This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IE0496
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Social Economy in Latin America’
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina”
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina”
ĠU C 143, 22.5.2012, p. 29–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 143/29 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina”
2012/C 143/06
Relatur: is-Sur CABRA DE LUNA
Nhar it-18 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:
L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Jannar 2012.
Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Din l-opinjoni għandha l-għan li tfassal analiżi tal-ekonomija soċjali (ES) tal-Amerika Latina (AL) bħala settur organizzat tas-soċjetà ċivili li, b’mod ġenerali, kien eskluż mill-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE). Din l-analiżi qed issir waqt li titqies id-diversità LatinoAmerikana u tirrikonoxxi d-differenzi bejn iż-żewġ reġjuni. Huwa għalhekk li għall-finijiet ta’ dan id-dokument ser tintuża l-frażi “ekonomija soċjali u solidali” (ESS), indipendentement minn termini oħra li jistgħu jeżistu diġà.
1.2 Fir-Riżoluzzjoni tagħha 47/90, in-NU ddikjarat l-ewwel Sibt ta’ Lulju ta’ kull sena bħala l-Jum Internazzjonali tal-Kooperattivi, u fir-Riżoluzzjoni 64/136 iddikjarat l-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) f’diversi okkażjonijiet (speċjalment fir-Riżoluzzjoni 193 tagħha) għarfet l-aspetti pożittivi tal-kooperattivi u tal-ESS. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji wkoll esprimew l-interess tagħhom f’dan is-settur. L-UE, min-naħa tagħha, irrikonoxxiet f’diversi okkażjonijiet l-importanza tal-kooperattivi u tal-ES, filwaqt li l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qed jieħu sehem fi proġetti ma’ negozji tal-ESS LatinoAmerikani.L-istess għamlu wkoll il-Mercosur u istituzzjonijiet Latino Amerikani oħrajn f’termini simili. Din l-opinjoni tadotta l-istess pożizzjoni.
1.3 Din l-opinjoni għandha l-għan li tħejji l-bażi tal-ħidma tal-KESE għall-preparamenti tas-seba’ laqgħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tal-Amerika Latina li ser issir f’Santiago de Chile fl-2012. Qed jiġi propost li, kemm għall-ħidmiet preparatorji kif ukoll għal-laqgħa, jiġu mistiedna rappreżentanti tal-ESS tal-Amerika Latina u tal-UE biex jistudjaw il-kontenut ta’ din l-opinjoni permezz ta’ djalogu kostruttiv. Qed jiġi propost ukoll li din is-seba’ laqgħa titkellem dwar ir-riżultati ta’ dan id-djalogu. Il-KESE jinnota li l-ESS fl-Amerika Latina ssolvi sitwazzjonijiet gravi ta’ inugwaljanza soċjali u ekonomika u ta’ vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-ESS hija għodda ċentrali fil-ġlieda favur ix-xogħol diċenti u sabiex tingħeleb l-informalità soċjoekonomika, u hija vitali fil-proċessi ta’ żvilupp lokali u ta’ koeżjoni soċjali. L-ESS tħeġġeġ il-pluralità u d-demokrazija ekonomika. Għal din ir-raġuni, jitqies bħala prijorità li jitħeġġu dawn il-kapaċitajiet u l-effetti kollha, biex dan ikun ta’ kontribut lejn il-bidla neċessarja tal-mudell ta’ produzzjoni.
1.4 Il-koeżistenza u l-kooperazzjoni bejn it-tendenzi differenti tal-ESS tal-Amerika Latina jitqiesu utli ħafna. Minn naħa, l-ESS ta’ natura aktar intraprenditorjali għandha titħeġġeġ timxi lejn għanijiet ibbażati fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u ma tagħtix prijorità liż-żieda fil-benefiċċji, billi tikkontribwixxi aktar għall-kisba tal-benesseri ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-ESS b’element qawwi ta’ trasformazzjoni soċjopolitika għandha tifhem li l-kumpaniji għandhom ikunu effiċjenti u jagħmlu l-qligħ, bil-ħolqien ta’ netwerks li permezz tagħhom tkun tista’ tinżamm il-presenza fis-suq. Għaldaqstant, l-ESS m’għandhiex tkun ibbażata fuq l-ekonomija tal-faqar, anzi għandha taħseb f’tendenzi li qed jinbidlu, billi tgħaqqad l-iżvilupp, l-effiċjenza ekonomika u l-ġustizzja soċjali biex jinqerdu l-assimetriji ta’ kull tip.
1.5 L-ESS fl-Amerika Latina qed tiltaqa’ ma’ problemi fundamentali li qed ixekklu l-iżvilupp tagħha: in-nuqqas ta’ viżibbiltà soċjali u istituzzjonali hija waħda mill-aktar gravi. In-nuqqas ta’ proċessi rigorużi ta’ kejl u kwantifikazzjoni ma jgħinx il-problema, u ma jippermettix li jiġu vverifikati d-daqs u l-effetti soċjali imdaqqsin tagħha. Hemm bżonn urġenti ta’ azzjoni aktar rilevanti fit-tfassil ta’ statistika approvata internazzjonalment fil-pajjiżi tal-Amerika Latina, bl-involviment tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħal CEPAL, ACI-Américas, Fundibes, Cicopa jew Ciriec. In-nuqqas ta’ presenza istituzzjonali tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħha wkoll huwa problema kbira li trid tiġi solvuta billi l-amministrazzjoni pubblika u l-atturi soċjali l-oħra jirrikonoxxu dawn l-organizzazzjonijiet bħala imsieħba fi ħdan l-istituzzjonijiet konsultattivi dwar il-politiki soċjali u ekonomiċi. Il-kunsilli ekonomiċi u soċjali u korpi oħrajn ta’ parteċipazzjoni soċjali huma għodda utli oħra għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-ESS.
1.6 Ħlief għal xi eċċezzjonijiet speċjali, in-nuqqas ta’ politiki pubbliċi integrali u parteċipattivi fir-rigward tal-ESS huwa ostaklu kbir għall-konsolidazzjoni u l-progress tagħha. Huwa kruċjali li mmorru lil hinn mill-proposti sempliċiment ibbażati fuq għajnuniet ekonomiċi diretti mingħajr kundizzjonijiet u jiġu promossi azzjonijiet maħsuba biex tissolva l-problema tal-għejun tal-fondi. Għandhom jitfasslu politiki strutturali ta’ interess ġenerali li jinkludu deċiżjonijiet fil-qasam tal-leġislazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp tal-edukazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni u t-taħriġ professjonali, anke fil-qasam universitarju. Għandha tissaħħaħ ukoll il-preżenza tal-ESS fl-iżvilupp tal-protezzjoni soċjali permezz tas-sistemi tas-saħħa mmexxija bis-sehem tal-utenti. Għandhom jissaħħu politiki tal-istat ġenwini bil-għan li ma tintilifx il-kontinwità kull darba li jinbidel il-gvern.
1.7 It-trejdjunjins u atturi soċjali oħra, inkluża l-ESS, jistgħu jaħdmu flimkien u jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi istituzzjonali biex jiġu miġġielda l-każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi marbutin mal-ekonomija informali u ħaddiema awtonomi foloz. Dan jgħin ukoll biex jiġi żgurat ix-xogħol diċenti u servizzi pubbliċi universali u ta’ kwalità, kif ukoll biex jiġu xprunati attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità.
1.8 Il-kunsiderazzjonijiet u l-proposti mressqa f’din l-opinjoni għandhom jiġu inkorporati f’politika ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fl-Amerika Latina fil-qasam tal-ESS. Ikun tajjeb li jitfasslu proġetti ta’ kooperazzjoni maħsuba biex joħolqu intrapriżi vijabbli tal-ESS li jservu ta’ aġenti għall-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp lokali, il-pluralità, id-demokrazija ekonomika u l-formalizzazzjoni massiva tal-ekonomija u tax-xogħol. L-ESS għandha titqies bħala prijoritarja fil-kooperazzjoni mal-UE bil-għan li tiġi promossa l-konsolidazzjoni tan-netwerks li jservu ta’ aġenti fit-twettiq tal-politiki ta’ kooperazzjoni ekonomika u ta’ kożvilupp. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-ESS għandhom iħeġġu l-koordinazzjoni bejn l-atturi u n-netwerks tagħha, billi tiġi evitata l-frammentazzjoni u d-dupplikazzjoni: huwa fundamentali li jitwaqqfu inizjattivi aktar internazzjonali u strateġiċi.
1.9 Min-naħa l-oħra, hemm bżonn ukoll li f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi globali jissaħħu r-relazzjonijiet intraprenditorjali u kummerċjali bejn l-ESS tal-UE u tal-Amerika Latina. L-esperjenzi ta’ prattika tajbin tal-ESS tal-Amerika Latina jistgħu jservu ta’ eżempji ta’ min isegwihom. Hemm bżonn partikolarment importanti li l-ftehimiet kummerċjali li jiġu ffirmati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina jħeġġu l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-mikrointrapriżi u, speċifikament, tal-ESS.
2. L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina
2.1 Kunċett f’żewġ partijiet
2.1.1 L-approċċ adottat f’din l-opinjoni fir-rigward tal-ESS fl-Amerika Latina jistrieħ fuq żewġ premessi inevitabbli: minn naħa, id-differenzi li jeżistu bejn ir-realtajiet soċjali tal-UE u dawk tal-Amerika Latina. U min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Amerika Latina mhijiex omoġenja. Għaldaqstant, din l-analiżi hija bbażata fuq l-ikbar rispett ta’ din id-diversità. Hija għandha wkoll l-għan li ssib punti komuni li jistgħu jwasslu għal kooperazzjoni fuq termini ugwali u billi jitqies it-tibdil li qed iseħħ f’dawn iż-żewġ reġjuni (1).
2.1.2 Fl-Amerika Latina jintużaw l-aktar it-termini “ekonomija soċjali” u “ekonomija solidali”. Din tal-aħħar hija aktar mifruxa iżda tista’ twassal għal nuqqas ta’ qbil dwar it-tifsira tagħha (pereżempju il-kunċett ta’ “ekonomija popolari”). Fl-Ewropa, infirex l-użu tat-terminu ES. Dan jirreferi għal kunċett b’konnotazzjonijiet li bla dubju huma intraprenditorjali, li jintiseġ fis-sistema bħala mod alternattiv u distint kif isiru l-affarijiet u li ma jqisx il-“qligħ” bħala problema fiha nnifisha. F’dan ir-rigward, l-element kruċjali huwa l-mod ta’ kif jitqassam iż-żejjed miksub peress li l-attivitajiet intraprenditorjali tal-ES jridu jkunu kompetittivi u jiġġeneraw il-qligħ. Fl-UE, it-terminu ES u t-tifsira li jingħatalu kisbu kunsens mifrux (2), filwaqt li fl-Amerika Latina għad hemm varjetà ta’ interpretazzjonijiet.
2.1.3 F’dawn l-aħħar snin, l-aktar minħabba t-tibdil politiku u ekonomiku li seħħ fl-Amerika Latina, infirex l-użu ta’ “ekonomija soċjali u solidali” (ESS) biex issir referenza għal dan is-settur (3). Għalhekk aħna nipproponu li jintuża dan it-terminu b’rabta mal-Amerika Latina.
2.1.4 Bħala l-ewwel element jista’ jiġi indikat li l-ESS kollha kemm hi hija magħmula minn korpi ta’ natura privata, stabbiliti bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet personali u soċjali u mhux li jinqdew l-investituri ta’ kapital. Fl-Amerika Latina, is-sitwazzjoni tal-ESS tvarja minn pajjiż għall-ieħor, minkejja li hemm ċerti mudelli komuni li joħorġu ċar fil-pajjiżi kollha. Għandu mnejn li dawn l-elementi komuni jgħinu biex tingħata interpretazzjoni aktar inklużiva tal-kunċett. Fl-Amerika Latina, l-ESS hija bażikament magħmula minn kooperattivi, assoċjazzjonijiet mutwali, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, kooperattivi tax-xogħol, organizzazzjonijiet ta’ solidarjetà soċjali, gruppi ċivili u mikrointrapriżi ta’ tipi differenti. Dawn l-intrapriżi u l-korpi huma bbażati fis-solidarjetà u r-responsabbiltà soċjali. Il-biċċa l-kbira fosthom huma attivi fis-suq, iżda jiġri li joħolqu ċerti swieq speċjali (kummerċ ġust) fejn jiġu applikati prinċipji differenti minn dak tal-kompetizzjoni.
2.1.5 L-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ESS għandhom karatteristiċi differenti mill-intrapriżi pubbliċi u privati ta’ kapital, iżda dawn ukoll jipproduċu prodotti u servizzi. Għaldaqstant, l-intrapriżi tal-ESS mhumiex biss jew qabel kollox korpi karitattivi jew mingħajr għan ta’ qligħ: il-profitti huma meħtieġa. Il-kwistjoni essenzjali hija dwar il-mod kif jitqassam il-qligħ tal-attività li ma jitkejjilx biss f’termini ta’ flus u tal-vantaġġi miksuba għall-membri u l-ambjent tal-madwar, iżda wkoll f’termini ta’ valur soċjali miżjud.
2.2 Dimensjonijiet u kejl
2.2.1 Waħda mill-ikbar problemi li jxekklu l-iżvilupp tal-ESS fl-Amerika Latina hija d-diffikultà li tingħata struttura lill-informazzjoni dwar is-settur, u dan iżid in-nuqqas ta’ viżibbiltà soċjali. Hemm bżonn ta’ għarfien, u mhux biss ta’ tbassir, tal-impatt reali tal-ESS. Dan in-nuqqas ta’ kejl jagħmilha diffiċli li titwassal l-importanza soċjali reali tagħha u d-differenza paragunabbli meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ intrapriżi f’termini tal-impatt tal-azzjonijiet ekonomiċi, soċjali u solidali tagħha. L-Ewropa titlob l-istess affarijiet għal dan is-settur: rikonoxximent statistiku, ħolqien ta’ reġistri pubbliċi affidabbli u kontijiet satelliti għal kull settur istituzzjonali jew qasam ta’ attività, sabiex tinkiseb aktar viżibbiltà (4).
2.3 Organizzazzjonijiet tal-ESS
2.3.1 L-istess bħal f’bosta pajjiżi tal-UE, fl-Amerika Latina wkoll hemm bżonn li jiġi solvut b’urġenza n-nuqqas ta’ rappreżentanza suffiċjentament ikkonsolidata, integrata u effikaċi tal-ESS. Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, l-istrutturi rappreżentattivi tal-kategoriji differenti tal-ESS għad iridu jiġu integrati skont kriterji f’forma ta’ piramida, minn isfel għal fuq, b’mod settorjali u territorjali, billi jiġu evitati l-frammentazzjoni, il-kompetizzjoni bejniethom u l-korporattiżmu. Il-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet huma qrib ħafna tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilita l-kunsiderazzjoni tagħhom bħala punti ta’ utilità soċjali u innovazzjoni, mogħnija bil-ħila neċessarja biex jiffaċċjaw il-problemi soċjoekonomiċi ewlenin.
2.3.2 Meta l-organizzazzjonijiet tal-ESS (5) jirnexxilhom jiksbu r-rikonoxximent li jeħtieġu biex jiksbu kapaċità reali għad-djalogu u n-negozjar, dawn isaħħu l-ambitu ta’ influwenza tagħhom biex jilħqu sinerġiji f’termini ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet, effikaċja intraprenditorjali, responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi, mudelli ġodda ta’ ġestjoni, ġlieda kontra l-prattiki ħżiena, u fl-aħħar mill-aħħar, impatt ikbar fuq is-sistema ekonomika.
2.4 Politiki pubbliċi
2.4.1 Waħda mill-ħidmiet li l-ESS għad trid issolvi hija l-mod kif jiġu konklużi ftehimiet u alleanzi mas-setgħat pubbliċi abbażi ta’ rispett reċiproku u indipendenza. Għaldaqstant, il-politiki pubbliċi huma waħda mit-tħassib u l-objettivi prijoritarji tal-ESS fl-Amerika Latina. Il-politiki li huma fundamentalment imsejsa fuq għajnuniet ekonomiċi diretti mingħajr kundizzjonijiet huma sorsi imprevedibbli u li ma jistgħux jiġu kkontrollati, li maż-żmien jistgħu jsiru strument ta’ pressjoni u manipulazzjoni. Il-politiki purament palljattivi jew ta’ għajnuna jħeġġu l-prattiki ħżiena.
2.4.2 Hemm bżonn jiġu promossi l-politiki integrali u parteċipattivi konformi mal-għanijiet ewlenin tal-ESS u tal-gvernijiet b’interess fil-ħila tal-ESS li timmobilizza r-riżorsi tal-komunità fis-suq sabiex jinkisbu benefiċċji ġenerali minn soluzzjonijiet innovattivi għal problemi kumplessi. L-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tal-ESS bla dubju għandhom l-istess objettivi soċjali biex iwieġbu għall-ħtiġijiet urġenti tan-nies. (6)
2.4.3 Għall-ESS, l-aċċess għall-finanzjament jikkostitwixxi problema endemika li twaqqaf radikalement l-iżvilupp tagħha. L-ESS tgħix prinċipalment mill-kontribuzzjonijiet tal-membri u l-promoturi tagħha u mhux mill-kapital spekulattiv ta’ terzi. Fl-istess ħin, hija tifrex prattiki li jibbenefikaw l-interess ġenerali. Ġeneralment, l-azzjoni pubblika hija skarsa u insuffiċjenti fir-rigward tal-kisba ta’ mezzi ta’ finanzjament regolari permezz ta’ riformi legali u miżuri makroekonomiċi adegwati għall-ESS. Hemm bżonn ta’ politiki tal-Istat li jinkludu lill-ESS fl-ippjanar ġenerali tal-ekonomija, politiki ta’ finanzjament tal-industrija biex jinkiseb kapital ġdid, żieda fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju, fondi għas-sehem ekonomiku tal-ħaddiema u l-membri, appoġġ għall-ħolqien ta’ gruppi intraprenditorjali u tħeġġiġ tas-sehem tal-ESS fl-akkwist pubbliku. Hemm bżonn urġenti li l-miżuri li huma ta’ ostaklu mhux ġustifikat għall-iżvilupp tal-korpi finanzjarji proprji tal-ESS, bħall-banek etiċi u l-mikrofinanzjament, jiġu riformulati.
2.4.4 Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġu linji ċari ta’ azzjoni politika għat-tħejjija ta’ programmi kkoordinati fil-livelli, kompetenzi u strutturi amministrattivi differenti tagħhom, sabiex l-ESS tiġi istituzzjonalizzata u tingħata trattament intersettorjali. Il-proċeduri amministrattivi mhumiex flessibbli biżżejjed u m’hemmx biżżejjed armonizzazzjoni statali u sopranazzjonali tal-linji ewlenin dwar il-promozzjoni u l-appoġġ tal-ESS. Hemm nuqqas ta’ politiki pubbliċi maħsuba biex tiġi evitata l-qerda tal-intrapriżi soċjali żgħar u tan-nisġa tal-produzzjoni lokali u solidali, kif ukoll ta’ politiki ta’ taħriġ professjonali u tal-ġestjoni tal-intrapriżi, b’mod partikolari fil-livell muniċipali (7), u ta’ politiki ta’ aġġustament tal-oqfsa regolatorji għall-forom differenti tal-ESS. Jaqbel li nsemmu b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġu implimentati politiki pubbliċi dwar l-edukazzjoni (Rakkomandazzjoni tal-ILO 193 tal-2002) għall-ESS. L-amministrazzjoni pubblika, inklużi l-universitajiet, u l-ESS għadhom m’għamlux biżżejjed sforz biex jaħdmu flimkien.
2.5 L-iżvilupp ekonomiku fl-Amerika Latina u r-rwol tal-ESS
2.5.1
2.5.1.1 |
L-Amerika Latina għaddejja minn żvilupp makroekonomiku favorevoli f’termini ta’ tkabbir konvenzjonali, iżda xorta waħda b’differenzi bejn il-pajjiżi. Madankollu, dan it-tkabbir qed iseħħ f’realtà soċjali mmarkata minn inugwaljanzi kbar: qgħad massiv u li mhux qed jiċċaqlaq f’ċerti setturi soċjali, prekarjetà tal-impjieg ġeneralizzata u rqajja’ ta’ esklużjoni soċjali u ta’ faqar. Madankollu, il-valorizzazzjoni mill-ġdid ta’ “stat proattiv” konxju minn din id-duwalità soċjali mhux sostenibbli jidher li qed tħeġġeġ tkabbir aktar ekwu (8) u li jirrispetta l-ambjent. |
2.5.1.2 |
Il-kontribut ta’ ESS kkonsolidata fl-Amerika Latina għall-ġestjoni tal-iżvilupp hija bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ sitwazzjonijiet gravi ta’ faqar, inugwaljanza, esklużjoni, ekonomija informali, esplojtazzjoni tal-bniedem, nuqqas ta’ koeżjoni soċjali u delokalizzazzjoni tal-intrapriżi u fl-aħħar mill-aħħar fuq tqassim aktar ekwu tad-dħul u tar-rikkezzi, b’kontribut għall-bidla neċessarja tal-mudell ta’ produzzjoni. Huwa hawnhekk li tidħol l-ESS, billi tipprovdi servizzi ta’ benesseri soċjali u, meta mqabbla ma’ setturi oħrajn, toffri vantaġġi komparattivi ta’ effikaċja fl-allokazzjoni u l-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi soċjali preferenzjali. Il-kapaċità tagħha li tkopri setturi kbar tal-popolazzjoni, f’territorji normalment ’il bogħod miċ-ċentri ta’ poter u ċ-ċentri ekonomiċi, ipoġġiha f’pożizzjoni ideali biex twettaq żvilupp aktar ekwu. |
2.5.2
2.5.2.1 |
L-ekonomija informali hija fenomenu mifrux ħafna fl-Amerika Latina, li jinstab ukoll f’ċerti żoni tal-UE (ekonomija informali), u hija kkaratterizzata mill-iżvilupp ta’ attivitajiet professjonali jew ekonomiċi li parzjalment jew kompletament ma jkollhomx protezzjoni soċjali u ma jirrispettawx il-leġislazzjoni applikabbli. Il-qgħad, in-nuqqas ta’ impjieg u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol imorru kontra d-dikjarazzjonijiet tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti (9). Din hija problema serja. Ġiet innutata rabta diretta bejn l-impjieg informali jew in-nuqqas ta’ impjieg u l-indiċi ta’ faqar, li huwa endemiku fost in-nisa, iż-żgħażagħ, il-popolazzjonijiet indiġeni jew il-persuni ta’ oriġini Afrikana u l-persuni b’diżabbiltà, kemm f’termini ta’ xogħol informali kif ukoll ta’ ugwaljanza fil-pagi u t-trattament. Iżda, flimkien ma’ atturi oħra, l-ESS hija għodda effikaċi għall-ġlieda kontra l-ekonomija informali, u dan għaliex hija tolqot intrapriżi u persuni li jaħdmu legalment u għandhom protezzjoni soċjali. Hija sservi wkoll biex jiġi evitat li jinbtu prattiki li jippromovu l-esternalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi għall-interess proprju, mingħajr garanziji ta’ prestazzjoni u nuqqas fil-kwalità għad-detriment tal-protezzjoni soċjali tal-benefiċjarji. It-trejdjunjins u atturi soċjali oħra, inkluża l-ESS, jistgħu jaħdmu flimkien u jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi istituzzjonali biex jiġu miġġielda każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi marbutin mal-ekonomija informali u ħaddiema awtonomi foloz. Dan jgħin ukoll biex jiġi żgurat xogħol diċenti u servizzi pubbliċi universali u ta’ kwalità, kif ukoll biex jiġu xprunati attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità. |
2.5.2.2 |
L-ILO tagħraf ir-rwol tal-ESS għax fost il-valuri u l-prinċipji li fuqhom huma bbażati l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali hemm ir-rispett tal-prinċipji u tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol (10). F’dan is-sens, l-ESS uriet il-ħila tagħha li twessa’ s-servizzi ta’ protezzjoni soċjali għall-persuni u l-konsumaturi li mhumiex protetti minn sistemi fiskali ta’ sigurtà soċjali, u dan jgħin biex jitranġaw l-iżbilanċi tas-suq tax-xogħol u biex jiġi żgurat it-trattament ugwali. |
2.5.2.3 |
Jeżistu għadd ta’ gruppi informali ta’ ħaddiema indipendenti fl-ESS li m’għandhomx il-possibbiltà jiksbu taħriġ professjonali, fondi jew rikonoxximent uffiċjali. L-eżistenza ta’ rabtiet ibbażati fuq ir-reċiproċità u l-fiduċja bejn produtturi jew artiġjani żgħar tista’ twassal għal proċess ta’ formalizzazzjoni bl-intermedjarju tal-intrapriżi tal-ESS peress li l-produtturi mhux raggruppati, pereżempju, m’għandhom tista’ tgħid l-ebda mezz biex jaċċessaw is-suq uffiċjali. Għandha tissaħħaħ ukoll il-preżenza tal-ESS fl-iżvilupp tal-protezzjoni soċjali permezz ta’ sistemi tas-saħħa mmexxija bis-sehem tal-utenti. Huwa kruċjali li tiġi eliminata l-ekonomija informali li tista’ teżisti fi ħdan l-ESS innifisha. |
2.5.3
2.5.3.1 |
Huwa fundamentali li jiġi ppjanat l-istabbiliment ta’ parametri minimi ta’ koeżjoni soċjali għal kull approċċ għall-iżvilupp (11). Is-setgħat lokali qed jindunaw bl-importanza li jappoġġaw lill-intraprendituri tal-ESS biex jagħtu ħajja mill-ġdid lill-komunitajiet rurali u urbani. Dawn l-intrapriżi joħolqu impjiegi lokali u l-qligħ tagħhom jiċċirkola fil-livell lokali biex jiġi akkumulat għal finijiet ta’ investiment mill-ġdid fl-istess territorju. Il-kontroll lokali tal-investimenti, tal-oġġetti u tas-servizzi, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni tal-qligħ fi ħdan l-ekonomija lokali u reġjonali jiggarantixxu għalhekk proċessi primarji ta’ koeżjoni soċjali, u joħolqu stabbiltà ekonomika. |
2.5.3.2 |
L-ESS turi l-kapaċità tagħha li toħloq u testendi l-kultura u n-nisġa intraprenditorjali kif ukoll li torbot l-attività ekonomika mal-ħtiġijiet tal-produzzjoni lokali. L-ESS tixpruna proċessi ta’ żvilupp endoġenu fiż-żoni rurali, ta’ rinnovazzjoni ta’ żoni urbani mitluqin u tagħti ħajja mill-ġdid lil żoni industrijali li sejrin lura, biex b’hekk jittaffew żbilanċi reġjonali serji mingħajr ma jiġi segwit mudell wieħed għall-iżvilupp lokali, iżda biex ikun jista’ jkun hemm koeżistenza ta’ approċċi differenti skont il-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi tar-reġjuni. |
2.5.3.3 |
L-ESS tgħin l-awtonomija territorjali billi tagħti importanza partikolari lis-soċjetà ċivili fl-istabbiliment tal-mudell ta’ żvilupp taż-żona u l-kontroll tal-evoluzzjoni tal-proċessi ta’ tkabbir u tar-riforma strutturali. Il-kooperattivi agrikoli huma l-muftieħ ta’ dan il-proċess. Il-politiki ta’ koeżjoni soċjali għandhom jiffukaw fuq il-livell lokali (rurali u urban) sabiex jiggarantixxu s-servizzi soċjali bażiċi, l-infrastrutturi u l-edukazzjoni. L-ESS hija indispensabbli f’dan ir-rigward. |
2.5.4
2.5.4.1 |
L-ESS mhijiex settur marġinali iżda element istituzzjonali tas-sistema ekonomika li jeżisti flimkien mas-setturi pubbliċi u privati ta’ kapital. Dan jippermettilha tistabbilixxi pluralità ekonomika biex isservi ta’ kontrapiż għaż-żewġ setturi l-oħra. L-ESS tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli, tippromovi spirtu ta’ assoċjazzjoni u tiżgura l-ugwaljanza permezz ta’ sistemi ta’ promozzjoni edukattiva. Hija essenzjali biex tinkiseb l-istabbiltà soċjali, is-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku, it-tqassim mill-ġdid tad-dħul u t-twettiq ta’ alternattivi ekonomiċi. |
2.5.4.2 |
Il-mod kif taħdem l-ESS, imsejsa fuq il-prinċipju tad-demokrazija u tal-parteċipazzjoni tal-persuni fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-proċessi ekonomiċi huwa tagħlima permanenti fil-qasam tad-demokrazija u taċ-ċittadinanza. L-ESS toħloq spirtu soċjali u l-ħila tagħha li tikkontribwixxi b’suċċess għas-soluzzjoni ta’ kunflitti, għall-paċi u għall-ġustizzja soċjali tagħmilha element li ma jistax jittiħidlu postu fis-sistema ekonomika u soċjali tal-Amerika Latina. Hemm bżonn li din il-ħila tiġi promossa. |
3. Kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ESS
3.1 Ħtieġa għall-kooperazzjoni
3.1.1 L-ESS tistrieħ fuq prinċipji u prattiki komuni kemm għall-UE kif ukoll għall-Amerika Latina. Għaldaqstant, dawn il-punti komuni jistgħu jħeġġu l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni, kemm fl-iżvilupp sostenibbi kif ukoll fl-iskambji kummerċjali u intraprenditorjali.
3.1.2 Billi jtenni dak li qal diġà fl-imgħoddi, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-ftehimiet kummerċjali li jiġu ffirmati mal-pajjiżi tal-Amerika Latina jħeġġu l-iżvilupp tan-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju, tal-mikrointrapriżi u, b’mod konkret, tal-ESS (12).
3.2 Netwerks
3.2.1 In-netwerks magħmulin minn korpi rappreżentattivi tal-ESS, intrapriżi soċjali, u ċentri ta’ informazzjoni, ta’ kwantifikazzjoni u innovazzjoni u ta’ taħriġ universitarju jistgħu joħolqu pjattaformi li jikkontribwixxu biex jingħelbu l-isfidi l-kbar identifikati. L-UE tista’ tkun partikolarment utli fit-twettiq ta’ dawn l-objettivi, iżda l-miżuri m’għandhomx jimmiraw biss lill-pajjiżi jew iż-żoni bl-inqas dħul iżda wkoll ir-reġjuni emerġenti bi dħul medju li jridu jsaħħu l-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekwu. ESS ibbażata fuq netwerks affidabbli tgħin biex jiġu determinati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti u l-proġetti l-aktar effikaċi li jagħmlu l-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE aktar selettiva. L-azzjoni tal-UE biex twaqqaf netwerks bejn l-Amerika Latina u reġjuni oħra (l-Afrika, l-Asja, eċċ.) li qed jiżviluppaw, ibbażati fl-ESS, tista’ tkun ta’ importanza kbira (13).
3.3 Kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-kożvilupp fil-qasam tal-ESS
3.3.1 L-UE tista’ tindirizza l-kooperazzjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ Pjani Intraprenditorjali tal-ESS għall-Iżvilupp Sostenibbli (14) li fihom jieħdu sehem il-gvernijiet tal-Amerika Latina impenjati f’dan il-qasam u l-organizzazzjonijiet tal-ESS taż-żewġ kontinenti, permezz tat-twaqqif ta’ programmi ta’ akkumpanjament u ta’ assistenza teknika għall-intraprendituri fil-qafas tal-politiki attivi tax-xogħol. B’dan il-mod, il-preżenza tal-UE fl-Amerika Latina turi li għandha dimensjonijiet oħra apparti l-interess kummerċjali.
4. L-2012 bħala punt ta’ bidla: Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi (Nazzjonijiet Uniti) - is-7 laqgħa tas-soċjetà ċivili organizzata UE-Amerika Latina
4.1 Fir-Riżoluzzjoni 64/136 adottata mill-Assemblea Ġenerali tagħha, in-NU iddikjarat l-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi. Fost id-dikjarazzjonijiet importanti li jsiru fir-Riżoluzzjoni, li jenfasizzaw il-kontribut tal-kooperattivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fid-dinja, in-NU tħeġġeġ li l-kooperattivi jiġu promossi attivament, speċjalment fl-2012. F’din l-opinjoni, il-Kumitat jappoġġja l-kontenut ta’ din ir-Riżoluzzjoni fl-aspetti kollha u jaqbel mal-proposti tagħha.
4.2 Fl-2012 ser issir ukoll is-7 laqgħa tas-soċjetà ċivili organizzata UE-Amerika Latina. Fil-qafas ta’ din il-laqgħa u l-laqgħat preparatorji għaliha, ser isiru laqgħat ta’ ħidma dwar il-kontenut ta’ din l-opinjoni mar-rappreżentanti tal-ESS, tal-Amerika Latina u tal-UE, bil-għan li jintlaħaq kunsens dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jidhru fid-dokument finali.
Brussell, 22 ta’ Frar 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Dokument COM(2009)/647 dwar l-Istrateġija UE 2020. ĠU C 347, 18.12.2010, p. 48–54, Opinjoni dwar “L-aspetti soċjoekonomiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina”.
(2) L-opinjoni CESE INT/447 dwar “Forom differenti ta’ intrapriża”, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22–28; ir-rapport tas-Sinjura Toia “INI/2250/2008”; l-opinjoni tal-KESE dwar il-promozzjoni tal-kooperattivi fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU C 234 tat-22.9.2005); l-opinjoni tal-KESE dwar l-ekonomija soċjali u s-suq uniku (mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU C 117 tas-26.4.2000). F’dan is-sens, il-liġijiet Spanjoli u Portugiżi reċenti dwar l-ekonomija soċjali tal-2011, kif ukoll standards oħra tal-Istati Membri li jirregolaw korpi tal-ESS.
(3) Pereżempju l-ILO tuża dan it-terminu fid-dokument ta’ ħidma reċenti li ħareġ fl-2010 mfassal miċ-ċentru internazzjonali tat-taħriġ (ITC-ILO), bl-isem ta’ “Social and solidarity economy: building a common understanding” (Ekonomija soċjali u solidali: nibnu fehim komuni).
(4) Ma jeżistux statistiċi eżatti għall-Amerika Latina, iżda skont l-istudji li saru minn Fundibes sal-2009, wieħed jista’ jikkalkula, bejn wieħed u ieħor u b’mod provviżorju, li jeżistu aktar minn 700 000 organizzazzjoni tal-ESS u li dawn għandhom madwar 14-il miljun membru. Barra minn hekk, il-firxa tas-settur informali tal-ekonomija mar-reġjun kollu tagħmel estremament diffiċli l-kwantifikazzjoni ġenerali bl-eżatt jew saħansitra bejn wieħed u ieħor tal-ESS. Min-naħa tagħha, l-ICA tikkalkula li l-Amerika Latina hija r-reġjun li jirreġistra “l-aktar tkabbir rapidu” f’termini ta’ kooperattivi ġodda u ta’ membri (2009). L-Inacoop fl-Urugwaj tipprovdi xi ċifri għall-2008: 1 164 kooperattiva, 907 698 membru attiv, bi produzzjoni annwali ta’ 1 708 miljun dollaru (3,2 % tal-produzzjoni totali), 27 449 ħaddiem. Fl-2008 ukoll, fl-Arġentina: 12 760 kooperattiva b’9 392 713-il membru; soċjetajiet mutwali 4 166 b’4 997 067 membru; ħaddiema 289 460 (sors: INAES). iċ-Ċili: 1 152 kooperattiva b’1 178 688 membru; soċjetajiet mutwali: 536 (sors: Fundibes). il-Kolombja: 8 533 kooperattiva b’139 703 membru; soċjetajiet mutwali: 273 b’4 758 membru (sors: Confecoop). il-Gwatemala: 841 kooperattiva b’1 225 359 membru (sorsi varji). il-Paragwaj: 453 kooperattiva b’1 110 000 membru (sors: Fundibes). Għall-Brażil ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9. Hemm ukoll studji li juru kemm baqgħet soda l-ESS fi żmien il-kriżi Iżda din l-informazzjoni u dawn l-istimi huma aktar intuwittivi u approssimattivi milli verifikabbli.
(5) Eżempji ta’ entitajiet rappreżentattivi: Confecoop (Kolombja), Conacoop (Kosta Rika), Confecoop (Gwatemala), Conpacoop (Paragwaj), Konfederazzjoni tal-kooperattivi tal-Ħonduras, OCB (Brażil), Conacoop (Repubblika Dominikana), Cudecoop (Urugwaj), Kunsill Messikan tal-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali u Cosucoop (Messiku). Fil-livell internazzjonali: ACI-América, Cicopa u oħrajn.
(6) Istituzzjonijiet pubbliċi għall-ESS: Infocoop (Kosta Rika), Dansocial (Kolombja), Incoop (Paragwaj), INAES (Arġentina), Senaes (Brażil), Inacoop (Urugwaj) jew Insafocoop (El Salvador).
(7) Fuq l-istess linji ta’ dak li ġie indikat għall-SMEs fl-opinjoni CESE REX/180 (15.02.2006), ĠU C 88, 11.4.2006, p. 85–93, dwar “Ir-relazzjonijiet UE-Messiku” (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) Skont id-data tas-CEPAL, aktar minn nofs il-popolazzjoni (350 miljun persuna) jgħixu taħt il-livell ta’ faqar u 22 miljun tifel u tifla jridu jaħdmu biex jgħixu. Ta’ min ifaħħar il-miżuri adottati f’dawn l-aħħar għaxar snin mill-gvern Brażiljan li permezz tagħhom miljuni ta’ persuni setgħu joħorġu minn sitwazzjoni ta’ faqar estrem. L-ESS tal-Brażil ikkontribwixxiet għal dawn il-kisbiet permezz tas-Senaes u tal-istrateġija tal-mexxej tagħha l-Professur Paul Singer. Kif qal hu stess dan l-aħħar, l-ESS teħtieġ aktar flus, suq akbar u li n-nies isiru jafu aktar dwarha.
(9) Skont il-Mappa tal-Ekonomija Solidali tal-Brażil, terz tat-22 000 intrapriża ta’ dan il-pajjiż huma informali (www.fbes.org.br). Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE REX/232, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 138–143, dwar ir-“Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali”, l-opinjoni tal-KESE SOC/250, ĠU C 93, 27.4.2007, p. 38–41, “Xogħol deċenti għal kulħadd” (mhux disponibbli bil-Malti) u d-dokument ta’ ħidma tat-12.10.2009 dwar l-istrateġiji għaż-żamma u l-ħolqien tax-xogħol in ġenerali, u għaż-żgħażagħ u n-nisa b’mod partikolari (mhux disponibbli bil-Malti) tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Amerika Latina.
(10) Dokument ta’ ħidma 2011 “Economía social y solidaria: nuestro camino común hacia el Trabajo Decente” (“Ekonomija soċjali u solidali: it-triq komuni lejn xogħol deċenti”) li jinstab fuq http://socialeconomy.itcilo.org/en/2011-readers. Dan id-dokument serva wkoll ta’ referenza għall-punt 3.2 ta’ din l-opinjoni.
(11) Fost għadd kbir ta’ dokumenti oħra, ara: KESE: is-6 laqgħa tas-soċjetà ċivili UE-AL tal-2010. Dokumenti ta’ ħidma tas-CEPAL tas-Summit Latino-Amerikan tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ gvern f’Santiago de Chile fl-2007. CESE REX/257, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 93–99, dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil”. CESE REX/232, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 138–143, dwar “Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali”. CESE: Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Amerika Latina Ċentrali. Summit ta’ Guadalajara UE-Amerika Latina. KESE: ir-4 laqgħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata UE-Amerika Latina u l-Karibew tal-2006. CESE REX/210, ĠU C 309, 16.12.2006, p. 81–90, dwar “Relazzjonijiet bejn l-UE u l-komunità andina” (mhux disponibbli bil-Malti). CESE REX/180, ĠU C 88, 11.4.2006, p. 85–93, dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku” (mhux disponibbli bil-Malti). CESE REX/135, ĠU C 110, 30.4.2004, p. 40–54, dwar “Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles fl-Ameriki” (mhux disponibbli bil-Malti). CESE REX/13 (ĠU C 169 tas-16.6.1999) (mhux disponibbli bil-Malti). Ta’ rilevanza speċjali CESE REX /152, ĠU C 110, 30.4.2004, p. 55–71, dwar “Il-koeżjoni soċjali fl-Amerika Latina u l-Karibew” (mhux disponibbli bil-Malti).
(12) Opinjoni CESE REX/277, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 48–54, dwar “L-aspetti soċjoekonomiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina”. Ara wkoll il-pożizzjonijiet adottati mil-KESE dwar il-ftehimiet kummerċjali differenti mal-pajjiżi tar-reġjun.
(13) F’dan il-kuntest, irid jitqies ir-rwol li ċ-Ċina qed tikseb fil-livell dinji u l-importanza tagħha f’diversi aspetti bħala msieħeb strateġiku. Hemm netwerks kbar fl-Amerika Latina bħar-RED DEL SUR (Mercosur); Unisol (Brażil) jew il-Fond FIDES (Messiku).
(14) Ir-rabta bejn l-ESS u s-sostenibbiltà ambjentali hija waħda mill-karatteristiċi li jagħtuha l-identità tagħha. F’dan ir-rigward, ara l-Kapitlu 9 tad-dokument imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ din l-opinjoni, dwar l-“Impjiegi Ekoloġiċi”. Ara wkoll ĠU C 48, 15.2.2011, p. 14–20 u ĠU C 48, 15.2.2011, p. 65–71.