Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE0813

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-problemi speċifiċi tal-gżejjer” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 181, 21.6.2012, p. 7–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 181/7


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-problemi speċifiċi tal-gżejjer” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2012/C 181/03

    Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

    Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    il-problemi speċifiċi tal-gżejjer.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.

    Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’129 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Ir-reġjuni insulari għandhom karatteristiċi u partikolaritajiet komuni u permanenti li jiddistingwixxuhom b’mod ċar mit-territorji kontinentali. L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi li t-territorji insulari jiffaċċjaw żvantaġġi prattiċi li jeħtieġu attenzjoni speċjali. Madankollu, il-KESE jemmen li hemm bżonn li tissokta l-ħidma sabiex tiġi adottata strateġija adegwata li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni insulari.

    1.2   Il-KESE jqis li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “gżira” li tuża l-UE mhix adegwata, u għalhekk għandha tiġi riveduta u aġġornata fid-dawl tar-realtajiet il-ġodda ta’ UE estiża li tinkludi Stati Membri gżejjer. F’opinjonijiet preċedenti (1), il-KESE rrakkomanda li din id-definizzjoni tinbidel; u hawnhekk, għal darb’oħra, itenni din l-istess rakkomandazzjoni.

    1.3   Il-fenomi tal-migrazzjoni, il-problemi relatati mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tnaqqis tal-popolazzjoni għandhom impatt partikolari fuq il-gżejjer. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jwasslu biex jintilef il-wirt kulturali u biex jiddgħajfu l-ekosistemi minbarra li jista’ jkollhom implikazzjonijiet ekonomiċi serji (impjieg, żgħażagħ, eċċ.).

    1.4   Xi gżejjer iridu jiffaċċjaw il-kwistjoni tal-emigrazzjoni tal-popolazzjoni tagħhom lejn reġjuni oħra aktar għonja, gżejjer oħra jirċievu immigranti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku lokali, filwaqt li gżejjer oħrajn, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jirċievu aktar immigranti milli jifilħu jakkomandaw.

    1.5   Il-KESE jemmen li, bla dubju ta’ xejn, għandhom jittejbu l-aċċessibbiltà għall-gżejjer u l-konnettività bejniethom. Peress li l-aċċessibbiltà hi fattur vitali sabiex ir-reġjuni insulari jsiru aktar attraenti, l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri għandhom jitnaqqsu billi jiġi applikat il-prinċipju tal-kontinwità territorjali u billi jittejjeb ir-Regolament Ewropew Nru 3577/92.

    1.6   Il-biedja, it-trobbija tal-annimali u s-sajd, li jagħmlu parti importanti mill-ekonomija lokali u huma s-sors tal-provvista tal-maġġorparti tal-industrija agroalimentari, huma fraġli minħabba d-distanza, iċ-ċokon tal-intrapriżi, in-nuqqas ta’ diversifikazzjoni fil-produzzjoni u l-kundizzjonijiet klimatiċi.

    1.7   Dan joħloq industrija agroalimentari insulari dgħajfa li ftit li xejn tista’ tikkompeti mal-prodotti li jkunu ġejjin mill-kontinent jew minn pajjiżi terzi, u dan ikompli jdgħajjef is-settur primarju.

    1.8   Il-KESE jirrakkomanda li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) tikkunsidra l-gżejjer bħala żoni żvantaġġati, kif isir fil-każ taż-żoni muntanjużi, u li tqis b’mod speċifiku l-insularità meta jingħataw il-finanzjamenti.

    1.9   Ħafna gżejjer Ewropej raw li t-turiżmu hu fattur essenzjali għas-sopravivenza tal-popolazzjoni lokali, l-identità tagħhom, it-tradizzjonijiet u l-valuri kulturali tagħhom u l-pajsaġġ tagħhom. Din l-attività ġġenerat it-tkabbir ekonomiku, żiedet l-impjiegi u ddiversifikat bil-kbir il-bażi ekonomika permezz tas-servizzi marbutin mat-turiżmu. Madankollu, l-ekonomija tal-gżejjer saret tiddependi wisq mit-turiżmu, u għalhekk hemm bżonn diversifikazzjoni lejn attivitajiet komplementari għal dan is-settur u li jippromovu l-iżvilupp ekonomiku insulari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħal dik attwali li jaffettwaw bil-kbir it-turiżmu.

    1.10   Il-KESE jingħaqad mal-Parlament Ewropew fit-talba tiegħu li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi simili għall-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u żoni vulnerabbli oħra fi ħdan l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ strateġija għal turiżmu mal-kosta u marittimu sostenibbli, liema talba tinsab fir-Riżoluzzjoni tas-27 ta’ Settembru 2011 (2).

    1.11   Il-KESE jikkunsidra li l-gżejjer jiffaċċjaw ċerti diffikultajiet meta jiġu biex jipparteċipaw fil-programmi ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni tal-UE minħabba ċ-ċokon tas-suq intern u l-kapaċità limitata tal-istrutturi disponibbli għar-riċerka u għall-iżvilupp. Il-KESE jemmen ukoll li hu importanti immens li l-UE tkompli tgħin lill-gżejjer jiżviluppaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, tappoġġja l-ħolqien ta’ strutturi għar-riċerka u l-iżvilupp u tippromovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs insulari fil-programmi ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, jekk ikun hemm bżonn anke permezz ta’ kontributi mill-Fondi Strutturali.

    1.12   Fir-rigward tar-reġjuni insulari, il-politika Ewropea dwar l-enerġija għandha tagħti prijorità lis-sigurtà tal-provvista fil-gżejjer, il-finanzjament tal-iżvilupp u t-twettiq ta’ proġetti għall-produzzjoni tal-enerġija permezz ta’ teknoloġiji ġodda u sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Għandha tagħti prijorità wkoll lill-promozzjoni tal-użu effiċjenti tal-enerġija, u fl-istess ħin tipproteġi l-ambjent u n-natura.

    1.13   L-UE għandha tinkludi l-iskarsezza tal-ilma, id-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar kif ukoll possibbiltajiet tekniċi oħra għall-ġbir u l-provvista tal-ilma fil-qafas tal-politika reġjonali, filwaqt li tqis in-natura speċifika tar-reġjuni insulari.

    1.14   Il-KESE jemmen li huwa importanti immens li jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ permanenti speċifiċi għall-ħaddiema fir-reġjuni insulari li jaħdmu f’setturi differenti, b’mod speċjali fis-settur tat-turiżmu, li jirrappreżenta waħda mill-attivitajiet ekonomiċi prinċipali fir-reġjuni insulari. Dawn il-programmi għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond ta’ Koeżjoni, bl-impenn tal-Istati Membri, tal-isituzzjonijiet u tal-atturi soċjoekonomiċi.

    1.15   L-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali u t-tagħlim tul il-ħajja jaqdu rwol essenzjali fl-istrateġija ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Proċess ta’ Lisbona u l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jitlob li jitqiesu l-partikolaritajiet tar-reġjuni insulari sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, fir-reġjuni kollha u għall-abitanti kollha, jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-istrateġiji nazzjonali.

    1.16   Il-KESE jħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-miżuri ppreżentati fil-Communiqué ta’ Bruges dwar il-koordinazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa u adottat mill-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Istati Membri kollha u l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew.

    1.17   Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni Ewropea toħloq “grupp interservizzi” speċifiku għall-gżejjer, jew jekk jagħti l-każ, li l-gżejjer jiġu inklużi fi gruppi interservizzi oħra li jeżistu diġà.

    1.18   Il-Kummissjoni hija mitluba tiżgura li r-reġjuni insulari jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid 2014-2020 u li dawn ir-reġjuni jiġu kkunsidrati fi programmi speċifiċi ta’ żvilupp reġjonali li jkunu aktar adatti għall-karatteristiċi partikolari tagħhom. Għandha titqies il-possibbiltà li jiżdiedu l-livelli ta’ kofinanzjament min-naħa tal-UE fl-oqsma ta’ interess prijoritarju għall-iżvilupp tal-gżejjer.

    1.19   Billi l-Istrateġija Ewropa 2020 ser taffettwa l-azzjonijiet futuri tal-UE, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġi eżaminat x’impatt se jkollha din l-istrateġija fuq ir-reġjuni insulari u kif din tgħin biex jittaffew l-iżvantaġġi inerenti tal-insularità.

    Billi l-attività turistika fil-gżejjer hija waħda staġjonali, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew biex jagħtu spinta lill-proġett CALYPSO dwar it-turiżmu soċjali, kif diġà stqarr fl-opinjoni tiegħu dwar L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer (3), bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali għaliex dan il-programm jista’ jkollu impatt fuq is-settur turistiku u effett multiplikatur f’setturi oħrajn.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Ir-reġjuni insulari

    2.1.1   Skont id-definizzjoni tal-Eurostat, gżira hija territorju li jissodisfa l-ħames kriterji li ġejjin:

    għandu superfiċje minima ta’ kilometru kwadru;

    jinsab aktar minn kilometru ’l bogħod mill-kontinent;

    għandu popolazzjoni residenti permanenti ta’ mill-inqas 50 persuna;

    m’għandux konnessjoni fiżika permanenti mal-kontinent;

    ma fihx il-belt kapitali ta’ Stat Membru tal-UE.

    2.1.2   Meta jkun ser jiġi definit il-kunċett ta’ “gżira” għandha ssir referenza għad-Dikjarazzjoni 33 tat-TFUE li tistabbilixxi li l-“Konferenza [intergovernattiva] tikkunsidra li l-frażi ‘reġjuni insulari’ prevista fl-Artikolu 174 tista’ tinkludi Stati gżejjer fit-totalità tagħhom, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kriterji meħtieġa”.

    2.1.3   Kif il-KESE diġà saħaq f’opinjoni preċedenti (4), din id-definizzjoni ma tikkunsidrax ir-realtajiet il-ġodda ta’ Unjoni Ewropea estiża li tinkludi Stati Membri gżejjer.

    2.1.4   Skont din id-definizzjoni, 14 (5) mis-27 Stat Membru tal-UE għandhom gżira/gżejjer fit-territorju tagħhom. L-importanza tagħhom għandha titqies fid-dawl tan-numru kbir ta’ abitanti li joqogħdu fil-gżejjer differenti tal-UE, li jammotaw għal 21 miljun persuna. Dan jirrappreżenta, bejn wieħed u ieħor, 4 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE-27.

    2.1.5   Ir-reġjuni insulari għandhom karatteristiċi u partikolaritajiet komuni u permanenti li jiddistingwixxuhom b’mod ċar mit-territorji kontinentali.

    2.1.6   Il-gżejjer kollha tal-UE għandhom ċerti elementi li jiddistingwixxuhom mill-bqija. Però, il-fatturi komuni li jeżistu fit-territorji insulari tal-UE huma akbar mid-differenzi partikolari ta’ kull wieħed minnhom u, fuq kollox, dawn il-fatturi huma importanti ħafna f’oqsma bħat-trasport, l-ambjent, it-turiżmu u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi essenzjali.

    2.1.7   L-Artikolu 174 tat-TFUE jinkludi paragrafu ġdid li jgħid li: “għandha tingħata attenzjoni partikolari […] lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.”

    2.1.8   Dan l-Artikolu jirrikonoxxi li t-territorji insulari, b’mod ġenerali, jiffaċċjaw żvantaġġi prattiċi li jeħtieġu attenzjoni speċjali.

    3.   Is-sitwazzjoni demografika fir-reġjuni insulari

    3.1   Il-fenomi tal-migrazzjoni, il-problemi relatati mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tnaqqis tal-popolazzjoni għandhom impatt partikolari fuq il-gżejjer.

    3.2   Bħalissa xi gżejjer jew żoni ta’ territorji insulari qed jiffaċċjaw theddid serju li tonqsilhom il-popolazzjoni għax il-popolazzjoni attiva – speċjalment iż-żgħażagħ – qed titlaq, il-popolazzjoni residenti qed tixjiħ u l-kundizzjonijiet klimatiċi huma diffiċli. Din is-sitwazzjoni tista’ twassal biex jintilef il-wirt kulturali u biex jiddgħajfu l-ekosistemi.

    3.3   Gżejjer oħra, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, qed jiffaċċjaw flussi tal-popolazzjoni fid-direzzjoni opposta, u huma esposti għall-immigrazzjoni irregolari minn pajjiżi terzi li ħafna drabi tkun sproporzjonata fid-dawl tal-kapaċità ta’ akkoljenza tagħhom.

    3.3.1   F’xi gżejjer qed jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza umanitarja estrema li għandhom jiġu indirizzati fil-qafas tas-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li tinkludi l-ħtieġa li jkomplu jinqasmu l-piżijiet operattivi ġġenerati billi jiġu kkombinati r-riżorsi nazzjonali u Ewropej.

    3.3.2   F’opinjonijiet oħra l-KESE ppropona li fil-qafas ta’ politika komuni dwar l-asil għandu jinbidel ir-Regolament ta’ Dublin sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà fi ħdan l-UE ta’ dawk li japplikaw għall-asil.

    3.4   Mill-banda l-oħra, xi gżejjer għandhom preżenza qawwija ta’ residenti barranin b’kapaċità tal-akkwist kbira li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali lokali, iżda li jistgħu jgħollu l-prezzijiet tad-djar meta s-suq tad-djar ikun saturat, u b’hekk l-aċċess għalihom isir aktar diffiċli għall-popolazzjoni lokali b’inqas riżorsi ekonomiċi.

    4.   L-aċċessibbiltà u l-insularità

    4.1   Uħud mil-limitazzjonijiet tat-territorji insulari ġejjin mill-fatt li dawn it-territorji huma fiżikament maqtugħin mill-kontinent u jinsabu ’l bogħod. Dawn l-iżvantaġġi huma riflessi fi spejjeż ogħla tat-trasport, tad-distribuzzjoni u tal-produzzjoni, f’aktar inċertezza rigward il-provvista, u fil-ħtieġa li jżommu stokk akbar u li jkollhom aktar kapaċità għall-ħżin.

    4.2   Il-prova ta’ dan hi d-dipendenza totali tagħhom mit-trasport bil-baħar u bl-ajru. Għalhekk, ir-reġjuni insulari jinsabu f’qagħda inqas favorevoli mill-bqija tat-territorji biex jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-suq uniku Ewropew bħala żona omoġenja ta’ relazzjonijiet ekonomiċi kompetittivi, fir-rigward tat-tkabbir tal-intrapriżi bil-għan li tissaħħaħ l-innovazzjoni u jinkisbu l-ekonomiji tal-kobor (economies of scale) u l-ekonomiji esterni.

    4.3   Għaldaqstant, huwa importanti niftakru li, fil-kuntest tal-inizjattiva Komunitarja tal-Ajru Uniku Ewropew, jistgħu jiġu analizzati mekkaniżmi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bil-ħsieb speċifiku li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tar-reġjuni insulari f’kull ħin.

    4.4   Ma nistgħux ninsew is-sitwazzjoni li kkawża ċ-ċaqliq tas-sħaba ta’ rmied tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull, li affettwat żoni kbar mill-ispazju tal-ajru Ewropew matul ix-xhur ta’ April u Mejju 2010, u li minħabba fiha kellhom jingħalqu diversi ajruporti fiċ-ċentru u t-Tramuntana tal-Ewropa u saħansitra fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

    4.5   L-aktar problema preokkupanti ma kinitx daqstant li t-turisti ma setgħux jaslu fil-gżejjer, iżda li dawk li kienu diġà fil-gżejjer ma setgħux imorru lura lejn pajjiżhom u l-inċertezza dwar kemm kienet se ddum il-problema.

    4.6   Dan il-każ partikolari jirrifletti l-vulnerabbiltà kbira tar-reġjuni insulari f’dawn iċ-ċirkustanzi, għaliex minkejja li affettwa kważi l-Ewropa kollha, l-ikbar impatt (negattiv) tal-għeluq tal-ispazju uniku Ewropew kien fuq ir-reġjuni insulari kkonċernati.

    4.6.1   Kwistjoni oħra li trid titqies hi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li mill-2012 tibda timponi taxxa tas-CO2 fuq it-trasport bl-ajru. Jekk fl-aħħar mill-aħħar din it-taxxa tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha ssib formula speċifika għar-reġjuni insulari billi dawn jiddependu ħafna aktar mit-trasport bl-ajru. Dan ikompli jiggrava l-iżvantaġġi inerenti tagħhom.

    4.7   L-aċċessibbiltà hi fattur vitali sabiex ir-reġjuni insulari jsiru aktar attraenti. In-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) għandhom iħaddnu politika multimodali ġenwina li tkun applikata wkoll għall-gżejjer. Il-ħolqien ta’ kurituri bil-baħar u bl-ajru bejn il-kontinent Ewropew u l-gżejjer bis-saħħa tal-finanzjament ta’ infrastrutturi fissi u mobbli jista’ jgħin sabiex jinkiseb dan.

    5.   Il-biedja u s-sajd

    5.1   Il-biedja, it-trobbija tal-annimali u s-sajd fil-gżejjer huma parti importanti mill-ekonomija lokali, b’mod partikolari f’termini ta’ impjieg, u jagħtu wkoll appoġġ importanti lill-industriji agroalimentari lokali, li jirrappreżentaw l-akbar parti tal-produzzjoni industrijali fil-gżejjer.

    5.2   Madankollu, il-produzzjoni tal-biedja u s-sajd fil-gżejjer hija fraġli ħafna, l-aktar minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mill-bogħod, iċ-ċokon tal-intrapriżi, in-nuqqas ta’ diversifikazzjoni fil-produzzjoni, id-dipendenza mis-swieq lokali, il-frammentazzjoni tagħhom u l-kundizzjonijiet klimatiċi. Dan kollu għandu impatt fuq l-industrija agroalimentari insulari, li tiddependi mill-prodotti tagħha stess. Id-dgħufija tal-produzzjonijiet agrikoli u tat-trobbija tal-annimali twassal biex l-industrija agroalimentari insulari tkun dgħajfa wkoll.

    5.2.1   Dawn il-fatturi kollha jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-kompetittività tal-produzzjoni tal-gżejjer meta mqabbla ma’ dik kontinentali u ma’ dik ta’ pajjiżi terzi.

    5.3   Barra minn dan, il-biedja lokali tiddependi ħafna mid-dinja esterna, kemm għall-provvista tal-materja prima u tal-prodotti maħsuba għall-użu fil-biedja (agricultural inputs) kif ukoll għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, filwaqt li ġeografikament tinsab ’il bogħod mis-sorsi tal-provvista u mis-swieq.

    5.4   Għalhekk, il-produtturi agrikoli fil-gżejjer jikkompetu f’kundizzjonijiet inugwali mal-produtturi f’territorji oħra. Il-produtturi lokali għandhom jirċievu l-appoġġ meħtieġ sabiex il-biedja fir-reġjuni insulari jkollha l-istess kundizzjonijiet bis-saħħa, pereżempju, ta’ strumenti speċifiċi tal-PAK maħsubin għall-gżejjer, sabiex jiġu promossi u rikonoxxuti aktar il-produzzjonijiet lokali.

    5.5   Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba speċifikament biex jikkumpensaw l-iżvantaġġi tal-insularità f’dan il-qasam, m’hemm xejn aħjar minn programm leġislattiv speċifiku. Dan jgħodd għas-settur primarju, li hu partikolarment importanti għall-gżejjer. Il-Fond Ewropew għas-Sajd ma jipprevedi l-ebda miżura speċjali, ħlief għar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-gżejjer iż-żgħar fl-Eġew.

    5.6   L-istess jista’ jingħad għall-iskemi ta’ għajnuna diretta fil-qafas tal-PAK. L-aktar riformi reċenti tal-iskemi tal-għajnuna diretta tal-PAK, tal-iżvilupp rurali u tal-FAEŻR ma kkunsidrawx l-insularità.

    6.   Is-suq intern u t-turiżmu

    6.1   Id-daqs limitat tat-territorji insulari, meta mqabbel ma’ dak tat-territorji kontinentali, għandu impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni u l-istruttura tas-swieq. Il-parti l-kbira tan-nisġa tal-produzzjoni lokali f’dawn it-territorji hija magħmula minn intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi li huma aktar vulnerabbli mill-kumpaniji l-kbar.

    6.2   It-turiżmu kien u għadu riżorsa bażika fl-ekonomija ta’ ħafna territorji insulari. Minkejja l-ħafna differenzi li jeżistu bejniethom, ħafna gżejjer Ewropej raw li din l-attività hija fattur essenzjali għas-sopravivenza tal-popolazzjoni lokali, l-identità tagħhom, it-tradizzjonijiet u l-valuri kulturali tagħhom u l-pajsaġġ tagħhom.

    6.3   L-istabbiliment tat-turiżmu fir-reġjuni insulari Ewropej iġġenera t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi f’dawn it-territorji u ddiversifika bil-kbir il-bażi ekonomika tagħhom permezz tas-servizzi marbutin mat-turiżmu. Bis-saħħa tiegħu reġgħu ħadu l-ħajja u qed jitħarsu t-tradizzjonijiet u l-kultura lokali kif ukoll iż-żoni naturali u l-monumenti storiċi.

    6.4   Għalkemm huwa ċar li b’mod ġenerali t-turiżmu kien fattur pożittiv, għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll l-impatti negattivi li kellu fuq xi reġjuni insulari, bħan-natura prekarja tal-impjiegi, in-natura staġjonali tal-attività turistika, il-livell baxx tal-kwalifiki tal-impjegati, l-ispekulazzjoni qawwija tal-proprjetà u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja tal-popolazzjoni lokali. Ħoloq ukoll problemi serji fil-provvista tal-ilma u diffikultajiet fl-għoti tas-servizzi pubbliċi bażiċi (ġestjoni tal-iskart, saħħa, eċċ.), u b’hekk ikkawża impatt qawwi fuq l-ambjent. Bħalissa l-ekonomija tal-gżejjer tiddependi ħafna mit-turiżmu, u għalhekk hemm bżonn diversifikazzjoni lejn attivitajiet oħrajn u mhux biss lejn dawk komplementari għal dan is-settur u li jippromovu l-iżvilupp ekonomiku insulari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħal dik attwali li jaffettwaw bil-kbir it-turiżmu.

    6.5   Wara l-adozzjoni tat-TFUE, ġiet rikonoxxuta b’mod espliċitu l-importanza tat-turiżmu fl-UE. F’Ġunju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni li tippromovi qafas ġdid biex tittieħed azzjoni koordinata fl-Unjoni Ewropea bil-għan li t-turiżmu Ewropew isir aktar kompetittiv u tiżdied il-kapaċità tiegħu li jikber b’mod sostenibbli (6). Dan ir-rikonoxximent joffri l-opportunità li tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur turistiku Ewropew, u b’hekk jingħata kontribut għall-istrateġija l-ġdida, jiġifieri l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

    6.6   Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 (7), il-Parlament Ewropew “jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għal turiżmu mal-kosta u marittimu sostenibbli, u jitlob li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi simili għall-gżejjer, ir-reġjuni tal-muntanji u żoni vulnerabbli oħra”.

    7.   Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

    7.1   L-innovazzjoni hija għan essenzjali tal-politika ekonomika, kemm fil-livell tal-UE – bl-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Istrateġija Ewropa 2020 – kif ukoll fil-livell reġjonali, billi jiżdiedu l-investimenti pubbliċi fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ għall-“aktar setturi innovattivi” (fosthom it-trasport, l-enerġija, l-industrija ekoloġika, eċċ.). L-istess japplika għas-servizzi, speċjalment dawk li jirrikjedu livell ta’ għarfien u ta’ kwalifiki li jitqies normali fil-parti l-kbira tal-attivitajiet turistiċi (fosthom l-akkomodazzjoni, il-catering, is-servizzi immobiljari, eċċ.).

    7.2   Għandhom jiġu promossi u msaħħa s-soċjetà tal-informazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, li għall-gżejjer huma mod kif tiġi diversifikata l-attività u kif jiżdied l-għarfien. L-użu tal-ICT inaqqas l-iżolament filwaqt li jtejjeb il-proċeduri u s-sistemi tal-ġestjoni intraprenditorjali u r-relazzjonijiet esterni. Dan huwa ta’ benefiċċju għall-kompetittività u għall-produttività.

    7.3   Id-diffikultà prinċipali li jkollhom ir-reġjuni insulari biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jinnovaw tinsab fid-dgħufija tan-nisġa intraprenditorjali, il-livelli ta’ taħriġ, l-aċċess għas-suq Ewropew, in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastrutturi tar-riċerka, eċċ. L-innovazzjoni fir-reġjuni insulari għandha tiġi eżaminata minn lenti usa’ li tkopri l-ipproċessar, il-metodi tal-marketing u t-tekniki innovattivi fil-ġestjoni jew l-organizzazzjoni tal-intrapriżi. L-għan tal-intrapriżi fir-reġjuni insulari għandu jkun li jtejbu l-kapaċità tal-produzzjoni u l-kwalità tal-prodotti tagħhom, u li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-suq Ewropew f’kundizzjonijiet kompetittivi simili għal dawk tar-reġjuni kontinentali tal-Unjoni Ewropea.

    7.4   Barra minn hekk, għandhom jiġu enfasizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-gżejjer meta jiġu biex jipparteċipaw fil-programmi ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni tal-UE. Minħabba ċ-ċokon tas-suq intern u l-kapaċità limitata tal-istrutturi disponibbli għar-riċerka u għall-iżvilupp, ir-reġjuni insulari jsibuha ħafna aktar diffiċli biex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-programmi.

    8.   L-enerġija u l-ilma

    8.1   Billi l-gżejjer jiddependu ħafna mill-importazzjoni tal-karburanti, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-enerġija għandhom impatt akbar fuq ir-reġjuni insulari.

    8.2   Fir-rigward tar-reġjuni insulari, il-politika Ewropea dwar l-enerġija għandha tagħti prijorità lis-sigurtà tal-provvista fil-gżejjer, il-finanzjament tal-iżvilupp u t-twettiq ta’ proġetti għall-produzzjoni tal-enerġija permezz ta’ teknoloġiji ġodda u sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Għandha tagħti prijorità wkoll lill-promozzjoni tal-użu effiċjenti tal-enerġija, u fl-istess ħin tipproteġi l-ambjent u n-natura.

    8.3   Il-produzzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni tal-elettriku mhumiex importanti biss għall-ħtiġijiet primarji iżda wkoll għad-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar, li tista’ ssolvi l-kwistjoni tal-provvista tal-ilma għax-xorb f’ħafna gżejjer.

    8.4   Minħabba s-superfiċje limitata fil-gżejjer u b’mod partikolari l-għamla blatija tagħhom, il-parti l-kbira tal-gżejjer ibatu minn nuqqas ta’ ilma. Dan ixekkel l-iżvilupp ekonomiku (speċjalment it-turiżmu) minbarra li għandu riperkussjonijiet fuq is-saħħa, il-biedja u t-trobbija tal-annimali.

    9.   It-taħriġ u l-impjieg

    9.1   Skont studju reċenti tal-Euroislands (8), il-kapital uman huwa problema kbira fil-gżejjer Ewropej, speċjalment fil-Baħar Mediterran. Il-livell tal-edukazzjoni huwa partikolarment baxx, anke fil-gżejjer fejn hemm università u fejn il-prodott domestiku gross (PDG) għal kull ras huwa għoli. Fil-gżejjer tat-Tramuntana, il-kapital uman huwa ppreparat aħjar biex jiffaċċja sfidi ġodda, iżda anke hawnhekk il-bidla tal-impjiegi tradizzjonali hija diffikultuża.

    9.2   L-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-għarfien tal-lingwi barranin jaqdu rwol essenzjali fl-istrateġija ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Proċess ta’ Lisbona u l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-pedament tal-istrateġiji nazzjonali għandu jkun li jiġu żgurati l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja fir-reġjuni kollha u għall-abitanti kollha. L-iskarsezza tal-persunal u l-ħtieġa li jiġu offruti sensiela wiesgħa ta’ servizzi jirrikjedu li l-abitanti tal-gżejjer ikunu professjonalment polivalenti, u dan jista’ jinkiseb permezz ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali adegwati li jiġu ffinanzjati mill-UE.

    10.   Il-politika reġjonali

    10.1   Il-politika reġjonali tirrappreżenta l-mezz Ewropew prinċipali li jgħin lit-territorji insulari jegħlbu l-limitazzjonijiet strutturali tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal ta’ żvilupp u tkabbir tagħhom. Madankollu, hemm bżonn li din il-politika titjieb sabiex il-gżejjer, li huma parti integrali mis-suq uniku Ewropew, jibbenefikaw bl-akbar mod possibbli minn dan kemm f’termini ekonomiċi kif ukoll f’termini soċjali.

    10.2   B’mod ġenerali, it-territorji insulari huma żvantaġġati meta mqabbla mat-territorji kontinentali. L-insularità mhix waħda mit-temi prijoritarji fl-aġenda Ewropea tal-politika reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, it-tkabbir biddel b’mod radikali l-prijorità tal-aġenda Ewropea ta’ dawn il-politiki, u dan xejn ma ffavorixxa l-politiki Ewropej dwar l-insularità.

    10.3   Għandu jinħoloq qafas integrat li jindirizza b’mod effikaċi l-limitazzjonijiet li jiffaċċjaw il-gżejjer Ewropej. Għalhekk, jeħtieġ li qabel ma jiġu adottati miżuri u politiki li jistgħu jinfluwenzaw lill-gżejjer, isiru l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom bħalma jsir fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi. B’dan il-mod jiġu evitati r-riperkussjonijiet negattivi u l-kontradizzjonijiet, u tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali. Dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt huma partikolarment meħtieġa fil-każ tal-politiki tat-trasport, tal-ambjent u tal-enerġija.

    10.4   Fil-perjodu ta’ programmar 2007-2013, il-PDG għal kull ras huwa l-uniku indikatur li ntuża biex tiġi determinata l-eliġibbiltà tar-reġjuni fil-qafas tal-għanijiet stabbiliti fil-politika reġjonali. Dan l-indikatur jinjora l-fatt li l-koeżjoni timplika dimensjoni ħafna usa’ li tinkludi komponenti soċjali, ambjentali u territorjali u komponenti oħrajn relatati mal-innovazzjoni u l-edukazzjoni. L-indikaturi ġodda, li jużaw data statistika aktar rilevanti, għandhom jipprovdu stampa definita sew tal-livell ta’ żvilupp fil-gżejjer u jippermettu li wieħed jifhem b’mod sodisfaċenti r-realtà tar-reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti.

    10.4.1   Għal dan il-għan, l-indikaturi ta’ riferiment tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom jiġu inklużi bħala referenza, b’konformità mal-qafas politiku ġenerali tal-Unjoni.

    10.5   Għalkemm fl-ipprogrammar għall-2007-2013 ġie rikonoxxut li l-gżejjer Ewropej huma eliġibbli għall-kooperazzjoni transkonfinali, l-istabbiliment ta’ kriterju ta’ distanza massima ta’ 150 km bejn il-fruntieri reġjonali wassal biex bħalissa jiġu esklużi tliet arċipelagi (is-Cyclades, il-Hebrides u l-Gżejjer Baleariċi).

    10.6   Il-KESE jappella biex jitneħħa l-kriterju relatat mad-distanza (150 km) użat għall-klassifikazzjoni tal-gżejjer bħala reġjuni tal-fruntieri eliġibbli għall-finanzjament skont il-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali fil-qafas tal-kooperazzjoni territorjali tal-politika ta’ koeżjoni jew fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

    10.7   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-gżejjer affettwati mhux biss minn żvantaġġ wieħed, iżda minn diversi żvantaġġi msemmijin fl-Artikolu 174, bħall-gżejjer muntanjużi jew dawk b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna. L-istess jista’ jingħad għall-arċipelagi li jintlaqu minn insularità doppja jew multipla. Dawn it-territorji jiffaċċjaw żvantaġġi addizzjonali minħabba l-frammentazzjoni tagħhom u minħabba d-dimensjoni ġeografika limitata tagħhom. Ta’ min jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-qagħda ta’ għadd ġmielu ta’ gżejjer kostali li jiffaċċjaw żvantaġġi gravi marbutin mal-mikroinsularità. Dan kollu jfisser li r-restrizzjonijiet imposti mill-insularità jikbru u li l-popolazzjoni sikwit tbati minħabba n-nuqqas ta’ servizzi.

    10.8   Għaldaqstant, fil-każ tal-gżejjer hemm bżonn li jiġi applikat approċċ integrat tal-politiki differenti kemm orizzontalment (permezz ta’ approċċ intersettorjali fil-politiki prinċipali b’impatt territorjali – PAK, Politika Komuni tas-Sajd, għajnuna mill-Istat, eċċ.) kif ukoll vertikalment (bl-inklużjoni tad-dimensjoni reġjonali, nazzjonali u Ewropea). Dan l-approċċ għandu jirrifletti wkoll l-orjentazzjonijiet politiċi l-ġodda tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-importanza mogħtija lil oqma partikolari, bħall-enerġija u l-klima, il-projezzjoni esterna tal-UE u l-ġustizzja u l-affarijiet interni (9).

    11.   L-aspetti b’saħħithom u attraenti tar-reġjuni insulari

    11.1   Rigward l-aspetti b’saħħithom tal-gżejjer, il-konklużjonijiet tal-istudju tal-Euroislands fil-qafas tal-ESPON (10) jenfasizzaw li l-vantaġġi komparattivi prinċipali huma l-kwalità tal-ħajja u l-wirt naturali u kulturali tagħhom. Il-gżejjer għandhom wirt naturali u kulturali għani ħafna u identità kulturali qawwija. Madankollu, teżisti restrizzjoni importanti għaliex il-wirt naturali u kulturali huwa riżorsa li la hija rinnovabbli u lanqas tista’ tiġi sostitwita.

    11.2   Skont ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-istudju, it-teknoloġiji l-ġodda fl-oqsma tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni jnaqqsu l-impatt negattiv tal-insularità (iċ-ċokon u l-iżolament) fuq il-gżejjer. It-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u għas-servizzi, bħall-edukazzjoni u r-riċerka, is-servizzi tas-saħħa, l-informazzjoni, il-kultura u attivitajiet kreattivi oħrajn. Il-bidliet teknoloġiċi l-oħra (l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji ta’ sostituzzjoni parzjali tar-riżorsi naturali, il-progress fis-settur tat-trasport, eċċ.) jistgħu jtaffu l-limitazzjonijiet ikkawżati mill-insularità.

    11.3   Fir-reġjuni insulari jeżisti għadd kbir ta’ eżempji ta’ prattiki tajbin:

    l-inizjattivi fis-settur intraprenditorjali: minkejja l-prezzijiet relattivament għoljin tagħhom, diversi prodotti agrikoli u manifatturati tal-gżejjer (prodotti tal-ikel u tax-xorb) “irreżistew” il-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea u fis-suq dinji bis-saħħa tal-kwalità tagħhom (bl-użu ta’ prodotti lokali u metodi tradizzjonali tal-produzzjoni) u/jew tal-partikolarità tagħhom u l-ħolqien ta’ marka kummerċjali (brand).

    l-inizjattivi li jittieħdu biex jiġu indirizzati l-problemi ġenerali tal-ambjent, bħat-tibdil fil-klima, jew il-problemi speċifiċi relatati mal-insularità: ta’ min isemmi l-isforzi li qed isiru biex tiġi prodotta l-enerġija rinnovabbli fil-gżira ta’ Kitnos (Cyclades), Samsø, Eigg (l-Iskozja), Gotland, Bornholm, il-Gżejjer Kanarji, eċċ.

    Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  “Integrazzjoni aħjar fis-suq intern – fattur ewlieni tal-koeżjoni u t-tkabbir għall-gżejjer”, ĠU C 27, 30.2.2009, p. 123, u “L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 75.

    (2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – Qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 44 u r-Riżoluzzjoni dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew (2010/2206 (INI)).

    (3)  ĠU C 44, 15.2.2011, p. 75.

    (4)  “Integrazzjoni aħjar fis-suq intern – fattur ewlieni tal-koeżjoni u t-tkabbir għall-gżejjer”, ĠU C 27, 30.2.2009, p. 123, punt 2.2.

    (5)  Spanja, l-Irlanda, Franza, id-Danimarka, l-Italja, il-Finlandja, l-Isvezja, ir-Renju Unit, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Malta, Ċipru, l-Estonja u l-Portugall.

    (6)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew, COM(2010) 352 final.

    (7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew (2010/2206 (INI)).

    (8)  Studju tal-Euroislands, “The Development of the Islands – European Islands and Cohesion Policy” (L-iżvilupp tal-gżejjer – Il-gżejjer Ewropej u l-politika ta’ koeżjoni), (Programm Ewropew ESPON 2013).

    (9)  Oqsma identifikati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali dwar Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, COM(2010) 700 final.

    (10)  Studju tal-Euroislands, “The Development of the Islands – European Islands and Cohesion Policy” (L-iżvilupp tal-gżejjer – Il-gżejjer Ewropej u l-politika ta’ koeżjoni), (Programm Ewropew ESPON 2013).


    Top