numri jistgħu jiġu stmati li jissarrfu f'titjib fil-bilanċ primarju aġġustat ċiklikament għall-proporzjon tal-PDG minn 4.1% fl-2012 għal 6.2% fl-2013 u mill-inqas 6.4% tal-PDG fl-2014, 2015 u 2016 u f'defiċit tal-gvern aġġustat ċiklikament għall-proporzjon tal-PDG ta' -1.3% fl-2012, 0.7% fl-2013, 0.4% fl-2014, 0.0% fl-2015 u -0.4% fl-2016, li jirriflettu l-profil tal-pagamenti tal-imgħax. Ir-rikavat mill-privatizzazzjoni tal-assi finanzjarji u dawk mhux finanzjarji, kif ukoll it-tranżazzjonijiet relatati mar-rikapitalizzazzjoni bankarja, kif ukoll it-trasferimenti kollha relatati mad-deċiżjoni tal-Grupp tal-euro tal-21 ta’ Frar 2012 fir-rigward ta’ introjtu tal-banek ċentrali nazzjonal taż-żona tal-euro, inkluż il-Bank tal-Greċja, li jirriżultaw mill-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-portafolli ta’ investiment ta’ bonds tal-gvern Grieg ma għandhomx inaqqsu l-isforz tal-konsolidazzjoni fiskali meħtieġ u ma għandhomx jitqiesu fil-valutazzjoni ta’ dawn il-miri.

(3)     Il-perkors tal-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2 ikun konsistenti ma’ proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG ta' 172.5% fl-2013, 171.4% fl-2014, 166.2% fl-2015 u 157.3% fl-2016.

2.         Fl-Artikolu 2, għandu jiddaħħal il-paragrafu li gej wara l-paragrafu 10:

‘10a.  Il-Greċja tkun adottat il-miżuri li ġejjin mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn [id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni]:

(a)     il-baġit għall-2013 u l-istrateġija fiskali għal terminu ta' żmien medju (minn hawn 'il quddiem MTFS - medium-term fiscal strategy) sal-2016 kif ukoll il-miżuri kif deskritti fl-Anness IA ta' din id-Deċiżjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni rispettiva. L-MTFS għandha telabora dwar il-miżuri permanenti ta’ konsolidazzjoni fiskali li jiżguraw li l-massimi tad-defiċit għal 2012-2016 kif stabbilit minn din id-Deċiżjoni ma jinqabżux u li l-proporzjon tad-dejn-PDG jitpoġġa f'perkors sostenibbli ta’ tnaqqis;

(b)     il-preżentazzjoni ta' Pjan ta’ Privatizzazzjoni aġġornat lill-Parlament u l-pubblikazzjoni ta' aġġornament semiannwali tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Assi;

(c)     it-trasferiment għall-portafoll ta' assi ta' privatizzazzjoni tal-HRADF tas-sjieda sħiħa u diretta (ishma jew drittijiet ta' konċessjoni) tal-Awtostrada Egnatia u l-portijiet reġjonali ta’ Elefsina, Lavrio, Igoumenitsa, Alexandropolis, Volos, Kavala, Korfu, Patras, Heraklion, u Rafina;

(d)     l-iżgurar li l-ministeri u entitajiet rilevanti oħra jipprovdu lis-Segretarjat Ġenerali għal Proprjetà Pubblika aċċess sħiħ għall-inventarju tal-assi immobiljari kollha li huma proprjetà tal-Istat;

(e)     l-emenda u/jew ir-revoka ta’ dispożizzjonijiet statutorji ta' intrapriżi tal-istat (l-awtoritajiet tal-portijiet PPC, OLP u OLTH, HELPE, EYATH u EYDAP, portijiet, eċċ.) li jkunu differenti mid-dritt tal-kumpaniji privati rigward kwalunkwe restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti privati;

(f)      il-leġiżlazzjoni li tiddefinixxi r-rwol u l-kwalifiki tas-Segretarju Ġenerali tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u għall-Ministru tal-Finanzi biex jiddelega is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet lis-Segretarju Ġenerali;

(g)     l-impjegar ta’ awdituri tat-taxxa ta' esperjenza f’attivitajiet li jservu l-imperattivi ta’ dħul immedjat, billi oqsma ta’ infurzar ewlenin isiru kompletament operazzjonali, bħall-unità kbira tal-kontribwenti, permezz tat-trasferiment ta’ 100 awditur u b’hekk tiġi stabbilita unità funzjonali waħda għal individwi bi dħul għoli u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li għandhom introjtu għoli u billi l-unità timpjega 50 awditur tat-taxxa ta' esperjenza li jkunu responsabbli direttament lejn is-Segretarju Ġenerali tal-Amministrazzjoni Fiskali;

(h)     Att tal-Kunsill tal-Ministri (li jissostitwixxi l-Att tal-Kunsill tal-Ministri adottat fid-29 ta' Ottubru 2012), bil-għan li tissaħħaħ l-eżekuzzjoni tal-baġit u jitjieb l-immaniġġjar fiskali sod, u inkluż, lil hinn mill-Att oriġinali tal-Kunsill tal-Ministri, dispożizzjonijiet addizzjonali: (i) li jistabbilixxu li l-Memoranda ta' Kooperazzjoni jkunu ffirmati sal-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn il-Ministeru tal-Finanzi u Ministeri oħra jew bejn il-Ministeri u l-maniġers tal-entitajiet superviżjonati (u b' hekk tkun koperta l-Amministrazzjoni Pubblika kollha); (ii) li jsaħħu r-restrizzjonijiet attwali ta' baġit bilanċjat għall-Gvernijiet Lokali sabiex ikunu aktar effettivi, inklużi mekkaniżmi korrettivi u ta' sanzjoni; (iii) li jsaħħu s-sistema ta’ monitoraġġ attwali għall-intrapriżi tal-Istat (state owned enterprises (SOEs)), bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar fil-każ ta’ devjazzjonijiet minn miri speċifiċi identifikati għal kull SOE; u (iv) li jistabbilixxu l-qafas biex jiġu ddefiniti miri speċifiċi għall-kopertura ta’ reġistri ta’ impenn operazzjonali għal Gvernijiet Lokali u l-SOEs li għandu jiġi stabbilit sa Diċembru ta' kull sena; jinkludi wkoll qafas għall-korrezzjoni ta’ trasferimenti mill-gvern ċentrali biex ikunu indirizzati devjazzjonijet mill-miri matul is-sena kkonċernata stess u possibilment fis-snin ta’ wara filwaqt li jkun żgurat li mhumiex qedgħin jiżdiedu l-arretrati; għandu jispjega b'mod ċar li r-rikavat mill-privatizzazzjoni tal-assi tal-gvern huma mħallsa direttament f’kont segregat li jimmonitorja l-flussi tal-flus, li jevita devjazzjoni tal-finanzjament uffiċjali, u li jiżgura servizz tad-dejn f’waqtu; għandu jiffissa tnaqqis awtomatiku fin-nefqa li għandu jkun applikata bħala regola meta ma jintlaħqux il-miri, filwaqt li jkun żgurat li mhumiex qedgħin jiżdiedu l-arretrati;

(i)      sett ta' miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja attwali tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Provvista tal-Kura tas-Saħħa (EOPYY) u li jiżguraw li l-eżekuzzjoni baġitarja hija eqreb lejn baġit ibbilanċjat fl-2012 u l-2013, inkluż billi: (i) razzjonalizzazzjoni tal-pakkett tal-benefiċċji; (ii) li jżidu l-kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa pprovduta minn fornituri privati; (iii) jiġu nnegozjati ftehimiet dwar il-prezzijiet marbuta mal-volum u jiġu riveduti ftehimiet ta’ każijiet imħallta ma’ fornituri privati; (iv) jiġu riveduti l-miżati għal servizzi ta’ dijanjożi u fiżjoterapija u l-għad tagħhom ikkuntrattati mill-EOPYY lill-fornituri privati bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati b'tal-anqas EUR 80 miljun fl-2013; (v) tiġi introdotta sistema ta’ prezz ta’ referenza għar-rimborż ta’ apparat mediku; kif ukoll (vi) jiżdiedu progressivamentl-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri OGA għall-medja ta' dawk imħallsa minn membri oħra tal-EOPYY;

(j)      il-miżuri li ġejjin relatati mar-rimborz tal-mediċini: (i) leġiżlazzjoni li tikkontrolla n-nefqa farmaċewtika li tattiva miżuri ta' kontinġenza (inkluż eż. tnaqqis fil-prezzijiet f’kull kategorija), jekk, għal xi raġuni, ir-restituzzjoni mhix kapaċi tilħaq il-mira. Tali miżuri għandhom jipproduċu ammont ekwivalenti ta’ ffrankar; (ii) digriet ministerjali, li jistabbilixxi l-limitu minimu ġdid ta’ restituzzjoni għall-2013 (EUR 2.4 biljun għall-outpatients); (iii) l-aġġornament tal-lista tal-prezzijiet u l-lista pożittiva tal-mediċini rimburżati b’mod partikolari billi jiġu rimborżati biss l-ispejjeż tal-pakketti kosteffettivi għall-mard kroniku, billi l-mediċini jiġu ttrasferiti mill-pożittiv għan-negattiv u għal-listi mingħajr preskrizzjoni u billi tiġi introdotta sistema ta’ prezz ta’ referenza żviluppata mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Mediċini (EOF). Dawn il-listi għandhom ikunu aġġornati mill-inqas darbtejn fis-sena f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE; kif ukoll (iv) Is-sostituzzjoni ta’ mediċini preskritti mill-irħas prodott tal-istess sustanza attiva fil-kategorija ta’ referenza mill-ispiżeriji ("sostituzzjoni ġenerika” obbligatorja).

3.         L-Artikolu 2(11) huwa sostitwit bit-test li ġej:

‘11.    Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Diċembru 2012:

(a)     riforma tat-taxxa tat-taxxa fuq l-introjtu personali u t-taxxa fuq l-introjtu korporattiv li timmira li tissimplifika s-sistema tat-taxxa, twessa' l-bażi tat-taxxa u telimina l-eżenzjonijiet u r-reġimi preferenzjali;

(b)     il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-Pjan tal-Privatizzazzjoni;

(c)     l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju għal kumpaniji tal-ilma;

(d)     miżuri għat-titjib tal-amministrazzjoni tat-taxxa, li jintroduċu valutazzjonijiet tal-prestazzjoni, titjib fl-użu tat-tekniki tal-valutazzjoni tar-riskju, u l-istabbiliment u t-tisħiħ tal-unitajiet speċjalizzati tal-immaniġġjar tad-dejn;

(e)     il-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' pjan għall-ħlas ta' arretrati dovuti lill-fornituri minn entitajiet pubbliċi u ta’ rimborżi tat-taxxa;

(f)      il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-funzjonament tal-fondi pubbliċi tal-pensjoni sekondarja/supplimentari u l-unifikazzjoni tal-fondi eżistenti kollha fid-dominju tas-settur pubbliku;

(g)     leġiżlazzjoni li testendi l-applikazzjoni ta' ribass ta' 5% għall-kumpaniji farmaċewtiċi (li teżisti għall-mediċini bi prezz tal-isptarijiet) għall-prodotti kollha mibjugħa fi spiżeriji EOPYY;

(h)     żieda tas-sehem tal-mediċini ġeneriċi biex jilħaq 35 fil-mija tal-volum kumplessiv ta’ mediċini mibjugħa minn spiżeriji;

(i)      l-assenjazzjoni ta' kontrolluri interni lill-isptarijiet kollha u l-adozzjoni mill-isptarijiet kollha ta' reġistri ta’ impenn."

4.         Fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

‘12.    Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Marzu 2013:

(a)     toħroġ digriet ministerjali għall-aġġustament tal-prezzijiet għall-utent aħħari għal konsumaturi b’vultaġġ baxx;

(b)     taġġorna l-MTFS, inkluż l-iffissar ta' limiti massimi vinkolanti fuq in-nefqa għal 3 snin għas-sottosetturi tal-gvern;

(c)     tadotta pjanijiet tal-persunal għall-Ministeri konċernati;

(d)     tistabbilixxi amministrazzjoni fiskali sostanzjalment iktar awtonoma u tispeċifika l-livell tal-awtonomija, il-qafas ta’ governanza, ir-responsabbiltà, il-poteri legali tal-kap tal-amministrazzjoni fiskali u l-persunal inizjali tal-organizzazzjoni;

(e)     toħroġ u tippubblika pjan komprensiv ġdid kontra l-korruzzjoni fis-servizz ċivili, inklużi dispożizzjonijiet speċjali għall-amministrazzjonijiet fiskali u doganali.

(f)      toħloq proċedura standard li tiffunzjona bis-sħiħ għar-reviżjoni tal-valuri legali tal-proprjetà immobbli sabiex jiġu allinjati aħjar mal-prezzijiet tas-suq taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tat-Tassazzjoni Kapitali;

(g)     trasferiment ta' erbgħin ass immobiljari ġdid (identifikati bħala "assi immobiljari, lottijiet 2 u 3" fil-Pjan tal-Privatizzazzjoni) għall-HRADF.'

'13.    Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Ġunju 2013:

(a)     tintlaħaq il-mira ta’ 2 000 awditur tat-taxxa operattivi bis-sħiħ;

(b)     tadotta kodiċi ġdid tal-proċeduri fiskali;

(c)     tiżgura li l-korpi ċentrali kollha tal-akkwist jużaw l-akkwist pubbliku elettroniku għall-proċeduri tal-offerti kollha tagħhom.’

'14.    Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Settembru 2013:

(a)     il-gvern se jadotta l-leġiżlazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li jintroduċi regola tal-bilanċ tal-baġit strutturali b'mekkaniżmu ta' korrezzjoni awtomatiku.

5.         L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala l-Anness IA tad-Deċiżjoni 2011/734/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

Anness:

'Anness IA:

Miżuri tal-Istrateġija Fiskali ta’ Terminu Medju 2013-16

Il-miżuri addizzjonali inklużi fl-istrateġija fiskali għal terminu ta' żmien medju (MTFS) sal-2016 huma dawn li ġejjin:

1.           Razzjonalizzazzjonijiet fin-nefqa fuq il-pagi b'mill-inqas EUR 1 100 miljun fl-2013, u EUR 247 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem:

2.           Iffrankar fil-pensjonijiet b'mill-inqas EUR 4 800 miljun fl-2013, u EUR 423 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

3.           Tnaqqis fl-infiq operazzjonali tal-istat b'mill-inqas EUR 239 miljun fl-2013 u EUR 285 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

4.           Iffrankar permezz ta' razzjonalizzazzjoni u titjib fl-effiċjenza fl-infiq marbut mal-edukazzjoni b'mill-inqas EUR 86 miljun fl-2013, u EUR 37 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

5.           Iffrankar fl-intrapriżi tal-istat b'mill-inqas EUR 249 miljun fl-2013 u EUR 123 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

6.           Tnaqqis fl-infiq operazzjonali marbut mad-difiża li jwassal għal iffrankar ta' mill-inqas EUR 303 miljun fl-2013, EUR 100 miljun addizzjonali mill-2014.

7.           Iffrankar fin-nefqa tal-kura tas-saħħa u l-mediċini b'mill-inqas EUR 455 miljun fl-2013, u EUR 620 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

8.           Iffrankar permezz ta' razzjonalizzazzjoni tal-benefiċċji soċjali b'mill-inqas EUR 217 miljun fl-2013, EUR 78 miljun addizzjonali mill-2014' il quddiem.

9.           Tnaqqis fit-trasferimenti mill-stat lill-gvernijiet lokali b'mill-anqas EUR 50 miljun fl-2013 u EUR 160 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

10.         Tnaqqis fin-nefqa mill-baġit tal-investiment pubbliku (investiment pubbliku ffinanzjat domestikament) b'EUR 150 miljun fl-2013 u EUR 150 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

11.         Żidiet fid-dħul b'mill-inqas EUR 1 668 miljun fl-2013 u EUR 1 820 miljun addizzjonali mill-2014 'il quddiem.

[1]               ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.

[2]               ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38.

[3]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/791/UE (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28).

[4]               L-aħħar emenda kienet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE tat-13 ta' Marzu (ĠU L 113, 25.4.2012, p.8).

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE tat-13 ta' Marzu (ĠU L 113, 25.4.2012, p.8).

Top