EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0492

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2011/011 AT/Soziale Dienstleistungen mill-Awstrija) (COM(2012)0621 – C7-0361/2012 – 2012/2277(BUD))

ĠU C 434, 23.12.2015, p. 210–213 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/210


P7_TA(2012)0492

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2011/011 AT/Soziale Dienstleistungen

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2011/011 AT/Soziale Dienstleistungen mill-Awstrija) (COM(2012)0621 – C7-0361/2012 – 2012/2277(BUD))

(2015/C 434/40)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0621 – C7-0361/2012),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (Regolament FEG),

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0419/2012),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna ħalli jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-ambitu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

D.

billi l-Awstrija talbet għajnuna għal 1  050 sensja, bl-għajnuna maħsuba għal 350 minnhom, li jinsabu f'105 intrapriża li qed topera fid-Diviżjoni 88 tan-NACE Reviżjoni 2 ('Attivitajiet ta' xogħol soċjali mingħajr akkomodazzjoni') (3) fir-reġjun NUTS II ta' Steiermark (AT22) fl-Awstrija.

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, l-Awstrija hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Awstrijaċi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-21 ta' Diċembru 2011 u li l-valutazzjoni sħiħa tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-19 ta' Ottubru 2012; jiddispjaċih dwar il-perjodu ta’ valutazzjoni twil ta’ 10 xhur;

3.

Jilqa’ l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jkunu pprovduti b’assistenza immedjata, l-awtoritajiet Awstrijaċi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tal-miżuri fl-1 ta' Ottubru 2011 ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.

Jieħu nota li r-reġjun ta' Steiermark diġà ġie affettwat minn sensji tal-massa u li l-ħaddiema f'dan ir-reġjun ibbenefikaw mill-appoġġ tal-FEG permezz ta' tliet applikazzjonijiet: EGF/2009/009 AT/Steiermark, EGF/2010/007 AT/Steiermark-Niederosterreich u EGF/2010/008 AT/AT&S;

5.

Ifakkar fl-importanza tat-titjib fl-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għal-livell u l-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent attwali tan-negozju;

6.

Jinnota li l-proġett tal-FEG se jitwettaq fil-qafas ta' fondazzjoni tax-xogħol stabbilita fil-livell reġjonali, u se jkun ġestit minn assoċjazzjoni tal-iżvilupp li għandha esperjenza b'applikazzjoni tal-FEG imgħoddija (EGF/2009/009 AT/Steiermark); ifakkar li l-fondazzjonijiet tax-xogħol huma istituzzjonijiet stabbiliti minn imsieħba soċjali settorjali bil-ħsieb li jipprovdi lill-ħaddiema f'tibdil industrijali b'miżuri ta' taħriġ sabiex itejbu l-impjegabilità tagħhom; ifakkar li dan il-mudell dwar kif jiġu pprovduti miżuri tas-suq tax-xogħol attivi kellu suċċess kbir fil-passat fir-rigward tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u l-użu tal-fondi FEG għal dan l-iskop;

7.

Jenfasizza l-fatt li għandhom jinsiltu tagħlimiet mit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni u oħrajn li jindirizzaw sensji tal-massa;

8.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jaċċeleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-Fond; jittama li fir-Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) il-ġdid jiġi integrat aktar titjib proċedurali, u li jintlaħqu effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà akbar tal-FEG;

9.

Jilqa' l-pakkett ikkoordinat propost ta' servizzi personalizzati u d-deskrizzjonijiet dettaljati tal-miżuri ppreżentati fil-proposta tal-Kummissjoni; jilqa' l-fatt li t-taħriġ offrut huwa kkombinat mal-prospetti ekonomiċi futuri u mal-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa għal ġejjieni fir-reġjun;

10.

Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

11.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra dan jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri għas-suq tax-xogħol attivi li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

12.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kumpens għas-sussistenza għall-ħaddiema għat-taħriġ u t-tiftix ta' impjieg li jingħad li jammonta għal EUR 1,000 fix-xahar għal kull ħaddiem (ikkalkolat għal 11-il xahar, il-benefiċċju għall-qgħad se jitwaqqaf matul dak il-perjodu) li se jkun ikkombinat ma' konċessjoni għat-taħriġ ta' EUR 200 fix-xahar għal kull ħaddiem; ifakkar li l-FEG fil-futur għandu jkun primarjament allokat għat-taħriġ u t-tiftix ta' impjieg kif ukoll għal programmi ta' orjentazzjoni tax-xogħol u li l-kontribut finanzjarju tiegħu għall-benefiċċji għandu dejjem ikun ta' natura addizzjonali u parallel ma' dak disponibbli għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi;

13.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għall-finanzjament mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar kif jikkumpleta azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

14.

Iqis li l-proporzjon tal-kumpens għas-sussistenza u l-konċessjoni għat-taħriġ fil-konfront tal-ispejjeż ta' taħriġ ta' EUR 14  400 għal 7  000 jirrappreżenta kważi finanzjament mhux ġustifikat tal-benefiċċji tal-qgħad;

15.

Jilqa' l-fatt li wara talbiet mill-Parlament, il-baġit tal-2012 juri approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 5 0 0 00  000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u, għalhekk, jistħoqqlu allokazzjoni speċifika, li se tevita trasferimenti, sa fejn hu possibbli, minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-FEG;

16.

Jinnota li l-miżuri proposti jammontaw bejn wieħed u ieħor għal EUR 22  000 kull ħaddiem, li minnhom madwar EUR 14  000 se jkunu koperti mill-FEG, u li din għaldaqstant hija kontribuzzjoni għolja ħafna għal kull persuna meta mqabbla ma' applikazzjonijiet tal-FEG oħrajn;

17.

Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-Kunsill li jibblokka l-estensjoni tad-“deroga marbuta mal-kriżi” li tippermetti l-għoti ta' assistenza finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u mhux biss lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet kummerċjali fid-dinja, u li tippermetti żieda fir-rata tal-kofinanzjament tal-Unjoni għal 65 % tal-ispejjeż tal-programm, għall-applikazzjonijiet ippreżentati wara l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2011; jitlob lill-Kunsill jerġa jintroduċi mill-ġdid din il-miżura mingħajr dewmien;

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2011/011 AT/Soziale Dienstleistungen mill-Awstrija)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni 2013/13/UE.)


Top