Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0606

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà

/* COM/2012/0606 final - 2010/0303 (COD) */

52012PC0606

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà /* COM/2012/0606 final - 2010/0303 (COD) */


2010/0303 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Sfond

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2010) 611 finali – 2010/303 COD): || it-28 ta’ Ottubru 2010

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || is-16 ta’ Frar 2011

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || il-15 ta’ Diċembru 2011

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: || Mhux applikabbli

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || l-4 ta’ Ottubru 2012

2.           Għan tal-proposta tal-Kummissjoni

L-għan tal-proposta huwa li temenda r-Regolament 1406/2002 billi tiċċara l-kompiti u r-rwol eżistenti tal-EMSA kif ukoll billi testendi l-kompiti tal-EMSA għal oqsma ġodda li għadhom qed jiġu żviluppati fil-livell internazzjonali u/jew tal-UE. Ir-Regolament 1406/2002 ġie mmodifikat tliet darbiet mill-2002, primarjament minħabba l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport marittimu.

Il-proposta tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li jinżammu l-għanijiet u l-kompiti attwali tal-EMSA. Madankollu, jeħtieġ li jiġu ċċarati iktar u li tiġi ddefinita b’mod iktar preċiż l-assistenza li l-EMSA tagħti lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil partijiet oħrajn. Uħud mill-kompiti l-ġodda tal-EMSA ġejjin mill-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tas-sigurtà marittima 2009, li jkopri l-Kontroll mill-Istat tal-Port, is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni, il-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti, l-investigazzjoni tal-aċċidenti, il-kumpens lill-passiġġieri, ir-rekwiżiti tal-Istat tal-Bandiera u r-responsabbiltà ta’ sidien il-bastimenti.

Fil-qasam tar-riċerka, l-EMSA għandha tkun involuta iktar mill-qrib fir-riċerka marittima tal-UE u – permezz tal-analiżi tal-proġetti ta’ riċerka – għandha tidentifika s-segwitu possibbli minn perspettiva regolatorja.

Il-proposta għandha l-għan ukoll li tiċċara l-assistenza teknika tal-EMSA lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali varji. Barra minn hekk, uħud mis-servizzi operattivi ta’ valur kbir operati mill-EMSA (SafeSeaNet, CleanSeaNet, LRIT, il-Kontroll mill-Istat tal-Port, eċċ.) jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal politiki oħrajn tal-UE, pereżempju l-approċċ integrat għas-sorveljanza marittima skont il-politika marittima integrata tal-UE. Barra minn hekk l-EMSA għandha tkun tista’ tgħin bil-valutazzjoni u l-analiżi tal-kontribut ta’ pressjonijet relatati mat-trasport marittimu bħal ilma tas-saborra, skart tal-baħar u storbju taħt l-ilma fuq l-ambjent tal-baħar. Din ir-reviżjoni tiċċara wkoll li l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-EMSA jistgħu jintużaw fil-każ ta’ tniġġis tal-baħar ikkawżat minn sorsi oħrajn għajr il-bastimenti, b’mod partikolari minn pjattaformi taż-żejt. Il-proposta tipprova wkoll tiffaċilita l-kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi ġirien. Permezz ta’ din ir-reviżjoni, li hija konformi mad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża mal-proposta, huma previsti riżorsi addizzjonali għall-EMSA.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-12 ta’ April 2012. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim. Il-Kummissjoni għamlet erba’ dikjarazzjonijiet biex jiġi ċċarat il-ftehim. L-erba’ dikjarazzjonijiet huma mehmużin fl-Anness.

Il-Kunsill għamel distinzjoni bejn kompiti ewlenin u dawk anċillari. L-għanijiet kollha tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompiti tal-EMSA ġew riflessi b’mod adegwat fit-test finali, f’xi każijiet huma previsti salvagwardji jew limitazzjonijiet addizzjonali. Dan jagħti lill-EMSA mandat ċar għall-futur. Filwaqt li l-enfasi tibqa’ fuq is-sigurtà marittima, l-EMSA tkun tista’ tikkontribwixxi bl-għarfien espert u bl-għodod tagħha għal politiki oħra tal-UE fl-interess tal-ħolqien ta’ valur miżjud fl-UE bl-iktar mod effiċjenti. Jidher possibbli li l-mandat il-ġdid jiġi implimentat bir-riżorsi identifikati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni taċċetta l-metodoloġija riveduta għaż-żjarat tal-EMSA fl-Istati Membri peress li tkopri b’mod xieraq it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-politiki.

4.           Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għamlet erba’ dikjarazzjonijiet li jistgħu jinstabu fl-Anness.

5.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

ANNESS Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

1. Dikjarazzjoni dwar Spezzjonijiet tas-sigurtà marittima

Fir-rigward tal-assistenza teknika li l-Aġenzija qed tipprovdi lill-Kummissjoni fit-twettiq ta’ kompiti ta’ spezzjoni tas-sigurtà marittima kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(b), il-Kummissjoni tikkonferma li din id-dispożizzjoni ma taffettwax in-natura tal-ispezzjonijiet tas-sigurtà marittima kif previst bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 tad-9 ta’ April 2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima.

B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni la testendi s-setgħat tal-Kummissjoni biex twettaq l-ispezzjonijiet u lanqas ma tikkonferixxi xi setgħa lill-EMSA biex twettaq spezzjonijiet tas-sigurtà marittima waħedha.

2. Dikjarazzjoni dwar il-kompetenza tal-Unjoni

Fir-rigward tal-assistenza teknika għall-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jikkontribwixxu għall-ħidma rilevanti tal-korpi tekniċi tal-IMO, il-Kummissjoni tifhem il-kunċett ta’ kompetenza fis-sens tat-Trattat bħala li jinkludi l-kunċett ta’ interess tal-Unjoni attwalment użat fil-prattika ta’ koordinazzjoni tal-UE fir-rigward tal-IMO.

3. Dikjarazzjoni dwar id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti

Fir-rigward tal-kompiti anċillari elenkati fl-Artikolu 2(a), il-Kummissjoni tfakkar dan li ġej:

1. Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima għandha l-għan li tikseb stat ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar. Uħud mill-pressjonijiet u l-impatti elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness III huma relatati mat-trasport marittimu. Il-Kummissjoni, li fost l-oħrajn, trid tkejjel il-progress fl-implimentazzjoni tal-oqsma varji koperti bid-Direttiva, tqis li jkun utli li tirċievi l-assistenza teknika tal-Aġenzija għall-elementi relatati mat-trasport marittimu, b’mod partikolari billi tisfrutta għodod eżistenti bħal SafeSeaNet u CleanSeaNet;

2. Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti, il-Kummissjoni tqis li l-assistenza teknika potenzjali tal-Aġenzija ma għandhiex tkun limitata għall-kalkolu tal-emissjonijiet, għax din tista’ titqies bħala preferenza tal-UE għal ċertu strument ibbażat fuq is-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe assistenza teknika pprovduta mill-EMSA mhijiex se taffettwa l-pożizzjoni tal-UE fir-rigward ta’ sitwazzjoni globali jew reġjonali.

4. Dikjarazzjoni dwar Soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni għal bastimenti navigabbli fuq ilmijiet interni

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-provvediment ta’ informazzjoni rilevanti mill-Aġenzija lill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 2a (2) (f) jista’ jitwettaq abbażi tal-għarfien espert eżistenti tal-EMSA u għalhekk ma teħtieġx riżorsi addizzjonali għall-ispezzjonijiet.

Top