Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0003

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEWskont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeadwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' politika multiannwali dwar l-ispettru tar-radju.

/* KUMM/2012/03 finali - 2010/0252 (COD) */

52012PC0003

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEWskont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeadwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' politika multiannwali dwar l-ispettru tar-radju. /* KUMM/2012/03 finali - 2010/0252 (COD) */


2010/0252 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Deċizjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' politika multiannwali dwar l-ispettru tar-radju.

1.           Sfond

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2010) 471 finali – 2010/0252 COD): || Mill-20 ta’ Settembru 2010

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || Mis-16 ta’ Frar 2011

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || Il-11 ta’ Mejju 2011

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: || Il-11 ta’ Mejju 2011 SP (2011)5858

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || Mill-13 ta’ Diċembru 2011

2.           L-għan tal-proposta mill-Kummissjoni

Il-Programm ta' Politika dwar l-Ispettru tar-Radju propost (RSPP) ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE jwieġeb għall-istedina mill-Parlament u l-Kunsill fl-Artikolu 8a(3) tad-Direttiva Qafas 2002/21/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE biex tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva biex jiġi stabbilit programm multiannwali li jistabbilixxi l-orjentazzjonijiet u l-għanijiet tal-politika għall-ippjanar strateġiku u għall-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru.

L-RSPP jirrifletti l-importanza tad-disponibbiltà u tal-użu effiċjenti tal-ispettru għas-suq intern fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u oqsma oħra ta' politika tal-UE bħat-trasport, ir-riċerka, l-osservazzjoni tad-Dinja, is-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita, il-ħarsien ambjentali u l-ġlieda kontra t-tisħin globali. L-RSPP huwa parti mill-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni għall-Ewropa u jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv minħabba li l-ispettru huwa essenzjali għas-soċjetà diġitali, għas-servizzi veloċi bla fili, għall-irkupru ekonomiku, għat-tkabbir, għall-impjiegi ta’ kwalità għolja u għall-kompetittività fit-tul tal-UE. L-Att dwar is-Suq Uniku jitlob ukoll lill-Parlament u lill-Kunsill biex jadottaw il-proposta mingħajr dewmien.

L-RSPP se joħloq proċess biex jiddetermina kif l-użu tal-ispettru jista’ jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE u jottimizza l-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Huwa jibni fuq il-prinċipji regolatorji tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u fuq id-Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju (676/2002/KE), jafferma mill-ġdid il-prinċipji li għandhom jiġu applikati għat-tipi kollha ta’ użu tal-ispettru, jistabbilixxi l-għanijiet għall-inizjattivi tal-UE u jelenka l-azzjonijiet li għandhom jitniedu.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija r-riżultat ta' kompromess li ntlaħaq wara negozjati informali bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, li saru fil-laqgħa tat-trilogu informali tal-24 ta' Ottubru 2011, u li kien ikkonfermat permezz ta’ skambju tal-ittri bejn il-koleġiżlaturi.

Dan il-kompromess jinkludi:

· impenn ċar biex jitlesta l-proċess ta’ awtorizzazzjoni għal spettru armonizzat diġà, inkluż medda ta' 800 MHz, sal-1/1/2013;

· mekkaniżmu ta' inventarju b'saħħtu bbażat fuq miżuri ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll skadenzi ċari għall-adozzjoni ta' dawk il-miżuri;

· mira espliċita li jiġu identifikati mill-inqas 1200 MHz ta' spettru sal-2015 abbażi tal-inventarju, għall-komunikazzjonijiet broadband bla fili;

· impenn biex jiġi eżaminat il-bżonn għal iktar spettru għall-broadband bla fili bbażat fuq ir-rekwiżiti tal-kapaċità;

· il-mezzi biex jiggarantixxu l-kompetizzjoni fl-użu tal-ispettru partikolarment għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

· l-iżvilupp ta' inizjattivi ta' politika dwar l-użu kollettiv u kondiviż tal-ispettru;

· dispożizzjoni biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-UE f’negozjati internazzjonali dwar l-ispettru;

· impenn sabiex jiġu żviluppati inizjattivi ta' politika dwar ir-rekwiżiti tal-ispettru ta’ setturi oħra tas-suq intern u politiki tal-UE, inkluż l-iffrankar tal-enerġija, l-osservazzjoni u l-monitoraġġ tad-Dinja, is-sikurezza u l-protezzjoni pubblika, mikrofoni bla fili u l-Internet tal-Oġġetti.

Għalhekk, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill peress li din tirrifletti l-kompromess li ntlaħaq u titlob li ssir adozzjoni simili, mingħajr l-emenda mill-Parlament, fl-iqsar żmien possibbli minħabba l-importanza tal-kwistjoni, l-għeluq imminenti tal-iskadenzi stipulati fl-abbozz tad-deċiżjoni u l-ħtieġa għall-implimentazzjoni rapida ta’ din id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għamlet ukoll tliet dikjarazzjonijiet (ara hawn taħt) għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 li jispjegaw il-fehma tal-Kummissjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi.

4.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa l-pożizzjoni tal-Kunsill, filwaqt li tagħmel it-tliet dikjarazzjonijiet ta' hawn taħt, u tistieden lill-Parlament sabiex japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi f'konformità mal-kompromess li ntlaħaq fl-24 ta' Ottubru 2011, mill-aktar fis possibbli biex jippermetti d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kmieni.

5.           Dikjarazzjonijiet unilaterali li saru mill-Kummissjoni għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011.

(1) Fuq inserzjoni ta' referenza għall-RSPG fl-Artikolu 9.2:

"Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 9.2 jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkunsidra kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-Grupp għall-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSPG) qabel ma tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-inventarju. Il-Kummissjoni tqis li fil-materja tal-atti ta' implimentazzjoni m'hemm l-ebda rekwiżiti proċedurali oħra għajr dawk stabbiliti bl-Artikolu 291 TFUE. L-RSPG inħoloq mill-Kummissjoni stess biex tagħmel użu mill-pariri u l-kompetenza tiegħu, ħaġa li l-Kummissjoni se tkompli tagħmel peress li dan għandu rwol konsultattiv importanti u jipprovdi kontribut siewi fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika, iżda huwa f'idejn il-Kummissjoni biex tikkonsulta dan il-grupp kif tikkunsidra li jkun meħtieġ."

(2) Fuq l-Artikolu 10.1 rigward in-negozjati internazzjonali:

"Il-Kummissjoni tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tar-referenzi għall-"kompetenza tal-Istati Membri" bħala kompetenza mhux attribwita lill-Unjoni Ewropea. Tfakkar ukoll li t-Trattati jibqgħu applikabbli fl-intier tagħhom, inkluż b'mod partikolari l-Artikolu 218(9) TFUE skont il-każ"."

(3) Dwar il-proċedura tal-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni għall-Artikolu 13.2:

"Il-Kummissjoni tisħaq li huwa kontra l-ittra u l-ispirtu tar-Regolament 182/2011 li l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) jiġi invokat b'mod sistematiku. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu jittieħed f’każ ta’ ħtieġa speċifika li wieħed jiddevja mir-regola ta’ prinċipju li hija li l-Kummissjoni tista' tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni. Meta wieħed iqis li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita bl-Artikolu 5(4), ir-rikors għall-punt (b) tat-tieni subparagrafu ma jistax jidher sempliċiment bħala "setgħa diskrezzjonali" tal-Leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b'mod ristrett u għaldaqstant għandu jiġi ġġustifikat."

* * *

Top