This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0702
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Protecting businesses against misleading marketing practices and ensuring effective enforcement Review of Directive 2006/114/EC concerning misleading and comparative advertising
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv
/* COM/2012/0702 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv /* COM/2012/0702 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki
qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar
effettiv
Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv 1. Introduzzjoni Is-Suq Uniku tal-UE huwa mutur
għat-tkabbir u jipprovdi lill-konsumaturi b’għażla akbar u bi
prezzijiet aħjar. It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv
huwa objettiv tal-istrateġija Ewropa 2020[1],
li għandha l-għan li tgħin lill-Ewropa u lin-negozji tagħha
joħorġu mill-krizi aktar b’saħħithom u biex jinħolqu
aktar impjiegi. Il-linji ta’ politika kollha tal-UE huma immirati lejn dan
l-objettiv. Ir-reklamar għandu impatt ekonomiku qawwi
fuq il-kumpaniji peress li huwa element kruċjali ta’ kwalunkwe
strateġija kummerċjali. Huwa jippermetti lill-kummerċjanti
jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom u huwa element
importanti għas-suċċess kummerċjali. Jista’ wkoll itejjeb
il-kompetizzjoni billi jipprovdi lill-klijenti b’informazzjoni aħjar u
bil-possibbilità li jqabblu l-prodotti. Fis-Suq Uniku, in-negozji jistgħu
jilħqu lill-konsumaturi minn kull rokna tal-Ewropa b’messaġġ
kummerċjali. Fir-relazzjonijiet ta’ negozju, il-klijenti u
d-ditti kompetituri jistennew mill-kumpaniji li dawn jużaw komunikazzjoni
ta' kummerċjalizzazzjoni li tkun tirifletti s-sewwa u li jaġixxu
b'reqqa professjonali. Il-kumpaniji żgħar – is-sinsla tal-ekonomija
tal-Ewropa[2]
– għandhom vulnerabilità partikolari quddiem prattiki qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni peress li m’għandhomx ir-riżorsi biex
jipproteġu lilhom infushom. Għandhom bżonn ta’ qafas ċar u
effiċjenti li jħares il-kompetizzjoni ġusta u jipprovdi mezzi
effettivi biex iħarsuh. Ir-regoli tal-UE fejn jidħol ir-reklamar
bejn in-negozji (B2B) għandhom il-għan li jaraw li l-kumpaniji
jużaw reklamar jew kummerċjalizzazzjoni bbażati fuq is-sewwa.
Dispożizzjonijiet bħal dawn joħolqu qafas regolatorju
meħtieġ fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ bejn in-negozji fejn
il-kumpaniji jkunu jgawdu minn grad għoli ta’ libertà kuntrattwali. B’mod
partikolari, id-Direttiva kontra r-Riklamar Qarrieqi u Komparattiv[3] tipprovdi livell minimu komuni
ta’ protezzjoni kontra reklamar qarrieqi għal kummerċjanti madwar
l-UE u tirregola wkoll ir-reklamar komparattiv. Hekk kif ir-reklamar qiegħed kull ma jmur
isir dejjem aktar bl-internet, il-prattiki tar-reklamar u
tal-kummerċjalizzazzjoni qed jinbidlu u jistgħu jaffettwaw eluf ta’
negozji madwar id-dinja. Prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni,
bħal ma hu l-każ ta' kumpaniji ta’ direttorju[4] qarrieqa, għadhom qed
joħolqu ħsara konsiderevoli fost il-kumpaniji u speċjalment fost
negozji żgħar. Il-Kummissjoni ħabbret għalhekk,
fl-analiżi tagħha tal-Att dwar in-Negozji Żgħar[5], l-intenzjoni tagħha li
terġa' tqis il-funzjonament tar-regoli eżistenti. B’mod aktar ġenerali, il-prattiki
qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġġeneraw falliment tas-suq
billi jtellfu l-ħila tan-negozji li jagħmlu għażliet
infurmati, u għalhekk effiċjenti. Id-distorsjonijiet tat-teħid
ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi tan-negozji jagħti wkoll lok
għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Dan jiġri jew għaliex
il-kummerċjant li jkun qiegħed jaġixxi b'mod żleali
jirnexxielu jbiegħed lill-klijenti minn kompetituri onesti, jew inkella
għaliex in-negozji affettwati jkollhom bilfors iħallsu għal
servizzi bla użu li ma jiswew xejn. Barra minn dan, prattiki ta’
kummerċjalizzazzjoni qarrieqa jħallu l-effetti tagħhom fuq
il-konsumaturi peress li dawn ikollhom iħallsu aktar għal prodotti u
servizzi. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni
tagħti ħarsa ġenerali lejn kif id-Direttiva dwar ir-Reklamar
Qarrieq u Komparattiv qed tiġi implimentata bħalissa fl-Istati
Membri, tidentifika l-problemi fil-mod ta' kif qed tiġi implimentata u
tfassal pjanijiet dwar kif għanda tiġi riveduta fil-futur. 2. Id-Direttiva u l-implimentazzjoni
tagħha fl-Istati Membri 2.1. L-iżvilupp u l-ambitu
tar-regoli tal-UE dwar ir-reklamar fir-relazzjonijiet kummerċjali Id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieq u
Komparattiv hija strument orizzontali li japplika għar-reklamar kollu bejn
in-negozji. Hija tiddefinixxi r-reklamar b’mod wiesa’ ħafna bħala
kwalunkwe komunikazzjoni jew rappreżentazzjoni biex jiġu promossi
oġġetti u servizzi, mingħajr speċifikazzjoni ta’ forma.
F’dan hemm għalhekk inkluż sew ir-reklamar klassiku kif ukoll tipi
oħra ta' prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni. Id-Direttiva
tistabbilixxi standard legali minimu ta’ protezzjoni li japplika għal
reklamar qarrieqi fi kwalunkwe tranżazzjoni bejn in-negozji madwar l-UE,
filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jiġi stabbilit
livell ogħla ta’ protezzjoni. Id-Direttiva tistipula wkoll regoli uniformi
dwar reklamar komparattiv[6],
u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jiġi evalwat meta dan
ir-reklamar ikun jista’ jitħalla.[7]
L-għan huwa li jiġi żgurat li r-riklamar komparattiv iqabbel dak
li jista’ jitqabbel, li jkun oġġettiv, li ma jbaxxix, u ma
jiskreditax, l-istima li jgawdu kumpanniji oħrajn, u ma joħloqx
konfużjoni bejn il-kummerċjanti. L-azzjoni tal-UE fil-qasam tmur lura
għall-1984 meta kienet ġiet adottata l-ewwel Direttiva dwar reklamar
qarrieqi[8]
biex tipproteġi kemm lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji. Mill-qasam
ħafna aktar estensiv tal-liġi tal-kompetizzjoni żleali u
l-prattiki kummerċjali żleali, id-Direttiva kienet
oriġinarjament limitata għall-qasam importanti ta’ reklamar.
Madankollu, bosta Stati Membri diġà kellhom dispożizzjonijiet kontra
r-reklamar qarrieqi u l-bidliet li ġabet magħha d-Direttiva
fis-sistemi legali tagħhom kienu limitati. Ir-regoli ġew emendati
fl-1997 biex jiddaħħlu dispożizzjonijiet kompletament
armonizzati dwar ir-reklamar komparattiv[9]
minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar
ir-reklamar komparattiv ivarjaw ħafna[10],
b’mod li dan joħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’
oġġetti u servizzi u joħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fl-2005 id-Direttiva dwar Prattiki
Kummerċjali Żleali[11]
ħolqot qafas legali komprensiv separat li jipproteġi lill-konsumaturi
kontra l-forom kollha ta’ prattiki kummerċjali żleali, qabel, matul u
wara tranżazzjoni kummerċjali, u applikabbli wkoll
għall-prattiki kollha ta’ reklamar li jikkawżaw dannu
għall-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, irrispettivament jekk dan
jaffettwax l-interessi ta’ xi kompetitur. Id-Direttiva dwar Prattiki
kummerċjali Żleali illimitat l-ambitu tad-Direttiva kontra r-Riklamar
Qarrieqi u Komparattiv għal sitwazzjonijiet fejn ir-reklamar ikun
indirizzat biss lin-negozji. Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet dwar
ir-reklamar komparattiv baqgħu rilevanti għal tranżazzjonijiet
bejn in-negozji u l-konsumaturi minħabba li jipprovdu test ġenerali
biex ikun jista’ jiġi determinat jekk xi reklamar komparattiv ikunx skont
il-liġi. Id-Direttiva oriġinali kontra r-Riklamar
Qarrieqi u Komparattiv u l-emendi sussegwenti tagħha ġew
ikkonsolidati permezz ta’ direttiva ġdida fl-2006[12]. 2.2. Ħarsa ġenerali lejn
kif id-Direttiva tiġi implimentata fl-Istati Membri Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u
Komparattiv ġiet trasposta fl-Istati Membri permezz ta’ strumenti
leġiżlattivi varji, bħal kodiċijiet kummerċjali,
leġiżlazzjoni ġenerali tal-konsumatur u liġijiet dwar
il-kummerċjalizzazzjoni. Filwaqt li r-regoli totalment armonizzati dwar ir-reklamar
komparattiv ġew trasposti b’mod uniformi, skont l-informazzjoni
miġbura mill-Kummissjoni dwar is-sistemi legali tal-Istati Membri kollha, teżisti
varjetà kbira ta’ regoli li jmorru lil hinn mill-protezzjoni minima madwar l-UE
kollha, kontra r-reklamar qarrieqi. Xi Stati Membri ddeċidew li jmorru lil
hinn mill-minimu legali standard imnaqqax fid-Drettiva dwar Rekamar Qarrieqi u
Komparattiv u estendew il-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-Direttiva dwar
il-Prattiki Kummerċjali Żleali għar-relazzjonijiet bejn
in-negozji, jew parzjalment jew fl-intier tiegħu. Fl-Awstrija,
id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Isvezja, b’mod
partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipproteġi
lill-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali inġusti tapplika wkoll
jew parzjalment jew kompletament għal prattiki ta’
kummerċjalizzazzjoni li jaffettwaw lin-negozji. Stati Membri oħra,
minflok, jenfasizzaw il-libertà kuntrattwali u l-grad ogħla ta’ reqqa
mistennija fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji, u ma jikkunsidrawhiex
bħala ħaġa xierqa li n-negozji u l-konsumaturi jkollhom l-istess
livell ta’ protezzjoni. Pereżempju fir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u
r-Renju Unit il-leġiżlazzjoni relevanti dwar ir-reklamar bejn
in-negozji tagħti biss il-protezzjoni minima stabbiliti mir-regoli tal-UE.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri għażlu ħafna mudelli
differenti biex jittrasponu d-Direttiva[13].
Għaldaqstant, il-livell ta’
protezzjoni għan-negozji Ewropej għadu jvarja b’mod li n-negozji
huma inċerti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom f’sitwazzjonijiet
transkonfinali. Id-differenzi bejn is-sistemi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u
tan-negozji jkomplu jċajpru l-istampa. Fir-rigward tas-sistemi
ta’ infurzar, ir-rekwiżiti introdotti mid-Direttiva dwar Reklamar
Qarrieqi u Komparattiv huma pjuttost limitati. F’termini ġenerali,
jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati
u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u sabiex
tiġi infurzata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar
komparattiv. Dan jinkludi l-obbligu li tiddaħħal il-possibbiltà ta’
azzjoni legali kontra reklamar mhux konformi, li l-qrati jingħataw
setgħat sabiex jordnaw il-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ tali reklamar u
li tippermettilhom jesiġu minn min jirreklama li jagħti prova dwar
l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar[14]. Bħalissa l-Istati Membri
jinfurzaw din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ sistemi nazzjonali differenti.
Id-differenza kruċjali tirrigwarda l-possibilità ta’ infurzar pubbliku.
F’xi Stati Membri, l-awtoritajiet jistgħu jieħdu azzjoni kontra
kummerċjanti illegali, filwaqt li fi Stati Membri oħra huma biss
il-vittmi li jistgħu jfittxu rimedju. Dawn l-inkonsistenzi jibdlu l-livell
effettiv ta’ protezzjoni b'mod sostanzjali, speċjalment fejn jidħol
ir-riklamar transkonfinali. L-infurzar
min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi kontra kummerċjant li
juża prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni hija possibbli
f’pajjiżi bħal ma huma l-Bulgarija, Franza, l-Italja, il-Latvja,
il-Litwanja, ir-Rumanija u r-Renju Unit[15].
Fi Stati Membri
oħra huma biss il-kumpaniji jew assoċjazzjonijiet speċifiċi
affettwati li jistgħu jieħdu azzjoni bil-qorti. Pereżempju,
l-Awstrija u l-Ġermanja għandhom sistema ta’ assoċjazzjonijiet
privati awtoregolatorji li jistgħu jressqu kawżi kontra
kummerċjanti fil-qrati. L-infurzar huwa bbażat fuq azzjonijiet ta’
liġi ċivili u s-sanzjonijiet jistgħu jinkludu ordni ta’
tneħħija, rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni jew kumpens
għad-danni. Fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Irlanda huwa f’idejn
il-kumpanija milquta li tfittex rimedji fil-qrati, u l-awtoritajiet
pubbliċi jintervjenu biss f’każijiet fejn prattiki inġusti
jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi kriminali[16]. Barra minn hekk,
hemm ġurisprudenza sinifikanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
fil-qasam tar-reklamar qarrieqi u komparattiv[17].
Mill-1984, meta ġiet adottata l-ewwel Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u
Komparattiv, is-sentenzi tal-Qorti pprovdew diversi kjarifiki importanti. Huwa
importanti li jiġi nnutat li l-Qorti bdiet tiżviluppa l-kunċett
ta’ “konsumatur medju”. Aktar tard, fl-2005, dan it-terminu ġie kkodifikat
mid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali, li issa tirregola
r-reklamar f’relazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi. Barra minn hekk,
il-kundizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv
ġew eżaminati mill-Qorti f’diversi okkażjonijiet. Dan huwa
minħabba l-fatt li r-riklamar komparattiv ikkostitwixxa forma ġdida
ta’ kummerċjalizzazzjoni f’ħafna Stati Membri u kellhom jiġu
stabbilit l-konfini tiegħu. Pereżempju, il-Qorti spjegat
il-kundizzjoni għal paragun ta’ livelli ġenerali ta’ prezzijiet[18] u interpetat
id-dispożizzjonijiet rigward il-paragun ta’ prodotti b’denominazzjoni
tal-oriġini[19]. 3. Konsultazzjoni pubblika u l-problemi
identifikati Sabiex tinġabar informazzjoni aktar
speċifika dwar prattiki kummerċjali qarrieqa, il-Kummissjoni
ppubblikat konsultazzjoni pubblika u talbet informazzjoni dettaljata
mill-Istati Membri fil-forma ta’ kwestjonarju[20].
Bħala parti minn din ir-reviżjoni,
il-Kummissjoni mhux biss ġabret id-dejta dwar l-effikaċja globali u
l-problemi eżistenti fl-applikazzjoni tad-Direttiva, imma wkoll
ġabret informazzjoni dwar kwistjonijiet usa’ li jolqtu l-prattiku ta’
kummerċjalizzazzjoni. L-evalwazzjoni kopriet tipi differenti ta’
komunikazzjonijiet kummerċjali fir-relazzjonijiet ta’ bejn in-negozji li
għandhom bħala l-għan tagħhom il-promozzjoni ta’ merkanzija
u servizzi[21].
Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq prattiki
qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li wkoll jinkludu r-reklamar qarrieqi u
tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni li taħt id-definizzjoni attwali mhux
faċli li jiġu kklassifikati bħala reklamar. Pereżempju,
hija tikkonċerna sitwazzjonijiet fejn l-intenzjoni jew l-identità
kummerċjali ta’ xi kummerċjant tkun moħbija u l-komunikazzjoni
suppost hija sempliċi aġġornament jew komunikazzjoni mill-awtoritajiet. Il-konsultazzjoni pubblika saret bejn il-21
ta’ Ottubru 2011 u s-16 ta’ Diċembru 2011, u ġibdet attenzjoni
konsidereveoli u total ta’ 280 tweġiba. Intlaħaq blanċ tajjeb,
kemm fir-rigward tal-kopertura ġeografika[22],
kif ukoll tat-tip ta’ dawk li wieġbu (16-il assoċjazzjoni Ewropea, 10
awtoritajiet nazzjonali, 41 organizzazzjoni tan-negozju, 142 kumpanija
inkluż 126 SME u 38 ċittadin)[23].
3.1. L-aktar prattiki
kummerċjali komuni qarrieqa Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet
interessati ffukaw it-tħassib tagħhom fuq għadd ta’ prattiki
kummerċjali qarrieqa u li ta’ spiss jiġu mħaddma b’mod
transkonfinali (xi kultant imsejħa frodi jew qerq
tal-kummerċjalizzazzjoni tal-massa)[24].
Minbarra l-iskemi l-aktar prominenti ta’
kumpaniji tad-direttorju qarrieqa[25],
ġew irrapportati l-prattiki komuni li ġejjin: · Formoli qarrieqa ta’ ħlasijiet li jidhru
qishom kienu fattura għal servizzi li l-kummerċjant ikun suppost
diġà ordna, meta fil-fatt ma jkunx, jew talbiet għall-ħlas li
suppost ġejjin minn awtoritajiet pubbliċi, eż. reġistru
uffiċjali tal-kummerċ. · Offerti biex jiġu estiżi ismijiet ta’ domains tal-internet
(pereż., estensjoni għal domains ta’ pajjiż ieħor) li bihom
kummerċjant, permezz ta’ tekniki tal-kummerċjalizzazzjoni tal-massa
jipprovdi informazzjoni falza u jagħmel pressjoni psikoloġika sabiex
jiġi konkluż kuntratt. Il-kummerċjant jagħmel ta’
birruħu li jkun qed joffri servizz distintiv iżda fil-fatt ikun qed
jitlob prezzijiet abbużivi għal sempliċi reġistrazzjoni ta’
domain li tkun tista’ faċilment tinkiseb mingħand fornituri
uffiċjali bi prezzijiet ferm aktar baxxi. · Offerti għall-estensjoni ta’ protezzjoni ta’ marki
kummerċjali f’pajjiżi oħra użati minn kummerċjanti
li jużaw reklamar qarrieqi u li jipprovdu informazzjoni li ma tkunx vera
dwar in-natura tas-servizz. Fil-fatt tali protezzjoni tat-marki
kummerċjali tista’ tingħata biss minn korpi uffiċjali u
l-kummerċjant joffri sempliċement elenkar f’direttorju. · Parir legali permezz ta’ pjattaforma fuq l-internet ibbażata fuq
skema ta’ kummerċjalizzazzjoni fejn is-servizz offrut ikun purament
ibbażat fuq databases pubblikament aċċessibbli liberament u
l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni qarrieqa dwar il-karatteristiċi
tas-servizz. Għalhekk ma jkun hemm kważi l-ebda valur miżjud
offrut mill-kummerċjant, minkejja li l-prezz mitlub ikun għoli. · Kummerċjalizzazzjoni qarrieqa li tkun tinvoli reklami fuq netwerks
soċjali bbażata fuq prattika li tkun tinvolvi prezzijiet
abbużivi (eż. li jinvolvu prezzijiet għoljin ħafna kull
darba li wieħed jikklikkja), filwaqt li attwalment dan is-servizz huwa
offrut minn netwerks soċjali nfushom b’rati ħafna aktar baxxi. F’xi Stati Membri hemm problema ta’
kummerċjanti li jibagħtu fatturi għal servizzi li suppost ikunu
ġew ordnati minn fuq it-telefon, fejn fil-fatt ma jkun ġie konkluż
l-ebda kuntratt. Numru limitat ta’ kumpaniji li wieġbu
għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni lmentaw ukoll dwar stqarrijiet
ambjentali qarrieqa[26],
prattiki ta’ reklamar komparattiv inġust u, b’mod aktar ġenerali,
dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti fl-istadju prekuntrattwali
f’relazzjonijiet bejn in-negozji fejn wieħed minnhom ikollu setgħa
qawwija fis-suq. Barra minn hekk, il-partijiet interessati
qiesu li l-prattiki kummerċjali qarrieqa fil-kuntest tal-internet huma
problema sinifikanti u li hemm żieda f’riklamar qarrieqi transkonfinali li
qed jaffettwa lin-negozji. Xejra ġdida li ġiet identifikata
tieħu l-forma ta’ għadd dejjem jikber ta’ skemi onlajn li jaffetwaw
lin-negozji madwar id-dinja. 3.2. Il-Kumpaniji ta' Direttorju
Qarrieqa 3.2.1. L-istorja tal-problema Fost l-aktar prattiki kummerċjali
qarrieqa li jikkawżaw problemi għan-negozji fl-Ewropa, il-kwistjoni
tal-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa tidher li tqanqal tħassib
partikolari. Dawn l-iskemi, li jintużaw fuq skala kbira u li jikkawżaw
dannu ekonomiku konsiderevoli, ma huma bl-ebda mod ġodda[27]. Madankollu, l-Internet,
l-għodda l-ġodda għall-kummerċjalizzazzjoni tal-massa[28] u l-kosti baxxi
tal-pubblikazzjoni f’dawn l-aħħar snin biddlu l-iskala tal-problema.
Jingħad li l-iktar operaturi magħrufa ta’ din ix-xorta ta’ teknika
ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-massa kapaċi jibagħtu sa 6 miljun
formola fis-sena. Din il-kwistjoni tifforma l-bażi ta’
żewġ Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew adottati fis-16 ta’
Diċembru 2008[29]
u fid-9 ta’ Ġunju 2011[30]
li appellew bil-qawwa għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri,
reviżjoni tad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv u protezzjoni
aħjar tan-negozji. L-iskemi jistgħu jieħdu diversi
forom. Il-prattika l-aktar frekwenti hija li l-kumpaniji ta’ direttorju
qarrieqa jibagħtu formoli li fihom jitolbu lin-negozji biex
jaġġornaw id-dettalji fid-direttorji tagħhom, apparentament bla
ħlas. Jekk in-negozji mmirati jiffirmaw il-formola, jiġu
mgħarrfa li jkunu ffirmaw kuntratt, u jkollhom jibdew iħallsu somma
fis-sena. It-tentattivi biex jirtiraw mill-kuntratt jiġu normalment
rifjutati u ħafna drabi l-kumpaniji jiġu segwiti għall-ammont li
suppost huwa dovut permezz ta’ aġenziji tal-ġbir tad-djun. Il-kwistjoni speċifika ta’ kumpaniji
tad-direttorju qarrieqa huwa eżempju tajjeb ta’ problema ikbar ta’ diversi
skemi qarrieqa mmirati lejn negozjanti, b’mod partikulari għan-negozji
ż-żgħar u professjonisti indipendenti, bħal tobba jew
plamers. 3.2.2. Dejta dwar kemm hi mifruxa
l-problema Stħarriġ
għar-rapport ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew fl-2008 ddokumenta
aktar minn 13,000 ilment minn 16-il Stat Membru u ssuġġerixxa li dawn
iċ-ċifri jindikaw biss biċċa żgħira ħafna
mill-firxa tal-problema[31].
Diversi Stati
Membri naturalment ikkunsidraw il-problema ta’ kumpaniji ta’ direttorju
qarrieqa bħala waħda serja[32].
Madankollu, ftit biss għandhom dejta affidabbli dwar il-vera firxa
tagħha. Fil-Belġju l-awtoritajiet irċevew 460 ilment fl-2008,
1165 fl-2009 u 1258 fl-2010. Fir-Renju Unit kien hemm 1318 ilment fil-perjodu
2008-2010. L-awtoritajiet Ċeki pprovdew ċifri mill-assoċjazzjoni
taghom għall-protezzjoni tan-negozju, li tistima li madwar 2000 persuna
sfaw vittma ta’ diversi frodi ta’ dan it-tip bejn l-2007 u l-2010. Ftit
taż-żmien ilu, biss, fl-Ungerija kien hemm attenzjoni qawwija
mill-medja fuq każ ta’ frodi mifrux ħafna li kkonċerna kumpanija
ta' direttorju qarrieqa. Fl-istess ħin, f’xi Stati Membri, bħalma
huma l-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja u r-Rumanija l-problema tidher li jew
ma teżistix jekk inkella mhux rappurtata. In-negozji wkoll iqisu l-problema bħala
sinifikanti ħafna: Kważi nofs ir-risposti għall-konsultazzjoni
pubblika ġew minn kumpaniji affettwati direttament minn skemi ta’
direttorju qarrieqa. L-SMEs u l-professjonisti indipendenti huma l-aktar vulnerabbli
iżda tipi oħra ta’ negozji u organizzazzjonijiet huma affettwati
wkoll. Huwa ferm diffiċli li jiġi valutat id-dannu finanzjarju
għal kumpaniji individwali, iżda dan jista’ jkun stmat għal bejn
EUR 1000 u EUR 5000 fis-sena għal kull kumpanija. Ħafna negozji żgħar jenfasizzaw
ukoll li jkunu sofrew minn fastidju psikoloġiku kostanti. Għal bosta
snin, dawn jiffaċċjaw ġlieda taħt theddida ta’ azzjoni
legali f’ġuriżdizzjoni barranija, b’għadd dejjem jikber ta’
“spejjeż amministrattivi” u ta’ telefonati kostanti minn kolletturi
tad-dejn, deskritti mill-vittmi bħala li jixbhu ħafna t-theddid.
Uħud minn dawk li wieġbu kienu kapaċi wkoll li jipprovdu dejta
speċifika biex jindikaw il-firxa tal-problema[33]. 3.2.3. Azzjonijiet
leġiżlattivi u ta’ infurzar kontra kumpaniji tad-direttorju qarrieqa Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u
Komparattiv tkopri skemi ta’ direttorju qarrieqa iżda xi awtoritajiet ta’
infurzar qajmu dubji dwar jekk dawn il-prattiki humiex reklamar peress li,
fir-realtà, ma jiġu promossi kważi l-ebda merkanzija jew servizzi u
hemm biss stħajjil ta’ relazzjoni kummerċjali. Għalhekk,
l-applikazzjoni tad-Direttiva u l-effettività tagħha għadhom
problema. Xi skemi ttellgħu il-Qorti, iżda jidher li r-riżultati
kienu jvarjaw. Fid-Danimarka u l-Awstrija, bis-saħħa
tal-kooperazzjoni effettiva bejn l-organizzazzjonijiet tan-negozju u
l-pulizija, kif ukoll tal-ġurisprudenza konsistenti mill-qrati, dawn
l-iskemi kważi nqerdu għal kollox fil-livell nazzjonali, iżda
l-prattiki transkonfinali għadhom kwistjoni. L-awtoritajiet
fil-Belġju, Franza u Spanja wkoll ħadu azzjoni sabiex jinfurzaw
ir-regoli, iżda anki hawn, dan kien l-aktar fil-livell nazzjonali. L-Awstrija[34]
fl-2000 u l-Belġju[35]
fl-2011 introduċew dispożizzjonijiet legali speċifiċi
fil-leġislazzjoni tagħhom immirati lejn il-prattiki ta’ kumpaniji ta’
direttorju qarrieqa. L-Awstrija naqqset il-problema b’mod sinifikanti fuq
livell nazzjonali iżda l-kumpaniji Awstrijaċi għadhom fil-mira
ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa li joriġinaw minn Stati Membri
oħra. Fil-Pajjiżi l-Baxxi ġie stabbilit punt ta’ kuntatt
għall-għajnuna fil-każ ta’ frodi fil-kummerċjalizzazjoni,
li jipprovdi għajnuna għall-vittmi. 3.3. Rispons ġenerali
mill-konsultazzjoni L-azzjoni leġiżlattiva tgawdi
appoġġ mifrux mill-partijiet interessati. Fil-konsultazzjoni pubblika
kien hemm sejħa qawwija ħafna biex tiżdied il-protezzjoni
għal kumpaniji żgħar u professjonisti indipendenti kontra
prattiki kummerċjali qarrieqa[36].
Barra minn hekk, jeżisti tista’ tgħid qbil ġenerali li
l-proċedura ta’ koperazzjoni jeħtieġ li tiġi
żviluppata għal każijiet transkonfinali ta’ reklamar qarrieqi,
peress li l-maġġoranza ddikjarat li l-proċeduri ta’ infurzar
eżistenti mhumiex effettivi. Dan kien il-messaġġ rikorrenti,
imqajjem kemm min-negozji ż-żgħar, mill-kmamar tal-kummerċ
kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi[37].
Daqstantieħor kien hemm appoġġ qawwi għal strument mifrux
madwar l-UE biex jipproteġi lin-negozji kontra l-prattiki qarrieqa ta'
kummerċjalizzazzjoni li l-aktar jagħmlu ħsara[38]. Il-konsultazzjoni
turi wkoll li kważi l-ebda Stat Membru s’issa ma ħa xi azzjoni
transkonfinali rigward reklamar qarrieqi. Ħafna mill-Istati Membri
jikkunsidraw li dan huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni
strutturata u d-dgħufija tad-Direttiva ta’ Reklamar Qarrieq u Komparattiv,
li fiha biss klawżoli ġenerali għall-evalwazzjoni ta’ jekk
komunikazzjoni kummerċjali tkunx qarrieqa[39].
4. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni Il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni
fil-fond tal-kwistjonijiet fir-rigward tal-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni,
imsejsa fuq il-konsultazzjoni pubblika, l-informazzjoni miġbura
mill-Istati Membri u fuq diversi lmenti, u waslet
għall-konklużjonijiet li ġejjin: ·
Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv[40] u s-sistemi eżistenti
tal-awtoregolazzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva jidhru li jipprovdu
qafas regolatorju pjuttost sod għal parti konsiderevoli tas-suq
tar-reklamar bejn in-negozji. F’bosta Stati Membri n-negozji ħolqu
kodiċi ta’ awtoregolazzjoni volontarji u standards għal reklamar li
huma ta’ għajnuna fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs
għall-kompetizzjoni ġusta, fid-definizzjoni tal-prattiki tajba ta’
negozju u f’li joffru modi alternattivi ta’ kif jiġu solvuti d-disputi. ·
Madankollu, il-persistenza ta’ ċerti skemi
qarrieqa fuq skala kbira turi li t-taħlita li teżisti bħalissa
ta’ regoli li jgħoddu madwar l-UE kollha, flimkien ma’ ħtiġijiet
ta’ awtoregolazzjoni, jeħtieġ li jissaħħu biex jindirizzaw
ċerti każijiet ta’ frodi li jiġu identifikabbli b’mod ċar.
In-negozji ż-żgħar huma l-iktar affettwati minn prattiki
bħal dawn, peress li l-vulnerabbiltà tagħhom mhijiex differenti wisq
minn dik tal-konsumaturi. Fl-istess ħin, f’relazzjonijiet bejn in-negozji
huwa mistenni l-istess livell ta’ reqqa minn negozji żgħar u minn
korporazzjonijiet kbar. ·
Barra minn hekk, għandha tingħata
attenzjoni speċifika għall-interpretazzjoni ta’ regoli dwar reklamar
komparattiv fejn ġiet żviluppata ġurisprudenza sinifikanti
mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. 4.1. Prattiki ta’
kummerċjalizzazzjoni li jeħtieġu azzjoni leġiżlattiva
fuq il-livell tal-UE L-iskala, il-persistenza u d-danni finanzjarji
li jirriżultaw minn ċerti prattiki kummerċjali li huma
biċ-ċar qarrieqa, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak transkonfinali,
jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod aktar immirat u
effiċjenti fil-livell tal-UE. L-ewwel nett, id-definizzjoni ta’ reklamar
fid-Direttiva attwali mhix ċara biżżejjed biex jitwaqqfu
ċerti prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li qed jitwettqu
bħalissa, u biex ikun hemm reazzjoni għal żviluppi futuri.
Id-Direttiva tiddefinixxi r-reklamar f’termini wesgħin bħala
rappreżentazzjoni li ssir fi kwalunkwe forma sabiex tippromwovi prodotti
jew servizzi iżda din id-definizzjoni tista’ ma tkunx preċiża
fejn jidħlu prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni moħbija bħala
fattura jew ħlas obbligatorju. Konsegwentement, il-kummerċjanti
affettwati, kif ukoll l-aġenzjiji ta’ infurzar nazzjonali jsibuha xi
kultant diffiċli biex jirrikonoxxu li prattiki bħal dawn huma
"reklamar" skont it-tifsira tad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u
Komparattiv u għalhekk ma jagħmlux użu xieraq minnha bħala
bażi legali għal azzjoni. Barra minn hekk, it-test
għad-determinazzjoni ta’ jekk prattika hix qarrieqa ma jagħtix
biżżejjed ċertezza legali biex jiġu indirizzati b’mod
ċar dawn l-iskemi li jkunu b’mod ċar qarrieqa[41] peress li hija wiesgħa,
ġenerali u miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti u
valutazzjoni każ b’każ. Il-projbizzjoni ulterjuri speċifika ta’
prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni, pereżempju billi
tinħeba l-intenzjoni kummerċjali ta’ komunikazzjoni, fil-forma ta’
"black-list" issaħħaħ iċ-ċertezza legali u
l-livell ta’ protezzjoni, mingħajr ma taffettwa bla bżonn il-libertà
kuntrattwali fir-relazzjonijiet kummerċjali. Id-Direttiva attwali ma tipprovdix
għal proċedura ta’ kooperazzjoni transkonfinali[42] u għalhekk l-awtoritajiet
nazzjonali ma għandhom l-ebda bażi formali biex jitolbu azzjoni ta’
infurzar mill-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Barra
minn hekk, ma hemm l-ebda strumenti stabbiliti għall-iskambjar
tal-informazzjoni dwar prattiki tas-suq li jaffettwaw lin-negozji fl-Ewropa. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri[43] l-awtoritajiet nazzjonali
m’għandhomx setgħat ta’ infurzar biex iwaqqfu prattiki bħal dawn
f’relazzjonijiet bejn in-negozji. Konsegwentement, f’każijiet ta’
prattiki qarrieqa transkonfinali l-vittmi jeħtieġ li jieħdu
azzjonijiet ċivili f’ġurisdizzjonijiet barranin, bi spejjeż kbar
għalihom. Anke jekk il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa
jsiru fuq skala kbira u jikkawżaw danni finanzjarji ġenerali
sinifikanti, l-unika reazzjoni amministrattiva hija permezz ta’
investigazzjonijiet kriminali dwar il-frodi li ma jidhrux li jġibu
riżultati suffiċjenti. Ta’ spiss ikun diffiċli biex jiġi
ppruvat li prattiki qarrieqa jkunu frodi f’sens kriminali peress li jista’ jkun
li apparentement ikun hemm xi servizz li jingħata b’kumpens. L-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx
sistema ta’ koperazzjoni reċiproka u ma jistgħux jitolbu azzjoni ta’
infurzar mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri l-oħra
meta l-prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni jipperikolaw l-interess
ekonomiku kollettiv tan-negozji. L-għan mhux dak li wieħed
jidħol f'disputi kummerċjali u li jiġu nfurzati d-drittijiet ta'
kumpanniji individwali iżda li jsir intervent f’każijiet serji fejn
is-suq ma jaħdimx, fejn prattiki mifruxa jkunu ta’ dannu għan-negozji
Ewropej. 4.2. Ir-Reklamar komparattiv Għalkemm f’reklamar komparattiv hemm
ir-riskju inerenti ta’ qerq fir-rigward tal-prodotti mqabbla u l-prezzijiet
tagħhom, dan it-tip ta’ riklamar jista’ jippromwovi t-trasparenza fis-suq
u l-kompetizzjoni. Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttva dwar
ir-Reklamar Komparattiv evolva korp rispettabbli ta’ ġurisprudenza dwar
l-ambitu tar-reklamar komparattiv[44].
Abbażi ta’ dik il-ġurisprudenza,
il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-ambitu tad-definizzjoni ta’
reklamar komparattiv u r-relazzjoni tiegħu ma’ ċerti drittijiet ta’
proprjetà intellettwali tal-kompetituri. Oqsma li għandhom mnejn
jeħtieġu aktar kjarifika huma relatati mal-użu ta’ marka
kummerċjali ta’ kompetitur f’reklamar komparattiv, il-paragun ta’ prodotti
b’denominazzjoni ta’ oriġini ma’ dawk mingħajr denominazzjoni
bħal din kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar ta’ kummerċjant
ikun jista’ legalment jiġi bbażat fuq tqabbil tal-prezzijiet li
jikkonċerna biss ċerti gruppi ta’ prodotti. 5. Passi futuri L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-problemi
madwar id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv turi li hija
meħtieġa azzjoni leġiżlattiva minħabba li l-qafas
leġiżlattiv attwali għandu diversi nuqqasijiet, kemm fir-rigward
ta’ regoli sostantivi kif ukoll tal-infurzar (regoli proċedurali).
Il-Kummissjoni għalhekk fi ħsiebha tressaq proposta biex tissaħħaħ
il-protezzjoni tan-negozji kontra prattiki transkonfinali qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni. Din il-proposta, li tiġi emendata d-Direttiva
dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv, se tkun imsaħħa b’inizjattiva
li se titħabbar dalwaqt li tindirizza prattiki kummerċjali inġusti
bejn in-negozji fil-katina tal-bejgħ bl-imnut. Din ir-reviżjoni tad-Direttiva se tkun immirata
lejn oqsma speċifiċi ta’ tħassib. Ser tiċċara
l-interazzjoni tad-Direttiva mad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali
Żleali. Hija ser tiffoka wkoll fuq it-titjib tal-effettività tal-infurzar
transkonfinali, inkluż il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti
tal-Istati Membri, u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ewlenija
sostantivi. Se tkun ta’ reazzjoni għall-ħtiġijiet tan-negozji
filwaqt li fl-istess ħin jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż
amministrattiv mhux meħtieġ[45].
Il-Kummissjoni se żżid ukoll l-infurzar u toħloq grupp ta’
ħidma ad hoc ta’ infurzaturi nazzjonali b’effett immedjat. 5.1. L-intensifikar tal-infurzar
tar-regoli eżistenti bħala azzjoni immedjata Minkejja l-limitazzjonijiet tal-qafas
leġiżlattiv attwali dwar prattiki qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni bejn in-negozji, il-Kummissjoni se tinsisti għal
infurzar aħjar fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet
eżistenti. Bħala l-ewwel pass u b’mod parallel mal-ħidma
leġiżlattiv tagħha, il-Kummissjoni se tqawwi l-infurzar
tad-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv. Għal dan il-għan
hija se tesplora, flimkien mal-Istati Membri, liema miżuri jistgħu
jittieħdu fi ħdan id-dispożizzjonijiet eżistenti biex tittejjeb
is-sitwazzjoni tan-negozji qabel ma tidħol proposta ġdida
fis-seħħ. Sabiex tiġi ffaċilitata
l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin se
toħloq grupp ta’ ħidma ad hoc ta’ infurzaturi nazzjonali u ta’
awtoritajiet ewlenin biex jiskambjaw informazzjoni dwar prattiki qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni fuq skala kbira u biex aktar jikkoordinaw
l-attivitajiet ta’ infurzar. Il-Kummissjoni Ewropea se: - Tistabbilixxi, immedjatament, netwerk ad hoc ta’ awtoritajiet biex issaħħaħ l-infurzar tad-Direttiva ta’ Reklamar Qarrieqi u Komparattiv biex tiġi skambjata l-informazzjoni. 5.2. It-tressiq ta’ proposta
leġiżlattiva 5.2.1. Regoli sostantivi ġodda
dwar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni Flimkien ma’ infurzar u kooperazzjoni
aħjar, huwa ċar li n-negozji jeħtieġu regoli sostantivi
addizzjonali li jiċċaraw il-pożizzjoni legali u li jkunu mmirati
lejn l-aktar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li jaffettwahom
madwar l-Ewropa. B’mod partikolari, l-ambitu tad-Direttiva
għandu jiġi ċċarat sabiex klawżola ġenerali
tkopri mingħajr ambigwità u tipprojbixxi t-tipi differenti kollha ta’
prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-introduzzjoni ta’ definizzjoni ġdida
ta’ x’inhuma prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni se tiċċara
l-ambitu tad-Direttiva u taqdi aħjar l-iskop tal-protezzjoni tan-negozju
peress li tkun tkopri aħjar sitwazzjonijiet fejn prattika ta'
kummerċjalizzazzjoni ma tkunx tista’ faċilment tingħaraf
bħala reklamar tipiku. Dan jelimina l-konfużjoni u tiġi stabbilita
ċ-ċertezza legali. Xi prattiki speċifiċi ta’ reklamar,
bħal “green claims”[46],
jista’ jkun li jkunu jinħtieġu definizzjonijiet addizzjonali u
ċari minħabba l-prattiki qarrieqa rrappurrati f’dan il-qasam[47]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha
ssaħħaħ il-protezzjoni mogħtija mill-klawsoli ġenerali
fid-Direttiva billi tintroduċi saff addizzjonali ta’ protezzjoni, li se
jiffaċilita wkoll infurzar aktar ċar, fil-forma ta’ “black-list”
ta’ prattiki pprojbiti ta’ prattiki qarrieq ta’ kummerċjalizzazzjoni.
Konsegwentement, l-istrumenti leġiżlattivi tal-futur ser ikunu
bbażati fuq sistema ta’ żewġ livelli ta’ projbizzjoni flimkien
ma’ klawżola ġenerali li tkun tkopri l-prattiki qarrieq kollha ta’
kummerċjalizzazzjoni kif ukoll “black-list” speċifika tal-aktar skemi
ta’ ħsara fir-relazzjonijiet bejn in-negozji. B’mod partikolari, tali “black-list” tkun
tinvolvi projbizzjoni bil-quddiem fuq prattiki qarrieqa ta'
kummerċjalizzazzjoni bħal ma hu l-ħabi tal-intenzjoni
kummerċjali ta’ xi komunikazzjoni, l-identità ta’ kummerċjant jew
informazzjoni materjal dwar il-konsegwenzi meta komunikazzjoni tingħata
tweġiba. Barra minn dan, għandu jiġi pprojbit b’mod ċar li
komunikazzjoni kummerċjali tingħata l-bixra qarrieqa ta’ fattura jew
ta’ pagament obbligatorju. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll soluzzjonijiet
fil-livell nazzjonali, bħal fl-Awstrija u l-Belġju, fejn hemm
dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu jew għadd ta’
prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni jew biss il-prattiki
tal-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li
teżamina l-possibilità li jissaħħu l-penali
għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikati skont
id-Direttiva. Kwalunkwe tali proposta ġdida tkun teħtieġ li
l-Istati Membri jiżguraw li l-penali għal prattiki qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni f’relazzjonijiet bejn in-negozji ikunu effettivi,
proporzjonati u dissważivi[48].
Il-Kummissjoni qiegħda tippjana wkoll li tkompli
tikkjarifika aktar ir-regoli dwar ir-reklamar komparattiv, b’mod
partikolari fejn jolqot it-tqabbil tal-prezzijiet u r-relazzjoni bejn reklamar
komparattiv u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni Ewropea bi ħsiebha tirrevedi d-Direttiva sabiex: - Tikkjarifika l-ambitu tagħha billi tintroduċi definizzjoni aktar ċara ta’ x’inhuma prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni; - Tintroduċi “black-list” tal-aktar prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li jagħmlu ħsara; - Tintroduċi penali effettivi, proporzjonati u disswasivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni tad-Direttiva; - Tikkjarifika ċerti aspetti ta’ reklamar komparattiv abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. 5.2.2. Proċedura ġdida ta’
kooperazzjoni tal-infurzar Sabiex tindirizza d-diverġenzi
fis-sistemi ta’ infurzar nazzjonali u n-nuqqas fid-Direttiva eżistenti ta’
bażi għal kooperazzjoni transkonfinali effiċjenti,
il-Kummissjoni beħsiebha toħloq proċedura ta’ koperazzjoni
fl-infurzar f’dan il-qasam li, filwaqt li toħloq kosti addizzjonali
minimi, tkun tippermetti lill-infurzaturi li b’mod effiċjenti
jirreaġixxu kull meta l-problemi transkonfinali jsiru sistematiċi,
jaffettwaw l-interess kollettiv tal-intrapriżi fl-Ewropa u b’mod evidenti
jiksru r-regoli tal-kummerċ ġust u prattiki kummerċjali tajba. Il-Kummissjoni għaldaqstant
biħsiebha tipproponi proċedura ta’ kooperazzjoni fl-infurzar
bl-iskop tal-protezzjoni tan-negozji fil-qasam ta’ prattiki qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni. Sabiex tiġi stabbilita bażi
ċara għal azzjoni ta’ infurzar transkonfinali, jiddaħħal obbligu
espliċitu ta’ assistenza reċiproka fil-proposta
leġiżlattiva. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet
speċifiċi għandhom jobbligaw lill-Istati Membri biex jaħtru
awtoritajiet b’setgħat ta’ infurzar ex officio għall-implimentazzjoni
tajba u effettiva tad-Diretttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi u Komparattiv. Dan
ifisser li l-Istat Membru jkunu jistgħu anki jestendu s-setgħat
tal-awtoritajiet eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur jew
il-kompetizzjoni[49]
u mhux neċessarjament jintroduċu korpi amministrattivi ġodda.
Applikazzjoni onlajn għall-iskambju ta’ talbiet tkun garanzija ta’
kooperazzjoni ħafifa, sikura, u kosteffiċjenti mingħajr wisq
piż u kosti addizzjonali għall-Istati Membri. Is-Sistema ta’
Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) li diġà teżisti tista’ tintuża
għal dan l-iskop. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se
tfittex ukoll kooperazzjoni fuq livell internazzjonali sabiex jiġi
żgurat li n-negozji Ewropej ma jkunux fil-mira ta’ prattiki qarrieqa ta’
kummerċjalizzazzjoni li joriġinaw minn barra l-Ewropa[50]. Fil-kuntest tar-reviżjoni leġiżlattiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li: - Toħloq proċedura ta’ kooperazzjoni fl-infurzar (netwerk ta’ infurzar) li jiġbor l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali inkarigati mil-leġiżlazzjoni li tipproteġi n-negozji biex jikkooperaw f’każijiet ta’ prattiki transkonfinali qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa; - Tintroduċi obbligi ta’ assistenza reċiproka għall-Istati Membri li jinvolvu l-possibilità espliċita li jintalbu miżuri ta’ infurzar f’sitwazzjonijiet transkonfinali; - Tintroduċi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jaħtru awtorità ta’ infurzar fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni bejn in-negozji. 6. Konklużjonijiet L-intrapriżi
żgħar u medji ħolqu 85% tal-impjiegi netti ġodda fl-UE bejn
l-2002 u l-2010[51]. Huma għandhom il-potenzjal biex jikbru u joħolqu impjiegi
ġodda, li huwa eżattament dak li teħtieġ l-Ewropa fi
żminijiet ta’ inċertezza ekonomika. Sabiex jiffjorixxu u jespandu
fis-Suq Uniku, in-negozji kollha għandhom bżonn ta’ ambjent
regolatorju pożittiv li mhux biss jiggarantilhom il-libertà ekonomika
iżda wkoll iservi ta’ garanzija ta’ sigurtà fi tranżazzjonijiet ma’
kummerċjanti oħra. In-negozji ż-żgħar, b’mod
partikolari, jeħtieġu wkoll sigurtà bażika kontra prattiki
qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstant
beħsiebha tipproponi tibdil speċifiku għad-Direttiva dwar
Reklamar Qarrieqi u Komparattiv bil-ħsieb li jiġu eliminati prattiki
qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-settur ta’ bejn in-negozji,
bħal fil-każ tal-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa. Għal dan
il-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta
leġiżlattiva mmirata u se żżid l-azzjonijiet biex
tiżgura li r-regoli eżistenti jiġu implimentati kif suppost. [1] Ewropa 2020 “Strateġija għal tkabbir
intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” - COM(2010) 2020. [2] L-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, 9 minn
kull 10 SMEs huma mikroimpriżi, li jħaddmu anqas minn 10. [3] Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv
(imsemmija f’din il-Komunikazzjoni bħala “id-Direttiva”); ĠU
L 376, 27.12.2006, p. 21. [4] Ara t-taqsima 3.2. Kumpaniji ta’ direttorju
qarrieqa huma kummerċjanti li jużaw prassi ta’
kummerċjalizzazzjoni qarrieqa u jibagħtu formoli li fihom jitolbu lin-negozji
biex jaġġornaw id-dettalji fid-direttorji tagħhom, apparentament
b’xejn. Jekk in-negozji mmirati jiffirmaw il-formola, huma madankollu jiġu
mgħarrfa li jkunu ffirmaw kuntratt, u jkollhom jibdew iħallsu somma
fis-sena. [5] Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji Żgħar
għall-Ewropa, COM(2011)78 [6] Kull reklamar li espliċitament jew b’implikazzjoni
jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur. [7] Skont l-Artikolu 1 tagħha id-Direttiva
tipproteġi n-negozji biss kontra reklamar qarrieqi iżda tistabbilixxi
kundizzjonijiet għal reklamar komparattiv, immirat kemm lejn
il-konsumaturi kif ukoll in-negozji. [8] Id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE
tal-10 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni
tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi
tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi; ĠU L 250, 19.09.1984, p. 17 [9] Id-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997 li temenda d-Direttiva 84/450/KE [10] Filwaqt li fid-Danimarka, l-Isvezja jew ir-Renju Unit
ir-reklamar komparattiv kien jintuża b’mod relattivament wiesa’ u fi
Franza, il-Ġermanja u l-Italja kien espliċitament permess permezz
tal-ġurisprudenza, għalkemm b’mod restrittiv, fil-Lussemburgu kien
ikkunsidrat bħala att ta’ kompetizzjoni żleali u fil-Portugall kien
kienet soġġetta għal skema ta’ awtorizzazzjoni ad hoc. [11] Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju
mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE,
id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prassi Kummerċjali Żleali) ĠU L
149, 11.06.2005; p.22 [12] Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi
u komparattiv; ĠU L 376, 27.12.2006. p. 21 [13] Fil-Bulgarija hemm dispożizzjonijiet dwar reklamar
qarrieqi u komparattiv inklużi fl-Att dwar il-Protezzjoni
tal-Kompetittività. F’Ċipru hemm liġi separata dwar il-kontroll ta’
riklamar qarrieqi u komparattiv. L-Ungerija, f’sitwazzjonijiet bejn in-negozji,
tiddistingwi bejn reklamar qarrieqi, regolat mill-Att dwar ir-rekwiżiti
bażiċi u ċerti restrizzjonijiet ta’ reklamar kummerċjali, u
prassi oħrajn inġusti, regolati mill-Att dwar il-projbizzjoni ta’
prattiki inġusti ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni inġusta.
Il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom liġijiet separati dwar
ir-reklamar. [14] L-Artikolu 5(1) u (3), u
l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/114/KE [15] Fi Franza, l-Awtorità tal-Protezzjoni
tal-Konsumatur tista’ twettaq investigazzjonijiet kontra kummerċjanti
illegali u xi reati jistgħu jinvolvu sanzjonijiet kriminali. L-Awtorità Taljana tal-Antitrust għandha
setgħat biex tinvestiga każijiet ta’ reklamar qarrieqi li jeffettwa
n-negozji u biex timponi multi. Fil-Litwanja,
il-Kunsill għall-Kompetizzjoni jista’ jimponu penali amministrattivi. Bl-istess mod, ir-Rumanija għandha sistema
ta’ infurzar fejn id-Direttorat Ġenerali għal għajnuna
mill-Istat, il-Prattiki Inġusti u l-Prezzijiet Regolati jista’ jimponi
multi fuq il-kummerċjanti. Fir-Renju
Unit, l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust jista’ jibda
proċedimenti tal-qorti għal inġunzjoni ċivili, iżda
reklamar qarrieqi huwa wkoll reat kriminali li jista’ jwassal għal ssa
entejn priġunerija. [16] Xi każijiet ta’ prattiki fuq
skala kbira ta’ reklamar li jkun b’mod ċar qarrieqi ġew indirizzati
taħt il-leġiżlazzjoni penali nazzjonali kontra l-frodi. [17] Ara b’mod partikolari l-każijiet
C-362/88 GB-INNO-BM; C-373/90
Proċedimenti kriminali kontra X; C-126/91, Schutzverband gegen unwesen in der Wirtschaft; C-210/96 Gut Springenheide u Tusky; C-220/98 Estee Lauder; C-112/99 Toshiba Europe; C-44/01
Pippig Augenotopic; C-71/02, Herbert
Karner Industrie-Auktionen; C-228/03
Gillette; C-59/05. Siemens; C 533/06 O2 Holdings; C-487/07,
L 'Oréal; C-414/06 Lidl Belgium; C-159/09 Lidl. [18] C-356/04 Lidl Belgium. [19] C-381/05 De Landtsheer Emmanuel
SA. [20] 21 Stat Membru wieġbu
għall-kwestjonarju. [21] Dan inkluda r-riklamar online, il-pretensjonijiet
ambjentali, ir-reklamar komparattiv, eċċ. Il-Komunikazzjoni ma
tindirizzax ċerti prattiki kuntrattwali bejn il-kumpaniji l-aktar
fis-settur tal-bejgħ bl-imnut li jistgħu possibbilment jiġu
kkunsidrati inġusti minħabba relazzjoni żbilanċjata li
tirriżulta minħabba s-saħħa superjuri konsiderevoli ta’
negozjar ta’ xi kompetituri fis-suq. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu
indirizzati fl-inizjattiva li ġejja dwar prattiki kummerċjali
inġusti bejn in-negozji fil-katina tal-bejgħ bl-imnut. [22] Il-Kummissjoni rċeviet risposti mill-partijiet
interessati mill-Istati Membri kollha minbarra mil-Latvja, il-Litwanja u Malta. [23] Ir-riżultati
tal-konsultazzjoni pubblika:
http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?userstate=DisplayPublishedResults&form=MisleadingAd
[24] Il-Federazzjoni Finlandiża tal-Impriżi nnutat
li, skont stħarriġ, 60% tal-kummerċjanti li jimpjegaw lilhom
infushom irċivew reklamar distrurbanti fl-2010. L-Assoċjazzjoni
Ġermaniża kontra l-Kriminalità Ekonomika (DSW) tistma li n-negozji
potenzjalment iġarrbu telf fis-sena ta’ madwar € 340 miljun minn dawk
il-prattiki fil-Ġermanja. [25] Ara t-taqsima 3.2. [26] Prattika fejn negozjanti jiddikjaraw b’mod falz li
l-prodotti tagħhom ikollhom effetti ta’ benefiċċju fuq
l-ambjent, pereż. f’rabta mat-tema tal-effiċjenza enerġetika. [27] L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pubblikaturi ta’
Direttorji u Databases (EADP), li tirrappreżenta l-industrija
tad-direttorji, tosserva li dan it-tip ta’ prattiki inġusti kienu ġew
irrappurtati anke 40 sena ilu u waħda mir-raġunijiet
għall-ħolqien tal-assoċjazzjonijiet membri tagħha kienet
preċiżament biex issir distinzjoni bejn kummerċjanti
leġittiimi u dawk qarrieqa. [28] Bħal ma huma l-ittri elettroniċi, is-siti
elettroniċi jew ir-reklamar fuq il-medja soċjali,
il-messaġġi bit-telefon ċellulari. [29] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’
Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa 2008/2126 (INI)
A6-0446/2008. [30] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’
Ġunju 2011 dwar il-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa 2011/0269 B7
0342/2011. [31] "Prattiki qarrieqa ta’ kumpaniji ta’ direttorju
qarrieqa fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni tas-suq intern attwali u
futura mmirata lejn il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-SMEs"
IP/A/IMCO/FWC/2006-058/LOT4/C1/C6. [32] B’mod partikolari l-Awstrija, il-Belġju,
ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Polonja,
il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovakkja u r-Renju Unit. [33] Pereżempju, il-Federazzjoni Daniża
tal-Impriżi kienet qed tirċievi f’mument minnhom 200 telefonata kull
xahar rigward din il-problema. Kumpanija tal-awtoregolazzjoni r-reklamar
Spanjola rċeviet 902 ilmenti matul l-aħħar 5 snin.
L-awtoritajiet Belġjani rapportaw li aktar minn 9% tal-ilmenti kollha
(mingħand il-konsumaturi u n-negozji) jikkonċernaw il-kumpaniji ta’
direttorju qarrieqa. [34] UWG (il-liġi dwar
il-kompetizzjoni inġusta) it-Taqsima 28a. [35] L-Art 95-99 tal-liġi
Belġjana tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar il-prattiki kummerċjali u
l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kapitolu
4 Taqsima 2: Prattiki żleali
fis-suq fir-rigward ta’ persuni għajr il-konsumaturi. [36] 79% ta’ dawk li wieġbu kienu
favur it-tisħiħ tal-ħarsien ta’ negozji żgħar,
speċjalment fi tranżazzjonijiet transkonfinali. [37] 85% ta' dawk li wieġbu
appoġġjaw il-ħolqien ta' proċedura ta’ koperazzjoni
f’każijiet transkonfinali. [38] 84% ta’ dawk li wieġbu
jappoġġjaw leġiżlazzjoni għall-UE kollha kontra
l-prattiki kummerċjali li l-aktar jagħmlu ħsara li jaffettwaw
lin-negozji. [39] Id-dgħufija ta’
dispożizzjonijiet sostantivi tikkonċerna prinċipalment
il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ jekk reklamar ikunx qarrieq kif spjegat
fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. [40] Id-definizzjoni wiesgħa ta’
reklamar (l-Artikolu 2a), reklamar qarrieqi (l-Artikolu 2b) u r-raġunijiet
għall-valutazzjoni ta’ jekk reklamar ikunx qarrieq (l-Artikolu 3). [41] L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3
tad-Direttiva 2006/114/KE [42] Pereżempju, proċedura
simili għall-obbligi ta’ assistenza reċiproka stipulata
fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni
tal-konsumaturi. [43] Eż. ir-Repubblika Ċeka,
l-Irlanda, il-Pajjiżi Baxxi u l-Polonja. [44] C-112/99 Toshiba Europe, C-44/01
Pippig Augenoptik, C-356/04 Lidl Belgium, C-59/05 Siemens AG; C-381/05 De Landtsheer Emmanuel, C-533/06 O2
Holdings; C-487/07 L 'Oréal SA u
C-159/09 Lidl. [45] L-azzjonijiet previsti se jkunu suġġetti
għal valutazzjoni sħiġa ta’ impatt u għar-regoli stabbiliti
fil-qafas finanzjarju propost mill-Kummissjoni. [46] Meta ssir dikjarazzjoni li l-prodott
huwa aktar ta’ benefiċċji jew jagħmel anqas ħsara
lill-ambjent minn prodotti offruti mill-kompetituri. [47] B’mod parallel, il-Kummissjoni
beħsiebha tirrakkomanda l-aħjar prattiċi abbażi ta’
approċ taċ-ċiklu tal-ħajja u ta’ metodoloġiji
adegwati, bħall-metodoloġiji armonizzati Ewropej li ġejjin għall-kalkolu
tal-Impatt Ambjentali tal-Prodotti (PEF) u l-Organizzazzjonijiet (OEF). [48] Simili għall-Artikolu 13
tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prassi kummerċjali inġusti. [49] Se ssir valutazzjoni kemm
tal-vijabbiltà li jiġi estiż l-ambitu tal-proċedura
eżistenti ta’ koperazzjoni, bħall-mekkaniżmu stabbilit
mir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni
tal-konsumaturi fil-każ ta’ xi prattiki bejn in-negozji kif ukoll
tal-istabiliment ta’ proċedura ddedikata ġdida ta' kooperazzjoni. [50] Pereżempju tali kooperazzjoni
tista’ sseħħ fil-qafas tan-Netwerk Internazzjoni tal-Protezzjoni
tal-Konsumatur u l-Infurzar (ICPEN) [51] “L-SMEs joħolqu aktar impjiegi,
u aħjar?", Studju dwar l-impatt tal-SMEs fuq is-suq tax-xogħol
tal-UE mħejji mill-EIM Business and Policy Research b’appoġġ
finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea. Zoetemeer, Novembru 2011.