EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0251

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL It-tminn Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2011

/* COM/2012/0251 final */

52012DC0251

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL It-tminn Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2011 /* COM/2012/0251 final */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

It-tminn Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2011

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni[1] (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra, GLR) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Huwa jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE japplikaw fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi min-naħa għall-oħra tal-Linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma għandux kontroll effettiv u ż-żoni li fihom għandu kontroll effettiv. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta' dawn ir-regoli, l-applikazzjoni tagħhom ġiet estiża għall-fruntiera bejn dawn iż-żoni u ż-Żona tal-Bażi Sovrana tar-Renju Unit fil-Lvant (ESBA)[2].

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Matul il-perjodu tar-rappurtar, il-Kummissjoni ma proponiet l-ebda bidla għall-GLR iżda emendat r-regoli implimentattivi.

Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru u mal-Amministrazzjoni taż-Żona ta’ Bażi Sovrana (SBA), fuq il-livell ta’ ħidma, fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament.

1.           MIŻURI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Fil-31 ta’ Mejju 2011 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 531/2011 li jemenda r-Regoli ta' implimentazzjoni tal-GLR[3].

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni neħħiet l-obbligu li patata kkummerċjata min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (minn issa 'l quddiem "il-Linja") għandha tkun ikkultivata direttament minn patata ta' żerriegħa ċertifikata. Dan jippermetti l-kummerċ f'patata prodotta minn żerriegħa li tinżamm mir-razzett innifsu mkabbra bħala l-ewwel żerriegħa li toħroġ minn patata taż-żerriegħa ċċertifikata taħt il-kontroll ta' esperti fitosanitarji indipendenti appuntati mill-Kummissjoni sabiex tiġi pprovduta l-assigurazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-identità u l-istat ta' saħħa.

2.           PERSUNI LI JAQSMU L-LINJA

2.1.        Il-qsim fil-punti ta’ qsim awtorizzati

Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini Ċiprijotti, ta' ċittadini oħrajn tal-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja fil-postijiet tal-qsim awtorizzati. Kien hemm żieda żgħira fl-għadd ta’ Ċiprijotti Griegi u tnaqqis fin-numru ta’ Ċiprijotti Torok li jaqsmu l-Linja.

Skont id-dejta mir-Repubblika ta' Ċipru, kien hemm 621,406 (qabel: 596,578) qsim minn Ċiprijotti Griegi f'210,877 vettura (qabel: 170,315) qasmu miż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 937,789 (is-sena preċedenti: 1,097,676) qsim minn Ċiprijotti Torok f'348,225 vettura (qabel: 378,475) mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta' rappurtar[4].

L-għadd ta’ ċittadini tal-UE minbarra Ċiprijotti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-linja naqas ftit. Skont id-dejta mill-Pulizija tar-Repubblika ta' Ċipru (minn hawn 'il quddiem: CYPOL), matul il-perjodu ta' rappurtar, kien hemm 634,218 qsim minn ċittadini tal-UE li mhumiex Ċiprijotti u ċittadini ta' pajjiżi terzi (qabel dawn kienu: 664,566). 67% minn dan il-qsim (424,992) seħħ fil-punt tal-qsim pedonali ta' Ledra Street li fetaħ f'April 2008. Il-punt ta' qsim ta' Ledra Street kompla jirrappreżenta l-maġġoranza l-kbira tal-qsim minn persuni mhux Ċiprjotti (l-aktar turisti).

Iċ-ċifri huma ġeneralment konformi ma’ dawk miġbura mill-komunità Ċiprijotta Torka jiġifieri 694,633 Ċiprijotti Griegi li qasmu f’248,962 vejikolu miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1,450,566 Ċiprijott Tork li qasmu f'553,913-il vejikolu fid-direzzjoni l-oħra. Barra minn hekk, kien hemm 1,101,942 ċittadin barrani li qasmu miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru.

Iċ-ċifri tas-CYPOL imsemmija aktar 'il fuq, madankollu, ma jinkludux dejta dwar persuni u vetturi li qasmu fil-punti tal-qsim ta' Pergamos u Strovilia, min-naħa tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn l-ESBA[5]. L-ebda statistika dettaljata mhija miżmuma mill-Amministrazzjoni tal-ESBA għal dawn iż-żewġ punti ta’ qsim. Madankollu, abbażi ta' informazzjoni mill-komunità Ċiprijotta Torka ESBA tistima, li 84,407 Ċiprijotti Grieki qasmu għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 450,408 Ċiprijotti Torok qasmu għaż-żoni kkontrollati mill-gvern mill-punti ta' qsim li jinsabu fi-SBA.

Fl-2011, l-għadd ta' persunal tas-CYPOL li jaħdmu direttament fil-postijiet tal-qsim kien miżjud minn 73 fl-2010 għal 77.

Il-valutazzjoni kumplessiva tal-qsim ta' persuni hija pożittiva. Madankollu, ġew irrapportati xi inċidenti matul il-perjodu tar-rapportaġġ. Fid-9 ta' Ottubru 2011, xarabank Torka-Ċiprijotta li kient qed iġġorr turisti Latvjana ma tħallietx taqsam il-linja fuq il-punt ta' qsim ta' Agios Dhometios fejn preċedentement kienet qasmet bosta drabi. Skont ix-xuffier tax-xarabank, lilu qalulu li Ċiprijotti Torok biss setgħu jaqsmu fuq xarabank irreġstrata Ċiprijotta Torka. It-turisti ġew meħuda lejn il-punt tal-qsim Palace Ledra fejn dawn qasmu bil-mixi u fejn xarabank miż-żoni kkontrollati mill-gvern kienet mikrijja għalihom biex ikunu jistgħu jkomplu bid-dawra turistika tagħhom. Filwaqt li l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru infurmaw lill-Kummissjoni li d-dokumenti meħtieġa ma kinux kif suppost, is-sewwieq tax-xarabank għarraf lill-Kummissjoni li tħalla jaqsam ħafna drabi minn dakinhar waqt li kien qed iġorr Ċiprijotti Torok u ippreżenta lment uffiċjal lill-Kummissjoni.

Il-komunikazzjoni żbaljata, li ċ-Ċiprijotti Torok mhux ser ikunu jistgħu aktar jaqsmu jekk dawn ma jkollhomx karta tal-identità tar-Repubblika ta' Ċipru, li affettwata biss ftit Ċiprijotti Torok fi ġranet speċifiċi, kienet risolta malajr.

L-inċidenti msemmija hawn fuq kienu għajn ta' tħassib għall-komunità Ċiprijotta Torka u kienu mqajma mill-Kummissjoni mal-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru biex tivvaluta jekk hemmx bidla tal-politika, li tkun teħtieġ notifika lill-Kummissjoni kif stabbilit fil-GLR[6]. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru infurmaw lill-Kummissjoni li m’hemm l-ebda bidla tal-politika dwar il-qsim ta' persuni, u ġibdu l-attenzjoni li l-proporzjon ta' inċidenti huwa insinifikanti meta mqabbel mal-għadd globali ta’ qsim.

2.2.        Migrazzjoni irregolari fuq il-Linja l-Ħadra u l-ażil

Iċ-ċifri tas-CYPOL għall-2011 jindikaw tnaqqis ulterjuri ta' migrazzjoni irregolari fuq il-Linja mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern. Fl-2011, 1,311 migranti irregolari (preċdentament : 1,855) nqabdu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern (bl-esklużjoni ta' dawk li ma tħallewx jaqsmu mill-punti ta' qsim tal-Linja l-Ħadra[7]). Immigrant irregolari daħal direttament fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u 18-il persuna daħlu permezz tal-SBA tal-Lvant, u dan tella' n-numru ta' migranti irregolari maqbuda għal 1,330. CYPOL indikat it-tnaqqis fil-prospetti ta' impjieg minħabba l-kriżi ekonomika f'Ċipru kif ukoll ix-xogħol tal-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru biex jiġġieldu l-migrazzjoni irregolari bħala raġuni probabbli. Il-maġġoranza ta’ immigranti irregolari maqbuda kienu ċittadini tas-Sirja, l-Iran u l-Ġeorġja (l-Anness VIII). L-immigranti irregolari normalment jinqabdu waqt kontrolli fuq il-Linja u fl-ajruporti meta jkunu qed jippruvaw iħallu Ċipru. Persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali normalment jiġu identifikati fl-istazzjonijiet tal-pulizija meta japplikaw għall-ażil.

Il-valutazzjoni ta’ CYPOL tar-rotta ta’ dħul ta’ migranti irrogolari fiż-żoni kkontrollati mill-gvern hija bbażata fuq l-istess kriterji bħas-snin ta’ qabel, prinċipalment permezz ta’ dokumenti (viżas, timbri ta’ dħul/eżitu fuq il-passaport mit-Turkija jew “viża” jew “permess ta’ residenza” tat-“TRNC”), dikjarazzjonijiet li saru minn immigranti iżda wkoll evidenza oħra bħall-ebda dokument ta' Identità, gazzetti Ċiprijotti Torok u karti tal-flus Torok.

Minn 1,311 migranti irregolari, 417 (31.8%) persuni applikaw għal ażil fir-Repubblika ta’ Ċipru.

Il-biċċa l-kbira tal-migranti irregolari jaslu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern mit-Turkija u l-parti tat-tramuntana ta' Ċipru.

Skont informazzjoni mill-komunità Ċiprijotta Torka, 16-il migrant irregolari nqabdu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru, ilkoll Sirjani. 2,267 ċittadin Sirjan ma ngħatalhomx permess li jaqsmu l-Linja għal ġol-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru f’punti ta’ qsim uffiċjali[8]. Matul il-perjodu ta’ referenza, 860 persuna ġew “deportati” mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru[9].

Is-servizz tal-vapur bejn Latakia (is-Sirja) u Famagusta ntemm f’Settembru 2010. S'issa il-kriżi fis-Sirja m'affettwax lil Ċipru u n-numru ta' migranti irregolari mis-Sirja naqas.

Dejta preċiża mhijiex disponibbli għal persuni li ma tħallewx jaqsmu l-linja fil-postijiet tal-qsim.

Ma teżisti l-ebda koperazzjoni diretta dwar kwistjonijiet ta' pulizija u immigrazzjoni bejn ir-Repubblika ta' Ċipru u l-komunità Ċiprijotta Torka. Madankollu, rappreżentanti miż-żewġ Komunitajiet jiltaqgħu fil-qafas ta' kumitat tekniku bikomunali dwar il-kriminalità u l-affarijiet kriminali taħt l-awspiċji tan-NU. Il-Kumitat Tekniku dwar il-Kriminalità u l-Materji Kriminali huwa wieħed minn seba' kumitati speċjalizzati li twaqqfu bħala miżuri ta' bini ta' kunfidenza bejn iż-żewġ Komunitajiet bl-appoġġ tan-NU u huwa riżultat dirett tal-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ mexxejja Ċiprijotti fil-21 ta' Mejju 2008. Bħala estensjoni li dan il-kumitat, iż-żewġ komunitajiet stabilixxew ukoll mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni u inizjattivi konġunti, jiġifieri 'Kamra Konġunta għall-Komunikazzjoni', il-pulizija tal-UNFICYP għandha il-preżenza kontinwa, u li topera fuq sitt ijiem fil-ġimgħa. Permezz ta' dawn il-mekkaniżmi ż-żewġ naħat urew rieda li jtejbu l-komunikazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija rispettivi tagħhom, u li jikkoperaw u jassistu lil xulxin permezz ta' skambju ta' informazzjon dwar każijiet li jinvolvu sekwestru, persuni maħtufa, drogi illegali, u propjetà misruqa[10].

CYPOL iddeskriviet il-koperazzjoni ma' dipartimenti tal-gvern oħra relevanti u l-amministrazzjoni tal-ESBA bħala tajba ħafna.

Iż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant (ESBA)

B'mod ġenerali, l-immigrazzjoni irregolari li tgħaddi mill-ESBA naqset matul il-perjodu. L-uffiċjali tal-SBA għadhom jiddeskrivu l-koperazzjoni bejn ir-Repubblika ta' Ċipru u d-Dwana u l-Immigrazzjoni tal-SBA f'din iż-żona bħala eċċellenti. Matul il-perjodu tar-rapurtar, 1,163 persuna ma tħallewx jaqsmu, il-maġġoranza ċittadini Torok li qed jgħixu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Persuni barranin oħra kienu turisti mill-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Brażil, l-Iran u r-Russja li qasmu mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Dawn il-persuni ġew diretti lejn il-punt tal-qsim ta' Nicosia Agios Dometios għall-ipproċessar tal-kundizzjonijiet għad-dħul fir-Repubblika ta' Ċipru[11].

Total ta' 18-il migrant irregolari nqabdu fl-ESBA[12], li minnhom 9 kienu qasmu għaż-żoni kkontrollati mill-gvern legalment iżda baqgħu hemm wara li l-viżi tagħhom kienu skadew. Tliet faċilitaturi ġew ukoll arrestati mill-SBA. Is-sitta l-oħra daħlu fil-gżira mill-parti tat-tramuntana ta' Ċipru u qasmu l-Linja b'mod irregolari.

F'postijiet oħra għajr il-punti ta' qsim, il-Pulizija tal-SBA twettaq rondi irregolari, ibbażati fuq ir-riskju u ggwidati mill-intelligence kontra l-immigrazzjoni irregolari. Dawn ir-rondi huma ssupplimentati minn rondi mid-Dwana u assi militari tal-SBA.

Bosta “punti ta’ qsim mhux awtorizzati” fil-villaġġ ta’ Pergamos (li jinsab parzjalment fl-SBA u parzjalment fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru) jew qrib tiegħu, li għadhom qed jintużaw minn residenti lokali u bdiewa, huma partikolarment diffiċli li jiġu kkontrollati. L-SBA qed twettaq iktar rondi b'funzjoni doppja f'dawn iż-żoni, biex jikkontrollaw l-insib għall-għasafar u biex jiskoraġġixxu lin-nies milli jaqsmu b’mod illegali. Kif imsemmi fir-rapport preċedenti tal-Linja l-Ħadra, dawn il-"punti ta' qsim mhux awtorizzati" għadhom kawża għal tħassib. Bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni semmiet il-kwistjoni tal-"punti ta 'qsim mhux awtorizzat" mal-uffiċjali tal-SBA, waqt li sejħet lill-SBA biex issib soluzzjoni xierqa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll Nru 3 mal-Att ta' Adeżjoni tal-2003[13].

3.           QSIM TAL-MERKANZIJA

3.1.        Il-valur tal-kummerċ

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[14], il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ’il quddiem: TCCoC) u wkoll l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru rrappurtaw fuq bażi mensili dwar it-tip, il-volum u l-valur tal-oġġetti li għalihom inħarġu d-dokumenti anċillari. Iż-żewġ rapporti jinkludu oġġetti li qasmu minn fuq iż-żoni kkontrollati mill-gvern minn fuq il-punti ta’ qsim ta’ Pergamos u Strovilia taħt l-awtorità tal-Amministrazzjoni tal-SBA.

Skont ir-rapporti mit-TCCoC, il-valur totali tal-oġġetti li għalihom inħarġu dokumenti anċillari fl-2011, jammonta għal €29,954,867 filwaqt li l-valur tal-prodotti li fil-verità ġew negozjati kien €29,402,577[15]. Il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra fl-2011 kien ħames darbiet ogħla minn fl-2010. Din iż-żieda sostanzjali hi spjegata mill-bejgħ tal-elettriku mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni kkontrollati mill-gvern, li kienet ir-riżultat ta’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-bejgħ tal-elettriku, li kien jammonta għal €24,085,775 (82% tal-kummerċ), kien maqbul bejn il-President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Ċiprijotta (minn issa 'l quddiem: CCCI) u TCCoC wara l-isplużjoni fil-bażi navali ta' Mari f'Lulju 2011, li ddistruġġiet partijiet kbar mill-impjant tal-enerġija ta' Vasiliko. L-bejgħ tal-elettriku kellu impatt kbir fuq il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra fl-2011. Sabiex jagħti stampa korretta tal-kummerċ tal-Linja l-Ħadra, dan ir-rapport ser jinkludi l-kummerċ bl-elettriku u mingħajru.

Mingħajr ma jitqies il-bejgħ tal-elettriku, skont il-TCCoC, il-valur totali tal-prodotti li nħarġulhom dokumenti anċillari ammontaw għal €5,869,092 waqt li l-valur tal-prodotti attwalment fil-kummerċ kien ta’ €5,316,803.

Skont ir-rapporti mogħtija mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li attwalment qasmu l-Linja żdied b'560% għal €28,923,500. Il-valur kummerċjali totali tal-prodotti (mingħajr ma jkun meqjus il-bejgħ tal-elettriku) li qasmu l-Linja naqas b'6.5% minn €5,173,233 fl-2010 għal €4,827,454 primarjament minħabba tnaqqis fl-oġġetti tal-ġebel bħal irħam, briksijiet u materjali għall-bini li jista' jiġi spjegat mill-kriżi ekonomika u tnaqqis fir-ritmu tas-settur tal-kostruzzjoni. Il-kummerċ ta' ħaxix wkoll naqas, b’aktar tnaqqis fil-kummerċ tal-patata. Sal-2010, il-patata kienet l-ikbar komponent waħdieni tal-kummerċ tal-Linja l-Ħadra (sa 30% tal-kummerċ globali). Fl-2011, il-kummerċ tal-patata rrappreżenta inqas minn 1% tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra. Dan kien prinċipalment minħabba l-produzzjoni żejda ta' patata f'żoni kkontrollati mill-gvern li xejnet il-ħtieġa li tinxtara patata mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru.

Għalkemm ma kienx jaqa' fl-ambitu tal-GLR, il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-tramuntana ta' Ċipru iktar minn irdoppja, biex laħaq €2,272,493 fl-2011 (preċedentament: €1,090,086) skont iċ-ċifri mis-CCCI. Ir-raġuni prinċipali għal din iż-żieda sinifikanti hija l-provvista ta' oġġetti manifatturati fiż-żoni kkontrollati mill-gvern għal proġett iffinanzjat mill-fondi tal-UE fin-naħa tat-Tramuntana ta 'Ċipru. Il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għalhekk jirrappreżenta 7.85% tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta (21% fl-2010). Madankollu, meta jkun ikkunsidrat il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra mingħajr l-bejgħ tal-elettriku, il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru jirrappreżenta 46% tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta.

Il-komunità Ċiprijotta Torka tkompli tapplika sistema ta’ kummerċ, li fil-prinċipju, “tirrifletti” r-restrizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Madankollu, din is-sistema mhix dejjem applikata b’mod konsistenti, u dan iwassal għal diffikultà fit-twaqqif ta' relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli. Il-protezzjoni ta’ negozji lokali hija ddikkjarata apertament mill-komunità Ċiprijotta Torka, bħala r-raġuni ewlenija.

3.2.        Tipi ta' prodotti

Fl-2011, wara l-elettriku, metall mhux maħdum skrepjat kien l-aktar oġġett ikkumerċjat, segwit minn ħut frisk u plastik[16].

Prodotti ġodda, għajr l-elettriku, bħal rummien u ċagħaq dekorattiv, ġew introdotti matul il-perjodu tar-rapportaġġ iżda b’impatt limitat ħafna fuq il-kummerċ[17].

99.66% tal-volum tal-kummerċ li jaqsam il-Linja kien kummerċ limitat għall-gżira nnifisha. Iz-0.34% li jibqa' kien mibjugħ lill-Indja bħala skrep tal-ħadid u l-azzar għal valur kummerċjali ta' €93,850 (fl-2010: €123,788). Dawn it-tranżazzjonijiet kienu jitolbu l-involviment ta' kumpanija rreġistrata fiż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-formalitajiet tat-tranżazzjonijiet intra-UE u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Matul il-perjodu ta’ rapurtar, l-ebda oġġett ma kien kummerċjat lil Stati Membri oħra tal-UE (fl-2010: €17,693).

3.3.        Irregolaritajiet

Matul il-perjodu tar-rapurtar, erba' każijiet ta’ irregolaritajiet li jinvolvu valur kummerċjali totali ta' €2,590 (0.008% tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra) ġew irrapurtati mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’Ċipru. L-oġġetti kkonċernati ma tħallewx jaqsmu l-Linja għal diversi raġunijiet amministrattivi (dokumenti nieqsa, materjali mhux ittikkettjati skont ir-rekwiżiti tal-ittikettjar CE).

3.4 Ostakoli u diffikultajiet li għadhom jeżistu fir-rigward tal-moviment ta’ oġġetti

L-ostakli għall-kummerċ li jaqsam il-Linja għadhom hemm. Kif imsemmi f'rapporti preċedenti, il-kwistjoni tal-qsim tat-trakkijiet Ċiprijotti Torok għaż-żoni kkontrollati mill-gvern għadha mhix solvuta b'mod sodisfaċenti. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni bħalissa jinsabu f'taħditiet tekniċi mal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru sabiex tkun indirizzata l-kwistjoni u jesploraw modi biex jinstabu arranġamenti vijabbli li jindirizzaw inter alia l-problemi tas-sikurezza fit-toroq.

Tqajmu xi problemi dwar il-prodotti alimentari. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jippermettux li ċerti prodotti (eż. ħobż) jaqsmu, minħabba t-tħassib imqajjem dwar il-proċess tal-produzzjoni fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Wara kjarifiki mill-Kummissjoni, l-oġġetti inkwistjoni qed jaqsmu mingħajr problemi.

Bħal fis-snin preċedenti, in-negozjanti Ċiprijotti Torok baqgħu jirrappurtaw diffikultajiet biex il-prodotti tagħhom ikunu stokkjati fil-ħwienet u biex jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fl-oqsma kkontrollati mill-gvern li jfixklu l-kummerċ. Dawn id-diffikultajiet possibbilment jirriflettu n-nuqqas kbir ta' ħeġġa fost iċ-Ċiprijotti Griegi biex jixtru prodotti tad-ditti Ċiprijotti Torok u attitudni bħal din tikkostitwixxi ostaklu għall-kummerċ. Madankollu, il-kummerċ bejn iż-żewġ komunitajiet għajr il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra huwa bosta drabi ogħla. Skont estimi tat-TCCoC, Ċiprijotti Torok xtraw oġġetti b'valur ta' €120 miljun fiż-żoni kkontrollati mill-gvern bħala parti mill-valiġġja personali tagħhom.

Il-kuntrabandu tal-oġġetti min-naħa għall-oħra tal-Linja naqas fl-2011 u ;l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru implimentaw 1,538 konfiska (preċedentament: 545). L-SBA wettqet 281 konfiska fuq il-postijiet uffiċjali ta' qsim ta' Pergamos u Strovilia. Madankollu, il-kuntrabandu ta’ merkanziji għadu mifrux, li jirrifletti n-natura ġeografika tal-Linja li tippermetti attività klandestina matul it-tul tagħha kollu. L-operazzjonijiet ta' kontroll iseħħu fiż-żoni qrib il-Linja l-aktar sabiex jiġu trattati kwistjonijiet staġjonali bħat-trasport ta' għasafar tal-kaċċa/slavaġ jew trikkitrakki (ukoll permezz tal-ESBA) lejn żoni kkontrollati mill-gvern. Oġġetti oħra konfiskati jinkludu sigaretti u tabakk, prodotti tal-annimali kif ukoll basktijiet foloz tan-nisa u tessuti. Madankollu, skont l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru, il-volum tal-kuntrabandu qed jonqos minħabba tnaqqis fid-differenzi bejn il-prezzijiet. Rondi tas-CYPOL u tal-ESBA fuq il-Linja għandhom funzjoni doppja: il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-kontroll tal-immigrazzjoni irregolari. L-għadd ta’ każijiet kriminali preżentati f’qorti distrettwali minħabba kuntrabandu kien 11 fl-2009, disa' fl-2010 u xejn fl-2011.

Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti nstabu f'punti ta' qsim awtorizzati: Pyla, SBA, iż-żona ta' separazzjoni qrib Zodia u Potamia.

Fir-rigward tal-forniment tradizzjonali tal-popolazzjoni Ċiprijotta Torka fir-raħal ta' Pyla, li jinsab fiż-Żona ta' Separazzjoni (l-Artikolu 4(10) tal-GLR), il-kwantitajiet ta' materjali ta' kostruzzjoni, ħut, sigarretti, eċċ huma mmonitorjati u rreġistrati mill-amministrazzjoni tal-SBA.

3.4.        Il-faċilitar tal-kummerċ

Il-Kummissjoni qed tkompli tfittex modi sabiex jiżdied il-kummerċ li jaqsam il-Linja. Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-projbizzjoni tar-regolament tal-GLR sabiex tippermetti l-kummerċ fi prodotti agrikoli addizzjonali, bl-enfasi prinċipali tkun fuq il-prodotti tal-ħalib (il-ħalib u l-ġobon, il-jogurt u x-xorrox), tista' tiġi kkontemplata ladarba l-kundizzjonijiet neċessarji stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' valutazzjoni mwettqa minn esperti indipendenti jkunu ġew sodisfatti. Matul il-perjodu tar-rapurtar, il-Kummissjoni neħħiet l-obbligu li patata kkummerċjata min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra trid titkabbar direttament minn patata taż-żerriegħa ċertifikata. Madankollu, għadu kmieni wisq biex jiġi valutat jekk id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kellhiex impatt pożittiv fuq il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra.

Prodotti oħra li għalihom it-TCCoC indika interess huma ħut ikkultivat u bebbux. Barra minn hekk, hemm interess ġenerali fit-tneħħija tal-projbizzjoni tal-kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali kollha sa fejn dawn il-prodotti jkunu jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti tal-UE. Ir-Repubblika ta' Ċipru ripetutament espremiet ir-rieda tagħha li teżamina l-possibbiltà li tespandi l-lista tal-prodotti li jistgħu jaqsmu għaż-żoni kkontrollati mill-gvern.

Il-Kummissjoni ġiet infurmata mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru bl-arranġamenti mwaqqfa għall-moviment sui generis ta' oġġetti miż-żoni ikkontrollati mill-gvern miż-żoni mhux ikkontrollati u lura lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern mill-post ta' qsim ta' Limnitis (li nfetaħ f'Ottubru 2010). Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru li din il-prattika jeħtieġ tinġieb f'konformità mal-liġi tal-UE billi jkun emendat il-GLR, li huwa għodda legali esklussiva li tirregola kwalunkwe moviment tal-oġġetti u tal-persuni minn naħa għall-oħra tal-Linja.

4.           KONKLUŻJONIJIET

Kif intqal f'rapporti preċedenti, il-kontroll tal-Linja fil-punti ta’ qsim awtorizzati huwa sodisfaċenti. Matul il-perjodu ta' rappurtar, in-numru ta' migranti irregolari maqbuda jidher li jikkonferma xejra ta' tnaqqis iżda l-qsim irregolari minn persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi għadu kwistjoni ta' tħassib. Il-Kummissjoni tevalwa li iktar tisħiħ tas-sorveljanza tal-Linja bejn il-postijiet ta’ qsim immexxija mir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Amministrazzjoni tas-SBA ikun importanti biex jgħin biex tkun indirizzata l-migrazzjoni irregolari. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar ftit inċidenti li seħħew fil-postijiet tal-qsim f'Ottubru u Diċembru 2011 u se tkompli żżomm kuntatt mal-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru dwar kwalunkwe żviluppi li jistgħu jikkonċernaw bidla tal-politika.

Fl-2011, il-valur tal-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja kien ħames darbiet ogħla minn fl-2010. Din iż-żieda sostanzjali hi dovuta għall-bejgħ tal-elettriku mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern li ammonta għal €24,085,775. Mingħajr ma jitqies il-bejgħ tal-elettriku, il-kummerċ regolari tal-Linja l-Ħadra naqas għat-tielet darba konsekuttiva mid-dħul fis-seħħ tal-GLR fl-2004 (b'6.5% għal €4,827,454 meta mqabbel ma’ €5,173,233 fl-2010). Il-prodotti nnegozjati l-aktar, wara l-elettriku, kienu metall mhux maħdum skrepjat, ħut frisk, plastik u oġġetti tal-ġebel. Il-livell ġenerali tal-kummerċ baqa’ pjuttost limitat, l-aktar minħabba l-ambitu ristrett tar-Regolament. Żvilupp pożittiv li għandu jkun innutat huwa l-ftehim bejn il-presidenti tas-CCCI u it-TCoCC għall-provvista tal-elettriku mill-parti mhux ikkontrollata mill-gvern lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern, wara l-isfortuna tal-isplużjoni fil-bażi navali f'Lulju 2011. Il-Ftehim ta spinta lill-kummerċ tal-Linja l-Ħadra u fih innifsu kkostitwixxa miżura li tibni fiduċja.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, kien għad hemm ċerti ostakli għall-kummerċ. Vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok, b'mod partikolari trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunellati u xarabankijiet, jistgħu biss jivvjaġġaw liberament fil-gżira kollha jekk liċenzji tas-sewqan u ċertifikati li l-vetturi tajbin għal fuq it-triq jinkisbu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Inbdew taħditiet tekniċi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u dipartimenti rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru jsibu soluzzjoni vijabbli għal din il-kwistjoni. Sa issa ma jista' jiġi rrappurtat l-ebda progress ulterjuri fir-rigward ta' ostakli oħra mhux tarrifarji għall-kummerċ.

Jidher li l-kuntrabandu tal-oġġetti min-naħa għall-oħra tal-Linja naqas iżda għadu mifrux.

Il-moviment ta' oġġetti miż-żoni kkontrollati mill-gvern mill-punt ta' qsim Limnitis mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u lura lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern jeħtieġ r-regolarizzazzjoni b'emenda għar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra.

Il-konklużjoni ġenerali hi li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi bażi legali li wieħed jista' jaħdem biha biex prodotti u persuni jitħallew jaqsmu minn u lejn iż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru kkontrollati mill-gvern. Il-Kummissjoni se tibqa’ tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament.

[1]               ĠU L 161, 30.04.2004, p.128. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1) - magħruf bħala r-Regolament "tal-Linja l-Ħadra".

[2]               Ara t-tielet inċiż tar-Regolament tal-Linja Ħadra

[3]               Ir-Regolament Nru 1480/2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar oġġetti li jaslu miż-żoni li mhumiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru fiż-żoni fejn il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv

[4]               L-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru ma jżommux rekords għar-ritorn ta' Ċiprijotti Griegi lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern jew ir-ritorn ta' Ċiprijotti Torok lejn il-parti tat-tramuntana ta' Ċipru (ara l-Anness VII).

[5]               Il-GLR ma fihx obbligi ta' rappurtar għal dan it-traffiku.

[6]               L-Artikolu 10 tal-GLR

[7]               Ir-Repubblika ta ’Ċipru ma jżommx statistika uffiċjali dwar l-għadd ta' persuni li ma tħallewx jaqsmu l-Linja l-Ħadra. Madankollu, CYPOL tagħmal estimu li fl-2011, madwar 2220 persuni ma tħallewx jaqsmu lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern.

[8]               It-Turkija: 979, Sirja: 204, Turkmenistan: 167, il-Ġeorġja: 88, l-Iraq: 74

[9]               It-Turkija: 543, is-Sirja: 44, l-Moldova: 64, l-Iran: 53, in-Niġerja: 10

[10]             Informazzjoni provduta minn UNFICYP

[11]             i.a.: It-Turkija: 900, l-Iran: 39, l-Awstralja: 33, l-Istati Uniti: 30, il-Brażil: 19, ir-Russja: 19.

[12]             L-Eġittu: 6, in-Niġerja: 2, is-Sirja: 2, il-Ġeorġja: 2, is-Sri Lanka: 3: 1, l-Indja, il-Bangladexx: 1, min-Nepal: 1.

[13]             ĠU L 236, 23.09.2003, p. 940

[14]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta' Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3.

[15]             Ara l-Annessi I, II, u III ta' dan ir-rapport

[16]             Ara l-Anness IV ta' dan ir-rapport

[17]             Il-kummerċ taċ-ċagħaq dekorattiv u r-rummien irrappreżenta biss 0.4% tal-kummerċ globali tal-Linja l-Ħadra.

Top