Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0571

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar ir-riskju komprensiv u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza (“testijiet ta’ reżistenza”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u attivitajiet relatati

    /* COM/2012/0571 final */

    52012DC0571

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar ir-riskju komprensiv u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza (“testijiet ta’ reżistenza”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u attivitajiet relatati /* COM/2012/0571 final */


    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-riskju komprensiv u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza (“testijiet ta’ reżistenza”) tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea u attivitajiet relatati

    1.           Introduzzjoni

    Fil-preżent hemm 132 reattur nukleari joperaw fl-UE, iggruppati fuq 58 sit. Ir-rekord tas-sikurezza tagħhom huwa tali li għalkemm fil-passat kien hemm inċidenti u għadu jkun hemm, madankollu qatt ma kien hemm inċidenti maġġuri. Filwaqt li r-rekord kumplessiv tas-sikurezza għalhekk huwa tajjeb, il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-industrija nukleari Ewropea tiddependi fuq it-titjib kontinwu tal-qafas tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari tal-UE, sabiex ikun żgurat li dan jibqa’ l-iktar effettiv fid-dinja, abbażi tal-ogħla standards tas-sikurezza.

    L-isfidi li jaffaċċaw is-sikurezza nukleari u l-governanza tagħha ħarġu aktar fil-beraħ wara l-aċċident tar-reatturi ta’ Fukushima fil-Ġappun wara t-terremot u t-tsunami ta’ Marzu 2011. Dan l-avveniment wera li r-reatturi nukleari jridu jkunu protetti anke minn aċċidenti li jkunu ġew ivvalutati bħala improbabbli ħafna. L-avvenimenti f’Fukushima żvelaw kwistjonijiet magħrufa sew u rikorrenti: disinn difettuż, sistemi ta’ backup insuffiċjenti, żball uman, pjanijiet ta’ kontinġenza inadegwati, u komunikazzjonijiet dgħajfa. L-UE trid titgħallem mill-esperjenza ta’ Fukushima biex tkompli tnaqqas ir-riskju tal-inċidenti nukleari fl-Ewropa.

    L-aċċident ta' Fukushima rriżulta fi sforzi mingħajr preċedent biex tiġi rieżaminata s-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-inizjattivi ttieħdu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

    Fl-UE, il-Kunsill Ewropew, f’Marzu tal-2011[1] ikkonkluda li “s-sikurezza tal-impjanti nukleari kollha tal-UE għandha tiġi rieżaminata, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji u s-sikurezza komprensiva u trasparenti (“testijiet ta’ reżistenza”); il-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) u l-Kummissjoni qed jiġu mistiedna jiżviluppaw kemm jista' jkun malajr l-ambitu u l-modalitajiet ta' dawn it-testijiet f'qafas koordinat fid-dawl tal-esperjenza mill-aċċident fil-Ġappun u bl-involviment sħiħ tal-Istati Membri, permezz ta’ użu sħiħ tal-għarfien espert (notevolment mill-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent); il-valutazzjonijiet se jsiru minn awtoritajiet nazzjonali indipendenti u permezz ta’ evalwazzjoni bejn il-pari; l-eżitu tagħhom u kwalunkwe miżura sussegwenti neċessarja li se tittieħed għandhom jiġu kondiviżi mal-Kummissjoni u fi ħdan l-ENSREG u għandhom isiru disponibbli pubblikament.” Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tistieden lill-pajjiżi ġirien tal-UE biex jipparteċipaw fil-proċess tat-testijiet ta’ reżistenza, biex “iwettqu rieżami tal-qafas legali u regolatorju eżistenti għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari" u biex "sal-aħħar tal-2011 jipproponu kwalunkwe titjib li jista' jkun neċessarju".

    Permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-operaturi tal-impjanti, ir-regolaturi nukleari u l-Kummissjoni t-testijiet ta’ reżistenza setgħu jitwettqu fl-2011 u l-2012. Il-Kummissjoni issa tista’ tirreaġixxi għall-mandat tal-Kunsill Ewropew b’dan ir-rapport li jidentifika l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq it-testijiet ta’ reżistenza u l-attivitajiet relatati. Tikkunsidra wkoll id-dimensjoni internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari u tispjega kif il-qafas tas-sikurezza nukleari fl-UE jista’ jittejjeb, billi tagħti importanza lin-natura dinamika tas-sikurezza nukleari: it-titjib tas-sikurezza nukleari mhux eżerċizzju ta’ darba, irid jiġi rieżaminat u aġġornat kontinwament. Fuq kollox, tlaqqa’ l-fergħat kollha tal-eżerċizzju ta’ rieżami bil-ħsieb li tiżviluppa proposti leġiżlattivi, nonleġiżlattivi u ta’ proġetti. Dawn il-miżuri kollha jfittxu li jtejbu s-sikurezza tal-impjanti u l-governanza relatata fil-livelli tal-UE u nazzjonali, u li jippromwovu l-valuri tal-UE għas-sikurezza u s-sigurtà nukleari fil-kuntest internazzjonali.

    Id-dettalji dwar is-sejbiet tekniċi u l-metodoloġija tat-testijiet ta’ reżistenza jinsabu ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha.

    2.           Il-proċess, is-sejbiet ewlenin u s-segwitu immedjat għall-valutazzjonijiet tar-riskji u s-sikurezza

    2.1.        Rieżami mingħajr preċedent tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari

    B'rispons għall-aċċident ta’ Fukushima u l-mandat sussegwenti mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni, twettqu ħafna attivitajiet f’livelli differenti b’mod parallel. Dawn jinsabu ppreżentati fil-qosor hawn taħt.

    Filwaqt li l-ENSREG u l-Kummissjoni żviluppaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-modalitajiet tat-testijiet, il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-impjanti nukleari taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi nukleari u r-regolaturi nazzjonali li pparteċipaw fit-testijiet ta’ reżistenza fuq bażi volontarja. Il-Kummissjoni ma tistax tiggarantixxi s-sikurezza u s-sigurtà nukleari tal-installazzjonijiet nukleari, peress li r-responsabbiltà legali tibqa’ fil-livell nazzjonali. Il-konklużjonijiet kollha f’din il-Komunikazzjoni jeħtieġ li jinqraw f’dan l-isfond.

    Il-valutazzjonijiet tas-sikurezza mmexxija minn ENSREG

    It-testijiet ta’ reżistenza ġew definiti bħala rivalutazzjoni mmirata tal-marġnijiet tas-sikurezza tan-NPPs fid-dawl tat-tagħlimiet mill-avvenimenti f'Fukushima marbuta ma’ avvenimenti naturali estremi li jisfidaw il-funzjonijiet tas-sikurezza tal-impjanti. It-testijiet ġew organizzati billi ġiet ikkunsidrata kif xieraq id-distribuzzjoni tal-kompetenzi fost il-partijiet interessati varji fil-qasam tas-sikurezza nukleari[2]. L-erbatax-il Stat Membru kollha tal-UE li joperaw impjanti tal-enerġija nukleari[3] flimkien mal-Litwanja[4] ipparteċipaw f’dawn il-valutazzjonijiet fuq bażi volontarja. Il-132 reattur nukleari[5] li joperaw fl-UE huma bbażati fuq teknoloġiji u tipi differenti, iżda fil-maġġoranza huma Reatturi tal-Ilma taħt Pressjoni (PWR), Reatturi tal-Ilma Jagħli (BWR) jew reatturi mkessħa bil-gass. It-testijiet ta’ reżistenza inbdew b’awtovalutazzjonijiet li twettqu minn operaturi nukleari u t-tħejjija ta’ rapporti nazzjonali minn regolaturi nazzjonali f’konformità mar-responsabbiltajiet tan-NPPs. It-timijiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari li fil-biċċa l-kbira kienu magħmula minn esperti mill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, żaru 23 sit, fejn ikkunsidraw it-tip ta' reattur kif ukoll il-lok ġeografiku. Iż-żjarat tat-timijiet f’siti magħżula f’kull pajjiż ġew organizzati sabiex isaħħu l-implimentazzjoni tat-testijiet ta’ reżistenza, mingħajr ma jinterferixxu fir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-ispezzjonijiet tas-sikurezza nukleari, li organizzaw spezzjonijiet ta’ kull impjant tal-enerġija nukleari (NPP) li jopera fl-UE wara l-aċċident ta’ Fukushima. L-informazzjoni dwar kull NPP tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha kif ukoll ir-referenzi tiegħu għal informazzjoni magħmula disponibbli mill-operaturi tal-impjanti, ir-regolaturi nazzjonali jew l-ENSREG globalment.

    Wara l-preżentazzjoni tar-Rapport Interim tal-Kummissjoni[6], twettaq proċess estensiv ta’ evalwazzjoni bejn il-pari madwar l-UE kollha minn Jannar sa April 2012. Dan ipproduċa rapport ġenerali mill-Bord ta' Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-ENSREG, approvat mill-ENSREG, u sbatax-il rapport individwali nazzjonali[7] b’rakkomandazzjonijiet dettaljati. F’Lulju, l-ENSREG qabel dwar Pjan ta’ Azzjoni bħala segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Huwa abbażi ta’ dan li s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet deskritti f’din il-Komunikazzjoni huma fformulati.

    Ħidma fuq is-sigurtà nukleari mill-Kunsill (Grupp Ad Hoc dwar is-Sigurtà Nukleari, AHGNS)

    Ġie stabbilit grupp ġdid ad hoc fil-Kunsill biex jindirizza kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà tal-impjanti tal-enerġija nukleari. Il-grupp iltaqa’ regolarment minn Settembru 2011, u tmexxa mill-Presidenza Pollakka u l-Presidenza Daniża. Kien magħmul minn esperti tas-sigurtà mill-Istati Membri u l-Kummissjoni kienet assoċjata mill-qrib. Bil-kuntrarju tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza tal-ENSREG, l-AHGNS ma ħarisx lejn l-installazzjonijiet individwali iżda vvaluta l-istat tas-sigurtà nukleari fl-UE kollha kemm hi, billi ħares lejn il-metodoloġija għall-evalwazzjoni u l-protezzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari inkluż il-miżuri ta' prevenzjoni.

    L-AHGNS ħeġġeġ l-iskambju tal-prattiki eżistenti u identifika titjib metodoloġiku possibbli, billi prinċipalment uża prattiki tajbin fil-gwida eżistenti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Ikkonkluda xogħlu f’Mejju 2012.

    Involviment tal-pajjiżi ġirien tal-EU fil-proċess

    L-Isvizzera, l-Ukraina u l-Kroazja pparteċipaw b’mod sħiħ fit-testijiet ta’ reżistenza tal-UE u fil-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, filwaqt li pajjiżi ġirien oħrajn (eż. it-Turkija[8], il-Bjelorussja u l-Armenja[9]) li qablu li jaħdmu abbażi tal-istess metodoloġija, qed jaħdmu fuq skedi taż-żmien differenti. Il-Federazzjoni Russa wkoll wettqet valutazzjonijiet mill-ġdid u identifikat miżuri ta’ titjib fl-NPPs tagħha, billi użat il-metodoloġija tagħha stess. L-Isvizzera hija kompletament impenjata li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tat-testjijet tal-istress, filwaqt li l-Ukraina inkludiet is-sejbiet tat-testijiet ta’ reżistenza fil-programm ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari tagħha. Il-Kummissjoni tapprezza dawn l-isforzi biex jikkonverġu għall-approċċ tal-UE f’dan il-qasam.

    Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-qafas istituzzjonali u legali

    Lil hinn mir-rieżami tas-sikurezza tal-impjanti, il-Kummissjoni vvalutat l-arkitettura istituzzjonali u l-qafas legali għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa, billi kkunsidrat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-IAEA[10] u l-eżitu tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-Konvenzjoni tas-Sikurezza Nukleari. Identifikat lakuni u l-aqwa prattiki li jistgħu jiġu indirizzati jew inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-UE abbażi tal-bilanċ eżistenti tal-kompetenzi, fl-estensjoni tal-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri jew fl-implimentazzjoni tal-programmi eżistenti tal-UE.

    Effetti ta’ kraxxjaturi tal-inġenji tal-ajru

    Fi ħdan dan l-eżerċizzju ta’ rieżami ġew ikkunsidrati avvenimenti li jistgħu jaffettwaw kemm is-sikurezza kif ukoll is-sigurtà tal-impjanti tal-enerġija nukleari, bħal meta jikkraxxja inġenju tal-ajru. L-effetti ta’ kraxxjatura ta’ inġenju tal-ajru fuq is-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari huma koperti fl-ispeċifikazzjoni tat-testijiet ta’ reżistenza tal-ENSREG. Fir-rigward tas-sigurtà, ir-rapport AHGNS jidentifika prattiki tajbin li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fil-prevenzjoni ta’ inġenji tal-ajru kkraxxjati apposta biex jagħmlu l-ħsara.

    Fil-25 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni organizzat seminar "Is-Sikurezza tal-Impjanti tal-Enerġija Nukleari kontra l-Impatti tal-Inġenji tal-Ajru” li kien immirat lejn l-ammeljorament tas-sikurezza tal-impjanti u l-esplorazzjoni ta’ metodi alternattivi ta’ protezzjoni. Il-parteċipanti kienu jinkludu awtoritajiet regolatorji tas-sikurezza tal-Istati Membri kif ukoll kontribuzzjonijiet minn esperti Amerikani u Ġappuniżi. L-esperti mistiedna kkunsidraw il-karatteristiki tal-impjanti eżistenti u d-disinji l-ġodda separatament.

    Tħejjija għal emerġenza barra mis-sit

    Matul il-fażi tal-evalwazzjoni bejn il-pari tat-testijiet ta’ reżistenza tas-sikurezza xi NGOs talbu li l-ambitu ta’ dawn it-testijiet ta’ reżistenza jiġi estiż għat-tħejjija għal emerġenza barra mis-sit. Fl-UE, 47 impjant tal-enerġija nukleari b’111-il reattur għandhom aktar minn 100 000 abitant jgħixu f’ċirku ta’ 30 km. Dan juri li l-miżuri ta’ prevenzjoni barra mis-sit huma ta’ importanza primarja. Ir-responsabbiltà għal miżuri bħal dawn hija kondiviża bejn diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-ENSREG, qed tniedi studju mmirat li jipprovdi stampa tal-arranġamenti attwali, billi jiffoka fuq ir-reġjuni transfruntieri fl-UE u li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet skont il-bżonn. Ir-riżultati huma mistennija sal-aħħar tal-2013.

    Kooperazzjoni fil-qafas tal-organizzazzjonijiet internazzjonali

    Il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari kellhom Laqgħa Straordinarja f’Awwissu 2012 biex jirrevedu l-effettività tagħha u l-adattament kontinwu. Il-Kummissjoni ppreparat rapport f’isem il-Komunità Euratom[11] u ngħatat mandat mill-Istati Membri fil-Kunsill biex tinnegozja titjib fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni kif ukoll proposti ta’ emendi li ġew mitluba minn Partijiet Kontraenti oħrajn.

    2.2.        Sejbiet mill-valutazzjonijiet tas-sikurezza u mir-rieżami istituzzjonali u legali

    Is-sejbiet huma deskritti fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet ewlenin għal kull suġġett jingħataw fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin.

    2.2.1.     Sejbiet dwar il-miżuri ta’ sikurezza fl-NPPs eżistenti

    Abbażi tat-testijiet ta’ reżistenza, ir-regolaturi nazzjonali kkonkludew li ma hemmx raġunijiet tekniċi li jirrikjedu l-għeluq ta’ xi NPP fl-Ewropa, kif ukoll identifikaw serje ta’ prattiki tajba. Il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tagħmel valutazzjonijiet ta’ dan it-tip. Madankollu, prattikament in-NPPs kollha jeħtieġ li jtejbu s-sikurezza, għaliex ġew identifikati mijiet ta’ miżuri ta’ ammeljorament tekniku. Wara l-aċċidenti ta’ Three Mile Island u Chernobyl, ġew maqbula globalment miżuri ta’ protezzjoni tal-impjanti nukleari. It-testijiet ta’ reżistenza wrew madankollu li f’ħafna każijiet l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri għadha pendenti.

    L-Anness jaċċenna r-rakkomandazzjonijiet prinċipali identifikati fl-eżerċizzju tat-testijiet ta’ reżistenza. Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal hemm provdut iktar dettall dwar it-titjib meħtieġ u dwar il-prattiki t-tajba għal kull NPP.

    Eżempji ta’ sejbiet sinifikanti:

    F’erbgħa (4) reatturi (li jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti), hemm inqas minn siegħa (1) disponibbli għall-operaturi biex jirrestawraw il-funzjonijiet tas-sikurezza fil-każ ta’ telf totali tal-enerġija elettrika u/jew tal-provvista tal-ilma li tkessaħ is-sistema nukleari (ultimate heat sink).

    F’għaxar (10) reatturi, l-istrumentazzjoni sismika fuq is-sit għadha ma ġietx installata.

    Erbgħa (4) pajjiżi attwalment joperaw sistemi ta’ sikurezza addizzjonali li huma kompletament indipendenti mis-sistemi ta’ sikurezza normali, li jinsabu f’żoni li huma protetti sew kontra l-avvenimenti esterni (eż. sistemi f’bunker jew sistemi ta’ sikurezza ħafna iżjed robusti). Pajjiż ieħor, il-ħames wieħed, qed jikkunsidra din l-għażla.

    It-tagħmir mobbli, speċjalment ġeneraturi li jaħdmu bid-diżil li huma meħtieġa fil-każ ta’ telf totali tal-enerġija, avvenimenti esterni jew sitwazzjonijiet ta’ aċċidenti severi, huma diġà disponibbli f’seba’ (7) pajjiżi, u se jiġu installati f’ħafna mill-oħrajn.

    Is-seminar dwar il-kraxxjaturi tal-inġenji tal-ajru żvela l-eżistenza ta’ differenzi sinifikanti fl-approċċi nazzjonali biex jindirizzaw il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tas-sikurezza fir-rigward tan-NPPs eżistenti u ġodda:

    Ir-rekwiżiti tad-disinn għan-NPPs ġodda jirrikjedu li – wara impatt ta’ inġenju tal-ajru kbir – ma jrid ikun hemm l-ebda rilaxx barra mill-konteniment. Għal raġunijiet storiċi, is-sitwazzjoni hija differenti għan-NPPs eżistenti, u l-metodoloġiji applikati u l-implikazzjonijiet żviluppati mhumiex neċessarjament koerenti u konsistenti madwar l-Istati Membri.

    Il-parteċipanti saħqu fuq il-bżonn li tinżamm separazzjoni ċara fir-rigward tal-kwistjonijiet tas-sigurtà minħabba l-livell differenti ta' responsabbiltà u trasparenza istituzzjonali vis-à-vis il-pubbliku.

    2.2.2.     Sejbiet dwar il-proċeduri u l-oqfsa tas-sikurezza

    It-testjijet tal-istress aċċennaw l-aqwa prattiki kif ukoll in-nuqqasijiet tal-Istati Membri. Dawn jingħataw fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin irriżultaw mit-testjiet tal-istress u minn rapporti oħrajn dwar l-investigazzjonijiet ta’ Fukushima[12]:

    · Hemm nuqqas ta’ konsistenza fir-rigward tal-valutazzjoni u l-ġestjoni ta’ perikli esterni għas-sikurezza tal-impjanti. Pereżempju, il-gwida tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika għat-tagħbiji siżmiċi jew il-linji giwda għal għargħar mhumiex implimentati mill-Istati Membri kollha (l-ewwel rakkomandazzjoni tal-Bord tal-evalwazzjoni bejn il-pari ta' ENSREG, ara 2.3.2).

    · L-ambitu u r-reqqa tal-Valutazzjoni tas-Sikurezza Probabbilistika (PSA) użati biex jikkaratterizzaw is-sikurezza tar-reatturi nukleari jvarjaw b’mod sinifikanti u f’xi Stati Membri hemm ħtieġa urġenti biex jinġiebu f’konformità mal-istandards internazzjonali aċċettati.

    · Il-Linji Gwida dwar il-Ġestjoni ta’ Aċċidenti Severi (SAMGs) li jkopru t-tipi ta’ sitwazzjonijiet kollha jridu jkunu disponibbli għall-NPPs kollha. It-testijiet ta’ reżistenza urew li s-SAMGs jeħtieġ li jiġu aġġornati u implimentati kompletament mill-aktar fis possibbli f'għadd ta' Stati Membri.

    · Huwa meħtieġ titjib fil-kultura tas-sikurezza. Hemm lakuni fl-iżgurar ta’ identifikazzjoni kompresiva u trasparenti u ġestjoni tal-kwistjonijiet tas-sikurezza ewlenin. Lezzjoni kiefra minn Fukushima hija li l-periklu tat-tsunami kien sottovalutat, l-aktar minħabba fatturi umani, sistemiċi u organizzattivi.

    2.2.3.     Sejbiet dwar il-qafas legali għas-sikurezza u l-implimentazzjoni tiegħu

    Ġew identifikati għadd ta’ dgħufijiet fil-qafas tas-sikurezza nukleari eżistenti fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri.

    · Is-sejbiet ewlenin huma marbuta mad-differenzi kontinwi bejn l-Istati Membri li jirriżultaw fin-nuqqas ta’ approċċ konsistenti għar-regolamentazzjoni tas-sikurezza nukleari. Ma jeżistux mekkaniżmi tal-UE kodifikati li jaqblu dwar standards tekniċi u modi kif jitwettqu r-rieżamijiet tas-sikurezza. Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari ma għandhiex dispożizzjonijiet dwar dan.

    · Id-dispożizzjonijiet li jkopru l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-mezzi biex tkun żgurata l-effettività tagħhom huma minimi u mhux neċessarjament suffiċjenti għall-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet fejn ir-responsabbiltà regolatorja hija maqsuma bejn diversi entitajiet jew hija inkluża direttament fil-Ministeri (Ekonomija, Ambjent, eċċ.). Barra minn hekk, il-katalgu eżistenti tal-kompetenzi regolatorji mhux espliċitu b'mod suffiċjenti.

    · It-trasparenza hija essenzjali biex jiġi żgurat li jintużaw l-aqwa prattiki tas-sikurezza possibbli, kif muri mit-testijiet ta’ reżistenza. Madankollu, id-Direttiva tas-Sikurezza Nukleari fiha biss rekwiżiti ġeneriċi dwar l-informazzjoni pubblika.

    · Il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u verifika fil-livell tal-UE huma limitati għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-qafas tas-sikurezza nukleari nazzjonali.

    2.3.        Rakkomondazzjonijiet ewlenin mit-testijiet ta’ reżistenza dwar is-sikurezza

    2.3.1.     Rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri tas-sikurezza fl-NPPs eżistenti

    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jipprovdi deskrizzjoni ġenerali dwar l-għadd ta’ miżuri tas-sikurezza meħtieġa f’impjanti tal-enerġija nukleari individwali.

    Segwitu:

    Il-pajjiżi parteċipanti kollha bdew jieħdu passi operattivi biex itejbu s-sikurezza tal-impjanti tagħhom. Dawn il-miżuri jinkludu tagħmir mobbli addizzjonali għall-prevenzjoni jew it-taffija ta' aċċidenti severi, l-installazzjoni ta' tagħmir fiss iktar robust, u t-titjib tal-ġestjoni ta' aċċidenti severi, flimkien ma' miżuri ta' taħriġ xieraq tal-persunal. L-ispejjeż tat-titjib addizzjonali tas-sikurezza huma stmati li jvarjaw bejn EUR 30 miljun u EUR 200 miljun għal kull unità ta’ reattur. Għalhekk, l-ispejjeż totali għall-132 reattur li joperaw fl-UE jistgħu jkunu bejn EUR 10 biljun u EUR 25 biljun għall-unitajiet kollha tan-NPP fl-UE fis-snin li ġejjin. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq stimi ppubblikati mill-awtorità tas-sikurezza nukleari Franċiża (li tkopri iktar minn terz tar-reatturi tal-UE) u huma suġġetti għal konferma fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali.

    F’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa mill-Kummissjoni u l-ENSREG fil-25 ta’ April 2012[13], l-ENSREG, f’Lulju, qablet dwar Pjan ta’ Azzjoni, li jimmira li jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet mill-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari jiġu implimentati b’mod konsistenti u trasparenti. Din għandha tkun prijorità għall-Istati Membri kollha affettwati. Minħabba l-għadd kbir ta’ titjib rakkomandat, għandhom jiġu żviluppati u applikati metodi u kriterji biex jiġġudikaw l-importanza ta’ miżuri differenti, biex jipprijoritizzaw u jallokaw il-fondi għal dawk l-oqsma li jrendu l-ikbar benefiċċji tas-sikurezza.

    Fl-istess ħin, il-valutazzjoni li twettqet fuq impjanti li qed jinbnew ikkunsidrat li l-probabbiltà li d-disinji tar-reatturi ġodda, jiġu affetwati ħafna minn dawn il-miżuri kollha ta’ ammeljorament tas-sikurezza, hija pjuttost baxxa. Għalhekk, mhumiex probabbli żidiet kbar fl-ispejjeż tal-investiment għal kapaċità ta' ġenerazzjoni nukleari ġdida fl-Ewropa jekk jintgħażlu l-aqwa tekonoloġiji disponibbli.

    Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u verifika hija tal-Istati Membri.

    2.3.2.     Rakkomandazzjonijiet dwar proċeduri u oqfsa

    Fir-rigward tas-sikurezza, il-Bord tal-evalwazzjoni bejn il-pari tal-ENSREG identifika erba’ oqsma prinċipali għal iktar titjib madwar l-Ewropa:

    · Għandha tiġi żviluppata gwida Ewropea dwar il-valutazzjoni tal-perikli naturali, inkluż terremoti, għargħar u kundizzjonijiet estremi tat-temp, u marġnijiet tas-sikurezza, sabiex tiżdied il-konsistenza bejn l-Istati Membri. L-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA), billi tinvolvi l-aqwa għarfien espert disponibbli mill-Ewropa (b’rabta mal-ewwel sejba taħt 2.2.2) tkun f'pożizzjoni tajba biex twettaq dan il-kompitu.

    · Għandu jitwettaq Rieżami Perjodiku tas-Sikurezza (PSR) ta’ kull NPP tal-inqas kull għaxar (10) snin, sabiex tinżamm u tittejjeb is-sikurezza tal-impjanti u biex dawn jibqgħu robusti u ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-perikli naturali li l-impjanti jistgħu jkunu suġġetti għalihom.

    · Għandhom jiġu implimentati miżuri rikonoxxuti biex tiġi protetta l-integrità tal-konteniment bħala l-aħħar barriera għall-protezzjoni tan-nies u l-ambjent kontra r-rilaxxi radjuattivi.

    · Għandu jkun hemm prevenzjoni u/jew taffija ta' aċċidenti li jirriżultaw minn perikli naturali sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom. Il-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu tagħmir f’bunker bħala prevenzjoni u ġestjoni ta’ aċċident sever, tagħmir mobbli protett kontra perikli naturali estremi, ċentri ta’ rispons għal emerġenza protetti kontra perikli naturali estremi u kontaminazzjoni, timijiet ta’ salvataġġ u tagħmir disponibbli malajr biex jappoġġa l-operaturi lokali f’avvenimenti li jdumu żmien twil.

    Segwitu:

    Il-Kummissjoni u r-regolaturi nazzjonali qablu li se jiġu ppreparati u magħmula disponibbli pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bl-iskedi għall-implimentazzjoni sal-aħħar tal-2012. Il-metodoloġija tal-evalwazzjoni bejn il-pari se tiġi applikata lilhom fil-bidu tal-2013 sabiex tivverifika li r-rakkomandazzjonijiet tat-“testijiet ta’ reżistenza” ikunu qed jiġu implimentati b’mod konsistenti b’mod trasparenti madwar l-Ewropa kollha. F’oqsma fejn huma meħtieġa analiżi teknika u gwida addizzjonali r-regolaturi nazzjonali se jikkollaboraw mill-qrib fil-qafas WENRA.

    L-okkorrenza ta’ inċidenti fl-impjanti nukleari, anke fl-Istati Membri li normalment għandhom rekords tas-sikurezza tajbin, tikkonferma l-ħtieġa għal rieżamijiet bir-reqqa tas-sikurezza fuq bażi regolari u għall-valutazzjoni tal-esperjenza operattiva, u taċċenna l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-operaturi, il-bejjiegħa, ir-regolaturi u l-istituzzjonijiet Ewoprej, bħaċ-Ċentru tal-Approvazzjoni Ewoprew tal-Esperjenza fl-Operat li huwa miżmum miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC). Barra minn hekk, l-ENSREG jista’ jkollu rwol prinċipali biex jiżġgura li l-esperjenza u l-konklużjonijiet minn kwalunkwe inċident nukleari jiġu kondiviżi mill-ewwel u applikati b'mod konsistenti fi Stati Membri oħrajn. Pereżempju, ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet riċenti fuq ir-reattur Doel 3 fil-Belġju żvelaw il-ħtieġa li l-istatus tal-impjant jiġi kkontrollat kontinwament b’tekniki tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u li l-informazzjoni tiġi kondiviża kemm jista’ jkun possibbli.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li fir-rieżamijiet futuri tas-sikurezza tagħhom, ir-regolaturi nazzjonali jinkludu analiżi aktar dettaljata fir-rigward tal-effetti ta’ aċċidenti ta’ unitajiet multipli, li jikkunsidraw ukoll kemm qdiemu t-tagħmir u l-materjali, il-protezzjoni tal-pixxini tal-ħżin tal-fjuwil użat u l-possibbiltajiet li jonqos l-ammont ta' fjuwil użat maħżun fil-pixxini sabiex jonqsu r-riskji dovuti għat-telf ta' tkessiħ.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-estensjoni tal-valutazzjoni tas-sikurezza għat-tħejjija għal emerġenza barra mis-sit u l-arranġamenti ta’ rispons, hija attività addizzjonali importanti biex tittejjeb is-sikurezza taċ-ċittadini. Għalhekk, bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed tniedi studju dwar ir-“Rieżami tat-Tħejjija Attwali għal Emerġenza Nukleari Barra mis-Sit u l-Arranġamenti ta’ Rispons fl-Istati Membri tal-UE u l-Pajjiżi Ġirien”. L-għan huwa li jsir rieżami tat-tħejjija għal emerġenza nukleari barra mis-sit u l-kapaċitajiet ta' rispons fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien, biex jiġu identifikati l-inkonsistenzi u l-lakuni, u biex jiġu żviluppati proposti (leġiżlattivi jew nonleġiżlattivi) għal possibbiltà ta’ titjib.

    Fir-rigward tal-implikazzjonijiet tas-sikurezza tal-kraxxjaturi tal-inġenji tal-ajru fuq impjanti tal-enerġija nukleari, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-ENSREG biex jaħdem b’mod urġenti fuq approċċ tas-sikurezza Ewropew sabiex jiżviluppa metodoloġija koerenti u biex jasal għal standards komparattivi ta’ livell għoli madwar l-Unjoni Ewropea.

    2.4.        Sejbiet ewlenin u rakkomandazzjonijiet mill-valutazzjonijiet tas-sigurtà[14]

    Ir-rapport finali tal-Grupp Ad Hoc tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Nukleari[15] jippreżenta konklużjonijiet dwar ħames temi diskussi, jiġifieri l-protezzjoni fiżika, inġenji tal-ajru kkraxxjati apposta, ċiberattaki, l-ippjanar għal emerġenza nukleari, u eżerċizzji u taħriġ. Minħabba l-fatt li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ responsabbiltà tal-Istati Membri u s-sensittività tas-suġġetti u l-kunfidenzjalità ovvjament jimplikaw limitazzjonijiet stretti, ir-rapport fih diversi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri sabiex tissaħħaħ is-sigurtà nukleari fl-UE. Dan jaċċenna b’mod partikolari:

    · il-ħtieġa urġenti għall-Istati Membri li s’issa għadhom ma għamlux dan biex ilestu r-ratifika tal-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjali Nukleari;

    · il-valur miżjud tal-gwida u s-servizzi tal-IAEA, inkluż il-missjonijiet tal-IPPAS[16] fuq bażi regolari fl-Istati Membri kollha li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari;

    · l-importanza ta’ kooperazzjoni regolari u mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien u

    · in-neċessità li jiġu ddefiniti l-modalitajiet u l-fora għall-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-UE fuq is-sigurtà nukleari.

    2.5.        Rakkomandazzjonijiet biex il-ħidmiet bejn il-kwistjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà jintrabtu flimkien

    Huma meħtieġa sforzi sostnuti biex il-ħidmiet fuq is-sikurezza u s-sigurtà nukleari jintrabtu flimkien u jiġu indirizzati l-lakuni possibbli. Pereżempju, la t-testijiet ta’ reżistenza tas-sikurezza u lanqas ir-rapport dwar is-sigurtà nukleari ma jwieġbu l-mistoqsijiet rilevanti kollha dwar kwistjonijiet bħall-kraxxjaturi tal-inġenji tal-ajru jew ir-reżistenza tal-impjanti tal-enerġija nukleari għal avvenimenti esterni. Madankollu, it-testijiet ta’ reżistenza irnexxielhom ikopru sa estent konsiderevoli l-effetti tal-kraxxjaturi tal-inġenji tal-ajru permezz ta' ħidma bir-reqqa li saret fuq it-telf tal-enerġija elettrika ta’ stazzjoni u t-telf tat-tkessiħ ta’ impjant. Filwaqt li dan huwa qasam fejn il-kompetenza hija kondiviża bejn awtoritajiet differenti, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkompli tirriċerka dan il-qasam permezz ta' sessjonijiet ta' smigħ ta' esperti dedikati għal dan l-għan. F’oqsma oħra tas-sigurtà nukleari, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati proġetti speċifiċi taħt il-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE u azzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. ENSREG qabel fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu li se jkompli jikkollabora dwar il-kwistjoni tal-kraxxjaturi tal-inġenji tal-ajru sa fejn jippermettu l-kompetenzi legali tar-regolaturi nazzjonali.

    3.           Tisħiħ tal-Qafas tas-Sikurezza Nukleari tal-UE

    3.1.        Implimentazzjoni tal-qafas leġislattiv eżistenti għas-sikurezza nukleari

    Id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri tal-UE biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari[17] fil-livell nazzjonali kienet it-22 ta’Lulju 2011. Il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri ta' ksur kontra tnax-il Stat Membru li ma kkonformawx ma’ din l-iskadenza[18]. S’issa, żewġ Stati Membri[19] għadhom ma lestewx il-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni issa se tibda analiżi fil-fond tal-kwalità tal-miżuri tat-traspożizzjoni magħmula mill-Istati Membri.

    3.2.        Titjib fil-qafas leġiżlattiv għas-sikurezza nukleari

    3.2.1.     Rieżami tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari

    Huwa kruċjali li jkun żgurat li l-esperjenza mill-aċċident ta’ Fukushima u l-konklużjonijiet tat-testijiet ta’ reżistenza jiġu implimentanti kif suppost u b’mod konsistenti fl-UE u li jiġu riflessi fil-qafas leġiżlattiv. It-testijiet ta’ reżistenza, ir-rapporti mill-Ġappun u l-ħidma tal-komunità internazzjonali fl-IAEA kkonfermaw li mhux biss hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, iżda wkoll lakuni fl-iżgurar tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni komprensivi u trasparenti tal-kwistjonijiet ewlenin tas-sikurezza.

    Barra minn hekk, ġew identifikati għadd ta’ dgħufijiet fil-qafas eżistenti tas-sikurezza nukleari tal-UE (ara t-taqsima 2.2.3). Sabiex tindirizzahom, id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari tirrikjedi rieżami fil-qasam li ġej:

    (1) Proċeduri u oqfsa tas-sikurezza. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari eżistenti huwa limitat għal prinċipji kumplessivi li jiffukaw l-aktar fuq l-iffissar tad-distribuzzjoni tal-kompetenzi fost l-operaturi nukleari, ir-regolaturi nazzjonali u istanzi nazzjonali oħrajn, u għalhekk ma jistax jindirizza l-kwistjonijiet tas-sikurezza teknika identifikati fl-aċċident nukleari ta’ Fukushima u t-testijiet ta’ reżistenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-qafas prinċipali li jirriżultaw mit-testijiet ta’ reżistenza (eż. l-evalwazzjoni mill-ġdid perjodika tal-perikli esterni, l-implimentazzjoni ta’ tekniki rikonoxxuti biex jiġi minimizzat l-impatt tal-aċċidenti, eċċ.) jeħtieġ li jiġu tradotti fil-mekkaniżmi maqbula, ankrati fid-Direttiva riveduta li fuqha l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet indipendenti tagħhom. Huwa meħtieġ titjib fit-tħejjija u r-rispons għal emerġenza nukleari jew radjoloġika serja. Id-Direttiva riveduta għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jirrikjedu lill-Istati Membri li jkollhom fis-seħħ tħejjija għal emerġenza fuq is-sit xierqa u miżuri ta’ rispons. Is-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari ġodda għandha tingħata attenzjoni speċifika. Filwaqt li d-Direttiva riveduta tista’ tiddefinixxi parametri bażiċi u għanijiet tas-sikurezza, ir-rwol tal-ENSREG fil-provvediment ta’ gwida għall-implimentazzjoni tagħhom jeħtieġ li jiġi ddefinit kif juru l-iżviluppi riċenti fir-reattur f’Doel. Dawk l-avvenimenti għal darb’oħra aċċennaw il-ħtieġa għal djalogu bejn l-operaturi u l-awtoritajiet tas-sikurezza sabiex jikkondividu u jimplimentaw l-aqwa prattiki u t-teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Għar-reatturi l-ġodda, għandhom jiġu kkunsidrati fid-Direttiva l-għanijiet tas-sikurezza tal-WENRA.

    (2) Rwol u mezzi tal-awtoritajiet regolatorji nukleari. Id-dispożizzjonijiet attwali dwar is-separazzjoni regolatorja u l-effettività tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġ li jissaħħu sabiex jiżguraw l-indipendenza effettiva ta' dawn l-awtoritajiet u jiggarantixxu li għandhom il-mezzi ta' azzjoni xierqa.

    (3) Ftuħ u Trasparenza. It-trasparenza tad-deċiżjonijiet regolatorji u l-provvista regolari tal-informazzjoni lill-pubbliku mingħand l-operaturi nukleari għandha tiġi estiża u speċifikata, pereżempju billi jitqeigħdu l-obbligi fuq id-detenturi tal-liċenzjam jew billi tiġi speċifikata t-tip ta' informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, bħala minimu,lill-pubbliku minn awtorità regolatorja kompetenti.

    (4) Monitoraġġ u verifika. Id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-verifika, pereżempju permezz tal-użu estiż tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari, għandhom jiġu estiżi għal oqsma oħra apparti r-rieżami tal-qafas regolatorju nazzjonali.

    3.2.2.     Assigurazzjoni u Responsabbiltà Nukleari

    L-analiżi tad-dispożizzjonijiet għall-kumpens tal-vittmi f’każ ta’ inċidenti jew aċċidenti nukleari mhi koperta xejn fil-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE. Fir-realtà, dan ma kienx parti mill-proċess tat-testijiet ta’ reżistenza. Madankollu, l-Artikolu 98 tat-Trattat Euratom jipprovdi għal Direttivi tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri vinkolanti dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tanalizza sa fejn għandha tittejjeb is-sitwazzjoni ta’ vittmi potenzjali ta’ aċċident nukleari fl-Ewropa, fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tal-UE. Il-Kummissjoni beħsieba tipproponi leġiżlazzjoni vinkolanti fil-qasam tal-assigurazzjoni u r-responsabbiltà nukleari. F’dan il-kuntest, il-kumpens għal ħsara lill-ambjent naturali għandu jiġi indirizzat ukoll.

    3.2.3.     Rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u l-għalf

    Il-ġestjoni tal-ikel u l-għalf li jiġi kontaminat b’riżultat ta’ emerġenza nukleari hija koperta mid-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (96/29/Euratom), u hija suġġetta għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tat-tqegħid tagħhom fis-suq fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni. Il-leġiżlazzjoni li ssemmiet l-aħħar saret is-suġġett ta’ proċedura ta’ riformulazzjoni[20]. Madankollu, il-Kummissjoni issa għandha l-intenzjoni li tirtira l-proposta għal riformulazzjoni u li ġġib dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament tal-Komitoloġija[21] l-ġdid li daħal fis-seħħ f’Marzu 2011.

    L-esperjenza miksuba mill-avvenimenti ta’ Fukushima u Chernobyl urew ħtieġa li jsir divrenzjar bejn l-istrumenti li jirregolaw l-importazzjoni tal-ikel minn pajjiżi terzi u dawk għat-tqegħid fis-suq tal-ikel fil-każ ta’ aċċident fi ħdan l-UE. Abbażi ta’ din l-esperjenza, ir-Regolament jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jipprovdi iktar għodod flessibbli li jippermettu reazzjonijiet speċifiċi u mmirati għal kwalunkwe aċċident nukleari jew emerġenza radjoloġika (fl-UE, fil-viċinanza tal-UE jew f'pajjiż remot).

    3.3.        Tisħiħ tar-riżorsi umani u tat-taħriġ

    L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol bl-esperjenza għandha tkun prijorità għolja, kemm jekk pajjiż ikun għażel li jkompli juża l-enerġija nukleari, kemm jekk għażel li jwaqqaf l-użu tagħha gradwalment kif ukoll jekk għażel li jibda juża dan is-sors tal-enerġija għall-ewwel darba.

    Fil-livell Ewropew iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-KE, f’kooperazzjoni mar-regolaturi tas-sikurezza nukleari tal-UE u t-TSOs, jimmanniġja l-inizjattiva ta’ Feedback dwar l-Esperjenza Operattiva. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jiftaħ dawn l-attivitajiet għall-awtoritajiet regolatorji nukleari nazzjonali kollha, li jixtiequ jipparteċipaw, sabiex jistabbilixxi Laboratorju Ewropew tas-Sikurezza Nukleari permanenti għat-titjib kontinwu tas-sikurezza. Dan il-laboratorju se jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku għal ħidma effettiva għat-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari b’mod partikolari permezz ta’ analiżi u valutazzjonijiet tal-inċidenti, li jistgħu jiġu identifikati mill-Kummissjoni jew mill-ENSREG.

    Fl-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Euratom, (Orizzont 2020), għandha tiġi ddedikata attenzjoni speċjali lit-tagħlimiet minn Fukushima, u hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar bejn l-azzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali f’dan il-qasam. Għandhom jiġu mħeġġa aktar skambji tal-aqwa prattiki bħala mod ta' titjib kontinwu u armonizzazzjoni tal-kultura tas-sikurezza nukleari.

    3.4.        Bini tal-kooperazzjoni internazzjonali

    Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien tal-UE kollha permezz ta’ inċentivi u strumenti xierqa biex jikkondividu r-riżultati tat-testijiet ta’ reżistenza tagħhom, jipparteċipaw fl-evalwazzjonijiet bejn il-pari u jiżguraw li l-esperjenzi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jiġu kondiviżi biex tittejjeb is-sikurezza nukleari kemm fl-UE kif ukoll fil-fruntieri tagħha. Bħalissa qed jiġi kkunsidrat self tal-Euratom lill-Ukraina, sabiex tħaffef il-pass fl-implimentazzjoni tal-programm tagħha tal-ammeljorament tas-sikurezza komprensiva.

    Qed isiru wkoll kuntatti biex tiġi żviluppata kooperazzjoni bilaterali dwar it-testijiet ta’ reżistenza u kwistjonijiet regolatorji mal-Ġappun. Abbozz ta’ Memorandum ta’ Qbil għal kooperazzjoni aħjar dwar is-sikurezza nukleari diġà ġie sottomess lill-IAEA. B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se taħdem mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) sabiex tagħmel l-aħjar użu tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni esterna eżistenti fil-qasam, b’mod partikolari l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, l-Istrument għall-Istabbiltà fil-komponent tagħha ta’ taffija tar-riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjuloġiċi u Nukleari u l-Istrument għal Qabel l-Adeżjoni.

    3.5.        Titjib fil-qafas legali globali għas-sikurezza nukleari

    Permezz tal-IAEA, l-istrumenti prinċipali li jirregolaw is-sikurezza nukleari huma l-istandards u l-konvenzjonijiet tas-sikurezza maqbula internazzjonalment, b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (CNS) u l-Konvenzjoni dwar in-Notifika Bikrija ta' Emerġenza Nukleari, li l-Komunità Euratom hija Parti Kontraenti fiha. Il-laqgħa straordinarja tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari f’Awwissu 2012 qablet li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma li l-kompitu tiegħu jkun li fl-2014 jirrapporta dwar lista ta' azzjonijiet li jsaħħu l-Konvenzjoni u dwar proposti biex tiġi emendata, jekk ikun hemm bżonn. Il-maġġoranza tan-nazzjonijiet parteċipanti f’dan il-grupp ta’ ħidma aċċennaw il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-istandards tas-sikurezza tal-IAEA, l-indipendenza u l-effettività regolatorja, l-użu estiż tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari kif ukoll il-ftuħ u t-trasparenza mtejba. Il-Kummissjoni se tikkunsidra dawn il-prinċipji u l-objettivi b’mod sħiħ. L-impenn kontinwu tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE huwa meħtieġ biex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun riflessa sa fejn huwa possibbli fir-rieżamijiet futuri tal-qafas internazzjonali tas-sikurezza nukleari. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex dan isir possibbli.

    4.           Rinfurzar tas-sigurtà nukleari

    Il-Kummissjoni tappoġġa s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet aċċennati fir-rapport finali tal-AHGNS. Il-Kummissjoni se tuża l-kompetenzi u l-programmi eżistenti biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu aktar progress fl-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi, sabiex tikkontribwixxi għall-ħidma dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà nukleari. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma mal-Istati Membri fuq:

    – it-tnaqqis tat-theddida tal-inċidenti Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjuloġiċi, Nukleari (CBRN) ta’ oriġini intenzjonata, inkluż atti ta’ terroriżmu u detezzjoni ta’ materjali radjuattivi u nukleari, permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni CBRN tal-UE u l-ġestjoni ta’ programmi dwar is-sigurtà CBRN;

    – ir-rieżami tad-Direttiva 2008/114/KE dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea[22], prevista fl-2013;

    – il-Kummissjoni se tħejji proposta leġiżlattiva dwar netwerk u sigurtà tal-informazzjoni sal-aħħar tas-sena. Skont il-proposta l-operaturi f’ċerti setturi kritiċi li jiddependu ħafna fuq l-ICT se jkunu meħtieġa jiżguraw is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom u jirrapportaw ksur serju tas-sigurtà lill-awtoritajiet pubbliċi. L-utilitajiet tal-elettriku b’operazzjonijiet nukleari se jkunu suġġetti għal dawn ir-rekwiżiti;

    – l-adozzjoni tal-proposta għar-rieżami tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni[23] li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-intervenzjonijiet ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta' emerġenzi maġġuri, inkluż aċċidenti radjoloġiċi u nukleari kif ukoll il-prevenzjoni u l-azzjonijiet ta' tħejjija (eż. valutazzjonijiet tar-riskju u pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju, moduli CVRN, taħriġ u eżerċizzji għal diżastri fuq skala kbira, żvilupp tax-xenarju u l-ippjanar ta’ kontinġenza);

    – ir-ratifika veloċi tal-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjali Nukleari mill-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tlesti l-proċess ta’ ratifika mill-Euratom kif maqbul mill-Kunsill fl-2006 ladarba l-Istati Membri jkunu lestew il-proċeduri interni tagħhom.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li għad fadal ħtieġa li jiġu indirizzati aspetti aktar espliċiti li jinsabu fl-interfaċċa bejn is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

    Barra l-UE, l-Istrument għall-Istabbiltà – il-programm taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN tal-UE – se jtejjeb il-kapaċitajiet istituzzjonali ta’ pajjiżi u reġjuni magħżula kontra riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjuloġiċi u nukleari.

    5.           Konklużjonijiet u t-Triq 'il Quddiem

    It-testjijet tal-istress nukleari tal-UE kienu eżerċizzju mingħajr preċedent f’termini ta’ estent, kollaborazzjoni u impenn tal-partijiet kollha involuti. Intużaw internazzjonalment bħala bażi jew bħala punt ta’ riferiment għall-valutazzjoni tas-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari[24]. Id-disponibbilità pubblika tar-rapporti kollha marbuta mas-sikurezza u l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi mhux nukleari għamlu l-eżerċizzju eżempju tat-trasparenza.

    It-testijiet ta’ reżistenza issa huma lesti. Madankollu, l-impatt tagħhom ma għandux jiġi kkunsidrat bħala eżerċizzju ta’ darba, iżda bħala proċess kontinwu għat-titjib tas-sikurezza nukleari, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-kuntest ta’ ENSREG u l-IAEA. L-UE trid tfittex li tiżviluppa approċċ komprensiv Ewropew għas-sikurezza, li jinkludi rieżami tal-leġiżlazzjoni Euratom speċifika dwar is-sikurezza nukleari, ikkumplimentat minn strumenti leġiżlattivi jew nonleġiżlattivi dwar ir-responsabbiltà nukleari, dwar it-tħejjija u r-rispons għal emerġenza, u billi ssegwi azzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà nukleari. B’dan il-mod, iċ-ċittadini fl-UE kollha jistgħu jkunu fiduċjużi li l-enerġija nukleari prodotta fl-UE hija suġġetta għall-iżjed kundizzjonijiet tas-sikurezza stretti fid-dinja.

    It-testijiet ta’ reżistenza u l-attivitajiet relatati huma kisba maġġuri għall-UE u l-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri u wasslu għal riżultati tanġibbli:

    · Ġie identifikat titjib sinifikanti u tanġibbli fl-impjanti tal-pajjiżi parteċipanti kollha, u dawn qed jiġu implimentati jew ippjanati.

    · Id-dgħufijiet fl-oqfsa u l-proċeduri, kif ukoll il-lakuni fl-arranġamenti legali, ġew identifikati u fil-preżent qed jitfasslu l-proposti biex dawn jittejbu.

    · Inbnew l-ewwel rabtiet bejn l-awtoritajiet responsabbli mis-sikurezza u dawk responsabbli mis-sigurtà. It-titjib tad-djalogu bejniethom dwar suġġetti fl-interfaċċa tas-sikurezza/sigurtà huwa essenzjali biex iwieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini.

    Bil-ħsieb li tiżgura segwitu kif suppost għat-testijiet ta’ reżistenza, il-Kummissjoni:

    · tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jorbot lill-Istati Membri u biex jitlob lill-pajjiżi terzi parteċipanti biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet ta’ reżistenza malajr. Il-Kummissjoni se tiżgura l-ftuħ u t-trasparenza matul is-segwitu għall-proċess tat-testijiet ta’ reżistenza iżda, taħt il-leġiżlazzjoni attwali, mhux se tkun legalment responsabbli mill-valutazzjoni tal-operat tas-sikurezza tan-NPPs. Tipproponi li l-Kunsill Ewropew jeżamina l-istatus tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet sa Ġunju 2014, abbażi ta’ rapport konsolidat mill-Kummissjoni, li għandu jiġi abbozzat f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ ENSREG. Tistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni mingħajr dewmien biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tat-testijiet ta’ reżistenza, skont l-iskeda tal-pjan ta’ azzjoni ta’ ENSREG u bil-għan li l-maġġoranza vasta tat-titjib tas-sikurezza meħtieġ tiġi implimentata sal-2015;

    · se tippreżenta rieżami ambizzjuż tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari tal-UE, li se tiġi sottomessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-bidu tal-2013 l-aktar tard, wara konsultazzjoni mal-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Istati Membri kif previst permezz tal-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom. Qed tiġi kkunsidrata l-preżentazzjoni ta’ proposta oħra dwar l-assigurazzjoni nukleari u r-responsabbiltà u din se ssegwi fl-2013, bħall-proposta dwar il-livelli massimi permessi ta' kontaminazzjoni radjuattiva għall-ikel u l-għalf.

    · se tesplora proposti fil-programm tal-Euratom Orizzont 2020 bil-għan li tiffaċilita l-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ persunal li jaħdem fil-qasam nukleari;

    · se tipproponi lill-Kunsill mandat biex tipparteċipa b’mod attiv fil-grupp ta’ ħidma dwar l-effettività u t-trasparenza fil-qafas tal-IAEA fejn tfittex titjib tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u tipprepara proposta konġunta Ewropea għal-laqgħa tar-rieżami li jmiss f’Marzu 2014; il-Kummissjoni se żżomm kostanti wkoll id-djalogu li jinsab għaddej mal-pajjiżi l-oħrajn biex tiżgura l-konverġenza massima tal-proposti Ewropej;

    · se tkompli tħeġġeġ l-attivitajiet xjentifiċi li jimmiraw għal iktar armonizzazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-sikurezza u l-prattiki nukleari fl-UE;

    · se tkompli tikkontribwixxi għar-rinfurzar tal-bini tas-sigurtà nukleari kif jixraq fuq il-ħidma eżistenti tas-CBRN, billi tuża kooperazzjoni rinfurzata tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kif meħtieġ kif ukoll l-istrumenti ta’ kooperazzjoni esterna b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-EEAS;

    LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

    AHGNS               Grupp ad-hoc dwar is-Sigurtà Nukleari

    BWR                    Reattur tal-Ilma Jagħli

    CBRN                  Kimiku, Bijoloġiku, Radjuloġiku, Nukleari

    CNS                    Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

    EEAS                   Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    ENSREG             Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari

    IAEA                   Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika

    ICT                      Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

    INSC                   Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari

    IPPAS                  Servizz Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika

    JRC                      Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

    NPP                     Impjant tal-Enerġija Nukleari

    SAM                    Ġestjoni ta’ Aċċident Sever

    SAMG                 Linji Gwida għall-Ġestjoni ta’ Aċċident Sever

    TSO                     Organizzazzjoni tas-Sikurezza Teknika

    PSA                     Valutazzjoni tas-Sikurezza Probabbilistika

    PSR                     Rieżamijiet Perjodiċi tas-Sikurezza

    WENRA              Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent

    Anness[25]

    Sommarju tar-Rakkomandazzjonijiet Prinċipali għal Titjib matul it-Testijiet ta’ Reżistenza fl-Impjanti tal-Enerġija Nukleari tal-Istati Membri tal-UE

    Għat-terremoti għandhom jintużaw każijiet tas-sikurezza kontra periklu estern li jikkorrispondu għal probabbiltà ta’ eċċess ta’ inqas minn darba kull 10 000 sena.

    (L-adattabbiltà ta’ sit ta’ kostruzzjoni ta’ NPP għandha tiġi vvalutata abbażi ta’ analiżi sismika li tikkunsidra l-aktar terremot sever f’dawn l-aħħar 10 000 sena.)

    Għall-għargħar għandhom jintużaw każijiet tas-sikurezza kontra periklu estern li jikkorrispondu għal probabbiltà ta’ eċċess ta’ inqas minn darba kull 10 000 sena.

    (L-adattabbiltà ta’ sit ta’ kostruzzjoni ta’ NPP għandha tiġi vvalutata abbażi ta’ analiżi sismika li tikkunsidra l-aktar għargħar sever f’dawn l-aħħar 10 000 sena.)

    Għandu jintuża terremot li fuqu jigi bbażat id-disinn tal-impjant (Design Basis Earthquake) li jikkorrispondi għal aċċelerazzjoni massima fuq l-art ta’ 0.1 g bħala minimu.

    Id-disinn ta’ NPP irid ikun kapaċi jirreżisti għal terremot li mill-inqas jipproduċi aċċelerazzjoni massima fuq l-art ta’ 0.1 g bħala minimu.

    Il-mezzi meħtieġa fil-ġlieda kontra l-aċċidenti għandhom jinħażnu f’postijiet li jkollhom protezzjoni adegwata kontra avvenimenti esterni.

    L-istrumentazzjoni sismika fuq is-sit għandha tiġi installata jew imtejba.

    Il-ħin disponibbli għall-operatur għar-restawr tal-funzjonijiet tas-sikurezza fil-każ ta’ telf totali tal-enerġija elettrika u/jew tal-provvista tal-ilma li żżomm sistema nukleari kiesħa għandu jkun iktar minn siegħa (1), (mingħajr intervent uman).

    Il-Proċeduri tal-Operat ta’ Emerġenza għandhom ikopru l-istati tal-impjanti kollha (minn stat ta’ provvista ta’ enerġija massima għal stat kompletament mitfi).

    Il-Linji Gwida tal-Ġestjoni ta’ Aċċident Sever għandhom jiġu implimentati u għandhom ikopru l-istati kollha tal-impjant (minn stat ta’ provvista ta’ enerġija massima għal stat kompletament mitfi).

    Għandu jkun hemm implimentati miżuri passivi ta’ prevenzjoni kontra splużjonijiet tal-idroġenu (jew gassijiet kombustibbli oħrajn) fil-każ ta’ aċċident sever, (bħal Rikombinaturi Katalitiċi Passivi (Passive Autocatalytic Recombiners) jew alternattivi rilevanti oħrajn).

    Għandu jkun hemm implimentati Sistemi ta’ Konteniment Permezz ta’ Vventjar b’Filtri (Containment Filtered Venting Systems), sabiex jiġi llimitat l-ammont ta’ radjuattività rilaxxata barra mill-konteniment fil-każ ta’ aċċident.

    Għandha tkun disponibbli Kamra tal-Kontroll ta’ Emerġenza sekondarja fil-każ li l-Kamra tal-Kontroll Prinċipali ma tibqax aċċessibbli b’konsegwenza ta’ rilaxxi radjuloġiċi ta’ aċċident sever, ta’ nirien fil-Kamra tal-Kontroll Prinċipali jew minħabba perikli esterni estremi.

    [1]               EUCO 10/11 (il-paragrafu 31)

    [2]               Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, ir-responsabbiltà primarja tas-sikurezza nukleari hija f’idejn id-"detentur tal-liċenzja" (jiġifieri l-operatur tal-impjant) taħt is-superviżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti. L-Istati Membri huma responsabbli għall-istabbilment u ż-żamma ta’ qafas nazzjonali leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv għas-sikurezza nukleari. Taħt it-Trattat Euratom, il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposti leġiżlattivi biex toħloq qafas leġiżlattiv tal-UE għas-sikurezza nukleari, mingħajr madankollu ma tkun tista’ tissostitwixxi r-responsabbiltà tagħha għal dik tal-Istati Membri. Bidla f’din is-sitwazzjoni tkun tirrikjedi emenda fil-leġiżlazzjoni eżistenti.

    [3]               Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit.

    [4]               Fejn l-NPP Ignalina qed jiġi dekummissjonat.

    [5]               Bħala total, it-testijiet ta’ reżistenza twettqu fuq il-132 reattur li joperaw fl-UE, 13-il reattur tal-UE li l-operat tagħhom twaqqaf f’fażijiet minn mindu nbdew it-testijiet ta’ reżistenza, 15-il reattur fl-Ukraina, u ħames (5) reatturi fil-Konfederazzjoni Svizzera.

    [6]               COM 784 finali, 24.11.2011.

    [7]               14-il Stat Membru li joperaw l-impjanti tal-enerġija nukleari (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit), il-Litwanja (fejn l-unitajiet Ignalina qed jiġu dekummissjonati taħt il-liċenzji tal-operat) u l-Isvizzera u l-Ukraina bħala pajjiżi ġirien tal-UE.

    [8]               Ir-rapport tat-testijiet ta’ reżistenza ġie sottomess lill-Kummissjoni f’Mejju 2012.

    [9]               Assistenza finanzjarja u teknika mill-Istrument tal-UE għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari. Huwa mistenni rapport fil-bidu tal-2013.

    [10]             http://www.iaea.org/newscenter/focus/actionplan/reports/actionplanns130911.pdf

    [11]             C(2012) 3196 final, 10.5.2012

    [12]             "Investigation Committee on the Accident at Fukushima Nuclear Power Stations of Tokyo Electric Power Company", rapport finali Lulju 2012 (http://icanps.go.jp/) u "The Fukushima Nuclear Accident Independent Investigation Commission", rapport finali Lulju 2012 (http://www.naiic.jp/en/2012/)

    [13]             http://www.ensreg.eu/sites/default/files/EC%20ENSREG%20Joint%20Statement%2026%20April%202012%20-Final%20to%20publish.pdf

    [14]             Din it-taqsima hija bbażata fuq ir-Rapport Finali tal-Grupp Ad-hoc tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Nukleari (AHGNS).

    [15]             http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/12/st10/st10616.en12.pdf, 31.5.2012.

    [16]             Servizz Konsultattiv Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika.

    [17]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari.

    [18]             L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u r-Renju Unit

    [19]             Il-Polonja u l-Portugall.

    [20]             COM(2010) 184 finali, 27.4.2010.

    [21]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    [22]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom, ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75-82.

    [23]             Il-Proposta COM/2011/0934 li qed tiġi nnegozjata fil-Parlament u l-Kunsill biex tħassar 2007/779/KE, Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Komunità (imfassla mill-ġdid).

    [24]             Pereżempju l-forum Latin-Amerikan tar-regolaturi nukleari, (FORO), il-Federazzjoni Russa u l-Ġappun segwew mill-qrib it-testijiet ta’ reżistenza tal-UE u użaw parti mill-ispeċifikazzjonijiet.

    [25]             Il-kwistjonijiet elenkati għandhom jinqraw flimkien mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah fejn huma spjegati f’iktar dettall u huma marbutin mal-impjanti tal-enerġija nukleari fejn ġew osservati.

    Top