Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0303

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza tar-Repubblika Ċeka għall-perjodu 2012-2015

/* COM/2012/0303 final - 2012/ () */

52012DC0303

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza tar-Repubblika Ċeka għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0303 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza tar-Repubblika Ċeka għall-perjodu 2012-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi [4], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fit-12 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' konverġenza tar-Repubblika Ċeka għall-perjodu 2011 u l-2014.

(4)       Fit-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[5], li fih hija ma identifikatx ir-Repubblika Ċeka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(5)       Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirzzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(6)       Fil-25 ta’ April 2012 ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-programm ta’ konverġenza tagħha, li jkopri l-perjodu 2012-2015, u fit-13 ta’ April 2012 ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza tal-2012 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm huwa plawsibbli. Skont il-programm ta’ konverġenza, it-tkabbir tal-PDG huwa mistenni li jilħaq 0.2% u 1.3% fl-2012 u l-2013 rispettivament, imqabbel ma’ 0% u 1.5% fl-2012 u 2013 rispettivament fit-tbassir tal-Kummisjsoni tar-rebbiegħa tal-2012. L-objettiv tal-istrateġija tal-baġit deskritta fil-programm huwa li jintlaħaq baġit bilanċjat fl-2016. Il-mira għad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 2.9% tal-PDG fl-2013 huwa konformi mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv stabbilita fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009. L-isforz fiskali annwali medju ta’ 0.9% tal-PDG matul il-perjodu 2010-2013, ibbażat fuq il-bilanċ tal-baġit strutturali (rikalkulat)[6], huwa kemxejn taħt l-isforz ta’ 1% tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) baġitarju preċedenti, ta’ defiċit ta’ 1% tal-PDG, li jirrifletti adegwatament ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li għandhom jintlaħqu fl-2015. Il-progress lejn l-OTM huwa ta’ 0.8% u ta’ 0.7% tal-PDG fl-2014 u fl-2015 rispettivament, abbażi ta’ bilanċ strutturali (rikalkulat) u fuq li r-rata tat-tkabbir tal-infiq tal-gvern tkun konformi mal-punt ta’ riferiment għan-nefqa fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-projezzjonijiet baġitarji tal-programm huma soġġetti għal diversi riskji. Il-liġi dwar kumpens finanzjarju lill-knejjes, fil-present diskussa fil-Parlament, iżżid id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika b’1.5% tal-PDG fis-sena li fiha tidħol fis-seħħ. B’mod aktar ġenerali, in-natura u l-firxa tal-miżuri previsti ta’ konsolidament kemm fuq id-dħul kif ukoll fuq l-infiq jinvolvi riskju sinifikanti għas-sostenibilità tal-aġġustament fiskali lil hinn mill-perjodu tal-programm. L-aġġustament baġitarju sa issa serraħ l-aktar fuq tnaqqis ġenerali, li jaffettwa wkoll in-nefqa li ttejjeb it-tkabbir. Għall-2013 – 2015 huwa ppjanat tfaddil addizzjonali fl-infiq għall-amministrazzjoni pubblika li jammonta għal kważi 1% tal-PDG, iżda d-dettalji mhumiex speċifikati biżejjed fil-programm. Finalment, il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ dħul ippjanati huma miżuri ta’ natura temporanja u għandhom jiskadu fl-2015. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jilħaq il-quċċata ta’ 45.1% tal-PDG fl-2013 u imbagħad jibda jonqos, l-aktar minħabba t-titjib kontinwu pprojettat fil-bilanċ primarju.

(8)       Fl-2011, l-awtoritajiet Ċeki approvaw żieda fir-rata mnaqqsa tal-VAT u fid-dazji tas-sisa fuq it-tabakk; huma wkoll approvaw riforma ewlenija fit-taxxa li taffettwa t-tassazzjoni fuq ix-xogħol li għandha tidħol fis-seħħ fl-2014. F’April 2012 ġew miftiehma fil-livell ta’ gvern bidliet ulterjuri fis-sistema tat-taxxa. Xi wħud jolqtu t-tassazzjoni ambjentali u dik tal-akkomondazzjoni, li bħalissa hija ta’ livell aktar baxx milli għandha tkun. In-natura temporanja proposta tad-dispożizzjonijiet fejn tidħol it-tassazzjoni fuq ix-xogħol toħloq spejjeż addizzjonali ta’ konformità u tnaqqas il-prevedibbiltà għall-kontribwenti. Barra minn hekk, il-proposti l-ġodda jindirizzaw biss parzjalment it-tassazzjoni effettiva ta’ livell baxx għal min jaħdem għal rasu, imqabbla ma’ dik għal min hu impjegat, minħabba l-użu estensiv ta’ ammonti li jitħallsu f’daqqa u ta’ tnaqqis mit-taxxa. Finalment, il-gvern adotta miżuri biex jiġġieled il-frodi fil-qasam tal-VAT u tat-taxxi fuq il-fjuwil u għamel l-ewwel passi biex jintroduċi punt tal-ġbir uniku. Madankollu, il-konformità mat-taxxa għadha problematika u s-sistema ta’ ġbir tat-taxxa ta’ bħalissa mhix ibbażata fuq strateġija artikolata u komprensiva ta’ konformità mat-taxxa.

(9)       Il-gvern Ċek approva, u parzjalment implimenta, riforma fis-sistema tal-pensjonijiet, immirata lejn ir-restawr tas-sostenibbiltà fiskali u ż-żieda fl-iffrankar għall-irtirar. Madankollu, l-iżbilanċi fiskali pprojettati fis-sistema tal-pensjonijiet għadhom għoljin meta mqabbla mal-medja tal-UE. Fir-riforma ma ġietx inkluża rabta espliċita bejn l-età statutorja tal-pensjoni u l-istennija tal-għomor. Il-kapaċità tal-pilastru ffinanzjat ġdid biex jikkontribwixxi għal pensjonijiet medji ogħla fil-futur tiddependi fuq il-proporzjon ta’ ħaddiema, speċjalment dawk iżgħar fl-età, li jipparteċipaw fih u fuq ir-rata ta’ redditu mistennija fit-tul. Madankollu, ma tħabbru l-ebda miżuri sabiex jistimulaw il-parteċipazzjoni f’dan il-pilastru u jkun xieraq li tingħata aktar gwida għal dawk li potenzjalment jistgħu jieħdu sehem fih. Barra minn hekk, l-iskema l-ġdida ta’ irtirar kmieni proposta mill-gvern tirrappreżenta riskju maġġuri għall-kredibbiltà u l-ambizzjoni tar-riformi biex tinkiseb kemm żieda effettiva fl-età tal-irtirar kif ukoll biex ikun hemm pensjonijiet adegwati.

(10)     Ir-rata ġenerali tal-qgħad hija taħt il-medja tal-UE iżda n-nisa bit-tfal u gruppi vulnerabbli oħrajn ibatu biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fis-suq tax-xogħol. Ritorn aktar kmieni mil-liv tal-ġenituri, ħaġa li żżomm milli jintilfu l-ħiliet, jiddependi fuq disponibbiltà akbar ta’ faċilitajiet għall-kura għat-tfal, speċjalment għal tfal taħt it-tliet snin. F’dan ir-rigward, il-gvern irrilassa l-obbligi tekniċi għat-twaqqif ta’ kindergartens ibbażati f’kumpaniji u qed jipprevedi li jagħti inċentivi tat-taxxa għal użu akbar ta’ sistemi privati ta’ kura tat-tfal, biex b’hekk ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati parzjalment. Madankollu, peress li huma biss 3% tat-tfal taħt it-tliet (3) snin li jattendu kura tat-tfal formali (mqabbel ma’ 24% fl-UE-27, 2009), huma meħtieġa aktar miżuri bil-ħsieb li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ġenituri bi tfal żgħar.

(11)     Ġew adottati diversi miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-servizz għall-impjiegi pubbliċi (PES). L-uffiċċji tax-xogħol reġjonali tpoġġew taħt ir-responsabbiltà ta’ uffiċċju ċentrali ġdid tax-xogħol, u bħala parti minn riforma usa’ tal-benefiċċji soċjali, ir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ benefiċċji soċjali mhux marbuta ma’ assigurazzjoni ġiet trasferita mill-muniċipalitajiet lejn l-uffiċċji tax-xogħol. Madankollu, iż-żieda fl-ammont ta’ xogħol li dan ġab miegħu se tpoġġi aktar pressjoni fuq il-persunal tal-PES, li n-numru tagħhom naqas bi 12% fl-2011. Biex jittejbu s-servizzi ta’ sejba ta’ impjiegi, iddaħħlet sistema ta’ esternalizzazzjoni lejn aġenziji privati. Madankollu, l-istruttura tal-miżati tidher inadegwata. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li jkun hemm kwalità u effikaċja aħjar fejn jidħol it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tal-impjieg, u tas-servizzi individwalizzati. Jeħtieġ li jiġu pprovduti l-mezzi u l-inċentivi meħtieġa. Għandha tiddaħħal sistema ta’ valutazzjoni tal-effiċjenza biex jittejjeb l-immirar jekk l-interventi u l-iffinanzjar ta’ programmi ta’ attivazzjoni ikollhom jintrabtu mal-prestazzjoni.

(12)     Għad hemm ambitu wiesa’ għal titjib fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, minkejja t-titjib riċenti f’xi oqsma, bħal ma huma s-servizzi tal-Gvern-e u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-impriżi. Fir-rigward tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni, il-kisba prinċipali kienet l-adozzjoni tal-Att il-ġdid dwar l-Akkwist Pubbliku, li daħal fis-seħħ f'April 2012. Madankollu, l-infurzar u l-implimentazzjoni xierqa se jkunu kruċjali għall-kredibilità u l-effettività tiegħu. Il-kwistjoni ta’ azzjonisti anonimi għadha ma ġiex indirizzata. L-Att dwar l-impjegati pubbliċi għadu qed jitħejja iżda jeħtieġ li jiġi adottat mingħajr dewmien sabiex jagħti l-istabbilità meħtieġa lill-amministrazzjoni. Barra minn hekk, irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku u t-tħaddim f’livell anqas minn ottimali tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-amministrazzjoni pubblika kienu sorsi kbar ta’ problemi fejn daħlet l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE.

(13)     L-ekonomija Ċeka jeħtieġ li timmobilizza fatturi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn it-tkabbir ibbażat fuq l-innovazzjoni, valur miżjud ogħla u l-kapital uman peress li l-opportunitajiet għal iktar konverġenza reali bbażati fuq tkabbir kapital intensiv jidher pjuttost limitat. Bħalissa qed tiġi diskussa riforma fl-edukazzjoni terzjarja. Għalkemm din tinkludi riforma mill-qiegħ tal-proċess preżenti tal-akkreditazzjoni, mhix biżżejjed preċiża fejn tidħol il-kwistjoni kruċjali tal-istandards ta’ evalwazzjoni tal-kwalità u, minħabba n-nuqqas ta’ ġbir sistematiku ta’ dejta u ta’ analiżi, tbati minn nuqqas ta’ appoġġ mill-komunità akkademika. Fid-dawl tal-fatt li r-riżultati li qed iġibu l-istudenti Ċeki sejrin lura, il-Gvern ħa passi biex jassigura livell minimu ta’ riżultati tat-tagħlim u telaq fuq strateġija ta’ ttestjar fuq il-kompjuter li qed issir madwar il-pajjiż kollu. Madankollu, dawn il-miżuri huma dojoq wisq biex effettivament iżidu l-kwalità u l-ekwità tal-edukazzjoni obbligatorja.

(14)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Repubblika Ċeka. Hija vvalutat il-programm ta’ konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-ġejjieni. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) aktar 'l isfel.

(15)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza tar-Repubblika Ċeka, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex:

1.           Tiżgura progress ippjanat lejn il-korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv. Għal dan il-għan, timplimenta bis-sħiħ il-baġit tal-2012 u tispeċifika miżuri ta’ natura durabbli meħtieġa għas-sena 2013 sabiex tikseb l-aġġustament strutturali annwali medju speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Sussegwentement, tassigura sforz adegwat ta’ aġġustament strutturali biex tagħmel progress suffiċjenti lejn l-objettiv ta’ terminu medju, inkluż li jintlaħaq il-punt ta’ riferiment fejn tidħol in-nefqa. F’dan il-kuntest, tevita tnaqqis ġenerali, tissalvagwardja nefqa li tistimula t-tkabbir u żżid l-isforzi biex titjieb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Tisfrutta l-ispazju disponibbli għal żidiet fit-taxxi li jkunu l-inqas ta’ ħsara għat-tkabbir. Iċċaqlaq il-livell għoli ta’ tassazzjoni fuq ix-xogħol u tixħtu aktar lejn it-tassazzjoni fuq l-akkomodazzjoni u t-tassazzjoni ambjentali. Tnaqqas id-diskrepanzi fit-trattament tat-taxxa bejn min hu impjegat u min jaħdem għal rasu. Tieħu miżuri biex ittejjeb il-ġbir tat-taxxa, tnaqqas l-evażjoni tat-taxxa u ttejjeb il-konformità mat-taxxi, inkluż bl-implimentazzjoni tal-Punt Uniku ta’ Ġbir għat-taxxi kollha.

2.           Tintroduċi aktar bidliet fl-iskema tal-pensjoni pubblika sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha fit-tul. Terġa’ tqis il-pjanijiet li jippermettu ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol u torbot iż-żieda fl-età tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. Tiżgura l-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ ħaddiema iżgħar fl-età fl-iskema finanzjata prevista biex ittejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

3.           Tieħu miżuri addizzjonali sabiex iżżid b’mod sinjifikanti d-disponibbiltà ta’ faċilitajiet, li jkunu bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità, għall-kura tat-tfal ta’ qabel l-età tal-iskola.

4.           Issaħħaħ is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi billi żżid il-kwalità u l-effettività tat-taħriġ, tal-għajnuna għat-tiftix ta’ impjiegi u tas-servizzi individwalizzati, inkluż ta’ servizzi esternalizzati.

5.           Tadotta u timplimenta bħala kwistjoni ta’ urġenza l-Att dwar l-Impjegati Pubbliċi biex tippromwovi l-istabilità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika biex jiġu evitati l-irregularitajiet, tiżgura l-implimentazzjoni adegwata tal-Att il-ġdid dwar l-Akkwist Pubbliku. Tindirizza l-kwistjoni ta’ azzjonisti anonimi. Tiżgura l-implimentazzjoni korretta tal-Fondi tal-UE u tintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

6.           Tadotta l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tistabbilixxi sistema trasparenti u definita ċar għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja u tal-istituzzjonijiet tar-riċerka. Tiżgura li l-finanzjament ikun sostenibbli u marbut mal-eżitu tal-valutazzjoni tal-kwalità. Tistabbilixxi qafas ta’ evalwazzjoni orjentat lejn it-titjib fejn tidħol l-edukazzjoni obbligatorja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1.

[2]               COM(2012) 303 finali

[3]               P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047

[4]               Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/KE tat-26 ta' April 2012

[5]               COM (2012) 68 finali.

[6]               Bilanċ aġġustat ċiklikament nett ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut f’dan il-programm, bl-użu tal-metodoloġija komunament maqbula.

[7]               Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top