This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0335
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL establishing a framework for managing financial responsibility linked to investor-state dispute settlement tribunals established by international agreements to which the European Union is party
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom
/* COM/2012/0335 final - 2012/0163 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom /* COM/2012/0335 final - 2012/0163 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Introduzzjoni It-Trattat ta’ Lisbona ġab l-investiment
dirett barrani fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni
tal-Unjoni u, bħala konsegwenza, tal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Karatteristika
ċentrali tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-investiment dirett barrani
(normalment imsejħa ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti) hija
l-possibbiltà għal investitur li jressaq talba kontra stat fejn l-istat
allegatament aġixxa b’mod inkonsistenti mal-ftehim dwar il-protezzjoni
tal-investimenti (minn hawn ’il quddiem imsejħa "soluzzjoni
tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat"). Meta litigazzjoni bħal din
isseħħ, l-istat ikkonċernat iħallas l-ispejjeż
(tariffi għall-amministrazzjoni tat-tilwim, għall-ħlas
tal-arbitri, għall-ħlas tal-avukati) u jista’, jekk jitlef, ikun
meħtieġ iħallas kumpens. L-Unjoni diġà hija parti għal ftehim
wieħed bil-possibbiltà għal soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u
l-istat (it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija[1]) u l-Unjoni se tfittex li
tinnegozja dispożizzjonijiet bħal dawn f’numru ta’ ftehimiet li qed
jiġu nnegozjati attwalment jew li se jiġu nnegozjati
fil-ġejjieni. Għalhekk huwa neċessarju li jitqies kif se
jiġu ġestiti l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tilwim bħal dan. Dan
ir-Regolament ifittex li jistabbilixxi l-qafas għall-ġestjoni ta’
konsegwenzi bħal dawn. Il-prinċipju organizzattiv ċentrali
ta’ dan ir-Regolament huwa li r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta
mill-każijiet ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istat
għandhom jiġu attribwiti lill-attur li jkun ta t-trattament fit-tilwim.
Dan ifisser li fejn it-trattament ikkonċernat kien ikkawżat
mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ir-responsabbiltà finanzjarja għandha
tkun tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fejn it-trattament ikkonċernat ikun mogħti
minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ir-responsabbiltà finanzjarja għandha
tkun ta’ dak l-Istat Membru. Huwa biss fejn l-azzjonijiet tal-Istat Membru huma
meħtieġa bil-liġi tal-Unjoni li r-responsabbiltà finanzjarja
għandha tkun tal-Unjoni. L-istabbilment ta’ dan il-prinċipju
ċentrali ifisser ukoll li għandha tingħata kunsiderazzjoni
lill-kwistjoni ta’ jekk, u taħt liema ċirkostanzi, l-Unjoni jew
l-Istat Membru li jkunu taw it-trattament tat-tilwim għandhom jaġixxu
bħala konvenut, kif għandha tiġi strutturata l-kooperazzjoni bejn
il-Kummissjoni u l-Istat Membru f’każijiet speċifiċi, kif
tiġi ttrattata l-possibbiltà għal soluzzjonijiet u
fl-aħħar, il-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġu
żgurat li kwalunkwe tqassim ikun effettiv. Dawn l-elementi addizzjonali jridu jqiesu
wkoll it-tliet prinċipji l-oħra li huma sottostanti għal dan
ir-Regolament. L-ewwel wieħed huwa li l-operat kollu tal-allokazzjoni
għandu fl-aħħar ikun newtrali għall-baġit fir-rigward
tal-Unjoni bir-riżultat li l-Unjoni tħallas biss dawk l-ispejjeż
li huma instigati minn atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. It-tieni,
il-funzjonament tal-mekkaniżmu għandu jkun tali li investitur minn
pajjiż terz ma jkunx żvantaġġjat mill-ħtieġa li
jġestixxi r-responsabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Fi kliem ieħor,
fil-każ li jkun hemm tilwim bejn l-Unjoni u l-Istat Membru, l-investitur
tal-pajjiż terz jitħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni, imbagħad
tiġi indirizzata l-allokazzjoni interna fl-Unjoni. It-tielet,
il-mekkaniżmu għandu jirrispetta l-prinċipji fundamentali li jirregolaw
l-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit mit-Trattati u l-każistika
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dik
tal-unità tar-rappreżentazzjoni esterna u tal-kooperazzjoni sinċiera. Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni
pprevediet il-ħtieġa għal dan ir-Regolament fil-Komunikazzjoni
tagħha "Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew".[2] Ir-Regolament propost intalab espliċitament
mill-Parlament Ewropew fis-soluzzjoni tiegħu dwar il-Politika Ewropea Futura ta’
Investiment Internazzjonali (paragrafu 35 tas-Soluzzjoni A7-0070/2011
adottata fit-22 ta’ April 2011). Barra minn hekk, il-Kunsill
talab lill-Kummissjoni tistudja l-kwistjoni fil-Konklużjonijiet
tagħha dwar Politika Komprensiva ta’ Investiment Internazzjonali (25 ta’
Ottubru 2010). Id-diskussjonijiet li segwew fil-Kunsill, notevolment relatati
mal-adozzjoni tad-direttivi ta’ negozjati rilevanti għal ċertu
ftehimiet li qed jiġu nnegozjati, ikkonfermaw l-interess qawwi tal-Kunsill
f’din l-inizjattiva. 1.2. Il-kompetenza tal-Unjoni biex
tikkonkludi ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti u r-responsabbiltà
internazzjonali tal-Unjoni taħt dawk il-ftehimiet Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-Unjoni għandha kompetenza
esklussiva biex tikkonkludi ftehimiet li jkopru l-kwistjonijiet kollha relatati
mal-investiment barrani, jiġifieri kemm investiment dirett barrani kif
ukoll investiment tal-portafoll.[3] L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea ("TFUE") jipprovdi l-kompetenza esklussiva
għall-investiment dirett barrani. Il-kompetenza tal-Unjoni
għall-investiment tal-portafoll ġejja, fil-fehma tal-Unjoni
mill-Artikolu 63 TFUE. Dak l-Artikolu jipprovdi li l-moviment tal-kapital
bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u pajjiżi terzi irid ikun ħieles minn
kull restrizzjoni. L-Artikolu 3(2) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha
kompetenza esklussiva kull meta xi regoli inklużi fi ftehim
internazzjonali “[jistgħu jolqtu] xi regoli komuni jew [ibiddlu] il-kamp
tal-applikazzjoni tagħhom”. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Unjoni jrid
jkollha kompetenza esklussiva fuq kwistjonijiet ta’ investiment tal-portafoll
peress li r-regoli previsti, li japplikaw mingħajr distinzjoni
għall-investiment tal-portafoll, jistgħu jaffettwaw regoli komuni
dwar il-moviment tal-kapital stabbiliti fl-Artikolu 63 tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hi tal-fehma
li l-kompetenza tal-Unjoni tkopri l-istandards kollha stipulati fit-testi dwar
il-protezzjoni tal-investimenti, inkluża l-esproprjazzjoni. L-ewwel,
il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea konsistement ikkonkludiet li l-kompetenza
tal-Unjoni għall-politika kummerċjali komuni tinkludi l-obbligi li
japplikaw wara d-dħul (jiġifieri wara li oġġett ikun
ġie importat jew fornitur ta’ servizz ikun ġie stabbilit) anke fejn
l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw regoli interni[4]. Għaldaqstant, huwa
stabbilit sew li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kummerċ ta’ oġġetti
mhijiex limitata għall-miżuri dwar il-fruntieri, bħal tariffi u
kwoti tal-importazzjoni, iżda tkopri wkoll kwistjonijiet ta’ wara l-importazzjoni,
bħall-għoti ta’ trattament nazzjonali u trattament tan-nazzjon
l-aktar iffavorit fir-rigward ta’ taxxi u liġijiet u regolamenti interni oħra[5], jew l-abolizzjoni ta’ ostakoli
mhux meħtieġa għall-kummerċ li jirriżultaw
mir-regolamenti u l-istandards tekniċi.[6]
B’mod simili, hemm qbil ġenerali[7]
li l-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tal-“kummerċ fis-servizzi” mhijiex
ristretta għal kwistjonijiet ta’ aċċess għas-suq, iżda
tinkludi wkoll kwistjonijiet bħat-trattament nazzjonali u t-trattament
tan-nazzjon l-aktar iffavorit fir-rigward tal-liġijiet u r-regolament
interni, kif ukoll ċerti obbligi fir-rigward tal-amministrazzjoni u
l-kontenut tar-regolamenti domestiċi. Permezz ta’ din il-loġika,
il-kompetenza tal-Unjoni għall-investiment dirett barrani u l-movimenti
ta’ kapital għandha tkopri wkoll l-istandards li japplikaw wara
l-istabbiliment, inkluż it-trattament nazzjonali u tan-nazzjon l-aktar iffavorit,
it-trattament ġust u ekwu u l-protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni mingħajr
kumpens. Għandu jkun innotat ukoll li l-Artikolu 345
TFUE jipprovdi biss li t-Trattati m’għandhomx jaffettwaw is-sistema tal-proprjetà
fl-Istati Membri. It-Trattati li jipprovdu għall-protezzjoni
tal-investiment ma jaffettwawx is-sistema tal-proprjetà – minflok dawn
jeħtieġu li l-esproprjazzjoni tkun soġġetta għal
ċerti kundizzjonijiet, inkluż, fost l-oħrajn, il-ħlas ta’
kumpens. Għaldaqstant, ir-regola speċifika fl-Artikolu 345 mhijiex
tali li timplika li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza għar-regoli dwar
l-esproprjazzjoni inklużi fi ftehimiet li jipprovdu għall-protezzjoni
tal-investimenti. Fl-aħħar nett, huwa stabbilit ukoll li l-kompetenza
li tistabbilixxi u tamministra dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni
tat-tilwim timxi mal-kompetenza sottostanti għas-suġġett
tar-regoli.[8]
Isegwi, għalhekk, li fejn il-ftehim huwa
wieħed li huwa konkluż mill-Unjoni biss, hija l-Unjoni li tista’
tiġi mħarrka minn investitur. Dan ikun il-każ anke jekk
it-trattament mogħti li jiġi sfidat f’soluzzjoni tat-tilwim bejn
l-investitur u l-istat huwa trattament mogħti mhux mill-Unjoni iżda
minn Stat Membru. Jekk ikun il-każ li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll
l-Istati Membri huma partijiet għal ftehim u jeħtieġ jiġi
deċiż min huwa responsabbli bħala kwistjoni ta’ liġi
internazzjonali għal talba partikolari, il-Kummissjoni hi tal-fehma li dan
irid jiġi deċiż mhux mill-awtur tal-att, iżda abbażi
tal-kompetenza għas-suġġett tar-regoli internazzjonali
inkwistjoni, kif stabbilit fit-Trattat. F’din il-perspettiva, huwa immaterjali
li Stat Membru jkollu l-kompetenza skont ir-regoli dwar is-suq intern li
jippermettulha li jilleġiżla fl-isfera domestika tiegħu.. Din il-loġika ġiet ikkonfermata
fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Pereżempju, fl-Opinjoni 1/91
il-Qorti ddeċidiet (b’enfasi miżjuda): L-espressjoni “Partijiet Kontraenti” hija definita
fl-Artikolu 2(c) tal-ftehim. Sa fejn huma kkonċernati l-Komunità u
l-Istati Membri tagħha, dan ikopri l-Komunità u l-Istati Membri, jew
il-Komunità, jew l-Istati Membri, skont il-każ. Liema minn dawn it-tliet
possibbiltajiet tintgħażel jiġi dedott f’kull każ
mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim u mill-kompetenzi rispettivi
tal-Komunità u tal-Istati Membri kif isegwu mit-Trattat tal-KEE u t-Trattat
tal-KEFA.[9] Fil-kuntest internazzjonali, il-Kummissjoni
għal-Liġi Internazzjonali rrikonoxxiet il-possibbiltà li jistgħu
japplikaw regoli speċjali bejn organizzazzjoni internazzjonali u l-membri
tagħha. Fl-elaborazzjoni tal-abbozzi tal-artikoli tagħha dwar
ir-Responsabbiltà tal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, il-Kummissjoni
għal-Liġi Internazzjonali tipprovdi li r-regoli tagħha dwar
ir-responsabbiltà jistgħu ma jkunux applikabbli, jew jistgħu
jiġu modifikati, f’ċirkostanzi speċifiċi.[10] Filwaqt li, għar-raġunijiet
stabbiliti hawn fuq, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju,
r-responsabbiltà internazzjonali għall-ksur ta’ kwalunkwe
dispożizzjoni fil-kompetenza tal-Unjoni, huwa possibbli, bħala
kwistjoni tal-liġi tal-Unjoni, li tipprovdi għall-allokazzjoni ta’
responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Kif diskuss hawn
taħt fit-Taqsima 1.3, il-Kummissjoni tqies li jkun xieraq li kull Stat
Membru jġorr responsabbiltà finanzjarja għall-atti tiegħu stess,
sakemm atti bħal dawn ikunu meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni. B’mod simili, filwaqt li
għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq l-Unjoni għandha,
fil-prinċipju, taġixxi bħala konvenut fi kwalunkwe tilwim li
jikkonċerna allegat ksur ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali
li jaqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, anke jekk ksur bħal dan
iqum minn azzjoni ta’ Stat Membru, jista’ jkun possibbli, kif stipulat
espressament fl-Artikolu 2(1) TFUE, li tingħata setgħa lil
Stat Membru biex jaġixxi bħala konvenut f’ċirkostanzi xierqa minħabba
l-potenzjal ta’ domandi sinifikanti (anke temporanji) fuq il-baġit
tal-Unjoni u fuq ir-riżorsi tal-Unjoni kieku l-Unjoni kellha taġixxi
bħala konvenut fil-każijiet kollha. Dan jimplika li minflok
il-mekkaniżmi jiġu stabbiliti b’tali mod li jirriflettu applikazzjoni
stretta tar-regoli dwar il-kompetenza, ikun aktar xieraq li jiġu
ppreżentati soluzzjonijiet pragmatiċi li jiżguraw
iċ-ċertezza legali għall-investitur u jipprovdu
l-mekkaniżmi kollha neċessarji li jippermettu t-tmexxija
mingħajr xkiel tal-arbitraġġ u, eventwalment, l-allokazzjoni
xierqa tar-responsabbiltà finanzjarja. Kif spjegat fit-Taqsima 1.4 hawn
taħt, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri għandhom ikunu
permessi jaġixxu bħala konvenuti sabiex jiddefendu l-azzjonijiet
tagħhom, ħlief f’ċerti ċirkostanzi fejn l-interess
tal-Unjoni jeħtieġ mod ieħor. Dan irid isir billi jiġi
żgurat, fl-istess ħin, ir-rispett tal-prinċipju ta’ unità
tar-rappreżentanza esterna. 1.3. Allokazzjoni
tar-Responsabbiltà Finanzjarja Kif stabbilit hawn fuq, is-soluzzjoni tat-tilwim
bejn l-investitur u l-Istat se toħloq spejjeż għall-partijiet
ikkonċernati, kemm f’termini ta’ tariffi kif ukoll f’termini tal-ħlas
tal-aġġudikazzjoni finali. Huwa importanti li tiġi separata l-kwistjoni
tat-tmexxija u l-ġestjoni ta’ talba ta’ arbitraġġ bejn
l-investitur u l-Istat mill-kwistjoni tal-allokazzjoni ta’ responsabbiltà
finanzjarja. Dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni
ġusta tal-ispejjeż, sabiex il-baġit tal-UE – u bħala
konsegwenza l-baġits tal-Istati Membri mhux ikkonċernati mit-talba
inkwistjoni – ma jġorrux il-piż ta’ spejjeż relatati
mat-trattament ikkawżat minn Stat Membru wieħed. Għalhekk,
irrispettivament mill-fatt jekk l-Unjoni jew Stat Membru jaġixxux
bħala konvenut għal talba, ir-responsabbiltà finanzjarja għal
kwalunkwe spejjeż għandhom isegwu l-oriġini tat-trattament li
l-investitur ilmenta dwaru. Għalhekk, jekk it-trattament attakkat minn
investiment oriġina esklussivament fi Stat Membru, l-Istat Membru
inkwistjoni għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż tas-soluzzjoni
tat-tilwim. B’mod simili, fejn it-trattament li investitur ilmenta dwaru
joriġina fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni (inkluż fejn il-miżura
inkwistjoni ġiet adottata minn Stat Membru kif meħtieġ
mil-liġi tal-Unjoni), ir-responsabbiltà finanzjarja għandha tkun
tal-Unjoni. Fl-istess mod, id-deċiżjoni dwar jekk tiġix solvuta
talba għal soluzzjoni ta’ tilwim u r-responsabbiltà għall-ħlas
ta’ aġġudikazzjoni għandha normalment issegwi l-oriġini
tat-trattament. Madankollu, filwaqt li l-allokazzjoni
tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni u Stat Membru tista’ twassal
għal kunsiderazzjonijiet kumplessi, l-investitur li jressaq it-talba ma
għandux jiġi affettwat ħażin minn kwalunkwe nuqqas ta’
ftehim bejn l-Unjoni u l-Istat Membru. Għalhekk, għandu jsir provvediment
biex jiġi żgurat li kwalunkwe aġġudikazzjoni finali jew aġġudikazzjoni
ta’ soluzzjoni jitħallsu lill-investitur minnufih, irrispettivament
mid-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ responsabbiltà finanzjarja.
Barra minn hekk, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe ġbid mhux
meħtieġ mill-baġit tal-Unjoni, għandu jkun hemm
dispożizzjonijiet għal pagamenti perjodiċi li jridu jsiru
fil-baġit tal-Unjoni biex ikopru l-ispejjeż tal-arbitraġġ,
kif ukoll għar-rimborż immedjat tal-baġit tal-Unjoni mill-Istat
Membru kkonċernat. 1.4. Ir-rwoli tal-Unjoni u
tal-Istati Membri relatati mat-tmexxija tat-tilwim Din il-proposta tiddistingwi tliet sitwazzjonijiet
differenti, fir-rigward tad-distribuzzjoni tar-rwoli bejn l-Unjoni u l-Istati
Membri relatati mat-tmexxija ta’ tilwim taħt ftehimiet li l-Unjoni hija
parti tagħhom. Fl-ewwel sitwazzjoni, l-Unjoni taġixxi
bħala konvenut fejn it-trattament li hu allegatament ikkonsistenti
mal-ftehim huwa trattament mogħti minn istituzzjoni tal-Unjoni waħda
jew iżjed. L-Unjoni għandha taċċetta r-responsabbiltà
finanzjarja sħiħa f’każijiet bħal dawn. Fit-tieni każ, l-Istat Membru
jaġixxi bħala konvenut fejn it-trattament inkwisjoni huwa pprovdut
mill-Istat Membru. L-Istat Membru jaċċetta responsabbiltà finanzjarja
sħiħa f’każijiet bħal dawn. F’din is-sitwazzjoni, l-Istat
Membru jkun jeħtieġ iżomm il-Kummissjoni informata dwar l-iżviluppi
fil-każ, u jippermetti l-Kummissjoni tiggwidah dwar kwistjonijiet
partikolari.[11]
Fit-tielet sitwazzjoni, l-Unjoni taġixxi
bħala konvenut fir-rigward tat-trattament mogħti minn Stat Membru. Dan
iseħħ fejn l-Istat Membru ikun għażel li ma jaġixxix
bħala konvenut. Dan iseħħ ukoll fejn il-Kummissjoni
tiddeċiedi li hemm involuti kwistjonijiet tal-liġi tal-Unjoni b’tali
mod li l-Unjoni tista’ tkun responsabbli finanzjarjament, kompletament jew
parzjalment. Japplika ukoll fejn il-Kummissjoni hi tal-fehma li hija
meħtieġa pożizzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata
l-unità tar-rappreżentanza esterna, għaliex huwa probabbli li talbiet
simili jistgħu jqumu f’tilwim kontra Stati Membri oħra jew
għaliex it-tilwim iqajjem kwistjonijiet mhux riżolti li probabbli
jseħħu wkoll f’tilwim ieħor. L-Unjoni se tkun
irrapreżentata mill-Kummissjoni skont ir-rwol tagħha
fir-rappreżentazzjoni esterna permezz tal-Artikolu 17 tat-Trattat
dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa evidenti għall-Kummissjoni li, fejn
l-Unjoni taġixxi bħala konvenut dwar trattament mogħti minn Stat
Membru, ikun neċessarju li jiġi żgurat livell għoli ta’
kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat. Dan se jinvolvi kooperazzjoni mil-qrib
fil-preparazzjoni tad-difiża, mill-bidu sat-tmiem tal-proċedura.
Għaldaqstant, dokumenti jeħtieġu jiġu kondiviżi u
r-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni
tal-Unjoni. Madankollu, il-leġislar għal rwol speċifiku
għal rappreżentanti bħal dawn fis-seduti jew l-għoti ta’
permess li jiġu arkivjati rapporti individwali, jintroduċi sistema
riġida wisq u jista’ jwassal għal diffikultajiet biex tiġi
żgurata unità ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni. Għal dik
ir-raġuni, filwaqt li l-Kummissjoni hija ħerqana li tiżgura
kooperazzjoni mil-qrib u effettiva, dan ir-Regolament ma għandux ikun fih
dettalji ta’ elementi bħal dawn u għandu jispeċifika biss
il-prinċipju ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Numru ta’ alternattivi ġew eżaminati
mill-Kummissjoni f’konsultazzjonijiet informali fil-preparazzjoni għal din
il-proposta. Alternattiva waħda bħal din kienet mekkaniżmu fejn
l-Unjoni u l-Istat Membru kkonċernat ikunu aġixxew bħala
kokonvenuti. Madankollu, fil-fehma tal-Kummissjoni, mekkaniżmu bħal
dan mhuwiex adattat sew għal soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u
l-Istat. L-ewwel nett, ma jipprovdix b’mod xieraq għal mekkaniżmu
għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Istat Membru
kkonċernat u l-Unjoni. Stat Membru li jħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni
eventwali u li mbagħad ifittex li jirkupra mill-Unjoni Ewropea, billi
jfittex hu stess li jiddetermina liema elementi huma meħtieġa
bil-liġi tal-Unjoni, la jkun konsistenti u lanqas effettiv fir-rigward
tal-proċeduri baġitarji, u lanqas ma jirrikonoxxi r-rwol
tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. It-tieni nett,
dan jista’ jwassal għal inkonsistenzi fid-difiża tat-talba, b’kull
kokonvenut jippreżenta argumenti konfliġġenti jew
diverġenti. Dan ikun inkonsistenti mal-prinċipju tal-unità
tar-rappreżentanza esterna kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea. It-tielet nett, dan se jirriżulta fit-tribunal li
jkollu jagħmel tħabbira dwar id-diviżjoni tal-kompetenza bejn
l-Unjoni u l-Istati Membri, f’ċirkostanzi fejn iż-żewġ
kokonvenuti jippreżentaw pożizzjonijiet diverġenti dwar din
il-kwistjoni lit-tribunal; xenarju fejn parti terza tagħti opinjoni dwar
kwistjoni purament interna tal-UE għandu jiġi evitat.
Fl-aħħar nett, f’xenarju fejn każ jiġi difiż
b’suċċess, u l-konvenut jingħata l-ispejjeż, huwa
improbabbli li tribunal jippermetti li kemm l-Unjoni u l-Istat Membru jirkupraw
l-ispejjeż. Mhuwiex aċċettabbli li l-ispejjeż potenzjali li
jiġu rimborżati lill-Unjoni jitnaqqsu sabiex ikopru l-ispejjeż
tal-Istat Membru kokonvenut (jew vice versa). Ir-riżultat ikun
anqas minn restituzzjoni sħiħa tal-fondi allokati mill-Unjoni u
bħala konsegwenza n-newtralità għall-baġit tal-operazzjoni għall-Unjoni
ma setgħetx tkun assigurata. 1.5. Rikonoxximent u infurzar ta’ aġġudikazzjonijiet
kontra l-Unjoni Huwa meħtieġ ukoll li jiġu
stabbiliti regoli li jittrattaw is-sitwazzjoni fejn l-UE tinżamm
responsabbli. Minħabba li l-Unjoni Ewropea hija jew se tkun parti
għal ftehimiet bħal dawn, l-Unjoni Ewropea se tkun taħt obbligu
internazzjonali li taċċetta kwalunkwe aġġudikazzjoni kontra
tagħha. L-Unjoni Ewropea se tirrispetta obbligu bħal dan. Ladarba s-soluzzjoni tat-tilwim bejn
l-investitur u l-Istat hija bbażata fuq arbitraġġ,
fil-maġġoranza tal-pajjiżi, inkluż fl-Istati Membri
tal-Unjoni Ewropea, ir-rikonoxximent u l-infurzar tal-aġġudikazzjonijiet
għall-investiment huma bbażati fuq il-leġislazzjoni rilevanti li
tirregola l-arbitraġġ. Dan ħafna drabi mbagħad ikun
ibbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ New York tal-10 ta’ Ġunju 1958
dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Sentenzi tal-Arbitraġġ Esteri
jew fuq il-Mudell ta’ Liġi tal-Kummisjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq
il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) dwar l-Arbitraġġ
Kummerċjali Internazzjonali tal-1985 (kif emendata fl-2006).[12] Il-Konvenzjoni dwar
is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn Stati u s-Sudditi ta’ Stati
oħra (il-"Konvenzjoni ICSID") tipprovdi forum speċifiku
għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment. Din tipprovdi fl-Artikolu 54(1): Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi aġġudikazzjoni
mogħtija skont din il-Konvenzjoni bħala vinkolanti u jinforza
l-obbligi pekunarji imposti minn dik l-aġġudikazzjoni fit-territorju
tiegħu bħallikieku kienet sentenza finali ta’ qorti f’dak l-Istat.
Stat Kontraenti b’kostituzzjoni federali jista’ jinforza aġġudikazzjoni
bħal dan fil-qrati federali tiegħu jew permezz tagħhom u jista’
jistipula li qrati bħal dawn għandhom jittrattaw l-aġġudikazzjoni
bħallikieku kienet sentenza finali tal-qrati ta’ stat kostitwenti. Ir-regoli li japplikaw għar-rikonoxximent
u l-infurzar tal-aġġudikazzjonijiet għall-investiment huma dawk
stabbiliti fil-Konvenzjoni ICSID meta l-arbitraġġ inkwistjoni huwa
skont ir-regoli tal-Konvenzjoni ICSID u f’każijiet oħra, dawk
elaborati fil-Konvenzjoni ta’ New York u l-liġijiet nazzjonali dwar
l-arbitraġġ. Skont l-għarfien tal-Kummissjoni, huma biss
ir-Renju Unit u l-Irlanda li jipprovdu, fil-liġi domestika, proċeduri
speċifiċi dwar il-ġestjoni ta’ aġġudikazzjonijiet
mogħtija taħt il-Konvenzjoni ICSID.[13]
Dawn ir-regoli se japplikaw, kif xieraq,
għall-arbitraġġ imwettaq skont il-ftehimiet tal-Unjoni.
Għalkemm ma hemmx każijiet irreġistrati tal-Unjoni jew
tal-Istati Membri tagħha li jirrifjutaw li jirrispettaw aġġudikazzjoni,
jekk investitur kellu jqis neċessarju li jfittex rikonoxximent jew
infurzar ta’ aġġudikazzjoni dan ikollu jfittex rikonoxximent jew
infurzar bħal dan permezz tal-qrati tal-Istati Membri. Jekk jiġi
mfittex infurzar ta’ aġġudikazzjonijiet kontra l-Unjoni, japplika
l-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru. 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet
tal-Unjoni Ewropea: Il-proprjetà u l-assi tal-Unjoni ma jkunu
suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li
tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti
tal-Ġustizzja. Dan ifisser li l-investitur jista’ jkun
jeħtieġ imur il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk ikun
meħtieġ infurzar kontra l-assi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li
l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika l-approċċ standard
dwar l-immunità sovrana għal sitwazzjonijiet bħal dawn,
bir-riżultat li s-sitwazzjoni fl-Unjoni tkun paragunabbli għas-sitwazzjoni
f’pajjiżi oħra, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fejn
il-prinċipju internazzjonali tal-immunità sovrana jidħol
fis-seħħ. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Din il-proposta ma kinitx soġġetta
għal valutazzjoni tal-impatt. Dan huwa għaliex ir-regolament, fih
innifsu, ma jinkludix id-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwim
bejn l-investitur u l-Istat li mbagħad jistgħu jwasslu għal
arbitraġġ jew għal responsabbiltà għall-ħlas ta’
kumpens. Sa fejn huwa possibbli li jiġu analizzati l-impatti politiċi
ta’ dispożizzjonijiet bħal dawn, dan jitwettaq fil-valutazzjoni
tal-impatt għall-ftehimiet inkwistjoni. It-Taqsima 4 hawn taħt,
madankollu, tagħti spjegazzjoni dwar l-effetti baġitarji possibbli. Il-Kummissjoni kellha diversi laqgħat
mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew fil-preparazzjoni
ta’ din il-proposta. Il-fehmiet espressi f’dawk il-laqgħat ittieħdu
sew inkunsiderazzjoni fil-proposta mehmuża. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 207(2)
tat-TFUE li jistabbilixxi l-kompetenza esklussiva tal-Unjoni għal politika
kummerċjali komuni, inkluż għall-investiment dirett barrani. 3.2. Preżentazzjoni
tal-proposta Ir-Regolament propost jistabbilixxi qafas
għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja li tqum mis-soluzzjoni
tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat imwettqa skont ftehimiet li l-Unjoni
hija parti tagħhom. 3.2.1. Kapitolu I:
Dispożizzjonijiet Ġenerali Dan il-Kapitolu jistabbilixxi l-kamp ta’
applikazzjoni tar-Regolament propost u jinkludi d-definizzjonijiet tat-termini
użati. Ir-Regolament propost japplika għas-soluzzjoni tat-tilwim
mibdija minn investitur ta’ pajjiż terz u mwettqa skont ftehim li l-Unjoni
hija parti tiegħu. Dan ma japplikax għal soluzzjoni ta’ tilwim bejn
l-investitur u l-Istat li tikkonċerna dispożizzjonijiet dwar
il-protezzjoni tal-ambjent, għaliex dawn ma jikkonċernawx
il-possibbiltà ta’ kumpens finanzjarju. Stat li jixtieq ifittex kumpens irid
jiġi assenjat it-talbiet rilevanti mill-investituri tiegħu. 3.2.2. Kapitolu II:
Tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja Dan il-Kapitolu jistabbilixxi l-bażi li
fuqha r-responsabbiltà finanzjarja li tqum minn talba għal soluzzjoni ta’
tilwim tiġi allokata lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lit-tnejn. Il-kriterju ewlieni għall-allokazzjoni se
jkun l-oriġini tat-trattament li l-investitur ilmenta dwaru. Jekk
it-trattament joriġina f’att tal-Unjoni, ir-responsabbiltà finanzjarja
tkun tal-Unjoni. Jekk it-trattament joriġina f’att ta’ Stat Membru,
ir-responsabbiltà allura tkun tal-Istat Membru, sakemm it-trattament ma kienx
meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni. Madankollu, l-Istat Membru
għandu jkollu r-responsabbiltà finanzjarja għat-trattament
meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, f’każijiet fejn trattament
bħal dawn kien meħtieġ sabiex jiġi korrett ksur li kien
jeżisti qabel tal-liġi tal-Unjoni. F’każijiet fejn ir-responsabbiltà
finanzjarja tkun ġiet allokata lil Stat Membru, il-Kummissjoni tista’
tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjoni. Minkejja dawn il-kriterji ta’ tqassim, jekk
Stat Membru jagħżel li jaċċetta r-responsabbiltà finanzjarja
li tqum minn talba li l-Unjoni hija konvenut tagħha jew li jaġixxi
bħala konvenut għat-talba jew jagħżel li jħallas,
ir-responsabbiltà finanzjarja tkun tal-Istat Membru. Jekk Stat Membru jaċċetta r-responsabbiltà
finanzjarja li tqum minn talba, l-Istat Membru u l-Kummissjoni jistgħu
jaqblu dwar il-mekkaniżmu li permezz tiegħu se jitħallsu
l-ispejjeż tal-arbitraġġ u l-aġġudikazzjoni.
Il-Kummissjoni se tinforma lit-tribunal tal-arbitraġġ u
lill-investitur li l-Istat Membru aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja
. 3.2.3. Kapitolu III: Tmexxija
tat-tilwim Dan il-Kapitolu jistabbilixxi l-prinċipji
relatati mat-tmexxija tat-tilwim relatat mat-trattament mogħti jew
mill-Unjoni jew minn Stat Membru, huwiex kompletament jew parzjalment. It-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu tipprovdi
li l-Unjoni għandha taġixxi bħala konvenut kull meta t-tilwim
jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni. It-Taqsima 2 tittratta s-sitwazzjoni fejn
it-tilwim jikkonċerna, kompletament jew parzjalment, trattament
mogħti minn Stat Membru. Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-Istat Membru
konċernat malli ssir taf li ġew mitluba konsultazzjonijiet minn
investitur, skont id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar il-protezzjoni
tal-investimenti. L-Istat Membru jista’ jipparteċipa fil-konsultazzjonijiet
u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti. Malli l-Kummissjoni jew Stat Membru
jirċievu avviż ta’ arbitraġġ minn investitur skont
id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar il-protezzjoni tal-investimenti, dawn
għandhom jinnotifikaw lil xulxin. L-Istat Membru jista’ jaġixxi
bħala konvenut għat-talba, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix
li l-Unjoni għandha taġixxi bħala konvenut jew l-Istat Membru
stess irid li l-Unjoni taġixxi bħala tali. Il-Kummissjoni tista’
toħroġ deċiżjoni li l-Unjoni għandha taġixxi
bħala konvenut fejn: (a) huwa probabbli li l-Unjoni jkollha
tieħu tal-anqas parti mir-responsabbiltà finanzjarja tat-talba; (b) it-tilwim jikkonċerna wkoll
trattament mogħti mill-Unjoni (c) huwa probabbli li jsiru talbiet simili
kontra trattament mogħti minn Stati Membri oħra (d) huwa probabbli li t-talba tqum minn
kwistjonijiet ta’ liġi mhux solvuti; Fejn l-Unjoni qed taġixxi bħala konvenut,
l-Istat Membru konċernat għandu jipprovdi l-assistenza kollha
meħtieġa lill-Kummissjoni u jista’ jifforma parti mid-delegazzjoni
tal-Unjoni fil-proċeduri tal-arbitraġġ. Il-Kummissjoni
għandha żżomm l-Istat Membru infurmat sew tal-passi sinifikanti
kollha fil-proċess, se taħdem mil-qrib mal-Istat Membru u se
tikkonsulta l-Istat Membru regolarment. Fejn l-Istat Membru qed jaġixxi
bħala konvenut, għandu jipprovdi d-dokumenti kollha relatati
mal-proċeduri lill-Kummissjoni u għandu jippermetti lill-Kummissjoni
tifforma parti mid-delegazzjoni tal-Istat Membru fil-proċeduri
tal-arbitraġġ. L-Istat Membru għandu jżomm lill-Kummissjoni
informata sew dwar il-passi kollha sinifikanti fil-proċess u jista’ jkun
meħtieġ jadotta pożizzjoni partikolari fid-difiża
tiegħu mill-akkuża fejn hemm involut l-interess tal-Unjoni. 3.2.4. Kapitolu IV: Soluzzjonijiet Jekk il-Kummissjoni tqies li l-interessi
tal-Unjoni jiġu mħarsa l-aħjar permezz tas-soluzzjoni ta’ talba
li tikkonċerna trattament mogħti esklussivament mill-Unjoni, tista’
tadotta deċiżjoni li tapprova soluzzjoni. Din id-Deċiżjoni
ġiet adottata skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni maħluqa
permezz tar-Regolament (UE) 182/2011[14]. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-interessi
tal-Unjoni jkunu mħarsa l-aħjar permezz tas-soluzzjoni ta’ talba li
tikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru jew minn Stat Membru u
l-Unjoni, il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-Istat Membru konċernat. Jekk
l-Istat Membru jaqbel ma’ soluzzjoni, dan għandu jara li jiftiehem
mal-Kummissjoni dwar l-elementi neċessarji għan-negozjat u
l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ssolvi
t-tilwim anke jekk l-Istat Membru konċernat ma jagħtix il-kunsens
tiegħu, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm interess prevalenti
tal-Unjoni. It-termini tas-soluzzjoni se jiġu miftehma skont
il-proċedura ta’ eżaminazzjoni. Fejn talba tikkonċerna trattament
mogħti esklussivament minn Stat Membru, l-Istat Membru jista’ jsolvi
t-tilwim sakemm: (a) l-Istat Membru jaċċetta
kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tqum mis-soluzzjoni; (b) il-ftehim ta’ soluzzjoni huwa
infurzabbli biss kontra dak l-Istat Membru; (c) it-termini tas-soluzzjoni huma
kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u: (d) ma hemm l-ebda interess prevalenti
tal-Unjoni. L-Istat Membru għandu jikkonsulta
mal-Kummissjoni li se tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti
hawn jiġux sodisfatti fi żmien 90 ġurnata. 3.2.5. Kapitolu V: Ħlas tal-aġġudikazzjonijiet
finali u tas-soluzzjonijiet Fejn l-Istat Membru konċernat qed
jaġixxi bħala l-konvenut għal talba, dan għandu jkun
responsabbli għall-ħlas tal-aġġudikazzjonijiet finali u s-soluzzjonijiet
relatati mat-talba. Fejn l-Unjoni qed taġixxi bħala l-konvenut
ta’ talba, din għanda tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni
finali lill-investitur skont ir-regoli stabbiliti fil-ftehim rilevanti, sakemm
Stat Membru ma jkunx aċċetta responsabbiltà finanzjarja
għat-tilwim. Fil-każijiet fejn ikun intlaħaq ftehim dwar soluzzjoni,
il-Kummissjoni għandha tħallas l-ammont tas-soluzzjoni skont
ir-regoli stabbiliti fil-ftehim ta’ soluzzjoni. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-ammont tal-aġġudikazzjoni
finali jew tas-soluzzjoni kollu jew parti minnu għandu jitħallas minn
Stat Membru li ma aċċettax responsabbiltà finanzjarja, din se
tikkonsulta mal-Istat Membru konċernat. Jekk il-Kummissjoni u l-Istat
Membru ma jistgħux jilħqu qbil dwar il-kwistjoni, il-Kummissjoni se
tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont li jrid jitħallas
minn dak l-Istat Membru. L-Istat Membru se jikkumpensa l-baġit tal-Unjoni,
inkluż l-imgħax, fi żmien tliet xhur mid-data
tad-deċiżjoni. Jekk l-Istat Membru ma jaqbilx mal-Kummissjoni dwar
l-allokazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja, dan għandu jissottometti
oġġezzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-oġġezzjoni
tal-Istat Membru, din għandha tadotta deċiżjoni fejn titlob
lill-Istat Membru jikkumpensa l-baġit tal-Unjoni, inkluż l-imgħax.
L-Istat Membru jista’ mbagħad jirrikorri għall-Artikolu 263
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex ifittex annullament
tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-kwistjoni mbagħad se tiġi
deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont dan
ir-Regolament. Din il-proċedura ma għandhiex tinkludi kwalunkwe
element għall-kontroll tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-Istati
Membri. Din hija deċiżjoni li tapplika biss għal Stat Membru
wieħed u li fir-rigward tagħha l-applikazzjoni mill-Kummissjoni
tal-istandards stabbiliti bir-regolament ma għandhiex tkun
soġġetta għal kontroll politiku mill-Istati Membri. Huwa
importanti għall-funzjonament tajjeb tar-regolament li l-kriterji
jiġu applikati b’mod strett u oġġettiv. Jekk l-Istat Membru
konċernat ifittex l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni
quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Stati Membri oħra
b’interess fl-interpretazzjoni jkunu jistgħu jintervjenu
fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn l-Unjoni qed taġixxi bħala konvenut,
l-ispejjeż tal-arbitraġġ għandhom jitħallsu
mill-Unjoni jew mill-Istat Membru skont kif tiġi allokata r-responsabbiltà
finanzjarja għat-tilwim. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni
li teħtieġ lill-Istat Membru konċernat mit-talba li jagħmel
kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-baġit tal-Unjoni biex ikopri kwalunkwe
ħlasijiet perjodiċi tal-ispejjeż tal-arbitraġġ. 4. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI Huwa fis-sens proprju mhux possibbli li
tingħata informazzjoni preċiża dwar l-ispejjeż potenzjali
assoċjati mas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat. Dan jiddependi
fuq diversi fatturi inkluż il-volum ta’ flussi kapitali, l-istabbiltà
tal-ambjent tal-investiment, eċċ. L-espożizzjoni tal-Unjoni
għal responsabbiltà bħal din tiddependi, ovvjament, fuq in-numru ta’
ftehimiet bħal dawn li eventwalment issir parti tagħhom. Fi
żmien meta qed issir din il-proposta, l-Unjoni hija parti biss għal
ftehim wieħed b’soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat, anke
jekk hemm numru ta’ ftehimiet oħra li qed jiġu nnegozjati attwalment.
Għalhekk, huwa impossibbli li wieħed ikun speċifiku dwar
il-konsegwenzi baġitarji possibbli fil-preparazzjoni ta’ Regolament ta’
dan it-tip, maħsub biex ikollu effett orizzontali. Filwaqt li d-diffikultà
li jsiru stimi preċiżi ma tistax tiġi sottovalutata,
analiżi aktar preċiża hija possibbli każ b’każ
fil-valutazzjonijiet tal-impatt li se jiġu ppreparati għal ftehimiet
speċifiċi u l-ftehimiet għandhom ikunu soġġetti wkoll
għal evalwazzjoni ex post. L-Isqarrijiet Finanzjarji għandhom
ikunu ppreparati għall-ftehimiet kollha tal-futur konklużi skont
l-Artikolu 218 tat-Trattat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan
ir-Regolament. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li
l-elementi meħtieġa fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni huma
stabbiliti sabiex ikunu koperti kwalunkwe spejjeż potenzjali li jirriżultaw
minn ftehimiet ma’ pajjiżi terzi inkluża soluzzjoni tat-tilwim bejn
l-investitur u l-istat kif implimentat f’dan ir-Regolament. Dan għandu
tliet elementi. L-ewwel nett, trid issir dispożizzjoni għall-ħlas
ta’ kwalunkwe spejjeż tat-tribunal tal-arbitraġġ u kwalunkwe
spejjeż oħra relatati. It-tieni nett, trid issir dispożizzjoni għal
sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni hija meħtieġa tħallas kumpens dwar
kumpens jew soluzzjoni finali fir-rigward ta’ atti tal-istituzzjonijiet
tagħha. It-tielet nett, fil-każijiet fejn l-Unjoni taġixxi
bħala konvenut iżda fejn l-Istat Membru konċernat huwa
fl-aħħar dak li għandu jitqies bħala responsabbli
finanzjarjament, huwa meħtieġ li l-Unjoni tagħmel kwalunkwe
ħlasijiet meħtieġa u li mbagħad dawn il-ħlasijiet
jiġu rimborżati mill-Istat Membru konċernat. Hemm bżonn
ukoll li jkun provdut mekkaniżmu fejn Stat Membru, li aċċetta
ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ każ, jagħmel ħlasijiet
perjodiċi lill-Baġit tal-UE sabiex tkun ikkonpensata l-ispiża
tal-arbitraġġ. Dawn il-ħlasijiet kollha u l-irkurpi jistgħu
jsiru permezz tal-intestatura tal-baġit 20 02
01 — Relazzjonijiet kummerċjali esterni, inkluż
l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi.
Id-dispożizzjonijiet neċessarji għal dan kienu inklużi fil-proposta
tal-Kummissjoni għall-baġit tal-2013[15]
fil-forma ta’ żieda għall-kummenti baġitarji għal-linja
tal-baġit imsemmija qabel li tirreferi għal: "Soluzzjoni
tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat kif stabbilita bi ftehimiet
internazzjonali L-infiq li ġej huwa biex jappoġġja: –
L-ispejjeż tal-arbitraġġ,
il-kompetenzi u t-tariffi legali tal-Unjoni bħala parti għat-tilwim
li jqum mill-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi
taħt l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea. –
Il-ħlas ta’ aġġudikazzjonijiet
finali jew ta’ soluzzjonijiet imħallsa lil investitur fil-kuntest ta’
ftehimiet internazzjonali bħal dawn." 2012/0163 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jistabbilixxi qafas
għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali
għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz
ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġislattiva ordinarja, Billi: (1) Bid-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni kisbet kompetenza
esklussiva għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar
il-protezzjoni tal-investimenti. L-Unjoni diġà hija parti tat-Trattat dwar
il-Karta tal-Enerġija[16]
li jipprovdi għall-protezzjoni tal-investimenti. (2) Ftehimiet li jipprovdu
għal protezzjoni tal-investimenti tipikament jinkludu mekkaniżmu ta’ soluzzjoni
tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat, li jippermetti investitur minn
pajjiż terz jagħmel talba kontra Stat li fih għamel investiment.
Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat jista’ jirriżulta
f’aġġudikazzjonijiet ta’ kumpens monetarju. Barra minn hekk, huwa
inevitabbli li jkun hemm spejjeż sinifikanti għall-amministrazzjoni
tal-arbitraġġ kif ukoll spejjeż relatati mad-difiża fi
kwalunkwe każ bħal dan. (3) Skont il-każistika
tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[17], ir-responsabbiltà
internazzjonali għat-trattament soġġett għas-soluzzjoni
tat-tilwim għandha ssegwi d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri. Bħala konsegwenza, l-Unjoni għandha
fil-prinċipju tkun responsabbli għad-difiża ta’ kwalunkwe
talbiet li jallegaw ksur tar-regoli inklużi fi ftehim li jaqa’
fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk it-trattment
ikkonċernat ingħatax mill-Unjoni stess jew minn Stat Membru. (4) Fejn l-Unjoni għandha
responsabbiltà internazzjonali għat-trattament mogħti, tkun mistennija,
bħala kwistjoni ta’ liġi internazzjonali, li tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni
u l-ispejjeż ta’ kwalunkwe tilwim. Madankollu, aġġudikazzjoni
avversa tista’ tirriżulta potenzjalment jew mit-trattament mogħti mill-Unjoni
stess jew mit-trattament mogħti minn Stat Membru. Bħala konsegwenza
ma jkunx ekwu li kieku l-aġġudikazzjonijiet u l-ispejjeż
tal-arbitraġġ kellhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni meta
t-trattament ikun ingħata minn Stat Membru. Għalhekk huwa meħtieġ
li r-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata, bħala kwistjoni ta’
liġi tal-Unjoni, u mingħajr ħsara għar-responsabbiltà
internazzjonali tal-Unjoni, bejn l-Unjoni u l-Istat Membru responsabbli
għat-trattament mogħti abbażi tal-kriterji stabbiliti b’dan
ir-Regolament. (5) Fis-soluzzjoni tiegħu
dwar Politika
Ewropea Futura ta’ Investiment Internazzjonali[18],
il-Parlament Ewropew talab espliċitament il-ħolqien
tal-mekkaniżmu stipulat f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kunsill
talab lill-Kummissjoni tistudja l-kwistjoni fil-Konklużjonijiet
tagħha dwar Politika Komprensiva ta’ Investiment Internazzjonali
tal-25 ta’ Ottubru 2010. (6) Ir-responsabbiltà finanzjarja
għandha tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament
li nsab li huwa inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Dan
ifisser li l-Unjoni għandu jkollha responsabbiltà finanzjarja fejn
it-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn istituzzjoni, korp jew
aġenzija tal-Unjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkollu
responsabbiltà finanzjarja fejn it-trattament ikkonċernat huwa mogħti
minn Stat Membru. Madankollu, fejn Stat Membru jaġixxi b’mod
meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, pereżempju meta jittrasponi
direttiva adottata mill-Unjoni, l-Unjoni għandu jkollha responsabbiltà
finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat huwa meħtieġ
mil-liġi tal-Unjoni. Ir-regolament jeħtieġ jipprevedi wkoll
il-possibbiltà li każ individwali jikkonċerna kemm trattament
mogħti minn Stat Membru kif ukoll trattament meħtieġ
mil-liġi tal-Unjoni. Dan se jkopri l-azzjonijiet kollha meħuda
mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea. (7) L-Unjoni, rappreżentata
mill-Kummissjoni dejjem għandha taġixxi bħala l-konvenut fejn
tilwim jikkonċerna esklussivament trattament mogħti
mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-aġenziji tal-Unjoni, b’mod li
l-Unjoni jkollha r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tqum mit-tilwim
skont il-kriterji msemmija hawn fuq. (8) Min-naħa l-oħra,
fejn Stat Membru għandu r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li
tirriżulta minn tilwim, huwa xieraq, bħala kwistjoni ta’
prinċipju, li Stat Membru bħal dan ikun permess jaġixxi
bħala konvenut sabiex jiddefendi t-trattament li jkun ta lill-investitur.
L-arranġamenti stabbiliti f’dan ir-Regolament jipprovdu għal dan. Dan
għandu l-vantaġġ sinifikanti li l-baġit tal-Unjoni u
r-riżorsi tal-Unjoni ma jġorrux il-piż, anke b’mod temporanju,
tal-ispejjeż tal-litigazzjoni jew kwalunkwe aġġudikazzjoni eventwali
kontra l-Istat Membru konċernat. (9) L-Istati Membri jistgħu,
madankollu, jippreferu li l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni,
taġixxi bħala konvenut f’dan it-tip ta’ tilwim, pereżempju
għal raġunijiet ta’ kompetenzi tekniċi. L-Istati Membri
għandhom, għalhekk, ikollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li
jaġixxu bħala konvenut, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà
finanzjarja tagħhom. (10) F’ċerti ċirkostanzi,
huwa essenzjali, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-Unjoni
jistgħu jiġu mħarsa kif xieraq, li l-Unjoni stess taġixxi
bħala konvenut f’tilwim li jinvolvi trattament mogħti minn Stat Membru.
Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fejn it-tilwim jinvolvi wkoll
trattament mogħti mill-Unjoni, fejn jidher li t-trattament mogħti
minn Stat Membru huwa meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, fejn huwa
probabbli li talbiet simili jistgħu jitressqu kontra Stati Membri
oħra jew fejn il-każ jinvolvi kwistjonijiet tal-liġi mhux
solvuti, liema soluzzjoni jista’ jkollha impatt fuq każijiet futuri
possibbli kontra Stati Membri oħra jew l-Unjoni. Fejn tilwim
jikkonċerna trattament parzjalment mogħti mill-Unjoni, jew
meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni għandha taġixxi
bħala konvenut, sakemm it-talbiet li jikkonċernaw trattament
bħal dan mhumiex ta’ importanza minuri, b’kunsiderazzjoni
tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali involuta u l-kwistjonijiet legali
mqajma, relatati mat-talbiet li jikkonċernaw trattament mogħti
mill-Istat Membru. (11) Huwa neċessarju li jsir
provvediment għall-possibbiltà li l-Unjoni taġixxi bħala konvenut
f’ċirkostanzi bħal dawn sabiex tiżgura li l-interessi
tal-Unjoni, u għaldaqstant il-kollettività tal-Istati Membri, ikunu
jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dan huwa espress
fil-prinċipji tal-unità tar-rappreżentanza esterna u l-obbligu ta’
kooperazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea u fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[19] li japplikaw irrispettivament
mill-kompetenza sottostanti. (12) Huwa xieraq li l-Kummissjoni
tiddeċiedi, fil-qafas stabbilit f’dan ir-regolament, jekk l-Unjoni
għandhiex tkun il-konvenut jew jekk Stat Membru għandux jaġixxi
bħala l-konvenut. (13) Huwa neċessarju li jsir
provvediment għal ċerti arranġamenti prattiċi
għat-tmexxija ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ f’tilwim li
jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru. Irrispettivament minn
jekk l-Unjoni jew l-Istat Membru jaġixxix bħala konvenut f’tilwim
bħal dan, dawk l-arranġamenti għandhom jimmiraw lejn
l-aħjar ġestjoni possibbli tat-tilwim filwaqt li jiżguraw
konformità mal-prinċipji tal-unità tar-rappreżentanza esterna u tal-obbligu
ta’ kooperazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat tal-Unjoni
Ewropea u fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[20]. Fejn l-Unjoni taġixxi
bħala konvenut arranġamenti bħal dawn għandhom jipprovdu
għal kooperazzjoni mill-qrib ħafna inkluża n-notifika immedjata
ta’ kwalunkwe passi proċedurali, il-provvista ta’ dokumenti,
konsultazzjonijiet frekwenti u parteċipazzjoni fid-delegazzjoni
għall-proċeduri. (14) Bl-istess mod, meta Stat
Membru jaġixxi bħala konvenut huwa xieraq li jżomm
il-Kummissjoni informata tal-iżviluppi fil-każ u li l-Kummissjoni
tista’, fejn xieraq, teħtieġ li l-Istat Membru li qed jaġixxi
bħala konvenut jieħu pożizzjoni speċifika fi kwistjonijiet
li għandhom interess tal-Unjoni. (15) Stat Membru jista’ fi
kwalunkwe ħin jaċetta li jkun responsabbli finanzjarjament anke
fil-każ li jrid jitħallas kumpens. F’każ bħal dan l-Istat
Membru u l-Kummissjoni jistgħu jidħlu f’arranġamenti
għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta’
kwalunkwe kumpens. Aċċettazzjoni bħal din ma timplikax li l-Istat
Membru jaċċetta li t-talba tat-tilwim hija raġunata. Il-Kummissjoni
għandha tkun tista’ tadotta deċiżjoni li teħtieġ
l-Istat Membru jagħmel provvediment għal spejjeż bħal dawn.
Fil-każ li t-tribunal jaġġudika l-ispejjeż lill-Unjoni,
il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ħlas bil-quddiem
tal-ispejjeż jiġi rimborżat immedjatament lill-Istat Membru
konċernat. (16) F’ċerti każijiet,
jista’ jkun xieraq li tintlaħaq soluzzjoni sabiex jiġi evitat
arbitraġġ mhux meħtieġ u li jqum ħafna flus. Huwa
meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura biex jintlaħqu soluzzjonijiet
bħal dawn. Proċedura bħal din għandha tippermetti
lill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta’
eżaminazzjoni, li ssolvi każ fejn dan ikun fl-interessi tal-Unjoni.
Fejn il-każ jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru, huwa
xieraq li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjonijiet bejn
il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru għandu
jibqa’ liberu biex dejjem isolvi l-każ, sakemm jaċċetta
responsabbiltà finanzjarja sħiħa u li kwalunkwe soluzzjoni bħal
din tkun konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u ma tmurx kontra l-interessi
tal-Unjoni. (17) Fejn tingħata aġġudikazzjoni
kontra l-Unjoni Ewropea, dik l-aġġudikazzjoni għandha titħallas
mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tagħmel
l-arranġament għall-ħlas ta’ aġġudikazzjoni bħal
din, sakemm Stat Membru ma jkunx aċċetta diġà r-responsabbiltà
finanzjarja. (18) Il-Kummissjoni għandha
tikkonsulta mill-qrib mal-Istat Membru konċernat sabiex tilħaq ftehim
dwar it-tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja. Fejn il-Kummissjoni
tiddetermina li Stat Membru huwa responsabbli, u l-Istat Membru ma
jaċċettax dik id-determinazzjoni, il-Kummissjoni għandha
tħallas il-kumpens, iżda għandha tindirizza deċiżjoni
lill-Istat Membru fejn titolbu jipprovdi l-ammonti konċernati
lill-baġit tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-imgħax applikabbli. L-imgħax
pagabbli għandu jkun dak stabbilit skont l-Artikolu 71(4) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002
dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit
ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej kif emendat[21].[22] L-Artikolu 263 tat-Trattat
huwa disponibbli fil-każijiet fejn Stat Membru jqis li
d-deċiżjoni ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. (19) Il-baġit tal-Unjoni
għandu jipprovdi kopertura tan-nefqa li tirriżulta minn ftehimiet
konklużi skont l-Artikolu 218 tat-Trattat li jipprovdi għal
soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-istat u l-investitur. Fejn l-Istati Membri
għandhom responsabbiltà finanzjarja skont dan ir-Regolament, l-Unjoni
għandha tkun f’pożizzjoni li jew takkumula l-kontribuzzjonijiet
tal-Istat Membru konċernat l-ewwel qabel l-implimentazzjoni tan-nefqa
relevanti jew timplimenta n-nefqa relevanti l-ewwel u tiġi rimborżata
mill-Istati Membri konernati wara. L-użu ta’ dawn iż-żewġ
mekkaniżmi ta’ trattament baġitarju għandu jkun possibbli,
jiddependi fuq x’inhu fattibbli, b’mod partikolari f’termini ta’ żmien.
Għaż-żewġ mekkaniżmi, il-kontribuzzjonijiet jew
ir-rimborżi mħallsa mill-Istati Membri għandhom ikunu ttrattati
bħala dħul intern assenjat tal-baġit tal-Unjoni.
L-approprijazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul intern assenjat mhux
biss għandhom ikopru n-nefqa relevanti iżda għandhom ikunu wkoll
eleġibbli għar-rikostituzzjoni ta’ partijiet oħra
tal-baġit tal-Unjoni li kienu pprovdew l-approprjazzjonijiet inijzali biex
tiġi implimentata n-nefqa relevanti skont it-tieni mekkaniżmu. (20) Sabiex jiġu żgurati
kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament
għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni
lill-Kummissjoni. (21) Is-setgħat ta’
implimentazzjoni relatati mal-Artikoli 12(1), 13(4) u 14(3) għandhom
ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi
r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll
mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat
ta’ implimentazzjoni[23]. (22) Il-proċedura
konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’
deċiżjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 14(3)
la dawk id-deċiżjonijiet se jkollhom l-aktar impatt temporanju biss fuq
il-baġit tal-Unjoni, għaliex l-Istat Membru konċernat se jkun
meħtieġ jassumi kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tqum
mit-tilwim, u minħabba l-kriterji dettaljati stabbiliti fir-Regolament
għall-aċċettabbiltà ta’ soluzzjonijiet bħal dawn, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I Dispożizzjonijiet
Ġenerali Artikolu 1 Kamp
ta’ applikazzjoni 1. Dan ir-Regolament japplika
għal soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat imwettqa skont
ftehim li l-Unjoni hija parti tiegħu u mibdija minn rikorrent ta’
pajjiż terz. 2. Għal skopijiet ta’
informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u żżomm aġġornata, lista
tal-ftehimiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-fini ta’ dan ir-Regolament,
għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) “ftehim” tfisser kwalunkwe ftehim
internazzjonali li l-Unjoni hija parti tiegħu u li jipprovdi għal soluzzjoni
tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat; (b) "spejjeż li jqumu
mill-arbitraġġ" tfisser it-tariffi u l-ispejjeż
tat-tribunal tal-arbitraġġ u l-ispejjeż
tar-rappreżentazzjoni u spejjeż aġġudikati lir-rikorrent
mit-tribunal tal-arbitraġġ; (c) "tilwim" tfisser talba mressqa
minn rikorrent kontra l-Unjoni skont ftehim u li dwarha tribunal
tal-arbitraġġ jagħti sentenza; (d) "soluzzjoni tat-tilwim bejn
l-investitur u l-Istat" tfisser mekkaniżmu stipulat minn ftehim li
permezz tiegħu rikorrent jista’ jibda talba kontra l-Unjoni; (e) “Stat Membru” tfisser wieħed
jew iżjed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; (f) "Stat Membru konċernat"
tfisser l-Istat Membru li jkun ta t-trattament li allegatament huwa
inkonsistenti mal-ftehim; (g) "responsabbiltà finanzjarja"
tfisser obbligu li tħallas somma ta’ flus aġġudikata minn
tribunal tal-arbitraġġ jew miftehma bħala parti ta’ soluzzjoni u
li tinkludi l-ispejjeż li jqumu mill-arbitraġġ; (h) "soluzzjoni" tfisser
kwalunkwe ftehim bejn l-Unjoni jew Stat Membru, jew it-tnejn, min-naħa
waħda, u rikorrent, min-naħa l-oħra, fejn ir-rikorrent jaqbel li
ma jsegwix it-talba tiegħu fi skambju għall-ħlas ta’ somma ta’
flus, inkluż fejn is-soluzzjoni hija rreġistrata
f’deċiżjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ; (i) "tribunal
tal-arbitraġġ" tfisser kwalunkwe persuna jew korp maħtur
taħt ftehim biex jiddeċiedi dwar tilwim bejn l-investitur u l-Istat; (j) "rikorrent" tfisser
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ġġib talba
għal soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat skont ftehim jew
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha ġew assenjati
legalment it-talbiet tar-rikorrent taħt il-ftehim. KAPITOLU II Tqassim
tar-responsabbiltà finanzjarja Artikolu 3 Kriterji
tat-tqassim 1. Ir-responsabbiltà finanzjarja
li tqum minn tilwim taħt ftehim għandha tiġi mqassma skont
il-kriterji li ġejjin: (a) l-Unjoni għandu jkollha
r-responsabbiltà finanzjarja li tqum mit-trattament mogħti
mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-aġenziji tal-Unjoni; (b) l-Istat Membru konċernat għandu
jkollu r-responsabbiltà finanzjarja li tqum mit-trattament mogħti minn dak
l-Istat Membru, ħlief fejn trattament bħal dan kien meħtieġ
mil-liġi tal-Unjoni. Minkejja l-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu, meta
l-Istat Membru konċernat ikun meħtieġ jaġixxi skont
il-liġi tal-Unjoni sabiex jirrimedja l-inkonsistenza mal-liġi
tal-Unjoni ta’ att preċedenti, dak l-Istat Membru għandu jkun
responsabbli finanzjarjament sakemm l-adozzjoni ta’ att preċedenti
bħal dak ma kinitx meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni. 2. Fejn huwa stipulat f’dan
ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li
tiddetermina r-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat skont
il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. 3. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istat
Membru konċernat għandu jkollu r-responsabbiltà finanzjarja fejn: (a) l-Istat Membru konċernat ikun
aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali skont l-Artikolu 11;
(b) l-Istat Membru konċernat
jaġixxi bħala konvenut skont l-Artikolu 8 jew, (c) l-Istat Membru konċernat jidħol
f’soluzzjoni skont l-Artikolu 12. KAPITOLU III Tmexxija
ta’ tilwim Taqsima 1 Tmexxija
ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni Artikolu 4 Trattament
mogħti mill-Unjoni L-Unjoni għandha taġixxi bħala konvenut
fejn it-tilwim jikkonċerna trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, mill-korpi
jew mill-aġenziji tal-Unjoni. Taqsima 2 Tmexxija
ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru Artikolu 5 Trattament
mogħti minn Stat Membru Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima
għandhom japplikaw f’tilwim li jikkonċerna, kompletament jew
parzjalment, trattament mogħti minn Stat Membru. Artikolu 6 Konsultazzjonijiet 1. Malli l-Kummissjoni
tirċievi talba għal konsultazzjonijiet minn rikorrent skont
id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim, din għandha tinnotifika l-Istat
Membru konċernat. Stat Membru li jkun ġie informat dwar jew li
rċieva talba għal konsultazzjonijiet għandu jinforma
l-Kummissjoni minnufih. 2. Ir-rappreżentanti
tal-Istat Membru konċernat għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni
tal-Unjoni għall-konsultazzjonijiet. 3. L-Istat Membru konċernat
għandu jipprovdi minnufih lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li
tista’ tkun rilevanti għall-każ. Artikolu 7 Bidu
tal-proċeduri ta’ Arbitraġġ Malli l-Kummissjoni tirċievi avviż
li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda
proċeduri ta’ arbitraġġ, skont id-dispożizzjonijiet ta’
ftehim, din għandha tinnotifika l-Istat Membru konċernat. Stat Membru li jirċievi avviż li
permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda
proċeduri ta’ arbitraġġ, dan għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni. Artikolu 8 Status
ta’ konvenut 1. Sakemm il-ftehim jipprovdi
għal din il-possibbiltà, l-Istat Membru konċernat għandu
jaġixxi bħala konvenut ħlief fejn tqum kwalunkwe
mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: (a) il-Kummissjoni tkun ħadet
deċiżjoni skont il-paragrafu 2; jew, (b) l-Istat Membru ma jkunx ikkonferma
lill-Kummissjoni bil-miktub li għandu l-intenzjoni li jaġixxi
bħala konvenut fi żmien 30 ġurnata minn meta jirċievi
l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 7. Jekk tqum kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet imsemmija
f’(a) jew (b), l-Unjoni għandha taġixxi bħala konvenut. 2. Il-Kummissjoni tista’
tiddeċiedi, fi żmien 30 ġurnata minn meta tirċievi
l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 7, li l-Unjoni
għandha taġixxi bħala konvenut fejn tqum waħda jew
iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin: (a) huwa probabbli li l-Unjoni jkollha
mill-anqas parti mir-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tqum mit-tilwim
skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3; (b) it-tilwim jikkonċerna wkoll
trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-aġenziji
tal-Unjoni; (c) huwa probabbli li talbiet simili jitressqu
taħt l-istess ftehim kontra trattament mogħti minn Stati Membri
oħra u l-Kummissjoni qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex
tiżgura difiża effettiva u konsistenti; jew, (d) it-tilwim iqum minn kwistjonijiet
tal-liġi mhux solvuti li jistgħu jirrikorru f’tilwim ieħor
taħt l-istess ftehimiet tal-Unjoni jew oħrajn li jikkonċernaw
trattament mogħti mill-Unjoni jew Stati Membri oħra. 3. Il-Kummissjoni u l-Istat
Membru konċernat għandhom immedjatament wara li jirċievu
l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 7 jidħlu
f’konsultazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-każ skont dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni
u l-Istat Membru konċernat għandhom jiżguraw li kwalunkwe dati
tal-iskadenza stabbiliti fil-ftehim jiġu rispettati. 4. Il-Kummissjoni għandha
tinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe
tilwim li fih jiġi applikat dan l-Artikolu u l-mod kif qed jiġi
applikat. Artikolu 9 Tmexxija
ta’ proċeduri ta’ Arbitraġġ minn Stat Membru 1. Fil-każ li Stat Membru
jaġixxi bħala konvenut, l-Istat Membru għandu a) jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti
kollha relatati mal-proċeduri; b) jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi
proċedurali sinifikanti kollha, u jidħol f’konsultazzjonijiet regolarment
u, fi kwalunkwe każ, meta mitlub mill-Kummissjoni; u, c) jippermetti lir-rappreżentanti
tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha, jifformaw parti mid-delegazzjoni li
tirrappreżenta l-Istat Membru. 2. Il-Kummissjoni tista’, fi
kwalunkwe ħin, teħtieġ l-Istat Membru konċernat jieħu
pożizzjoni partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe punt tal-liġi
mqajjem mit-tilwim jew kwalunkwe element ieħor li għandu interess
tal-Unjoni. 3. Meta ftehim, jew ir-regoli
msemmija fih, jipprovdu għall-possibbiltà ta’ annullament, appell jew
reviżjoni ta’ punt tal-liġi inkluż f’deċiżjoni ta’
arbitraġġ, il-Kummissjoni tista’, fejn tikkunsidra li l-konsistenza
jew il-korrettezza tal-interpretazzjoni tal-ftehim jeħtieġu dan,
titlob l-Istat Membru jippreżenta applikazzjoni għal tali annullament,
appell jew reviżjoni. F’ċirkostanzi bħal dawn,
ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni
u jistgħu jesprimu l-fehmiet tal-Unjoni rigward il-punt tal-liġi
inkwistjoni. Artikolu 10 Tmexxija
ta’ proċeduri ta’ Arbitraġġ mill-Unjoni Id-dispożizzjonijiet li ġejjin
għandhom japplikaw matul il-proċeduri ta’ arbitraġġ fejn
l-Unjoni taġixxi bħala konvenut skont l-Artikolu 8: (a) il-Kummissjoni għandha tieħu
l-miżuri kollha neċessarji biex tiddefendi t-trattament
ikkonċernat; (b) l-Istat Membru konċernat għandu
jipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Kummissjoni; (c) il-Kummissjoni għandha tipprovdi
lill-Istat Membru bid-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri, sabiex
tiżgura difiża kemm jista’ jkun effettiva; u, (d) il-Kummissjoni u l-Istat Membru
konċernat għandhom jippreparaw id-difiża f’kooperazzjoni mill-qrib
mar-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat li għandu jkun
intitolat jifforma parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-proċeduri. Artikolu 11 Aċċettazzjoni
mill-Istat Membru konċernat tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali fejn
l-Unjoni hija konvenut Fejn l-Unjoni taġixxi bħala konvenut
skont l-Artikolu 8, l-Istat Membru konċernat jista’, fi kwalunkwe
ħin, jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tqum
mill-arbitraġġ. Għal dan il-għan l-Istat Membru
konċernat jista’ jidħol f’arranġamenti li jittrattaw, fost
affarijiet oħra: (a) mekkaniżmi għall-ħlas
perjodiku tal-ispejjeż li jqumu mill-arbitraġġ; (b) mekkaniżmi għall-ħlas ta’
kwalunkwe aġġudikazzjonijiet li jsiru kontra l-Unjoni. KAPITOLU IV Soluzzjonijiet Artikolu 12 Soluzzjoni
ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni 1. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra
li soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni
tkun fl-interess tal-Unjoni, tista’ tadotta deċiżjoni ta’
implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 20(3)
biex tapprova s-soluzzjoni. 2. Jekk soluzzjoni tinvolvi
potenzjalment azzjoni minbarra l-ħlas ta’ somma monetarja, għandhom
japplikaw il-proċeduri rilevanti għal azzjoni bħal din. Artikolu 13 Soluzzjoni
ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru 1. Fejn l-Unjoni hija konvenut
f’tilwim li jikkonċerna trattament mogħti, jew kompletament jew
inkella parzjalment, minn Stat Membru, u l-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni
tat-tilwim tkun fl-interessi tal-Unjoni, din għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Istat
Membru konċernat. L-Istat Memrbu wkoll jista’ jibda konsultazzjonijiet
bħal dawn mal-Kummissjoni. 2. Jekk l-Istat Membru
konċernat jaċċetta li jsolvi t-tilwim, dan għandu jfittex
li jidħol f’arranġament mal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-elementi
meħtieġa għan-negozjati u l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni. 3. Fil-każ li Stat Membru
ma jaċċettax li jsolvi t-tilwim, il-Kummissjoni tista’ ssolvi
t-tilwim fejn l-interessi prevalenti tal-Unjoni jeħtieġu dan. 4. It-termini tas-soluzzjoni
miftehma għandhom jiġu approvati skont il-proċedura ta’
eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(3). Artikolu 14 Soluzzjoni
minn Stat Membru 1. Fejn l-Unjoni hija konvenut
f’tilwim li jikkonċerna esklussivament trattament mogħti minn Stat
Membru, l-Istat Membru jista’ jsolvi tilwim fejn: (a) l-Istat Membru konċernat
jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tqum mis-soluzzjoni; (b) kwalunkwe arranġament ta’ soluzzjoni
huwa infurzabbli biss kontra l-Istat Membru konċernat; (c) it-termini tas-soluzzjoni huma
kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni; u, (d) ma hemm l-ebda interess prevalenti
tal-Unjoni kontra s-soluzzjoni. 2. Il-Kummissjoni u l-Istat
Membru konċernat jistgħu jidħlu f’konsultazzjonijiet biex
jevalwaw l-intenzjoni tal-Istat Membru li jsolvi tilwim. 3. L-Istat Membru konċernat
għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ arranġament tas-soluzzjoni.
Il-Kummissjoni għandha titqies li aċċettat l-arranġament
ta’ soluzzjoni sakemm ma tiddeċidix mod ieħor, skont
il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 20(2) u fi żmien
90 ġurnata wara n-notifika tal-abbozz ta’ soluzzjoni mill-Istat Membru, għar-raġuni
li s-soluzzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti
fil-paragrafu 1. KAPITOLU V Ħlas
ta’ aġġudikazzjonijiet finali u soluzzjonijiet Artikolu 15 Kamp
ta’ applikazzjoni Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu
għandhom japplikaw fejn l-Unjoni taġixxi bħala konvenut f’tilwim.
Artikolu 16 Proċedura
għall-ħlas ta’ aġġudikazzjonijiet jew soluzzjonijiet 1. Rikorrent li jkun kiseb
aġġudikazzjoni finali skont ftehim jista’ jippreżenta talba
lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ dik l-aġġudikazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni
bħal din fil-perjodi ta’ żmien rilevanti stabbiliti fil-ftehim ħlief
fejn l-Istat Membru konċernat ikun aċċetta responsabbiltà
finanzjarja skont l-Artikolu 11 li f’dan il-każ l-Istat Membru
għandu jħallas l-aġġudikazzjoni. 2. Fejn soluzzjoni approvata
mill-Unjoni skont l-Artikolu 12 jew 13 mhijiex irreġistrata
f’aġġudikazzjoni, rikorrent jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni
għall-ħlas tas-soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tħallas
kwalunkwe soluzzjoni bħal din fil-perjodi ta’ żmien rilevanti
stabbiliti fil-ftehim ta’ soluzzjoni. Artikolu 17 Proċedura
fejn ma hemm l-ebda ftehim fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja 1. Fejn l-Unjoni taġixxi
bħala konvenut skont l-Artikolu 8, u l-Kummissjoni tikkunsidra li
l-aġġudikazzjoni jew is-soluzzjoni inkwistjoni għandha
titħallas, parzjalment jew kompletament, mill-Istat Membru konċernat
abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), għandha
tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5. 2. Il-Kummissjoni u l-Istat
Membru konċernat għandhom jidħlu immedjatament
f’konsultazzjonijiet biex ifittxu ftehim dwar ir-responsabbiltà finanzjarja
tal-Istat Membru konċernat, u l-Unjoni fejn applikabbli. 3. Fi żmien tliet xhur
mir-riċeviment tat-talba għall-ħlas tal-aħħar
aġġudikazzjoni jew soluzzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta
deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru konċernat, li
tiddetermina l-ammont li jrid jitħallas mill-Istat Membru. 4. Sakemm l-Istat Membru ma
joġġezzjonax għad-determinazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien
xahar, l-Istat Membru konċernat għandu jikkumpensa l-baġit
tal-Unjoni għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni
mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Istat
Membru konċernat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe
imgħax dovut għar-rata li tapplika għall-flejjes l-oħra
dovuti lill-baġit tal-Unjoni. 5. Jekk l-Istat Membru
konċernat joġġezzjona, sakemm il-Kummissjoni ma taqbilx
mal-oġġezzjoni tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tadotta
deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi
l-oġġezzjoni tal-Istat Membru, li teħtieġ l-Istat Membru
konċernat jirrimborża l-ammont imħallas mill-Kummissjoni,
flimkien mal-imgħax għar-rata li tapplika għall-flejjes
l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni. Artikolu 18 Ħlas
bil-quddiem tal-ispejjeż tal-arbitraġġ 1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta
deċiżjoni li teħtieġ l-Istat Membru jagħmel
kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-baġit tal-Unjoni fir-rigward ta’
kwalunkwe spejjeż li jqumu mill-arbitraġġ fejn tikkunsidra li
l-Istat Membru għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta’ kwalunkwe
aġġudikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3. 2. Sa fejn l-ispejjeż li
jqumu mill-arbitraġġ jiġu aġġudikati lill-Unjoni
mit-tribunal tal-arbitraġġ, u l-Istat Membru konċernat ikun
għamel ħlas perjodiku tal-ispejjeż li jqumu
mill-arbitraġġ, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn jiġu
trasferiti lill-Istat Membru li jkun ħallashom bil-quddiem. Artikolu 19 Ħlas
minn Stat Membru Ir-rimborż
jew il-ħlas ta’ Stat Membru lill-baġit tal-Unjoni, għall-ħlas
ta’ kumpens jew soluzzjoni jew kwalunkwe spejjeż, għandhom jiġu
kkunsidrati bħala dħul intern assenjat fit-tifsira ta’ [L-Artikolu 18
tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta'
Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit
generali tal-K omunitajiet Ewropej[24]]. Dan
jista’ jintuża biex ikopri n-nefqa li tirriżulta minn ftehimiet
konklużi skont l-Artikolu 218 tat-Trattat li jipprovdi għal
soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-istat u l-investitur jew biex ikunu rikostitwiti
approprjazzjonijiet inizjalment provduti biex ikopru l-ħlas ta' kumpens
jew soluzzjoni jew kwalunkwe spejjeż. KAPITOLU VI Dispożizzjonijiet
finali Artikolu 20 1. Il-Kummissjoni għandha
tkun assistita mill-[Kumitat għall-Ftehimiet ta’ Investiment stabbilit
bir-Regolament [2010/197 COD]]. Dak il-kumitat għandu
jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru. 182/2011. 2. Fejn issir referenza
għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 3. Fejn issir referenza
għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Artikolu 21 Rapport u Reviżjoni 1. Il-Kummissjoni għandha
tissottometti rapport dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill f’intervalli regolari. L-ewwel rapport għandu
jiġi sottomess mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Rapporti sussegwenti għandhom jiġu
sottomessi kull tliet snin minn hemm ’il quddiem. 2. Il-Kummissjoni tista’
tissottometti wkoll, flimkien mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u
abbażi tas-sejbiet tal-Kummissjoni, proposta lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill għal emenda għal dan ir-Regolament. Artikolu 22 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni
tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 380, 31.12.1994, p. 1. [2] COM(2010)343 finali, paġna 10. [3] Ibid, paġna 8. [4] L-Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja
Ewropea [1994] ECR I-5267 b’mod partikolari l-paragrafu 29 u l-paragrafi 32 u
33
"32) Skont il-Gvern Olandiż, il-parteċipazzjoni
konġunta tal-Komunità u tal-Istati Membri fil-Ftehim WTO hija
ġustifikata, għaliex l-Istati Membri għandhom il-kompetenza
tagħhom stess relatata mal-barrieri tekniċi għall-kummerċ
minħabba n-natura mhux obbligatorja ta’ ċerti direttivi tal-Komunità
f’dan il-qasam, u minħabba li l-armonizzazzjoni kompleta ma ntlaħqitx
u mhijiex prevista f’dak il-qasam.
33) Dak l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Il-Ftehim dwar
il-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ, li d-dispożizzjonijiet
tiegħu huma mfassla biss biex jiżguraw li r-regolamenti u
l-istandards tekniċi u l-proċeduri għall-valutazzjoni
tal-konformità mar-regolamenti u l-istandards tekniċi ma joħolqux
ostakoli mhux meħtieġa għall-kummerċ internazzjonali (ara
l-preambolu u l-Artikoli 2.2 u 5.1.2 tal-Ftehim), jaqa’ fil-kamp ta’
applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni."
[5] Ara l-Artikolu I:1 u l-Artikolu III tal-Ftehim
Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994), u l-Opinjoni
1/94, paragrafu 34. [6] Ara l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar
il-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) u l-Opinjoni 1/94,
paragrafi. 31-33. [7] Fl-Opinjoni 1/2008 tagħha l-Qorti
tal-Ġustizzja ċaħdet l-allegazzjoni ta’ Spanja li l-kompetenza tal-Komunità
fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi skont l-Artikolu 133 KE kienet
limitata għal servizzi pprovduti skont il-modalità 2 (jiġifieri
servizzi transkonfinali). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-Trattat
ta’ Nizza, l-Artikolu 133 KE jkopri wkoll it-tliet modalitajiet
l-oħra ta’ provvista ta’ servizzi stipulati fil-GATS, inkluża
l-provvista ta’ servizzi permezz tal-istabbilment ta’ 'preżenza
kummerċjali' (modalità 3). Ara l-Opinjoni 1/2008,
paragrafi 120-123. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni
fl-Opinjoni 1/2008 li, fir-rigward tas-setturi fejn il-KE għandha
kompetenza esklussiva, kompetenza bħal din ma estenditx għall-impenji
ta’ trattament nazzjonali. [8] L-Opinjoni 1/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea
[1991] ECR I-060709 [9] L-Opinjoni
1/91, paragrafu 33 [10] Ara l-Artikolu 64 tad-Dokument A/CN.4/L.778
tat-30 ta’ Mejju 2011 u r-Report of the International Law Commission,
Sixty First Session (A/64/10) p. 173-175 [11] Kif stipulat fl-Artikolu 13 tar-Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li
jistabbilixxi arranġamenti tranżitorji għal ftehimiet bilaterali
ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi [2010/197
COD ]. [12] Dawn l-istrumenti għandhom ħafna similaritajiet.
[13] Ara, għar-Renju Unit, l-Att dwar
l-Arbitraġġ (Tilwim dwar Investiment Barrani) tal-1966 u
għall-Irlanda, l-Att dwar l-Arbitraġġ, 1980, (Parti Iv). [14] Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi
r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll
mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat
ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13). [15] Addottat mill-Kummissjoni
fil-25 ta’ Mejju 2012 (COM(2012)300). [16] ĠU L 69, 9.3.1998,
p. 1. [17] L-Opinjoni 1/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea
[1991] ECR I-60709. [18] Il-Paragrafu 35 tar-Riżoluzzjoni A7 0070/2011 tat-22 ta’ April 2011. [19] L-Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea
[1994] ECR I-5267; Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill (FAO), [1996] ECR I-1469 [20] L-Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea
[1994] ECR I-5267; Il-Kummissjoni v. Il-Kunsill (FAO), [1996] ECR I-1469 [21] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. [22] Ir-referenzi għandhom jinbidlu bir-referenzi
għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli
finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (2010/395(COD)
hekk kif jiġi addottat. [23] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13. [24] Ir-referenzi għandhom jinbidlu bir-referenzi
għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli
finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (2010/395(COD)
hekk kif jiġi addottat..