Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0318

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Italja għall-2012 u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2012-2015

/* <EMPTY>/2012/0XXX draft - 2012/ () */

52012DC0318

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Italja għall-2012 u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2012-2015 /* /2012/0XXX draft - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Italja għall-2012 u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2012-2015

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[5], li flimkien jagħmlu l-‘linji gwida integrati’. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3) Fit-12 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Italja għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm aġġornat ta' stabbiltà tal-Italja għal 2011-2014.

(4) Fit-23 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu tat-Twissija[6], fejn identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih se titwettaq reviżjoni ddettaljata.

(5) Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja, tal-konsolidazzjoni fiskali u ta’ azzjoni li tinkoraġġixxi t-tkabbir Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla il-konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u sabiex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6) Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni tagħhom fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

(7) Fit-30 ta’ April 2012, l-Italja ressqet il-programm ta’ stabbiltà tagħha li jkopri l-perjodu 2012-2015 u l-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. Il-Kummissjoni ivvalutat ukoll reviżjoni ddettaljata, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, jekk l-Italja hijiex affetwata minn żbilanċi makroekonomiċi. Il-Kummissjoni kkonkludiet fl-analiżi ddettaljata tagħha[7], li l-Italja hija affettwata minn żbilanċi, għalkemm mhux eċċessivi. B’mod partikolari, filwaqt li d-dejn pubbliku diġà qiegħed taħt skrutinju mill-qrib fil-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir, l-iżviluppi makroekonomiċi fil-qasam tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni jistħoqqilhom l-attenzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-effetti ħżiena fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

(8) Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabilità skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-programm huwa plawsibbli, dejjem jekk il-kundizzjonjiet finanzjarji tas-suq ma jmorrux aktar għall-agħar. F’konformità mal-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2012, huwa mistenni li l-PDG jonqos drastikament din is-sena u jirkupra gradwalment fl-2013. F’konformità mal-Proċediura ta’ Defiċit Eċċessiv (EDP, l-għan tal-istrateġija baġitarja mfissra fil-programm hija li d-defiċit ġenerali tal-gvern jitniżżel għal taħt il-valur referenzjarju ta' 3% tal-PDG sal-2012, abbażi ta’ aktar tnaqqis fl-infiq u dħul addizzjonali. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-programm jikkonferma l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) dwar pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali, li adegwatament tirrifletti il-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Huwa ppjanat li jintlaħaq fl-2013, jiġifieri sena qabel milli mmirat fil-programm ta’ Stabbiltà preċedenti. Ibbażat fuq id-defiċit strutturali (ikkalkulat mill-ġdid)[8], l-isforz fiskali annwali medju ppjanat fuq il-perjodu 2010-2012 huwa ’l fuq sew mill-0,5% tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill skont l-EDP. Il-pass ta’ aġġustament previst f’termini strutturali fl-2013 jippermetti li jinkisbu l-OTM matul dik is-sena kif ukoll ir-rata ppjanata tat-tkabbir tal-infiq pubbliku, u li jittieħed kont tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonali huwa konformi mal-parametru referenzjarju tan-nefqa tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-programm jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn pubbliku se jilħaq il-quċċata fl-2012 u mbagħad jibda jonqos b'rata dejjem iktar mgħaġġla hekk kif il-bilanċ pożittiv jikber. Fl-2013-14 l-Italja se tkun f’perjodu ta’ tranżizzjoni u l-pjanijiet baġitarji tagħha se jiżguraw progress suffiċjenti li jilħaq il-parametru referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn, kif ikkonfermat wkoll fil-previżjoni tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa tal-2012. Skont il-pjanijiet, il-parametru referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn se jintleħaq fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (2015). Sabiex jintlaħqu l-eżiti tad-defiċit u tad-dejn t’hawn fuq hija meħtieġa l-implimentazzjoni baġitarja stretta u sħiħa tal-miżuri korrettivi adottati fl-2010-11. Fl-aħħarnett, l-Italja tidher li tinsab f'riskju medju fir-rigward tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi fuq terminu medju.

(9) Rigward il-qafas fiskali, il-Parlament Taljan approva liġi li tintroduċi regola dwar baġit ibbilanċjat fil-Kostituzzjoni Taljana. Hija meħtieġa leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika il-karatteristiċi ewlenin tar-regola, jiġifieri l-modalitajiet tal-applikazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni xierqa u l-klawsoli ta’ ħruġ kif ukoll il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-livelli differenti pubbliċi. Il-Gvern impenjat li jsegwi titjib fl-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika li jżomm fit-tul, permezz ta’ analiżi ddettaljata tal-infiq fil-livelli kollha pubbliċi. L-analiżi għandha ukoll tippermetti ordni ta’ prijorità fil-partiti tan-nefqa favur it-tkabbir. Bl-istess għan, l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-użu tal-Fondi Strutturali għaddejja permezz ta’ miżuri meħuda f'Marzu 2011 u bil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Koeżjoni ta’ Novembru 2011, li jimmira wkoll li jitħaffef l-assorbiment tal-fondi strutturali. Madankollu, nuqqasijiet importanti f'termini ta’ kapaċità amministrattiva għadhom ifixklu l-assorbiment u għalhekk l-implimentazzjoni tal-pjan, speċjalment fir-reġjuni ta' konverġenza.

(10) L-istruttura tas-sistema tat-taxxa u l-livell għoli ta’ evażjoni tat-taxxa u x-xogħol mhux iddikjarat affettwaw ħażin il-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż. Il-konformità fit-taxxa u fil-governanza huma affettwati wkoll mill-infiq fuq firxa wiesgħa tat-taxxi u minn proċeduri amministrattivi kumplessi u problematiċi. L-ispustar parzjali tal-piż tat-taxxa, li diġà huwa fis-seħħ, lil hinn mill-fatturi tal-produzzjoni għal fuq il-konsum u l-proprjetà huwa l-ewwel pass importanti biex l-istruttura tat-taxxa tkun aktar favorevoli għat-tkabbir, iżda spustar ulterjuri huwa mandatorju, filwaqt li jinżamm kont tal-effetti tad-distribuzzjoni.

(11) Il-ftehim tal-imsieħba soċjali ta’ Ġunju 2011 għar-riforma tal-qafas għan-negozjar tas-salarji ġie formalizzat fil-leġiżlazzjoni. Għandu jippermetti użu aktar estensiv ta’ kuntratti fil-livell ta’ impriżi, filwaqt li jitqiesu aħjar il-ħtiġijiet tal-attivitajiet speċifiċi tal-produzzjoni. Madankollu, sabiex tiġi indirizzata b’mod sħiħ il-kwistjoni tal-ispejjeż tax-xogħol unitarji nominali b’mod aktar dinamiku fir-rigward tal-imsieħba kummeċjali, li hija fattur ewlieni għat-telf tal-kompetittività tal-Italja, is-sistema ta’ negozjar tas-salarji tista' tiġi riformata ulterjuri billi tippermetti arranġamenti aktar flessibbli anki fuq livell settorjali nazzjonali. F’April 2012, il-gvern ippropona riforma ambizzjuża fis-suq tax-xogħol li tindirizza l-isfidi li ilhom eżistenti fis-suq tax-xogħol Taljan inkluż is-segmentazjoni tiegħu. Din ir-riforma jeħtieġ li tiġi adottata bħala kwistjoni urġenti, u jkun żgurat li l-objettiv u l-livell ta' ambizzjoni tagħha jibqgħu fi proporzjon mal-isfida tas-suq tax-xogħol Taljan. L-iskala u l-effettività tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-impjieg għandhom ikunu mgħassa mill-viċin.

(12) Minkejja l-isforzi li saru biex titjieb l-impjegabbil tà tan-nisa, prinċipalment permezz ta’ inċentivi fiskali mmirati, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa Taljani hija aktar baxxa b’mod sinifikanti (46,5% fl-2011) mill-medja tal-UE 27 (58,5% fl-2011). Hija meħtieġa aktar azzjoni dwar faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u tal-anzjani. L-isfida hija partikolarment qawwija għall-ħaddiema nisa t’età akbar fis-settur privat, għax l-età tal-pensjoni għan-nisa se tiżdied b’ħames snin bejn l-2012 u l-2018.

(13) Il-qgħad taż-żgħażagħ fl-Italja laħaq il-medja ta’ 29,1% fl-2011 u kompla jikber fl-ewwel xhur tal-2012. B’mod partikolari, ir-rata tal-qgħad fost il-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja hija għolja u hemm diskrepanza bejn il-ħiliet miksuba u dawk li huma meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Il-promozzjoni tal-apprendistat bħala l-port prinċipali għad-dħul fis-suq tax-xogħol hija apprezzata, iżda għadha teħtieġ l-infurzar tal-istrumenti xierqa, bħal sistema ġdida ta’ standards tax-xogħol u tat-taħriġ kif ukoll skemi għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet. Il-Kummissjoni varat Grupp ta’ Azzjoni biex jipprogramma mill-ġdid il-fondi ta’ koeżjoni lejn miżuri li jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-SMEs.

(14) Ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola ta’ 18,8% fil-livell nazzjonali, b'varjazzjonijiet reġjonali qawwija, għandha effetti negattivi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Azzjoni aktar immirata u kkoordinata biex tindirizza l-isfida tat-tluq bikri mill-iskola għandha tittieħed billi tgħaqqad miżuri ta’ prevenzjoni, ta’ intervent u ta’ kumpens. Il-prestazzjoni baxxa tas-sistema edukattiva terzjarja għandha tkun indirizzata anki permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma universitarja tal-2010, u rabta aktar qawwija bejn il-prestazzjoni tal-universitajiet u l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku.

(15) L-Italja adottat miżuri importanti biex tilliberalizza s-servizzi, b’mod partikolari s-servizzi professjonali, u ttejjeb il-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks. Madankollu, għad hemm sfidi multipli fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport, b’mod partikolari f’dak tal-ferroviji u tal-portijiet, fejn l-ostakli fl-infrastruttura u fis-suq għadhom sinifikanti.

(16) Għalkemm xi miżuri diġà ġew adottati biex tkun imħeġġa s-simplifikazzjoni amministrattiva, l-ambjent tan-negozju fl-Italja jibqa’ kumpless. B’mod partikolari, is-sitema ġudizzjarja tbati minn għadd ta’ ineffiċenzi f’termini ta’ użu tar-riżorsi, proċeduri u organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet, li huma riflessi fil-prestazzjoni baxxa tal-ġustizzja ċivili Taljana, partikolarment fir-rigward tat-trattament tal-każijiet ta’ tul eċċessiv u l-ammont ta’ xogħol b’lura.

(17) L-aċċess għal finanzjament minn SMEs huwa diffiċli u l-intensità tal-kapital ta’riskju hija dgħajfa. Benefiċċju għall-Ekwità Korporattiva ġdida (ACE) kien introdott f’Diċembru 2011 li jippermetti lill-kumpaniji li jeskludu il-qligħ fittizju fuq injezzjonijiet ġodda ta’ kapital ta’ ekwità mid-dħul taxxabbli. Dan huwa mistenni li jiffaċilita iż-żieda fid-daqs tad-ditti tal-SMEs u l-investiment fl-innovazzjoni. Filwaqt li ttieħdu xi miżuri sabiex jiffavorixxu l-R&D (ir-riċerka u l-iżvilupp) privati, b’mod speċjali l-finanzjament mill-ġdid għal kreditu ta' taxxa għall-investiment kummerċjali fir-riċerka, l-intensità għadha baxxa u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta' natura innovattiva hija dgħajfa.

(18) L-Italja ħadet għadd ta’ impenji taħt il-Patt Euro Plus. Dawn l-impenji, u l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati s-sena li għaddiet, għandhom x’jaqsmu mat-tkabbir fl-impjiegi, mat-titjib fil-kompetittività, mat-titjib fis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni ġew ikkunsidrati fir-rakkomandazjonijiet.

(19) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’ riforma, u ppreżentat analiżi fil-fond. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Italja, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) hawn taħt.

(20) Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Italja, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

(21) Fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta' riforma tal-Italja għall-2012 u l-programm ta' stabbiltà tal-Italja. Ir-rakomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) hawn taħt

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 sabiex:

1. Timplimenta l-istrateġija baġitarja kif ippjanata, u tiżgura li d-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut fl-2012. Tiżgura l-bilanċi favorevoli primarji strutturali fil-pjan sabiex tnaqqas il-proporzjon tad-dejn mal-PDG sal-2013. Tiżgura progress xieraq lejn l-għan baġitarju għat-terminu medju, filwaqt li tilħaq il-parametru referenzjarju tan-nefqa u tagħmel progress suffiċjenti biex tkun konformi mal-parametru referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn.

2. Tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet tal-fatturi ewlenin tar-regola Kostituzzjonali għal baġit ibbilanċjat, inkluża l-koordinazzjoni xierqa fil-livell pubbliku, huma konsistenti mal-qafas tal-UE. Twettaq titjib, li jżomm fit-tul, fl-effiċenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika permezz ta’ analiżi ippjanata dwar l-infiq u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Koeżjoni tal-2011, li jwasslu għall-assorbiment u l-ġestjoni tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Italja.

3. Tieħu aktar azzjoni biex tindirizza l-qgħad taż-żgħażagħ, anki billi ttejjeb ir-rilevanza tal-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol u tiffaċilita t-tranżizzjoni għax-xogħol, anki permezz ta' inċentivi għan-negozji ġodda li għadhom jibdew u għall-ingaġġar tal-impjegati. Tinforza r-rikonoxximent nazzjonali tal-ħiliet u l-kwalifiki biex tippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol. Tieħu miżuri biex jitnaqqsu r-rati ta’ dawk li jieqfu waqt l-edukazzjoni terzjarja u tiġġieled it-tluq bikri mill-iskola.

4. Tadotta r-riforma tas-suq tax-xogħol bħala prijorità biex tindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u tistabbilixxi skema integrata tal-benefiċċju tal-qgħad. Tieħdu azzjoni ulterjuri biex tinċentiva l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikulari permezz tal-provvediment ta’ kura għat-tfal u għall-anzjani. Biex iżżid il-kompetittività tan-nefqa issaħħaħ ir-rabta bejn il-pagi stabbiliti fil-livell settorjali u l-produttività, permezz tal-qafas tal-iffissar tas-salarji f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u bi qbil mal-prattiki nazzjonali.

5. Tkompli l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Issus wara l-ekonomija moħbija u x-xogħol mhux iddikjarat, per eżempju billi ssaħħaħ l-iċċekkjar u l-kontrolli. Tieħu miżuri biex tnaqqas l-ambitu tal-eżenzjonijiet mit-taxxa, tal-benefiċċji u tar-rati mnaqqsa tal-VAT, kif ukoll tiġi ssimplifikata l-kodiċi tat-taxxa. Tieħdu azzjoni ulterjuri biex tisposta l-piż tat-taxxa lil hinn mill-kapital u x-xogħol għal fuq il-proprjetà u l-konsum kif ukoll l-ambjent.

6. Timplimenta l-miżuri adottati ta’ liberalizzazzjoni u ta’ simplifikazzjoni fis-settur tas-servizzi. Tieħu aktar miżuri biex ittejjeb l-aċċess għas-suq fl-industriji tan-netwerks, kif ukoll fil-kapaċità u fl-interkonnessjonijiet tal-infrastruttura.

7. Tissimplifika aktar il-qafas regolatorju għan-negozji u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Ittejjeb l-aċċess għal strumenti finanzjarji, b’mod partikolari l-ekwità, biex tiffinanzja n-negozji li qed jikbru u l-innovazzjoni. Timplimenta r-riorganizzazzjoni ppjanata tas-sistema ġudizzjarja ċivili u tinkoraġġixxi l-użu ta’ mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.8.1997, p. 1

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25

[3]               COM(2012) 318 finali.

[4]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[5]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012

[6]               COM(2012) 68 finali.

[7]               SWD(2012) 156 finali.

[8]               Bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u dawk temporanji, ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif provdut f’dan il-programm, permezz tal-użu tal-metodoloġija komunament maqbula.

[9]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top