Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0730

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

/* COM/2012/0730 final - 2012/0344 (NLE) */

52012PC0730

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq /* COM/2012/0730 final - 2012/0344 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           GĦAN U KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-interess tal-infurzar u biex tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni mingħajr ma jiddgħajjef il-monitoraġġ tal-Kummissjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Awtorizzazzjoni”)[1] jippermetti lill-Kummissjoni li tiddikjara, permezz ta' Regolamenti, li ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat huma kompatibbli mas-suq komuni u huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Il-kategoriji kkonċernati jinkludu għajnuna de minimis[2], l-għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, il-ħarsien tal-ambjent jew impjieg u taħriġ, u għajnuna li tikkonforma mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali.

Il-Kummissjoni indikat fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tat-8 ta' Mejju 2012[3] li l-infurzar tal-għajnuna mill-Istat għandu jiffoka fuq każijiet bl-ikbar impatt fuq is-suq intern. Dan jimplika fuq naħa waħda skrutinju aktar qawwi ta' għajnuna kbira u potenzjalment distortiva, u min-naħa l-oħra l-analiżi simplifikata ta' każijiet b'effett limitat biss fuq il-kummerċ u potenzjal limitat li toħloq distorsjoni serja fil-kompetizzjoni. Dan tal-aħħar jista' jinkiseb billi jiġi rivedut ir-reġim ta' eżenzjonijiet, partikolarment il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, li jippermetti lill-Kummissjoni teżenta kategorija ulterjuri ta' għajnuna mill-obbligu ta' notifika, minbarra kategoriji diġà inklużi f’dan ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni.

Il-proposta biex tinkludi ċerti kategoriji ġodda fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni la tinvolvi eżenzjoni ġenerali immedjata ta’ dawn il-kategoriji kollha, u lanqas timplika li l-miżuri kollha f'kategorija jkunu eżentati bħala kategorija fl-intier tagħhom. Pjuttost, tippermetti lill-Kummissjoni tadotta l-eżenzjonijiet ġenerali gradwalment, meta l-esperjenza miksuba tkun biżżejjed biex tippermetti lill-Kummissjoni tiddefinixxi kriterji ċari ta’ kompatibilità għal ċerti tipi ta' miżuri ta' għajnuna, li jiżgura li l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa limitat. Ġie segwit l-istess metodu taħt ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni attwali: l-ewwel eżenzjonijiet ta’ kategorija ġew adottati fl-2001 (għajnuna għat-taħriġ, għajnuna lil SMEs), filwaqt li għal tipi oħrajn ta’ għajnuna l-ewwel eżenzjonijiet ġew adottati biss f'fażi aktar tard, ladarba tkun inkisbet biżżejjed esperjenza (għajnuna għax-xogħol fl-2002, l-għajnuna reġjonali fl-2006, u R&D u għajnuna ambjentali fl-2008 bl-adozzjoni ta’ GBER[4]). Fil-futur jista’ jkun hemm bżonn ta’ reviżjonijiet aktar frekwenti tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni, partikolarment biex jitqiesul-investimenti meħtieġa u kompatibbli mal-iżvilupp tas-suq intern fid-dawl tal-esperjenza miksuba. Wara li tittieħed deċiżjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll, mingħajr dewmien, il-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat għall-proċeduri kofinanzjati skont il-politiki strutturali tal-UE.

Kategoriji ġodda proposti li jiġi inklużi fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni

· Għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta Regolament ta' eżenzjoni għall-kategoriji kollha tal-għajnuna mill-Istat lill-SMEs. Għaldaqstant, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni diġà setgħet, taħt ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni attwali, tagħmel eżenzjonijiet ta’ kategorija ta’ għajnuna mill-Istat lill-SMEs fis-setturi tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju kif inhu definit fl-Artikolu 167 tat-TFUE skont ir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni attwali.. Dan ikun ta’ użu limitat, madankollu, minħabba li r-riċevituri tal-għajnuna mill-Istat, partikolarment fis-settur taċ-ċinema u tas-setturi awdjoviżivi, ħafna drabi huma kumpaniji kbar. Dawn il-każijiet jiġġeneraw ammont ta’ xogħol sostanzjali għall-Kummissjoni u l-Istati Membri, għalkemm dawn huma spiss każijiet ta’ rutina li jinvolvu ammonti limitati ta’ għajnuna.

Ladarba din il-kategorija ta’ għajnuna tiġi inkluża fil-kategorija tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta l-eżenzjonijiet ġenerali, pereżempju għal miżuri li jissodisfaw il-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema riveduta jew għal miżuri ta’ konservazzjoni ta’ patrimonju jew il-promozzjoni tal-kultura, li s-soltu jkollhom biss effett limitat fuq il-kummerċ (eż. bosta notifiki individwali ta’ restawr ta’ bini jew monumenti kklassifikati).

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat biex ikopri dawn il-kategoriji ta’ Għajnuna mill-Istat.

· Għajnuna mill-Istat b'relazzjoni għal diżastri naturali

Rigward l-għajnuna mill-Istat li hija maħsuba biex tikkumpensa għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu, kif spjegat hawn fuq, jawtorizza lill-Kummissjoni biex teżenta għajnuna mogħtija lill-SMEs, iżda ma jippermettix għajnuna għal kumpaniji kbar. Eżenzjoni ġenerali fuq għajnuna għal diżastri naturali tippermetti lill-Istati Membri biex jirreaġixxu iktar malajr meta jseħħ diżastru naturali biex jikkumpensaw għad-dannu kkawżat.

Il-Kummissjoni sadanittant akkwistat biżżejjed esperjenza f’dan it-tip ta’ għajnuna u hija kapaċi li tiddefinixxi kundizzjonijiet ċari ex ante ta’ kompatibilità. Jekk l-għajnuna tkun definita b’mod ċar, tkun limitata għal ħsara materjali kkawżata direttament mid-diżastru u f’ammont verifikat minn korp indipendenti, eżenzjoni mill-obbligu tan-notifika għandha tkun ġustifikata. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat biex ikopri wkoll dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat anki għal kumpaniji kbar.

· Għajnuna mill-Istat relatata ma’ ċerti kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd

L-Istati Membri huma mitlubin ukoll li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tissewwa l-ħsara kkawżata minn ċerti kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd. L-ammonti mogħtija f’dan il-qasam, ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta għajnuna bħal din mir-rekwiżit ta’ notifika, biss jekk din tingħata lill-SMEs. Madankollu, kumpaniji kbar ukoll jistgħu jintlaqtu minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd.

Sadanittant, il-Kummissjoni kisbet biżżejjed esperjenza fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ għajnuna u, abbażi ta’ dan, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jiġi emendat kif xieraq biex tiġi koperta din il-kategorija ta’ għajnuna mill-Istat.

· Għajnuna mill-Istat għal innovazzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 ikopri espliċitament ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda mhux l-innovazzjoni. L-innovazzjoni issa saret għan tal-UE bħala parti mill-inizjattiva Unjoni ta' Innovazzjoni. Pereżempju, l-għajnuna għall-innovazzjoni tal-proċess u l-innovazzjoni organizzattiva fis-servizzi u għajnuna għal gruppi ta’ innovazzjoni tista’ ma tkunx distortiva ħafna sakemm jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet immirati. L-għajnuna għall-innovazzjoni fil-prodotti u t-teknoloġija, inkluż l-appoġġ għal proġetti ta’ dimostrazzjoni u prototipi, minflok hija diġà inkluża fl-Artikolu 30 tal-GBER. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jiġi emendat kif jixraq sabiex l-għajnuna għall-innovazzjoni tista' tkun eżentata fil-futur.

· Għajnuna mill-Istat għall-forestrija u l-promozzjoni ta' prodotti li mhumiex fl-Anness I fis-settur tal-ikel

Skont l-Artikolu 42 tat-TFUE r-regoli dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni ta' u l-kummerċ fi prodotti agrikoli biss sal-limitu stipulat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Madankollu, ċerti miżuri li mhumiex koperti mill-Artikolu 42 tat-TFUE u li għalihom japplikaw ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni huma inklużi fil-programmi ta’żvilupp rurali jew jiffavorixxu l-promozzjoni u r-rklamar tal-prodotti fis-settur tal-ikel li mhumiex tal-Anness I u ġew soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kumpatibilità taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Dan huwa partikolarment il-każ tal-forestrija u l-għajnuna għall-promozzjoni ta' prodotti li mhumiex fl-Anness I fis-settur tal-ikel. Sa issa, din it-tip ta' għajnuna tista' tiġi eżentata bħala kategorija biss jekk din kienet limitata għal SMEs. Minħabba l-esperjenza wiesgħa ma' dan it-tip ta' miżuri, li jippermettu l-formolazzjoni ċara tal-kundizzjonijiet tal-kumpatibilità, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jkun emendat kif xieraq sabiex dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu eżentati fil-futur.

· Għajnuna mill-Istat għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2006 (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew tas-Sajd[5], l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-intrapriżi fis-settur tas-sajd, barra mill-pagamenti magħmula mill-Istati Membri skont, u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Għajnuna addizzjonali mill-Istat għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi, ġeneralment ikollha effetti limitati fuq il-kummerċ fl-Unjoni stess, tikkontribwixxi lejn l-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-politika marittima u tas-sajd u ma tikkawżax distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-ammonti li jingħataw ġeneralment ikunu limitati. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jiġi emendat kif xieraq, biex b’hekk dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu eżentati fil-futur.

· Għajnuna mill-Istat għall-isport tad-dilettanti

Filwaqt li għadd kunsiderevoli ta’ każijiet relatati mal-isport tad-dilettanti lanqas biss jikkostitwixxi l-għajnuna, każijiet oħra ġeneralment ikollhom effetti limitati fuq il-kummerċ fl-Unjoni stess u ma joħolqux distorsjonijiet serji fuq il-kompetizzjoni; barra minn hekk, l-ammonti mogħtija ġeneralment ikunu limitati. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jiġi emendat kif xierq, biex b’hekk dawn il-kategoriji tal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu eżentati fil-futur.

· Għajnuna soċjali għat-trasport għar-residenti tar-reġjuni mbiegħda

Fil-qasam tat-trasport, jeżistu diġà regoli speċifiċi, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill 1370/2007 dwar servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija ta' interess ekonomiku ġenerali.

Madankollu, ma hemm l-ebda regoli speċifiċi rigward l-għajnuna għal trasport bl-ajru u bil-baħar. Fi ħdan dawn is-setturi, il-Kummisjsoni akkwistat esperjenza suffiċjenti biex tifformola kriterji ġenerali ta’ kompatibilità għal għajnuna soċjali fit-trasport għal residenti ta’ reġjuni mbiegħda (l-aktar fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer/peniżoli assimilati bħala gżejjer fl-UE kontinentali). Hemm tendenza li tingħata ftit minn din l-għajnuna u ma toħloqx distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jkun emendat kif xieraq sabiex dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat tkun tista’, fil-futur, tiġi eżentata.

· Għajnuna mill-Istat għas-settur tat-trasport skont l-Artikolu 93 tat-TFUE

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1370/2007 attwalment jeżenta mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel, stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, il-kumpens għas-servizz pubbliku għall-operat tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġiera jew għall-konformità mal-obbligi tariffarji stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali skont dak ir-Regolament.

Skont id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, stabbilita bit-Trattat ta’ Liżbona, stipulata fl-Artikoli 108(4) u 109 tat-TFUE, hija kompetenza tal-Kunsill li jiddetermina l-kategoriji tal-għajnuna eżenti min-notifika tal-għajnuna tal-Istat, iżda hija kompetenza tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-regoli dettaljati marbutin mat-tali eżenzjoni. Sabiex l-eżenzjoni tal-kumpens tas-servizzi pubbliċi tinġab f’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, din il-kategorija għandha titqiegħed fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1370/2007 ma għandux jibqa’ japplika sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ regolament adottat mill-Kummissjoni rigward din il-kategorija ta' għajnuna mill-Istat. Attwalment, il-Kummissjoni tistenna li tali eżenzjoni ta' kategorija tirriproduċi s-sustanza tal-eżenzjoni eżistenti, ħlief sal-punt li r-Regolament 1370/2007 jiġi emendat minn proposti leġiżlattivi pjanati marbutin mas-settur ferrovjarju.

· Għajnuna mill-Istat għal ċerta infrastruttura tal-broadband

Fis-snin riċenti, il-Kummissjoni kisbet esperjenza wiesgħa bl-għajnuna għas-settur tal-broadband u fasslet linji gwida. Fuq dik il-bażi l-Kummissjoni tkun tista' tifformola kriterji preċiżi ta’ kumpatibilità li jippermettu eżenzjoni ta' kategorija fir-rigward tal-għajnuna għal ċerti tipi ta' infrastruttura tal-broadband taħt kondizzjonijiet speċifiċi. Dan japplika għall-għajnuna li tkopri broadband bażiku f'reġjuni fejn ma hemm l-ebda infrastruttura broadband u fejn x’aktarx mhi se tiġi żviluppata l-ebda tali infrastruttura fil-futur qrib (żoni “bojod”) u miżuri ta’ għajnuna individwali żgħar li jkopru veloċità għolja ħafna ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (“NGA”) b’żoni b’“NGA bojod”.

Barra minn hekk, l-għajnuna għax-xogħlijiet tal-inġinerija relatati mal-broadband u l-infrastruttura tal-broadband passiva, tista’ tingħatalhom eżenzjoni ta’ kategorija. L-appoġġ għax-xogħlijiet tal-inġinerija, ħafna drabi jikkostitwixxi l-għajnuna jekk ikun hemm involuta l-installazzjoni ta' infrastruttura (kanali) iddedikata għat-telekomunikazzjoni. L-infrastruttura tal-broadband passiva tkopri l-installazzjoni kemm tal-kanali u kemm tal-fibri skuri. Din hija prokompetittiva billi tista’ tintuża minn operaturi differenti (fissi, wireless, mobbli), ma jkollhiex aċċess jew teknoloġija predeterminata, u tipikament tkun ta' awtoritajiet pubbliċi li ma jkollhom l-ebda interess li jiddiskriminaw bejn l-operaturi. Eżenzjoni ta’ kategorija għal xogħlijiet ta' inġinerija ċivili u l-infrastruttura tal-broadband passiva, tista' tħaffef l-investimenti billi l-awtoritajiet lokali (iż-żgħar) ħafna drabi jippreferu aktar li jappoġġjaw dan, milli li jadottaw skemi tal-broadband u li mbagħad ikollhom jimxu f’konformità mal-kondizzjonijiet aktar estensivi tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni kisbet biżżejjed esperjenza prattika fil-qasam tal-għoti tal-għajnuna għall-infrastruttura passiva. Eżenzjoni ta’ kategorija tista' tagħti bidu għal użu miżjud fiż-żoni rurali, fejn l-infrastruttura passiva eżistenti mhix waħda adattata.

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jkun emendat kif xieraq sabiex dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat jistgħu, fil-futur, jiġu eżentati.

L-ispeċifikazzjonijiet għal kategoriji ta’ għajnuna ta' eżenzjoni ġenerali

L-Artikolu 1(2)(c) jispeċifika li għal kull kategorija ta' għajnuna ta' eżenzjoni ġenerali l-limiti għandhom ikunu "espressi jew f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna b’relazzjoni għal sett ta’ spejjeż eliġibbli jew f 'termini ta' ammonti ta' għajnuna massima".

Minħabba l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ appoġġ mill-Istat, bħalma huma strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jew forom differenti ta’ kapital ta’ riskju, il-Kummissjoni tqis li l-mod kif jiġu stabbiliti dawn il-limiti għandhom jiġu aġġornati sabiex jinkludu l-possibilità li jiġu eżentati wkoll dawn il-forom ġodda ta' appoġġ mill-Istat. Għalhekk għandu jkun possibbli li jiġu ddefiniti l-limiti mhux biss f'termini ta' intensitajiet tal-għajnuna jew ammonti massimi ta’ għajnuna iżda wkoll f’termini ta’ livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat, sew jekk dan jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u sew jekk le. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jiġi emendat skont dan.

Dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 994/98 jistipula li, “Mal-implimentazzjoni ta' sistemi ta' għajnuna jew għajnuna individwali mogħtija 'l barra minn kull sistema, li kienu eżentati skont dawn ir-regolamenti, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, ġabra fil-qosor tal-informazzjoni rigward dawn is-sistemi ta' għajnuna jew għajnuna individwali mhux koperta b'sistemi ta' għajnuna eżentati, bl-għan li jkunu ppublikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

Fl-1998, meta r-Regolament Nru 994/98 ġie adottat, il-pubblikazzjoni ta’ dawn is-sommarji fil-Ġurnal Uffiċjali kienet l-aktar mezz xieraq. Madankollu, minħabba li l-għadd ta’ lingwi uffiċjali żdied minn dakinhar u li l-midja tal-komunikazzjoni evolviet, il-pubblikazzjoni tas-sommarji fuq il-websajt tal-Kummissjoni għandha żżid it-trasparenza, tqassar l-iskadenza tal-pubblikazzjoni u tnaqqas il-piż amministrattiv, billi l-partijiet interessati, b’mod partikolari tal-intrapriżi, saru jistgħu jikkonsultaw il-websajt tal-Kummissjoni jew Il-Ġurnal Uffiċjali bl-istess faċiltà.

L-obbligu li jiġu ppubblikati s-sommarji ta' hawn fuq f'Il-Ġurnal Uffiċjali għandu għalhekk jiġi sostitwit mill-obbligu li jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Kummissjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandu jiġi emendat skont dan.

Dispożizzjonijiet rigward il-proċedura għall-adozzjoni ta' regolamenti ta' eżenzjoni mill-Kummissjoni

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 994/98, il-Kummissjoni trid tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv dwar għajnuna Statali qabel ma tippubblika kwalunkwe abbozz ta’ Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija. Il-Kummissjoni temmen li sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom u b’hekk tiġi żgurata aktar trasparenza, l-abbozzi tar-Regolamenti għandhom ikun ippubblikati fl-istess ħin li fih jiġi kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv.

Minħabba l-mod kif żviluppat il-midja l-ġdida ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, il-Kummissjoni temmen li l-mod l-iktar malajr u effettiv ta’ pubblikazzjoni ta’ abbozzi ta’ regolamenti huwa fuq il-websajt tagħha aktar milli f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Dan tagħti lill-partijiet interessati opportunità aħjar biex jikkummentaw u jnaqqas il-piż amministrattiv u d-dewmien.

Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 994/98 għandhom jiġi emendati skont dan.

2.           KONSISTENZA MAL-POLITIKI U GĦANIJIET OĦRA TAL-UNJONI

Din il-proposta hija element ewlieni fil-modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM), inizjattiva li tnediet bil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fit-8 ta' Mejju 2012[6], li tistabbilixxi ftehim ambizzjuż tal-Programm ta' riforma għall-Għajnuna mill-Istat. Din għandha tikkontribwixxi għall-miri kollha tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-għan biex jiffukaw l-infurzar tal-għajnuna mill-Istat fuq każijiet li għandhom l-akbar impatt fuq is-suq intern u lill-istrateġija UE 2020 biex jitrawwem it-tkabbir f’suq intern imsaħħah, dinamiku u kompetittiv.

Sabiex jintlaħqu l-miri ta' din l-istrateġija, il-Kummissjoni tipproponi li żżid in-numru ta’ kategoriji li jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika u b'hekk tnaqqas il-burokrazija u tnaqqas in-numru ta' miżuri ta' għajnuna li għandhom jiġu nnotifikati. Il-kategoriji kkonċernati u l-eżenzjonijiet ta’ kategorija previsti għandhom jistipulaw il-kundizzjonijiet tal-kumpatibilità li huma mmirati lejn dawk it-tipi ta' għajnuna li ġenwinament jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2020.

3.           ASPETTI LEGALI

· Bażi legali

Il-bażi legali ta' din il-proposta huwa l-Artikolu 109 tat-TFUE li jippermetti lill-Kunsill li tagħmel xi regolamenti xierqa, b'mod partikolari sabiex tiddetermina l-kondizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) għandu japplika, u l-kategoriji ta' għajnuna eżenti minn dik il-proċedura. Il-Kunsill irid jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew.

· Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

L-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

· L-għażla tal-istrumenti

L-istrument li qed jiġi propost: regolament.

Regolament huwa l-uniku strument ġuridiku xieraq biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 994/98.

4.           IMPLIKAZZJONI TAL-BAĠIT

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-Unjoni.

2012/0344 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,[7]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,[8]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,[9]

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna orizzontali mill-Istat,[10] jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara permezz ta' regolamenti li ċerti kategoriji speċifikati ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern u huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(2)       Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara, skont l-Artikolu 107 tat-Trattat, li f’ċerti kundizzjonijiet għajnuna lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju ("l-SMEs"), għajnuna favur ir-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna favur il-protezzjoni tal-ambjent, għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ, u għajnuna konformi mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali, hija kompatibbli mas-suq intern u mhux suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(3)       Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex teżenta għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, iżda mhux għall-innovazzjoni. Minn dakinhar l-innovazzjoni bdiet saret prijorità fil-politika tal-Unjoni fil-kuntest ta’ “Unjoni tal-Innovazzjoni”, bħala waħda mill-inizjattivi prinċipali ta’ Ewropa 2020. Barra minn hekk, ħafna miżuri ta' għajnuna għall-innovazzjoni huma relattivament żgħar u ma joħolqux distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni.

(4)       Fis-settur tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju, l-Istati Membri bħalissa huma mitlubin li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri kollha tal-għajnuna mill-Istat. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta l-għajnuna mogħtija lill-SMEs, iżda tali eżenzjoni tkun ta’ użu limitat fis-settur kulturali, billi r-reċipjenti ħafna drabi jkunu kumpaniji kbar. Madankollu, il-proġetti ż-żgħar tal-kultura u l-patrimonju, anki jekk isiru minn kumpaniji kbar, ġeneralment ma jwasslux għal distorsjoni sinifikanti, u każijiet reċenti wrer li tali għajnuna għandha effetti limitati fuq il-kummerċ.

(5)       L-Istati Membri huma mitlubin wkoll li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat biex isewwu l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali. L-ammonti mogħtija f’dawn l-oqsma ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta tali għajnuna mir-rekwiżit tan-notifika, biss jekk din tingħata lill-SMEs. Madankollu, anki kumpaniji kbar jistgħu jintlaqtu mid-diżastri naturali. Fl-esperjenza tal-Kummissjoni, it-tali għajnuna ma twassalx għal distorsjoni sinifikanti u, abbażi tal-esperjenza miksuba, jistgħu jiġu definiti kondizzjonijiet ċari tal-kumpatibbiltà.

(6)       L-Istati Membri huma mitluba wkoll li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tissewwa l-ħsara kkawżata minn ċerti kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd. L-ammonti mogħtija f’dan il-qasam, ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta tali għajnuna mir-rekwiżit ta’ notifika, biss jekk din tingħata lill-SMEs. Madankollu, anki kumpaniji kbar jistgħu jintlaqtu minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti u, abbażi tal-esperjenza miksuba, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà.

(7)       Skont l-Artikolu 42 tat-Trattat, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx taħt ċerti kundizzjonijiet għal ċerti miżuri ta’ għajnuna favur il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat. Madankollu, l-Artikolu 42 ma japplikax għall-forestrija u għall-prodotti li mhumiex tal-Anness I. Għaldaqstant, bħalissa, permezz tar-Regolament (KE) Nru 994/98, l-għajnuna għall-forestrija u għall-prodotti li mhumiex tal-Anness I fis-settur tal-ikel, tista' tiġi eżentata biss jekk tkun limitata għall-SMEs. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ teżenta ċerti tipi ta' għajnuna għall-forestrija inklużi fil-programmi ta’ żvilupp rurali u anki dawk favur il-promozzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li mhumiex tal-Anness I fis-settur tal-ikel meta, skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu limitati u meta jkunu jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà.

(8)       Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2006 (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew tas-Sajd,[11] l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-intrapriżi fis-settur tas-sajd, ħlief għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont, u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Għajnuna addizzjonali mill-Istat għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi, ġeneralment ikollha effetti limitati fuq il-kummerċ fl-Unjoni stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-politika marittima u tas-sajd u ma tikkawżax distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni. L-ammonti mogħtija ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumparabbiltà.

(9)       Fis-settur tal-isport tad-dilettanti, il-miżuri ta’ appoġġ pubbliċi, sakemm ikunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, ġeneralment ikollhom effetti limitati fuq il-kummerċ fl-Unjoni stess u ma jikkawżawx distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni. L-ammonti mogħtija ġeneralment ikunu wkoll limitati. Abbażi tal-esperjenza miksuba jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà, biex b'hekk jiġi żgurat li l-għajnuna għall-isport tad-dilettanti ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti.

(10)     Fir-rigward tal-għajnuna għat-trasport bl-ajru u dak marittimu, mill-esperjenza tal-Kummissjoni, l-għajnuna li għandha natura soċjali għar-residenti ta’ reġjuni mbiegħda għat-trasport, sakemm din tingħata mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-identità ta’ min iġorr, ma tikkawżax distorsjonijiet sinifikanti u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà.

(11)     Fir-rigward tal-għajnuna għat-trasport ferrovjarju, bit-triq u bil-kanali tal-ilma interni, l-Artikolu 93 tat-Trattat jiddikjara li l-għajnuna li tindirizza l-bżonnijiet ta' koordinazzjoni tat-trasport jew li tirrappreżenta rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku, għandha tkun kumpatibbli mat-Trattati. L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq[12] attwalment jeżenta mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel, stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, il-kumpensi tas-servizzi pubbliċi għall-operat tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri jew għall-konformità mal-obbligi tariffarji li huma stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali u mħallsin skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Sabiex jiġi armonizzat l-approċċ lejn ir-regolamenti dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 108(4) u 109 tat-Trattat, l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport jew ir-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku, kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-Trattat, għandha titqiegħed fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 994/98. L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandu għalhekk jitħassar, b’effett minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ regolament adottat mill-Kummissjoni li jikkonċerna din il-kategorija ta’ għajnuna mill-Istat.

(12)     . Fil-qasam tal-broadband, reċentement il-Kummissjoni kisbet esperjenza wiesgħa u fasslet linji gwida[13]. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna għal ċerti tipi tal-infrastruttura tal-broadband ma tikkawża l-ebda distorsjoni sinifikanti u tista' tibbenefika minn eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet tal-kumpatibilità. Dan huwa l-każ għall-għajnuna li tkopri l-aċċess għall-broadband bażiku f'reġjuni fejn ma hemm l-ebda infrastruttura tal-broadband u fejn x’aktarx ma hi se tiġi żviluppata l-ebda tali infrastruttura fil-futur qarib (żoni "bojod") u kif ukoll għajnuna għal miżuri żgħar ta’ għajnuna individwali li jkopru veloċità għolja ħafna ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (“NGA”) b’“netwerks f'żoni fejn ma hemmx infrastruttura NGA u fejn it-tali infrastruttura x’aktarx li ma tiġix żviluppati fil-futur qarib. Dan huwa minnu wkoll għall-għajnuna għax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili relatata mal-broadband u għall-infrastruttura tal-broadband passiva, fejn il-Kummissjoni kisbet esperjenza prattika sostanzjali u fejn jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kumpatibbiltà.

(13)     Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 994/98 għandu jiġi estiż biex jinkludi tali miżuri ta’ għajnuna.

(14)     Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jirrikjedi li l-limiti għal kull kategorija ta’ għajnuna, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tadotta regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jiġu espressi jew f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna b’relazzjoni għal sett ta’ spejjeż eliġibbli jew f’termini ta’ ammonti massimi ta’ għajnuna. Din il-kundizzjoni tagħmilha diffiċli biex jiġu applikati eżenzjonijiet ta’ kategoriji għal ċerti tipi ta’miżuri li jinvolvu l-appoġġ mill-Istat li, minħabba l-mod speċifiku li bih huma mfassla, ma jistgħux ikunu espressi f’termini tal-intensitajiet tal-għajnuna jew ammonti massimi, pereżempju strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jew ċerti forom ta’ miżuri li huma mmirati li jippromwovu l-investimenti ta’ kapital ta’ riskju. Dan partikolarment minħabba li miżuri kumplessi bħal dawn jistgħu jinvolvu għajnuna f’livelli differenti (benefiċjarji differenti, benefiċjarji intermedjarji, benefiċjarji indiretti) Meta titqies l-importanza li dejjem qed tikber ta' dawn il-miżuri u l-kontribut tagħhom lill-għanijiet tal-Unjoni, għandu jkun hemm aktar flessibilità biex ikun possibbli li jiġu eżentati tali miżuri. Għandu għalhekk ikun possibbli li jiġu definiti l-limiti f’termini ta’ livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat, sew jekk jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat u sew jekk le.

(15)     Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jirrikjedi lill-Istati Membri li jipprovdu sommarji tal-informazzjoni rigward l-għajnuna li tiġi implimentata minnhom, li tkun koperta minn regolament ta’ kategorija. Il-pubblikazzjoni ta’ dawk is-sommarji hija meħtieġa biex tiżgura li jkun hemm trasparenza fil-miżuri adottati mill-Istati Membri. Il-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kien l-aktar mezz effettiv biex tiġi żgurata t-trasparenza fiż-żmien meta r-Regolament (KE) Nru 994/98 ġie adottat. Madankollu, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-midja elettronika ta’ komunikazzjoni, il-pubblikazzjoni tas-sommarji fuq il-websajt tal-Kummissjoni hija mezz daqstant ieħor veloċi u metodu aktar effettiv, bi trasparenza miżjuda għall-benefiċċju tal-partijiet interessati. Għaldaqstant, minflok ma jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, dawk is-sommarjigħandhom ikunu ppubblikati fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni.

(16)     Bl-istess mod, abbozzi ta' regolamenti u dokumenti oħra li jridu jiġu eżaminati mill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat skont ir-Regolament (KE) Nru 994/98 għandhom ikunu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni minflok f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, sabiex ikun hemm aktar trasparenza u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u d-dewmien fil-pubblikazzjoni.

(17)     Il-proċedura ta' konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 tipprevedi li l-Kumitat Konsultattiv dwar Għajnuna mill-Istat għandu jkun ikkonsultat qabel il-pubblikazzjoni ta' abbozz ta' regolament. Madankollu, fl-interess ta’ trasparenza akbar, l-abbozz ta' regolament għandu jiġi ppubblikat fuq l-internet fl-istess ħin li fih il-Kummissjoni tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv għall-ewwel darba.

(18)     Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 għandu, għaldaqstant, jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jiġi emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu l jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt (a) jiġi sostitwit minn dan li ġej:

"(a) għajnuna favur:

(i)      intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

(ii)      Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(iii)     ħarsien tal-ambjent;

(iv)     impieg u taħriġ;

(v)     kultura u konservazzjoni tal-patrimonju;

(vi)     it-tiswija tal-ħsara kkaġunata minn diżastri naturali u ċerti kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd;

(vii)    it-tiswija tal-ħsara kkawżata minn ċerti kundizzjonijiet negattivi ta’ temp fis-sajd;

(viii)   il-forestrija u l-promozzjoni ta' prodotti li mhumiex fl-Anness I fis-settur tal-ikel

(ix)     konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi;

(x)     l-isport tad-dilettanti;

(xi)     residenti ta’ reġjuni mbiegħda għat-trasport, meta din l-għajnuna jkollha karattru soċjali; u tingħata mingħajr diskriminazzjoni relata mal-identità ta’ min iġorr;

(xii)    il-koordinazzjoni tat-trasport jew ir-rimborż għat-twettiq ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku skont l-Artikolu 93 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(xiii)   l-infrastruttura tal-broadband bażika jew miżuri ta’ infrastruttura żgħar individwali li jkopru netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss f’żoni fejn jew ma hemmx infrastruttura bħal din jew fejn mhux probabbli li tiġi żviluppata tali infrastruttura fil-futur qarib; u xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili relatata mal-broadband u l-infrastruttura tal-broadband passiva.";

(b) Il-punt (c) tal-paragrafu (2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"(c) limiti li ġew espressi f’termini tal-intensitajiet tal-għajnuna skont sett ta’ spejjeż eliġibbli jew f'termini ta' ammonti ta' għajnuna massima jew livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat;".

(2) L-Artikolu 3(2) jiġi sostitwit minn dan li ġej:

"Meta jiġu implimentati s-sistemi tal-għajnuna jew l-għajnuna individwali li ma tingħatax fil-qafas ta' sistema, li tkun ġiet eżentata skont regolamenti bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, bil-għan li jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjon’, sommarji tal-informazzjoni dwar it-tali sistemi tal-għajnuna jew it-tali għajnuna individwali li mhix koperta mis-sistemi ta’ għajnuna eżenti."

(3) L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-punt(a) jiġi sostitwit minn dan li ġej:

"(a) fl-istess waqt li jiġi ppubblikat kwalunkwe abbozz ta’ Regolament skont l-Artikolu 6;"

(b) fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza, tinbidel b’dan li ġej:

"L-abbozzi u dokumenti li għandhom ikunu eżaminati għandhom ikunu mehmuża man-notifika u jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni.”

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jiġi emendat kif ġej:

L-Artikolu 9 għandu jitħassar, b’effett minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ regolament tal-Kummissjoni li jikkonċerna l-kategorija ta’ għajnuna mill-Istat msemmija fl-Artikolu 1(a) xi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

[2]               L-eżenzjoni hija possibbli f'dan il-każ taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98

[3]               COM(2012) 209 finali

[4]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ir-Regolament dwar Eżenzjoni tal-Kategorija) ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

[5]               ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

[6]               COM(2012) 209 finali.

[7]               ĠU C […], […], p

[8]               ĠU C […], […], p

[9]               ĠU C […], […], p

[10]             ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

[11]             ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

[12]             ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

[13]             Il-linji gwida tal-Komunità għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, ĠU C 235, 30.9.2009, p. 7.

Top