Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0712

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

/* COM/2012/0712 final - 2012/0336 (COD) */

52012PC0712

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej /* COM/2012/0712 final - 2012/0336 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Huwa meħtieġ li r-Regolament Finanzjarju[1] jiġi emendat sabiex jittieħed kont tal-bidliet proposti fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej[2], li se jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003[3] li jeżisti bħalissa. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-abbozz ta’ Regolament li jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 li jinkludi regoli ġodda, fost affarijiet oħra, rigward il-finanzjament ta’ partiti politiċi u ta’ fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew. L-effettività tagħhom teħtieġ li jkunu akkumpanjati minn sett korrispondenti ta’ regoli finanzjarji li jkunu ankrati fir-Regolament Finanzjarju.

Huwa propost li Titolu ġdid "Kontribuzzjonijiet" jiddaħħal fi tmiem it-tieni parti tar-Regolament Finanzjarju ("il-parti speċjali"), eżattament qabel it-tielet parti ("dispożizzjonijiet tranżitorji u finali").

Fl-aħħar nett, mhuwiex mistenni f’dan l-istadju li jkun hemm xi att iddelegat, abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE, għal dan it-Titolu ġdid.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-proposta ssegwi r-riżoluzzjoni tal-PE dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (ir-rapport ta’ Giannakou)[4] li tikkunsidra li, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandu jitjieb fuq diversi punti. Din b’mod partikolari, tappella biex is-sistema ta’ għotjiet tintemm u biex jinħoloq strument ġdid ta’ finanzjament fir-Regolament Finanzjarju "iddedikat biss u mfassal b’mod speċifiku għall-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet Ewropej".

Wara analiżi mill-qrib, ġie propost li l-Partiti politiċi għandhom fil-fatt jiġu ffinanzjati permezz ta’ strument ġdid ("kontribuzzjonijiet") kif jidher f’dan l-abbozz ta’ proposta, aktar milli kif inhu l-każ bħalissa, minn għotja operattiva.

Fir-rigward tal-Fondazzjonijiet politiċi Ewropej, huwa meqjus li dawn għandhom ikomplu jirċievu għotja operattiva. It-talba tal-Parlament Ewropew li jkunu esklużi wkoll il-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mis-sistema tal-għotja mhijiex ġustifikata ġaladarba l-ispeċifiċitajiet tal-partiti politiċi Ewropej mhumiex preżenti fil-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tat-tħassib imqajjem mill-Parlament Ewropew rigward id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-fondazzjonijiet taħt ir-Regolament Finanzjarju (KE) Nru 1605/2002[5] għandhom jgħibu mal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, b’mod li titneħħa l-ħtieġa ta’ derogi speċifiċi. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għall-fondazzjonijiet li għandhom il-possibbiltà li jirċievu l-ammont kollu ta’ prefinanzjament mingħajr ma jippreżentaw garanzija, u li jibnu riżervi finanzjarji minn sorsi tagħhom stess, billi l-ammonti ddedikati għal dawn ir-riżervi mhux se jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta ssir il-verifika dwar il-konformità mar-regola ta’ bla profitt.

Il-kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej huma bbażati fuq mudell simili għas-sistema tal-għotja iżda bl-ispeċifiċitajiet kif spjegati hawn taħt.

Barra minn hekk il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati relevanti (ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet f’livell Ewropew, nazzjonali u esperti akkademiċi …).

Fl-aħħar nett, din il-proposta ġie ippreżentata għall-ewwel darba bħala dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni[6] fl-istess żmien tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1.        Titolu ġdid fir-Regolament Finanzjarju: “Kontribuzzjonijiet lill-Partiti Politiċi Ewropej”

Il-proposta tistabbilixxi Titolu VIII ġdid fit-Tieni Parti tar-Regolament Finanzjarju iddedikat lil Kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej u tirrevoka d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-partiti politiċi Ewropej li bħalissa huma previsti taħt it-Titolu VI (Għotjiet) tal-Ewwel Parti.

3.2.        Modifiki sostanzjali meta mqabbla mas-sistema tal-għotja attwali.

Din il-proposta tintroduċi l-elementi li ġejjin:

3.2.1.     L-abolizzjoni tal-“programm annwali ta’ ħidma"

Ir-rapport ta’ Giannakou msemmi hawn fuq, f’paragrafu 18 jitlob l-abolizzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma għall-partiti politiċi Ewropej, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni li din il-prekundizzjoni mhix adattata għalihom u mhijiex meħtieġa fl-ebda leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

B'mod partikolari, l-attivitajiet tal-partiti politiċi jitolbu flessibbiltà u reazzjoni ħafna akbar għall-avvenimenti attwali minn dawk imposti mis-sistema tal-għotjiet, li tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ programm annwali ta’ ħidma u ta’ baġit proviżorju biex jintalab finanzjament.

Għal din ir-raġuni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw mingħajr programmi ta’ ħidma annwali jew ta’ stimi fuq baġits operattivi.

3.2.2.     Introduzzjoni dwar il-kriterji ta' eliġibbiltà

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-finanzjament ta’ partiti politiċi ġew introdotti skont il-proposta għal Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Fil-prattika, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jitlob direttament mir-Reġistru tal-partiti politiċi Ewropej (imwaqqaf fil-PE) iċ-ċertifikati li jikkonfermaw li l-partiti politiċi Ewropej huma rreġistrati kif suppost u huma konformi mal-obbligi relevanti (pereżempju l-preżentazzjoni tal-kontijiet) kif ukoll ma ġewx sospiżi jew huma soġġetti għal kwalunkwe penali amministrattiva kif previst f’din il-proposta t’hawn fuq għal Regolament.

3.2.3.     L-abolizzjoni tal-kriterji tal-għażla

Il-kriterji tal-għażla mhux se jkunu meħtieġa fit-Titolu l-ġdid, peress li ftit li xejn hemm valur fl-ivverifikar tal-kapaċità finanzjarja u operattiva tal-partiti politiċi Ewropej sabiex jirrappreżentaw liċ-ċittadini tagħhom, aktar u aktar meta ma jiġi sottomess l-ebda programm annwali ta’ ħidma jew stima tal-baġit.

3.2.4.     Kontroll fuq l-obbligi statutorji tagħhom

Ġiet introdotta dispożizzjoni li espliċitament teħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej ma għandhomx ikunu suġġetti għall-esklużjoni mir-Reġistru jew suġġetti għal penali amministrattiva matul is-sena finanzjarja koperta mill-kontribut. F’dawn il-każijiet, il-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom ikunu mnaqqsa jew mitmuma, u kwalunkwe prefinanzjament mogħti jiġi rkuprat.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jitlob tali konferma lir-reġistru tal-PE qabel ma jħallas il-bilanċ.

3.2.5.     Kontrolli fuq l-infiq u mhux fuq l-azzjonijiet

It-tluq mis-sistema attwali tal-għotjiet, li huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ programm ta' ħidma u ta’ stima tal-baġit, m'għandux jitqies bħala 'carte blanche' li tippermetti lill-partiti politiċi jużaw b’mod ħażin il-fondi tal-UE. Filwaqt li l-appoġġ finanzjarju għandu jingħata mingħajr programm annwali ta' ħidma u ta’ stima tal-baġit operattiv, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġġustifikaw ex post l-użu tajjeb tal-fondi tal-Unjoni.

B’mod partikolari, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jivverifika jekk il-fondi tal-UE ntużawx sabiex titħallas in-nefqa rimborżabbli kif stabbilit fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet fi ħdan il-limiti taż-żmien stabbiliti f'dan ir-Regolament. Din is-soluzzjoni se tissimplifika t-talba għal kontribuzzjonijiet ġaladarba l-programmi annwali ta’ ħidma u l-istimi tal-baġits mhux se jkunu ppreżentati, u se tippermetti lill-partiti politiċi biex jimplimentaw l-attivitajiet tagħhom liberament u jaġġustawhom matul is-sena.

3.2.6.     Il-limiti taż-żmien għall-użu tal-fondi tal-UE

Ir-rapport ta’ Giannakou f’paragrafu 24 iħalli l-possibbiltà li "jinbnew ir-riżervi u jiġu ttrasferiti l-fondi għas-sena ta’ wara". It-Titolu l-ġdid ma jwaqqafx lill-partiti politiċi Ewropej milli jibnu riżervi minn sorsi tagħhom stess. Barra minn hekk, il-partiti politiċi Ewropej għandhom ukoll jibbenefikaw minn ċerta flessibbiltà rigward il-limiti taż-żmien sa meta għandhom jużaw il-fondi mogħtija tal-UE. Huwa diffiċli li l-applikazzjoni stretta tal-obbligu li dawn il-fondi għandhom jintużaw fi żmien is-sena finanzjarja li għaliha ngħataw tkun armonizzata mal-ħtieġa tal-partiti politiċi Ewropej biex jaġġustaw ir-riżorsi tagħhom għaċ-ċiklu elettorali.

Madankollu, il-fondi tal-UE li ma jkunux intefqu għandhom jintużaw fi żmien raġonevoli. Il-kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej għandhom jintefqu sabiex ikunu koperti l-ispejjeż rimborżabbli fi żmien sentejn finanzjarji wara s-sena finanzjarja li għaliha jkunu mogħtija (n+2), u wara dan, kull fond li ma ntefaqx għandu jiġi rkuprat mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni.

3.2.7.     Kofinanzjament

Il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej għandu jsegwi l-prinċipju tal-kofinanzjament stabbilit permezz tar-Regolament xx/xxxx, bla ħsara għall-possibbiltà msemmija hawn fuq fejn tintuża xi parti tal-kontribuzzjoni tal-UE li ma tkunx ġietx uzata sabiex tkopri l-infiq rimborżabbli fis-sentejn finanzjarji wara l-għoti tagħha.

3.2.8.     Il-metodi ta’ finanzjament

L-istess bħal fl-għotjiet, il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitħallsu jew permezz tar-rimborż ta’ perċentwal tan-nefqiet li saru jew permezz ta’ sistema ta' somma sħiħa predefinita, kostijiet unitarji, kif ukoll rata fissa (forfaits).

3.2.9.     100% ta’ prefinanzjament

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu f’pagament ta’ prefinanzjament li jkopri 100% tas-somma, dejjem jekk l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni ma jiddeċidix mod ieħor għal raġunijiet iġġustifikati kif dovut.

3.2.10.   Imgħax fuq il-prefinanzjament

B’deroga għall-Artikolu 5 tar-Regolament Finanzjarju, kull imgħax iġġenerat mill-ammonti ta’ prefinanzjament riċevut mill-partiti politiċi Ewropej għandu jintuża sabiex iħallsu l-infiq rimborżabbli fi żmien is-sentejn finanzjarji li jkun imiss.

3.2.11.   Sistema ta’ penali u kontroll

Bħal kif inhu l-każ fejn jidħlu l-għotjiet, it-Titolu l-ġdid għandu jinkludi dispożizzjonijiet standard dwar il-kontroll tal-PE, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri. Għandu jinkludi wkoll l-istess sistema ta’ penali (penalitajiet amministrattivi u finanzjarji) li tkun applikabbli għall-benefiċjarji tal-għotjiet.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-modifika prevista tar-Regolament Finanzjarju m’għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2012/0336 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[7],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-partiti politiċi f'livell Ewropew huma importanti bħala fattur għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

(2)       L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipulaw li l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)       Fl-4 ta’ Novembru 2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom[8].

(4)       Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom[9], il-Parlament Ewropew, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, issuġġerixxa diversi modi ta’ titjib dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

(5)       Fil- [...], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru […] dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej[10] li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003. Dak ir-Regolament jistipula regoli ġodda għal, fost affarijiet oħra, il-finanzjament ta’ partiti politiċi u ta’ fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament, il-mod u t-tqassim tal-fondi, id-donazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet, il-finanzjament ta’ kampanji għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, in-nefqa raġonevoli, il-projbizzjoni ta’ finanzjament, il-kontijiet, l-implimentazzjoni u l-kontroll, il-penalitajiet, u t-trasparenza.

(6)       Ir-Regolament (EU, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni[11] (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju") għandu jinkludu regoli dwar il-kontribuzzjonijiet tal-Parlament Ewropew għall-partiti politiċi Ewropej. Dawn ir-regoli għandhom jippermettu lill-partiti politiċi f'livell Ewropew li jkollhom grad usa’ ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-limiti fiż-żmien sabiex jużaw dawn il-kontribuzzjonijiet, skont kif teħtieġ in-natura tal-attivitajiet tagħhom. 

(7)       Is-sistema ta’ appoġġ finanzjarju lill-partiti politiċi Ewropej permezz ta’ għotja operattiva kif previst fl-Artikolu 125(6) tar-Regolament Finanzjarju mhijiex adattata għall-ħtiġijiet tagħhom, b'mod partikolari l-obbligu li jissottomettu programm ta’ ħidma annwali u stima tal-baġit operattiv, rekwiżit li ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-partiti politiċi Ewropej għandu jieħu l-forma ta’ kontribut speċifiku, biex jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tal-partiti politiċi Ewropej.

(8)       Filwaqt li l-appoġġ finanzjarju jingħata mingħajr programm annwali ta' ħidma u ta’ stima tal-baġit operattiv, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jiġġustifikaw ex post l-użu tajjeb tal-fondi tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jivverifika jekk il-fondi ntużawx sabiex titħallas in-nefqa rimborżabbli kif stabbilit fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet fi ħdan il-limiti tal-ħin stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej għandhom jintefqu fi żmien sentejn finanzjarji wara s-sena finanzjarja li għaliha jkunu mogħtija, wara liema, kull fond li ma jintefaqx għandu jiġi rkuprat mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni.

(9)       Fondi tal-Unjoni mogħtija għall-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-partiti politiċi Ewropej ma għandhomx jintużaw għal skopijiet oħra għajr dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru […], b'mod partikolari biex jiffinanzjaw direttament jew indirettament entitajiet oħra bħall-partiti politiċi nazzjonali. Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jużaw il-kontribuzzjonijiet biex iħallsu perċentwal tan-nefqiet attwali u futuri, u mhux in-nefqiet jew id-dejn li daħlu għalihom qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom għal kontribuzzjonijiet.

(10)     L-għoti tal-kontribuzzjonijiet għandu jkun issimplifikat u adattat għall-ispeċifiċitajiet tal-partiti politiċi Ewropej, b'mod partikolari billi ma jkunx hemm kriterji tal-għażla, ikun hemm bħala regola ġenerali prefinanzjament ta’ 100%, jew ikun possibbli li jintuża finanzjament permezz ta’ somma sħiħa, rata fissa, kif ukoll kostijiet unitarji.

(11)     Il-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu jew jitwaqqfu meta l-partiti politiċi Ewropej jiksru l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru [..].

(12)     Il-penali li huma bbażati kemm fuq ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament (UE) Nru [..], li jridu jiġu imposti mill-istess istituzzjoni, għandhom jiġu imposti b'mod koerenti u li jirrispetta l-prinċipju ta' non bis in idem. Skont ir-Regolament (UE) Nru […] penali amministrattivi u/jew finanzjarji stipulati mir-Regolament Finanzjarju m’għandhomx jiġu imposti f’xi wieħed mill-każijiet li għalihom ikunu diġà ġew imposti penali abbażi tar-Regolament (UE) Nru […].

(13)     Ir-Regolament Finanzjarju għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 hu emendat kif ġej:

(1)          Fit-Tieni Parti, jiddaħħal dan it-Titolu VIII:

"TITOLU VIII KONTRIBUZZJONIJIET LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ

Artikolu 204a Dispożizzjonijiet ġenerali

1.           Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, partiti politiċi Ewropej għandha tfisser l-entitajiet ikkostitwiti u rreġistrati bħala tali skont ir-Regolament (UE) Nru […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*).

2.           Kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti mill-baġit jistgħu jingħataw lil partiti politiċi Ewropej fil-kuntest tal-kontribut tagħhom għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Artikolu 204b Prinċipji

1.           Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw biss biex jitħallas lura perċentwal tal-ispejjeż operattivi ta’ partiti politiċi Ewropej marbutin direttament mal-għanijiet ta’ dawn il-partiti. Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw biex jagħtu direttament jew indirettament xi vantaġġ personali, fi flus jew in natura, lil xi Membru individwali jew lill-persunal ta’ partit politiku Ewropew.

2.           Il-kontribuzzjonijiet m’għandhomx jintużaw sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari partiti politiċi nazzjonali jew fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew jew nazzjonali, kemm jekk fil-forma ta’ għotjiet, donazzjonijiet, self jew kwalunkwe ftehim simili ieħor.

3.           Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru [….].

4.           Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw mill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali u għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 35(2).

5.           Il-partiti politiċi Ewropej li jirċievu kontribuzzjoni ma għandhomx jirċievu fondi oħra mill-baġit għall-istess skopijiet. Fi kwalunkwe każ, l-ebda spiża ma tista’ tiġi ffinanzjata darbtejn mill-baġit.

Artikolu 204c Aspetti baġitarji

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu mit-taqsima tal-baġit tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 204d Sejħa għal kontribuzzjonijiet

1.           Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw permezz ta’ sejħa għal kontribuzzjonijiet ippubblikata ta’ kull sena, mill-inqas fuq il-websajt tal-Parlament Ewropew.

2.           Partit politiku Ewropew jista’ jingħata biss kontribuzzjoni waħda fis-sena.

3.           Partit politiku Ewropew jista’ jirċievi biss kontribuzzjoni jekk japplika għal finanzjament skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

4.           Is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tiddetermina l-kriterji ta’ eliġibbilità li jridu jiġu sodisfatti mill-applikant, kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni.

5.           Is-sejħa għall-kontribuzzjonijiet għandha tiddetermina, mill-anqas, in-natura tal-ispejjeż li jistgħu jiġu rimborżati mill-kontribuzzjoni.

Artikolu 204e Proċedura ta’ għoti

1.           L-applikazzjonijiet għall-kontribuzzjoni għandhom jintbagħtu bil-miktub, inkluż, fejn xieraq, f'format elettroniku sikur.

2.           Il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jingħataw lil applikanti li, fil-mument tal-proċedura tal-għoti tal-kontribuzzjoni, ikunu f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 106(1), 107 u 109(1)(a), kif ukoll dawk li jkunu rreġistrati fid-datebase ċentrali dwar l-esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 108.

3.           L-applikanti għandhom jiċċertifikaw li huma ma jkunux jinsabu f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2.

4.           Il-kontribuzzjonijiet għandhom jingħataw permezz ta’ ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni, kif speċifikat fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet.

5.           L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jista’ jkun megħjun minn kumitat biex jevalwa u jistabbilixxi d-deċiżjoni tal-għotja. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jispeċifika r-regoli dwar is-sura, il-ħatra u l-funzjonament ta’ dan il-kumitat, u r-regoli li jimpedixxu kwalunkwe kunflitt ta’ interessi.

Artikolu 204f Proċedura ta’ evalwazzjoni

1.           L-applikazzjonijiet għandhom jintgħażlu abbażi tal-kriterji ta’ għotja stipulati fir-Regolament (UE) Nru [....] fost l-applikazzjonijiet li jkunu jirrispettaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni.

2.           Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għal applikant sabiex ikun f’qagħda li jirċievi kontribuzzjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru [….].

3.           Id-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli mill-applikazzjonijiet għandha tiddikjara mill-inqas:

(a) is-suġġett u l-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjoni;

(b) l-isem tal-applikanti magħżula u l-ammonti aċċettati;

(c) l-ismijiet ta’ kwalunkwe applikazzjoni miċħuda u r-raġunijiet għal dik iċ-ċaħda.

4.           L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jinforma lill-applikanti bil-miktub bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom. Jekk it-talba għall-kontribuzzjoni tiġi miċħuda jew l-ammonti mitluba ma jingħatawx kemm parzjalment jew kompletament, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jagħti r-raġunijiet jew għaliex l-applikazzjoni ma ntlaqgħetx jew għaliex l-ammonti mitluba ma ngħatawx, b'mod partikolari b’referenza għall-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għotja msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 204g Forom ta’ kontribuzzjonijiet

1.           Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a) rimborż ta’ perċentwal tal-ispejjeż li saru realment;

(b) ir-rimborż abbażi ta’ kostijiet unitarji;

(c) somom sħaħ;

(d) finanzjament b'rata fissa;

(e) taħlita tal-forom imsemmijin fil-punti (a) sa (d).

2.           Tista’ tiġi rimburżata biss in-nefqa li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sejħiet għal kontribuzzjonijiet u li ma tkunx saret qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

Artikolu 204h  Regoli dwar il-kontribuzzjonijiet

1.           Somom sħaħ għandhom ikopru f’termini globali ċerti spejjeż meħtieġa għat-twettiq ta' attività speċifika tal-partit politiku Ewropew. Somom f’daqqa għandhom jintużaw biss flimkien ma’ forom oħra ta’ kontribuzzjonijiet.

2.           Kost unitarju għandu jkopri ċerti kategoriji speċifiċi ta’ nfiq rimborżabbli jew kollha kemm huma, li jkunu identifikati b’mod ċar minn qabel b’referenza għall-ammont ta’ kull unità.

3.           Finanzjament b’rata fissa għandu jkopri kategoriji speċifiċi ta’ nefqa rimborżabbli li huma identifikati b’mod ċar minn qabel, billi jiġi applikat perċentwal.

4.           Fejn jintużaw somom sħaħ, finanzjament b’rata fissa u kostijiet unitarji, dawn għandhom jiġu definiti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet. Il-ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu li jkun ivverifikat li ġew irrispettati l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ somom sħaħ, il-finanzjament b’rata fissa jew il-kostijiet unitarji.

Artikolu 204i Prefinanzjament

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu f’forma ta’ prefinanzjament ta’ 100%, ħlief jekk l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni ma jiddeċidix mod ieħor f’każijiet iġġustifikati kif dovut.

Artikolu 204j  Garanziji

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’, jekk iqis li huwa xieraq u proporzjonat, abbażi ta’ kull każ għalih u suġġett għall-analiżi tar-riskju, jirrikjedi li l-partit politiku Ewropew jiddepożita garanzija bil-quddiem sabiex jillimita r-riskji finanzjarji relatati mal-pagament tal-prefinanzjament biss meta, fid-dawl tal-istima tar-riskju tiegħu, il-partit politiku huwa f'riskju imminenti li jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 106(1)(a) u (d), jew meta l-Parlament Ewropew ikun formalment beda proċedura amministrattiva li tista’ twassal għall-esklużjoni u/jew ir-revoka tal-kontribuzzjoni tiegħu.

Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 134 dwar garanzija ta’ prefinanzjament għal għotjiet għandhom japplikaw mutatis mutandis għal garanziji li jistgħu jkunu meħtieġa fil-każijiet previsti fil-paragrafu msemmi hawn fuq għal ħlasijiet ta’ prefinanzjamenti magħmulin lill-partiti politiċi Ewropej.

Artikolu 204k L-użu tal-kontribuzzjonijiet

1.           Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintefqu skont l-Artikolu 204b.

2.           Kwalunkwe parti mill-kontribuzzjoni mhux użata fis-sena finanzjarja koperta minn din il-kontribuzzjoni għandha tintefaq fuq kwalunkwe nefqa rimborżabbli magħmula sal-31 ta’ Diċembru tas-sena n+2. Il-parti li tibqa’ tal-kontribuzzjoni li ma tintefaqx sal-limitu ta' żmien n+2 għandha tkun irkuprata skont il-Kapitolu 5 tal-Ewwel Parti.

3.           Il-partiti politiċi Ewropej għandhom jirrispettaw ir-rata massima ta’ kofinanzjament stabbilita fir-Regolament xx/xxxx. Ammonti li jkun għad fadal mill-kontribuzzjonijiet tas-sentejn preċedenti ma jistgħux jintużaw biex tkun iffinanzjata l-parti li partiti politiċi Ewropej għandhom jipprovdu għaliha mir-riżorsi tagħhom stess.

4.           Il-partiti politiċi Ewropej għandhom l-ewwel jużaw il-fondi li ma ntużawx fis-sena finanzjarja koperta mill-kontribuzzjoni, qabel ma jużaw il-kontribuzzjonijiet mogħtija wara dik is-sena.

5.           Kull imgħax iġġenerat mill-pagamenti ta’ prefinanzjament, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 204l Rapport dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet

Il-partit politiku Ewropew għandu, skont il-kundizzjonijiet u l-limitu ta’ żmien stipulati fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet, jagħti lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għall-approvazzjoni rapport finali dwar l-użu tal-kontribuzzjoni u l-kontijiet tiegħu.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jabbozza r-rapport annwali ta’ attività tiegħu msemmi fl-Artikolu 66(9) abbażi tar-rapport finali u tal-kontijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu. Jista’ juża dokumenti oħra ta' prova għall-għanijiet tar-rapport tiegħu.

Artikolu 204m  Il-pagament tal-bilanċ

1.           L-ammont tal-kontribuzzjoni m'għandux ikun finali sakemm l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni ma jkunx aċċetta r-rapport finali u l-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 204l. L-aċċettazzjoni tar-rapport u tal-kontijiet għandhom ikunu bla ħsara għall-verifiki sussegwenti mill-Parlament Ewropew.

2.           Kwalunkwe ammont mill-prefinanzjament li ma ntefaqx m'għandux ikun finali sakemm ma jintużax mill-partit politiku Ewropew biex iħallas l-infiq rimborżabbli li jissodisfa l-kriterji definiti fis-sejħa għall-kontribuzzjonijiet.

3.           Meta l-partit politiku Ewropew jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu relatati mal-użu tal-kontribuzzjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu sospiżi, imnaqqsa jew mitmuma wara li l-partit politiku Ewropew ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

4.           L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jivverifika, qabel joħroġ il-pagament tal-bilanċ, li l-partit politiku Ewropew ikun għadu rreġistrat fir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru [….], u ma kienx is-suġġett ta’ xi waħda mill-penalitajiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament bejn id-data tal-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni u t-tmiem tas-sena finanzjarja koperta minnha.

5.           Meta l-partit politiku Ewropew ma jkunx għadu rreġistrat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru […] jew kien is-suġġett ta’ xi waħda mill-penali previsti fl-Artikolu 22 ta' dak ir-Regolament, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jissospendi, inaqqas jew itemm il-kontribuzzjoni kif ukoll jirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu bla mistħoqq skont il-ftehim jew id-deċiżjoni ta' kontribuzzjoni, fi proporzjon mal-gravità tal-iżbalji, l-irregolaritajiet, il-frodi jew ksur ieħor tal-obbligi relatati mal-użu tal-kontribuzzjoni, wara li l-partit politiku jkun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 204n Kontroll u penalitajiet

1.           Kull ftehim jew deċiżjoni ta’ kontribuzzjoni jipprevedu speċifikament li l-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-poteri tagħhom ta’ kontroll, fuq id-dokumenti u fuq il-proprjetà, fuq il-partiti politiċi Ewropej kollha, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi li rċevew fondi tal-Unjoni.

2.           Penalitajiet amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonali u dissważivi jistgħu jiġu imposti fuq applikanti mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 109 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ħsara għall-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru [….].

3.           Il-penalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu imposti wkoll fuq il-partiti politiċi Ewropej li, fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal kontribuzzjoni jew wara li jkunu rċevew kontribuzzjoni jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz meta jagħtu l-informazzjoni li tkun mitluba mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jew jonqsu milli jagħtu tali informazzjoni.

Artikolu 204o Żamma ta’ rekords

1.           Il-partiti politiċi Ewropej għandhom iżommu rekords, dokumenti ġustifikattivi, u rekords oħrajn relatati mal-kontribuzzjoni għal ħames snin wara s-sottomissjoni tar-rapport finali u l-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 204l.

2.           Rekords relatati ma’ awditjar, appelli, litigazzjonijiet jew is-saldu ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw mill-użu tal-kontribuzzjoni għandhom jinżammu sa tmiem tali awditjar, appelli, litigazzjonijiet jew saldu ta’ pretensjonijiet.

___________________

(*)     ĠU […]

"

(2)          Fl-Artikolu 121(2), il-punt (j) li ġej huwa miżjud:

"(j) kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej imsemmija fit-titolu VIII tat-Tieni Parti."

(3)          It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 125(3) u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 125 huma mħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

                                                                      

Il-President                                                    Il-President

[1]               Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p.1)

[2]               COM 499/2012 Finali tad-12.9.2012

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1)

[4]               "Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom tal-15 ta’ Marzu 2011" – (2010/2201 INI)

[5]               Ir-Regolament(KE) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002, (ĠU L 248, 16.9.2002, p.1.)

[6]               Dokument ta’ Ħidma tal-Kumissjoni COM 500/2012 finali tad-19.9.2012 li jantiċipa l-proposta għal emenda fir-Regolament Finanzjarju, li tintroduċi titolu ġdid dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej.

[7]           ĠU […], […], p. […].

[8]               ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

[9]               2010/2201 (INI).

[10]             ĠU L ...

[11]             ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Top