EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0046

Fattibilità tal-introduzzjoni ta’ bonds ta’ stabilità Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Frar 2012 dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta’ stabilità (2011/2959(RSP))

ĠU C 249E, 30.8.2013, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 249/2


L-Erbgħa 15 ta’ Frar 2012
Fattibilità tal-introduzzjoni ta’ bonds ta’ stabilità

P7_TA(2012)0046

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2012 dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta’ stabilità (2011/2959(RSP))

2013/C 249 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (1) (parti mis-“six pack”),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta’ stabilità,

wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tal-Viċi President Rehn fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tat-23 ta’ Novembru 2011 u l-iskambju ta’ opinjonijiet mal-Kunsill Ġermaniż tal-Esperti Ekonomiċi dwar il-fond Ewropew ta’ tifdija fid-29 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidra r-Rapport Interim tal-President Van Rompuy: Lejn Unjoni Ekonomika Aktar b’Saħħitha tas-6 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Parlament talab li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-possibilità li jiġu introdotti titoli Ewropej, ħaġa li hija parti integrali mill-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-pakkett dwar il-governanza ekonomika (“six pack”);

B.

billi ż-żona tal-euro tinsab f’sitwazzjoni unika, fejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro jikkondividu munita komuni mingħajr politika fiskali komuni u suq tal-bonds uniku;

C.

billi l-emissjoni ta’ bonds b’responsabilità in solidum tirrikjedi proċess ta’ integrazzjoni aktar profonda;

1.

Huwa mħasseb serjament dwar il-pressjonijiet kontinwi fuq is-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro riflessi fiż-żieda fil-firxa tal-interessi, volatilità kbira u vulnerabilità għal attakki spekulattivi tul l-aħħar sentejn;

2.

Jemmen li ż-żona tal-euro, bħala l-emittent tat-tieni munita internazzjonali tad-dinja, hija koresponsabbli għall-istabilità tas-sistema monetarja dinjija;

3.

Jenfasizza li huwa fl-interess strateġiku fit-tul taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha li wieħed jisfrutta l-benefiċċji kollha possibbli tal-emissjoni tal-euro, li għandha l-potenzjal li ssir il-munita ta’ riserva globali;

4.

Jinnota b’mod partikolari li s-suq tat-Teżor tal-Istati Uniti u s-suq kollu kemm hu tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro huma kumparabbli fid-daqs iżda mhux f’termini ta’ likwidità, diversità u prezzijiet; jirrimarka li jista’ jkun fl-interess taż-żona tal-euro li jiġi żviluppat suq tal-bonds likwidu u diversifikat komuni, u li suq ta’ bonds ta’ stabilità joffri alternattiva vijabbli għas-suq tal-bonds tad-dollaru Amerikan u jistabbilixxi l-euro bħala “rifuġju sikur” globali;

5.

Jemmen ukoll li ż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha huma responsabbli biex jiżguraw l-istabilità fit-tul tal-munita użata minn ’il fuq minn 330 miljun persuna u ħafna kumpaniji u investituri, li b’mod indirett taffettwa lill-bqija tad-dinja;

6.

Jirrimarka li l-bonds ta’ stabilità jkunu differenti minn bonds emessi minn stati federali bħall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġermanja u għalhekk ma jistgħux jitqabblu strettament ma’ bonds tat-teżor tal-Istati Uniti jew ma’ Bundesanleihen;

7.

Jilqa’ bi pjaċir il-preżentazzjoni tal-Green Paper, li tissodisfa talba li ilha ssir mill-Parlament Ewropew, u jqisha bħala punt ta’ tluq utli għal aktar riflessjoni; huwa miftuħ u ħerqan b’mod attiv li jiddiskuti l-kwistjonijiet kollha – kemm il-punti pożittivi kif ukoll id-dgħufijiet – relatati mal-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta’ stabilità skont alternattivi differenti; Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tapprofondixxi aktar l-analiżi tagħha wara dibattitu pubbliku wiesgħa, li għandhom jikkontribwixxu għalih il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-BĊE, jekk iqis li dan ikun xieraq; ma jqis l-ebda waħda mit-tliet possibilitajiet ippreżentati mill-Kummissjoni bħala reazzjoni per se għall-kriżi attwali tad-dejn sovran;

8.

Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li hija parti mill-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-fattibilità li jiġu introdotti bonds ta’ stabilità, li l-bonds ta’ stabilità jiffaċilitaw it-trażmissjoni tal-politika monetarja taż-żona tal-euro u jippromwovu l-effiċjenza fis-suq tal-bonds u fis-sistema finanzjarja usa' taż-żona tal-euro;

9.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li għall-emissjoni komuni ta’ bonds, jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ qafas fiskali sostenibbli, li jkollu bħala għan kemm it-titjib fil-governanza ekonomika kif ukoll it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro, u li l-ordni li bih wieħed jipproċedi huwa kwistjoni ewlenija, li jinvolvi pjan direzzjonali li jorbot simili għall-kriterji ta’ Maastricht biex tiddaħħal il-munita unika, u li jislet minnhom il-lezzjonijiet kollha;

10.

Huwa tal-fehma li l-objettivi li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda fil-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2011 biex tkompli tissaħħaħ is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi jikkontribwixxu wkoll biex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-introduzzjoni possibbli tal-bonds ta’ stabilità;

11.

Jemmen li l-bonds ta’ stabilità jistgħu jkunu mezz addizzjonali kif tiġi inċentivizzata l-konformità mal-patt ta’ stabilità u tkabbir, sakemm jindirizzaw il-periklu morali u l-kwistjonijiet tar-responsabilità konġunta; Jinnota li jeħtieġ li ssir aktar ħidma fir-rigward tal-għażliet ippreżentati fil-Green Paper dwar kwistjonijiet bħal:

inċentivi effettivi tas-suq biex jitnaqqsu l-livelli tad-dejn,

kriterji ta’ dħul u ħruġ, ftehimiet ta’ kundizzjonalità, ftehimiet ta’ maturità, ridistribuzzjoni tal-benefiċċji ta’ finanzjament għall-pajjiżi AAA preżenti,

sistema ta’ divrenzjar tar-rati ta’ interessi fost l-Istati Membri bi klassifiki diverġenti,

dixxiplina baġitarja u żieda fil-kompetittività,

effetti proċikliċi u deflazzjonarji tad-dejn,

l-investituri tas-suq iħossuhom biżżejjed attratti, filwaqt li l-kollateralizzazzjoni żejda u r-ridistribuzzjoni tar-riskji fost il-pajjiżi jiġu limitati jew evitati,

il-prijorità tal-bonds ta’ stabilità meta mqabbla mal-bonds nazzjonali f’każ ta’ Stat Membru inadempjenti fir-rigward ta’ dejnu,

il-kriterji għall-allokazzjoni tas-self lill-Istati Membri u l-kapaċità ta’ manutenzjoni tad-dejn,

programmi ta’ dejn li jistgħu jitkejlu u li jkunu infurzabbli,

il-modalitajiet ta’ pjan direzzjonali li jorbot, simili għall-kriterji ta’ Maastricht għall-introduzzjoni tal-munita unika,

l-interazzjoni mal-EFSF/MES għall-Istati Membri li jesperjenzaw problemi ta’ likwidità,

rekwiżiti legali xierqa, inklużi bidliet fit-trattati u bidliet kostituzzjonali;

12.

Jemmen li l-prospett ta’ bonds ta’ stabilità jista’ jrawwem l-istabilità fiż-żona tal-euro fuq perjodu medju ta’ żmien; Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tressaq proposti malajr biex tindirizza b’mod deċiżiv il-kriżi attwali tad-dejn sovran, bħall-patt Ewropew ta’ tifdija propost mill-Kunsill Ġermaniż tal-Esperti Ekonomiċi u/jew il-finalizzazzjoni u r-ratifika ta’ trattat dwar il-MES u/jew kambjali Ewropej, kif ukoll il-ġestjoni konġunta tal-emissjoni tad-dejn sovran;

13.

Jirrimarka li din ir-riżoluzzjoni hija reazzjoni preliminari għall-Green Paper tal-Kummissjoni, li se tkun segwita b’riżoluzzjoni aktar komprensiva fil-forma ta’ rapport INI;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


(1)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.


Top