This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IP0260
Towards a job-rich recovery European Parliament resolution of 14 June 2012 on ‘Towards a job-rich recovery’ (2012/2647(RSP))
Lejn irkupru mogħni bl-impjiegi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Ġunju 2012 dwar "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi" (2012/2647(RSP))
Lejn irkupru mogħni bl-impjiegi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta' Ġunju 2012 dwar "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi" (2012/2647(RSP))
ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 81–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 332/81 |
Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2012
Lejn irkupru mogħni bl-impjiegi
P7_TA(2012)0260
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi" (2012/2647(RSP))
2013/C 332 E/16
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (COM(2012)0173), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati” (SWD(2012)0099), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 dwar l-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward tal-impjiegi li joffru s-servizzi personali u tal-unitajiet domestiċi (SWD(2012)0095), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “Ir-Riforma tal-EURES biex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020” (SWD(2012)0100), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “L-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ: l-ewwel passi li ttieħdu” (SWD(2012)0098), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 dwar ix-xejriet u l-isfidi tas-suq tax-xogħol (SWD(2012)0090), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu "Swieq tax-xogħol miftuħa, dinamiċi u inklużivi" (SWD(2012)0097), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “l-Isfruttament tal-potenzjal għall-impjiegi li toffri t-Teknoloġija tal-Informatika” (SWD(2012)0096), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 dwar Pjan ta' azzjoni dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-UE (SWD(2012)0093), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta' impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” (SWD(2012)0092), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 intitolata “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi” (COM(2010)0682) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-26 ta’ Ottubru 2011 (1) dwarha, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta’ min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat (2), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta' djalogu soċjali (3), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida (4), |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2010 dwar “Politiki dwar impjiegi għal ekonomija kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika”, |
— |
wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (Cedefop) “Ħiliet għal Impjiegi Ekoloġiċi”, 2010, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2011 intitolata "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” (COM(2011)0011), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha, |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2011 intitolat “Progress lejn l-objettivi Ewropej komuni għall-edukazzjoni u t-taħriġ” (SEC(2011)0526), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-Istrateġija Ewropa 2020 (6), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (7), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi, minħabba dgħufijiet strutturali persistenti u l-kriżi ekonomika, ir-rati ta' qgħad żdiedu minn 9,5 % għal 10,2 % fl-2010 u fl-2012 rispettivament, b'mod li ammontaw għal total ta' 6 miljun impjieg li ntilfu mill-2008 'l hawn; |
B. |
billi l-isfida f'termini ta' impjiegi, inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar qed tikber, kif qed jagħmlu d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni; |
C. |
billi l-perspettiva għall-2012, skont it-tbassir tal-Kummissjoni, hija saħansitra iktar sfavorevoli, peress li l-PDG tal-UE fl-2012 għandu jistaġna u f'bosta Stati Membri se jkun hemm riċessjoni; |
D. |
billi se jkollhom jinħolqu 17.6 miljun impjieg ġdid biex tintlaħaq il-mira tal-impjiegi stabbilita fl-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, li titlob li jkun hemm 75 % ta' dawk bejn l-20 u l-64 sena f'impjieg sal-2020; |
E. |
billi l-instabilità tal-impjiegi hija, fuq kollox, traġedja umana għall-ħaddiema u għall-familji tagħhom u timplika ħela ta' kapaċità produttiva, peress li l-ħiliet għandhom it-tendenza li jintilfu konsegwenza ta' rotazzjoni eċċessiva bejn impjiegi u perjodi twal ta' qgħad jew nuqqas ta' attività; |
F. |
billi l-qgħad huwa partikolarment għoli fost iż-żgħażagħ, parzjalment minħabba nuqqas ta' tqabbil bejn il-provvista ta' ħiliet u d-domanda għalihom, iżda ta' spiss ukoll irrispettivament mil-livell ta' edukazzjoni tagħhom; |
G. |
billi l-miżuri ta' awsterità li għandhom bħala għan il-konsolidament fiskali u li qed jiġu applikati f'numru ta' Stati Membri kkontribwew għal żidiet sinifikanti fil-qgħad; |
H. |
billi l-kriżi finanzjarja wasslet għal żidiet sinifikanti fil-qgħad u l-ekonomiji f'ħafna Stati Membri qed jonqsu milli jipproduċu tkabbir adegwat biex jindirizzaw din il-problema; |
I. |
billi, sabiex ikun hemm livell għoli ta' impjiegi, huwa wkoll neċessarju li jiġu implimentati l-konsolidament fiskali u l-irkupru tal-ekonomija, sew billi jinżamm il-livell ta' konsum intern kif ukoll billi aktar nies jiġu mġiegħla jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-istat soċjali; |
J. |
billi r-riformi tal-liġijiet tax-xogħol f'ħafna Stati Membri ma wasslux għal opportunitajiet ta' xogħol aktar kwalitattivi iżda minflok ippromwovew suq tax-xogħol b'żewġ livelli fejn numru li qed jiżdied ta' ħaddiema – u ta' spiss l-aktar gruppi vulnerabbli ta' ħaddiema, bħan-nisa, il-ħaddiema żgħażagħ u l-migranti – qed jaħdmu f'kundizzjonijiet ta' prekarjetà permanenti u b’salarji baxxi; |
K. |
billi l-impenji stabbiliti fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri ta' spiss mhumiex biżżejjed biex jilħqu l-parti l-kbira tal-miri fil-livell tal-UE stipulati fl-Istrateġija UE 2020; |
L. |
billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-UE għall-2012 jitlob li tittieħed azzjoni determinata biex tintensifika l-ħolqien tal-impjiegi u tiżgura rkupru li jkun mogħni bl-impjiegi, u billi dan il-messaġġ ġie mtenni b'mod qawwi waqt il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2012; |
M. |
billi hija r-responsabbiltà ta' min ifassal il-politika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, li jiżgura li jkunu disponibbli faċilitajiet adegwati ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema biex jadattaw is-settijiet ta' ħiliet tagħhom għal strutturi ekonomiċi u xejriet fil-qasam tal-impjiegi li qed jinbidlu; |
N. |
billi l-promozzjoni ta’ ekonomija soċjali, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, sostenibbli u kompetittiva hija waħda mill-objettivi tal-Istrateġija UE 2020; |
O. |
billi jistgħu diġà jiġu osservati defiċits f'ħiliet speċjalizzati kwalifikati f'oqsma li huma kritiċi għall-innovazzjoni, u sal-2020 tal-anqas 40 % tal-impjiegi huma mistennija jkunu fi professjonijiet kwalifikati ħafna u li ma jinvolvux xogħol manwali; |
P. |
billi, skont statistika riċenti, wieħed minn kull erbgħa minn min iħaddem fl-Ewropa jirrapporta diffikultà sabiex jirrekluta, filwaqt li l-ħaddiema kummerċjali kwalifikati, it-tekniċi u l-inġiniera huma l-aktar diffiċli biex jinstabu; |
Q. |
billi l-investiment fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, li huwa vitali għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, għadu f'livell aktar baxx fl-UE milli fis-sħab ekonomiċi u kompetituri tiegħu f'partijiet oħra tad-dinja; |
1. |
Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni biex tikkomplementa l-prijoritajiet fil-qasam tal-impjiegi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir bi gwida politika fuq perjodu medju li jkollha l-għan li tilħaq il-miri stabbiliti fl-Istrateġija UE 2020; jilqa' l-firxa wiesgħa indirizzata mill-Pakkett tal-Impjiegi u jfaħħar il-bidla li kienet ilha mitluba fil-politika favur il-ħolqien tal-impjiegi; jitlob li jsir l-investiment meħtieġ fil-potenzjal ta’ impjiegi u tkabbir fl-ekonomija ekoloġika, is-settur tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u l-ICT, inkluż l-investiment fil-ħiliet, fit-taħriġ u f'salarji ogħla; |
2. |
Jikkundanna l-fatt li, minkejja l-impenn politiku tagħhom waqt il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa 2012 u l-gwida tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni, il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma ppreżentawx Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi bħala parti mill-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2012, li fih jispeċifikaw miżuri komprensivi għall-ħolqien tal-impjiegi, l-impjiegi ekoloġiċi, ir-rabta bejn il-politiki tal-impjiegi u l-istrumenti finanzjarji, ir-riformi tas-suq tax-xogħol u skeda ta' żmien ċara dwar kif l-aġenda ta' riforma nazzjonali se tiġi implimentata tul it-tnax-il xahar li jmiss; |
3. |
Jirrimarka li l-politiki tas-suq tax-xogħol ma jistgħux jikkumpensaw għal politiki makroekonomiċi li qed ifallu, u jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-erba' objettivi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO fil-proposti kollha li huma mmirati għall-ħolqien tal-impjiegi: il-ħolqien tal-impjiegi, il-garanzija tad-drittijiet fil-post tax-xogħol, l-estensjoni tal-protezzjoni soċjali u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali; |
4. |
Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal sistema ta' monitoraġġ tas-suq tax-xogħol u skema ta' traċċar individwali għal pajjiżi li ma jikkonformawx ma' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi f'din is-sistema monitoraġġ biex tgħin sabiex isir progress lejn l-objettiv tal-faqar u tal-inklużjoni soċjali ta' UE 2020; |
5. |
Iħeġġeġ lill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tal-UE biex jimpenjaw ruħhom favur pakkett Ewropew dwar l-investiment qabel tmiem l-2012; jemmen li pakkett bħal dan jista' joħroġ l-Ewropa mill-kriżi jekk ikun jinkludi impenn konkret fil-livell nazzjonali u Ewropew fir-rigward ta' investiment biex jiġu stimolati tkabbir sostenibbli u impjiegi f'setturi importanti bħall-effiċjenza u l-ġestjoni tar-riżorsi, ir-rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riċiklaġġ/l-użu mill-ġdid; jindika d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija bħala eżempju konkret ta' leġiżlazzjoni Ewropea li tista' toħloq sa 2 miljun impjieg ġdid; |
6. |
Jilqa' l-proposta li jitnaqqas is-sehem tat-taxxa fuq ix-xogħol b'mod li jkun newtrali għall-baġit; ifakkar li l-medja tas-sehem tat-taxxa bejn dak li jkollu jħallas min iħaddem biex jimpjega ħaddiem u s-salarju reali tal-ħaddiem ta' spiss hija 'l fuq minn 40 % fl-UE; jemmen liċ-ċaqliq tal-piż fiskali jista' jippermetti lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet/tnaqqis biex joħolqu impjiegi ġodda jew iżidu l-pagi; |
7. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li miri aktar ambizzjużi fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli jiskattaw l-investimenti u konsegwentament l-impjiegi f'teknoloġiji ta' ġenerazzjoni li jeħtieġu ħafna għarfien; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimxu lejn mudell ekonomiku bbażat fuq il-prinċipju tal-użu effiċjenti tar-riżorsi; jindika l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kull punt perċentwali ta' tnaqqis fl-użu tar-riżorsi jista' jwassal għal massimu ta' bejn 100 000 u 200 000 impjieg ġdid; |
8. |
Jappoġġa l-idea li l-intraprenditorija, in-negozji li għadhom fil-fażi inizjali tagħhom u l-impjieg indipendenti għandhom jiġu promossi bħala mezz kif jinħolqu aktar impjiegi, b'mod partikolari peress li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jipprovdu aktar minn żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investiment f'dawn l-oqsma, b'mod partikolari permezz tal-akkwist pubbliku u l-aċċess għall-finanzi; |
9. |
Jilqa' l-investiment fl-intrapriżi soċjali u fl-intraprenditorija soċjali, ħaġa li tipprovdi għażla tajba biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet soċjali li mhumiex issodisfati b'beni u b'servizzi pubbliċi; |
10. |
Jitlob lill-Kummissjoni tosserva l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir" u timmonitorja bir-reqqa l-implimentazzjoni ta' tnaqqis xieraq biex tiżgura li l-SMEs ma jbatux minn piż amministrattiv sproporzjonat jew ostakoli għall-kummerċ ħieles fis-Suq Uniku, filwaqt li tiżgura li d-dritt fil-qasam tax-xogħol u r-regolamenti soċjali jiġu rispettati kif suppost fil-livelli kollha; |
11. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu immedjatament ir-restrizzjonijiet kollha għall-aċċess ħieles għas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mill-Bulgarija u mir-Rumanija; jindika l-impatt negattiv li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom fuq l-impjieg mhux iddikjarat u irregolari u l-abbuż li jseħħ; |
12. |
Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra x-xogħol informali jew mhux iddikjarat u "l-impjieg indipendenti furzat" billi jipprovdu biżżejjed mezzi għall-finijiet tal-ispezzjoni tax-xogħol, jintroduċu kampanji ta' informazzjoni dwar ir-riskji u l-iżvantaġġi tax-xogħol illegali, jikkumbinaw aktar infurzar u infurzar aħjar tal-liġijiet u l-istandards tax-xogħol eżistenti biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat, l-applikazzjoni ġenerali tal-prinċipju tal-ugwaljanza, rwol aktar qawwi għall-UE fil-promozzjoni ta' aktar kooperazzjoni u koordinament u kooperazzjoni u koordinament aħjar bejn l-ispettorati tax-xogħol u dawk soċjali nazzjonali, b'miżuri preventivi b'kontrolli u sanzjonijiet adegwati u billi jimmonitorjaw mill-qrib il-progress li jsir f'dan il-qasam; |
13. |
Jilqa' t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-impjiegi fis-setturi tas-saħħa u tal-kura soċjali; iqis li dawn is-setturi jista' jkollhom rwol importanti fl-ilħiq tal-miri fil-qasam tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali tal-UE 2020; jistieden lill-Kummissjoni, f'kull proposta politika fil-ġejjieni, tqis il-Konvenzjoni tal-ILO, issupplimentata b'rakkomandazzjoni dwar il-ħaddiema domestiċi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti f'dawn is-setturi; |
14. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li l-politika ta' koeżjoni, il-FAEŻR u l-FEMS huma sorsi importanti ta' investiment li jistimolaw it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-użu effiċjenti ta' dawn il-fondi u tal-Faċilità ta' Mikrofinanzjament sal-potenzjal sħiħ tagħhom għal investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fl-impjieg indipendenti, fil-mobilità tal-ħaddiema u fil-produttività; |
15. |
Jitlob li jkun hemm ipproċessar aktar rapidu u faċli tal-proċeduri ta' applikazzjoni u ta' approvazzjoni għall-programmi ta' finanzjament tal-UE għat-tkabbir u l-innovazzjoni; |
16. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tenfasizza l-benefiċċju tal-istabbiliment ta' pagi minimi fil-livell tal-Istati Membri biex tiġġieled kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu u d-dumping soċjali u tagħti spinta lid-domanda aggregata; iqis li kwalunkwe proposta bħal din għandha tieħu nota tal-prattiki nazzjonali tan-negozjar kollettiv u tirrispettahom; |
17. |
Huwa konvint li l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi għandha tkun adattata biex tħeġġeġ lill-kumpaniji joħolqu impjiegi ġodda, tgħin biex tiżdied il-mobbiltà u l-kapaċità ta' aġġustament tas-swieq tax-xogħol u fl-istess ħin tgħin biex tiġi indirizzata s-segmentazzjoni fl-UE; |
18. |
Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-kawżi reali tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, bħall-inugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nuqqas ta' politiki biex jiġi appoġġjat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; |
19. |
Jaqbel li l-flessibbiltà interna tal-organizazzjoni tal-ħin tax-xogħol tista' tgħin biex jinżammu l-impjiegi u jitnaqqsu l-kostijiet ta' aġġustament fi żminijiet ta' kontrazzjoni ekonomika, għalkemm ma tistax tissostitwixxi l-politiki ta' tkabbir; jenfasizza madankollu li l-miżuri jridu jkunu mfassla għaċ-ċirkostanzi soċjali, innegozjati mas-sħab soċjali u jkunu konsistenti mal-interessi kemm ta' min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema; |
20. |
Jaqbel mal-Kummissjoni li t-tipi kollha ta' arranġamenti kuntrattwali għandhom jagħtu lil min ikollu impjieg aċċess għal sett ta' drittijiet, inklużi drittijiet għal pensjoni, protezzjoni soċjali u aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja; |
21. |
Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi l-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li se ttejjeb it-trasparenza u l-aċċess għal min qed ifittex impjieg u se żżid il-mobbiltà tal-ħaddiema; |
22. |
Jilqa' l-inizjattiva leġiżlattiva riċenti tal-Kummissjoni dwar il-kwalifiki professjonali; iqis li huwa kruċjali li jissaħħaħ ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u tal-kwalifiki professjonali u li jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' rikonoxximent reċiproku msaħħaħ tal-kompetenzi u tal-ħiliet; |
23. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet realtà qabel tmiem l-2012 biex tiżgura l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni f'termini tal-mezzi u l-post fejn ikunu nkisbu l-ħiliet, tippermetti li jkun hemm aktar effiċjenza fit-tqabbil tad-domanda għall-ħiliet u l-provvista tagħhom u tippromwovi l-mobbiltà tal-ħaddiema minn naħa għall-oħra tal-fruntieri; |
24. |
Jilqa' d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati u jistenna b'ħerqa r-riżultati tal-istudju dwar ħarsa ġenerali lejn l-arranġamenti ta' apprendistat fl-Istati Membri, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-apprendistati għandhom dejjem ikunu assoċjati ma' proċess ta' kwalifika; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ, u tiddefinixxi standards minimi li jappoġġaw l-offerta u t-twettiq ta' apprendistati ta' kwalità għolja; |
25. |
Jenfasizza li s-sitwazzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ tiddependi ferm mis-sitwazzjoni ekonomika ġenerali; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ, tal-gwida u tal-monitoraġġ taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali; jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-proposti leġiżlattivi futuri f'dan il-qasam mal-inizjattivi "Żgħażagħ Attivi" u "Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ"; jistieden lill-Istati Membri jibdew skambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; |
26. |
Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħtfu, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, kull opportunità biex jiżguraw li kull żagħżugħ tal-UE jkun jistà jibda xogħol jew taħriġ wara perjodu massimu ta' erba' xhur ta' qgħad billi jimplimentaw il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, jemmen li l-Istati membri għandhom jagħmlu l-Garanzija taż-Żgħażagħ legalment infurzabbli biex tittejjeb b'mod effikaċi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ li la għandhom impjieg u lanqas mhu qed isegwu kors ta' edukazzjoni jew taħriġ u biex tingħeleb b'mod gradwali l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-UE; jenfasizza li l-Garanzija taż-Żgħażagħ teħtieġ appoġġ finanzjarju Ewropew speċifiku, speċjalment fl-Istati Membri bl-ogħla rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; |
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-qgħad u l-qgħad fost iż-żgħażagħ b'allokazzjonijiet mhux użati mill-Fondi Strutturali; |
28. |
Jingħaqad mal-Kummissjoni fl-appell tagħha sabiex l-Istati Membri jsaħħu l-użu tagħhom tas-sistema EURES; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-EURES fil-funzjonament tas-Suq Intern permezz tal-għoti ta' pariri lill-ħaddiema u lil min qed ifittex impjieg fir-rigward tad-drittijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun involut b'mod sħiħ fir-rigward tar-riforma tal-istruttura u l-governanza tan-netwerk EURES; |
29. |
Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni mmirati lejn it-tnaqqis tal-iżvantaġġi u l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jipprovdu pagi ugwali u servizzi adegwati għall-kura tat-tfal, u billi jeliminaw id-diskriminazzjoni kollha u d-diżinċentivi fil-qasam tal-benefiċċji fiskali li jwaqqfu lin-nisa milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ulterjuri f'dawn l-oqsma; |
30. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma fuq id-Direttiva dwar it-Trasferibbiltà tal-Pensjonijiet, peress li l-inċertezza legali rigward id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet għall-pensjoni hija waħda mill-ostakoli ewlenin għall-moviment ħieles tal-ħaddiema; |
31. |
Jistieden lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu politiki li jiffavorixxu t-tkabbir, inkluża l-prijoritizzazzjoni tal-infiq fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, minkejja l-miżuri ta' awsterità li saru neċessarji minħabba l-kriżi ekonomika u l-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż tad-dejn pubbliku, speċjalment fiż-żona tal-euro; |
32. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-mobbiltà ġusta u tiġġieled kwalunkwe abbuż tal-ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu barra minn pajjiżhom kemm fil-pajjiżi ospitanti kif ukoll f'dawk tal-oriġini; |
33. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. |
(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
(2) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(3) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 39.
(4) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.
(5) Testi adottati: P7_TA(2011)0455
(6) Testi adottati: P7_TA(2011)0263
(7) Testi adottati: P7_TA(2011)0495