This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IP0426
European Parliament resolution of 20 November 2012 on ‘Towards an integrated European market for card, internet and mobile payments’ (2012/2040(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (2012/2040(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (2012/2040(INI))
ĠU C 419, 16.12.2015, p. 19–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 419/19 |
P7_TA(2012)0426
Pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (2012/2040(INI))
(2015/C 419/05)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 26 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bit-titolu “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (COM(2011)0941, minn issa ’l quddiem “il-Green Paper”), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bit-titolu “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942), |
— |
wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Green Paper mill-11 ta’ Jannar 2012 sal-11 ta’ April 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-konferenza dwar pagamenti bil-kard, bil-mowbajl u bl-internet, organizzata mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju 2012, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (1), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Informazzjoni ta’ Marzu 2012 dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur tal-pagamenti, maħruġ mis-Sottogrupp dwar il-Banek u l-Pagamenti tan-Netwerk għall-Kompetizzjoni Ewropea (2), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ April 2012 għas-sigurtà tal-pagamenti bl-internet (3), |
— |
wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tal-11 ta' April 2012 għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-Green Paper “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” (4); |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar il-Green Paper (INT/634), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2002 dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Kawża Nru COMP/29.373 Visa International (5), |
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007 dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każijiet Nru COMP/34.579 – MasterCard, COMP/36.518 – EuroCommerce u COMP/38.580 – Kards Kummerċjali (6), |
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2012 fil-kawża MasterCard u oħrajn v. il-Kummissjoni (7), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0304/2012), |
A. |
billi s-suq Ewropew għall-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl attwalment għadu fframmentat minn naħa għal oħra tal-konfini nazzjonali u ftit atturi kbar biss jistgħu jiġu aċċettati mill-kummerċjanti u joperaw fuq bażi transkonfinali; |
B. |
billi l-pożizzjoni dominanti ta' żewġ fornituri, mhux Ewropej, ta' servizz ta' pagament bil-kard tista’ twassal għal tariffi eċċessivi u mhux ġustifikati kemm għall-konsumaturi u kemm għall-kummerċjanti, fejn il-banek rispettivi tagħhom (l-hekk imsejħa banek tal-ħruġ u tal-akkwist) jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni, kif iddikjarat mill-Kummissjoni fil-Green Paper. |
C. |
billi l-iżvilupp u l-użu usa’ ta’ pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl jistgħu jgħinu wkoll biex il-kummerċ elettroniku fl-Ewropa jikber fid-daqs u fid-diversità; |
D. |
billi s-sehem u l-varjetà ta’ pagamenti bl-internet u bil-mowbajl żdiedu b’mod kostanti fl-Ewropa u fid-dinja; |
E. |
billi, minħabba progress tekniku, is-sistemi tal-pagament bil-kards jistgħu jinbidlu progressivament b’mezzi oħra ta’ pagament elettroniku jew bil-mowbajl; |
F. |
billi l-Green Paper ma tindirizzax l-ispejjeż u l-impatti soċjetali tal-pagament bi flus kontanti jew b’ċekk apparagun tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl, u b’hekk ma tippermettix li ssir analiżi komparattiva tal-ispejjeż ekonomiċi u ta’ assistenza soċjali u l-impatti ta’ pagamenti bi flus kontanti jew b’ċekk; |
G. |
billi l-mudell kummerċjali attwali għall-ħlasijiet bil-kard jippermetti livelli ta' tariffi multilaterali tal-interkambju (MIFs) eċċessivi, li xi kultant jidhru li jaqbżu l-ispiża reali fir-rigward tal-finanzjament tas-sistema, u li jikkostitwixxu xkiel kbir għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-pagamenti; |
H. |
billi l-akkwist transkonfinali huwa possibilità attwalment miftuħa biss għal numru limitat ta’ atturi, u billi dan l-arranġament jista’ jwessa’ l-għażliet li l-kummerċjanti jistgħu jagħmlu u b’hekk iżid il-kompetizzjoni u jnaqqas l-ispejjeż tal-konsumaturi; |
I. |
billi l-imposti għall-użu ta’ pagamenti bil-kard mhumiex permessi f’ċerti Stati Membri iżda jintużaw b’mod wiesa’ f’xi oħrajn; u billi l-imposti eċċessivi kienu ta' ħsara għall-konsumaturi minħabba li l-fornituri as-servizzi tal-pagamenti ta’ sikiwt ma jipprovdux metodi ta’ pagamanet alternattivi għall-pagamenti b’imposta; |
J. |
billi l-Qafas tal-Kards taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) jirrikjedi li l-klijenti jkunu jistgħu “jużaw kards għal skopijiet ġenerali biex jagħmlu trasferimenti ta' pagamenti u ta' flus kontanti bl-ewro fis-SEPA kollha bl-istess faċilità u konvenjenza bħal meta jagħmluhom fil-pajjiżi tagħhom stess. Ma għandu jkun hemm l-ebda differenza jekk jużaw il-kard(s) tagħhom f’pajjiżhom jew ximkien ieħor fis-SEPA. L-ebda skema tal-kards bi skop ġenerali mfassla esklussivament għall-użu f’pajjiż uniku, u l-ebda skema ta' kards imfassla esklussivament għall-użu transkonfinali fi ħdan is-SEPA, m'għandha tibqa' teżisti.” |
K. |
billi wieħed jista’ jistenna li l-migrazzjoni b'suċċess tas-SEPA tagħti impetu għall-iżvilupp ta' mezzi ta' pagament pan-Ewropej innovattivi; |
Il-metodi differenti ta’ pagament
1. |
Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-provvista tal-Green Paper, iqis li l-kunsiderazzjonijiet u l-kwistjonijiet imressqa fiha rilevanti ħafna, u jaqbel kompletament mal-għanijiet elenkati biex jinkisbu iktar kompetizzjoni, iktar għażla, iktar innovazzjoni u iktar sigurtà tal-pagamenti u fiduċja tal-klijent; |
2. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn tliet swieq tal-prodotti differenti fl-isfera ta' sistemi ta’ kards bankarji bejn erba' partijiet – l-ewwel nett suq li fih jikkompetu d-diversi sistemi tal-kards biex jakkwistaw istituzzjonijiet finanzjarji bħala l-klijenti tal-emissjonijiet u l-akkwisti tagħhom; imbagħad l-ewwel suq 'downstream' li fih il-banek emittenti jikkompetu għan-negozju tad-detenituri ta’ kard bankarja ('is-suq emittenti); fl-aħħar nett suq 'downstream' ieħor, fejn il-banek akkwirenti jikkompetu għan-negozju tal-kummerċjanti (“is-suq tal-akkwirenti”) – u jikkunsidra li kompetizzjoni ħielsa għandha tissaħħaħ f’kull suq; |
3. |
Jimmarka l-importanza ta’ suq ibbażat fuq l-awtoregolazzjoni b'kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha, iżda jirrikonoxxi li l-awtoregolazzjoni tista’ ma tiksibx l-eżitu mixtieq f'qafas ta' żmien aċċettabbli minħabba kunflitti ta' interessi; jistenna li l-Kummissjoni tressaq il-proposti leġiżlattivi neċessarji sabiex tiżgura SEPA reali għall-kard, l-internet u l-mowbajls permezz, u f'dan ir-rigward jinnota l-importanza tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagamenti; |
4. |
Jenfasizza l-bżonn ta’ viżjoni ċara u komprensiva għas-SEPA fir-rigward tal-għall-pagamenti bil-kards, bl-internet u bil-mowbajls u l-provvista ta' tali linji gwida u skedi ta’ żmien neċessarji biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan bażiku li m'għandux ikun hemm differenza bejn il-pagamenti transkonfinali u dawk nazzjonali; |
5. |
Jenfasizza l-bżonn li jsir avvanzaw lejn sistema ta' kklerjar u likwidazzjoni f’ħin reali, li teknikament diġà hija aċċessibbli u użata għal xi ħlasijiet, u jenfasizza li l-pass lejn ekonomija f’ħin reali għandu jkun għan importanti għas-SEPA kollha u li sistema interbankarja avvanzata b’ħin reali għandha tkun aċċessibilità fis-SEPA kollha; |
6. |
Huwa għalhekk tal-opinjoni li l-iskemi kollha ta’ pagamenti nazzjonali bil-kards, bil-mowbajls u bl-internet għandhom jingħaqdu jew jaqilbu għal skema Pan-Ewropea konformi mas-SEPA, sabiex il-pagamenti bil- mowbajls u bl-internet kollha jkunu aċċettati kullimkien fis-SEPA, u li għandu jkun hemm perjodu neċessarju ssuġġerit mill-Kummissjoni għal din it-tranżizzjoni; |
7. |
Jirrimarka li t-terminals kollha għandhom ikunu kapaċi jaċċettaw il-kards kollha u jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ interoperabilità u, għaldaqstant, li kwalunkwe ostaklu tekniku li jirriżulta minn differenzi fil-funzjonalità u fir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għat-terminals għandu jitneħħa peress li standards u regoli komuni, u terminal softwers standardizzati, jkabbru l-kompetizzjoni; |
8. |
Jemmen li l-approċċ tal-awtoregolazzjoni għas-suq Ewropew integrat għall-pagamenti mhuwiex suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva biex tiżgura sigurtà tal-pagamenti, kompetizzjoni ġusta, inklużjoni finanzjarja, protezzjoni tad-data personali u trasparenza għall-konsumaturi; |
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirriforma l-governanza tas-SEPA u tiżgura li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni jkun demokratiku, trasparenti u jservi l-interess pubbliku; jinnota li dan jirrikjedi rwol aktar attiv u mexxej tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-governanza tas-SEPA, kif ukoll rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti kollha fl-entitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ implimentazzjoni tas-SEPA kollha, bil-garanzija ta' involviment suffiċjenti tal-utenti finali; |
10. |
Jesprimi tħassib fir-rigward ta’ kwalunkwe regolamentazzjoni stretta u bla bżonn tas-swieq tal-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl f'dan l-istadju peress li tali metodi ta’ pagamenti għadhom fil-proċess ta’ żvilupp; jikkunsidra li kwalunkwe inizzjattiva regolatorja f'dan il-qasam għandha r-riskju li tkun ikkaratterizzata minn enfasi bla bżonn fuq strumenti ta' pagament diġà eżistenti, u b'hekk tista' tiskoraġġixxi l-innovazzjoni u tgħawweġ is-suq qabel ma tiġi żviluppata; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ xieraq għal kwalunkwe metodu futur ta’ pagament bl-internet u bil-mowbajl fi proposta futura, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment għall-konsumaturi vulnerabbli; |
11. |
Jinnota li filwaqt li l-pagamenti elettroniċi qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fl-Ewropa u fid-dinja, għad hemm ostakli serji għal suq uniku diġitali Ewropew integrat b’mod sħiħ u effettiv, kompetittiv, innovattiv, sikur, trasparenti u favorevoli għall-konsumatur fir-rigward ta’ dawn il-forom ta’ pagamenti; |
12. |
Jinnota li fil-kriżi attwali huwa essenzjali li tittieħed azzjoni biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jiġi stimulat mill-ġdid il-konsum, li filwaqt li s-suq diġitali jipprovdi opportunità kbira biex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-UE għandha għal dan l-iskop tkun f'pożizzjoni li tistabbilixxi suq intern totalment diġitali, u li huwa vitali li jingħelbu l-ostakoli eżistenti minn naħa waħda u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur min-naħa l-oħra; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-eżistenza ta' suq uniku Ewropew newtrali u sikur għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl li jiffaċilita l-kompetizzjoni ħielsa u l-innovazzjoni hija essenzjali għall-kisba ta' suq uniku diġitali ġenwin u tista' tikkontribwixxi ħafna biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi; |
13. |
Jinnota li l-iżvilupp ta' sistemi ta' pagament trasparenti, sikuri u effikaċi fis-suq diġitali Ewropew huwa essenzjali biex tiġi żgurata ekonomija diġitali ġenwina u jiġi ffaċilitat kummerċ elettroniku transkonfinali; |
14. |
Jinnota li qafas Ewropew sikur, affidabbli u trasparenti għal pagamenti elettroniċi huwa essenzjali għat-tnedija ta 'suq uniku diġitali; jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' informazzjoni biex il-konsumaturi jkunu konxji tal-għażliet disponibbli fis-suq u l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għal pagamenti elettroniċi sikuri, u jqis li kampanji bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, ukoll biex jingħelbu l-biżgħat bla bażi rigward dawn il-forom ta’ pagament; jemmen li f'dan ir-rigward, il-punti ta' kuntatt favur il-konsumatur se jsaħħu l-fiduċja fil-pagamenti remoti; |
15. |
Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, għandhom jittieħdu miżuri biex iwaqqfu d-diskriminazzjoni frekwenti tal-konsumaturi Ewropej li l-pagamenti tagħhom għal tranżazzjonijiet transkonfinali online ma jiġux aċċettati minħabba l-provenjenza tagħhom; |
16. |
Jiddispjaċih li fis-sitwazzjoni preżenti, il-biżża -kbira tal-ispejjeż tal-pagamenti mhumiex trasparenti, filwaqt li jinnota li dawk li ma jużawx metodi ta' pagamenti għoljin xorta jkopru l-ispejjeż tagħhom; ifakkar li kull metodu ta’ pagament għandu l-ispejjeż tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex fil-futur tikkunsidra wkoll l-ispejjeż ta’ pagamenti fi flus kontanti u ċekkijiet, għall-atturi u l-konsumaturi tas-suq kollha, apparagun ta’ metodi ta’ pagament oħrajn; ifakkar li l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal servizzi bankarji bażiċi; jenfasizza li l-azzjonijiet favur standards tekniċi komuni għandhom jittieħdu fid-dawl tal-importanza, l-effettività u s-suffiċjenza tal-istandards attwalment fis-seħħ fl-Ewropa; |
Standardizzazzjoni u interoperabilità
17. |
Jemmen li l-ħidma ulterjuri dwar standards tekniċi komuni, abbażi ta' aċċess miftuħ, tista’ ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u l-funzjonament tas-suq intern, iżda trawwem ukoll interoperabilità u twassal għal vantaġġi relatati mas-sigurtà fl-għamla ta’ standards ta’ sigurtà komuni, li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti; |
18. |
Jinnota li għall-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl, il-parti l-kbira tal-istandards għandhom ikunu l-istess għall-pagamenti tas-SEPA attwali, iżda huma meħtieġa standards ġodda għas-sigurtà u għall-identifikazzjoni tal-klijenti, u biex jipprovdu servizz interbankarju f’ħin reali fuq l-internet u jenfasizza li l-iżvilupp ta' standards ġodda mhux biżżejjed u li l-implimentazzjoni koordinata hija mill-inqas daqstant importanti; |
19. |
Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni m’għandhiex timponi ostakoli għall-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, iżda minflok għandha tneħħi l-ostakoli sabiex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-partijiet kollha; jirrakkomanda, għalhekk, li l-istandards għandhom ikunu miftuħa biex jingħata lok għall-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fis-suq, minħabba li l-obbligu ta' standard magħluq jew uniku jillimita l-iżvilupp u l-innovazzjoni tas-suq, jimponi restrizzjoni sproporzjonata, u ma jwassalx għal kundizzjonijiet kompetittivi u indaqs għal kulħadd; jinnota, madankollu, l-investigazzjoni antitrust tal-Kummissjoni fil-proċess ta' standardizzazzjoni għall-pagamenti bl-internet (pagamenti elettroniċi) imwettqa mill-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti (EPC); |
20. |
Jinnota li bażikament it-tranżazzjonijiet ta’ pagament kollha fihom l-istess tip ta' data, u jenfasizza li għandu jkun hemm komunikazzjoni sikura tad-data għal kwalunkwe pagament li tippermetti pproċessar sħiħ minn tarf sa tarf f’ħin reali, jara l-vantaġġ li s-sistemi kollha jużaw l-istess format tal-messaġġ, u jfakkar li l-aktar għażla ovvja hija dik użata għat-trasferiment tal-kreditu u għad-debitu dirett kif iddefinit fl-Anness tar-Regolament tas-SEPA dwar id-Data tat-Tmiem (jiġifieri ISO XML 20022); jirrakkomanda li għandu jintuża l-istess format tal-messaġġ fil-komunikazzjoni tat-tranżazzjonijiet tad-data kollha mit-terminal sal-klijenti bl-inklużjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha; |
21. |
Jenfasizza li, meta titqies il-fażi tal-iżvilupp tas-suq għall-pagamenti elettroniċi u bil-mowbajl li qed tikber b'rata mgħaġġla, li bħalissa madankollu hija immatura, l-impożizzjoni ta’ standards obbligatorji f'dawn l-oqsma ewlenin għat-titjib tas-suq uniku diġitali fl-Ewropa jimplika r-riskju ta' effetti negattivi għall-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u t-tkabbir tas-suq; |
22. |
Jinnota li skont id-dikjarazzjoni tal-feedback tal-Kummissjoni tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper, l-implimentazzjoni tal-istandards żviluppati ta' spiss tirrappreżenta sfida kbira; jistieden lill-Kummissjoni tindaga l-possibilitajiet ta' mekkaniżmi ta' infurzar, bħall-istabbiliment tad-dati tat-tmiem tal-migrazzjoni; |
23. |
Jinnota li t-tariffi għall-ġbid ta' flus kontanti mill-ATMs barra l-bank u l-iskema ta' kards ta’ utent ta’ servizz ta’ pagament (PSU) stess huma ta' spiss eċċessivi f'ħafna Stati Membri u għandhom ikunu bbażati skont l-ispejjeż mas-SEPA kollha; |
24. |
Jenfasizza li kwalunkwe rekwiżit ta’ standardizzazzjoni u interoperabilità għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività, it-trasparenza, in-natura innovattiva, is-sigurtà tal-pagament u tal-effikaċja tas-sistemi ta' pagament Ewropej, għall-vantaġġ tal-konsumaturi kollha u l-partijiet interessati kollha; jenfasizza li l-ebda rekwiżit ta’ standardizzazzjoni ma għandu jimponi ostakli permezz ta’ differenzi bla bżonn mas-suq globali; jemmen, barra minn hekk, li għandhom jiġu segwiti standards komuni anke fil-livell globali, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab ekonomiċi ewlenin tal-UE; |
25. |
Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-metodi possibbli biex tippromwovi operaturi ġodda fis-suq tal-kards, per eżempju billi jitqiesu infrastruttura ta' pagament komuni għat-transazzjonijiet kollha irrispettivament mill-fornitur tal-kard; |
26. |
Jinnota li s-separazzjoni tal-infrastrutturi tal-pagament mill-iskemi ta' pagament tista’ żżid il-kompetizzjoni billi l-atturi ta’ daqs iżgħar ma jitħallewx barra minħabba limitazzjonijiet tekniċi; jenfasizza li l-fornituri tas-servizz ta' pagament (PSPs) għandhom ikunu liberi biex jagħżlu kwalunkwe kombinazzjoni ta' servizzi ta’ emissjoni u ta’ akkwiżizzjoni disponibbli fi ħdan l-iskemi ta' pagament fis-suq, u li l-infrastrutturi tal-pagament għandhom jipproċessaw b’mod newtrali tranżazzjonijiet ta' skemi differenti ta' pagament paralleli għal strumenti simili; |
27. |
Jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura bħal din tkun dejjem konformi mal-prinċipji ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta, u dħul u aċċess ħieles għas-suq, b'kunsiderazzjoni tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi futuri f'dan is-settur, sabiex is-sistema tkun tista’ tadatta għal żviluppi futuri u tippromwovi u tiffaċilita b'mod konsistenti l-innovazzjoni u l-kompetittività; |
Governanza
28. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi governanza aħjar tas-SEPA, li tkopri l-istruttura ta' organizzazzjoni relatata mal-iżvilupp tal-karatteristiċi prinċipali tas-servizzi ta’ pagament u tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati, u filwaqt li jingħata lok li l-iżvilupp ta' standards tekniċi u ta’ sigurtà jiġu organizzati separatament b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata; jitlob rappreżentanza iktar ibbilanċjata tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp ulterjuri ta’ standards komuni tekniċi u ta’ sigurtà għall-iskemi ta’ pagament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet preċedenti tiegħu għal riforma tal-governanza tas-SEPA biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentanza aħjar tal-utenti tas-servizzi ta’ pagament fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-proċess tal-istabbiliment tal-istandards; jinnota li dawn il-partijiet interessati jistgħu jinkludu – iżda mhux neċessarjament ristretti għal – l-EPC, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tal-kummerċjanti u l-katini kbar ta' bejgħ bl-imnut, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), il-Kummissjoni, esperti f’oqsma varji, fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji, u l-kummerċ bil-mowbajl, l-internet u l-kards u operaturi ta' netwerks mobbli; jistieden lill-dawn il-partijiet interessati biex jadattaw il-ħidma tagħhom skont struttura ta’ governanza ġdida fejn il-Kunsill tas-SEPA jkollu rwol; iqis li l-Kunsill tas-SEPA għandu jiġi assistit minn kumitati tekniċi varji, jew “task forces” għal pagament elettroniku, m-payment, kards, flus kontanti u kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni oħra, u minn gruppi ta' ħidma ad hoc; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni dwar il-governanza tas-SEPA dwar l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, biex toħroġ bi proposta qabel tmiem l-2012; jistieden lill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (Comité Européen de Normalisation, CEN) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI), b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu rwol iżjed attiv fl-istandardizzazzjoni tal-pagamenti bil-kard; |
29. |
Jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li s-SEPA hija l-pedament għall-ħolqien ta' suq tal-pagamenti tal-UE integrat u għandha sservi bħala bażi għall-iżvilupp ta' dan is-suq u biex tagħmlu aktar innovattiv u kompetittiv; |
30. |
Iqis li l-infurzar tar-regoli fil-pagamenti elettroniċi huwa ħafna drabi diffiċli, mhux adegwat u differenti madwar l-Ewropa, u li għandhom isiru sforzi aktar b'saħħithom biex jiġi żgurat infurzar xieraq u uniformi tar-regoli; |
31. |
Jafferma li approċċ awtoregolatorju mhuwiex biżżejjed; iqis li l-Kummissjoni u l-BĊE, b’kooperazzjoni mal-Istat Membri, għandhom jieħdu rwol aktar attiv u mexxej, u li l-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, għandhom jiġu involuti u kkonsultati b’mod xieraq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. |
32. |
Iqis li x'aktarx se jkun hemm żieda fl-għadd ta' kumpaniji Ewropej li l-attivitajiet tagħhom huma effettivament dipendenti fuq il-kapaċità li jaċċettaw pagamenti bil-kard; iqis li huwa fl-interess pubbliku li jiġu ddefiniti regoli oġġettivi li jiddeskrivu ċ-ċirkustanzi u l-proċeduri li bihom l-iskemi ta’ pagament bil-kard jistgħu jirrifjutaw b’mod unilaterali l-aċċettazzjoni; |
33. |
Iqis li huwa ta' importanti li tissaħħaħ il-governanza tas-SEPA u li l-Kunsill imġedded tas-SEPA jingħata rwol iktar b'saħħtu, u li dan il-korp governattiv ġdid għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-partijiet interessati rilevanti ewlenin u għandu jiġi stabbilit b'mod li jipprovdi għal kontroll demokratiku permezz tal-Kummissjoni u awtoritajiet oħra tal-UE; jipproponi li Kunsill imġedded tas-SEPA għandu jmexxi l-ħidma, jidentifika skeda ta' żmien u pjan ta' ħidma, jiddeċiedi dwar il-prijoritajiet u l-kwistjonijiet ewlenin, u b'hekk jagħmel xogħol ta’ arbitraġġ bejn il-partijiet interessati f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil; jenfasizza li l-kontroll demokratiku għandu jiġi żgurat permezz tal-Kummissjoni, bil-BĊE u l-ABE li jkollhom rwol prominenti; |
34. |
Jilqa' l-konsultazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni flimkien mal-partijiet interessati bħala parti mill-Green Paper dwar is-suġġett tal-governanza tas-SEPA, skont il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, u jistenna bil-ħerqa l-proposta li beħsiebha tressaq il-Kummissjoni dwar is-suġġett fl-aħħar ta' din is-sena; jenfasizza li l-prijorità immedjata tal-partijiet interessati kollha tas-SEPA għandha tkun il-preparazzjoni għal migrazzjoni tas-SEPA skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 260/2012, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr ostakli mill-użu ta' skemi nazzjonali ta’ pagamenti għal dawk pan-Ewropej; |
Akkwisti transkonfinali
35. |
Jinnota li l-istandardizzazzjoni u l-allinjament ulterjuri tal-prattiki, biex jingħelbu l-ostakoli tekniċi u rekwiżiti nazzjonali ta’ ħlas u kklerjar, jikkontribwixxi għall-promozzjoni ulterjuri tal-akkwsit transkonfinali, arranġament li jżid il-kompetizzjoni u għaldaqstant l-għażliet disponibbli għall-kummerċjanti, u jista’ jirriżulta f'metodi ta’ pagament iktar kosteffiċjenti għall-klijenti; jemmen li l-kummerċjanti għandhom jiġu infurmati aħjar dwar il-possibilitajiet ta' akkwist transkonfinali; |
36. |
Iħeġġeġ li għandhom jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-akkwist transkonfinali, fid-dawl tal-vantaġġi tiegħu għas-suq intern; jesprimi tħassib dwar l-ostakoli nazzjonali, legali u tekniċi eżistenti, bħama huma ċerti termini ta’ għoti ta’ liċenzji, li għandhom jitneħħew sabiex akkwirent kompatibbli mas-SEPA mhux domestiku ma jiġix trattat b'mod differenti minn akkwirent domestiku f'dak il-pajjiż; |
37. |
Jenfasizza li ma għandu jkun hemm ebda differenza kbira bejn leġiżlazzjonijiet ta' kontijiet ta' pagament varji, u li min iħallas għandu jkun jista’ jagħmel trasferiment ta' fondi bl-internet jew bil-mowbajl lil kwalunkwe riċevitur li l-kont tiegħu ikun jinsab fi kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja konnessa mas-SEPA; |
38. |
Jenfasizza lil l-PSPs kollha awtorizzati għandu jkollhom l-istess dritt ta' aċċess għall-faċilitajiet ta’ kklerjar u ta’ ħlas, jekk ikollhom proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju adegwati, jekk jissodisfaw ħtiġijiet tekniċi minimi u jekk jitqiesu bħala stabbli biżżejjed li ma jippreżentaw l-ebda riskju, jiġifieri jekk bażikament ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti rilevanti bħall-banek; |
Tariffi Multilaterali tal-Interkambju (Multilateral Inter-change Fees – MIFs)
39. |
Ifakka, li skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-“kawża tal-Mastercard” tal-24 ta' Mejju 2012, l-MIF tista' tkun ikkunsidrata bħala antikompetittiva u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi kif din id-deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata fir-regolazzjoni tal-mudelli kummerċjali tal-pagament bil-kards, bil-mowbajl u bl-internet. |
40. |
Jinnota li d-dħul tal-MIF f’ħafna każijiet ikun relattivament għoli wisq apparagun tal-ispejjeż li għandu jkopri; jinnota li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu bbilanċjati tariffi ta' pagament differenti biex jiġi żgurat li prattiki ta' sussidji trasversali ma jippromwovux għażliet ta' strumenti ineffiċjenti, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura permezz ta’ regolament li l-MIFs ma jgħawġux il-kompetizzjoni billi jinħolqu ostakli għall-innovazzjoni u għal min ikun daħal ġdid fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt, sal-aħħar tal-2012, dwar i — possibilitajiet differenti; jenfasizza li ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali huma meħtieġa fir-rigward tal-MIFs; |
41. |
Jinnota li wara perjodu tranżizzjonali, persuna li tkun ġejja minn kwalunkwe Stat Membru għandu jkollha kard ta' pagament kompatibbli mas-SEPA aċċettata f’kull terminal ta’ pagament fis-SEPA, u li l-pagament għandu jgħaddi b'mod sikur; jinnota li dan ir-rekwiżit jista' jimplika li l-MIFs għandhom bżonn jiġu regolati biex jaqgħu taħt livell limitu, u jinsisti li dan ma għandu jirriżulta f'żieda ta' MIFs fl-ebda Stat Membru iżda pjuttost għandu jirriżulta fi tnaqqis u, forsi, fi tnaqqis gradwali għal żero f’xi stadju aktar 'il quddiem. |
42. |
Iqis li akkwisti transkonfinali u ċentrali għandhom jissaħħu u li kwalunkwe ostaklu tekniku jew legali għandu jitneħħa, peress li dan jgħin biex jitnaqqsu l-livelli tal-MIFs u tat-tariffi merkantili; |
43. |
Iqis li l-MIFs għandhom jiġu regolati fil-livell Ewropew, bl-għan li jiġi żgurat aċċess iktar faċli għall-atturi ġodda fis-suq fir-rigward tal-akkwist transkonfinali, biex b’hekk in-negozjanti jiġu pprovduti b'għażla reali dwar f’liema skemi ta’ pagament jixtiequ jingħaqdu magħhom; jinnota li jekk il-proposta leġiżlattiva ġdida tipprovdi għal tariffi, għandha tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu r-rati tagħhom; ifakkar li l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 li jistabilixxi rekwiżiti tekniċi u kummerċjali għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro jipprovdi l-ebda MIF għal kull tranżazzjoni ma tista' tiġi applikata wara l-1 ta' Frar 2017; jitlob l-istess approċċ għall-pagamenti bil-kard; |
44. |
Iqis li l-mudell kummerċjali għall-iskemi ta’ pagament bi tliet partijiet u mħallta jista’ jqajjem tħassib ta' kompetizzjoni simili għal dawk tal-iskemi b'erba' partijiet; jemmen, għalhekk, li l-iskemi tal-kards kollha – kemm jekk huma skemi b'erba' partijiet, bi tliet partijiet jew imħallta u kwalunkwe żieda ġdida fis-suq – għandhom jiġu trattati b’mod ugwali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali u għat-trawwim tal-kompetizzjoni u t-trasparenza għall-konsumaturi u l-kummerċjanti; |
Co-badging
45. |
Jinnota li l-co-badging, li fih ikunu daħlu volontarjament is-sistemi ta' pagament involuti, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, peress li jirriżulta f’inqas kards fil-bwiet tal-konsumaturi, u jista’ jiffaċilita l-aċċess ta' skemi domestiċi nazzjonali għas-suq iktar wiesa' tas-SEPA, li jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni; jinnota, madankollu, li l-co-badging ma għandhux jintuża bħala mezz biex wieħed idur ma’ skemi domestiċi permezz tal-użu deċiż minn qabel ta’ marka domestika; |
46. |
Jenfasizza li l-klijenti detenturi tal-kards għandu jkollhom il-libertà biex jagħżlu liema mill-alternattivi tal-co-badging ipprovduti huma attivati fuq il-kards speċifiċi tagħhom, u jinsisti li l-kummerċjanti għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu liema alternattivi tal-co-badging lesti jaċċettaw, u li, f'kull sitwazzjoni ta' pagament speċifika, l-klijenti detenturi ta’ kard għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu il-co-badging alternattiva preferita tagħhom fost dawk aċċettati mill-kummerċjant; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet li jinkoraġġixxu l-co-badging ta' aktar minn skema waħda konformi mas-SEPA; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni bir-reqqa lill-kwistjonijiet bħall-kompatibilità ta' proċeduri ta' ġestjoni, l-interoperabilità teknika u r-responsabilità għall-vulnerabilitajiet ta' sigurtà; |
47. |
Iqis li l-co-badging għandha tkun introdotta flimkien ma’ informazzjoni xierqa għall-konsumaturi, li sservi biex ikunu mħarsa mir-riskju li jidħlu f'sitwazzjonijiet li jqarrqu; jenfasizza li għandu jkun hemm ċarezza għall-partijiet kollha rigward min huwa responsabbli għall-protezzjoni u l-kunfidenzjalità tad-data tad-detentur tal-kard u d-data tal-kummerċjant, u min huwa responsabbli għall-istrumenti ta' pagament co-branded; |
Imposti
48. |
Jemmen li imposti, skontijiet u prattiki oħra li jmexxu lill-konsumatur, bil-mod li jiġu applikati normalment, spiss ikunu ta’ dannu għall-utenti finali ta' servizzi ta' pagament; jinnota li imposta bbażata unikament fuq l-għażla tal-pagament magħmula minn klijent taf tkun arbitratja u tista' tkun abbużata biex isir dħul addizzjonali pjuttost milli jiġu koperti l-ispejjeż; jikkunsidra li jkun importanti li jiġu projbiti l-possibilitajiet ta' imposti eċċessivi fir-rigward tat-tariffa kummerċjali ta' tranżazzjoni individwali, u biex jiġu kontrollati l-iskontijiet u l-prattiki simili li jmexxu lill-konsumatur fil-livell tal-UE; jenfasizza, għalhekk, li in-negozjanti għandhom jaċċettaw strument ta' pagament ta' użu komuni wieħed mingħajr ebda imposta (kard ta’ debitu konformi mas-SEPA, pagament elettroniku), u li kwalunkwe imposta fuq strumenti oħrajn fl-ebda mument ma tista’ taqbeż l-ispejjeż diretti addizzjonali ta' dawk l-istrumenti apparagun tal-istrument aċċettat mingħajr imposta; |
49. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza akbar u informazzjoni aħjar għall-konsumaturi dwar l-imposti u t-tariffi addizzjonali għad-diversi metodi ta' ħlas, minħabba l-fatt li l-kummerċjanti ġeneralment jinkludu l-ispejjeż ta' tranżazzjoni fil-prezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, bil-konsegwenza li l-konsumaturi ma jkunux informati sew minn qabel dwar l-ispiża totali, u b'hekk iħallsu aktar għax-xirjiet tagħhom, u din hija ċirkostanza li ddgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi; |
50. |
Jinnota li imposta bbażata unikament fuq l-għażla tal-pagament magħmula minn klijent taf tkun arbitratja, tista' tkun abbużata biex isir dħul addizzjonali minflok ma jiġu koperti l-ispejjeż, u, kollox ma' kollox, mhijiex ta' benefiċċju għall-iżvilupp tas-suq uniku minħabba li xxekkel il-kompetizzjoni u żżid il-frammentazzjoni fis-suq u l-konfużjoni għall-konsumatur; |
51. |
Jinnota li l-limitar tal-imposti għall-ispiża diretta tal-użu ta’ strument ta’ pagament hija possibilità waħda, kif inhi possibilità wkoll li jkun hemm projbizzjoni fuq l-imposti madwar l-UE kollha; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-projbizzjoni tal-possibilitajiet ta’ imposti eċċessivi fir-rigward tat-tariffa merkantili kif ukoll dwar projbizzjoni ta’ imposta madwar l-Ewropa kollha, fid-dawl tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur 2011/83/UE; |
Sigurtà tal-pagamenti
52. |
Jenfasizza li sabiex jiġi żviluppat bis-sħiħ il-potenzjali tal-pagamenti elettroniċi, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, li u mbagħad tirrikjedi livell għoli ta' sigurtà għas-salvagwardja kontra riskji ta’ frodi u sabiex tiġi protetta d-data sensittiva u personali tal-konsumaturi; |
53. |
Jenfasizza li l-privatezza tal-konsumatur għandha tkun protetta b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali, u li kull parti fil-katina tal-pagament għandu jkollha aċċess biss għal data rilevanti għall-ipproċessar tagħha u l-bqija jkun ikkriptat u konsegwentement maqbuż; |
54. |
Iqis li r-rekwiżiti minimi ta' sigurtà għall-pagamenti bl-internet, bil-kard u bil-mowbajl għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha, u li għandu jkun hemm korp ta' tmexxija komuni li jistabilixxi r-rekwiżiti; jinnota li s-soluzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tas-sigurtà jissimplifikaw l-informazzjoni tal-klijenti u b’hekk il-mod li bih il-klijenti jadattaw għall-arranġamenti ta’ sigurtà, u li jnaqqsu wkoll l-ispejjeż fi ħdan il-PSPs; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-PSPs kollha għandhom ikunu meħtieġa jżmommu soluzzjonijiet komuni ta’ sigurtà minimi, li, filwaqt li jistgħu jiġu mtejba mill-PSPs, m’għandhomx isiru ostakli għall-kompetizzjoni; |
55. |
Ifakkar li r-responsabbiltà finali għall-miżuri ta' sigurtà relatati ma’ metodi differenti ta’ pagament ma tistax tkun tal-konsumaturi, huma għandhom ikunu infurmati dwar il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà, u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż tal-frodi, sakemm ma jkunux ikkawżati mill-klijent “jekk hu jkun ġarrabhom b'aġir frodulenti jew billi jkun naqas milli jissodisfa obbligu jew obbligi skont l-Artikolu 56 b'intenzjoni jew bi traskuraġni serja”; jikkunsidra, għalhekk, li l-kampanji ta’ informazzjoni pubbliċi għandhom ikunu inkoraġġuti bl-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien pubbliku b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà diġitali; jistieden lill-Kummissjoni biex meta tiżviluppa strateġija u strumenti għall-integrazzjonti tas-swieq tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl tikkunsidra l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet tal-KEPD rigward it-trasparenza, l-identifikazzjoni tal-kontrollur/il-persuna responsabbli għall-ipproċessar, il-proporzjonalità u d-drittijiet tas-suġġett tad-data; iqis li huwa importanti li każijiet kollha ta' frodi fil-pagamenti fis-SEPA jiġu rappurtati f'sit iċċentralizzat għall-monitoraġġ, għall-istatistika u għall-evalwazzjoni, sabiex wieħed jirrispondi malajr għat-theddid ġdid ta' sigurtà, u li l-iżviluppi ewlenin għandhom isiru pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni testendi l-kunċett tal-privatezza “privacy by design” lil hinn minn mekkaniżmi ta’ awtentifikazzjoni u s-salvagwardji ta' sigurtà sabiex tiżgura l-minimizzazzjoni tad-data, biex timplementa privatezza permezz ta’ settings automatiċi, biex tillimita l-aċċess għal informazzjoni ta’ individwi għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi pprovdut servizz, u biex timplimenta għodod li jgħinu lill-utenti biex jipproteġu aħjar id-data personali tagħhom; |
56. |
Iqis li s-sigurtà tal-pagamenti bil-kard wiċċ imb'wiċċ diġà hija għolja b’mod ġenerali u l-bidla gradwali mill-kards manjetiċi għall-kards biċ-ċippa, li għandha titlesta b’mod rapidu, se ttejjeb aktar u aktar il-livell ta’ sigurtà; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà assoċjati ma’ forom oħra ta' pagament bil-kard, u dwar il-fatt li ċerti implimentazzjonijiet EMV Ewropej jistgħu ma jkunux konsistenti għalkollox, u jitlob sforzi biex din is-sitwazzjoni mhux mixtieqa tiġi rrimedjata, u jfakkar li huma meħtieġa wkoll soluzzjonijiet imtejba għal remote payments bil-kard ibbażati fuq netwerk; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data indipendenti dwar frodi f’ pagamenti fuq l-internet u biex fil-proposta leġiżlattiva tagħha tintegra dispożizzjonijiet xierqa kontra l-frodi; |
57. |
Jemmen li l-forniment lil partijiet terzi ta’ data dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f’kontijiet bankarji jinvolvi riskji; jinnota li wieħed mir-riskji huwa li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux konxji għal kollox dwar min għandu aċċess għall-informazzjoni dwar il-kont tagħhom, fil-kunstest ta' liema qafas legali, u liema operatur huwa responsabbli għas-servizzi ta’ pagament li l-konsumatur qiegħed juża; jenfasizza li l-protezzjoni tad-data ma għandha tkun kompromessa fl-ebda stadju; |
58. |
Jenfasizza li l-iżviluppi regolatorji u tekniċi jistgħu jnaqqsu dawn ir-riskji għas-sigurtà u jistgħħu jagħmlu l-pagamenti permezz ta’ PSPs mhux bankarji sikuri daqs pagamenti diretti mill-kontijiet bankarji protetti sew, sakemm ikunu disponibbli sistemi siguri fil-prattika u l-leġittimità ta' tali aċċess, u l-organizzazzjonijiet li jitolbu dan l-aċċess ikunu definiti b'mod ċar; |
59. |
Għalhekk, ma jissapportjax l-aċċess ta’ partijiet terzi għall-informazzjoni tal-kont bankarju tal-klijent sakemm is-sistema ma tkunx qed tidher sigura u ġiet ittestjata bir-reqqa; jinnota li, fi kwalunkwe regolament, l-aċċess minn partijiet terzi għandu jkun limitat għal informazzjoni binarja ('iva–le') dwar id-disponibilità tal-fondi, u li għandha tingħata attenzjoni speċjali għas-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-konsumatur; iqis, b’mod partikolari, li għandu jkun speċifikat b’mod ċar liema partijiet jista’ jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni b’bażi nondiskriminatorja, u skont liema kundizzjonijiet tista’ tinħażen id-data, u li dawn id-dispożizzjonijiet iridu jkunu suġġetti għal relazzjoni kuntrattwali bejn l-entitajiet involuti; jenfasizza li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibilità tal-fondi għal tranżazzjoni partikolari u aċċess għal informazzjoni ta' kont ta’ klijent b'mod ġenerali meta jiġi stabbilit qafas regolatorju għal aċċess għal terza parti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tad-data personali billi tipproponi, wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, regolament ċar dwar liema rwol kull attur għandu fil-ġbir ta’ data u għal liema skop, u definizzjoni ċara tal-atturi responsabbli għall-ġbir, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data; iżid li l-utenti tal-kards għandu jkollhom il-possibilità li jkollhom aċċess għad-data personali tagħhom u jirrettifikawha, f'kuntest transkonfinali kumpless; jirriżultalu li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data għandhom ikunu implimentati skont il-prinċipju ta' “privacy by design” jew b’mod awtometiku u li n-negozji jew il-konsumaturi ma għandhomx iġorru r-responsabilità biex jipproteġu d-data tagħhom; |
60. |
Jemmen li d-drittijiet ta' ħlas lura lill-konsumaturi għandhom jissaħħu, kemm fil-każ ta' pagamenti mhux awtorizzati kif ukoll fil-każ ta' oġġetti jew servizzi mhux ikkonsenjati (jew mhux ikkonsenjati kif imwiegħed), u li sistemi ta' rimedju kollettiv u sistemi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim effikaċi huma għodda indispensabbli għall-ħarsien tal-konsumaturi, anke fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi; |
61. |
Jinnota li waqt li t-theddid għas-sigurtà jkompli jiżdied jeżisti rwol ukoll għas-CEN u għall-ETSI biex ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp tal-istandards ta' sigurtà; |
62. |
Jinnota li f'sistemi ta' pagament fejn wieħed jew aktar mill-parteċipanti huma fi Stati Membri differenti, il-Kummissjoni mistennija tagħmel proposta ta’ kjarifika dwar liema qrati jew liema ftehim ta' tilwim barra mill-qorti għandhom jintużaw għal kwalunkwe tilwima, u li l-konsumaturi għandhom aċċess u użu faċli ta' dawn l-entitajiet ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim. |
o
o o
63. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Parlamenti Nazzjonali. |
(1) ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22.
(2) http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/information_paper_payments_en.pdf
(3) http://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/recommendationsforthesecurityofinternetpaymentsen.pdf
(4) http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Comments/2012/12-04-11_Mobile_Payments_EN.pdf
(5) ĠU L 318, 22.11.2002, p. 17.
(6) http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/34579/34579_1889_2.pdf; sommarju tad-deċiżjoni ppubblikat fil-ĠU C 264, 6.11.2009, p. 8
(7) Kawża T-111/08, MasterCard u Oħrajn v il-Kummissjoni, li għadha ma ġietx irrappurtata.