Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0443

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale (2011/2308(INI))

    ĠU C 419, 16.12.2015, p. 77–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 419/77


    P7_TA(2012)0443

    L-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u ta' żejt tax-shale

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale (2011/2308(INI))

    (2015/C 419/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni (Direttiva dwar l-iskart mill-Industriji tal-Estrazzjoni) u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (3),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (4),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (5),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) (6),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (7),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, jew ELD) (8),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (Direttiva Qafas dwar l-Ilma) (9),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb) (10);

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art) (11),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (kif emendata) (12) u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (13),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (Regolament REACH) (14),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet (li jallinja l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE mas-Sistema Globalment Armonizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (GHS)) (15),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (Direttiva dwar il-Prodotti Bijoċidali) (16),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi (Direttiva Seveso II) (17),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar (18),

    wara li kkunsidra r-rapport dwar gass mhux konvenzjonali fl-Ewropa tat-8 ta' Novembru 2011 ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Kummissjoni (19),

    wara li kkunsidra n-nota ta' trażmissjoni tas-26 ta' Jannar 2012 mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni lill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas legali tal-UE dwar l-ambjent għall-proġetti tal-gass tax-shale,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050' (COM(2011)0885),

    wara li kkunsidra l-Petizzjonijiet 886/2011 (dwar ir-riskji marbuta mal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale fil-Bulgarija) u 1378/2011 (dwar l-estrazzjoni tal-gass tax-shale fil-Polonja),

    wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'Ġunju 2011 mid-Dipartiment Tematiku A għall-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Parlament Ewropew dwar l-impatti tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 11, 191, 192, 193 u 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0283/2012),

    A.

    billi avvanzi teknoloġiċi reċenti diġà qanqlu estrazzjoni mgħaġġla fuq skala kummerċjali ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali (unconventional fossil fuels – UFFs) f'ċerti partijiet tad-dinja; billi fl-UE għad m'hemm l-ebda sfruttament fuq skala kummerċjali u l-potenzjal tar-riżervi u l-impatti possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem għad iridu jkomplu jiġu eżaminati;

    B.

    billi l-iżvilupp tal-gass tax-shale ma jonqosx milli jqajjem kontroversja fl-UE u fid-dinja kollha u għaldaqstant jeħtieġ eżami dettaljat tal-impatti kollha (fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u t-tibdil fil-klima) qabel tiġi żviluppata aktar din it-teknoloġija;

    C.

    billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 identifika li l-gass tax-shale u sorsi mhux konvenzjonali oħra saru sorsi ġodda potenzjali importanti ta' provvista ġewwa jew madwar l-Ewropa; billi s-sostituzzjoni tal-faħam u ż-żejt bil-gass fuq perjodu qasir jew medju taf twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra skont iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom;

    D.

    billi l-gass jista' jintuża biex iservi l-ġenerazzjoni ta' kurrent bażi kif ukoll jipprovdi riżerva ta' enerġija affidabbli għal sorsi ta' enerġija varjabbli, bħalma huma r-riħ u x-xemx, u din l-affidabilità tnaqqas l-isfidi tekniċi fir-rigward tal-bilanċ tas-sistema tal-provvista tal-gass; billi l-gass huwa wkoll fjuwil effiċjenti għat-tisħin/tkessiħ u għal bosta użi industrijali oħrajn li jsaħħu l-kompetittività tal-UE;

    E.

    billi ż-żewġ tekniki ewlenin użati biex jinħareġ il-potenzjal tal-gass tax-shale u tal-metan estratt mis-sodda tal-faħam bħala UFFs, it-tħaffir orizzontali u t-tkissir idrawliku (fracking), ilhom jintużaw flimkien għal deċennju wieħed biss, u m'għandhomx jiġu mfixkla ma' tekniki tal-istimulazzjoni tal-bjar użati għall-estrazzjoni tal-fjuwils fossili konvenzjonali minħabba l-kombinazzjoni ta' dawn iż-żewġ tekniki u l-iskala ta' intervent involuta;

    F.

    billi l-UE hija impenjata favur mira legalment vinkolanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli; billi kull deċiżjoni dwar l-isfruttament tal-UFFs għandha titqies fil-kuntest tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet;

    G.

    billi s'issa għad m'hawn l-ebda direttiva (qafas) tal-UE li tirregola l-attivitajiet tal-industrija tal-minjieri;

    H.

    billi m'hemmx data biżżejjed dwar is-sustanzi kimiċi tat-tkissir u r-riskji ambjentali u sanitarji assoċjati mat-tkissir idrawliku; billi għadha għaddejja analiżi importanti u hemm ħtieġa dejjem tikber għal riċerka kontinwa u ulterjuri; billi l-eżistenza u t-trasparenza tad-data, l-ikkampjunar u t-testijiet huma tal-ogħla importanza għar-riċerka ta' kwalità għolja b'appoġġ għal regolamentazzjoni xierqa li se tipproteġi s-saħħa pubblika u l-ambjent;

    I.

    billi kwalunkwe tip ta' estrazzjoni ta' fjuwils fossili u minerali jinvolvi riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; billi huwa essenzjali li prinċipju ta' prekawzjoni u dak ta' “min iniġġes iħallas” ikunu applikati għal kull deċiżjoni futura dwar l-iżvilupp ta' riżorsi ta' fjuwils fossili fl-Ewropa, filwaqt li jitqiesu l-impatti potenzjali mill-istadji kollha tal-proċess ta' esplorazzjoni u sfruttament;

    J.

    billi Stati Membri tal-UE bħal Franza u l-Bulgarija diġà imponew moratorju fuq l-estrazzjoni tal-gass tax-shale minħabba tħassib dwar l-ambjent u s-saħħa pubblika;

    K.

    billi l-proġetti għall-isfruttament tal-gass tax-shale ġeneralment mhumiex soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali minkejja r-riskji ambjentali ta' tali proġetti;

    L.

    billi l-UE għandha r-rwol li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha;

    M.

    billi ħafna gvernijiet fl-Ewropa, bħal Franza, il-Bulgarija, Nordrhein-Westfalen fil-Ġermanja, Fribourg u Vaud fl-Isvizzera, kif ukoll għadd ta' stati Amerikani (North Carolina, New York, New Jersey, Vermont u aktar minn 100 gvern lokali) u pajjiżi oħra madwar id-dinja (l-Afrika t'Isfel, il-Québec fil-Kanada, New South Wales fl-Awstralja) bħalissa għandhom fis-seħħ projbizzjoni jew moratorju fuq l-użu tat-tkissir idrawliku għall-estrazzjoni ta' żejt u gass mix-shale jew minn formazzjonijiet oħra ta' ġebel 'kumpatt';

    N.

    billi għadd ta' Stati Membri, bħar-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u l-Ġermanja, bħalissa qed jikkunsidraw moratorju fuq l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta' żejt u gass mix-shale jew minn formazzjonijiet oħra ta' ġebel 'kumpatt';

    O.

    billi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali ma tobbligax lill-operaturi jagħmlu assigurazzjoni adegwata meta wieħed iqis l-ispejjeż għoljin assoċjati mal-aċċidenti fl-industriji tal-estrazzjoni;

    Qafas ġenerali – regolamentazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u kooperazzjoni

    1.

    Jifhem li esplorazzjoni u estrazzjoni ta' gass tax-shale jirreferu għal kull esplorazzjoni u estrazzjoni tal-idrokarburi b'mod mhux konvenzjonali bl-użu ta' metodi ta' tħaffir orizzontali u ta' tkissir idrawliku ta' volum għoli utilizzati fl-industriji tal-fjuwils fossili fid-dinja kollha;

    2.

    Jenfasizza li, minkejja l-prerogattiva esklużiva tal-Istati Membri biex jisfruttaw ir-riżorsi tal-enerġija tagħhom, kwalunkwe żvilupp tal-UFFs għandu jiżgura kundizzjonijiet ġusti u ekwi fl-Unjoni kollha, b'konformità sħiħa mal-liġijiet rilevanti tal-UE dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent;

    3.

    Iqis li hemm bżonn analiżi dettaljata tal-qafas regolatorju speċifiku tal-UE dwar l-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-UFFs; jilqa' b'sodisfazzjon, għal dan il-għan, il-konklużjoni imminenti ta' għadd ta' studji tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tar-riskji, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra li jsiru matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwils, is-sustanzi kimiċi, l-ilma, l-użu tal-art u l-effetti tal-gass tax-shale fuq is-swieq tal-enerġija tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu prudenti qabel ma jkomplu għaddejjin bil-UFFs sakemm ma tintemm l-analiżi regolatorja li għaddejja bħalissa u jħeġġiġhom jimplimentaw ir-regolamenti kollha eżistenti b'mod effikaċi bħala mod kruċjali kif jitnaqqsu r-riskji involuti fl-operazzjonijiet kollha ta' estrazzjoni tal-gass;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li ttemm l-istudji tagħha, twettaq valutazzjoni dettaljata abbażi tal-qafas regolatorju Ewropew għall-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent u biex, mill-aktar fis possibbli u f'konformità mal-prinċipji tat-Trattati, tipproponi miżuri xierqa, inklużi miżuri leġiżlattivi, jekk ikun meħtieġ;

    5.

    Jenfasizza li l-estrazzjoni tal-UFFs, bħall-estrazzjoni tal-fjuwils fossili konvenzjonali, għandha r-riskji tagħha; jemmen li dawn ir-riskji għandhom jiġu limitati permezz ta' miżuri preventivi, inklużi ppjanar xieraq, ittestjar, użu ta' teknoloġiji ġodda u tal-aqwa teknoloġiji disonibbli, l-aqwa prattiki industrijali u ġbir kontinwu ta' data, monitoraġġ u rappurtar imwettaq fi ħdan qafas regolatorju robust; iqis li huwa essenzjali li, qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet ta' UFFs, jintalab il-kejl tal-livelli bażiċi ta' metan u sustanzi kimiċi preżenti b'mod naturali fl-ilma ta' taħt l-art fl-akwiferi u l-livelli attwali tal-kwalità tal-arja f'siti potenzjali ta' tħaffir; iqis, barra minn hekk, li l-parteċipazzjoni regolari tal-Manifatturi ta' Tagħmir Oriġinali (Original Equipment Manufacturers – OEM) jew manifatturi ta' tagħmir ekwivalenti tista' tiżgura li t-tagħmir kritiku fil-qasam tal-ambjent u tas-sigurtà jibqa' jaħdem b'mod effikaċi u jissodisfa l-istandards dwar is-sigurtà;

    6.

    Jinnota l-valutazzjoni preliminarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-qafas legali tal-UE dwar l-ambjent applikabbli għat-tkissir idrawliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħat tagħha fir-rigward ta' traspożizzjoni u applikazzjoni xierqa tal-liġijiet ambjentali ewlenin tal-UE fl-Istati Membri kollha, u toħroġ mingħajr dewmien linji gwida dwar l-istabbiliment ta' data bażika dwar il-monitoraġġ tal-ilma li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, kif ukoll kriterji li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatti tat-tkissir idrawliku fuq ir-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art f'formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti, inklużi t-tnixxijiet potenzjali u l-impatti kumulattivi;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas għall-ġestjoni tar-riskju fl-UE kollha għall-esplorazzjoni jew l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali, sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet armonizzati għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ikunu japplikaw fl-Istati Membri kollha;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti, tintroduċi monitoraġġ kontinwu tal-iżviluppi f'dan il-qasam u tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkomplementa u testendi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ambjent;

    9.

    Jinnota li l-metan huwa gass b'effett ta' serra qawwi, li l-emissjonijiet tiegħu jridu jkunu kompletament koperti jew mid-Direttiva 2003/87/KE jew mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE (id-'Deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforz');

    10.

    Jenfasizza li l-effikaċja tar-regolazzjoni tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-UFFs – f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE – wara kollox tiddependi mir-rieda u mir-riżorsi tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jiżguraw biżżejjed kapaċitajiet umani u tekniċi għall-monitoraġġ, l-ispezzjoni u l-infurzar ta' attivitajiet permessi, inkluż taħriġ xieraq għall-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

    11.

    Jinnota l-importanza tax-xogħol magħmul minn istituzzjonijiet rinomati, b'mod partikolari l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), biex jippreparaw linji gwida dwar l-aħjar prattika fir-rigward tar-regolamenti dwar il-gass mhux konvenzjonali u t-tkissir idrawliku;

    12.

    Jappella għall-iżvilupp ta' Referenza Ewropea għall-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREF) għall-fracking abbażi ta' prattika robusta fil-qasam tal-inġinerija xjentifika;

    13.

    Jistieden lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali li awtorizzaw l-esplorazzjoni tal-UFFs biex jirrevedu r-regolamenti eżistenti tal-istat dwar il-kostruzzjoni ta' bjar għall-fjuwils fossili konvenzjonali u biex jaġġornaw dawk id-dispożizzjonijiet li jkopru l-ispeċifiċitajiet tal-estrazzjoni tal-UFFs;

    14.

    Jirrikonoxxi li l-industrija hija primarjament responsabbli għall-prevenzjoni u għar-reazzjoni b'effikaċja għall-aċċidenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-inklużjoni tal-operazzjonijiet relatati mat-tkissir idrawliku fl-Anness III għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jirrikjedu biżżejjed garanziji finanzjarji mill-operaturi għar-reponsabbiltà ambjentali u ċivili li jkopru kwalunkwe aċċident jew impatt negattiv aċċidentali kkawżat mill-attivitajiet tagħhom stess jew minn attivitajiet li jkunu ġew esternalizzati lil partijiet terzi; iqis li f'każ ta' tniġġis tal-ambjent għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas'; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress miksub mill-industrija fl-istabbiliment ta' standards għoljin fil-qasam tal-ambjent u s-sigurtà; jisħaq fuq l-importanza ta' monitoraġġ tal-konformità tal-industrija permezz ta' spezzjonijiet regolari magħmula minn speċjalisti mħarrġa u indipendenti;

    15.

    Jistieden lill-kumpaniji tal-enerġija attivi fil-qasam tal-estrazzjoni tal-UFFs biex jinvestu fir-riċerka bil-għan li titjieb il-prestazzjoni ambjentali tat-teknoloġiji tal-UFFs; iħeġġeġ lill-impriżi u lill-istituzzjonijiet akkademiċi bbażati fl-UE biex jiżviluppaw programmi kooperattivi ta' R&Ż rilevanti li jwasslu għal fehim akbar dwar is-sigurtà u r-riskji f'operazzjonijiet ta' esplorazzjoni u produzzjoni tal-UFFs (E&P);

    16.

    Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, biex jagħmlu pressjoni għal implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-ftehim tal-G-20 dwar it-tneħħija ta' sussidji għal fjuwils fossili; iqis li l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' sorsi ta' fjuwils fossili, inklużi sorsi mhux konvenzjonali, m'għandhomx ikunu ssussidjati minn fondi pubbliċi;

    17.

    Iqis li l-ftehimiet reċiproċi dwar in-nuqqas ta' żvelar rigward ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, li ntużaw bejn sidien tal-art fil-viċinanza tal-bjar tal-gass tax-shale u operaturi tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti, mhumiex konformi mal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus, id-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni (2003/4/KE) u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

    Aspetti ambjentali tat-tkissir idrawliku

    18.

    Jagħraf li l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale jistgħu possibbilment jirriżultaw f' interazzjonijiet kumplessi u mifruxa mal-ambjent tal-madwar, partikolarment minħabba l-metodu tat-tkissir idrawliku użat, il-kompożizzjoni tal-likwidu tat-tkissir, il-fond u l-kostruzzjoni tal-bjar u l-erja tal-art tal-wiċċ li tiġi affettwata;

    19.

    Jagħraf li t-tipi ta' ġebel li jinstabu f'kull reġjun individwali jiddeterminaw it-tfassil u l-metodu tal-attivitajiet ta' estrazzjoni; jappella għal analiżi bażika obbligatorja tal-ilma ta' taħt l-art u analiżi ġeoloġika tal-ġeoloġija fonda u baxxa ta' shale play prospettiva qabel l-awtorizzazzjoni, inklużi rapporti dwar kwalunkwe attività ta' tħaffir fil-passat jew fil-preżent fir-reġjun;

    20.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' studji xjentifiċi dwar l-impatt fuq perjodu twil li t-tniġġis tal-arja u l-kontaminazzjoni tal-ilma b'relazzjoni mal-fracking jista' jkollu fuq is-saħħa tal-bniedem;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-liġijiet dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tat-tħaffir fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jenfasizza, fl-istess ħin, li kull valutazzjoni tal-impatt għandha titwettaq bħala proċess miftuħ u trasparenti;

    22.

    Ifakkar li n-“Nota ta' Gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE għal proġetti relatati mal-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' idrokarbur mhux konvenzjonali” (Ref. Ares (2011)1339393), maħruġa mill-Kummissjoni, DĠ Ambjent, fit-12 ta' Diċembru 2011, tikkonferma li l-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, kif emendata u kif ikkodifikata bid-Direttiva 2011/92/UE, dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (magħrufa bħala l-Istima tal-Impatt Ambjentali jew id-Direttiva EIA) tkopri l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' idrokarburi mhux konvenzjonali; ifakkar, barra minn hekk, li kwalunkwe metodu ta' tkissir idrawliku użat huwa parti mill-attivitajiet ġenerali konvenzjonali u mhux konvenzjonali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarburi, li huma koperti mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE msemmija hawn fuq u mid-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali jkopru b'mod adegwat l-speċifiċitajiet tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, taż-żejt tax-shale u tal-metan estratt mis-sodda tal-faħam; jinsisti li valutazzjoni minn qabel tal-impatt ambjentali tinkludi l-impatti taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja fir-rigward tal-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, l-istabbiltà ġeoloġika, l-użu tal-art u t-tniġġis mill-istorbju;

    24.

    Jappella għall-inklużjoni ta' proġetti li jinvolvu t-tkissir idrawliku fl-Anness I għad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali;

    25.

    Jinnota li hemm riskju ta' theżżiż sismiku kif muri mill-esplorazzjoni tal-gass tax-shale fil-Majjistral tal-Ingilterra; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ikkummissjonat mill-Gvern tar-Renju Unit li l-operaturi jkunu meħtieġa jissodisfaw ċerti standards sismiċi u mikrosismiċi;

    26.

    Ifakkar li s-sostenibbiltà tal-gass tax-shale għadha mhijiex pruvata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw bir-reqqa l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra matul il-proċess kollu tal-estrazzjoni u l-produzzjoni sabiex jagħtu prova tal-integrità ambjentali tiegħu;

    27.

    Iqis li huwa xieraq, fil-kuntest tar-responsabbiltà, li jiġi previst it-treġġigħ lura tal-piż tal-provi għall-operaturi tal-gass tax-shale, fejn, minħabba n-natura tad-disturb u l-effetti negattivi tiegħu, kawżi oħra possibbli u kwalunkwe ċirkostanza oħra, il-bilanċ tal-probabbiltà jindika li l-operazzjonijiet tal-gass tax-shale kienu l-kawża tal-ħsara ambjentali;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex il-fluwidi tat-tkissir idrawliku jiġu inklużi b'mod espliċitu bħala 'skart perikoluż' fl-Anness III għad-Direttiva dwar l-Iskart Ewropew (2008/98/KE);

    29.

    Jirrikonoxxi l-volumi relativvament għoljin tal-ilma involuti fit-tkissir idrawliku meta wieħed iqis li l-ilma huwa riżorsa partikolarment sensittiva fl-UE; jisħaq fuq il-bżonn ta' pjanijiet ta' provvista tal-ilma bbażati fuq l-idroloġija lokali li jikkunsidraw ir-riżorsi lokali tal-ilma, il-bżonnijiet ta' utenti lokali oħra tal-ilma u l-kapaċitajiet għat-trattament tad-drenaġġ;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards ambjentali Ewropej rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilma li jintuża għat-tkissir idrawliku, jiġu rispettati bis-sħiħ u li l-każijiet ta' ksur ta' dawn l-istandards jiġu ssanzjonati b'mod xieraq;

    31.

    Ifakkar li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma titlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorament tal-istatus tal-mases kollha tal-ilma ta' taħt l-art, inkluż minn sorsi lokalizzati bħall-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarburi;

    32.

    Jistieden lill-industrija, f'kollaborazzjoni trasparenti mal-korpi regolatorji nazzjonali, mal-gruppi ambjentali u mal-komunitajiet lokali, biex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-istatus tal-mases rilevanti tal-ilma ta' taħt l-art jiġi mħares milli jiddeterjora, u b'hekk jinżamm l-istat tajjeb tal-ilma ta' taħt l-art hekk kif definit fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Ilma ta' taħt l-Art;

    33.

    Jirrikonoxxi li t-tkissir idrawliku jseħħ f'fond li hu ferm taħt l-akwiferi tal-ilma ta' taħt l-art; jemmen, għalhekk, li billi l-operazzjonijiet ta' tħaffir jinvolvu sorsi tal-ilma tajjeb għax-xorb, il-punt ta' tħassib ewlieni rigward il-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art ħafna drabi huwa l-integrità tal-bjar f'termini tal-kwalità tal-kisi u l-issimentar tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jirreżistu għall-pressjoni għolja tal-likwidu injettat u theżżiż tal-art ħafif;

    34.

    Jappella għal projbizzjoni globali fuq it-tkissir idrawliku f'ċerti żoni sensittivi u li jinsabu f'periklu partikolari, bħal pereżempju f'żoni ta' protezzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb u taħthom, kif ukoll fiż-żoni tal-minjieri tal-faħam;

    35.

    Jenfasizza li prevenzjoni effikaċi teħtieġ monitoraġġ konsistenti ta' konformità stretta mal-ogħla standards u prattiki stabbiliti fil-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-ħofor għall-estrazzjoni (well-bore); iqis li rapporti dwar it-tlestija tal-bjar għandhom jitressqu lill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza li kemm l-industrija kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw, fil-fażijiet kollha, kontroll tal-kwalità regolari għall-integrità tal-kisi u l-issimentar kif ukoll il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art b’kooperazzjoni mill-qrib mal-fornituri tal-ilma tajjeb għax-xorb; jinnota li dan jirrikjedi riżorsi umani u kompetenza teknika sinifikanti fil-livelli kollha;

    36.

    Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida, mingħajr dewmien, dwar l-istabbiliment kemm tad-data bażika dwar il-monitoraġġ tal-ilma, li hija meħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, u kemm tal-kriterji li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatti tat-tkissir idrawliku fuq il-ħażniet tal-ilma ta' taħt l-art f'formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti, inklużi t-tnixxijiet potenzjali u l-impatti kumulattivi;

    37.

    Jirrakkomanda li jitħejjew pjanijiet ta' reazzjoni f'emerġenza standardizzati flimkien mal-operaturi, ir-regolaturi u s-servizzi ta' emerġenza u li jitwaqqfu gruppi ta' reazzjoni f'emerġenza speċjalizzati;

    38.

    Jemmen li r-riċiklaġġ tal-ilma b'ċirkuwitu magħluq fuq il-post, bl-użu ta' tankijiet tal-azzar għall-ħażna, joffri l-aktar mod ekoloġiku li bih ikun trattat il-fluss tal-ilma li jerġa' jitla' fil-wiċċ (flow-back water) billi jiġu mminimizzati l-volumi tal-ilma, il-potenzjal ta' tixrid ta' ilma fis-superfiċje u spejjeż/traffiku/ħsarat fit-toroq relatati mat-tasport tat-trattament tal-ilma; jemmen li dan it-tip ta' riċiklaġġ għandu jiġi applikat bl-aktar mod estensiv possibbli; jiċħad l-injezzjoni ta' flussi ta' drenaġġ li jerġa' jitla' fil-wiċċ (flow-back waste waters) f'formazzjonijiet ġeoloġiċi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

    39.

    Jitlob implimentazzjoni stretta tal-istandards eżistenti dwar it-trattament tad-drenaġġ u pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-ilma obbligatorji mill-operaturi, b'kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-ilma tajjeb għax-xorb u mal-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza, madanakollu, li l-impjanti tat-trattament eżistenti mhumiex mgħammra biżżejjed biex jittrattaw id-drenaġġ li jkun ġej mit-tkissir idrawliku u jistgħu jkunu qegħdin jitfgħu materjal li jniġġes fi xmajjar u nixxigħat; jikkunsidra, għal dan il-għan, li għandha titwettaq valutazzjoni sħiħa tal-impjanti kollha rilevanti għat-trattament tal-ilma fl-Istati Membri kkonċernati mill-awtoritajiet kompetenti;

    40.

    Jenfasizza li għandha tinżamm distanza minima ta' sigurtà bejn il-pjattaformi tat-tħaffir u l-bjar tal-ilma;

    41.

    Jemmen li ħafna mill-kontroversji attwali dwar il-UFFs huma parzjalment riżultat ta' ċaħda inizjali mill-industrija li tiżvela l-kontenut kimiku tal-fluwidi tat-tkissir idrawliku; isostni li tinħtieġ trasparenza sħiħa, b'obbligu mandatarju għall-operaturi kollha li jiżvelaw kompletament il-kompożizzjoni u l-konċentrazzjoni tal-fluwidi tat-tkissir idrawliku u li jikkonformaw għalkollox mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qafas tar-Regolament REACH;

    42.

    Iqis li l-ftehimiet reċiproċi dwar in-nuqqas ta' żvelar rigward ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali, bħal dawk li diġà huma fis-seħħ bejn sidien tal-art fil-viċinanza tal-bjar tal-gass tax-shale u operaturi tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti, mhumiex konformi mal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus, id-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni (2003/4/KE) u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

    43.

    Jinnota li ħafna ħofor għall-estrazzjoni orizzontali minn pjattaforma waħda tat-tħaffir jimminimizzaw id-disturbi relatati mal-użu tal-art u mal-pajsaġġi;

    44.

    Jinnota li l-volumi tal-produzzjoni tal-bjar tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti huma karatterizzati minn tnaqqis qawwi wara l-ewwel sentejn, tnaqqis li jwassal għal intensità qawwija fit-tħaffir kontinwu għal bjar ġodda; jinnota li t-tankijiet tal-ħażna, l-istazzjonijiet tal-kompressuri u l-infrastruttura tal-pajpijiet jkomplu jżidu mal-impatt fuq l-użu tal-art tal-attivitajiet marbutin mal-gass tax-shale;

    45.

    Jistieden lil dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jiżviluppaw riżervi tal-gass tax-shale jew ta' fjuwikls oħra fossili mhux konvenzjonali biex jibagħtu pjanijiet nazzjonali lill-Kummissjoni bl-ispjegazzjoni ta' kif l-isfruttament ta' dawn ir-riżervi huwa kompatibbli mal-miri nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi tal-UE;

    46.

    Jirrikonoxxi li t-titjib teknoloġiku kostanti fit-tkissir idrawliku u fit-tħaffir orizzontali jippermetti li jiġu żviluppati depożiti kbar ta' UFFs b'mod sigur u li jiġu limitati l-effetti ambjentali potenzjali; jinkoraġġixxi lill-industrija biex tkompli l-isforzi għall-avvanz tat-teknoloġija u għall-użu tal-aħjar soluzzjonijiet teknoloġiċi fl-iżvilupp tar-riżorsi tal-UFFs;

    47.

    Jappella għal stħarriġ ġeoloġiku nazzjonali kompetenti biex jitwettaq monitoraġġ sismiku bażi f'żoni sismiċi vulnerabbli fejn jingħataw permessi għall-estrazzjoni tal-gass tax-shale sabiex tiġi stabbilita s-sismiċità tal-isfond li tippermetti valutazzjoni dwar il-possibbiltà u l-impatt potenzjali ta' kwalunkwe terremot ikkawżat;

    48.

    Jinnota li kwalunkwe paragun favorevoli tal-bilanċ taċ-ċiklu tal-ħajja tal-gassijiet b'effett ta' serra fir-rigward tal-gass tax-shale meta mqabbel mal-faħam jiddependi minn suppożizzjoni atmosferika ta’ tul ta’ ħajja bejn sena u mitt sena; jikkunsidra li l-ħtieġa li l-emissjonijiet globali jilħqu l-quċċata sal-2020 tiġġustifika eżami fuq perjodu iqsar, pereżempju 20 sena, bħala perjodu aktar xieraq; jappella għal aktar riċerka xjentifika dwar l-emissjonijiet tal-metan li jaħarbu biex titjieb ir-responsabbiltà għal dawn l-emissjonijiet skont l-inventarji annwali u l-miri tal-Istati Membri skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz;

    49.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi li jagħmlu l-użu ta’ apparat li jaħraq il-gass (completion combustion device), jiġifieri 'sistemi li jnaqqsu l-ħruġ ta’ metan', obbligatorju għall-bjar kollha tal-gass tax-shale fl-UE, biex tillimita l-ivvampjar ta’ gassijiet għall-każijiet fejn jeżisti tħassib dwar sikurezza u biex tipprojbixxi kompletament il-ventilazzjoni tal-bjar kollha tal-gass tax-shale, fi sforz biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan li joħroġ waqt il-proċess tat-tħaffir u ta’ komposti organiċi volatili marbuta mal-gass tas-shale;

    Parteċipazzjoni pubblika u kundizzjonijiet lokali

    50.

    Jirrikonoxxi li l-attivitajiet ta' tħaffir jistgħu jħażżnu l-kundizzjonijiet tal-għajxien; jappella, għaldaqstant, sabiex din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata fil-waqt tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi tal-idrokarburi u sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, b'mod partikolari mill-industrija permezz tal-implimentazzjoni tal-aħjar tekniki disponibbli, u mill-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-applikazzjoni ta' regolamenti stretti, sabiex jiġu mminimizzati l-konsegwenzi negattivi ta' tali attivitajiet;

    51.

    Jistieden lill-industrija tikkomunika mal-komunitajiet lokali u tiddiskuti soluzzjonijiet komuni sabiex jiġi mminimizzat l-impatt tal-iżviluppi tal-gass tax-shale fuq it-traffiku, il-kwalità tat-toroq u l-istorbju fil-postijiet fejn ikunu qed jitwettqu l-attivitajiet tal-iżvilupp;

    52.

    Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet lokali jkunu mgħarrfa u involuti bis-sħiħ, b'mod partikolari waqt li jkunu qed jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-esplorazzjoni u tal-isfruttament; jitlob, b'mod partikolari, li jingħata aċċess sħiħ għall-valutazzjonijiet tal-impatt dwar l-ambjent, is-saħħa tar-residenti u l-ekonomija lokali;

    53.

    Jemmen li l-parteċipazzjoni pubblika għandha tkun żgurata permezz ta' informazzjoni pubblika adegwata u permezz ta' konsultazzjoni pubblika qabel kull stadju tal-isfruttament u tal-esplorazzjoni; jappella għal aktar trasparenza fir-rigward tal-impatti, tas-sustanzi kimiċi u tat-teknoloġiji użati, kif ukoll għal aktar trasparenza tal-ispezzjonijiet u tal-miżuri ta’ kontroll kollha sabiex ikunu żgurati l-fehim u l-fiduċja tal-pubbliku ġenerali fir-regolamentazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet;

    54.

    Jirrikonoxxi li sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha relatati mal-UFFs jeħtieġ skambju ferm aħjar ta' informazzjoni fost l-industrija, ir-regolaturi u l-pubbliku;

    55.

    Jilqa', f'dan ir-rigward, l-approprjazzjoni tal-baġit tal-UE tal-2012 għal tali djalogu pubbliku u jinkoraġġixxi l-Istati Membri jagħmlu użu minn dan il-finanzjament sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini li jgħixu f'żoni potenzjali ta' żvilupp tal-UFFs ikunu infurmati aħjar u jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effikaċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istrutturi governattivi lokali u nazzjonali tagħhom;

    Aspetti internazzjonali

    56.

    Iqis li l-użu tal-gass tax-shale u ta' fjuwils fossili oħra għandu jkun konsistenti mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jappella għal “stabilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f'livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima” u jenfasizza li l-lock-in sostanzjali għall-infrastrutturi tal-fjuwils fossili bħall-gass tax-shale jista' jimpedixxi li dan l-għan internazzjonali jintlaħaq;

    57.

    Iqis li żieda fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni għall-gass tax-shale madwar id-dinja twassal għal żieda konsiderevoli fl-emissjonijiet li jaħarbu tal-metan u li l-potenzjal ta' effett serra (GWP) globali tal-gass tax-shale ma ġiex evalwat; jenfasizza, għalhekk, li l-isfruttament ta' riżorsi taż-żejt u gass mhux konvenzjonali jistgħu jfixklu l-kisba tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU (MDG) 7 – dwar l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali – u jdgħajjef l-impenji internazzjonali li ttieħdu l-aħħar fir-rigward tat-tibdil fil-klima kif minquxa fil-Ftehim ta' Kopenhagen; jinnota li t-tibdil fil-klima diġà jolqot l-aktar lill-pajjiżi l-foqra; jenfasizza, barra minn hekk, li apparti l-effetti diretti fuq is-saħħa u l-ambjent, l-impatt tal-estrazzjoni mhux konvenzjonali tal-gass jew taż-żejt fuq l-għajxien tan-nies huma ta' theddida partikolari, b'mod partikolari f'pajjiżi Afrikani fejn il-komunitajiet lokali jiddependu l-iżjed mir-riżorsi naturali għall-agrikoltura u s-sajd;

    58.

    Jinsisti li għandhom jinsiltu tagħlimiet mill-Istati Uniti rigward l-isfruttament tal-gass tax-shale; jinnota, bi tħassib partikolari, li l-estrazzjoni tal-gass tax-shale teħtieġ volumi kbar ħafna ta' ilma, u li dan jista' jagħmilha diffiċli li jinkisbu l-miri tal-MDG 7 dwar l-aċċess għal ilma nadif u s-sigurtà tal-ikel, speċjalment fil-pajjiżi l-foqra li diġà qegħdin jiffaċċjaw skarsezza enormi ta' ilma;

    59.

    Jenfasizza li l-akkwiżizzjonijiet tal-art għat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass huma xpruni ewlenin għall-ħtif tal-art f'pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp u dan jista' jkun ta' theddida sinifikanti għall-komunitajiet indiġeni, bdiewa u nies foqra madwar id-dinja, f'termini ta' aċċess għall-ilma, ħamrija fertili u ikel; jinnota li, wara l-falliment tas-swieq finanzjarji fl-2008, kien hemm żieda mgħaġġla fl-investimenti globali fl-industriji tal-estrazzjoni min-naħa tal-hedge funds u l-fondi tal-pensjonijiet, li wasslet biex tħeġġet aktar estrazzjoni; jenfasizza, għalhekk, li l-entitajiet ekonomiċi Ewropej kollha għandhom dejjem jaġixxu b'mod trasparenti u b'konsultazzjoni mill-qrib mal-korpi governattivi u l-komunitajiet lokali xierqa kollha rigward kwistjonijiet ta' kiri u/jew ta' akkwiżizzjoni tal-art;

    60.

    Jinnota li minħabba li mhuwiex ċar jekk il-qafas regolatorju attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE jipprovdix jew le garanzija adegwata kontra r-riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-gass tax-shale, il-Kummissjoni qiegħda twettaq sensiela ta' studji li huma mistennija aktar tard din is-sena; iqis li l-kumpaniji Ewropej f'pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp iridu jqisu għalkollox it-tagħlimiet mislutin minn dawn l-istudji dwar l-isfruttament tal-gass tax-shale u r-rakkomandazzjonijiet relatati magħha; jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-attivitajiet tal-kumpaniji taż-żejt fuq l-ambjent, is-saħħa u l-iżvilupp, partikolarment fl-Afrika sub-Saħarjana, meta wieħed iqis il-kapaċità limitata f'ċerti pajjiżi ta' din iż-żona biex jiġu implimentati u infurzati l-liġijiet ambjentali u tal-protezzjoni tas-saħħa; jiddikjara wkoll li l-kumpaniji Ewropej għandhom jużaw standards ta' industrija responsabbli kull fejn joperaw;

    61.

    Huwa mħasseb dwar l-investiment potenzjali minn kumpaniji Ewropej f'riżorsi taż-żejt jew tal-gass mhux konvenzjonali fil-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp;

    62.

    Jenfasizza li l-obbligu tal-UE li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għandu jiġi rrispettat; huwa tal-fehma li, meta tospita kumpaniji li jinvestu f'attivitajiet ta' estrazzjoni, l-UE għandha tinfluwenza l-imġiba tagħhom biex tħeġġeġ prattiki aktar sostenibbli, jiġifieri billi ssaħħaħ l-istandards u r-regolamenti tal-governanza korporattiva li japplikaw għall-banek u l-fondi li jiffinanzjawhom, inkluż billi jiġu infurzati l-Prinċipji tal-Ekwatur, il-prinċipji tal-investiment responsabbli u r-regoli tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja;

    63.

    Ifakkar li minbarra r-regolamenti fil-pajjiżi fejn joperaw, il-kumpaniji internazzjonali taż-żejt huma soġġetti wkoll għall-ġurisdizzjonijiet tal-qrati fil-pajjiżi fejn ikunu elenkati fil-Borża; iqis li r-regolamenti tal-pajjiż li fih ikun qed isir it-tħaffir għandhom jipprovdu mezz effikaċi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet fejn jeżistu nuqqasijiet fl-obbligu ta' responsabbiltà, skont il-mudell tal-Atti tal-Istati Uniti dwar Klejms li jirrigwardaw Imġiba Ħażina ta' Persuni jew Entitajiet Barranin;

    64.

    Jinnota li jeżistu ħafna strumenti li jistgħu jindirizzaw l-impatt soċjali u ambjentali negattiv tal-attivitajiet tal-industriji estrattivi, bħall-Inizjattiva ta' Rappurtaġġ globali, il-Patt Globali tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali; jindika, madanakollu, li l-linji gwida volontarji mhumiex biżżejjed biex itaffu l-impatt negattiv tal-estrazzjoni;

    65.

    Jinnota li d-Direttivi tal-UE dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza bħalissa qegħdin jiġu riveduti u dan jikkostitwixxi opportunità biex jiġu evitati l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni mill-industriji tal-estrazzjoni;

    66.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika għażliet ġodda għat-tisħiħ tal-istandards dwar ir-responsabbiltajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet soċjali u ambjentali u mezzi possibbli ta' implimentazzjoni;

    67.

    Jinsab imħasseb minħabba li ċerti kumpaniji taż-żejt u tal-gass mhux konvenzjonali joperaw bi standards ta' sigurtà differenti madwar id-dinja; jistieden lill-Istati Membri jirrikjedu li l-kumpaniji li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE japplikaw standards tal-UE fl-operazzjonijiet kollha tagħhom madwar id-dinja;

    o

    o o

    68.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3.

    (2)  ĠU L 348, 28.11.1992, p. 9.

    (3)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.

    (4)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

    (5)  ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1.

    (6)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

    (7)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

    (8)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

    (9)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

    (10)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

    (11)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.

    (12)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (13)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

    (14)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (15)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

    (16)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

    (17)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

    (18)  Testi adottati, P7_TA(2011)0366.

    (19)  TREN/R1/350-2008 lot 1, http://ec.europa.eu/energy/studies/doc/2012_unconventional_gas_in_europe.pdf.


    Top