Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0413

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea

/* COM/2012/0413 final - 2012/0201 (COD) */

52012PC0413

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea /* COM/2012/0413 final - 2012/0201 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti ddelegati), u s-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni biex tadotta kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta' implimentazzjoni).

Fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni għamlet l-istqarrija li ġejja:

"Il-Kummissjoni se tipproċedi b'eżami tal-atti leġiżlattivi kollha fis-seħħ li ma ġewx adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, bil-għan li jiġi vvalutat jekk dawk l-istrumenti jeħtiġux jiġu adattati għar-reġim ta' atti ddelegati introdotti mill-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xierqa kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard mid-dati msemmija fil-kalendarju indikattiv anness ma' din id-dikjarazzjoni[1]."

F'dan il-kuntest ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jeħtieġ jiġi allinjat mar-regoli l-ġodda tat-TFUE. Is-setgħat attwalment konferiti lill-Kummissjoni minn dak ir-Regolament għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid f'setgħat iddelegati u ta' implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati biex tieħu miżuri li jindirizzaw tnaqqis sinifikattiv tal-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn.

Bl-istess mod il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Sallur mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' dejta teknika u xjentifika.

L-Artikolu 9(3) jipprovdi għall-adozzjoni mill-Kunsill ta' miżuri alternattivi biex jinkisbu l-livelli ta' ħarba mmirati. It-test attwali għalhekk jagħti s-setgħa lill-Kunsill biex jemenda dan l-element mhux essenzjali tar-Regolament. Din il-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet ma għadhiex possibbli taħt it-TFUE u dik id-dispożizzjoni għandha titħassar.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament m'għadux jgħodd għaliex kien ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/292/KE tal-4 ta' April 2008[2] li l-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu ma jikkostitwixxux ħabitat naturali tas-sallur għas-sallura Ewropea għall-finijiet tar-Regolament. Dik id-dispożizzjoni għalhekk għandha titħassar.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament m'għadux jgħodd billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/310/KE tat-2 ta' April 2009[3] approvat t-talbiet minn Ċipru, Malta, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovakkja biex jiġu eżentati mill-obbligu li jippreparaw Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur. M'hemm l-ebda talba pendenti għall-eżenzjoni minn dak l-obbligu. Dik id-dispożizzjoni għalhekk għandha titħassar.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni ma’ partijiet interessati jew ta’ valutazzjoni tal-impatt.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

L-azzjoni legali ewlenija hija li jiġu identifiki s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 u li dawn jiġu klassifikati bħala setgħat iddelegati jew setgħat ta' implimentazzjoni.

· Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta tidħol fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

· Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta temenda l-miżuri li diġà jeżistu fir-Regolament (KE) Nru 1100/2007, għalhekk ma jirriżulta l-ebda tħassib dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità.

· Għażla ta’ strument

L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali għall-Unjoni.

2012/0201 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007[4] jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(2)       Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)       Sabiex jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007, is-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-teħid ta' miżuri sabiex tindirizza tnaqqis sinifikattiv fil-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn.

(4)       Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha għall-adozzjoni tal-atti ddelegati, inkluż fil-livell tal-esperti.

(5)       Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(6)       Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1100/2007 dwar l-approvazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Sallur mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' dejta teknika u xjentifika, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[5].

(7)       Il-Kummissjoni mhix se tkun f'pożizzjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment, inkluż l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq sa l-1 ta' Lulju 2011, minħabba t-trażmissjoni tard minn xi Stati Membri tal-informazzjoni rilevanti. L-iskadenza għal dan ir-rapport għandha għalhekk tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2012.

(8)       It-test attwali tar-Regolament dwar is-setgħa tal-adozzjoni ta' miżuri alternattivi biex jintlaħqu l-livelli tal-ħarba mmirati jagħti din is-setgħa lill-Kunsill biex jemenda dan l-element mhux essenzjali tar-Regolament. Billi din il-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet ma għadhiex possibbli taħt it-TFUE, d-dispożizzjoni kkonċernata għandha titħassar.

(9)       Kien ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/292/KE tal-4 ta' April 2008[6] li l-Baħar l-Iswed u s-sistemi tax-xmajjar marbutin miegħu ma jikkostitwixxux ħabitat naturali tas-sallur għas-sallura Ewropea għall-finijiet tar-Regolament. Għalhekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ma għadux jgħodd u għandu jitħassar.

(10)     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/310/KE tat-2 ta' April 2009[7] approvat it-talbiet minn Ċipru, Malta, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovakkja biex jiġu eżentati mill-obbligu li jippreparaw Pjan ta’ Ġestjoni għas-Sallur. M'hemm l-ebda talba pendenti għall-eżenzjoni minn dak l-obbligu. Għalhekk l-Artikolu 3 tar-Regolament ma għadux jgħodd u għandu jitħassar.

(11)     Ir-Regolment (KE) Nru 1100/2007 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1100/2007 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, jitħassar il-paragrafu 2.

(2) Jitħassar l-Artikolu 3.

(3) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.        Il-pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Sallur għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 12b(2)"

(4) Fl-Artikolu 7, il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"6. Fil-każ ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 12a u sabiex tindirizza s-sitwazzjoni, tista' tnaqqas temporanjament il-perċentwali tas-sallur għar-riforniment użat kif imsemmi fil-paragrafu 2.

7. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tevalwa l-miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment, inkluż l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq."

(5) Fl-Artikolu 9, jitħassar il-paragrafu 3.

(6) Jiddaħħlu l-Artikoli 12a u 12b:

"Artikolu 12a

Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 7(6) għandha tkun ikkonferita għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

3.           Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 7(6) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 7(6) għandu jidħol fis-seħħ jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn (2) fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 12b Proċedura tal-Kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 55, 28.2.2011, p.19

[2]               ĠU L 98, 10.4.2008, p. 14

[3]               ĠU L 91, 3.4.2009, p. 23

[4]               ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17.

[5]               ĠU L 55, 28.2.2011, p.13

[6]               ĠU L 98, 10.4.2008, p. 14

[7]               ĠU L 91, 3.4.2009, p. 23

Top