EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0271

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

/* COM/2012/0271 final */

52012DC0271

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija /* COM/2012/0271 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

L-enerġija rinnovabbli tagħtina l-opportunità li niddiversifikaw il-provvista tagħna tal-enerġija. Din tkabbar is-sigurtà tagħna tal-provvista u ttejjeb il-kompetittività Ewropea billi toħloq industriji ġodda, impjiegi, tkabbir ekonomiku u opportunitajiet għall-esportazzjoni, filwaqt li tnaqqas ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħna. Tkabbir qawwi fl-enerġija rinnovabbli sal-2030 jista’ jiġġenera aktar minn 3 miljun impjieg[1], inkluż fl-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Biex l-Ewropa tkompli tkun fuq quddiem nett fl-enerġija rinnovabbli, dan ser iżid ukoll il-kompetittività globali tagħna, hekk kif l-industriji "ta’ teknoloġija nadifa" jsiru dejjem aktar importanti madwar id-dinja. Fl-2007, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-għan ambizzjuż li sal-2020 jinkiseb sehem ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli u sehem ta’ 10 % ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport u dawn l-għanijiet ġew appoġġjati minn sensiela ta’ politiki ta’ sostenn[2]. L-għan tal-enerġija rinnovabbli huwa mira ewlenija tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Fil-bidu tal-2012, dawn il-politiki bdew jiffunzjonaw u l-UE bħalissa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet tagħha[3] (ara l-Kapitolu 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).

Madankollu, il-kriżi ekonomika wasslet biex l-investituri jkunu kawti dwar is-settur tal-enerġija. Fis-swieq liberalizzati tal-enerġija tal-Ewropa, it-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli jiddependi mill-investiment mis-settur privat, li min-naħa tiegħu jiddependi fuq l-istabbiltà tal-politika tal-enerġija rinnovabbli. L-investiment fl-infrastruttura, il-manifattura u l-loġistika wkoll jeħtieġu investiment relatat – fil-faċilitajiet tal-ittestjar, fil-produzzjoni tal-kajbil, fil-fabbriki u l-bastimenti biex jibnu stallazzjonijiet tar-riħ fuq il-baħar. Flimkien ma’ implimentazzjoni u infurzar rigoruż tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli[4], hija meħtieġa ċarezza dwar politika aktar fit-tul biex jiġi żgurat li jsir l-investiment meħtieġ.

Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050[5] jibni fuq is-suq uniku tal-enerġija[6], l-implimentazzjoni ta’ pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija u l-għanijiet dwar il-klima kif spjegati fil-pjan direzzjonali għall-ekonomija b’karbonju baxx sal-2050[7]. Irrispettivament mill-għażla tax-xenarju, l-ikbar sehem tal-provvista tal-enerġija fl-2050 ser jiġi mill-enerġija rinnovabbli. Tkabbir qawwi fl-enerġiji rinnovabbli huwa dak li jissejjaħ l-għażla 'mingħajr dispjaċir'. Madankollu, minkejja l-qafas b’saħħtu għall-2020, il-Pjan Direzzjonali jissuġġerixxi li t-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli ser jonqos wara l-2020 jekk ma jkunx hemm intervent ulterjuri minħabba l-ispejjeż akbar u l-ostakli meta mqabbla mal-fjuwils fossili. Ċarezza bikrija tal-politika dwar ir-reġim għal wara l-2020 ser tiġġenera benefiċċji reali għall-investituri fl-industrija u l-infrastruttura kif ukoll direttament għall-investituri tal-enerġija rinnovabbli.

Kif imfassla attwalment, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 2009/28/KE hija mfassla biex tiżgura li jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-2020. Fl-2018, id-Direttiva tipprevedi pjan direzzjonali ta’ wara l-2020 Madankollu, il-partijiet interessati diġà qed jitolbu ċarezza dwar żviluppi ta' politika wara l-2020. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni temmen li huwa importanti li tibda tipprepara issa għall-perjodu lil hinn mill-2020. Din il-Komunikazzjoni tispjega kif l-enerġija rinnovabbli qed tiġi integrata fis-suq uniku. Din tagħti ċerta gwida dwar il-qafas attwali sal-2020 u telenka l-għażliet ta’ politika possibbli għal wara l-2020, biex tiżgura l-kontinwità u l-istabbilità, li tgħin il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-Ewropa biex tkompli tikber sal-2030 u lil hinn minnha. Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal u minn Valutazzjoni tal-Impatt.

2.           L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq intern

Biex tintlaħaq il-mira ta’ 20 %, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli[8] stipulat miri nazzjonali obbligatorji. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, l-Istati Membri jistgħu joperaw skemi ta’ appoġġ u japplikaw miżuri ta’ kooperazzjoni (l-Artikoli 3, 6 sa 9). Billi bnew fuq il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli, is-sistemi ta’ appoġġ stabbiliti mill-Istati Membri u l-investiment kontinwu fir-Riċerka u l-Iżvilupp, is-settur tal-enerġija rinnovabbli tal-Ewropa żviluppa ferm iktar mgħaġġel milli previst fiż-żmien li fih sar l-abbozz tad-Direttiva. Il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli qegħdin isiru atturi sinifikanti fis-suq tal-enerġija.

L-iżviluppi u l-ispejjeż tas-suq

Tkabbir qawwi fis-swieq tal-enerġija rinnovabbli jissuġġerixxi li t-teknoloġiji qed "jimmaturaw" b’mod sinifikanti. Fil-ħames snin sal-2010, l-ispejjeż medji tas-sistema fotovoltajka naqsu bi 48 % u l-ispejjeż tal-modulu b’41 %. L-industrija tistenna li l-ispejjeż ikomplu jonqsu fuq il-bażi tat-tkabbir xprunat mill-politiki attwali ta’ appoġġ mill-gvernijiet, mir-riformi u t-tneħħija tal-ostakoli fis-suq. L-ispejjeż tal-investiment mir-riħ fuq l-art naqsu b’10 % bejn l-2008 u l-2012. Sal-2020, is-sistemi fotovoltajċi u l-produzzjoni tar-riħ fuq l-art huma mistennija li jkunu kompetittivi f'diversi swieq. Madankollu, biex tintlaħaq il-kompetittività, huwa meħtieġ impenn tal-politika fl-oqsfa regolatorji li jappoġġaw il-politika industrijali, l-iżvilupp tat-teknoloġija u t-tneħħija tal-ostakli fis-suq. Teknoloġiji oħra jsegwu d-direzzjonijiet differenti ta’ maturità iżda l-ispejjeż kapitali tagħhom b’mod ġenerali huma mistennija li jonqsu wkoll.

Huwa importanti li nkomplu nużaw kull għodda għad-dispożizzjoni tagħna biex innaqqsu l-ispejjeż, biex niżguraw li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jsiru kompetittivi u fl-aħħar mill-aħħar ikunu xprunati mis-suq. Il-politiki li jxekklu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu riveduti u b’mod partikolari, għandhom jitneħħew gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili. Minħabba l-kumplimentarjetà tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija rinnovabbli, huwa meħtieġ suq tal-karbonju li jiffunzjona tajjeb flimkien ma’ taxxi mfassla sew għall-enerġija li joffru inċentivi ċari u b’saħħithon lill-investituri biex jinvestu f’teknoloġiji b’karbonju baxx u għall-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji. Fl-istess waqt, l-enerġija rinnovabbli għandha tiġi integrata gradwalment fis-suq b’appoġġ imnaqqas jew mingħajr l-ebda appoġġ, u matul iż-żmien għandha tikkontribwixxi għall-istabbilità tas-sigurtà tal-grilja b’mod ugwali mal-ġeneraturi tal-enerġija konvenzjonali u bi prezzijiet tal-elettriku kompetittivi. Fuq medda twila ta’ żmien, jeħtieġ li jkunu żgurati l-istess opportunitajiet.

Titjib fl-iskemi ta’ appoġġ

L-ispiża tal-enerġija rinnovabbli mhijiex determinata biss mir-riħ, mix-xemx, mill-bijomassa jew mir-riżorsi tal-ilma; l-ispejjeż tal-proġett huma wkoll xprunati minn spejjeż amministrattivi[9] u spejjeż kapitali. Il-proċeduri kkumplikati ta’ awtorizzazzjoni, in-nuqqas ta’ postijiet fejn tinqeda f’kollox (one-stop-shops), il-ħolqien ta’ proċeduri ta’ reġistrazzjoni, il-proċessi ta’ ppjanar li jistgħu jieħdu x-xhur u s-snin u l-biża’ ta’ tibdiliet retroattivi għall-iskemi ta’ appoġġ, iżidu r-riskji tal-proġett (Ara l-Kapitolu 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Riskji għoljin bħal dawn, partikolarment, f’pajjiżi bi swieq kapitali taħt stress, jirriżultaw fi prezz għoli ħafna tal-kapital li jgħollu l-ispiża tal-proġetti bl-enerġija rinnovabbli u jimminaw il-kompetittività tagħhom. B’hekk, reġimi amministrattivi sempliċi, skemi stabbli u affidabbli ta’ appoġġ u aċċess aktar faċli għall-kapital (pereżempju permezz ta’ skemi pubbliċi ta’ appoġġ) ser jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-enerġija rinnovabbli. F’dak il-kuntest, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali jista’ jkollhom rwol ewlieni. Illum, bosta teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jibbenefikaw minn skemi nazzjonali ta’ appoġġ[10], iżda huwa affettwati biss sehem żgħir tas-suq tal-enerġija: inqas minn terz tad-19 % tal-elettriku tagħna mill-enerġija rinnovabbli huwa protett mill-prezzijiet tas-suq. Fis-settur tat-trasport, il-forom kollha ta’ fjuwils alternattivi minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jgħoddu lejn il-mira ta’ 10 % għat-trasport, għalkemm l-iżvilupp qed jinżamm lura minn prezzijiet għoljin tas-sistemi relatati ta’ trasport u mill-infrastruttura ta’ fjuwil mhux suffiċjenti[11]. L-obbligi dwar it-taħlit tal-bijofjuwils huma komuni u l-bijofjuwils jikkostitwixxu madwar 4 % tal-karburanti tat-trasport. Fil-prinċipju, l-ispejjeż qed jgħaddu għand il-konsumatur mill-fornituri tal-karburanti. Fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ (madwar13 % minnu jiġi minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli), tneħħa l-appoġġ għal ċerti teknoloġiji u swieq maturi (eż. l-enerġija solaritermali).

It-teknoloġiji maturi li joperaw fi swieq kompetittivi, b’suq tal-karbonju li jiffunzjona tajjeb fl-aħħar mill-aħħar m’għadhomx ikunu jeħtieġu aktar appoġġ. F’din id-direzzjoni, l-skemi tal-appoġġ f’kull Stat Membru, qed jiġu aġġustati (15-il Stat Membru issa joffru skemi ta’ appoġġ li jesponu l-prezzijiet tas-suq lill-produtturi – ara l-Kapitolu 2 tad-Dokument tal-Ħidma tal-Persunal). L-iskemi ta' appoġġ jeħtieġu riformi bħal dawn sabiex jiżguraw l-effikaċja tagħhom tal-infiq. Billi nersqu kemm jista’ jkun malajr lejn skemi li jesponu lill-produtturi għar-riskju tal-prezz tas-suq nkunu qed ninkoraġġixxu l-kompetittività tat-teknoloġija. Madankollu xi forma ta' riċerka u żvilupp u appoġġ finanzjarju jew amministrattiv ieħor jistgħu jkomplu jkunu meħtieġa għal teknoloġiji aktar ġodda u anqas maturi. B’hekkk ċerti skemi ta’ appoġġ b’effikaċja fuq l-ispejjeż u mmirati tajjeb jistgħu jibqgħu jkunu meħtieġa lil hinn mill-2020. Eżempju tajjeb ta’ din l-iskema ta’ appoġġ hija l-inizzjattiva "NER 300" li tuża d-dħul mill-irkant mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet biex tixpruna d-demostrazzjoni u l-iskjerament bikri tat-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli.

It-tibdiliet riċenti għall-iskemi ta’ appoġġ f’ċerti każi ġew xprunati minn tkabbir għoli mhux mistenni li żiedu n-nefqa tal-enerġija rinnovabbli li mhijiex sostenibbli f’perjodu ta’ żmien qasir. F’ċerti Stati Membri, il-bidliet għall-iskemi ta’ appoġġ kienu nieqes mit-trasparenza, introduċew bidliet għall-għarrieda u f’ċerti mumenti ġew imposti b’mod retroattiv jew introduċew il-moratorji. Għal teknoloġiji u investiment ġodda li għadhom dipendenti fuq l-appoġġ, dawn il-prattiċi jimminaw il-fiduċja tal-investitur fis-settur. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali, ibbażati fuq l-inċentivi differenti jistgħu joħolqu ostakli għad-dħul fis-suq u li jipprevjenu l-operaturi tas-suq mit-tnedija tal-mudelli ta’ negozju transkonfinali, possibilment ixekklu l-iżvilupp tan-negozju. Riskju bħal dan tal-ħsara tas-suq uniku għandu jiġi evitat u hija meħtieġa aktar azzjoni biex tiġi żgurat l-konsistenza tal-approċċ madwar l-Istati Membri kollha biex ineħħu l-ostakli u jiġu żviluppati riżorsi tal-enerġija rinnovabbli kosteffikaċi. Biex tinkoraġġixxi dan, il-Kummissjoni tippjana li tħejji linji gwida dwar l-aħjar prassi u l-esperjenza miksuba f’dawn il-kwistjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, dwar ir-riformi tal-iskema ta' appoġġ, biex tkun tista’ tiġi żgurata konsistenza akbar fl-approċċi nazzjonali u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern. Il-prinċipji tagħhom huma elenkati fil-Kapitoli 3 u 4 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż. Il-prinċipji għal skemi ta’ appoġġ jeħtieġu jiġu stabbiliti biex jimminimizzaw it-tfixkil fis-suq jevitaw il-kumpens żejjed u jiżguraw il-konsistenza mal-Istati Membri kollha. Dawn ser jindirizzaw it-trasparenza, il-previdibbiltà u l-ħtieġa biex tkun stimulata l-innovazzjoni[12].

Spinta lill-kooperazzjoni u l-kummerċ

Storikament, l-Istati Membri żviluppaw ir-riżorsi tagħhom stess tal-enerġija rinnovabbli, billi kkontribwixxew għal tnaqqis fl-emissjonijiet tagħhom stess, billi naqqsu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u ġġeneraw l-impjiegi fit-territorju tagħhom. Madankollu, il-ħolqien ta’ suq Ewropew tal-enerġija, u x-xewqa kontinwa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż kull fejn possibbli, għandu jirriżulta f'aktar kummerċ f’kull forma ta’ enerġija rinnovabbli. Biex ikun faċilitat dan, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ħolqot mekkaniżmi ta’ koperazzjoni li jgħinu biex l-enerġija rinnovabbli prodotta fi Stat Membru wieħed tkunu tgħodd lejn il-mira ta’ Stat Membru ieħor (ara l-Kapitolu 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Dawn għadhom ma ġewx sfruttati b’mod mifrux minkejja l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali għaż-żewġ partijiet[13]. Żewġ Stati Membri biss[14] indikaw li ser jużaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jintlaħqu l-miri tagħhom għall-2020. Mil-"lat ta’ provvista" għaxar Stati Membri[15] huma mistennija li jkollhom "surplus" disponibbli għal Stati Membri oħra. Madankollu, sal-2020, dan ix-xenarju jista’ jinbidel u l-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni.

Proġetti li qed jiżviluppaw li jistgħu jużaw il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni jinkludu l-proġett tal-enerġija mix-xemx "Helios" tal-Greċja, proġetti komuni jew skemi ta' appoġġ fl-Ibħra tat-Tramuntana, u inizjattivi simili fin-Nofsinhar tal-Mediterran u mifruxa aktar fil-qasam tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dawn l-inizjattivi diġà qed jiġu diskussi ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi[16]. Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-enerġija mix-xemx kemm għall-konsum domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni tista’ tkun element prinċipali ta’ aġenda globali għat-tkabbir sostenibbli f’settur vijabbli tal-enerġija rinnovabbli u turi l-potenzjal tagħha għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Biex tkompli tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi ġirien tagħna u magħhom, il-Kummissjoni ser:

a) tiffaċilta l-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżviluppa tal-enerġija rinnovabbli kemm billi tippermetti l-użu sħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jistgħu jiżviluppaw f’enerġija rinnovabbli fin-Nofsinhar tal-Mediterran u, fil-kuntest tat-tisħiħ tad-djaloġu għall-politika bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran dwar it-tibdil fil-klima, titlob mandat għan-negozjati ta’ ftehim(iet) bilaterali/multilaterali li jippermettu l-użu tal-krediti mill-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

b) tipproponi miżuri speċifiċi bil-mira li dawn jinkoraġġixxu l-kummerċ tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-qafas ta’ ftehim futur mal-isħab tal-Afrika ta’ Fuq, pereżempju abbażi ta’ mandati ta’ negozjati speċifiċi, li jwittu t-triq għal Komunità bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran għall-Enerġija,

c) tipproponi l-estensjoni tal-qafas tad-Direttiva 2009/28/KE tal-pajjiżi tar-reġjun tal-PEV u b’mod partikolari l-pajjiżżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Billi tibni fuq l-esperjenza s'issa, il-Kummissjoni ser tħejji linji gwida biex tiffaċilita l-kummerċ fl-enerġija rinnovabbli (ara l-Kapitoli 3 u 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal), li jnaqqsu l-kumplessità, b’tali mod li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni għal wara l-2020 jkunu mezz sempliċi ta’ kummerċ tal-enerġija rinnovabbli madwar u lil hinn mill-UE. Aktar konverġenza, inklużi skemi komuni ta’ appoġġ konġunt, tiżgura aktar sfruttament tal-enerġija rinnovabbli kosteffikaċi fl-ispejjeż kif ukoll approċċ aktar kompatibbli mas-suq uniku.

Aspett ieħor tal-kummerċ internazzjonali u l-enerġija rinnovabbli jirrigwarda l-kummerċ tal-prodotti u l-ftuħ tas-swieq. Fis-suq globali relattivament ġdid għat-tagħmir tal-enerġija rinnovabbli, naraw evidenza ċara li s-suq qed jikber u l-kompetizzjoni internazzjonali qed ikollha effett benefiċjali fuq l-innovazzjoni u spejjeż. Barra minn hekk, f’dan is-suq kompetittiv globali, l-industrija Ewropea tkompli tikkompeti u għandha tkompli ssaħħaħ il-lat kompetittiv tagħha. Kif wieħed jista’ jara fl-industrija tal-fototvoltajċi, il-valur miżjud tal-UE jiddomina u jiġġenera l-impjiegi u t-tkabbir[17]. Minħabba l-benefiċċji tal-espansjoni tal-kummerċ globali, huwa importanti li jiġu eliminati l-ostakoli għall-kummerċ bħar-"regoli ta’ kontenut lokali" jew l-għeluq parzjali tal-akkwist pubbliku tas-swieq. Konsegwentement, il-Kummissjoni ser tkompli tinkoraġixxi l-kummerċ ġust u liberalizzat fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

3.           Il-ftuħ tas-suq tal-elettriku u l-enerġija rivvovabbli

Is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ huwa suq ferm lokali, li jeħtieġ riformi u infrastruttura lokali. L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport iseħħ f’suq tal-fjuwil miftuħ madwar l-Ewropa kollha, li ser jittejjeb permezz taċ-ċarezza pprovduta mir-rekwiżiti tat-tikkettjar tal-fjuwil li jmiss. Madankollu is-settur tal-elettriku, huwa fil-proċess li jiġi trasformat f'suq uniku Ewropew.

Bi tweġiba għas-sejħa mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern biex sal-2014, jitlesta s-suq intern tal-enerġija fis-settur tal-elettriku, il-Kummissjoni qed taħdem mar-regolaturi u mal-partijiet interessati sabiex tarmonizza r-regoli tat-tħaddim tan-network u tas-suq. Dan, flimkien mal-implimentazzjoni tat-tielet pakkett, għandhom jiftħu s-swieq nazzjonali, iżidu l-kompetizzjoni, l-effiċjenza tas-suq u l-għażla tal-konsumatur. Dan għandu wkoll jiffaċilita l-integrazzjoni u d-dħul fis-suq għal atturi ġodda, inklużi l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u produtturi oħrajn tal-enerġija rinnovabbli.

Hekk kif jiġu żviluppati regoli ġodda, dawn jeħtieġu jqisu n-natura li qed tinbidel tas-settur tal-elettriku tagħna bbażata fuq suq kompetittiv b'diversi produtturi tal-enerġija, li tinkludi l-produzzjoni ta’ enerġija aktar varjabbli mill-enerġia tar-riħ u tax-xemx. Bill jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli li ser jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-forom il-ġodda tal-ġenerazzjoni, eż. billi jippermettu kummerċ eqreb lejn il-ħin reali, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli li għad fadal għal suq verament integrat ser jgħin lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jipparteċipaw bis-sħiħ f’suq tassew kompetittiv u jwettqu b’mod progressiv l-istess responsabbiltajiet tal-ġeneraturi konvenzjonali, inklużi f’dak li jirrigwarda l-bilanċ.

Is-suq liberalizzat tal-elettriku għandu wkoll jiżgura li l-operaturi jkollhom biżżejjed qligħ biex ikopru l-ispejjeż tal-investiment tagħhom għal ġenerazzjoni ġdida biex iżommu l-adegwatezza tas-sistema (bl-iżgurar ta’ investiment adegwat li jiggarantixxi provvisti tal-elettriku mingħajr interruzzjoni). Madankollu, il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku, ibbażati fuq spejjeż marġinali fuq medda qasira, jistgħu jiffaċċjaw pressjoni ’l isfel minħabba ż-żieda f’enerġija mir-riħ u x-xemx (bi kważi l-ebda spiża marġinali). Is-suq għandu jkunu kapaċi jirreaġixxi, inaqqas il-provvista meta l-prezzijiet huma baxxi u jżidha meta l-prezzijiet huma għoljin. Il-bidliet fil-prezzijiet tas-suq jeħtieġu jinkoraġġixxu l-flessibbiltà, inklużi l-faċilitajiet tal-ħżin, il-ġenerazzjoni flessibbli, il-ġestjoni tad-domanda (hekk kif il-konsumaturi jirreaġixxu għat-tibdil fix-xejriet tal-prezzijiet).

Madankollu, ċerti Stati Membri, jibżgħu li l-investiment fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux ser ikun adegwat. Bħala riżultat, l-Istati Membri żviluppaw il-"pagamenti tal-kapaċità", fejn il-gvernijiet jistabbilixxu l-livelli meħtieġa tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni. Approċċ bħal dan jista' jinkoraġġixxi l-investiment, iżda dan jissepara wkoll id-deċiżjonijiet ta’ investiment mis-sinjali tal-prezz tas-suq. Barra minn hekk, jekk ikun mfassal b’mod ħażin, l-investiment jista "jeħel" fuq soluzzjonijiet iffokati fuq ġenerazzjoni, li jiffrustraw l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta' flessibbiltà. Il-ġenerazzjoni distribwita aggregata, it-tweġiba għad-domanda u l-espansjoni tal-oqsma ta’ bilanċ ukoll ikunu mxekkla. Dan jaqsam ukoll is-swieq nazzjonali, billi jimmina l-kummerċ transkonfinali meħtieġ għal suq Ewropew effiċjenti tal-elettriku u għall-użu tal-enerġija rinnovabbli.

Għal arranġamenti tas-suq li joffri l-investiment neċessarju fil-flessibiltà, jeħtiġilna niżguraw li jkunu adattati biex jinġiebu f'ħafna aktar atturi tas-suq, prodotti u teknoloġiji ġodda, permezz ta' firxa akbar tal-bilanċ tas-swieq. L-arranġamenti tas-suq għandhom ikun konsistenti mas-suq uniku u b’hekk jiġu mtejba u żviluppati. Dan ser ikun is-suġġett għal diskussjonijiet u analiżi ulterjuri tal-Komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-Suq Intern tal-Enerġija.

4.           It-trasformazzjoni tal-infrastruttura tagħna

Il-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija propost tal-UE[18] jidentifika 12-il firxa ta’ infrastruttura tal-enerġija ta’ prijorità, jipproponi proċeduri mgħaġġla għall-għoti tal-permessi, regoli għall-qsim tal-ispejjeż u fejn meħtieġ, il-provvediment ta' finanzjament tal-UE taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 9.12 biljun għall-enerġija, 2014-2020)[19]. Dan ma tagħmlux biss minħabba l-ħtieġa li jiġu integrati aktar elettriku mir-riħ u mix-xemx (5 % tal-provvista tal-elettriku tal-UE illum), iżda wkoll biex toħloq suq integrat tal-UE u biex tissostitwixxu l-assi skaduti. Il-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija għamel stima li madwar EUR 100 biljun huma meħtieġa għal linji ġodda ta’ trasmissjoni tal-elettriku waħedhom.

Il-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija jikkumplimenta d-Direttivi dwar is-suq intern tal-enerġija[20] li, permezz ta' miżuri sabiex jikkoordinaw aħjar l-ippjanar tal-infrastruttura, l-iżvilupp u l-operazzjoni u biex jiġu mnedija miters intelliġenti wittew it-triq lejn l-infrastruttura ta’ enerġija Ewropea integrata. Iż-żewġ inizjattivi huma kruċjali għat-trasformazzjoni tas-settur tal-elettriku tagħna. Il-ħolqien tas-suq uniku, it-teknoloġiji ġodda, l-atturi ġodda fis-suq, il-fornituri ġodda tas-servizz anċillari – kollha jiddependu mill-ħtieġa ta’ infrastruttura ġdida.

Sehem tal-elettriku mir-riħ u x-xemx. Sors: Eurostat 2010, pjanijiet nazzjonali 2020.                                       

Fil-21 Stat Membru b’inqas minn 5 % ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku tagħhom, il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli marbuta mal-limitazzjonijiet tal-infrastruttura mhix qed tikkawża l-ebda problema jew qed tikkawża biss problemi ta’ bilanċ lokali. Madankollu, fis-sitt Stati Membri b'aktar minn 5 % ta’ livelli ta’ enerġija mix-xemx u mir-riħ diġà ttieħdu miżuri biex tinħoloq aktar flessibbiltà, anke f’sistemi iżolati, sabiex jiġu żgurati l-bilanċ u l-istabbilità tal-grilja[21]. L-isfida li jintlaħqu l-ħtiġiet infrastrutturali fil-ġejjieni ser tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tagħna li niżviluppaw l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura tal-grilja u soluzzjonijiet operattivi aħjar flimkien f’suq uniku.

Iż-żieda fil-ġenerazzjoni (rinnovabbli) distribwita u r-reazzjoni għad-domanda ser ikunu jeħtieġu aktar investiment fil-grilji ta’ distribuzzjoni, li ġew iddisinjati sabiex jittrażmettu l-elettriku lill-konsumaturi finali, iżda mhux biex jassorbu l-ġenerazzjoni minn produtturi żgħar. Ġenerazzjoni distribwita mifruxa ħafna tieħu post l-elettriku b’sorsi mill-grilja u tibdel lill-konsumaturi f’konsumaturi-produtturi. Għalhekk filwaqt li ċerta kapaċità għall-ġenerazzjoni ġdida hija lil hinn minn ċentri ta’ konsum tradizzjonali u teħtieġ titjib fl-infrastruttura għat-trażmissjoni (partikolarment f'oqsma fejn "flussi ċirkolanti (loop flows)"[22] qed jikkawżaw tħassib), ġenerazzjoni distribwita sinifikanti tista’ tnaqqas il-ħtieġa għall-infrastruttura ta’ trasmissjoni f'oqsma oħra. It-tielet mezz li bih l-infrastruttura tista’ tittrasforma s-sistema hija l-iżvilupp ta' netwerks intelliġenti. Il-produtturi, inklużi l-produtturi ż-żgħar, il-konsumaturi u l-operaturi tal-grilja lkoll iridu jkunu jistgħu jikkomunikaw f'ħin reali biex jiżguraw l-aħjar tqabbil tad-domanda u tal-provvista. Dan ser ikun jeħtieġ l-iżvilupp ta’standards xierqa, ta’ mudelli regolatorji u tas-suq. L-iżvilupp tal-infrastruttura huwa urġenti u kritiku għas-suċċess tas-suq uniku u għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-adozzjoni bikrija tal-proposti leġiżlattivi tal-pakkett tal-infrastruttura tal-enerġija hija kruċjali f’dak ir-rigward, b’mod partikolari biex jitħaffef il-bini ta’ infrastruttura ġdida b’impatt transkonfinali. Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem mal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni u t-trażmissjoni, mar-regolaturi, l-Istati Membri u l-industrija biex jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija jkun aċċellerat biex jitlesta l-proċess tal-integrazzjoni tan-netwerks u s-swieq Ewropej.

5.           Il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa

L-għażla tal-konsumatur u l-kompetizzjoni fl-enerġija jvarja madwar is-settur. Fit-trasport, hemm livell ta’ għażla għall-fornitur tal-fjuwil, iżda għad m’hemmx suq mifrux mal-UE kollha għal fjuwils alternattivi. Fis-settur tat-tisħin, il-konsumaturi jistgħu jgawdu ċerta indipendenza billi jużaw l-enerġija solari termali jew sorsi ta’ enerġija ġeotermali lokali. U filwaqt li l-ftuħ tas-suq beda fiż-żewġ fis-setturi tal-gass u tal-elettriku, għażliet limitati ta’ fornituri u prezzijiet regolati għadhom pjuttost komuni. Dan kollu wasal biex jinbidel bil-ftuħ sħiħ tas-swieq bl-imnut u b’aktar ambitu għal xiri ta’ "elettriku ekoloġiku".

L-akbar benefiċċji għandhom jiġu bit-taħlita ta’ "miters intelliġenti" u l-mikroġenerazzjoni. Il-miters intelliġenti ser juru kemm qed iħallsu l-konsumaturi għall-elettriku f'ħin reali u ser jgħinuhom jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom. Dan, flimkien mal-iżviluppi fi 'prodotti intelliġenti' li jistgħu jirrispondu għas-sinjali tal-prezzijiet mibgħuta elettronikament, jippermetti lill-konsumaturi biex jibdlu l-konsum tagħhom sabiex jieħdu vantaġġ minn prezzijiet baxxi. Barra minn hekk, "reazzjoni għad-domanda" individwali tista’ tkun aggregata minn atturi ġodda fis-suq li joffru tnaqqis fil-konsum sinifikanti meta l-prezzijiet huma għoljin. Kif kien diskuss fil-valutazzjoni tal-impatt mehmuża, dan "it-tnaqqis ta' domanda għolja " jista’ jiġġenera ffrankar finanzjarju kbir billi jnaqqas il-ħtieġa għall-kapaċità tal-ogħla ġenerazzjoni.

L-introduzzjoni tal-mikroġenerazzjoni toħloq livell ta' indipendenza għall-konsumaturi kif għandha fis-settur tat-tisħin. L-enerġija fotovaltajka, l-enerġija mikro mir-riħ, il-bijomassa u l-enerġija ġeotermali u sistemi kombinati ta’ enerġija u sħana jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa tal-enerġija mill-grilja b’mod sinifikanti, għad-djar, l-uffiċċji u l-bini industrijali. Hekk kif il-konsumaturi jsiru "konsumaturi-produtturi" jiksbu wkoll sens aktar qawwi ta’ sjieda u kontroll fuq l-użu tagħhom tal-enerġija. Dan iżid l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-enerġija rinnovabbli[23]. L-aċċettazzjoni pubblika fqira ta' ċerti proġetti tal-enerġija rinnovabbli jostakolaw jew idewmu l-iżvilupp u jimminaw il-miri politiċi tagħna. Għalhekk, l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi bħala mikroprodutturi u t-titjib fl-ippjanar u l-permessi għall-proċessi huma mezzi importanti biex jindirizzaw ostaklu sinifikanti għat-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli.

6.           L-ixprunar tal-innovazzjoni tat-teknoloġija

Il-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) tibqa’ tkun kruċjali biex issostni l-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija. Ir-riżorsi huma skarsi u għandhom jiġu mmirati tajjeb lejn il-fażi ta’ riċerka xierqa tal-applikazzjonijiet jew industrijali jew prikompetittiva. L-Istati Membi nefqu EUR 4.5 biljun fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli matul dawn l-aħħar 10 snin bl-UE tonfoq, EUR 1.7 biljun mill-FP6, l-FP7 u l-EERP u talloka EUR 4.7 biljuni fil-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE (2007-2013). L-"insistenza (push)" ta' miżuri bħal dawn, ikkumplimentata mill-"attrazzjoni (pull)" tal-iskjerament tas-suq bħal skemi ta' appoġġ jew prezzar tal-karbonju ġġeneraw avvanzi kbar, wasslu xi teknoloġiji ewlenin (mir-riħ u l-enerġija solari) sal-maturità u kkontribwew għall-kisba tat-12 % tal-lum għall-enerġija rinnovabbli. Dan l-approċċ għandu jittejjeb.

Teknoloġiji oħrajn għadhom fil-bidu u jistgħu jeħtieġu appoġġ biex l-enerġija rinnovabbli jkollha r-rwol tagħha mistenni u mifrux fil-ġejjieni. L-enerġija tar-riħ minn fuq il-baħar fond u dik fil-wiċċ tal-baħar, tal-marea u l-mewġ, ċerti bijofjuwils, l-avvanzi fl-enerġija solari kkonċentrata u l-applikazzjonijiet fotovoltajċi ġodda, l-iżvilupp ta' materjali ġodda, it-teknoloġija tal-ħżin tal-elettriku (inklużi l-batteriji) huma fuq lista twila ta’ teknoloġiji strateġiċi tal-enerġija li jeħtieġu jiġu żviluppati. (ara l-Kapitolu 6 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal). Jista’ jidher li notevolment t-teknoloġiji tal-oċean, il-ħżin tal-enerġija, il-materjali avvanzati u l-manifattura għat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jkunu jeħtieġu li jingħataw prijorità fir-riċerka ġejjiena.

Il-pjan strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET)[24] u l-programm ta’ riċerka li jmiss Orizzont 2020 huma l-kontribut ewlieni tal-UE biex jixprunaw l-iżviluppi f’teknoloġiji tal-enerġija ewlenin. Barra minn hekk għall-2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet konċentrazzjoni sinifikanti fuq l-isforzi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll iffokar b’saħħtu fuq l-innovazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp. Strumenti oħrajn jinkludu d-dħul mill-irkant tal-kwoti tan-negozjar ta’ emissjonijiet tal-iskema tal-UE ETS. B’dan l-approċċ ikkoordinat għall-iżvilupp tat-teknoloġija, l-Ewropa tista' tkompli tkun fuq quddiem nett fit-tmexxejja tal-iżvilupp ta' ġenerazzjonijiet ġodda ta' teknoloġiji u fil-manifattura ta’ teknoloġija għolja. Il-miżuri fis-seħħ huma mistennija jgħinu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija rinnovabbli li jista’ jkollha rwol sinifikanti fid-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħna.

Il-qafas legali għal wara l-2020 għandu jara applikazzjoni aħjar tal-pjan SET ikkumplimentat minn azzjonijiet immirati. Il-qafas għandu jixpruna aktar integrazzjoni tar-riċerka nazzjonali u l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni u l-finanzjament tat-tqassim tar-riskju u għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni industrijali u akkademika attwali dwar l-innovazzjoni fit-teknoloġija tal-enerġija. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-politika tat-teknoloġija ser tidentifika l-ħtiġiet u l-isfidi futuri tar-riċerka u l-iżvilupp b’konformità mal-prijoritajiet identifikati mal-programm Orizzont 2020. Il-Komunikazzjoni ser tiżviluppa l-pjanijiet biex tiżgura li l-Ewropa ser tikkompeti b’mod globali biex tixpruna ’l quddien l-innovazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, li jinkludi dawk ġodda, kif ukoll li tesplora kamp ta’ applikazzjoni ulterjuri għal azzjoni fil-promozzjoni tat-teknoloġiji tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika eżistenti.

7.           L-iżgurar tas-sostennibbiltà tal-enerġija rinnovabbli

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li sehem akbar tal-enerġija rinnovabbli flimkien mal-effikaċja tal-enerġija fl-UE għandu l-potenzjal li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod sinifikanti u jttejjeb il-kwalità tal-arja[25]. Barra minn hekk, is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija tal-Ewropa ġestiti tajjeb ser jibbenefikaw ħafna minn opportunitajiet ġodda fis-suq hekk kif is-suq tal-bijoenerġija jiżviluppa flimkien mas-setturi l-oħra kollha tal-bijoekonomija. Minkejja dawn il-benefiċċji, l-użu akbar tal-enerġija rinnovabbli jista’ jibqa’ joħloq tħassib dwar is-sostenibilità, kemm fir-rigward tal-ġenerazzjoni u tal-infrastruttura, f’termini ta’ impatti diretti jew indiretti fuq il-bijodiversità u l-ambjent b’mod sħiħ. Din tirrikjedi attenzjoni u viġilanza partikolari. B’mod ġenerali, dawn il-kwistjonijiet huma indirizzati permezz tal-leġiżlazzjoni trasversali tal-UE[26]. F'każijiet oħrajn, l-UE żviluppat regoli speċifiċi għall-enerġija, jiġifieri l-kriterji dwar is-sostenibbiltà tal-bijofjuwils introdotti bid-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Kwalità tal-Fjuwil. Il-Kummissjoni qed tistenna dalwaqt li tindirizza l-impatti indiretti tal-bidla fl-użu tal-art ukoll. It-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport ser jiġu megħjuna mit-tranżizzjoni għal bijofjuwils mingħajr l-ebda impatt jew b’impatt indirett tal-bidla fl-użu tal-art.

Iż-żieda mistennija fl-użu tal-bijomassa wara l-2020 iżżid il-ħtieġa tal-użu tal-bijomassa eżistenti b’mod aktar effiċjenti u biex jiġi aċċelerat it-tkabbir tal-produttività fl-agrikoltura u l-forestrija b’mod sostenibbli, fl-UE u globalment. Fl-istess waqt, huwa importanti li tittieħed azzjoni globali b’saħħitha biex titnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u biex tgħin li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-bijomassa bi prezzijiet kompetittivi. Din ser tiġi indirizzata permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-istrateġija tal-UE dwar il-bijomassa, ir-riforma proposta tal-Politika dwar l-Agrikoltura Komuni, l-Istrateġija futura tal-UE dwar il-Foresti u l-azzjoni tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-kooperazzjoni għall-iżvillup. Iż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils fl-avjazzjoni u t-trasport ta’ vetturi kbar fuq it-triq (fejn l-enerġija elettrika mhix meqjusa fattibbli) isaħħu l-bżonn għall-iżvilupp ta’ bijofjuwils avvanzati. Madankollu, aktar użu sinifikanti tal-bijomassa jirrikjedi miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ser tevalwa l-effikaċja tal-kriterji sostenibbli attwali sal-2014 kif mitlub mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dalwaqt ser tipproduċi rapporti u proposti biex jiġi żviluppat aktar il-qafas tal-UE dwar is-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni ser tinvestiga wkoll l-aktar użu xieraq tal-bijoenerġija wara l-2020 b’mod li jkun konsistenti mal-ambizzjoni tal-klima u l-enerġija tal-UE sal-2030 filwaqt li tqis bis-sħiħ il-konsiderazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

8.           Politika għall-enerġija rinnovabbli wara l-2020

Il-qafas attwali tal-enerġija rinnovabbli, ta' miri legalment vinkolanti, ta’ pjanijiet nazzjonali, ta’ riforma amministrattiva, ta’ simplifikazzjoni, ta’ żvilupp aħjar u ta’ ppjanar tal-infrastruttura jidher li qed jaħdmu tajjeb. Skont il-pjanijiet tal-Istati Membri, ir-rata ta’ tkabbir tas-settur ser tiżdied għal 6.3 % fis-sena[27], li tkattar il-fiduċja fil-ġejjieni tal-industrija Ewropea tal-enerġija rinnovabbli.

Xejra storika u proġettata tat-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli fl-UE (% tal-enerġija totali) Sors: Eurostat u d-dejta tal-Pjan Direzzjonali sal-2050, xenarju ta’ kollox bħas-soltu.

Għalkemm illum l-qafas legali Ewropew attwali dwar l-enerġija rinnovabbli jidher effettiv, l-ixprunatur ewlieni tiegħu, – il-miri vinkolanti – jiskadi fl-2020. Il-kapitoli t’hawn fuq jesploraw kif ser jevolvu l-inizjattivi politiċi attwali tal-ftuħ tas-suq, il-kummerċ, l-iżvilupp tal-infrastruttura, ir-riformi istituzzjonali u operazzjonali tas-suq u l-innovazzjoni. F'suq kompetittiv, l-industrija tal-enerġija rinnovabbli tista’ tabilħaqq tkun attur prinċipali fis-suq Ewropew tal-enerġija. Il-ħolqien tas-suq uniku Ewropew qiegħed fil-qalba tal-prosperità tal-Ewropa u għandu jkun l-ixprun tal-bidla fis-settur tal-enerġija tal-Ewropa. F'suq Ewropew miftuħ u kompetittiv, l-enerġija rinnovabbli li nħolqot taħt il-qafas regolatorju attwali għandha tirnexxi.

Madankollu, jekk l-inizjattivi tal-politika attwali mhumiex xierqa biex fit-tul ta’ żmien jintlaħqu l-għanijiet tagħna tal-politika tal-enerġija u l-klima, bħal ma jissuġġerixxi l-Pjan Direzzjonali għall-2050, it-tkabbir annwali tal-enerġija rinnovabbli jispiċċa jonqos minn 6 % għal 1 %. Biex jinżamm it-tkabbir b’saħħtu tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-2020, li hija konklużjoni ta’ "l-ebda dispjaċir" tal-analiżi għall-2050, ser ikun meħtieġ qafas ta’ appoġġ għall-politika biex jindirizza n-nuqqasijiet li għad fadal tas-suq jew l-infrastruttura. Bħal ma jisħaq il-Pjan Direzzjonali għall-2050 huwa kruċjali li jkunu kkunsidrati l-għażliet għall-istadji konkreti tal-2030. Biex jinbeda dan il-proċess, il-valutazzjoni tal-impatt mehmuża tesplora tliet għażliet ta’ politika. Dawn huma d-dekarbonizzazzjoni mingħajr l-għażla ta’ miri għall-enerġija rinnovabbli, b’dipendenza fuq is-swieq tal-karbonju u l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) (id-Direttiva 2009/29/KE); il-kontinwazzjoni tar-reġim attwali, mal-enerġija rinnovabbli vinkolanti, it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miri ta' effiċjenza tal-enerġija; u l-ġestjoni aktar armonizzata u mtejba tas-settur tal-enerġija kollu tagħna b’mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tesplora kemm huma effettivi l-alternattivi differenti biex jiġu indirizzati l-għanijiet multipli. Huwa ċar li l-istadji tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 jistgħu jiġu mfassla biss wara riflessjoni dwar l-istat tal-politika dwar il-klima għal wara l-2020, il-livell ta’ kompetizzjoni fl-elettriku tal-Ewropa, is-swieq tat-tisħin u t-tkessiħ u s-suq tal-fjuwil għat-trasport u l-livell mistenni tad-diversità tal-enerġija u l-innovazzjoni teknoloġika sal-2020.

9.           il-passi li jmiss

Billi tkompli tibni fuq l-istruttura attwali f’għadd ta’ oqsma, tinsab għaddejja azzjoni biex ittejjeb aktar il-kontribut tal-enerġija rinnovabbli għat-taħlita enerġetika tal-UE, biex issaħħaħ is-suq intern tal-enerġija, tneħħi x-xkiel tas-suq u l-ostakli regolatorji, ittejjeb l-effikaċja tal-iskemi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, ikompli x-xogħol tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija, jiżdied l-involviment tal-konsumatur fis-swieq tal-enerġija u tiġi żgurata s-sostenibbiltà. Fl-Istħarriġ tagħha dwar it-Tkabbir Annwali għall-2012, il-Kummissjoni diġà saħqet fuq il-potenzjal tat-kabbir u tal-użu mifrux tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni segwiet dan fir-rakkomandazzjonijiet tagħha speċifiċi skont il-pajjiż adottati fit-30 ta’ Mejju 2012. Il-Kummissjoni ser tkompli wkoll tiskoraġġixxi l-politiki li jxekklu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari billi jiġu eliminati gradwalment is-sussidji, jiġi promoss suq tal-karbonju li jiffunzjona tajjeb u jitfasslu sew it-taxxi fuq l-enerġija. Dan ser joffri possibiltajiet ġodda, iżid l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq intern billi l-produtturi jkunu esposti għall-prezzijiet tas-suq, jiġifieri permezz ta' skambju tal-aħjar prattiki tar-riforma ta' skemi ta’ appoġġ. Ser jiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli billi jkun jista’ jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

Biex il-Kummissjoni tiżgura li jittieħdu dawn il-passi kollha, hija qed tieħu erba’ azzjonijiet ewlenin li jsegwu din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni ser:

· tkompli timbotta ’l quddiem l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-enerġija u ser tkompli tindirizza l-inċentivi għall-investiment tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fis-suq

· tħejji linji gwida dwar l-aħjar prassi u l-esperjenza miksuba fl-iskemi ta’ appoġġ biex tinkoraġġixxi prevvidibbiltà akbar, l-effikaċja fuq l-ispejjeż, tevita kumpens żejjed meta jiġi ppruvat u tiżviluppa konsistenza akbar mal-Istati Membri kollha.

· tippromwovi u tigwida użu akbar tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, li jippermettu li l-Istati Membri jilħqu l-miri vinkolanti nazzjonali tagħhom billi jinnegozjaw l-enerġija rinnovabbli u b'hekk inaqqsu l-ispejjeż tagħhom.

· tiżgura titjib fil-qafas regolatorju għall-kooperazzjoni fil-Mediterran, li tinnota li suq reġjonali integrat fil-Magreb ikun qed jiffaċilita l-investimenti fuq skala kbira fir-reġjun u jippermetti li l-Ewropa timporta elettriku addizjonali minn enerġija rinnovabbli.

Ikunu liema jkunu l-istadji tal-enerġija rinnovabbli ta’ wara l-2020, dawn għandhom jiżguraw li l-enerġija rinnovabbli tkun tifforma parti mis-suq tal-enerġija Ewropea, b’appoġġ limitat iżda effettiv fejn meħtieġ u b’kummerċ sostanzjali. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li globalment l-Ewropa żżomm it-tmexxija industrijali u tar-riċerka tagħha. B’dan il-mod biss nistgħu nkomplu niżviluppaw ir-riżorsi tagħna tal-enerġija rinnovabbli b’mod kosteffikaċi u tabilħaqq b’mod affordabbli u li jutilizza l-kompetittività assoċjata u l-opportunitajiet ekonomiċi u tal-impjiegi. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ser tniedi wkoll il-proposti għal reġim ta’ politika dwar l-enerġija rinnovabbli għall perjodu ta’ wara l-2020.

[1]               Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tad-DĠ Impjiegi dwar "L-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi tat-tkabbir ekoloġiku” li jakkumpanja l-pakkett dwar l-impjiegi COM (2012) 173, p. 8. u Ragwitz et al (2009), EmployRES, Fraunhofer ISI Germany et al. http://ec.europa.eu/energy/renewables/studies/doc/renewables/2009_employ_res_report.pdf. Miri aktar ambizzjużi tal-politika dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) jagħtu spinta lill-investiment u b’hekk ukoll lit-teknoloġiji ta' ġenerazzjoni intensiva ta' għarfien. Teknoloġija ta’ kapital intensiv bħall-fotovoltajċi u l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar u fuq l-art, enerġija termisolari u pompi ta’ tisħin jiddominaw f’termini assoluti taħt politika b’saħħitha dwar l-RES. Għal bosta minn dawn it-teknoloġiji, il-fażi ta’ kostruzzjoni hija dik li tirrikjedi l-aktar xogħol.

[2]               Dawn jinkludu riformi amministrattivi, regoli dwar il-grilji u pjanijiet nazzjonali ta’ azzjoni għall-enerġija rinnovabbli għal 10 snin.

[3]               Fl-2009 u l-2010, it-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli żdied b'mod sinifikanti. Tabilħaqq, fl-2010, l-UE kienet diġà laħqet l-ewwel mira provviżorja tagħha għall-2011/2012.

[4]               Id-Direttiva 2009/28/KE

[5]               COM(2011) 885/2

[6]               Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll Komunikazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tas-suq uniku tal-enerġija li jsegwi aktar tard din is-sena.

[7]               COM(2011)112

[8]               Id-Direttiva 2009/28/KE

[9]               Ara Ecorys, 2008, Assessment of non-cost barriers to renewable energy, report TREN/D1/48 – 2008.

[10]             Eċċezzjonijiet, jew eċċezzjonijiet parzjali jinklud l-idroenerġija, xi sorsi ġeotermali u tal-bijomassa pompi solari u tat-tisħin f 'ċerti swieq.

[11]                    Il-White Paper, Pjan Direzzjonali għal Żona Ewropea Unika ta’ Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. COM(2011)144 finali

[12]             Dan ser jelabora fuq is-suġġerimenti li jinsabu f’COM (2011)31 u SEC (2001)131.

[13]             Il-Kummissjoni kkalkulat li l-aqwa kummerċ fl-enerġija rinnovabbli jista' jiffranka sa EUR 8 biljun fis-sena (SEC(2008) 85 Vol. II)

[14]             Il-Lussemburgu u l-Italja, madankollu, reċentement l-Italja indikat li finalment jista’ ma jkollhiex bżonn tuża l-mekkaniżmi.

[15]             BU, EE, DE, EL, LT, PL, SK PO, ES, SW.         

[16]             In-Norveġja u l-Islanda jadottaw ħafna leġiżlazzjoni Ewropea biex jipparteċipaw fl-istess suq; Il-Komunità tal-Enerġija qiegħda fil-proċess li tadotta arranġamenti simili; il-Kummissjoni qed taħdem mal-Isvizzera biex ittejjeb il-koerenza tal-politika; u l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp, il-kooperazzjoni u l-ftehimiet li ġejjin għall-kummerċ ħieles qed jintużaw biex titjieb il-koerenza mal-ġirien tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Balkani tal-Ewropa.

[17]             L-EPIA (EUPVSEC 2011) jistmaw li minkejja l-kompetizzjoni, 55 % tal-modulu u 70 % tal-valur miżjud tas-sistema tal-fotovoltajċi jseħħu fl-Ewropa.

[18]             COM(2011)658

[19]                    Il-ħtiġiet tal-infrastruttura tal-fjuwils għat-trasport b’enerġija rinnovabbli, li jkopru l-istazzjonijiet tar-riforniment tal-fjuwil bi fjuwils alternattivi, standards u politiki komuni u fil-każ tal-elettromobbiltà, ġestjoni mtejba tas-sistemi qed jiġu eżaminati fid-dettal fl-istrateġija tal-fjuwils alternattivi tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport (White Paper, Roadmap to a Single European Transport Area – Towards a competitive and resource efficient transport system. COM(2011)144 finali) u huma indirizzati fil-linji gwida riveduti tat-TEN_T (COM(2011)650).

[20]             Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE

[21]             Ara IEA 2011, 'Harnessing variable renewables: a guide to the balancing challenge'.

[22]             "Flussi ċirkolanti" jseħħu meta l-elettriku isegwi passaġġ mhux skedat b’riżultat ta’ nuqqas ta’ infrastruttura. Flussi mit-Tramuntana san-Nofsinhar tal-Ġermanja via l-Polonja jew il-Benelux huma eżempju klassiku, li jirriżultaw minn infrastruttura inadegwata tat-Tramuntana san-Nofsinhar fil-Ġermanja.

[23]             Ara Rebel, 2011, Reshare: benefit sharing mechanisms in renewable energy, www.reshare.nu.

[24]             'Investing in the Development of Low Carbon Technologies (SET-Plan) - A technology roadmap' SEC(2009) 1295; 'Materials Roadmap Enabling Low Carbon Energy Technologies' SEC(2011) 1609.

[25]             Ara l-Kapitolu 5.2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ din il-Komunikazzjoni

[26]             Pereżempju l-iżvilupp tal-enerġija mill-ilma u r-riħ iridu iridu ikkonformaw mad-Direttivi dwar il-Baħar (2001/42/KE), EIA (85/337/KEE), il-Ħabitats (92/43/KEE), l-Għasafar (79/409/KEE), il-Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u l-Istrateġija tal-Bijodiversità (COM (2011) 244), elementi tal-enerġija fotovoltajka għandha tkun soġġetta għar-regoli dwar ir-rimi tal-iskart tat-tagħmir elettroniku, u r-riskji tat-tniġġis tal-arja lokali minn użu tal-bijomassa domestika huma soġġetti għal standards tal-emissjonijiet tal-UE għal stallazzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira.

[27]             ’Il fuq minn 1.9 % u 4.5 % taħt ir-reġim preċedenti ta’ miri indikattivi.

Top