Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IR0650

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-bliet tal-ġejjieni: Bliet ambjentalment u soċjalment sostenibbli”

    ĠU C 277, 13.9.2012, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/18


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-bliet tal-ġejjieni: Bliet ambjentalment u soċjalment sostenibbli”

    2012/C 277/04

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jappoġġja t-talba għal strateġiji olistiċi għall-iżvilupp urban sostenibbli u għal kooperazzjoni orizzontali u vertikali f'sistema ta’ governanza parteċipattiva li tikkunsidra d-diversità tal-bliet u l-importanza tal-innovazzjoni soċjali u tal-ippjanar orjentat lejn il-futur;

    jinnota li d-diviżjoni ekonomika u soċjali dejjem akbar fis-soċjetà tagħna għandha tiġi indirizzata b'mod urġenti permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni għal kulħadd u minn kmieni fit-tfulija, swieq tax-xogħol inklużivi, tagħlim tul il-ħajja u politika favur l-inklużjoni attiva, u salarji li jkunu ġusti u li jippermettu s-sostenn tal-bżonnijiet u li jkunu ugwali għall-irġiel u n-nisa;

    jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-bżonnijiet li huma kruċjali għas-soċjetà, jiġifieri l-aċċess għal dar, crèches u kindergartens, postijiet siguri għal-logħob u għall-iżvilupp tat-tfal, filwaqt li jitneħħew l-ostakli li jfixklu lin-nies li qed jibdew jew jestendu l-familja;

    jenfasizza l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jonqos il-konsum tal-enerġija permezz ta’ proċessi ċikliċi u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, sistemi interkonnessi, l-espansjoni ta’ żoni ekoloġiċi u miftuħa, metodi ġodda ta’ kostruzzjoni u forom ta’ trasport newtrali f'termini ta’ riżorsi, li jkunu siguri u mhux ta’ ħsara għas-saħħa;

    jenfasizza l-importanza tal-kultura u l-kreattività mhux biss għat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll għall-ksib ta’ ħajja ta’ kwalità tajba, id-demokrazija fil-ħajja ta’ kuljum, il-paċi u r-rispett reċiproku;

    jenfasizza l-importanza fundamentali tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil tal-politiki;

    iqis li d-diversi sforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw il-bliet huma bżonnjużi u jappella biex fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss jingħata sinjal ċar li l-bliet għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ dimensjoni urbana aktar qawwija, flessibbiltà fl-użu tar-riżorsi u rwol ċentrali għall-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

    jilqa' l-iżvilupp ulterjuri tal-istrumenti ta’ finanzjament sostenibbli fil-politika strutturali li jirrappreżentaw mekkaniżmi ta’ appoġġ kreattivi u stabbli.

    Relatur

    is-Sinjura Hella DUNGER-LÖPER (DE/PSE), Plenipotenzjarja tal-Land ta’ Berlin għall-Affarijiet Federali u Ewropej

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Sfond u motivazzjoni

    1.

    jilqa' l-fatt li ġie kkonsultat mill-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-UE biex ifassal opinjoni dwar dan is-suġġett u li l-Presidenza pparteċipat b'mod attiv fil-Ħames Summit tal-Bliet u r-Reġjuni li sar fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2012 f'Kopenħagen dwar it-tema “In-nisġa urbana Ewropea fis-seklu 21”. B'hekk il-Presidenza wriet rikonoxximent tal-kontribut tal-bliet u r-reġjuni għall-integrazzjoni Ewropea u r-rwol ċentrali tagħhom għall-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    2.

    jinnota b'interess ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem “L-Ibliet ta’ Għada. Sfidi, viżjonijiet, modi 'l quddiem” (Ottubru 2011) u jaqbel mal-viżjoni espressa f'dan ir-rapport li l-bliet tal-ġejjieni huma “post ta’ progress soċjali avvanzat b'livell għoli ta’ koeżjoni soċjali, akkomodazzjonijiet soċjalment ibbilanċjati kif ukoll servizzi soċjali, tas-saħħa u ta’ ‘edukazzjoni għal kulħadd’; pjattaforma għad-demokrazija, djalogu u diversità kulturali; post ta’ riġenerazzjoni agrikola, ekoloġika jew ambjentali; post ta’ attrazzjoni u magna ta’ tkabbir ekonomiku”;

    3.

    jaqbel mat-tħassib espress fir-rapport “L-Ibliet ta’ għada” dwar il-ġejjieni tal-bliet fid-dawl tat-theddid tat-tibdil demografiku, it-tkabbir negattiv u l-konnessjonijiet dejjem aktar dgħajfa bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali. Sorsi potenzjali oħra ta’ theddid jinkludu ż-żieda fid-differenzi bejn il-pagi, il-polarizzazzjoni u s-segregazzjoni soċjali li qed jiżdiedu, l-għadd dejjem akbar ta’ individwi li jitwarrbu lejn ix-xifer tas-soċjetà, it-tixrid urban kif ukoll il-pressjoni dejjem tikber fuq l-ekosistemi urbani;

    4.

    jenfasizza li l-Unjoni Ewropea tista' biss tikseb l-għanijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 jekk il-bliet, bħala postijiet ta’ innovazzjoni soċjali u ekonomika, ikunu f'pożizzjoni li jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli u għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

    5.

    għaldaqstant jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport “L-Ibliet ta’ għada” li l-bliet għandhom jissaħħu billi jiġu promossi strutturi lokali sostenibbli għall-ħolqien ta’ ekonomija reżistenti u inklużiva, billi jintuża l-potenzjal tal-ġenerazzjonijiet differenti u tad-diversità soċjoekonomika, kulturali u etnika u billi jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar permezz ta’ titjib tal-akkomodazzjoni, strateġiji olisitiċi għall-politiki ambjentali u tal-enerġija, il-ħolqien u ż-żamma ta’ spazji pubbliċi attraenti, il-promozzjoni ta’ sistemi tat-trasport sostenibbli, inklużivi u li jippromovu s-saħħa u l-promozzjoni ta’ żvilupp territorjali ibbilanċjat;

    6.

    jappoġġja t-talba għal strateġiji olistiċi għall-iżvilupp urban sostenibbli, kooperazzjoni orizzontali u vertikali f'sistema ta’ governanza parteċipattiva li tinkludi l-livelli u l-oqsma ta’ politika kollha u li tikkunsidra d-diversità tal-bliet u l-importanza tal-innovazzjoni soċjali u tal-ippjanar orjentat lejn il-futur;

    7.

    jirreferi għad-“Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen” tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-23 ta’ Marzu 2012, li fiha jsir appell għal bliet aktar ekoloġiċi, aktar soċjalment inklużivi u aktar ekonomikament kompetittivi u l-appell relatat biex l-istituzzjonijiet tal-UE jankraw l-Istrateġija Ewropa 2020 fil-livell lokali, jipprovdu biżżejjed riżorsi finanzjarji għal politika urbana komprensiva, jagħtu prijorità akbar lill-kooperazzjoni territorjali bejn il-bliet Ewropej, jallokaw rwol akbar lill-bliet u r-reġjuni fit-tfassil tal-politika Ewropea, jimpenjaw ruħhom aktar favur id-deċentralizzazzjoni fl-Istati Membri tal-UE u jipprovdu aktar flessibbiltà finanzjarja lill-bliet u r-reġjuni;

    8.

    ifakkar fl-opinjoni tiegħu dwar “Ir-rwol tar-riġenerazzjoni urbana fil-ġejjieni tal-iżvilupp urban fl-Ewropa” tal-10 ta’ Ġunju 2010 u fl-appell li għamel fiha biex tissaħħaħ id-dimensjoni urbana fl-oqsma kollha ta’ politika tal-Unjoni Ewropea;

    Kummenti

    9.

    ifakkar li l-bliet huma dejjem riflessjoni tal-kundizzjonijiet soċjali. It-tip u l-kwalità tal-ħajja tal-bliet tal-ġejjieni ser ikunu influwenzati mid-deċiżjonijiet u żviluppi ekonomiċi u soċjali fil-livelli kollha ta’ responsabbiltà politika u ekonomika;

    10.

    jistqarr li l-importanza tal-bliet għall-Unjoni Ewropea tmur lil hinn mill-fatturi ekonomiċi u demografiċi. Il-bliet sbieħ, intelliġenti, li jagħmlu użu effiċjenti mill-enerġija u mir-riżorsi, ekoloġiċi u inklużivi huma l-bażi għal ħajja komuni armonjuża u solidali fis-soċjetà tagħna;

    11.

    jenfasizza li l-bliet huma marbutin mill-qrib u b'mod inseparabbli mal-inħawi ta’ madwarhom bis-saħħa tar-rabtiet soċjali u ekonomiċi, u għaldaqtant jaqdu rwol importanti għall-iżvilupp territorjali bbilanċjat;

    12.

    f'dan ir-rigward jistqarr li d-differenza kategorika li saret s'issa bejn iż-żoni rurali u l-bliet mhux ser tibqa' valida għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet li jistgħu jqumu fil-ġejjieni u għandha tiġi sostitwita minn analiżi tal-interazzjoni taż-żoni abbażi tal-funzjonalità u l-interdipendenza tagħhom;

    13.

    jenfasizza li l-bliet Ewropej, meta mqabbla mat-tipi ta’ bliet madwar id-dinja, huma kkaratterizzati minn awtonomija demokratika, soċjetà ċivili b'saħħitha, integrazzjoni soċjali, interazzjoni effettiva bejn is-setturi privati u dawk pubbliċi, il-wegħda tal-libertà, l-emanċipazzjoni u kultura ta’ pjanar urban żviluppata sew;

    14.

    jinnota li d-deindustrijalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni wasslu għat-telfa ta’ bażi importanti għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika. F'żoni għonja kif ukoll foqra, qed jitniedu strateġiji ġodda għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, li tal-inqas s'issa, ftit li xejn kienu kapaċi jwaqqfu t-tendenzi ta’ divrenzjar fis-soċjetà. Minflok, id-diviżjoni u s-segregazzjoni soċjali żdiedu f'ħafna postijiet minkejja dawn l-isforzi u jirrappreżentaw sfida ewlenija għall-ħajja komuni urbana;

    15.

    jinnota li d-diviżjoni ekonomika u soċjali dejjem akbar fis-soċjetà tagħna għandha tiġi indirizzata b'mod urġenti permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni għal kulħadd u minn kmieni fit-tfulija, swieq tax-xogħol inklużivi, tagħlim tul il-ħajja u politika favur l-inklużjoni attiva, u salarji li jkunu ekwitabbli u li jippermettu s-sostenn tal-bżonnijiet u li jkunu ugwali għall-irġiel u n-nisa; jinnota li l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta’ aktar impjieg fil-bliet huma punti kruċjali f'dan ir-rigward;

    16.

    bi tħassib jinnota li dawn il-problemi ggravaw f'xi bliet u dan wassal għal protesti vjolenti. Dawn il-problemi ħarġu wkoll fid-dieher in-nuqqas ta’ fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet politiċi;

    17.

    jinnota l-impatti lokali tat-tibdil demografiku u t-tixjiħ tas-soċjetà, li qed joħolqu sfidi ġodda għall-infrastruttura soċjali u ż-żoni pubbliċi. B'rabta mal-kwistjoni ta’ żieda fil-faqar fost l-anzjani, jistaqsi dwar is-sistemi ta’ sigurtà soċjali sostenibbli u s-servizzi li huma aċċessibbli għaċ-ċittadini, sensittivi għad-differenzi kulturali u affordabbli;

    18.

    f'dan ir-rigward jenfasizza li l-Ewropa, minkejja s-sitwazzjoni attwali ta’ rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, fis-snin li ġejjin ser tiddependi mill-migrazzjoni taż-żgħażagħ biex tiggarantixxi tkabbir ekonomiku u ttaffi l-impatti tat-tixjiħ fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa. Bliet miftuħa u attraenti jħeġġu l-migrazzjoni. Madankollu, il-migranti u l-minoranzi etniċi fil-bliet s'issa sikwit kienu żvantaġġati f'termini ta’ aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u l-kura medika. Għaldaqstant, l-istrateġiji ta’ integrazzjoni lokali effettivi huma element neċessarju għal politika ta’ migrazzjoni orjentata lejn il-ġejjieni;

    19.

    jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-bżonnijiet li huma kruċjali għas-soċjetà, jiġifieri l-aċċess għal dar, crèches u kindergartens, postijiet siguri għal-logħob u għall-iżvilupp tat-tfal, filwaqt li jitneħħew l-ostakli li jfixklu lin-nies li qed jibdew jew jestendu l-familja. Għaldaqstant, għandhom jiġu appoġġjati l-miżuri kollha li jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-popolazzjoni;

    20.

    jenfasizza l-isfida tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jonqos il-konsum tal-enerġija permezz ta’ proċessi ċikliċi u ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, sistemi interkonnessi, l-espansjoni ta’ żoni ekoloġiċi u miftuħa, metodi ġodda ta’ kostruzzjoni u forom ta’ trasport newtrali f'termini ta’ riżorsi, li jkunu siguri u mhux ta’ ħsara għas-saħħa;

    21.

    jenfasizza l-importanza tal-kultura u l-kreattività mhux biss għat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll għall-ksib ta’ ħajja ta’ kwalità tajba, id-demokrazija fil-ħajja ta’ kuljum, il-paċi u r-rispett reċiproku. Il-kultura urbana tinkludi wkoll iż-żamma ta’ kultura tal-kostruzzjoni urbana, żoni ta’ kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd u kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi lokali u reġjonali;

    22.

    jenfasizza l-importanza fundamentali tal-parteċipazzjoni fit-tfassil tal-politiki bil-għan li tinkiseb il-fiduċja u l-kollaborazzjoni taċ-ċittadini u biex tissaħaħ il-koeżjoni soċjali; din il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini hija possibbli biss jekk il-bażijiet tad-deċiżjonijiet u l-miżuri tal-amministrazzjonijiet tal-bliet ikunu miftuħa u trasparenti;

    23.

    iqis li d-diversi sforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw il-bliet permezz ta’ programmi u inizjattivi huma bżonnjużi peress li l-awtoritajiet lokali li m'għandhomx riżorsi finanzjarji adegwati tagħhom stess jiddependu minn dawn il-fondi;

    24.

    jinnota bi tħassib li, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni fil-Karta ta’ Leipzig u l-proċess politiku relatat, fis-snin li għaddew l-impenn tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika urbana naqas aktar milli żdied. Dan joħroġ fid-dieher fil-fatt li s'issa ma kienx possibbli li tingħata prijorità lil kwisjtonijiet ta’ politika urbana fl-oqsma ta’ politika rilevanti bħall-impjieg, l-ambjent, l-edukazzjoni, ix-xjenza u l-akkomodazzjoni. Din il-problema tidher ukoll fil-baġits imnaqqsa tal-programmi għall-politika urbana. Għaldaqstant, ir-riżorsi fil-livell tal-UE li jippermettu lill-bliet biex jindirizzaw dawn il-problemi differenti b'mod flessibbli għandhom ikunu disponibbli mill-iktar fis possibbli;

    25.

    jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-allokazzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet lokali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tinsab f'sitwazzjoni katastrofika u li mhux ser titjieb, fid-dawl tal-prijoritajiet tal-baġits fl-Istati Membri, sakemm l-Istati Membri ma jbiddlux l-approċċ tagħhom f'dan ir-rigward;

    26.

    iqis li, fid-dawl tal-perikli soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi kbar, l-isforzi li saru sal-lum il-ġurnata mhumiex biżżejjed biex il-bliet Ewropej jitfasslu b'tali mod li jiġi żgurat il-ġejjieni tagħhom u li jkunu kompetittivi, sbieħ, intelliġenti, jagħmlu użu effiċjenti mill-enerġija u mir-riżorsi, ekoloġiċi, inklużivi, postijiet ta’ innovazzjoni soċjali, kapaċi jagħtu kontribut sħiħ għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-Unjoni Ewropea u għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    Talbiet politiċi

    Ġenerali

    27.

    iqis li, fid-dawl tal-isfidi soċjali, hemm interess ġenerali f'kull livell ta’ responsabbiltà politika li l-bliet ikunu sodi, b'awtonomija demokratika u li jservu ta’ bażi għas-soċjetà Ewropea. Demokrazija b'saħħitha, effettiva u li tirreaġixxi malajr tista' tagħti kontribut deċiżiv għall-irkupru tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tad-demokrazija rappreżentattiva f'kull livell;

    28.

    itenni t-talba tiegħu għal approċċ għall-iżvilupp soċjali li jmur lil hinn mill-indikatur tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), li jikkunsidra t-tħassib u l-bżonnijiet taċ-ċittadini bis-serjetà u li jinvolvihom aktar fl-ippjanar ta’ programmi u interventi;

    29.

    jistenna li r-rappreżentanti eletti jkunu kunfidenti u kuraġġużi biex jassumu rwol ta’ tmexxija fil-livelli politiċi kollha sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi u s-solidarjetà. Huwa biss f'ambjent ta’ paċi u solidarjetà transkonfinali ġenwina li jista' jkun hemm tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Dan jinkludi kultura li tilqa' b'mod attiv lill-migranti, li twassal għall-promozzjoni ta’ kompetenzi interkulturali fl-amminstrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Jinkludi wkoll impenn ċar u ġenwin għall-protezzjoni tar-refuġjati u individwi oħra li minħabba l-oriġni, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, l-appartenenza għal grupp soċjali partikolari jew il-konvinzjoni politika tagħhom jiġu persegwitati u diskriminati politikament;

    30.

    jenfasizza l-importanza ta’ strateġiji lokali integrati għal użu effiċjenti u koordinat tar-riżorsi u jappella għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tas-setturi politiki rilevanti kollha. Il-kooperazzjoni kostruttiva u naturali bejn il-livelli u d-dipartimenti politiċi kollha hija importanti biex turi liċ-ċittadini li l-istituzzjonijiet jittrattaw il-fiduċja li tingħata lilhom b'mod responsabbli u li huma sensittivi fir-rigward tal-bżonnijiet lokali;

    31.

    jitlob lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha biex jiżguraw mobbiltà b'saħħitha u sostenibbli fil-bliet u bejniethom. Għandu jissaħħaħ it-trasport pubbliku b'tali mod li jkun aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha. Jitlob lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex ikomplu jiżviluppaw il-bliet skont il-mudell tal-belt Ewropea billi jiġu integrati l-użi differenti, id-densità u l-kwalità (urbana u arkitettonika);

    32.

    jirrakkomanda li jittieħdu impenji ġodda għat-tisħiħ tal-għarfien dwar l-aspetti tekniċi, soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi tal-iżvilupp urban. Dan għandu jinkludi b'mod espliċitu wkoll l-importanza ta’ żoni virtwali għall-ħajja u x-xogħol fil-bliet u r-reġjuni;

    33.

    jenfasizza l-importanza tal-ġemellaġġi bejn il-bliet, tan-netwerks tal-bliet Ewropej bħall-EUROCITIES, kif ukoll tal-proġetti għall-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-awtoritajiet lokali fil-qafas tal-URBACT, l-INTERREG u r-REKT, li huma intiżi biex itejbu l-għarfien u l-approċċi tal-politika tal-iżvilupp urban; jenfasizza l-bżonn li dan l-iskambju ta’ għarfien jagħti l-frott għat-tfassil tal-politiki, speċjalment fil-qasam tal-fondi strutturali, iżda wkoll fl-oqsma politiċi rilevanti bħas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, it-trasport u l-protezzjoni tal-ambjent;

    Lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew

    34.

    jitlob li l-bliet u r-reġjuni jiġu involuti b'mod naturali fl-istrutturi ta’ diversi livelli tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma politiċi kollha fejn jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell tal-UE li jolqtu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet sottonazzjonali;

    35.

    iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jimpenjaw ruħhom b'mod ċar favur it-tisħiħ tal-bliet, liema impenn għandu jiġi tradott fil-prijoritajiet tal-baġit li jmiss tal-UE;

    36.

    jenfasizza t-talbiet tiegħu għal politika strutturali ta’ appoġġ li tkompli tagħti biżżejjed flessibbiltà lill-awtoritajiet lokali biex jimplimentaw approċċ integrat u b'diversi fondi li huwa immirat lejn il-prijoritajiet lokali, ibbażat fuq proġetti ta’ investiment u proġetti soċjali u li jqis il-bżonnijiet lokali. Sabiex l-awtoritajiet lokali ikunu jistgħu tabilħaqq jimplimentaw il-politika strutturali għandu jonqos l-infiq fuq l-amministrazzjoni u l-kontrolli;

    37.

    jenfasizza l-impotanza tal-politika ta’ koeżjoni bħala strument ċentrali għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u jappella biex fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss jingħata sinjal ċar li l-bliet għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ dimensjoni urbana aktar qawwija, flessibbiltà fl-użu tar-riżorsi u rwol ċentrali għall-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni. Fid-dawl tal-importanza ċentrali tal-bliet għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, dan l-appoġġ għandu jkun aktar mill-kwota minima ta’ 5 % li ġiet proposta sal-lum il-ġurnata;

    38.

    jenfasizza t-talbiet li għamel il-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-FEŻR, b'mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jsir użu flessibbli mir-riżorsi u mingħajr ma jkun hemm preferenzi jew diskriminazzjoni rigward tipi partikolari ta’ żoni, biex jiġi evitat li ż-żoni rurali u periurbani jiġu esklużi milli jibbenefikaw mill-FEŻR. It-tipi ta’ żoni li ser ikunu mmirati mir-riżorsi tal-FEŻR għandhom jiġu deċiżi fil-qafas tal-proċess ta’ programmazzjoni li jitwettaq fi sħubija u ma jistgħux jiġu stabbiliti minn qabel. Id-delegazzjoni tal-kompiti lill-bliet, fil-qafas tal-istrument “Investimenti Territorjali Integrati” kif definit fl-Artikolu 99 tar-Regolament Ġenerali għandha titqies bħala possibbiltà u m'għandhiex tkun obbligatorja;

    39.

    jilqa' l-iżvilupp ulterjuri tal-istrumenti ta’ finanzjament sostenibbli fil-politika strutturali li, apparti s-sussidji pubbliċi, jirrappreżentaw mekkaniżmi ta’ appoġġ kreattivi u stabbli;

    40.

    jitlob li jingħata rwol ikbar lill-bliet u r-reġjuni fl-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, li tikkunsidra l-importanza ċentrali tal-livelli lokali għall-integrazzjoni;

    Lill-Istati Membri

    41.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-impenji tagħhom fil-qasam tal-politika urbana, kif ukoll biex f'dawn l-inizjattivi jinkludu oqsma ta’ politika oħra minbarra l-ġestjoni tat-territorju. L-iżvilupp urban sostenibbli jiddependi minn kundizzjonijiet qafas ta’ appoġġ, b'mod partikolari fil-politika tal-impjieg, dik soċjali, edukattiva u ambjentali;

    42.

    iħeġġeġ li jiġi intensifikat id-dibattitu dwar il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-bliet u flimkien magħhom. Il-kollaborazzjoni bejn il-bliet u ż-żoni metropolitani hija essenzjali għall-koeżjoni u l-iżvilupp ibbilanċjat.

    Brussell, 19 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top