Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0452

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija 6-7/2012

/* COM/2012/0452 final */

52012DC0452

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta' Twissija Bikrija 6-7/2012 /* COM/2012/0452 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 2

2........... Dħul assenjat lill-FAEG................................................................................................... 2

3........... Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)…………………………………………………………………………….….3

4........... Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2012……..3

5........... Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG................................................................... 6

6........... Implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor) 7

7.           Implimentazzjoni tal-Fond għar-Ristrutturar tas-Settur taz-Zokkor................................... 7

8........... Konklużjonijiet............................................................................................................... 7

anness 1: || Konsum proviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/05/2012

1. Introduzzjoni

Għall-perjodu bejn is-16 ta' Ottubru 2011 u l-31 ta' Mejju 2012, il-livell attwali tal-implimentazzjoni tal-baġit imqabbel mal-profil tan-nefqa previst mill-indikatur, stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005[1], qed jiġi ppreżentat fl-Anness 1.

2. Dħul assenjat lill-FAEG

Abbażi tar-regoli tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib huwa allokat bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn ir-regoli, id-dħul assenjat jista' jintuża biex ikopri l-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG imġarrba mill-Istati Membri. F'każ li parti minn dan id-dħul ma tintużax, din il-parti tiġi trasferita awtomatikament għas-sena tal-baġit ta' wara[2].

Il-baġit tal-FAEG għall-2012 inkluda kemm: l-istima l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet, li se jkunu meħtieġa biex tiġi ffinanzjata n-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-għajnuniet diretti, kif ukoll l-istimi tad-dħul assenjat, li kien mistenni jinġabar matul is-sena tal-baġit inkwistjoni u t-trasferiment tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun għad baqa’ disponibbli mis-sena tal-baġit ta' qabel. Fil-proposta tagħha għall-ammont ta' approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-baġit tal-2012, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u talbet li l-livell tal-approprjazzjonijiet fl-2012 jiġi kkalkulat billi d-dħul assenjat stmat jitnaqqas mill-istima tagħha tan-nefqa. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit il-ġdid tal-FAEG filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.

Meta ġie stabbilit il-baġit għall-2012, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 010 miljun. B'mod speċifiku:

– Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena tal-baġit 2012 se jkun ta' EUR 805 miljun. Kienu mistennija ammonti ta' EUR 600 miljun u ta' EUR 150 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet rispettivament. Id-dħul mill-imposta fuq il-ħalib ġie stmat li se jkun ta' EUR 55 miljun.

– Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ttrasferit mis-sena tal-baġit tal-2011 għall-2012 se jammonta għal EUR 205 miljun.

Fil-baġit tal-2012, il-Kummissjoni allokat dan id-dħul assenjat ta' EUR 1 010 miljun għal żewġ skemi. B'mod speċifiku:

– EUR 310 miljun ġew assenjati għall-fondi operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u

– EUR 700 miljun ġew assenjati għall-iskema ta' pagament uniku.

Għal dawn iż-żewġ skemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvotat favur approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 496 miljun u EUR 30 472 miljun rispettivament, skont il-proposta tal-Kummissjoni. Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvotati u d-dħul assenjat imsemmi hawn fuq jikkorrispondu għal stima totali tal-approprjazzjonijiet disponibbli ta’ EUR 806 miljun għall-fondi operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u ta' EUR 31 172 miljun għall-iskema ta' pagament uniku.

Fl-Anness 1, li jippreżenta l-eżekuzzjoni proviżorja tal-baġit għall-2012 għall-perjodu sal-31 ta’ Mejju 2012, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur ta’ għajnuniet diretti diżakkoppjati, jippreżentaw l-approprjazzjonijiet ivvotati għal dawn iż-żewġ setturi, li jammontaw, għal EUR 788 miljun u għal EUR 37 189 miljun rispettivament, mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat għal dawn is-setturi, l-approprjazzjonijiet totali previsti fil-baġit tal-2012 jammontaw għal EUR 1 098 miljun għall-frott u l-ħaxix u għal EUR 37 889 miljun għall-għajnuniet diretti diżakkoppjati.

3. Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

L-ammonti temporanji għar-ristrutturar fis-settur taz-zokkor qed jitqiesu bħala dħul assenjat maħsub biex jiffinanzja l-għajnuna għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor u l-għajnuniet l-oħra previsti mill-Fond għar-Ristrutturar taz-Zokkor. Għat-tliet snin tas-suq: 2006/07, 2007/08 u 2008/09, dawn l-ammonti li kienu relatati mal-kwoti kwantitattivi taz-zokkor, tal-ġulepp tal-inulina u tal-iżoglukożju miżmuma mill-operaturi f'kull Stat Membru, tħallsu lill-Fond. Fiż-żmien meta ġie stabbilit il-baġit tal-2012, kien mistenni li ammont ta' EUR 832.2 miljun kien se jiġi ttrasferit mis-sena tal-baġit tal-2011 għal dik tal-2012.

4. Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2012

Il-livell tal-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit għall-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2011 sal-31 ta’ Mejju 2012 huwa mogħti fl-Anness 1. Dan il-livell ta' implimentazzjoni ġie mqabbel mal-profil tan-nefqa bbażat fuq l-indikatur, li ġie stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli tal-baġit, li juru l-aktar diverġenzi sinifikanti bejn il-livell tal-implimentazzjoni attwali u dak mistenni għall-baġit tal-2012.

4.1. Miżuri tas-suq

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien ogħla b’EUR 211.5 miljun meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet ivvotati mill-baġit, kif determinat mil-livell tal-indikatur fil-31 ta' Mejju 2012. Din id-diverġenza hija attribwita primarjament għas-setturi tal-inbid u tal-frott u l-ħaxix. Fl-istess waqt, bħala total, setturi oħra ippreżentaw ammont żgħir anqas fl-implimentazzjoni mistennija. 

4.1.1. Frott u ħaxix (+ EUR 127.6 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvotati)

Fir-rigward tal-approprazzjonijiet ivvotati, dan il-livell ta' implimentazzjoni huwa attribwit primarjament għan-nefqa għall-fondi operazzjonali għall-iskema tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li hija ffinanzjata kemm mill-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit, kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2012 (NB Għad-dettalji jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq). Dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sal-31 ta’ Mejju 2012 għall-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit, li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur.

Barra minn hekk, għall-perjodu taħt analiżi, l-Istati Membri wettqu pagamenti b'ritmu iktar mgħaġġel mil-livell tal-indikatur stabbilit għall-għajnuna lill-gruppi tal-produtturi għall-iskema tar-rikonoxximent preliminari. F'dan il-waqt, il-Kummissjoni tistenna li n-nefqa mġarrba fl-2012 għal din l-iskema, se tkun ogħla mill-approprjazzjonijiet korrispondenti inklużi fil-baġit għall-2012.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta' eżekuzzjoni proviżorja li tidher fl-Anness 1. Din in-nota f'qiegħ il-paġna turi x'kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku fil-31 ta' Mejju 2012 ġie applikat l-indikatur għall-approprjazzjonijiet totali, li huma mistennija li jkunu disponibbli biex jiġi ffinanzjat dan is-settur. Kif huwa osservat fil-punt 2 hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur huwa magħmul mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ivvotati ta' EUR 788 miljun u mid-dħul assenjat għal dan is-settur li huwa stmat li jammonta għal EUR 310 miljun. Għalhekk, kieku l-indikatur kien applikat għall-finanzjament totali ta' EUR 1 098 miljun li mistennija jkunu disponibbli għal dan is-settur, allura, l-eżekuzzjoni eċċessiva osservata kienet tkun imnaqqsa għal EUR 1.9 miljun. 

Minħabba l-assunzjoni li d-dħul assenjat se jkun disponibbli biex ikopri l-ħtiġijiet għall-fondi operazzjonali għall-iskema tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, iżda mbagħad il-Kummissjoni tistenna li l-għajnuna għall-gruppi ta’ produtturi għall-iskema ta’ rikonoxximent preliminari se jkollha eżekuzzjoni eċċessiva fil-baġit tal-2012, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-approprjazzjonijiet totali disponibbli għal dan is-settur jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ikopru n-nefqa totali li mistennija li tiġġarrab mill-Istati Membri fl-2012.

4.1.2. Prodotti tas-settur tal-vitikultura (+EUR 91.7 miljun)

Meta mqabbel mal-livell tal-eżekuzzjoni osservat mill-indikatur fil-31 ta' Marzu 2012, l-eżekuzzjoni eċċessiva attwali hija dovuta għall-aċċellerazzjoni tar-ritmu tal-pagamenti li saru mill-Istati Membri għall-programmi nazzjonali ta' appoġġ għas-settur tal-inbid, ritmu li minkejja dan naqas fl-aħħar xhur meta mqabbel mal-bidu tas-sena. Barra minn hekk, ta' min jinnota li dan ir-ritmu iżjed mgħaġġel ta’ implimentazzjoni għal dawn il-programmi ma jikkostitwixxi l-ebda riskju li jinqabżu l-approprjazzjonijiet tal-baġit, billi huma l-istess daqs il-livelli massimi finanzjarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni għal dawn il-programmi.

4.2. Għajnuniet diretti

L-użu tal-approprjazzjonijiet għall-għajnuniet diretti meta mqabbel mal-livell tal-indikatur fil-31 ta' Mejju 2012 kien ogħla b'EUR 790.1 miljun.

4.2.1. Għajnuniet diretti diżakkoppjati (+ EUR 754.2 miljun meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ivvotati)

Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ivvotati, l-iskema ta' pagament uniku (SPU) tippreżenta eżekuzzjoni eċċessiva li tirriżulta kemm mill-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sal-31 ta' Mejju 2012 għall-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur, kif ukoll mill-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iħallsu pagamenti bil-quddiem ta' għajnuniet diretti sa mis-16 ta’ Ottubru 2011. Barra minn hekk, ir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE) kien iżjed mgħaġġel meta mqabbel mal-livell tal-indikatur, waqt li l-pagamenti separati taz-zokkor u l-frott u l-ħaxix qed jiġu implimentati fil-livell tal-indikatur.

Tabilħaqq, l-Istati Membri s'issa diġà ħallsu madwar 98 % tal-ħtiġijiet stmati fil-baġit, imqabbel ma’ 97.2 % fl-istess żmien għat-talbiet tal-2010 mħallsin fl-2011.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta' eżekuzzjoni proviżorja li tidher fl-Anness 1. Din in-nota f'qiegħ il-paġna turi x’kienet tkun is-sitwazzjoni li kieku, sa mill-31 ta' Mejju 2012, l-indikatur ġie applikat għall-approprjazzjonijiet totali li huma mistennija li jkunu disponibbli biex ikunu ffinanzjati l-għajnuniet diretti diżakkopjati. Kif huwa osservat fil-punt 2 hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għall-għajnuniet diretti diżakkopjati huwa magħmul mill-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit ta' EUR 37 189 miljun u mid-dħul assenjat għall-għajnuniet diretti diżakkopjati, li huwa stmat li jkun ta' EUR 700 miljun. Għalhekk, kieku l-indikatur ġie applikat għall-finanzjament totali ta' EUR 37 889 miljun li mistennija jkunu disponibbli għall-għajnuniet diretti diżakkopjati, allura, l-eżekuzzjoni eċċessiva osservata kienet tkun limitata għal EUR 70 miljun.

F'dan il-waqt, il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni għall-għajnuniet diretti diżakkopjati. 

4.2.2. Għajnuniet diretti oħrajn (+ EUR 36.4 miljun)

Wara l-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iħallsu pagamenti bil-quddiem ta' għajnuniet diretti sa mis-16 ta' Ottubru 2011, saru pagamenti b'ritmu iktar mgħaġġel meta mqabbel mal-livell tal-indikatur fil-31 ta' Mejju 2012 għal ċerti skemi, bħalma huma: il-primjum tal-baqar li jreddgħu, kif ukoll il-pagamenti skont l-erja għar-ross, il-qoton u l-ġewż. Bl-istess mod tal-għajnuniet diretti diżakkoppjati, il-Kummissjoni, f'dan il-waqt, qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni għall-għajnuniet diretti oħrajn.

4.3. Awditjar tan-nefqa agrikola 4.3.1. Approvazzjoni tal-kontijiet tas-snin preċedenti (+ EUR 78 miljun)

Għall-perjodu sal-31 ta' Mejju 2012, l-Istati Membri ddikjaraw approvazzjoni tal-korrezzjonijiet tal-kontijiet ta' - EUR 0.6 miljun. Il-livell attwali tal-implimentazzjoni jirriżulta mit-tqabbil ta' dawn il-korrezzjonijiet mal-livell korrispondenti tal-indikatur mill-31 ta' Mejju 2012.

Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fl-Ittra ta' Emenda tagħha għall-2012, kienet ipproponiet korrezzjonijiet li jammontaw għal – EUR 69 miljun. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit għall-2012 fejn dan l-ammont ġie ffissat għal – EUR 200 miljun.

Madanakollu, ta' min jinnota li, f'dan il-waqt, id-deċiżjonijiet kollha tal-approvazzjonijiet tal-kontijiet f’din is-sena baġitarja ġew ppreżentati lill-Kumitat tal-Fondi u qegħdin fil-proċedura tal-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Mnħabba dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni se jkollha tirrimborża, jiġifieri tagħmel korrezzjonijiet pożittivi favur l-Istati Membri, ammont nett ta' madwar EUR 33 miljun. Barra minn hekk, skont id-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-konformità li ttieħdu fl-2012 mill-Kummissjoni, għandhom isiru korrezzjonijiet pożittivi favur l-Istati Membri li jammontaw għal madwar EUR 34.5 miljun. Għaldaqstant, il-Kummissjoni teħtieġ li ssib approprjazzjonijiet tal-baġit pożittivi, li mhumiex meħtieġa għal partiti l-oħra tal-baġit tal-FAEG, li jammontaw għal madwar EUR 67.5 miljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tkopri n-nefqa negattiva ta’ – EUR 200 miljun imposta mill-Awtorità tal-Baġit. Fil-fatt, il-Kummissjoni se jkollha bżonn issib approprjazzjonijiet pożittivi, li jammontaw għal EUR 267.5 miljun sabiex tagħlaq din il-partita tal-baġit fl-2012. L-ammont finali ta' dawn il-korrezzjonijiet pożittivi se jiġi ddeterminat mill-korrezzjonijiet negattivi mistennija, li jirriżultaw min-nuqqas ta' ħarsien tal-iskadenzi għall-pagamenti mill-Istati Membri, li se jiġu ppreżentati lill-Kumitat tal-Fondi fl-ewwel ħmistax ta' Ottubru 2012.   

4.4. Nefqa oħra 4.4.1. Sikurezza tal-ikel u tal-għalf, saħħa tal-annimali, trattament xieraq tal-annimali u saħħa tal-pjanti (- EUR 63.5 miljun)

L-iskemi ffinanzjati skont dan l-Artikolu jinvolvi pagamenti diretti mill-Kummissjoni. Minħabba t-titjib fil-qagħda tas-saħħa tal-annimali u t-tibdil fil-leġiżlazzjoni fejn inqas testijiet huma meħtieġa għall-STA (stima totali tal-appoġġ), il-ħtiġijiet mistennija għall-programmi tal-mard tal-annimali u tal-eradikazzjoni ta' mard tal-annimali huma inqas meta mqabbla ma' dawk stmati fiż-żmien meta tħejja l-baġit għall-2012. F'dan il-waqt, huwa mistenni li se jkun hemm ammont anqas fl-eżekuzzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet ta' dan l-artikolu tal-baġit.  

5. Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG

It-tabella fl-Anness 1 turi li, sal-31 ta’ Mejju 2012, inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 570 miljun. B'mod speċifiku:

– id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażati fuq deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal madwar EUR 423 miljun b'ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit,

– id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal madwar EUR 90.4 miljun, b'ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit, u

– f'dan il-waqt, inġabar il-biċċa l-kbira tad-dħul kollu mill-imposta fuq il-ħalib, u dan jammonta għal madwar EUR 56.6 miljun.

Fl-aħħar nett, l-ammont tad-dħul assenjat li eventwalment ġie ttrasferit mill-2011 għall-2012 kien ta' EUR 441.5 miljun, li huwa sinifikament ogħla mill-ammont stmat inizjalment ta' EUR 205 miljun.

Għalhekk, l-ammont ta’ dħul assenjat disponibbli għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG, fil-31 ta’ Mejju 2012, jammonta għal EUR 1 011.6 miljun. F’dan il-waqt, l-ammont ta' dħul assenjat li għad irid jinġabar fl-2012 jammonta għal madwar EUR 235 miljun (abbażi tal-ipoteżi dwar il-baġit għall-2012 li d-dħul assenjat stmat li se jiġi ġġenerat fl-2012 se jkun daqs EUR 805 miljun, li minnhom inġabru diġà EUR 570 miljun).

6. Implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

F’konformità mal-leġiżlazzjoni, l-ebda ammont ġdid temporanju għar-ristrutturar ma nġabar mill-Istati Membri minn Novembru 2009. Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli għall-Fond għar-Ristrutturar tas-Settur taz-Zokkor huwa daqs l-ammont ittrasferit mill-baġit tal-2011, li għall-kuntrarju tal-istimi inizjali, jammonta għal EUR 856.8 miljun (ogħla mill-EUR 832.2 miljun previsti fil-baġit tal-2012 minħabba pagamenti ta' għajnuna aktar baxxi milli mistennija, li saru fl-aħħar tal-2011). Fl-Abbozz tal-Baġit għall-2013, meta jingħalaq fit-30 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni diġà ċċarat li qed tistenna li se jkun hemm disponibbli bilanċ ta’ dħul assenjat mill-Fond għar-Ristrutturar tas-Settur taz-Zokkor.

7. Implimentazzjoni tal-Fond għar-Ristrutturar tas-Settur taz-Zokkor

Sa l-aħħar ta' Mejju 2012, l-Istati Membri kienu għamlu pagamenti li jammontaw għal EUR 69.1 miljun għal għajnuniet marbutin mal-miżuri ta' ristrutturar, għal għajnuniet għad-diversifikazzjoni jew għal għajnuniet għar-raffinar taz-zokkor.

8. Konklużjonijiet

L-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2012, għall-perjodu sal-31 ta' Mejju 2012, turi li r-rimborżi ta' kull xahar lill-Istati Membri qabżu l-profil tan-nefqa għall-eżekuzzjoni tal-baġit abbażi tal-indikatur, b'madwar EUR 1 024.9 miljun. Dan kien dovut l-iktar għall-awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija mill-Kummissjoni biex jitħallsu pagamenti bil-quddiem ta' għajnuniet diretti sa mis-16 ta' Ottubru 2011, sitwazzjoni li wasslet għal ritmu iktar mgħaġġel ta' pagamenti għal dawn l-għajnuniet. 

Huwa disponibbli dħul assenjat li jammonta għal EUR 1 011.6 miljun, u għad fadal ammont ta' EUR 235 miljun li mistenni jinġabar fl-2012. F'dan il-waqt, il-Kummissjoni tistenna li l-ammont ta' dħul assenjat li huwa disponibbli flimkien ma' dak li se jsir disponibbli matul is-sena, se jkun biżżejjed biex ikopri l-finanzjament tas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-għajnuniet diretti diżakkoppjati kif kien mistenni inizjalment meta ġie stabbilit il-baġit għall-2012.

Fil-waqt li qed jinkiteb dan ir-Rapport, il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-evoluzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-baġit għall-2012 sabiex tivvaluta jekk ċerti partijiet tal-baġit se juru eventwalment ammont anqas fl-eżekuzzjoni li se jippermetti l-finanzjament kemm tal-korrezzjonijiet pożittivi tal-kontijiet u tal-konformità, kif ukoll in-nefqa negattiva fil-Kapitolu 05 07, ippreżentata hawn fuq.

[1]               ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

[2]               Id-dħul assenjat ittrasferit għandu jintuża l-ewwel, u dan ifisser qabel l-approprjazzjonijiet ivvotati mill-Awtorità tal-Baġit jew id-dħul assenjat iġġenerat fis-sena (l-Artikolu 10 tar-Regolament Finanzjarju).

Top