Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0334

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT TA' PROGRESS DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI SCHENGEN TAT-TIENI ĠENERAZZJONI (SIS II) Lulju 2011 - Diċembru 2011

/* COM/2012/0334 final */

52012DC0334

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT TA' PROGRESS DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI SCHENGEN TAT-TIENI ĠENERAZZJONI (SIS II) Lulju 2011 - Diċembru 2011 /* COM/2012/0334 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Fejn Wasal il-Proġett...................................................................................................... 3

2.1........ Ħarsa ġenerali tal-progress matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat........................................ 3

2.2........ Qafas tekniku għall-finalizzazzjoni tal-proġett................................................................... 4

2.3........ Preparazzjonijiet għat-Test tat-Tieni Fażi......................................................................... 5

2.4........ Tħejjija għat-Test Komprensiv........................................................................................ 5

2.5........ Tħejjija għall-migrazzjoni................................................................................................. 6

2.6........ Netwerk tas-SIS II......................................................................................................... 7

2.7........ Ġestjoni operazzjonali..................................................................................................... 7

2.8........ Sigurtà............................................................................................................................ 8

3........... Ġestjoni.......................................................................................................................... 8

3.1........ Aspetti finanzjarji............................................................................................................ 8

3.2.1..... Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm Globali (BĠPG)........................................................... 10

3.2.2..... Il-Kumitat tas-SIS-VIS (SIS II).................................................................................... 10

3.2.3..... Ippjanar u koordinazzjoni nazzjonali.............................................................................. 10

3.2.4..... Il-Kunsill...................................................................................................................... 11

3.2.5..... Il-Parlament Ewropew.................................................................................................. 11

4........... Prijoritajiet għall-perjodu li jmiss ta' rappurtaġġ.............................................................. 11

5........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 12

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport ta' progress jiddeskrivi x-xogħol li sar mill-Kummissjoni fit-tieni semestru tal-2011 rigward l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) u l-preparazzjoni għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. Huwa ġie ppreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008[1] u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008[2] dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-SIS II.

2.           Fejn Wasal il-Proġett

2.1. Ħarsa ġenerali tal-progress matul il-perjodu li qed jiġi eżaminat

L-aħħar tal-2010 u l-ewwel nofs tal-2011 raw attività konsiderevoli kemm fil-livell ċentrali tas-SIS II kif ukoll fil-livelli tal-Istati Membru bl-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi finali li jirregolaw l-interazzjoni tas-sistema ċentrali u s-sistemi nazzjonali. Dan kien prerekwiżit biex jiġi ffinalizzat l-iżvilupp tekniku tal-proġett. It-tieni semestru tal-2011 ra progress kostanti dwar testijiet intensivi tal-koerenza bejn is-sistemi ċentrali u nazzjonali.

Bħal f'kull proġett tal-IT ieħor ta' natura simili, tali testijiet intensivi identifikaw għadd ta' kwistjonijiet kemm fil-livelli ċentrali kif ukoll nazzjonali. Is-sorsi tal-kwistjonijiet kienu relatati ma’ tliet oqsma ewlenin:

(i) fil-livell nazzjonali, diversi Stati Membri esperjenzaw kwistjonijiet jew dewmien matul it-twettiq tat-Testijiet Estiżi tal-Konformità tagħhom (CTE). Sabiex takkomoda ż-żmien tal-ittestjar addizzjonali jew bidu tard fit-twettiq tas-CTE, l-iskeda għal dawn it-testijiet kellha tkun estiża;

(ii) fil-livell ċentrali, il-prestazzjoni tat-Testijiet għall-Kwalifikazzjoni tas-Sistema Ċentrali (CSQT) mingħajr l-Istati Membri damet iktar milli kien ippjanat inizjalment. L-impatt fuq l-Iskeda Globali kien madankollu assorbit ftit wara;

(iii) id-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti għall-proġett SIS II fiċ-Ċentru tad-Dejta Franċiż fi Strasbourg (C.SIS) ta bidu għal diskussjonijiet twal dwar it-tħejjija f'waqtha u l-validazzjoni tal-għodod tat-testijiet tas-SIS 1+ li kienu ġew deskritti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ġunju 2009, f'relazzjoni mal-prestazzjoni tat-tieni Stadju tat-Test. Din il-kwistjoni ħolqot tħassib għaliex tista' tirriżulta jew f'dewmien fl-iskeda globali li ma jistax jiġi mitigat jew fil-ħtieġa li jirrinunzjaw l-għodod tas-SIS 1+.

Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni ħadmet flimkien ma’ esperti mill-Istati Membri fi ħdan kemm il-Bord Globali tal-Ġestjoni tal-Programm (GPMB) u l-Kumitat SIS-VIS biex jidentifikaw soluzzjoni ta' mitigazzjoni li jippermettu, fost oħrajn, il-partijiet interessati tal-proġett iżżommu d-data biex is-sistema tidħol 'live' fl-ewwel kwart tas-sena 2013. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri appoġġjaw din is-soluzzjoni ta' mitigazzjoni.

2.2. Qafas tekniku għall-finalizzazzjoni tal-proġett

It-testijiet

Minn dan il-perjodu ta' rappurtar, il-proġett tas-SIS II laħaq stadju fejn serje ta' kampanji ta' ttestjar bir-reqqa setgħu jitwettqu biex jipprovaw l-istabilità, il-funzjonament korrett u r-rendiment taż-żewġ sistemi nazzjonali u ċentrali. L-approċċ jikkonsisti fl-ittestjar tal-komponenti tas-sistemi nazzjonali u ċentrali l-ewwel separatament (matul dan il-perjodu ta’ rappurtar), u mbagħad flimkien (fil-perjodu ta’ rappurtar ta' wara).

Wara l-implimentazzjoni tal-aġġornamenti tekniċi meħtieġa fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri bdew jivverifikaw il-konformità tas-Sistemi Nazzjonali SIS II Speċifikazzjonijiet matul il-fażi CTE. Minħabba li l-prestazzjoni ta’ din il-fażi tal-ittestjar kienet aktar bil-mod milli previst fl-Iskeda Globali, aktar testijiet nazzjonali se jsiru fl-2012. Barra minn hekk, xi problemi tekniċi u kuntrattwali fil-livell nazzjonali ma ppermettewx lil żewġ Stati Membri jibdew it-testijiet tagħhom fl-2011. Sabiex tindirizza dan id-dewmien, il-Kummissjoni bdiet il-ġestjoni dinamika ta’ ħinijiet għall-ittestjar, billi allokat ambjenti tal-ittestjar lill-Istati Membri hekk kif bdew isiru disponibbli. Filwaqt li sal-aħħar tal-2011 id-dewmien fl-ittestjar CTE ma kienx ikkunsidrat li kien fil-passaġġ kritiku għat-twassil tal-proġett, l-Istati Membri kollha għandhom jiffinalizzaw il-kampanji tas-CTE tagħhom sal-24 ta' Mejju 2012 sabiex jippermettu li t-Test Komprensiv jibda skont il-qafas taż-żmien indikat fl-Iskeda Globali.

Matul l-istess perjodu, it-testijiet ta' kwalifikazzjoni (CSQT mingħajr SM) kienu skedati li jseħħu fil-livell ċentrali. Din il-kampanja ta’ ttestjar kellha l-iskadenza sa tmiem Settembru iżda kienet skedata mill-ġdid u ntemmet fl-14 ta’ Diċembru 2011. Id-dewmien kien ikkawżat minn problema mar-rabta bejn l-Unità Ċentrali (CU) u l-Unità Ċentrali ta’ Appoġġ (BCU), li kienet qed toħloq dewmien fis-sinkronizzazzjoni u l-iskambju tad-dejta bejn iż-żewġ unitajiet u kkawżat deterjorament fil-prestazzjoni. Sabiex tingħeleb din id-diffikultà kienu meħtieġa xi adattamenti tekniċi. L-adattamenti ggarantixxu li l-BCU jkollu l-istess dejta bħas-CU, f’każ ta’ nuqqas fis-CU. In-natura ta’ dawn l-adattazzjonijiet ma bidlet l-ebda mir-rekwiżiti tekniċi tas-sistema, inklużi dawk relatati mad-disponibbiltà, ir-reżiljenza u l-prestazzjoni tas-sistema u ma kellha l-ebda impatt fuq is-sistemi nazzjonali.

Il-fażi sussegwenti tikkonsisti fit-twettiq ulterjuri tat-testijiet tal-kwalifikazzjoni tas-sistema ċentrali bil-parteċipazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri (CSQT mal-Istati Membri), ippjanat li jibda fis-16 ta’ Jannar 2012 u jibqgħu għaddejjin matul l-ewwel kwart tas-sena 2012. Tmien Stati Membri parteċipanti għamlu progress tajjeb fit-testijiet ta’ konformità tagħhom (prerekwiżit biex jidħlu fil-fażi ta’ ttestjar sussegwenti) sal-punt li ma kienx hemm tħassib dwar il-possibbiltà li s-CSQT mal-Istati Membri jibda fil-ħin.

L-impatt tad-dewmien kemm fuq livelli ċentrali kif ukoll tal-Istati Membri, kif deskritt hawn fuq, kien diġà assorbit fi ħdan l-iskeda tal-proġett. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Presidenza u l-GPMB, identifikaw modi biex itaffu, jassorbu jew jikkumpensaw għal dan id-dewmien sabiex jiżguraw li d-data tad-dħul għas-SIS II tibqa’ l-istess.

2.3. Preparazzjonijiet għat-Test tat-Tieni Fażi

Saret attività ta' tħejjija sostanzjali għat-Test tat-Tieni Fażi f'diversi flussi ta’ ħidma. Partikolarment, id-data mmirata għad-dokument ta' referenza bid-dettalji rilevanti tal-każijiet tat-testjar ġiet stabbilita għall-bidu tal-2012. Fir-rigward tal-validazzjoni tar-riżultati tat-testijiet, u skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2009, f’Mejju 2011, il-grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill relevanti ħatar lill-kuntratturi tas-SIS 1+ u lill-awtoritajiet Franċiżi biex iwettqu x-xogħol neċessarju biex jiżguraw il-validazzjoni u d-disponibbiltà tal-għodod tal-kejl C.SIS għat-test.

Matul Settembru 2011, Franza (C.SIS) u l-kuntratturi SIS 1+ ħabbru fil-Grupp ta’ Ħidma li ma kinux kapaċi jivvalidaw jew joperaw l-għodod għat-Tieni Fażi tal-ittestjar fi ħdan l-ambitu u l-limitu taż-żmien stabbiliti fl-Iskeda Globali. Il-Presidenza u l-Kummissjoni organizzaw bosta laqgħat tekniċi mas-C.SIS u l-kuntratturi SIS 1+ biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti u l-kwistjoni ġiet diskussa ulterjorment fil-livell tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.

Iffaċċjati bl-indisponibbiltà tal-għodod SIS 1+, l-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri analizzaw is-soluzzjonijiet possibbli kollha. Maġġoranza vasta kienet favur għażla bbażata fuq l-użu ta’ għodod tas-SIS II disponibbli (jiġifieri żewġ strumenti għall-ittestjar li kienu żviluppati għall-proġett tas-SIS II mill-kuntrattur għall-iżvilupp ewlieni tal-Kummissjoni u l-kuntrattur tal-assigurazzjoni tal-kwalità). Għandu jiġi enfasizzat li dawn l-għodod tas-SIS II kienu wkoll imsemmija espliċitament fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2009, flimkien mal-għodod SIS 1+, u kienu diġà ntużaw matul it-Test tal-ewwel Fażi li kellu suċċess. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni pprevediet wkoll li l-fażijiet ta’ ttestjar u attivitajiet li jmiss jiġu rranġati sabiex jippermettu tlestija ta' testijiet nazzjonali sa Mejju 2012 u l-bidu tat-tieni stadju tat-test f'April 2012.

Din kienet is-soluzzjoni li tippreserva bl-aħjar mod l-għanijiet komuni tal-proġett: li jsiru kampanji tal-ittestjar kredibbli, jinżamm id-dħul fl-ewwel kwart tal-2013 u jiġi evitat impatt negattiv fuq is-SIS 1+ billi tittaffa l-pressjoni fuq ir-riżorsi fi ħdan is-C.SIS. Is-soluzzjoni rċeviet l-appoġġ ta’ maġġoranza kbira tad-delegazzjonijiet fil-Kumitat SIS-VIS tas-7 ta’ Novembru 2011.

Madankollu, filwaqt li qieset it-tħassib li kompla jiġi espress minn xi Stati Membri, fil-Kunsill ĠAI fit-13 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni mmirat sabiex issaħħaħ l-interess komuni f’test kredibbli tat-Tieni Fażi billi stiednet lil kull Stat Membru li kien għad kellu dubji dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-affidabilità tal-għodod SIS II biex jipparteċipaw fil-validazzjoni tagħhom.

Minkejja dan, l-għodod tal-ittestjar żviluppati minn Franza għas-SIS 1+ jistgħu jinżammu għal aktar ittestjar jekk dawn isiru disponibbli.

2.4. Tħejjija għat-Test Komprensiv

L-istrumenti legali għall-migrazzjoni jiddeskrivu t-Test Komprensiv[3] bħala li jikkonferma, b’mod partikolari, l-ikkompletar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ tal-arranġamenti tekniċi meħtieġa sabiex tkun ipproċessata d-dejta tas-SIS II u t-turija li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak tas-SIS 1+.

Għaldaqstant, il-perjodu tar-rappurtaġġ kien ikkaratterizzat minn taħditiet konsiderevoli dwar il-kwistjoni u mmarka l-bidu tal-pjan ta’ tħejjija għat-Test Komprensiv. Dan se jkun revedut u rfinat bis-sħiħ fl-ewwel semestru tal-2012, bil-ħsieb li t-Test Komprensiv jseħħ fit-tieni semestru tal-2012, qabel l-attivitajiet iddedikati lill-migrazzjoni.

2.5. Tħejjija għall-migrazzjoni

Ittestjar tal-konvertitur

Sabiex il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II titwettaq b’suċċess, ser tidħol fis-seħħ arkitettura tal-migrazzjoni interim. Din ser tinkludi konvertitur iddisinjat biex jikkonverti dejta f’żewġ direzzjonijiet bejn is-C.SIS attwali u s-SIS II ċentrali u jżomm iż-żewġ sistemi sinkronizzati għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ mill-Istati Membri sabiex jaqilbu minn sistema għall-oħra[4].

Tali komponent ewlieni tal-arkitettura tal-migrazzjoni jeħtieġ ittestjar eżawrjenti. Sabiex dan iseħħ kien meħtieġ ambjent ta’ ttestjar għas-SIS 1+. Minħabba l-inabbiltà tas-C.SIS li jipprovdi ambjent bħal dan, kif previsti fil-bidu, kellu jinxtara ambjent ġdid mill-Kummissjoni u numru ta' testijiet kellhom jitlestew u jiġu vvalidati.

Fir-rigward tal-konvertitur innifsu, dan għadda t-Testijiet ta’ Aċċettazzjoni tal-Fabbrika f'Ottubru 2011. Wara din l-aċċettazzjoni, il-konvertitur intbagħat Strasburgu u ġie ttestjat kontra s-SIS II (System Solution Testing - SIS II) f'antiċipazzjoni tal-ittestjar ulterjuri mas-SIS 1+. Barra minn hekk, il-Kummissjoni installat u ttestjat il-komponenti tal-komunikazzjoni SIS 1+ meħtieġa fil-konvertitur innifsu, pass meħtieġ qabel ma jingħaqqad il-konvertitur mas-SIS 1+. Saru t-tħejjijiet sabiex iqabbdu l-konvertitur mal-ambjent tat-testjar fil-bidu tal-2012.

Fl-ewwel nofs tal-2012, il-konvertitur se jiġi ttestjat kontra s-SIS 1+ (Testijiet ta’ Kwalifikazzjoni), bil-ħsieb li l-konvertitur jiġi ttestjat kontra ż-żewġ sistemi fl-istess ħin fis-sajf tal-2012. Dan ix-xogħol huwa l-prekursur fit-twettiq tal-provi mal-Istati Membri. Wara l-provi, il-pass li jmiss ser ikun il-migrazzjoni tad-dejta ‘live’ minn SIS I għal SIS II fil-bidu tal-2013.

Ippjanar tal-migrazzjoni

Fit-23 ta’ Frar 2011, il-Kumitat SIS-VIS ta opinjoni favorevoli fuq tliet dokumenti importanti li jwittu t-triq għall-bidu tal-attivitajiet tal-migrazzjoni, jiġifieri l-Pjan ta’ Migrazzjoni tas-SIS II, l-Istrateġija tat-Test u l-Pjan tat-Test.

Minn dawn, il-Pjan ta’ Migrazzjoni huwa mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi tal-Istati Membri billi jirrifletti l-approċċ tekniku ppreferut minnhom. Dan l-approċċ ma kienx kompletament konformi mal-istrumenti legali ta' migrazzjoni. Il-Kummissjoni, fil-bidu tal-2012, biħsiebha tipproponi emenda għall-qafas legali, bil-għan li jiġu allineati d-dispożizzjonijiet ġuridiċi ma’ dan l-approċċ tekniku.

Għad hemm responsabbiltà kbira fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li l-attenzjoni hija mogħtija lill-kwistjoni tal-kwalità tad-dejta. Fil-fatt, id-dejta li tissodisfa r-regoli tal-kwalità tas-SIS 1+ biss tista’ tiġi trasferita għas-SIS II. Dejta li mhix konformi mar-regoli tal-kwalità tad-dejta tas-SIS 1+ ikollha “titnaddaf” qabel ma tintbagħat għas-SIS II peress li ma tistax tiġi trasferita f’format li ma jikkonformax. Il-Presidenza Pollakka għamlet it-tindif tad-dejta prijorità għat-tieni nofs tal-2011. Laqgħa li saret apposta għalhekk uriet l-approċċi li bosta Stati Membri kellhom għal din l-attività importanti.

Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fil-kitba tal-Manwal tal-Migrazzjoni, dokument li jistipula fid-dettall il-passi li kienu ġew deskritti fil-Pjan ta' Migrazzjoni. Il-Manwal se jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet matul il-proċess u jiddeskrivi l-iskeda ddettaljata għall-migrazzjoni reali tad-dejta tas-SIS. Dan il-kompitu, li beda f’Diċembru 2011, għandu jiġi ffinalizzat sa tmiem l-2012.

F’laqgħat ta’ Gruppi ta' Ħidma, l-Istati Membri qajmu l-kwistjoni tal-migrazzjoni tas-SIRENE. Din hija l-bidla mis-sistemi tal-uffiċċji eżistenti tal-Istati Membri tas-SIS 1+ SIRENE għas-sistemi ġodda tagħhom tas-SIS II SIRENE. L-istrumenti ta’ migrazzjoni legali jipprovdu li l-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jagħmlu test dwar informazzjoni supplimentari (testijiet funzjonali tas-SIRENE)[5]. Il-Kummissjoni appoġġjat lill-Istati Membri fit-tħejjijiet tagħhom biex jirrevedu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-iskambju tad-dejta bejn l-Uffiċċji SIRENE, attività li għandha ssir fl-ewwel nofs tal-2012.

2.6. Netwerk tas-SIS II

Il-proġett tas-SIS II jinkludi l-proviżjoni ta' netwerk ta' komunikazzjoni fuq żona wiesgħa, li jissodisfa r-rekwiżiti ta' disponibbiltà, sigurtà, kopertura ġeografika u livell ta' servizz, biex is-sistemi nazzjonali u ċentrali jkunu jistgħu jikkomunikaw.

Għal skopijiet operattivi l-Istati Membri għandhom kemm interfaces prinċipali kif ukoll ta’ back-up man-netwerk. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, numru ta' interfaces ta’ back-up tal-Istati Membri kienu attivati mill-ġdid sabiex jippreparaw għal testijiet li jinvolvu l-iswiċċjar bejn is-siti prinċipali u ta’ back-up. Dan il-proċess ta' attivazzjoni mill-ġdid għandu jkompli fl-2012.

L-istrumenti legali bażiċi tas-SIS II jiddeskrivu l-infrastruttura tal-komunikazzjoni dedikata għad-dejta tas-SIS II u l-iskambju ta' dejta bejn l-Uffiċċji tas-SIRENE[6]. Wara l-konferma tal-Istati Membri dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-SIS II Sirene Mail Relay, il-Kummissjoni ffinalizzat il-proċeduri tal-akkwisti. Il-Mail Relay se jiġi installat fl-ewwel nofs tal-2012, qabel it-test tal-Istati Membri dwar l-informazzjoni supplimentari.

2.7. Ġestjoni operazzjonali

Wara stqarrijiet konġunti tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew meta addottaw l-istrumenti legali tas-SIS II u l-VIS, f’Ġunju tal-2009 il-Kummissjoni pproponiet li twaqqaf Aġenzija għal-ġestjoni operazzjonali ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Ir-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija ġie adottat fil-25 ta’ Ottubru 2011[7].

L-Aġenzija se tieħu r-responsabbilitajiet tagħha fir-rigward tal-ġestjoni operattiva tal-VIS u tal-EURODAC fl-1 ta' Diċembru 2012 filwaqt li, fir-rigward it-tmexxija operattiva tas-SIS II, hija se tagħmel dan hekk kif din is-sistema tkun operazzjonali. Fil-futur, l-Aġenzija tista’ wkoll tiġi fdata b'sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja jekk dan ikun previst mill-istrumenti leġiżlattivi rilevanti.

2.8. Sigurtà

L-istudju dwar is-sigurtà addizzjonali tan-netwerk tas-SIS II kien ippreżentat lill-Kumitat SIS-VIS fil-perjodu tar-rappurtaġġ preċedenti. Soluzzjoni teknika, li tikkonforma mal-ħtiġiet kollha, kienet identifikata u proġett pilota ġie mibdi sussegwentement. It-tagħmir neċessarju ġie mixtri u saret l-ewwel fażi bejn Ottubru u Diċembru 2011 f'ambjent ikkontrollat. L-għażliet tekniċi kollha għall-iskjerament ta' soluzzjoni ġew validati. Il-pass li jmiss tal-proġett pilota se tkun li jitwettaq test ieħor, li għalih se tkun meħtieġa il-parteċipazzjoni ta' tliet Stati Membri voluntiera. Il-Ġermanja u l-Awstrija diġà resqu biex jipparteċipaw u huwa mfittex voluntier ulterjuri. L-għan huwa s-suċċess matul il-verifika tas-sigurtà tas-sistema, li għandha sseħħ fis-sajf tal-2012.

3.           Ġestjoni

3.1. Aspetti finanzjarji

Baġit tas-SIS II

Sal-aħħar tal-perjodu ta’ rappurtaġġ, l-impenji baġitarji totali magħmula mill-Kummissjoni fuq il-proġett tas-SIS II mill-2002 ammontaw għal EUR 148 283 233. Il-kuntratti korrispondenti jinkludu studji dwar il-fattibilità, l-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali stess, l-appoġġ u l-iżgurar tal-kwalità, in-netwerk tas-SIS II, il-preparazzjoni għall-ġestjoni operazzjonali fi Strasburgu, is-sigurtà, il-preparazzjonijiet bijometriċi, il-komunikazzjoni u l-ispejjeż tal-missjoni tal-esperti.

Minn dan l-ammont, EUR 95 414 354 fil-fatt tħallsu bejn l-2002 u t-tmiem ta’ Diċembru 2011. L-oġġetti ta’ nefqa ewlenin kienu l-iżvilupp (EUR 52 336 641), in-netwerk (EUR 24 983 117), l-appoġġ u l-iżgurar tal-kwalità (EUR 9 492 497) u l-preparazzjoni għall-ġestjoni operazzjonali fi Strasburgu u Sankt Johann im Pongau (EUR 7 077 303).

Eżekuzzjoni tal-baġit

|| Mill-2002 sa Diċembru 2011 || Minn Lulju sa Diċembru 2011

(EUR) Impenji || Ħlasijiet || Impenji || Ħlasijiet

L-iżvilupp (HP/Stéria) || 80 593 047 || 51 072 141 || 134 184 || 16 204 913

L-iżvilupp (Atos) || 3 535 041 || 1 264 500 || 3 535 041 || 1 264 500

L-iżgurar tal-kwalità tal-produzzjoni u l-appoġġ || 13 092 269 || 9 492 497 || 2 129 015 || 900 319

In-Netwerk || 38 526 008 || 24 983 117 || 6 150 053 || 3 462 496

Il-preparazzjoni għall-ġestjoni operazzjonali || 8 965 894 || 7 077 303 || 1 290 179 || 841 246

Is-Sigurtà || 1 358 310 || 217 712 || 4 027 || 0

L-istudji / Il-konsulenza || 961 131 || 942 261 || 0 || 0

Il-Kampanja ta' Informazzjoni || 33 373 || 33 373 || 0 || 0

Spejjeż tal-Missjonijiet tal-Esperti || 1 203 286 || 316 577 || 0 || 79 711

Oħrajn || 14 874 || 14 874 || 0 || 0

TOTAL: || 148 283 233 || 95 414 354 || 13 242 499 || 22 753 185

Finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp nazzjonali tal-Istati Membri

Il-Kunsill ta’ Ottubru 2010 ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex il-Fond Ewropew għall-Fruntieri Esterni (EBF) ikun disponibbli lill-Istati Membri biex jappoġġjaw it-tlestija tal-iżviluppi tas-sistema nazzjonali.

Għaldaqstant, saret riallokazzjoni sinifikanti ta' riżorsi lejn proġetti nazzjonali tas-SIS II fi ħdan il-qafas ta’ programmazzjoni 2011 għall-EBF. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, kien possibbli li jkunu akkomodati l-ħtiġijiet finanzjarji żejda relatati mas-SIS II fil-programmi annwali għall-2011. Madankollu, dan ma kienx possibbli għal tmien Stati Membri jew minħabba d-daqs limitat tal-allokazzjonijiet EBF tagħhom u/jew minħabba l-ħtieġa li jiġu koperti prijoritajiet oħra urġenti, u ugwalment strateġiċi, fil-programmi annwali tagħhom. Għalhekk kien deċiż li dawn il-ħtiġijiet jintlaħqu mill-parti tal-Azzjonijiet tal-Komunità tal-EBF.

Sa tmiem l-2011, il-ftehimiet kollha ta' għotjiet kienu ffirmati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati u pagament bil-quddiem ta' 75% ta' kull għotja kien sar lill-Istati Membri rispettivi.

3.2. Ġestjoni tal-proġett

3.2.1. Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm Globali (BĠPG)

L-emendi għall-istrumenti legali għall-migrazzjoni, adottati fit-3 ta’ Ġunju 2010, ifformalizzaw il-GPMB bħala korp konsultattiv ta’ assistenza għall-proġett tas-SIS II ċentrali sabiex tiġi ffaċilitata l-konsistenza bejn il-proġetti tas-SIS II ċentrali u nazzjonali[8]. Il-GPMB la għandu setgħa biex jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri.

Il-GPMB iltaqa’ 20 darba matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport.

3.2.2. Il-Kumitat tas-SIS-VIS (SIS II)

Fir-rigward tal-iżvilupp tas-SIS II, il-Kummissjoni hi assistita mill-Kumitat tas-SIS-VIS. Kien hemm ħames laqgħat tas-SIS-VIS dwar kwistjonijiet tekniċi tas-SIS II fil-perjodu bejn Lulju u Diċembru 2011. Diversi approvazzjonijiet ewlenin kienu miksuba dwar il-migrazzjoni u l-ittestjar.

Barra mil-laqgħat regolari tal-Kumitat tas-SIS-VIS, jiġu organizzati gruppi ta' ħidma tal-Kumitat u sessjonijiet ta' ħidma li jinvolvu lill-esperti tal-Istati Membri biex jiġu diskussi kwistjonijiet tekniċi ddettaljati. Dawn il-laqgħat ġeneralment jiffukaw fuq kwistjonijiet li jinbtu minn riżultati tanġibbli u speċifiċi tal-proġett:

· Il-Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (TAG) jipprovdi lill-Kumitat tas-SIS-VIS b’opinjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-organizzazzjoni, l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tat-testijiet. Dan il-grupp iltaqa' 23 darba f'dan il-perjodu ta’ rappurtaġġ.

· Il-Bord ta’ Ġestjoni għall-Bidla (CMB) jipprovdi konsulenza dwar il-klassifikazzjoni, il-kwalifiki u l-impatt potenzjali tal-korrezzjoni tal-problemi rrappurtati. Minħabba l-ammont ta’ sforz li sar biex jiġu miftiehma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi aġġornati tas-sistema ċentrali fl-2010-11 u l-istabbilizzazzjoni sussegwenti tal-ħtiġijiet, dan il-grupp ta’ ħidma, li jirrapporta wkoll lill-Kumitat tas-SIS-VIS, ma ġiex imlaqqa’ formalment matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ; u lanqas ma saru laqgħat jew Workshops dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II matul dan il-perjodu.

3.2.3. Ippjanar u koordinazzjoni nazzjonali

Ġie organizzat grupp ta’ ħidma ffurmat mill-maniġers nazzjonali tal-proġett (NPM) tal-Istati Membri biex jagħtu pariri lit-tim tal-proġett tal-Kummissjoni. L-iskop tal-laqgħat tal-NPM hu li ssir ħidma dwar kwistjonijiet dettaljati ta’ ppjanar, ta’ riskji u ta’ attivitajiet kemm fuq livell ċentrali kif ukoll fuq dak nazzjonali. Matul dan il-perjodu ta’ rappurtaġġ saru tliet laqgħat tal-NPM.

3.2.4. Il-Kunsill

B'mod ġenerali l-laqgħat fil-Kunsill kienu kkaratterizzati minn atmosfera pożittiva u kooperattiva. Minħabba n-natura teknika ħafna tal-proġett, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għat-trasparenza, pereżempju permezz tal-provvista ta' ittra dettaljata lill-Presidenza f’Novembru 2011. Fejn l-Istati Membri xtaqu kjarifika addizzjonali, il-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali sabiex tiżgura li tintlaħaq bażi komuni ta’ ftehim. Din tkompliet ukoll permezz tat-Task Force tas-SIS II tal-Kunsill, li l-Kummissjoni hija membru tiegħu, li jipprovdi ħarsa ġenerali tat-tħejjijiet fil-livell tal-Istat Membru lill-Kunsill. Barra minn dan, l-Istati Membri għarfu l-ħtieġa li jirrevedu dokument tekniku ewlieni dwar l-iskambju tad-dejta bejn l-Uffiċċji SIRENE u biex jistabbilixxu struttura għall-ippjanar u l-ġestjoni tat-testijiet funzjonali SIRENE. Gruppi ad hoc ġew stabbiliti skont dan, u l-Kummissjoni kienet mistiedna għat-tnejn.

Kif ġie espress fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill u b’mod konformi max-xewqat tal-partijiet kollha fil-proġett li tibqa’ tinżamm trasparenza kompluta, il-Kummissjoni żżomm lill-Kunsill infurmat, regolarment, dwar l-implimentazzjoni tal-iskeda globali għas-SIS II u n-nefqa fuq il-proġett ċentrali.

Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-laqgħat tal-korpi preparatorji tal-Kunsill responsabbli għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u f'kull sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri fejn is-SIS II hi inkluża fl-aġenda. Il-Kummissjoni ppreżentat rapporti dwar l-istat ta' ħidma tal-proġett tas-SIS II u l-passi li mistennija jittieħdu fil-futur.

Il-Kummissjoni tiċċirkola rapport qasir kull ġimgħa, li jiġbor fil-qosor l-iżviluppi tekniċi, lill-kollegi li jaħdmu fil-proġett fil-livell nazzjonali.

3.2.5. Il-Parlament Ewropew

Fi tmiem l-2011, il-Parlament Ewropew ddeċieda li jqiegħed fir-riżerva parti mill-approprjazzjonijiet għall-proġett tas-SIS II fil-Baġit Ġenerali tal-UE. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar il-istat ta’ ħidma tas-SIS II. Minbarra li jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ rappurtaġġ ipprovduti mill-istrumenti legali SIS II[9], il-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament Ewropew informazzjoni ulterjuri dwar kwistjonijiet finanzjarji, kuntrattwali u ta’ skedar u l-qagħda tal-proġett fil-kuntest tat-taħditiet dwar ir-rilaxx ta’ approprjazzjonijiet tas-SIS II mir-riserva għall-2011. Finalment, il-Kummissjoni rrispondiet żewġ mistoqsijiet Parlamentari dwar kwistjonijiet relatati mas-SIS II.

4.           Prijoritajiet għall-perjodu li jmiss ta' rappurtaġġ

Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ li jmiss, minn Jannar sa tmiem Ġunju 2012, se jkun hemm seba' oqsma prinċipali ta' attività:

· il-finalizzazzjoni tal-ittestjar tas-CTE fil-livell nazzjonali;

· il-finalizzazzjoni tas-CSQT mal-Istati Membri;

· il-preparazzjoni għat-Testijiet ta’ Aċċettazzjoni Proviżorja tas-Sistema (PSAT) u t-twettiq tagħha;

· il-preparazzjoni għat-Test tat-Tieni Fażi u t-twettiq tiegħu;

· il-preparazzjoni għat-Test Komprensiv;

· il-proġett pilota dwar is-sigurtà u l-preparazzjoni għat-test ta’ verifika sussegwenti;

· l-installazzjoni tas-SIS II SIRENE Mail Relay qabel it-test tal-Istati Membri dwar l-informazzjoni supplimentari.

5.           Konklużjonijiet

Kif mistenni matul perjodu ta' testijiet intensivi, instabu kwistjonijiet li kellhom jiġu riżolti fir-rigward kemm tas-sistemi ċentrali kif ukoll dawk nazzjonali. Madankollu, permezz ta’ stil ta’ ħidma kooperattiv u pragmatiku, dawn il-kwistjonijiet kienu indirizzati u riżolti u l-proġett SIS II jibqa’ fit-triq it-tajba. Dawn l-azzjonijiet ipprovdew is-sisien għal serje ta' testijiet kritiċi biex jitwettqu matul l-2012, jiġifieri l-PSAT, it-Test tat-Tieni Fażi u t-Test Komprensiv.

Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, matul l-ewwel semestru tal-2012, ikomplu jiżguraw li huma jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-installazzjoni tas-SIRENE Mail Relay l-ġdida għat-test dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li s-SIS II tikkonforma mar-rekwiżiti tal-verifika ta’ sigurtà, li għandhom isiru sas-sajf tal-2012.

Fl-aħħar nett, fuq il-bażi tat-testijiet dwar il-konvertitur li diġà twettqu, ser tkompli l-preparazzjoni għall-migrazzjoni bejn is-SIS 1+ u s-SIS II.

Anness I

Laqgħat tal-Kumitat tas-SIS-VIS (SIS II) u tal-Gruppi ta' Ħidma

Laqgħat li saru matul il-perjodu ta' rappurtaġġ

LULJU 2011

12, 19, 25 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

18 || Is-Sessjoni ta’ Ħidma dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

26 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

26 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

11 || Sessjoni ta’ Ħidma dwar l-Istrateġija ta’ Ttestjar tas-SIS II

4, 18, 25 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

AWWISSU 2011

2, 9, 22 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

23 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

23 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

1, 15, 22 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

SETTEMBRU 2011

2, 9, 16, 22, 30 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

23 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

23 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

29 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

22 || Sessjoni ta’ Ħidma tas-SIS II dwar it-Testijiet ta’ Konformità (Estiżi) TDDs

24 || Is-Sessjoni ta’ Ħidma dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

OTTUBRU 2011

6, 13, 27 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

5, 12, 19, 26 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

NOVEMBRU 2011

10, 18, 24 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

25 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

25 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

17 || Laqgħa dwar il-Migrazzjoni tas-SIS II

12, 17, 24, 31 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

DIĊEMBRU 2011

1, 8, 15, 28 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

23 || Sessjoni ta’ Ħidma tas-SIS II dwar is-CTE

29 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

29 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

7, 14, 21 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

Laqgħat tal-Kumitat tas-SIS-VIS (SIS II) u tal-Gruppi ta' Ħidma

b) Laqgħat li huma provviżorjament skedati għall-perjodu li ġej ta' rappurtaġġ

JANNAR 2012

6, 12, 19, 27 ||  Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

20 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

20 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

5, 12, 19, 26 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

14 || Laqgħa dwar il-Preparazzjoni ta’ Ttestjar tas-SIS II M2

FRAR 2012

10, 23 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

2 , 9 , 16 , 23 , 30 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

MARZU 2012

7 , 14 , 21 , 28 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

21 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

21 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

6 , 13 , 20 , 27 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

APRIL 2012

5 , 19 , 26 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

24 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

24 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

4 , 11 , 18 , 25 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

MEJJU 2012

9 , 16 , 23 , || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

23 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

23 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

8 , 15 , 22 , 29 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

ĠUNJU 2012

7 , 14 , 21 || Bord għall-Ġestjoni Globali tal-Programm tas-SIS II

21 || Kumitat tas-SIS-VIS (Laqgħa ta’ Formazzjoni Teknika tas-SIS II)

21 || Laqgħa tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali tas-SIS II

6 , 13 , 20 || Laqgħa tal-GKT (Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet) dwar is-SIS II

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1).

[2]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43).

[3]               L-Artikolu Komuni 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI.

[4]               L-Artikolu Komuni 10 (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24.10.2008 u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24.10.2008.

[5]               L-Artikolu Komuni 9 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI.

[6]               L-Artikolu Komuni 4 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

[7]               Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

[8]               Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 541/2010 tat-3 ta’ Ġunju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 155 22.6.2010, p. 19) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 542/2010 tat-3 ta’ Ġunju 2010 li jemenda d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 155 22.6.2010, p. 23) li jintroduċu l-Artikolu 17a fl-istrumenti legali għall-migrazzjoni.

[9]               L-Artikolu Komuni 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI.

Top