This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0658
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL on the basis of Member States' reports on the implementation of the Council Recommendation (2009/C 151/01) on patient safety, including the prevention and control of healthcare associated infections
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL fuq il-bażi ta' rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL fuq il-bażi ta' rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa
/* COM/2012/0658 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL fuq il-bażi ta' rapporti tal-Istati Membri fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2009/C 151/01) dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa /* COM/2012/0658 final */
WERRREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3 2........... Sommarju tal-azzjonijiet
prinċipali fil-livell tal-Istati Membri.............................................. 4 2.1........ Is-sikurezza ġenerali
tal-pazjent....................................................................................... 4 2.1.1..... L-iżvilupp ta’ politiki u
programmi nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjent........................ 4 2.1.2..... Informazzjoni dwar avvenimenti
avversi........................................................................... 5 2.1.3..... Għoti tas-setgħa
lill-pazjenti............................................................................................. 5 2.1.4..... Edukazzjoni u taħriġ
lill-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza
tal-pazjent 6 2.1.5..... Attivitajiet transkonfinali dwar is-sikurezza
tal-pazjent...................................................... 6 2.1.6..... Ir-riċerka........................................................................................................................ 6 2.1.7..... L-oqsma li huma l-iżjed u
l-anqas koperti mill-implimentazzjoni........................................ 6 2.2........ Infezzjonijiet assoċjati
mal-kura tas-saħħa........................................................................ 7 2.2.1..... Adozzjoni u implimentazzjoni ta’
strateġija għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet
assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAI)................................................................................................................... 8 2.2.2..... L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu
intersettorjali jew sistema ekwivalenti............................. 10 3........... Azzjonijiet prinċipali
fil-livell tal-Unjoni Ewropea............................................................ 10 3.1........ Sikurezza ġenerali tal-pazjent........................................................................................ 10 3.2........ Infezzjonijiet assoċjati
mal-kura tas-saħħa...................................................................... 11 4........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 14 1. Introduzzjoni F’Ġunju 2009, il-Kunsill adotta
Rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn
u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa
(2009/C 151/01), hawnhekk imsejħa bħala r-Rakkomandazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tikkonsisti minn
żewġ kapitoli. Fl-ewwel kapitolu dwar is-sikurezza ġenerali
tal-pazjenti, l-Istati Membri huma mitluba jdaħħlu sensiela ta’
miżuri sabiex jimminimizzaw il-ħsara għall-pazjenti li jkunu
qegħdin jirċievu kura tas-saħħa. Dawn il-miżuri jinkludu
l-iżvilupp ta’ politiki nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjent,
l-għoti tas-setgħa u l-infurmar lill-pazjenti, l-istabbiliment ta’
sistemi ta’ rappurtar u tagħlim dwar avvenimenti avversi, il-promozzjoni
tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema fil-kura
tas-saħħa, u l-iżvilupp tar-riċerka. Ir-Rakkomandazzjoni
tistieden lill-Istati Membri sabiex jaqsmu l-għarfien, l-esperjenza u
l-aħjar prattika u sabiex jikklassifikaw u jikkodifikaw is-sikurezza
tal-pazjent fil-livell tal-UE billi jaħdmu ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. Fit-tieni kapitolu dwar il-prevenzjoni u
l-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAIs),
l-Istati Membri huma mitluba jadottaw u jimplimentaw strateġija fil-livell
xieraq għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAIs u sabiex jikkunsidraw
l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intersettorjali jew sistema ekwivalenti
għall-implimentazzjoni koordinata ta’ tali strateġija. Din
l-istrateġija għandha tinkludi miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll
tal-infezzjonijiet fil-livell nazzjonali/reġjonali u fil-livell
tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, is-sistemi ta’ sorveljanza,
l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema fil-kura
tas-saħħa, l-informazzjoni lill-pazjenti, u r-riċerka. Ir-Rakkomandazzjoni tikkumplimenta inizjattivi
oħra tal-UE. Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni
tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa
transkonfinali[1],
li għandha tiġi trasposta sa Ottubru 2013, ma tfittixx biss li tikkjarifika
d-drittijiet tal-pazjent fl-aċċess għall-kura fi Stat Membru
ieħor tal-UE: hija tfittex ukoll li tassigura li tali kura tkun sigura u
ta’ kwalità tajba. Għalhekk tinkludi diversi dispożizzjonijiet
relatati mas-sikurezza u l-kwalità tal-kura tas-saħħa: il-kollaborazzjoni
tal-Istati Membri fuq standards u linji gwida, informazzjoni lill-pazjenti dwar
il-fornituri tal-kura tas-saħħa u dwar l-istandards tas-sikurezza/kwalità
applikati, u l-possibbiltà ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni minn qabel jekk ikun
hemm dubji dwar il-kwalità u s-sikurezza ta’ fornitur tal-kura
tas-saħħa fl-Istat Membru tat-trattament. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti
mir-Rakkomandazzjoni (eż: il-qsim tal-għarfien, l-esperjenza u
l-aħjar prattika; ir-reviżjoni u l-aġġornament regolari
tal-istandards dwar is-sikurezza tal-pazjent applikabbli għall-kura
tas-saħħa pprovduta fi ħdan l-Istati Membri; l-għoti ta’
informazzjoni lill-pazjenti dwar il-miżuri tas-sikurezza sabiex titnaqqas
jew tiġi evitata l-ħsara u dwar l-istandards relatati mas-sikurezza
tal-pazjent; l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġija għall-prevenzjoni
u l-kontroll tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa,
inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intersettorjali jew sistema
ekwivalenti għall-implimentazzjoni koordinata tal-istrateġija) se
titqies bħala referenza għall-valutazzjoni tal-istandards dwar is-sikurezza
skont id-Direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE
għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp ta’ Ċentri ta’
Eċċellenza u Netwerks Ewropej ta’ Referenza. Bħala l-ewwel pass,
huwa jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi, permezz ta’ atti delegati
u ta’ implimentazzjoni, il-kriterji u l-kundizzjonijiet li jridu jissodisfaw
dawk iċ-ċentri u netwerks. Il-kriterji u r-rekwiżiti għas-sikurezza
tal-pazjent x’aktarx li jkunu definiti f’dan il-kuntest. Barra dan,
iċ-ċentri ta’ kura tas-saħħa tan-Netwerks Ewropej futuri
ta’ Referenza, permezz tal-implimentazzjoni ta’ inizjattivi jew prattiċi
komuni fil-qasam tas-sikurezza tal-pazjent, se jgħinu sabiex ikunu
definiti l-aħjar prattiċi fi proċeduri kumplessi. Fl-aħħar nett, il-‘Pjan ta’ Azzjoni
kontra t-theddid li qed jiżdied ta’ reżistenza antimikrobika’ mifrux
fuq ħames snin, li ġie adottat mill-Kummissjoni f’Novembru 2011,
għandu l-għan li jpoġġi fis-seħħ modi effettivi
sabiex jiġu evitati l-infezzjonijiet mikrobiċi u t-tixrid
tal-mikroorganiżmi. It-tisħiħ tal-prevenzjoni u l-kontroll
tal-infezzjonijiet fl-ambitu tal-kura tas-saħħa (azzjoni 4 taħt
il-pjan) għandu jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan il-għan. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Kummissjoni
sabiex tippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni, fuq
il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. F’April 2011,
l-Istati Membri kienu mitluba jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-progress
tagħhom fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, fuq il-bażi ta’
kwestjonarju standardizzat. Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet
mill-Istati Membri kollha, pajjiż wieħed taż-ŻEE (in-Norveġja[2]) fuq bażi volontarja u
ħames reġjuni (dwar is-sikurezza ġenerali tal-pazjent) / 15-il
reġjun (dwar l-HAIs). Barra minn hekk, 14-il Stat Membru
aġġornaw l-informazzjoni dwar il-parti relatata mas-sikurezza
ġenerali tal-pazjent f’Lulju 2012. Dan ir-Rapport jiġbor fil-qosor
l-azzjonijiet prinċipali meħuda fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE
sa Ġunju 2011 (Lulju 2012 għall-parti dwar is-sikurezza ġenerali
tal-pazjent) u jissottolinja dawk l-oqsma tar-Rakkomandazzjoni li
jeħtieġu aktar attenzjoni. Ir-Rapport huwa akkumpanjat minn Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi analiżi teknika
iżjed dettaljata tat-tweġibiet li waslu. F’dan ir-Rapport, huma
ppreżentati biss it-tweġibiet fil-livell nazzjonali[3]; id-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni jinkludi analiżi tat-tweġibiet
mil-livelli kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali. Fejn dan ir-Rapport
jirreferi għal pajjiżi, dan ifisser l-Istati Membri tal-UE u
n-Norveġja. 2. Sommarju
tal-azzjonijiet prinċipali fil-livell tal-Istati Membri 2.1. Sikurezza
ġenerali tal-pazjent 2.1.1. L-iżvilupp
ta’ politiki u programmi nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjent Il-pajjiżi kollha żviluppaw politiki
speċifiċi dwar is-sikurezza tal-pazjent u/jew inkorporawhom
bħala prijoritajiet fil-politiki tagħhom dwar is-saħħa. F'19-il
Stat Membru ġiet stabbilita uffiċjalment b’att legali awtorità
kompetenti responsabbli għas-sikurezza tal-pazjent fuq livell nazzjonali
jew reġjonali, u f’sitta oħra din inħatret mingħajr att
legali. L-awtoritajiet kompetenti prinċipalment jidentifikaw u jippromwovu
l-aħjar prattiki, jiġbru informazzjoni dwar il-programmi li jkunu
fis-seħħ fir-rigward tas-sikurezza tal-pazjent u jiżviluppaw
linji gwida dwar is-sikurezza tal-pazjent. Hemm standards regolarment
aġġornati dwar is-sikurezza tal-pazjent fi 15-il Stat Membru u fi 11
minnhom dawn huma obbligatorji. Tmien pajjiżi oħra għandhom
fis-seħħ miżuri dwar is-sikurezza tal-pazjent li mhumiex
standards (eż. linji gwida kliniċi bbażati fuq l-evidenza,
proċeduri tal-akkreditazzjoni u kejl tal-kultura tas-sikurezza tal-pazjent).
Madankollu, ħames Stati Membri ma jirrappurtaw l-ebda standard
eżistenti dwar is-sikurezza tal-pazjent jew miżuri oħra
fis-seħħ. Maġġoranza kbira tal-pajjiżi (24) jaqblu li
linji gwida dwar kif għandhom jibnu u jintroduċu standards dwar is-sikurezza
tal-pazjent ikunu utli għalihom. 2.1.2. Informazzjoni
dwar avvenimenti avversi Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri
sabiex jistabbilixxu sistemi ta’ rappurtar u tagħlim dwar avvenimenti
avversi. F’Lulju 2012, tali sistemi kienu kompletament operattivi fi 15-il Stat
Membru u parzjalment implimentati fi 11 oħra. Huma jipprovdu
prinċipalment informazzjoni dwar il-kawżi tal-avvenimenti avversi u
jirreġistraw l-ammonti tagħhom skont it-tip. Fi 18-il pajjiż,
huma separati mill-miżuri dixxiplinarji sabiex ikun assigurat kuntest mhux
punittiv għar-rappurtar. Il-professjonisti tas-saħħa u
ħaddiema oħra fil-qasam tas-saħħa huma mħeġġa
biex jirrappurtaw dwar l-avvenimenti avversi fil-pajjiżi kważi kollha
fejn jeżistu sistemi ta’ rappurtar u tagħlim. F’żewġ terzi
tal-pajjiżi, ir-rappurtar mill-professjonisti tas-saħħa
żdied matul dawn l-aħħar sentejn. Fi 13 mis-26 Stat Membru inkwistjoni,
is-sistemi ta’ rappurtar u tagħlim jipprovdu wkoll opportunità
għall-pazjenti u l-familji tagħhom sabiex jirrappurtaw. Madankollu,
informazzjoni dwar ir-rati tar-rappurtar tinġabar regolarment biss f’disa’
Stati Membri, li ħamsa minnhom infurmaw li kien hemm żieda
fir-rappurtar mill-pazjenti bejn l-2009 u l-2012. 2.1.3. Għoti
tas-setgħa lill-pazjenti Ir-Rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi
lill-Istati Membri sabiex jagħtu s-setgħa lill-pazjenti billi
jinvolvu organizzazzjonijiet tal-pazjenti u pazjenti individwali. L-organizzazzjonijiet tal-pazjenti jiġu
mistiedna b’mod formali sabiex jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-politiki
dwar is-sikurezza tal-pazjent f’14-il pajjiż, filwaqt li f’sitta oħra
l-involviment tagħhom mhuwiex meħtieġ b’mod formali iżda
huwa l-prattika. L-Istati Membri
huma rakkomandati li jagħtu informazzjoni lill-pazjenti dwar l-istandards
tas-sikurezza tal-pazjent, il-miżuri tas-sikurezza sabiex jitnaqqsu jew
jiġu evitati l-iżbalji, id-dritt għall-kunsens infurmat
għat-trattament, il-proċeduri f’każ ta’ lment, u r-rimedji
disponibbli. Fil-pajjiżi kollha li rrappurtaw, mill-anqas wieħed minn
dawn l-elementi ta’ informazzjoni jiġi kkomunikat lill-pazjenti (id-dritt
għall-kunsens infurmat jiġi kkomunikat fil-pajjiżi kollha).
Madankollu, ħames Stati Membri biss jagħtu dawn id-dettalji kollha lill-pazjenti.
L-informazzjoni dwar l-istandards tas-sikurezza tal-pazjent hija l-inqas disponibbli.
Mill-banda l-oħra, iżjed minn nofs l-Istati Membri jirrappurtaw li għandhom
disponibbli għaċ-ċittadini lista tal-istituzzjonijiet
akkreditati tal-kura tas-saħħa. L-informazzjoni tingħata
lill-pazjenti prinċipalment permezz ta’ siti elettroniċi pubbliċi
jew mill-professjonisti tas-saħħa. Tlieta u għoxrin pajjiż
għandhom fis-seħħ mekkaniżmi biex jiġbru l-kummenti
tal-pazjenti dwar id-disponibbiltà u l-preċiżjoni tal-informazzjoni
pprovduta. Eżempji jinkludu kwestjonarji bil-miktub jew onlajn wara r-rilaxx,
stħarriġ annwali dwar l-esperjenza tal-pazjent u l-possibbiltà li
jintbagħtu kummenti fuq sit elettroniku ddedikat. Kompetenzi bażiċi għall-pazjenti
dwar is-sikurezza tal-pazjent ġew żviluppati u mxerrda biss fi 12-il
Stat Membru, u r-rapporti juru li l-kunċett huwa interpretat b’mod
differenti minn pajjiż għall-ieħor. Żewġ Stati Membri
żviluppaw sett speċifiku ta’ kompetenzi bażiċi
għall-pazjenti, filwaqt li 10 oħra jinkludu elementi relatati
f’politiki oħra dwar is-saħħa. 2.1.4. Edukazzjoni
u taħriġ lill-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa
dwar is-sikurezza tal-pazjent Il-pajjiżi
kollha minbarra wieħed jirrappurtaw li ppromovew l-edukazzjoni u
t-taħriġ tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa dwar is-sikurezza
tal-pazjent matul l-aħħar sentejn. Madankollu, 15 biss għandhom fis-seħħ
rekwiżiti formali sabiex jinkludu moduli dwar is-sikurezza tal-pazjent
f’tip wieħed jew aktar ta’ edukazzjoni. Dawn jiġu offruti
prinċipalment lill-infermiera u lit-tobba bħala parti
mill-edukazzjoni professjonali kontinwa, l-edukazzjoni ta’ wara l-gradwazzjoni
jew it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Hemm inqas offrut
għall-amministraturi tal-kura tas-saħħa u l-ħaddiema
fil-kura tas-saħħa għajr it-tobba, l-infermiera, u
l-ispiżjara. L-ebda pajjiż ma jintegra s-sikurezza tal-pazjent
fil-livelli kollha tal-edukazzjoni għal kull grupp ta’ professjonisti,
iżda tliet pajjiżi jagħmlu dan għat-tobba, l-infermiera u
l-ispiżjara. 2.1.5. Attivitajiet
transfruntiera dwar is-sikurezza tal-pazjent Minbarra l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali,
xi Stati Membri jirrappurtaw eżempji ta’ attivitajiet transfruntiera. Tliet Stati Membri żviluppaw
strateġija transfruntiera dwar is-sikurezza tal-pazjent, flimkien
mal-istrateġija nazzjonali. F’żewġ Stati Membri, is-sistemi ta’
rappurtar u tagħlim joperaw f’kuntest transkonfinali. Ħmistax-il
pajjiż għandhom fis-seħħ proċeduri speċifiċi
sabiex jinfurmaw lill-pazjenti mhux residenti dwar l-istandards tas-sikurezza
tal-pazjent u miżuri oħra. Madankollu, mhuma mogħtija l-ebda
dettalji oħra dwar dawn il-proċeduri. 2.1.6. Ir-riċerka Għaxar Stati Membri jirrappurtaw li
għandhom programm nazzjonali ta’ riċerka dwar is-sikurezza tal-pazjent.
Ir-riċerka eżistenti tkopri l-kultura tas-sikurezza tal-pazjent,
it-tnaqqis fir-riskju ta’ żbalji ta’ medikazzjoni, it-titjib
tal-kompetenza tal-pazjenti dwar is-sikurezza tal-medikazzjoni,
l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa, il-prevenzjoni
tal-waqgħat fil-popolazzjoni anzjana, l-impatt tal-assenteiżmu
tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa fuq is-sodisfazzjon
tal-pazjenti, l-impatt tat-teleradjoloġija fuq l-emerġenzi vitali,
l-istrumenti għall-kejl tal-avvenimenti avversi, u l-frekwenza
tal-avvenimenti avversi f’pazjenti li jkunu l-isptar. 2.1.7. L-oqsma
li huma l-iżjed u l-anqas koperti mill-implimentazzjoni Fost it-13-il azzjoni previsti
mir-Rakkomandazzjoni u analizzati f’dan ir-Rapport[4], it-tlieta li ġejjin
ġew implimentati mill-akbar numru ta’ pajjiżi: l-integrazzjoni tas-sikurezza
tal-pazjent bħala prijorità fil-politiki dwar is-saħħa pubblika
(il-pajjiżi kollha); il-ħatra ta’ awtorità kompetenti responsabbli
għas-sikurezza tal-pazjent (25 pajjiż); u l-inkoraġġiment
tat-taħriġ dwar is-sikurezza tal-pazjent fl-ambitu tal-kura
tas-saħħa (24 pajjiż). L-azzjonijiet implimentati mill-inqas numru
ta’ pajjiżi huma: l-integrazzjoni tas-sikurezza tal-pazjent fl-edukazzjoni
u t-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa (tliet
pajjiżi); l-għoti ta’ informazzjoni sħiħa lill-pazjenti
dwar is-sikurezza tal-pazjent (ħames pajjiżi); it-tixrid ta’
għarfien ċentrali dwar is-sikurezza tal-pazjent lill-ħaddiema
fil-qasam tas-saħħa (11-il pajjiż); u l-iżvilupp ta’
kompetenzi bażiċi għall-pazjenti dwar is-sikurezza tal-pazjent
(12-il pajjiż). Rigward in-numru ta’ azzjonijiet implimentati
mill-pajjiżi, l-analiżi hija kif ġej: Pajjiżi li implimentaw it-13-il azzjoni kollha kemm huma || 0 pajjiżi Pajjiżi li implimentaw bejn 10 u 12-il azzjoni || 9 pajjiżi: CZ, DE, DK, ES, FR, IE, IT, NL, UK Pajjiżi li implimentaw bejn 6 u 9 azzjonijiet || 14-il pajjiż: AT, BE, BG, EE, FI, LT, LU, MT, NO, PL, PT, SE, SI, SK Pajjiżi li implimentaw bejn 4 u 6 azzjonijiet || 3 pajjiżi: CY, HU, LV Pajjiżi li implimentaw bejn 1 u 3 azzjonijiet || 2 pajjiżi: EL, RO Fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2008[5] il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar l-attivitajiet
eżistenti relatati mas-sikurezza tal-pazjent fl-Istati Membri
(inklużi l-eżistenza u l-maturità tas-sistemi ta’ rappurtar u
tagħlim, l-istabbiliment ta’ awtorità kompetenti responsabbli għas-sikurezza
tal-pazjent, u l-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri f’inizjattivi
sabiex jiġu żviluppati u jintużaw l-għarfien u l-evidenza
dwar is-sikurezza tal-pazjent f’livell tal-UE jew internazzjonali). Jekk
wieħed iqabbel is-sitwazzjoni issa fl-2012 mas-sitwazzjoni fl-2008,
il-progress huwa osservat l-aktar fil-qasam tas-sistemi ta’ rappurtar u ta’
tagħlim: 16-il sistema mhumiex punittivi meta mqabbla ma’ erbgħa biss
fl-2008; 11 joffru l-possibbiltà lill-pazjenti li jirrappurtaw avvenimenti
avversi — fl-2008 dan kien possibbli biss fi tliet sistemi. Madankollu, oqsma
oħra raw progress modest (eż. evalwazzjoni tas-sistemi eżistenti
relatati mas-sikurezza tal-pazjent) jew ma rreġistraw l-ebda progress.
Għandu jiġi nnotat li dan it-tqabbil huwa soġġett għal
limitazzjonijiet metodoloġiċi u jista’ jitqies biss bħala
indikattiv. 2.2. Infezzjonijiet assoċjati
mal-kura tas-saħħa 2.2.1. Adozzjoni
u implimentazzjoni ta’ strateġija għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’
infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAI) Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri
sabiex jadottaw u jimplimentaw strateġija fil-livell xieraq
għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI. Tmintax-il Stat Membru jħossu
li l-livell nazzjonali jew federali huwa l-livell xieraq għal tali
strateġija. Sa Ġunju 2011, disgħa minn dawn l-Istati Membri
kellhom fis-seħħ strateġija nazzjonali, sitta kienu
fil-proċess li jippreparaw strateġija u tlieta ma kellhom l-ebda
strateġija x’jirrappurtaw u lanqas ma kienu fil-proċess li
jippreparaw waħda. Disa’ pajjiżi jsostnu li kemm il-livelli
nazzjonali kif ukoll il-livelli reġjonali huma adatti. Dawn kollha
għandhom fis-seħħ strateġija nazzjonali u strateġiji
reġjonali. Stat Membru wieħed jirrapporta li l-livell reġjonali
huwa l-livell xieraq. Ħafna mill-istrateġiji għall-prevenzjoni u
l-kontroll tal-HAI huma marbutin ma’ strateġiji għall-użu
prudenti tal-aġenti mikrobiċi fil-mediċini għall-bniedem
u/jew ma’ strateġiji dwar is-sikurezza tal-pazjent. Ir-Rakkomandazzjoni tgħid li
strateġija għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI għandha
tilħaq l-objettivi prinċipali li ġejjin: (a)
timplimenta miżuri ta’ prevenzjoni u
kontroll fuq livell nazzjonali jew reġjonali sabiex jiġi
appoġġat it-trażżin tal-infezzjonijiet assoċjati
mal-kura tas-saħħa Huma disponibbli linji gwida
għall-iġjene tal-idejn fi 22 pajjiż, li 19 minnhom jirreferu
għal-linji gwida tal-WHO. Barra minn hekk, tliet Stati Membri
għandhom linji gwida li qed jiġu ppreparati u Stat Membru wieħed
għandu rekwiżiti regolatorji għall-iġjene tal-idejn.
Żewġ Stati Membri m’għandhomx linji gwida għall-iġjene
tal-idejn. Saru kampanji dwar l-iġjene tal-idejn fi 18-il pajjiż u
oħrajn qed jiġu ppreparati f’erba’ Stati Membri. Dwar suġġetti minbarra l-iġjene
tal-idejn, fi 23 pajjiż huma disponibbli linji gwida
għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI fl-isptarijiet u oħrajn qed
jiġu ppreparati fi tliet Stati Membri. Żewġ Stati Membri
m’għandhomx linji gwida maqbula. (b)
ittejjeb il-prevenzjoni u l-kontroll
tal-infezzjonijiet fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa –
l-isptarijiet Rigward il-kumitati għall-kontroll
tal-infezzjonijiet (jew arranġamenti ekwivalenti ta’ governanza
organizzattiva) fl-isptarijiet, hemm rekwiżiti legali u/jew linji gwida
professjonali fi 22 pajjiż. Sitt Stati Membri m’għandhomx
rekwiżiti/linji gwida. Fejn hemm fis-seħħ rekwiżiti/linji
gwida, dawn jinkludu l-involviment tal-maniġment fil-kumitat
għall-kontroll tal-infezzjonijiet. Rigward it-timijiet għall-kontroll
tal-infezzjonijiet (jew arranġamenti organizzattivi ekwivalenti)
fl-isptarijiet, hemm rekwiżiti legali u/jew linji gwida professjonali f’24
pajjiż. Erba’ Stati Membri biss m’għandhomx rekwiżiti/linji
gwida (iżda wieħed minnhom għandu rekwiżit legali għal
epidemjologu). Hemm rekwiżiti legali għal
baġit iddedikat fil-livell tal-isptarijiet f’ħames Stati Membri. B’mod globali, żewġ Stati Membri
biss jirrappurtaw li m’għandhomx rekwiżiti għal
arranġamenti ta’ governanza fl-isptarijiet. –
id-djar tal-kura Tnax-il pajjiż jirrappurtaw li huma
jinkoraġġixxu lid-djar tal-kura sabiex ikollhom fis-seħħ
arranġamenti xierqa ta’ governanza organizzattiva għall-preparazzjoni
u l-monitoraġġ ta’ programm għall-prevenzjoni u l-kontroll
tal-infezzjonijiet. Fost dawn, rekwiżiti legali jew linji gwida
professjonali għal strutturi ta’ kontroll tal-infezzjonijiet fid-djar
tal-kura kienu fis-seħħ f’10 Stati Membri. (c)
tistabbilixxi jew issaħħaħ
sistemi attivi ta’ sorveljanza Il-pajjiżi kollha ħlief tnejn
għandhom fis-seħħ mill-anqas tip wieħed ta’ netwerk ta’
sorveljanza għall-HAI; fit-tnejn li m’għandhomx (Stati Membri
iżgħar), is-sorveljanza titwettaq fil-livell tal-isptar u mhux
permezz ta’ netwerk nazzjonali jew reġjonali. In-netwerks ta’ sorveljanza
għandhom fil-mira tagħhom il-batterji reżistenti għal
ħafna mediċini (18-il pajjiż), l-infezzjonijiet fis-siti
kirurġiċi (15), l-infezzjonijiet fit-taqsimiet tal-kura intensiva
tal-adulti (16), u l-infezzjonijiet fin-nixxiegħa tad-demm (15). 19-il
pajjiż wettqu stħarriġ tal-prevalenza fl-20 sena ta’ qabel. Fir-rigward tas-sistemi ta’ sorveljanza
għas-sejbien u r-rappurtar f’waqtu tal-organiżmi ta’ allerta
assoċjati mal-kura tas-saħħa jew gruppi ta’ HAI, dawn is-sistemi
jkopru prinċipalment gruppi ta’ xi HAI. Sistema għall-valutazzjoni esterna
tal-kwalità tal-ittestjar tas-suxxettibilità antimikrobika hija
fis-seħħ f'19-il pajjiż u hija fil-fażi ta’ preparazzjoni
fi tliet Stati Membri. Sitt Stati Membri m’għandhomx fis-seħħ
tali sistema. (d)
tippromwovi l-edukazzjoni u
t-taħriġ tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa Sett komuni ta’ kompetenzi (kurrikulu) maqbula
fuq livell nazzjonali għal taħriġ speċjalizzat u/jew
programmi ta’ edukazzjoni għall-persunal involut fil-kontroll tal-infezzjonijiet
huwa fis-seħħ fi 13-il pajjiż u qed jiġi żviluppat fi
tliet Stati Membri. Ħdax-il pajjiż m’għandhomx kurrikulu maqbul
bħal dan. It-taħriġ speċjalizzat kontinwu mhux sponsorjat
huwa obbligatorju f’disa’ Stati Membri għat-tobba involuti fil-kontroll
tal-infezzjonijiet u fi 11-il pajjiż għall-infermiera involuti
fil-kontroll tal-infezzjonijiet. Rigward l-edukazzjoni tal-ħaddiema
fil-kura tas-saħħa għajr il-persunal involut fil-kontroll
tal-infezzjonijiet, 13-il pajjiż għandhom sett komuni ta’ kompetenzi
fil-prinċipji bażiċi tal-iġjene u l-prevenzjoni u
l-kontroll tal-infezzjonijiet maqbul fil-livell nazzjonali u pajjiż
wieħed jinsab fil-proċess li jiżviluppa kurrikulu ta’ dan
it-tip. 12-il pajjiż għandhom taħriġ inizjali obbligatorju
għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fl-istituzzjonijiet
tal-kura tas-saħħa. It-taħriġ regolari
għall-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa
fl-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa huwa obbligatorju f’14-il
pajjiż. Tliet Stati Membri għandhom ukoll taħriġ
għall-maniġers tal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa. (e)
ittejjeb l-informazzjoni mogħtija
lill-pazjenti mill-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa Tliet Stati Membri biss għandhom mudell
nazzjonali/reġjonali għall-informazzjoni li għandha
tingħata lill-pazjenti waqt li jkunu f’istituzzjoni tal-kura tas-saħħa,
inkluża informazzjoni dwar il-HAI. Fi tnejn minnhom, il-mudelli jinkludu
informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-istituzzjoni tal-kura
tas-saħħa sabiex tipprevjeni l-HAI. Barra minn hekk, il-mudelli
jipprovdu informazzjoni dwar ir-riskju ta’ HAI (żewġ Stati Membri),
dwar kif il-pazjenti jistgħu jgħinu sabiex jiġu evitati
l-infezzjonijiet (wieħed), u informazzjoni speċifika
għall-pazjenti kolonizzati jew infettati b’mikroorganiżmi
assoċjati mal-kura tas-saħħa (tnejn). Ħdax-il Stat Membru jirrappurtaw li
għandhom mekkaniżmi sabiex jinkoraġġixxu
lill-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa jagħtu informazzjoni
lill-pazjenti. Dawn il-mekkaniżmi jikkonsistu minn regolament li jorbot f’sitt
Stati Membri, linji gwida professjonali f’sitt Stati Membri, u sistemi ta’
akkreditazzjoni jew ta’ ċertifikazzjoni f’erba’ Stati Membri. (f)
tappoġġja r-riċerka F’sitt Stati Membri, is-sejħiet
għall-offerti dwar l-HAI (epidemjoloġija, teknoloġiji u
interventi preventivi u terapewtiċi ġodda, kost-effettività
tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet) jistgħu jiġu mnedija
taħt l-awspiċi tal-ministeru responsabbli mis-saħħa jew
ir-riċerka. 10 pajjiżi jużaw il-mekkaniżmu intersettorjali
tagħhom sabiex jiddefinixxu l-prijoritajiet għar-riċerka fil-qasam
tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, filwaqt li tliet Stati Membri
oħra qed jippjanaw li jkollhom il-mekkaniżmu intersettorjali
tagħhom involut. 2.2.2. Stabbiliment
ta’ mekkaniżmu intersettorjali jew sistema ekwivalenti Għall-implimentazzjoni kkoordinata
tal-istrateġija għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI, 17-il
pajjiż għandhom mekkaniżmu intersettorjali jew sistema
ekwivalenti, filwaqt li seba’ Stati Membri jinsabu fil-proċess li
jistabbilixxu wieħed. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (13
minn 17-il pajjiż), il-mekkaniżmi intersettorjali jew sistemi
ekwivalenti jikkoordinaw ukoll l-istrateġija għall-użu prudenti
tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina għall-bniedem. Erba’
Stati Membri jirrappurtaw li m’għandhom l-ebda mekkaniżmu intersettorjali
jew sistema ekwivalenti. 3. Azzjonijiet
prinċipali fil-livell tal-Unjoni Ewropea 3.1. Sikurezza
ġenerali tal-pazjent Il-Kummissjoni Ewropea kienet involuta
fl-attivitajiet li ġejjin sabiex tippromwovi t-tagħlim reċiproku
fost l-Istati Membri u tipproponi definizzjonijiet u terminoloġija komuni
għas-sikurezza tal-pazjent. Taħt il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza
tal-Pazjent u l-Kwalità tal-Kura, il-Kummissjoni inkoraġġiet
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mas-sikurezza
tal-pazjent u l-kwalità tal-kura. Dan il-Grupp huwa kompost mill-Istati Membri
kollha tal-UE, rappreżentanti tal-pajjiżi tal-EFTA,
organizzazzjonijiet internazzjonali (WHO, OECD u l-Kunsill tal-Ewropa) u
organizzazzjonijiet ġenerali tal-UE li jirrappreżentaw il-pazjenti,
il-professjonisti tas-saħħa, il-maniġers tal-kura
tas-saħħa u l-esperti fil-kwalità tal-kura. Il-Grupp iddiskuta
x-xogħol tal-WHO dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali għas-Sikurezza
tal-Pazjent (15-il pajjiż huma involuti f’dan ix-xogħol u tnejn
ittraduċewh fil-lingwi nazzjonali tagħhom) kif ukoll diversi
eżempji ta’ attivitajiet nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjent.
Madankollu, sal-lum ma kienet proposta l-ebda klassifikazzjoni dwar is-sikurezza
tal-pazjent fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea tikkofinanzja, fi
ħdan il-Programm dwar is-Saħħa, il-proġett dwar
l-indikaturi tal-kwalità tal-kura tas-saħħa, immexxi mill-OECD.
Fl-2011, il-proġett ippubblika għall-ewwel darba sitt indikaturi dwar
is-sikurezza tal-pazjent: tnejn li jirrigwardaw it-trawma ostetrika u
erbgħa li jirrigwardaw kumplikazzjonijiet proċedurali u ta’ wara
l-operazzjonijiet. Għoxrin mill-pajjiżi li rrappurtaw huma involuti
fi ġbir ta’ dejta fi ħdan dan il-proġett, inklużi 11 li
qegħdin jiġbru indikaturi komparabbli dwar is-sikurezza tal-pazjent. Il-Kummissjoni allokat ukoll EUR 3 600 000
għal kollaborazzjoni fuq tliet snin dwar is-sikurezza tal-pazjent,
fil-forma ta’ azzjoni konġunta għas-snin 2012-2015. Parti
mill-azzjoni konġunta tikkonsisti fl-għażla tal-aħjar prattiċi
dwar is-sikurezza tal-pazjent fil-livell tal-fornituri tal-kura
tas-saħħa u l-ittestjar tal-implimentazzjoni tagħhom fi Stati
Membri oħra. L-azzjoni konġunta se timmappja u tanalizza wkoll
l-istrateġiji eżistenti dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità u t-titjib
tal-kwalità, kif ukoll tipproponi mudell għal kollaborazzjoni sostenibbli
fil-livell tal-UE dwar is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura. Is-27
Stat Membru kollha u n-Norveġja huma involuti fl-azzjoni konġunta, li
hija kkoordinata mill-Haute Autorité de Santé, ta’ Franza. Wieħed u
għoxrin pajjiż jikkontribwixxu finanzjarjament
għall-proġett. Tnejn u għoxrin mill-pajjiżi li
rrappurtaw żviluppaw kollaborazzjoni ma’ Stati Membri oħra tal-UE
dwar dispożizzjonijiet differenti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill,
ħafna drabi bħala parti minn proġetti kofinanzjati mill-UE jew
minn organizzazzjonijiet internazzjonali. L-oqsma prinċipali ta’
kollaborazzjoni huma: l-iżvilupp ta’ strateġiji u programmi dwar is-sikurezza
tal-pazjent (20 pajjiż), l-iżvilupp ta’ sistemi mhux punittivi ta’
rappurtar u ta’ tagħlim (15-il Stat Membru), u l-iżvilupp u
r-reviżjoni ta’ standards dwar is-sikurezza tal-pazjent (15-il Stat
Membru). L-oqsma l-inqas koperti (minn disa’ Stati Membri biss) huma: it-tixrid
ta’ informazzjoni lill-pazjenti dwar is-sikurezza tal-pazjent u l-iżvilupp
ta’ kompetenzi bażiċi għall-pazjenti dwar is-sikurezza
tal-pazjent. Fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru
għar-Riċerka, l-UE kkofinanzjat sitt programmi ta’ riċerka dwar is-sikurezza
ġenerali tal-pazjent, għal ammont totali ta’ EUR 16-il miljun. 3.2. Infezzjonijiet
assoċjati mal-kura tas-saħħa Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI huma
marbutin mill-qrib mar-reżistenza antimikrobika, li hija prijorità
ewlenija oħra għall-Kummissjoni. Il-‘Pjan ta’ Azzjoni kontra
t-theddid li qed jiżdied ta’ reżistenza antimikrobika’[6] tal-Kummissjoni fih 12-il
azzjoni li jridu jiġu implimentati mal-Istati Membri tal-UE, fosthom
azzjoni sabiex ‘jissaħħu l-prevenzjoni u l-kontroll
tal-infezzjonijiet fl-ambitu tal-kura tas-saħħa’. Bħala segwitu
għall-pjan ta’ azzjoni, il-prijoritajiet għall-finanzjament ta’
proġetti mal-Ewropa kollha se jiġu identifikati fuq il-bażi
tas-sejbiet ta’ dan ir-Rapport. Bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni li
l-Istati Membri jużaw definizzjonijiet tal-każ maqbula fil-livell
tal-UE[7],
definizzjoni ġenerali tal-każ għal tip ta’ HAI (infezzjoni
nożokomjali jew infezzjoni li tittieħed mill-isptar) hija
inkluża f’abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni
tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni 2002/253/KE[8] li tistabbilixxi
d-definizzjonijiet tal-każ għar-rappurtaġġ ta’ mard li
jinxtered fin-netwerk tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.
Din id-definizzjoni tal-każ ġiet żviluppata skont l-opinjoni ta’
kumitat imwaqqaf sabiex jimplimenta d-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE. Il-Kummissjoni diġà kienet qiegħda
tindirizza l-HAI billi tiffinanzja diversi proġetti għall-Ewropa
kollha taħt il-Programmi tas-Saħħa għas-snin 2003-2007 u
2008-2013: IPSE[9]
(Improving Patient Safety in Europe), BURDEN[10]
(Burden of Resistance and Disease in European Nations), u IMPLEMENT[11] (Implementing Strategic
Bundles for Infection Prevention & Management). Fi ħdan is-Sitt u s-Seba’ Programmi
Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2002-2006 u
2007-2013), il-Kummissjoni tiffinanzja diversi proġetti ta’ riċerka
fil-qasam tal-HAI u r-reżistenza antimikrobika[12]. Pereżempju,
il-proġett MOSAR ipprova jifhem aħjar id-dinamiċi
tat-trasmissjoni ta’ patoġeni reżistenti u jistudja l-effikaċja
tal-interventi sabiex jitnaqqsu l-HAI. Eżempju ieħor huwa l-proġett
kontinwu R-GNOSIS, li jinkludi ħames studji kliniċi sabiex jiġu
identifikati miżuri kliniċi msejsa fuq evidenza u gwida klinika
sabiex jiġu miġġielda t-tixrid u l-impatt ta’ infezzjonijiet
ikkawżati minn batterji Gram-negattivi reżistenti għal ħafna
mediċini. Fl-aħħar nett, il-proġett kontinwu PROHIBIT[13] janalizza l-linji gwida u
l-prattiċi eżistenti għall-prevenzjoni tal-HAI fl-isptarijiet
Ewropej, jidentifika l-fatturi li jippermettu jew inaqqsu l-konformità
mal-aħjar prattiċi, u jittestja l-effettività ta’ interventi b’effikaċja
magħrufa. Iċ-Ċentru Ewropew
għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jikkoordina s-sorveljanza
Ewropea tal-infezzjonijiet fis-siti kirurġiċi, l-HAI fit-taqsimiet
tal-kura intensiva[14],
u r-reżistenza antimikrobika[15].
Barra minn hekk, ġie żviluppat protokoll u toolkit għall-istudji
ta’ prevalenza tal-HAI f’punti nazzjonali u l-użu tal-antimikrobiċi
fi sptarijiet ta’ kura akuta minn esperti mill-Istati Membri u l-ECDC
fl-2009-2010 u ġie implimentat fl-Istati Membri fl-2011-2012. Barra minn
hekk, l-ECDC qiegħed jappoġġja netwerk Ewropew
għas-sorveljanza tal-HAI u l-użu tal-antimikrobiċi
fil-faċilitajiet tal-kura fit-tul (HALT-2) u proġett sabiex
jappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità għas-sorveljanza
tal-infezzjonijiet tal-Clostridium difficile (ECDIS-Net). Fl-2010,
l-ECDC wettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ dwar
il-kontroll tal-infezzjonijiet fl-Istati Membri u aġġorna
l-kompetenzi bażiċi tal-IPSE9
għat-taħriġ dwar il-kontroll tal-infezzjonijiet fl-UE (TRICE).
L-ECDC żviluppa gwida bbażata fuq l-evidenza għall-prevenzjoni u
l-kontroll tal-infezzjonijiet tal-Clostridium difficile u
ħareġ rakkomandazzjonijiet sabiex jipprevjeni l-firxa ta’
Enterobacteriaceae li jipproduċu l-carbapenemase[16]. Fl-aħħar nett,
l-ECDC qiegħed jisponsorja wkoll l-iżvilupp ta’ gwida u indikaturi
għall-prevenzjoni tal-HAI. 4. Kuntest soċjo-ekonomiku Il-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslet
għal restrizzjonijiet finanzjarji fil-biċċa l-kbira tal-Istati
Membri tal-Unjoni Ewropea. Bħala parti mir-risposta għal dawn
ir-restrizzjonijiet fiskali, xi pajjiżi bdew jimplimentaw riformi
estensivi tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom mill-bidu
tal-kriżi. L-Istati Membri introduċew miżuri
sabiex inaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-effiċjenza u l-produttività,
bħal: tnaqqis fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa; l-introduzzjoni
ta’ limiti massimi għaż-żieda fil-baġit fuq il-kura
tas-saħħa; tnaqqis fl-ispejjeż operattivi tas-servizzi
tas-saħħa; tnaqqis fit-tariffi mħallsa lill-fornituri
għas-servizzi tagħhom; tnaqqis fl-ispejjeż fuq
il-farmaċewtiċi; u restrizzjonijiet fuq il-professjonisti tal-kura
tas-saħħa fil-politiki dwar l-impjiegi u r-riformi tal-irtirar
(bħat-tkeċċija ta’ persunal jew in-nuqqas ta’ sostituzzjoni
tal-persunal li jirtira, l-implimentazzjoni ta’ politiki restrittivi dwar
ir-reklutaġġ u s-sostituzzjoni tal-persunal, u tnaqqis fil-pagi
fis-settur pubbliku)[17]. F’kuntest bħal dan, ħafna
mill-Istati Membri jirrappurtaw li l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni fir-rigward tas-sikurezza
ġenerali tal-pazjent naqqset fir-ritmu tagħha minħabba
r-restrizzjonijiet finanzjarji li rriżultaw mill-kriżi. Xi Stati
Membri bl-agħar rekord ta’ implimentazzjoni huma fost dawk li l-iżjed
li ntlaqtu severament mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u finanzjarju.
Madankollu, ikun prematur li wieħed jikkonkludi li hemm relazzjoni
kawżali pożittiva diretta bejn is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Istati
Membri u l-implimentazzjoni tal-miżuri dwar is-sikurezza tal-pazjent,
billi hemm eżempji ta’ Stati Membri li ntlaqtu severament mill-kriżi
ekonomika iżda xorta waħda investew b’mod konsiderevoli fis-sikurezza
tal-pazjent. It-tnaqqis fir-riżorsi m’għandux
ipoġġi f’riskju s-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura, mhux
biss minħabba l-pazjent iżda wkoll minħabba li l-evidenza turi
li l-ħsara assoċjata mal-kura tas-saħħa għandha
spejjeż addizzjonali[18].
Valutazzjoni internazzjonali tal-letteratura tistma li bejn 13 u 16 %
tal-ispejjeż tal-isptarijiet waħedhom (euro minn kull sebgħa)
huma minħabba korrimenti relatati mal-kura tas-saħħa u mard.
Minbarra dan l-ammont, sabiex wieħed ikollu l-istampa sħiħa,
iridu jiġu kkunsidrati l-ispejjeż sabiex jiġu ttrattati
l-konsegwenzi ta’ dawn l-avvenimenti — li mhumiex direttament parti
mill-ispejjeż tal-isptarijiet. Barra minn hekk, studji riċenti
tal-kost-effettività dwar interventi relatati mas-sikurezza tal-pazjent juru li
azzjonijiet speċifiċi dwar is-sikurezza tal-pazjent huma
kost-effettivi[19].
Sabiex jitfasslu miżuri ta’ politika effettivi, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż
ta’ kura mhux sigura u sabiex jiġu żviluppati programmi
kost-effettivi dwar is-sikurezza tal-pazjent, hija meħtieġa
iżjed riċerka kif ukoll evidenza speċifika għas-sitwazzjoni
tal-Istati Membri tal-UE. Fuq kollox, hija meħtieġa iżjed
ħidma sabiex jiġu identifikati aħjar u mfassla soluzzjonijiet li
jintegraw ruħhom fl-oqfsa istituzzjonali u organizzattivi eżistenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri
jissottolinjaw iż-żmien mhux biżżejjed bejn l-adozzjoni
tar-Rakkomandazzjoni u r-rappurtar. Xi wħud jagħmlu referenza
għal kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni interna bejn il-ministeri
tas-saħħa u tal-edukazzjoni u għan-nuqqas possibbli ta’
prijorità politika fil-livell nazzjonali. 5. Konklużjonijiet Ħafna mill-Istati Membri implimentaw
varjetà ta’ azzjonijiet kif previst mir-Rakkomandazzjoni. Dwar is-sikurezza
ġenerali tal-pazjent, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri
integraw is-sikurezza tal-pazjent bħala prijorità fil-politiki dwar
is-saħħa pubblika u ħatru awtorità kompetenti responsabbli
għas-sikurezza tal-pazjent. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira
tal-pajjiżi inkoraġġew it-taħriġ dwar is-sikurezza
tal-pazjent fl-ambitu tal-kura tas-saħħa, għalkemm ftit biss
integraw formalment is-sikurezza tal-pazjent fil-programmi ta’ edukazzjoni u
taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa.
Is-sistemi eżistenti ta’ rappurtar u tagħlim tjiebu b’mod
konsiderevoli f’żewġ aspetti prinċipali: il-karattru mhux
punittiv tagħhom u li joffru l-possibbiltà lill-pazjenti li jirrappurtaw.
Madankollu, għad hemm lok ta’ titjib f’dan il-qasam kruċjali.
L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet dwar l-għoti
tas-setgħa lill-pazjenti. Barra minn hekk, l-isforzi jiffukaw fuq il-kura
tas-saħħa fl-isptarijiet, bi ftit eżempji biss ta’ azzjonijiet
li jindirizzaw il-kura primarja. Dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI, 26
mit-28 pajjiż li rrispondew implimentaw taħlita ta’ azzjonijiet
sabiex jipprevjenu u jikkontrollaw il-HAI, fil-biċċa l-kbira
tal-każijiet (77 %) bħala parti minn strateġija u/jew pjan
ta’ azzjoni nazzjonali/reġjonali. Tlettax-il Stat Membru jirrappurtaw li
r-Rakkomandazzjoni wasslet sabiex jinbdew inizjattivi dwar il-HAI, b’mod
partikolari l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu intersettorjali jew sistema
ekwivalenti, il-preparazzjoni/reviżjoni ta’ strateġiji, u kampanji
ta’ informazzjoni li jindirizzaw il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa. Madankollu, għad hemm diversi oqsma
tar-Rakkomandazzjoni fejn hemm lok konsiderevoli ta’ titjib. Fuq il-bażi
tas-sejbiet ta’ dan ir-Rapport, l-oqsma ta’ prijorità li fuqhom għandha
tiffoka l-ħidma futura jinkludu: (a)
Fil-qasam tas-sikurezza ġenerali tal-pazjent: Fil-livell tal-Istati Membri: ·
Jinvolvu attivament lill-pazjenti fis-sikurezza
tal-pazjent, b’mod partikolari billi jipprovdu
informazzjoni lill-pazjenti dwar il-miżuri tas-sikurezza,
il-proċeduri ta’ lment u d-drittijiet tal-pazjenti għal rimedju,
jaħdmu fuq fehim u żvilupp komuni ta’ kompetenzi bażiċi
għall-pazjenti, u jinkoraġġixxu lill-pazjenti u lill-familji
tagħhom sabiex jirrappurtaw avvenimenti avversi. ·
Jiġbru informazzjoni dwar avvenimenti avversi
billi jiżviluppaw aktar is-sistemi ta’ rappurtar u ta’ tagħlim,
jassiguraw kuntest mhux punittiv għar-rappurtar dwar l-avvenimenti
avversi u jevalwaw il-progress fir-rappurtar, jiġifieri r-rata
ta’ rappurtar mill-professjonisti tas-saħħa, ħaddiema oħra
fil-kura tas-saħħa u l-pazjenti. Is-sistemi ta’ rappurtar
għandhom jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni
l-ġdida dwar il-farmakoviġilanza (id-Direttiva 2010/84/UE)
għar-reazzjonijiet avversi tal-mediċina. ·
Jestendu l-istrateġiji u l-programmi dwar is-sikurezza
tal-pazjent mill-kura fl-isptar anki għall-kura mhux fl-isptar. ·
Fil-livell tal-UE: ·
Tikkollabora sabiex tipproponi linji gwida
dwar kif għandhom jinbnew u jiġu introdotti standards dwar is-sikurezza
tal-pazjent li jmorru lil hinn mir-Rakkomandazzjoni. ·
Tagħmel progress fuq terminoloġija
komuni dwar is-sikurezza tal-pazjent. ·
Tfittex skambju tal-aħjar prattika, b’mod
partikolari fl-oqsma identifikati mill-Istati Membri bħala li jbatu minn
kompetenza domestika insuffiċjenti jew diffikultajiet sabiex
jaċċessaw kompetenza esperta internazzjonali jew tal-UE, eż.
l-integrazzjoni sistematika tas-sikurezza tal-pazjent fl-edukazzjoni u
t-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa fil-livelli
kollha. ·
Tiżviluppa r-riċerka fil-qasam tas-sikurezza
tal-pazjent, fosthom studji dwar il-kost-effettività tal-istrateġiji
dwar is-sikurezza tal-pazjent. (b)
Fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kontroll
tal-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa: ·
Fil-livell tal-Istati Membri: ·
Jassiguraw numri adegwati ta’ persunal
speċjalizzat fil-kontroll tal-infezzjonijiet b’ħin riservat
għal dan il-kompitu fl-isptarijiet u istituzzjonijiet oħra tal-kura
tas-saħħa. ·
Itejbu t-taħriġ tal-persunal
speċjalizzat fil-kontroll tal-infezzjonijiet u jallinjaw aħjar
il-kwalifiki bejn l-Istati Membri. ·
Isaħħu l-istrutturi u l-prattiċi
bażiċi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fid-djar
tal-kura u faċilitajiet oħra ta’ kura fit-tul. ·
Jirrepetu l-istħarriġ ta’ prevalenza
f’punti nazzjonali tal-HAI bħala mezz sabiex
jiġi mmonitorjat il-piż tal-HAI f’kull tip ta’ istituzzjoni tal-kura
tas-saħħa, sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet u l-miri
għal intervent, sabiex jiġi evalwat l-impatt tal-interventi u sabiex
titqajjem kuxjenza. ·
Jassiguraw li jkun hemm fis-seħħ sorveljanza
tal-infezzjonijiet fit-taqsimiet tal-kura intensiva u tal-infezzjonijiet
fis-siti kirurġiċi. ·
Jimplimentaw sistemi ta’ sorveljanza
għas-sejbien u r-rappurtar f’waqtu ta’ organiżmi assoċjati
mal-kura tas-saħħa li jkunu ta’ allarm u jsaħħu
l-kapaċità ta’ risposta għat-tixrid (inkluż bejn il-fruntieri)
ta’ dawn l-organiżmi u jipprevjenu l-introduzzjoni tagħhom fl-ambiti
tal-kura tas-saħħa. ·
Itejbu l-informazzjoni dwar il-HAI
għall-pazjenti u jsaħħu l-involviment tagħhom
fl-osservanza tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet. ·
Jiżviluppaw sistema ta’ evalwazzjoni
b’sett ta’ indikaturi fl-Istati Membri sabiex jivvalutaw l-implimentazzjoni
tal-istrateġija/pjan ta’ azzjoni u s-suċċess tagħha
sabiex jittejbu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-HAI. ·
Fil-livell tal-UE: ·
Tkompli l-iżvilupp ta’ gwida dwar
il-prevenzjoni u l-kontroll tal-HCA, fosthom gwida magħmula apposta
għad-djar tal-kura u faċilitajiet oħra ta’ kura fit-tul. ·
Tiżviluppa r-riċerka fil-qasam
tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-HCA, inklużi studji dwar il-kost-effettività
tal-miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Kummissjoni
sabiex ‘tikkunsidra l-limitu safejn il-miżuri proposti qed jaħdmu
b’mod effettiv’. Madankollu, billi f’bosta Stati Membri u fil-livell tal-UE
l-azzjonijiet ġew implimentati biss dan l-aħħar jew f’xi
każijiet għadhom qed jiġu implimentati, għandu mnejn ikun
rakkomandabbli li tali valutazzjoni terġa’ titwettaq fi żmien
sentejn, u r-rapport preżenti jittieħed bħala referenza
komparattiva. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qiegħda
tipproponi li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni fir-rigward tas-sikurezza
ġenerali tal-pazjent jiġi estiż għal sentejn oħra.
F’Ġunju 2014, il-Kummissjoni se tipprepara t-tieni rapport dwar il-progress
billi tikkunsidra r-riżultati ta’ nofs it-terminu tal-azzjoni
konġunta dwar is-sikurezza tal-pazjent u l-kwalità tal-kura. [1] ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45. [2] In-Norveġja pparteċipat attivament
f’attivitajiet dwar is-sikurezza tal-pazjent fil-livell tal-UE u hija
inkluża fl-analiżi ta’ dan ir-Rapport. [3] Tweġibiet simili mir-reġjuni ta’ Stat Membru
li rrispondew biss fil-livell reġjonali tqiesu bħala tweġiba
tal-pajjiż. [4] Il-ħatra tal-awtorità kompetenti responsabbli
għas-sikurezza tal-pazjent; l-integrazzjoni tas-sikurezza tal-pazjent
bħala kwistjoni ta’ prijorità fil-politiki dwar is-saħħa;
l-iżvilupp ta’ sistemi, proċessi u għodod aktar siguri u
faċli biex jintużaw; ir-reviżjoni u l-aġġornament regolari
tal-istandards tas-sikurezza u/jew l-aħjar prattika;
l-inkoraġġiment tal-organizzazzjonijiet tal-professjonisti
tas-saħħa sabiex ikollhom rwol attiv fis-sikurezza tal-pazjent;
il-promozzjoni ta’ prattiċi siguri sabiex jiġu evitati l-aktar
avvenimenti avversi komuni; l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti
fl-iżvilupp ta’ politiki dwar is-sikurezza tal-pazjent; l-għoti ta’
informazzjoni lill-pazjenti dwar l-istandards tas-sikurezza tal-pazjent,
ir-riskju, il-miżuri tas-sikurezza, il-proċeduri fil-każ ta’
lment u r-rimedju disponibbli; l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ rappurtar u
tagħlim; l-inkoraġġiment ta’ edukazzjoni u taħriġ dwar
is-sikurezza tal-pazjent lill-persunal kollu fl-ambitu tal-kura
tas-saħħa; l-integrazzjoni tas-sikurezza tal-pazjent fl-edukazzjoni
jew it-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa; l-iżvilupp
tal-kompetenzi, l-għarfien, l-attitudnijiet u l-ħiliet
bażiċi għall-persunal kollu fil-kura tas-saħħa. [5] http://ec.europa.eu/health/archive/ph_systems/docs/patient_ia_en.pdf. [6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill. Pjan ta’ Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta’
reżistenza antimikrobika (COM(2011) 748 finali). Disponibbli minn: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0748:FIN:EN:PDF
[7] ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1–7 skont
id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta’
netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika u kontroll ta’ mard li
jinxtered fil-Komunità [8] ĠU L 86, 3.4.2002, p. 44–62. [9] http://ipse.univ-lyon1.fr/. [10] http://www.eu-burden.info. [11] http://www.eu-implement.info/. [12] http://ec.europa.eu/research/health/infectious-diseases/antimicrobial-drug-resistance/projects_en.html. [13] https://plone2.unige.ch/prohibit. [14] http://www.ecdc.europa.eu/en/activities/surveillance/hai/Pages/default.aspx. [15] http://www.ecdc.europa.eu/en/activities/surveillance/EARS-Net/Pages/index.aspx. [16] http://ecdc.europa.eu/en/publications/Publications/110913_Risk_assessment_resistant_CPE.pdf. [17] Rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew: http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/country-specific-recommendations/index_en.htm;
HOPE: http://www.hope.be/05eventsandpublications/docpublications/86_crisis/86_HOPE-The_Crisis_Hospitals_Healthcare_April_2011.pdf. [18] L-Istitut
Kanadiż għas-Sikurezza tal-Pazjenti, http://www.patientsafetyinstitute.ca/English/research/commissionedResearch/EconomicsofPatientSafety/Documents/Economics%20of%20Patient%20Safety%20Literature%20Review.pdf).
Studji oħra jissuġġerixxu li r-rati internazzjonali ta'
ħsara li tista' tiġi evitata huma ta' madwar 10 % (NES; http://www.nes.scot.nhs.uk/media/6470/Overview%20of%20patient%20safety_KHowe2009.pdf). [19] Møller A.H. (2010). A cost-effectiveness analysis of
reducing ventilator-associated pneumonia at a Danish ICU with ventilator
bundle. Journal of Medical Economics Vol. 15, Nru 2, 2012, 1–8.