Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0508

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rapport ta' progress tal-2012 dwar l-Albanija (2012/2814(RSP))

    ĠU C 434, 23.12.2015, p. 135–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 434/135


    P7_TA(2012)0508

    Rapport ta' Progress 2012 dwar l-Albanija

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rapport ta' progress tal-2012 dwar l-Albanija (2012/2814(RSP))

    (2015/C 434/14)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013” (COM(2012)0600) u r-Rapport ta' Progress tal-2012 mehmuż dwar l-Albanija (SWD(2012)0334),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/210/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mal-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE (1),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-4 laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-Albanija u l-Unjoni Ewropea, li saret fil-15 ta' Mejju 2012,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni Unjoni Ewropea-Albanija waqt il-ħames laqgħa, li saret fil-11 u fit-12 ta' Lulju 2012,

    wara li kkunsidra l-ftehim politiku milħuq bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fil-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Novembru 2011 u l-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Gvern tal-Albanija, ta' Marzu 2012, dwar it-12-il prijorità fundamentali indikati fl-“Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea” tad-9 ta' Novembru 2010 (COM(2010)0680),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar l-Albanija (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-futur tal-Albanija u tal-pajjiżi l-oħrajn tal-Balkani tal-Punent huwa marbut mal-Unjoni Ewropea, u billi l-Albanija tappartjeni mal-Ewropa mil-lat ġeografiku, storiku u kulturali;

    B.

    billi l-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE ma għandhiex tkun biss l-objettiv tal-gvern u tal-oppożizzjoni, iżda wkoll immirata biex jiġi segwit l-interess komuni tal-Albaniżi kollha;

    C.

    billi, fil-fażijiet kollha tal-proċess ta' adeżjoni, il-membri aspiranti jeħtiġilhom juru l-kapaċità li jsaħħu t-twettiq prattiku tal-valuri li fuqhom tissejjes l-Unjoni; billi jeħtieġ li dawk jiżguraw u jippromwovu, mill-bidu nett, il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet fundamentali neċessarji għall-governanza demokratika u tal-Istat tad-dritt, mill-parlament nazzjonali sal-gvern u sas-sistema ġudizzjarja, inkluż il-qrati, il-prosekutur pubbliku u l-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi;

    D.

    billi l-proċess ta' adeżjoni mal-UE għandu jsir mutur għat-tkomplija tar-riformi, kif ukoll il-fattur ewlieni li jiżgura kooperazzjoni kostruttiva u responsabbli fi ħdan il-forzi politiċi tal-pajjiż;

    E.

    billi, sa mill-ftehim ta' Novembru 2011 bejn il-partit fil-gvern u l-oppożizzjoni, sar progress viżibbli fl-aġenda tar-riformi; billi għad fadal sfidi li jeħtieġu jkunu ttrattati ħalli jsir progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

    F.

    billi r-riformi fis-settur soċjali u l-implimentazzjoni effikaċi tagħhom huma importanti daqs ir-riformi fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-liġi u tal-iżvilupp tal-infrastrutturi biex jiġu offruti stabilità u koeżjoni soċjali, u li dan għandu jiġi rifless anki fil-finanzjament li ġej mill-UE; billi għalhekk ikun opportun li l-Kummissjoni dan tqisu b'rabta mal-abbozzar tal-istrateġija għall-Albanija għall-perjodu 2014-2020;

    G.

    billi l-Albanija għadha tiżvolġi rwol ta' stabbilizzazzjoni fil-Balkani tal-Punent;

    H.

    billi, bis-saħħa tal-isforzi ta' riforma tagħha u sal-punt li fih jixtieq il-poplu Albaniż, l-Albanija tista' tgħaddi fl-2012 għall-fażi li jmiss tal-proċess ta' adeżjoni tagħha, b'hekk tassumi l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni, bil-patt li tilħaq il-massa kritika tar-riżultati konkreti fl-oqsma ta' riforma pendenti;

    I.

    billi l-Unjoni Ewropea tqiegħed l-Istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir;

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    Itenni s-sostenn totali tiegħu favur l-adeżjoni futura tal-Albanija mal-Unjoni Ewropea; jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont liema l-pajjiż għandu jingħata l-istatus ta' kandidat bil-patt li jitkomplew u jkunu adottati r-riformi prinċipali fl-ambitu tas-sistema ġudizzjarja u tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mar-reviżjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Parlament; jifraħ lill-Albanija għal dan il-pass 'il quddiem importanti u jinkoraġġixxi l-gvern jadotta l-miżuri indispensabbli kollha għall-implimentazzjoni tal-impenji diġà meħuda; jistieden lill-Kunsill jagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE mingħajr dewmien, suġġett għat-tlestija tar-riformi prinċipali msemmijin hawn fuq;

    2.

    Ifaħħar l-isforzi riżoluti tal-gvern u tal-oppożizzjoni għall-kooperazzjoni fir-riformi, u jirrikonoxxi l-importanza tal-ftehim politiku ta' Novembru 2011 li temm il-perjodu ta' stall twil u li witta t-triq għall-progress fl-implimentazzjoni tat-12-il prijorità; jistieden kemm lill-maġġoranza fil-gvern kif ukoll lill-forzi tal-oppożizzjoni jsostnu l-kooperazzjoni trasversali fost il-partiti u jikkontribwixxu għas-suċċess tal-adozzjoni u għall-implimentazzjoni konsistenti tar-riformi prinċipali meħtieġa għall-ftuħ tan-negozjati formali tal-adeżjoni; jenfasizza li l-partiti u l-atturi politiċi kollha fl-Albanija, fosthom il-mezzi tal-komunikazzjoni u s-soċjetà ċivili, għandhom jirsistu biex itejbu l-klima politika fil-pajjiż bil-għan li jitħalla jsir djalogu u jkun hemm fehim reċiproku; jistieden, għaldaqstant, lill-partiti politiċi kollha jimpenjaw sinċerament ruħhom biex itejbu l-klima politika fil-pajjiż; jistieden lill-forzi politiċi fl-Albanija ma jħallux li l-pajjiż jitbiegħed mit-triq għall-adeżjoni mal-UE matul il-kampanja elettorali tas-sena d-dieħla;

    3.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li jikkonferixxu leġittimità lill-istituzzjonijiet demokratiċi u jippermettu l-funzjonament korrett tagħhom; jistieden lill-forzi politiċi kollha jmexxu l-kampanja elettorali tas-sena d-dieħla u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2013 b'mod ħieles u ġust; jinsab konvint li l-elezzjonijiet se jikkostitwixxu prova importanti tal-livell ta' maturità tad-demokrazija Albaniża u tal-kapaċità tal-forzi politiċi kollha li jimpenjaw ruħhom f'aġenda komuni Ewropea għall-pajjiż, u se jiżvolġu rwol essenzjali biex jitmexxa 'l quddiem il-proċess ta' adeżjoni; ifakkar li l-konsolidament demokratiku jippresupponi proċess elettorali ħieles u ġust b'riżultati meqjusa leġittimi mill-partiti politiċi rilevanti kollha; jilqa' favorevolment il-kunsens politiku dwar l-emendi għall-qafas leġiżlattiv elettorali li indirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-ODIHR/OSKE;

    4.

    Jistieden lill-forzi politiċi kollha jkomplu jadottaw riformi konkreti li jwasslu għal riżultati tanġibbli għall-ġid taċ-ċittadini kollha; iqis importanti li s-soċjetà ċivili, il-mezzi tal-komunikazzjoni u ċ-ċittadini Albaniżi jqisu lill-mexxejja tagħha responsabbli mir-riżultati tal-politiki speċifiċi;

    Konsolidament tad-demokrazija u tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem

    5.

    Isostni li d-demokrazija u l-Istat tad-dritt huma l-aqwa gwardjani tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

    6.

    Isostni enerġikament id-djalogu politiku kostruttiv, li mhux biss jirrappreżenta element kruċjali tat-12-il prijorità fundamentali iżda wkoll rekwiżit preliminari ta' demokrazija li taħdem; iħeġġeġ lill-élite politika ssaħħaħ id-djalogu trasversali bejn il-partiti u l-kunsens dwar ir-riformi biex tippermetti lill-pajjiż jagħmel progress marbut mal-adeżjoni;

    7.

    Jilqa' pożittivament il-progress tal-Albanija lejn ir-rispett tal-kriterji politiċi għall-adeżjoni mal-UE; josserva li d-djalogu politiku kostruttiv kien element importanti biex jintlaħqu riżultati konkreti għal dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tat-12-il prijorità fundamentali, partikolarment dawk rigward il-funzjonament tajjeb tal-parlament, l-adozzjoni tal-liġijiet pendenti li jeħtieġu maġġoranza msaħħa, il-ħatra tal-ombudsman u l-iżvolġiment ta' proċedura ta' smigħ u ta' vot għall-istituzzjonali prinċipali u l-modifika tal-qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet;

    8.

    Jilqa' pożittivament l-elezzjoni tal-President il-ġdid; josserva li l-proċess elettorali kien konformi mal-kostituzzjoni; jiddispjaċih, madankollu, li l-proċess politiku marbut mal-elezzjoni ma nbeniex fuq djalogu trasversali fost il-partiti; jenfasizza li r-rwol tal-President huwa fundamentali biex jgħaqqad in-nazzjon u jiżgura l-istabilità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet statali;

    9.

    Japprezza d-djalogu f'fażi ta' żvilupp bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern Albaniż; jenfasizza l-bżonn li tinżamm l-ispinta ta' din ir-relazzjoni u li jiġu kkonsolidati r-riżultati tagħha;

    10.

    Jenfasizza l-importanza ta' istituzzjonijiet rappreżentattivi li jiffunzjonaw bis-sħiħ, li huma s-sinsla ta' sistema demokratika konsolidata u l-kriterju politiku ewlieni għall-integrazzjoni fl-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol essenzjali tal-parlament u jħeġġeġ lill-forzi politiċi attivi fil-pajjiż itejbu l-funzjonament tiegħu, jadottaw u jimplimentaw ir-riforma pendenti dwar ir-regoli ta' proċedura tal-parlament, ikomplu jsaħħu r-rwol ta' kontroll tal-istituzzjoni, anki permezz ta' użu akbar ta' interpellanzi lill-membri tal-gvern, itejbu l-kapaċità ta' abbozzar leġiżlattiv u jsaħħu l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet soċjali;

    11.

    Jieħu nota tal-progress limitat fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw miżuri ulterjuri intiżi li jiggarantixxu l-indipendenza, l-integrità, it-trasparenza, r-responsabilità u l-effiċjenza reali tal-ġudikatura u l-libertà tagħha mill-indħil politiku u mill-korruzzjoni, bil-għan li jagħtu liċ-ċittadini aċċess indaqs għall-qrati, jiżguraw li l-proċessi jsiru f'tul ta' żmien raġonevoli u jaċċeleraw il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riforma tal-ġudikatura, inkluża l-adozzjoni tal-emendi għal-liġi dwar il-Qorti Suprema; iqis ta' importanza li r-riforma tas-sistema ġudizzjarja tkun proċess gradwali u irreversibbli, li jinvolvi mekkaniżmi solidi ta' konsultazzjoni intiżi li jżidu l-effiċjenza tas-sistema, u li l-ġudikatura tingħata biżżejjed fondi biex tkun tista' topera b'mod effikaċi fil-pajjiż kollu;

    12.

    Jisħaq fuq il-fatt li għandha tiġi intensifikata l-eżekuzzjoni tal-liġi kontra t-traffikar tal-bnedmin kif ukoll l-isforzi fil-qasam tal-protezzjoni tal-vittmi; jappella għall-adozzjoni ta' strateġija fil-qasam tal-ġustizzja tal-minorenni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li tikkostitwixxi rekwiżit preliminari għal sistema ġudizzjarja effikaċi u li taħdem sew;

    13.

    Japprezza l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni u l-impenn tagħha biex tqiegħed l-Istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir; huwa tal-fehma li tali approċċ għandu jikkostitwixxi inċentiv ulterjuri għar-riformi ġudizzjarji prinċipali u jkompli jaġevola l-progress tal-Albanija f'dawn l-oqsma, b'hekk jippermetti li jintlaħqu riżultati konkreti u tinbena kredibilità bil-provi fil-qasam tal-implimentazzjoni;

    14.

    Jisħaq fuq il-bżonn ta' eliminazzjoni tar-riskji ta' politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, ta' ħolqien ta' amministrazzjoni pubblika indipendenti, meritokratika u professjonali li topera b'mod trasparenti u li hi kapaċi tadotta liġijiet u timplimentahom; japprezza l-proċedura għall-ħolqien tal-Iskola Albaniża għall-Amministrazzjoni Pubblika; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-ħatra tal-ombudsman b'mod miftuħ u trasparenti, u jitlob li jingħata sostenn politiku xieraq lil din l-istituzzjoni;

    15.

    Jilqa' favorevolment il-ħatra tal-ombudsman f'Diċembru 2011; jitlob lill-awtoritajiet Albaniżi jagħtu sostenn politiku adegwat u riżorsi adegwati lill-uffiċċju tal-ombudsman; iħeġġeġ lis-soċjetà ċivili Albaniża u ċ-ċittadinanza inġenerali jagħmlu użu sħiħ ta' din l-istituzzjoni biex jtejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    16.

    Jinsab imħasseb bir-rwol predominanti li l-korruzzjoni għad għandha fil-ħajja taċ-ċittadini; jirrakkomanda enerġikament li tkompli tiġi applikata tolleranza żero fil-kwistjonijiet dwar korruzzjoni u l-użu ħażin ta' fondi pubbliċi, filwaqt jiġi garantit li l-indagati jkunu pproċessati b'mod ħieles u ekwu bi proċess ġust; jitlob l-implimentazzjoni mħaffa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni, speċjalment dawk relatati mal-inkriminazzjoni u mal-finanzjament tal-partiti politiċi; josserva li hemm bżonn implimentazzjoni ulterjuri tal-politiki għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jikkonstata li l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni miexja bil-mod wisq;

    17.

    Jenfasizza l-bżonn li għandu jingħata segwitu għall-avvenimenti ta' Jannar 2011 mingħajr aktar dewmien jew ostakli, permezz ta' investigazzjoni kriminali komprensiva u indipendenti u bi proċedimenti ġudizzjarji kredibbli;

    18.

    Jilqa' pożittivament l-impenn tal-forzi politiki kollha biex jiġġieldu kontra l-impunità, u japprezza l-kunsens li ntlaħaq fil-parlament favur ir-riforma tas-sistema tal-immunità li tippermetti li ssir investigazzjoni fuq impjegati ċivili ta' livell għoli, imħallfin u prosekuturi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti kollha jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti ta' din is-sistema; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jsaħħu l-implimentazzjoni u l-koordinament istituzzjonali tal-istrateġija tal-gvern għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni għall-perjodu 2007-2013; jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ l-impenn politiku biex isir progress regolari fl-investigazzjonijiet u fil-kundanni, anke f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli;

    19.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi biex titrażżan il-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-mafja, inkluż rikors akbar għall-konfiska tal-beni li ġejjin minn attivitajiet kriminali; jistieden lill-awtoritajiet ikomplu jintensifikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fl-Albanija u mal-pajjiżi ġirien;

    20.

    Jikkonstata tal-progress miksub fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fil-ġestjoni tal-fruntieri; jenfasizza l-bżonn li jitkomplew ir-riformi f'dawn l-oqsma, b'mod partikolari billi jiżdied il-koordinament bejn l-istituzzjonijet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi;

    21.

    Jenfasizza l-bżonn li l-isforzi jinżammu biex jiġi garantit li ħidmet il-pulizija tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u tkun orjentata lejn ir-riżultati; jappella għal azzjoni aktar proattiva u effikaċi biex jitħarrku dawk responsabbli tat-traffikar tal-bnedmin u jitħarsu l-vittmi;

    22.

    Jenfasizza l-importanza kruċjali li l-mezzi tal-komunikazzjoni professjonali, indipendenti u pluralistiċi pubbliċi u privati, bħala s-sinsla tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jiggarantixxi u jippromwovu l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni permezz ta' mezzi tal-komunikazzjoni ħielsa mill-indħil politiku jew ta' xort'oħra, u jieħdu miżuri intiżi li jiżguraw it-trasparenza għal dik li hija l-proprjetà tal-mezzi tal-informazzjoni u tal-finanzjament tagħha;

    23.

    Jinsab imħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni u b'mod partikolari l-indipendenza tal-awtorità regolatorja, il-Kunsill Nazzjonali għas-Servizzi tar-Radju u t-Televiżjoni; jiddeplora l-fatt li l-awtorità regolatorja għad jonqsilha biżżejjed kapaċità amministrattiva u teknika u indipendenza editorjali; jitlob l-adozzjoni tal-liġi dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva;

    24.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-indħil dirett tal-gvern fil-ħatriet maniġerjali mix-xandar pubbliku, li qiegħed ixekkel l-iżvilupp tal-pluraliżmu politiku u b'hekk it-tisħiħ tad-demokrazija, u dwar il-fatt li l-indipendenza editorjali mill-gvern ma ssaħħitx; jinsab imħasseb dawr il-fatt li l-malafama għall-ġurnalisti għadha ppenalizzata b'multi għoljin, li twassal għall-awtoċensura ġurnalistika; jappella għall-implimentazzjoni kredibbli u effikaċi tal-miżuri għall-protezzjoni tal-ġurnalisti; huwa inkwetat ħafna minħabba l-prekarjetà tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tal-ġurnalisti u jiddeplora l-assenza kontinwa ta' drittijiet stabbiliti bil-liġi għall-ġurnalisti bħala ħaddiema u l-fatt li ħafna minnhom mhumiex rimunerati mill-proprjetarji tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

    25.

    Jistieden lill-awtoritajiet jallinjaw il-leġiżlazzjoni dwar l-elezzjonijiet, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni mal-istandards internazzjonali, u jimplimentawha totalment; jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu u jsostnu l-libertà diġitali, li titqies parti integranti tal-kriterji ta' adeżjoni;

    26.

    Jirrikonoxxi l-progress li sar fir-rigward tal-protezzjoni tal-minoranzi; josserva, madankollu, li jenħtieġu sforzi ulterjuri fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-persuni vulnerabbli għad-diskriminazzjoni; ifakkar, b'rabta ma' dan, lill-Gvern Albaniż fir-responsabilità tiegħu li joħloq ambjent ta' inklużjoni u ta' tolleranza fil-pajjiż; jappella għal interventi deċiżivi biex iħarsu globalment id-drittijiet tal-bniedem u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-membri tal-gruppi minoritarji preżenti fit-totalità tal-pajjiż, anki billi jiġu implimentati l-miżuri diġà eżistenti relatati mal-użu tal-lingwi minoritarji fl-edukazzjoni, fir-reliġjon u fil-mezzi tal-informazzjoni tal-massa, u billi tiġi miġġielda kull forma ta' diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom;

    27.

    Jissottolinja l-bżonn li dawn id-drittijiet jiġu garantiti lill-gruppi minoritarji kollha u mhux biss lill-minoranzi nazzjonali; jenfasizza wkoll li hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri biex ikunu żgurati id-drittijiet patrimonjali u ta' proprjetà tal-gruppi minoritarji; jinnota bi tħassib in-nuqqas kontinwu ta' riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għar-Rom; jappella għal aktar responsabilità rigward is-servizzi fornuti lill-minoranzi u lill-gruppi vulnerabbli; jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-prinċipju ta' awtoidentifikazzjoni u jappella għall-ipproċessar oġġettiv u trasparenti tad-data taċ-ċensiment bi qbil mal-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

    28.

    Jilqa' favorevolment il-progress li sar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBT, partikolarment il-fatt li l-ewwel dimostrazzjoni pubblika tal-persuni LGBT, li saret f'Tirana fis-17 ta' Mejju 2012, saret f'kundizzjonijiet sikuri u fi klima ta' festa; jirrifjuta bil-qawwa, iżda, id-dikjarazzjonjiet diskriminatorji magħmula mill-Viċi Ministru tad-Difiża f'dik l-istess ġurnata, iżda japprezza l-kritika espressa mill-Prim Ministru Sali Berisha f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li l-persuni LGBT għadhom qegħdin jiġu diskriminati u jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni biex jiġu ttrattati d-dispożizzjonijiet potenzjalment diskriminatorji u li jintwera li ntlaħqu riżultati;

    29.

    Jappella li jsir progress neċessarju fil-qasam tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u fl-implimentazzjoni ta' politiki intiżi li jiżguraw id-drittijiet tan-nisa u l-parità tal-ġeneru, id-drittijiet tal-persuni LGBT, tat-tfal, tal-persuni soċjalment vulnerabbli u l-persuni b'diżabilità, kif ukoll tal-minoranzi, billi għadhom jiġu rrapportati każijiet ta' diskriminazzjoni fil-konfront ta' persuni LGBT, tal-minoranza Rom u ta' gruppi vulnerabbli oħrajn; jenfasizza l-bżonn ta' titjib fid-drittijiet u fil-kwalità tal-ħajja ta' dawk il-persuni li jiddependu mill-Istat bħall-priġunieri, l-orfni u dawk li jbatu minn mard mentali;

    30.

    Jilqa' favorevolment il-liġijiet promulgati u l-miżuri introdotti għall-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru, iżda jikkunsidra bħala inadegwata l-implimentazzjoni reali tagħhom billi n-nisa għadhom għadhom isofru minn inugwaljanza fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-ħajja politika u għas-suq tax-xogħol;

    31.

    Jikkonstata li għad jeżistu fenomeni bħall-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni furzata u l-livell ferm għoli ta' traffikar ta' nisa u tfal, u li jonqos il-koordinament meħtieġ tal-korpi kompetenti bil-għan li jiġi garantit li n-nisa u t-tfal jitħarsu b'mod sostanzjali; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat lill-vittmi l-aċċess għall-assistenza legali kompluta u għall-appoġġ psikoloġiku u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jintervjenu, anki billi jżidu l-finanzjamenti għall-aġenziji u s-servizzi, biex jiġu eliminati l-fenomeni tal-vjolenza u tal-inugwaljanza; jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiddaħħlu u jiġu implimentati miżuri ngħidu aħna bħal strutturi speċjalizzati għall-forniment ta' servizzi soċjali u ċentri ta' riabilitazzjoni, u tiġi żviluppata n-netwerk ta' ċentri ta' akkoljenza u organizzazzjonijiet li jagħtu appoġġ lin-nisa u lit-tfal, anki fid-dawl tar-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà; jesprimi apprezzament għal-linja telefonika bla ħlas u dejjem attiva biex tagħti assistenza lill-vittmi, it-tisħiħ tal-unità għall-protezzjoni tat-tfal u l-eżempju tajjeb ta' kooperazzjoni li taw il-muniċipalità ta' Tirana, il-pulizija, is-sistema ġudizzjarja u l-NGOs biex jagħtu appoġġ konġunt lill-vittmi;

    32.

    Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, anki billi jitjiebu l-kundizzjonjiet fl-istituti statali għall-indukrar tat-tfal, billi jiġu ffaċilitati l-opportunitajiet ta' foster care u jiġi miġġieled bil-qawwa t-traffikar tal-bniedem u t-tħaddim tat-tfal;

    33.

    Jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita sistema ta' edukazzjoni moderna ċċentrata fuq l-istudent u fuq l-għoti tal-aħjar edukazzjoni possibbli; iqis importanti li t-tfal kollha, speċjalment dawk li ġejjin minn familji b'introjtu baxx u minn gruppi minoritarji, għandhom ikunilhom żgurat aċċess għall-edukazzjoni u għall-materjal didattiku; josserva l-obbligu min-naħa tal-gvern li jagħti edukazzjoni ta' livell akkademiku u tekniku għoli kif ukoll drittijiet tax-xogħol stabbiliti fil-korsijiet għal diploma, bil-għan li l-gradwati żgħażagħ jingħataw inċentiv biex jikkontribwixxu s-servizzi tagħhom għall-progress tal-pajjiż;

    34.

    Jistieden lill-gvern jiggarantixxi bis-sħiħ ir-rispett tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol fis-settur pubbliku u f'dak privat u tad-drittijiet tat-trade unions billi jsaħħaħ il-prattika tal-medjazzjoni biex tirriżolvi t-tilwim fil-qasam tax-xogħol; jistieden lill-gvern ikompli jtejjeb id-djalogu tripartitiku fil-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol billi jwessa' l-kompetenzi tiegħu biex jinkludi l-approvazzjoni tal-pakketti politiċi u leġiżlattivi fil-qasam soċjali u ekomoniku ewlenin u jsaħħaħ ir-rwol tat-trade unions fi ħdanu;

    35.

    Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' pjan ta' azzjoni favur l-impjiegi u dwar it-tnaqqis tal-baġit għall-implimentazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-assistenza u tal-protezzjoni soċjali; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jfasslu dan it-tip ta' pjan ta' azzjoni; jitlob li ssir kumpilazzjoni ta' statistika regolari dwar is-suq tax-xogħol, konformement ma' dik tal-pajjiżi oħrajn f'fażi ta' adeżjoni u tal-Eurostat, sabiex isegwi u jqabbel aħjar is-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-Albanija;

    36.

    Jistieden lill-awtoritajiet ikomplu jtejbu t-trattament tal-persuni detenuti u tal-priġunieri konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-ombudsman nazzjonali u mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, billi għadhom qegħdin jiġu rrapportati każijiet ta' trattament ħażin; jisħaq fuq il-bżonn ta' tnaqqis tal-frekwenza ta' arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża għall-awturi ta' reati minuri u jiddeplora enerġikament l-arresti preventivi mtawlin qabel is-smigħ tal-kawża ta' minorenni u r-rikors eċċessiv għal dan il-provvediment, anki f'istituti mhux idonei għar-reintegrazzjoni ta' minorenni; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' strateġija fil-qasam tal-ġustizzja għall-minorenni u pjan ta' azzjoni relatat bil-għan li jittratta n-nuqqasijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni u fil-prassi, bi qbil mal-istandards internazzjonali u mal-aħjar prassi ta' pajjiżi Ewropej oħrajn;

    37.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu ċċarati d-drittijiet għall-proprjetà u l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali għal dawn id-drittijiet; jissottolinja l-bżonn ta' konsultazzjonijiet bir-reqqa mal-partijiet interessati kollha tul il-proċediment; jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-pjan ta' azzjoni;

    38.

    Jistieden lill-gvern u lill-korpi kollha responsabbli jagħmlu l-almu tagħhom biex jimplimentaw b'mod strett il-kriterji u l-miżuri neċessarji kollha għall-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża fil-pajjiżi Schengen; iqis bħala neċessarju li ċ-ċittadini jinżammu infurmati kif xieraq bil-limiti tar-reġim ta' eżenzjoni mill-obbligu tal-viża, b'mod li jiġi evitat kull tip ta' abbuż tal-libertà ta' vjaġġar u tal-politika tal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jikkonstata li l-liberalizzazzjoni tal-viżi kienet waħda mill-akbar suċċessi fil-progress reċenti tal-pajjiż fi triqtu lejn l-adeżjoni mal-UE;

    Riformi soċjoekonomiċi

    39.

    Jistieden lill-gvern ivara u jimplimenta riformi strutturali u riformi marbuta mal-Istat tad-dritt, li d-dgħufija tagħhom qiegħda tostakola anki l-eżegwibilità tal-kuntratti, b'mod li jżomm l-istabilità makroekonomika u jżid l-kuntest ekonomiku favorevoli għall-investimenti, għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli għall-ġid taċ-ċittadini; jinkoraġġixxi lill-gvern ikompli jittratta l-kwistjoni tad-drittijiet għall-proprjetà, itejjeb is-sistema ta' ġbir tat-taxxa, jikkonċentra fuq l-infrastruttura u r-riżorsi umani u jsolvi problemi bħall-ekonomija informali fuq skala kbira u l-assenza ta' regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, fatturi li qegħdin jostakolaw il-koeżjoni soċjali u l-prospettivi ekonomiċi tal-pajjiż;

    40.

    Jisħaq fuq il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sigurtà enerġetika, lid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u lit-titjib tan-netwerks tat-trasport pubbliku; jiddispjaċih bl-inadegwatezza tat-trasport pubbliku, b'mod partikolari tal-ferrovija, u tal-ġestjoni ħażina tan-netwerks tat-trasport;

    41.

    Jappella għal progress akbar fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali u kooperazzjoni reġjonali aktar stretta bil-għan li tiġi promossa s-sostenibilità ambjentali; jistieden lill-gvern jagħti prijorità lis-salvagwardja tal-pajsaġġ eċċezzjonali tal-Albanija, u biex jaċċelera l-allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-kwalità tal-arja u tal-ilma, tal-ġestjoni tal-iskart u tal-kontroll tat-tniġġis industrijali; iħeġġeġ lill-gvern jiżviluppa politiki dwar is-sorsi enerġetiċi rinnovabbli, jittratta b'mod iktar effikaċi l-problema tal-ġestjoni tal-iskart u tal-importazzjonijiet illegali ta' skart u jiżviluppa turiżmu ekosostenibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ il-Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Iskart u jistabbilixxu infrastruttura għall-monitoraġġ tal-iskart trasparenti u li taħdem sew f'kooperazzjoni stretta mal-atturi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u nazzjonali;

    42.

    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar r-rata ta' qgħad għoli, minkejja l-fatt li hi anqas milli kienet fil-passat, u l-għadd persistenti ta' Albaniżi li għadhom qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-faqar; iħeġġeġ lill-gvern jieħu l-miżuri kollha possibbli biex jittratta l-faqar estrem u joħloq sistema ta' protezzjoni soċjali għaċ-ċittadini finanzjarjament aktar dgħajfa u dawk fil-bżonn, inklużi l-kategoriji vulnerabbli bħat-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi minoritarji; iqis li huwa importanti li jkollhom aċċess indaqs għall-edukazzjoni, għas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi pubbliċi;

    43.

    Jirrakkomanda investimenti pubbliċi moderni biex jitrawwen l-iżvilupp sostenibbli u jitnaqqas il-qgħad; jinsab konvint li programm komprensiv ta' investimenti pubbliċi se jgħin ukoll biex jiġi valorizzat il-potenzjal tal-gradwati żgħażagħ Albaniżi; jistieden lill-gvern jadotta provvedimenti u leġiżlazzjoni ulterjuri bil-għan li jippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir;

    44.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda tal-ex priġunieri politiċi, li wħud minnhom dan l-aħħar organizzaw dimostrazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw bis-sħiħ il-liġi dwar il-kumpens tal-ex priġunieri politiċi;

    Trawwim tal-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali

    45.

    Ifaħħar it-trawwim ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat min-naħa tal-Albanija; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-konfini fil-Balkani tal-Punent għandhom ikunu totalment rispettati, u jħeġġeġ lill-Albanija u jitlob lill-partijiet kollha kkonċernati jastjenu minn kull azzjoni li tista' tikkawża tensjonijiet reġjonali; jilqa' favorevolment il-politiki tal-gvern fil-konfront tal-komunitajiet Albaniżi fil-pajjiżi ġirien, partikolarment billi tahom parir biex jikkooperaw mal-gvernijiet rispettivi tagħhom fir-riżoluzzjoni tal-problemi;

    46.

    Jistieden lill-Albanija tirrevoka l-ftehim bilaterali ta' immunità konkluż mal-Istati Uniti, peress li dan mhuwiex konsistenti mal-politika tal-UE dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u jimmina l-integrità tal-Istatut ta' Ruma, u tkompli tappoġġa l-QKI u tikkoopera minnufih u bis-sħiħ magħha;

    o

    o o

    47.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.


    (1)  ĠU L 80, 19.3.2008, p. 1.

    (2)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 85.


    Top