EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0122

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI dwar l-operazzjoni kumplessiva ta' kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti

/* COM/2012/0122 final - 2012/ () */

52012DC0122

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI dwar l-operazzjoni kumplessiva ta' kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti /* COM/2012/0122 final - 2012/ () */


WERREJ

1........... Sfond. 1

2........... Il-Katina Alimentari tal-UE. 1

3........... Ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli tal-UE fuq is-sigurtà tal-ikel 1

3.1.        Reviżjoni tar-rapporti annwali tal-Istati Membri. 1

3.2.        Riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni fl-Istati Membri 1

3.3.        Għejun oħrajn ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli fl-Istati Membri 1

3.4.        Segwitu u infurzar mill-Kummissjoni 1

4........... Konklużjonijiet 1

1.           Sfond

L-Artikolu 44(1) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004[1] (Regolament dwar il-Kontroll tal-Għalf u l-Ikel) jeħtieġ li l-Istati Membri kull sena jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kontroll nazzjonali multiannwali tagħhom stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament.  Ir-rapporti għandu jkun fihom:

(a) id-dettalji tal-emendi fil-pjanijiet ta' kontroll nazzjonali multiannwali, biex jitqiesu fost fatturi oħrajn il-bidliet fil-leġiżlazzjoni, il-mard il-ġdid jew il-fatturi ta' riskju, xjenza ġdida, ir-riżultati ta' kontrolli li saru fil-passat u bdil sinifikattiv fl-organizzazzjoni;

(b) ir-riżultati ta’ kontrolli u verifiki mwettqa fis-sena ta’ qabel skont il-pjan nazzjonali ta’ kontroll;

(c) it-tip u l-għadd ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati permezz tal-kontrolli;

(d) l-azzjonijiet mittieħda biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ kontroll, inklużi l-azzjonijiet ta’ infurzar u r-riżultati tagħhom.

L-Artikolu 44(4) u (6) tar-Regolament jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-operat globali tal-kontrolli fl-Istati Membri fid-dawl ta’:

(a) ir-rapporti annwali ppreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali;

(b) il-verifiki[2] u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-UE fl-Istati Membri;

(c) u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'Awwissu 2010.[3]  L-iskop prinċipali ta’ dak ir-rapport kien li jingħata l-ewwel eżami analitiku tad-dejta u tal-informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali fl-ewwel rapporti annwali mill-Istati Membri. Huwa ta wkoll sommarju tar-riżultati tal-verifiki u spezzjonijiet tal-UE. F’Settembru 2010 r-rapport ġie diskuss mill-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.  Il-Kumitati għall-Ambjent u għall-Agrikoltura u l-Affarijiet Rurali tal-Parlament Ewropew iddiskutewh f’Ottubru 2010.

Il-Kummissjoni nediet diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet imqajjma fl-ewwel rapport, u b’mod speċifiku dwar kif il-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta dwar il-kontrolli uffiċjali jistgħu jiġu ssimplifikati u standardizzati.

Dan it-tieni rapport jadotta metodu ftit li xejn differenti minn dak tal-ewwel. Għandu l-għan li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli tas-sigurtà tal-ikel tal-UE li ma tkunx limitata biss għall-aħħar sena li għaliha hemm disponibbli r-rapport tal-Istati Membri, iżda tuża l-aħħar informazzjoni mit-tliet għejun prinċipali ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli biex tagħti rendikont aġġornat kemm jista’ jkun dwar kif qed taħdem is-sistema ta’ kontroll tal-UE.

L-għejun prinċipali użati minn dan ir-rapport huma: (a) ir-rapporti annwali tal-Istati Membri għas-snin 2008 u 2009, (b) ir-riżultati tal-attivitajiet ta' kontroll tal-Kummissjoni fil-perjodu 2008-2010 u, (c) informazzjoni oħra rilevanti dwar il-kontrolli li tinkludi:

·   rapporti riċenti mill-Istati Membri dwar kontrolli f’setturi speċifiċi;

·   ir-riżultati tas-sistemi ta’ twissija rapida (Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Għalf u l-Ikel - RASFF, is-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali - ADNS u s-sistema ta’ twissija dwar theddid għas-saħħa tal-pjanti - Europhyt);

·   diskussjonijiet u deċiżjonijiet dwar il-kontrolli fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti;

·   reviżjoni ta’ każijiet ta' ksur marbuta mad-dgħjufijiet fis-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri;

2.           Il-Katina Alimentari tal-UE

Sabiex wieħed jifhem kif taħdem is-sistema tal-UE ta' kontrolli uffiċjali tul il-katina alimentari kollha (inklużi dawk meħtieġa biex tkun żgurata s-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u l-benessri tal-annimali), huwa utli li dak li jkun ikollu idea tad-daqs u l-kumplessità tal-katina alimentari tal-UE.  Skont l-aħħar dejta disponibbli mill-Eurostat, il-valur tal-produzzjoni totali tal-katina alimentari tal-UE huwa ta’ madwar EUR 750. L-impjiegi totali fis-settur, mill-produzzjoni primarja sal-bejgħ bl-imnut u l-forniment tal-ikel, huma iktar minn 48 miljun. Hemm madwar 14-il miljun produttur agrikolu primarju u 3 miljun operatur ta' negozji tal-ikel li jaħdmu tul il-katina alimentari tal-UE mill-manifattura tal-ikel sal-bejgħ bl-imnut u l-forniment tal-ikel. Dawn il-figuri globali jagħtu idea tad-daqs tal-industrija tal-ikel. Hija vasta ħafna, iżda hija wkoll varjata u kumplessa ħafna.

Pereżempju, fil-produzzjoni primarja d-daqs medju tal-irziezet ivarja bejn madwar 90 ettaru f’pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, sa madwar 50 ettaru f'pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, u sa inqas minn tmien (8) ettari f'pajjiżi oħrajn bħall-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija.

Hemm ukoll varjetà kbira bejn it-tipi ta’ biedja pprattikati madwar l-UE kollha;  li fil-biċċa l-kbira jiġu spjegati mill-kundizzjonijiet agroklimatiċi, iżda anki mit-tradizzjonijiet agrikoli li ilhom jeżistu.

Fl-UE hemm madwar 300.000 negozju tal-manifattura tal-ikel. Madankollu, fil-każ ta’ ħafna prodotti – bħall-inbid, iż-żejt taż-żebbuġa, il-bajd u l-ġobon – jista’ jkun li l-ipproċessar isir mill-impriżi agrikoli iktar milli mill-impriżi tal-manifattura. Jekk wieħed jiffoka biss fuq is-settur tal-manifattura ikun qed jissottovaluta d-daqs totali u l-kumplessità tas-sistema tal-ikel tal-UE. B’mod speċifiku fis-settur tal-manifattura, għadd żgħir ta' impriżi li joperaw fuq skala globali jirrappreżentaw sehem kbir ħafna tal-produzzjoni. Pereżempju, fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, 1 % tal-impriżi jipproduċu madwar 60 % tal-produzzjoni totali tal-UE. Barra l-produzzjoni primarja, l-ikbar għadd ta’ operaturi ta' negozji tal-ikel jinsab f'tarf il-katina alimentari, fl-oqsma tal-bejgħ bl-imnut u tal-forniment tal-ikel. Fl-UE hemm iktar minn miljun bejjiegħ tal-ikel bl-imut, u ħafna minnhom huma negozji żgħar tal-familja, għalkemm f’termini ta’ bejgħ totali s-settur huwa ddominat minn għadd żgħir ta’ katini kbar ta’ supermarkets. Hemm kważi 1.4 miljuni ristoranti u stabbilimenti tal-ikel.

3.           Ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli tal-UE fuq is-sigurtà tal-ikel

3.1.        Reviżjoni tar-rapporti annwali tal-Istati Membri.

L-UE żviluppat leġiżlazzjoni estensiva u dettaljata mfassla biex ikun żgurat li l-ikel mgħoddi lill-konsumaturi permezz ta’ din is-sistema kbira u kumplessa ta’ produzzjoni tal-ikel, ikun sigur u tajjeb għas-saħħa.  Il-priċipji bażiċi tal-UE dwar l-għalf u l-ikel huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[4]. Skont dan ir-Regolament, huma n-negozji tal-ikel tul il-katina alimentari kollha li għandhom ir-responsabbiltà primarja biex jiżguraw li l-ikel ikun ħieles mill-periklu, mill-bidu tal-produzzjoni sal-punt finali meta jinbiegħ lill-konsumatur.  L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jivverifikaw li l-operaturi tan-negozji jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf (inklużi s-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti). Għal dan il-għan huwa meħtieġ li joperaw sistema ta' kontrolli.

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula l-mod ta’ kif dawn il-kontrolli għandhom ikunu organizzati u mħaddma. Sostanzjalment, jistipula r-regoli ġenerali għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali biex ikun ivverifikat li jkun hemm konformità mar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-katina alimentari. B’mod partikolari r-Regolament jimponi rekwiżiti fuq l-Istati Membri meta jivverifikaw:

· il-konformità tal-operaturi mar-rekwiżiti legali fis-settur, jew

· li l-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE (dawk prodotti fl-UE jew impurtati minn pajjiżi terzi) jkunu konformi mal-istandards u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fis-settur.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu kompiti uffiċjali oħrajn skont ir-Regolament (KE) 882/2004, bħal dawk imwettqa fil-ġlieda kontra l-aġenti tal-mard tal-annimali, jew il-qerda tagħhom (pereżempju, l-ittestjar tal-annimali għal xi mard fil-kuntest ta’ programm, investigazzjoni epidemjoloġika wara li titfaċċa marda, it-tilqim kontra l-mard tal-annimali jew il-qtil ta’ annimali infettati bil-patoġeni.)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula wkoll regoli dettaljati dwar il-kontrolli li jagħmlu s-servizzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, biex jiġi vverfikat li jkunu konformi mal-obbligi stipulati fil-leġiżlazzjoni tas-settur u fir-Regolament (KE) Nru 882/2004.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet nazzjonali multiannwali ta’ kontroll biex ipoġġu fis-seħħ ir-rekwiżiti tar-Regolament.  Dawn il-pjanijiet ikopru, tipikament, perjodu minn tlieta sa ħames snin u ġew applikati l-ewwel darba fil-bidu tal-2007.  L-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali multiannwali tagħhom ta’ kontroll. Waslu rapporti annwali għas-snin 2007, 2008 u 2009.

Ingħata sommarju tar-riżultati tal-ewwel analiżi tar-rapporti nazzjonali min-naħa tal-Kummissjoni fir-rapport ġenerali tagħha tas-sena l-oħra, COM(2010) 441.  F’dak ir-rapport kien diffiċli li jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-UE kollha kemm hi minħabba l-varjazzjoni kbira bejn ir-rapporti nazzjonali, kemm f’termini ta’ struttura kif ukoll ta’ kontenut, u minħabba n-nuqqas ta’ dejta armonizzata dwar il-kontrolli. Dan għadu l-każ għar-rapporti tas-snin 2008 u 2009 li tirrifletti, parzjalment, id-differenzi sinifikattivi bejn l-Istati Membri f’termini ta’ strutturi agrikoli, kulturi amministrativi u daqs. Madankollu, sar titjib kbir fil-paragunabbiltà tar-rapporti bħala riżultat ta' a) ksib ta' esperjenza min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-produzzjoni tagħhom u b) djalogu kontinwu u attiv min-naħa tal-Kummissjoni mal-Istati Membri sabiex jibqa' jitjieb il-kontenut u, b'mod partikolari, il-paragunabbiltà tagħhom.  Peress li issa l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew informazzjoni għal dawn l-aħħar tliet snin, biż-żmien qed jiġu identifikati tendenzi u żviluppi interessanti. Qed jingħata sommarju tagħhom hawn taħt.

Ġbir u analiżi ta’ dejta

Fattur wieħed komuni fir-rapporti kollha huwa l-isforz li qed isir biex dejjem iktar jittejjeb il-ġbir tad-dejta dwar l-għadd u t-tip ta’ kontrolli li jitwettqu u r-riżultati tagħhom. Fit-tfittxija għall-effiċjenza u l-effettività, huwa essenzjali li jkun hemm dejta aġġornata biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni u biex jiġu identifikati l-prijoritajiet għall-attivitajiet ta' kontroll fil-futur. Filwaqt li fir-rapporti annwali hemm imsemmija ħafna inizjattivi ġodda u kontinwi li qed jieħdu din id-direzzjoni, jidher li l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza hija limitata fost l-awtoritajiet differenti ta’ kontroll fl-Istati Membri jew bejniethom.  Fir-rapport annwali tagħha tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li teżamina, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kif jista' jiġi sfruttat il-potenzjal tal-mezzi elettroniċi biex tintbagħat u tiġi analizzata d-dejta biex b’hekk ikun hemm simplifikazjoni u standardizzazzjoni fil-livell tal-UE. Il-ħidma fuq dan kollu issa bdiet u dan jista' jgħin ukoll lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' sistemi tagħhom stess għall-ġestjoni tal-informazzjoni.

Dikjarazzjonijiet globali tal-prestazzjoni.

Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-istruttura u l-kontenut tar-rapporti jeħtieġu li kull awtorità nazzjonali tagħmel dikjarazzjoni ġenerali kull sena dwar il-prestazzjoni tas-sistema tagħha ta' kontroll.  Il-kwalità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tvarja. F'ħafna mir-rapporti huma limitati għal dikjarazzjoni ġenerali li l-kontrolli twettqu skont l-arranġamenti ppjanati, li l-istandards ġenerali tas-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa u tal-benessri tal-annimali u tas-saħħa tal-pjanti huma sodisfaċenti, u fejn kien hemm xi nuqqas ta' konformità, dan normalment kien nuqqas żgħir. Madankollu, xi rapporti jipprovdu valutazzjoni iktar komprensiva u sostanzjata msejsa fuq sett ta' indikaturi tal-prestazzjoni. F’xi każijiet dawn l-indikaturi huma limitati għall-għadd u t-tip tal-kontrolli mwettqa u jekk kienux konformi mal-pjanijiet inizjali. F’oħrajn (Franza, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Repubblika Slovakka) l-indikaturi jmorru lil hinn u jimmiraw li jkejlu l-prestazzjoni billi jqabbluha mal-inċidenza ta’ mard speċifiku tal-annimali jew mard li jiġi trażmess fl-ikel. Fi Franza qed jippruvaw ukoll jidentifikaw l-ispejjeż marbuta mal-kontrolli f’għadd ta’ oqsma speċifiċi.

Il-progress fl-implimentazzjoni ta' pjanijiet multiannwali nazzjonali ta' kontroll

Waħda mill-ikbar sfidi kien ir-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jintroduċu pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali integrati li jkopru l-attivitajiet kollha ta’ kontroll tul il-katina alimentari kollha, mill-irziezet sal-imwejjed. Is-sistemi nazzjonali ta’ kontroll f’ħafna mill-pajjiżi huma kumplessi ħafna, u ta' spiss jinvolvu ħafna organizzazzjonijiet differenti f’aspetti varji tal-attività ta’ kontroll tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa tal-annimali, tal-benessri tal-annimali u tas-saħħa tal-pjanti. F'ħafna mill-Istati Membri, dawn l-organizzazzjonijiet differenti jkun kellhom ftit esperjenza fil-passat ta’ ħidma flimkien biex jitfasslu pjanijiet ta’ kontroll integrati. Barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, ir-responsabbiltà operattiva għat-twettiq tal-kontrolli tingħadda lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Kien jeħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-mekkaniżmi tagħhom ta' konsultazzjoni u komunikazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u dan peress li kien meħtieġ li jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu integrati kompletament fil-pjanijiet nazzjonali b’mod konsistenti u koerenti. Ir-rapporti annwali dwar l-implimentzzjoni tal-pjanijiet jindikaw li sar progress konsiderevoli fit-twaqqif ta' strutturi u proċeduri għall-integrazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll tal-atturi kollha fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-ikbar sfida għal ħafna mill-awtoritajiet kienet l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li jkunu jistgħu jipprovdu dejta preċiża dwar il-kontrolli mwettqa u dwar ir-riżultati tagħhom, sabiex mal-mogħdija ta' żmien tkun tista' tiġi vvalutata bi preċiżjoni l-prestazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali, u l-objettivi u l-miri tal-kontroll jiġu aġġustati skont il-prijoritajiet imsejsa fuq ir-riskju.

Ir-reġistrazzjoni tal-operaturi tan-negozji alimentari

Iż-żamma tat-traċċi effettiva tal-ikel, mill-għajn oriġinali sad-destinazzjoni finali, huwa prinċipju ċentrali tas-sistema tal-UE għall-kontroll tas-sigurtà tal-ikel. L-elementi prinċipali li bihom tinbena s-sistema huma r-reġistrazzjoni komprensiva tal-operaturi kollha, sistema effettiva ta' identifikazzjoni tal-annimali u ż-żamma tat-traċċi tal-għalf u tal-ikel. Sar progress sinifikanti fir-reġistrazzjoni tan-negozji alimentari. Madankollu, fil-qasam tal-għalf, ir-reġistrazzjoni ta’ stabbilimenti iżgħar tal-għalf għadha ma tlestietx. F’dak li jirrigwarda ż-żamma tat-traċċi tal-annimali, jidher li hemm xi nuqqasijiet fl-identifikazzjoni tal-baqar u l-majjali u b’mod partikolari, fis-sistemi għan-nagħaġ, il-mogħoż u ż-żwiemel.

Valutazzjoni tar-riskju u prijoritizzazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jeħtieġ b'mod speċifiku li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom sistema ta’ valutazzjoni espliċita tar-riskju u ta’ prijoritizzazzjoni tal-kontroll. Hekk kif fis-snin li ġejjin takkumula l-pressjoni fuq ir-riżorsi, jeħtieġ li tingħata iktar prijorità lil dan l-aspett tal-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali u tar-rapporti annwali marbuta magħhom. Xi rapporti tal-Istati Membri jagħtu deskrizzjoni tajba tas-sistemi ta’ kategorizzazzjoni tar-riskju tan-negozji alimentari u ta’ kif jorganizzaw il-kontrolli tagħhom skont din il-kategorizzazzjoni tar-riskju. Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Finlandja u s-Slovenja huma partikolarment avvanzati f’dan il-qasam. Madankollu, f’għadd ta’ Stati Membri l-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw li l-kategorizzazzjoni aħjar tar-riskji fir-rigward tal-operaturi tan-negozji tal-ikel u tal-għalf huwa qasam importanti li jeħtieġ li jsir titjib fih. Fis-snin riċenti, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi enfasizza dejjem iktar, permezz tal-verifiki tiegħu, il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali fis-setturi kollha jitwettqu b’mod regolari skont ir-riskju u ta’ spiss skont kemm ikun xieraq.

L-intensità u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli

Globalment, ir-rapporti jindikaw li fl-UE kollha hemm livell għoli ta’ intensità fil-kontrolli. Madankollu, hemm varjazzjonijiet kbar fil-frekwenza tal-ispezzjonijiet, u dan skont in-natura tan-negozju. Pereżempju, fis-setturi meqjusa bħala riskju kbir, bħall-produzzjoni tal-laħam u tal-ħalib, il-kontrolli jsiru iktar ta' spiss.

Fl-oqsma tal-għalf u tal-prodotti sekondarji mill-annimali, il-kontrolli huma inqas intensivi minn dawk fil-qasam tal-ikel. Minħabba l-bdil kbir fil-liġi tal-UE f’dawn l-aħħar għaxar snin f’dak li jirrigwarda l-għalf u l-prodotti sekondarji mill-annimali, b’mod partikolari l-ħtieġa li n-negożji tal-għalf u tal-prodotti sekondarji mill-annimali jkunu reġistrati, tpoġġa piż kbir fuq in-negozji u fuq l-awtoritajiet li jwettqu l-kontrolli. F’ħafna mir-rapporti huwa rikonoxxut li hemm lok għal titjib u għal intensifikazzjoni ulterjuri fil-kontrolli msejsa fuq il-prijoritizzazzjoni tar-riskji f'dawn is-setturi.

Il-kontrolli fil-qasam tas-saħħa tal-annimali jiffukaw fuq il-verifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-identifikazzjoni tal-annimali u l-ittestjar għal mard tal-annimali, bħall-bruċellożi, it-tuberkolożi, id-deni tal-ħnieżer u l-BSE. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa li jpoġġu fis-seħħ pjanijiet ta’ kontinġenza biex jittrattaw kriżijiet kbar tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf u tas-saħħa tal-annimali.

Koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali

F’ħafna Stati Membri, ir-responsabilità operattiva għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali prinċipalment hija tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Dan huwa notevoli fi Stati Membri b'kompetenzi żviluppati, bħall-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Greċja, ir-Renju Unit, l-Isvezja u l-Finlandja fejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħa jkollhom grad għoli ta’ awtonomija. Dawn l-Istati Membri jiffaċċjaw l-isfida ta' kif jiżguraw li jkun hemm sistema b’saħħitha biżżejjed ta’ responsabbiltà li permezz tagħha l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipprovdu rendikont xieraq u konsistenti tal-attivitajiet tagħhom ta’ kontroll lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, u permezz ta’ dawn tal-aħħar, fil-livell tal-UE.

Hemm ukoll il-kwistjoni relatata ta’ responsabbiltajiet u ta’ attivitajiet ta’ kontroll li jikkoinċidu bejn l-awtoritajiet differenti. Din il-kwistjoni ilha teżisti f’għadd ta’ Stati Membri. Pereżempju, l-awtoritajiet ta’ verifika interna fil-Ġreċja, fil-Portugall u fir-Rumanija jiddikjaraw li r-responsabbiltajiet u l-attivitajiet operattivi li jikkoinċidu huma problema sinifikanti. Dawn l-Istati Membri huma wkoll fost dawk li jqisu li r-riżorsi inadegwati huma waħda mir-raġunijiet li minħabba fihom ma jintlaħqux il-miri f’għadd ta’ kontrolli.  B’mod ġenerali, jidher li l-Istati Membri li għandhom responsabbiltajiet u strutturi ta’ ġestjoni definiti b’mod ċar, li juru responsabbiltà fil-livelli kollha, huma dawk li joperaw bl-iktar mod effikaċi.

Sistemi nazzjonali ta’ verifika

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu verifiki interni, jew iqabbdu lil min iwettaq verifiki esterni, biex jiżguraw li s-sistemi ta’ kontroll tagħhom ikunu qed jiksbu l-objettivi tar-Regolament. Jispeċifika wkoll li dawn il-verifiki għandhom ikunu soġġetti għal eżami bir-reqqa indipendenti mwettaq b’mod trasparenti.

Kważi l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ sistema ta’ verifiki, minkejja li f’ħafna mill-każijiet dawn ikopru biss medda limitata ta' oqsma speċifiċi ta' kontroll fi ħdan is-sistema globali. Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki jiġu ppreżentati fir-rapporti annwali, iżda spiss f’forma ta’ sommarju qasir ħafna. Il-punti dgħajfa prinċipali identifikati f’dawn il-verifiki interni u fl-azzjonjiet li jittieħdu bħala rimedju, ġeneralment ma jiġux irrappurtati fid-dettall. Madankollu hemm xi eċċezzjonijiet notevoli. Pereżempju, il-Finlandja u r-Repubblika Ċeka jirrappurtaw dwar ir-riżultati tal-verifiki tagħhom u dwar l-oqsma fejn ġew identifikati xi punti dgħajfa.

Barra minn hekk, fir-rapporti annwali jkun hemm informazzjoni limitata dwar id-dispożizzjonijiet fis-seħħ biex jiġu attwati r-rekwiżiti li r-rapporti ta’ verifika għandhom ikunu soġġetti għal eżami bir-reqqa indipendenti.

L-affidabilità, jew in-nuqqas tagħha, tas-sistemi ta’ verifika tal-Istati Membri stess biex jipproduċu t-titjib meħtieġ fil-kontrolli, se tibda tkun dejjem iktar wieħed mill-kriterji ta' riskju li jitqies fil-pjanifikazzjoni fil-futur ta' verifiki tal-FVO.

Riżorsi

Skont id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa stmat li iktar minn 100.000 ruħ huma impjegati direttament jew indirettament, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, fit-twettiq ta’ kontrolli fis-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, fis-saħħa tal-annimali, fil-benessri tal-annimali u fis-saħħa tal-pjanti. Din hija riżorsa sostanzjali iżda, meta jitqabblu l-miri tal-kontrolli mar-riżultati li jinkisbu fil-fatt, xi awtoritajiet nazzjonali qed jiddikjaraw li n-nuqqas ta’ impjegati huwa wieħed mir-raġunijiet sottostanti li minħabba fih mhux qed jintlaħqu l-miri.  Xi Stati Membri bħall-Pajjiżi l-Baxxi, jiddikjaraw b'mod espliċitu li s-sistemi u l-operazzjonijiet ta' kontroll tagħhom qed jiġu aġġustati biex titqies ir-realtà tat-tnaqqis fl-impjegati u tar-razzjonalizzazzjoni li kien hemm fis-snin reċenti. Il-valutazzjoni tar-riskju u l-prijoritizzazzjoni tal-kontrolli huma elementi importanti biex isir dan l-aġġustament.

Taħriġ

Ir-rapporti nazzjonali jagħtu spjegazzjoni dettaljata dwar il-programmi ta’ taħriġ organizzati kull sena għall-impjegati fil-qasam tal-kontroll u għall-operaturi tan-negozji alimentari. Globalment, l-isforz li qed isir fit-taħriġ huwa wieħed sostanzjali. Huwa jiffoka fuq tliet prijoritajiet prinċipali. L-ewwel, il-pakkett ta’ Regolamenti dwar l-iġjene introdott fl-2006 kien jirrikjedi li jkun hemm iktar iffukar fuq prattiki tajba ta' iġjene u l-applikazzjoni tal-prinċipji HACCP[5] mill-operaturi kollha tan-negozji alimentari. Fis-snin riċenti twettqet ħidma konsiderevoli biex l-operaturi tan-negozji alimentari u l-impjegati fil-qasam tal-kontroll jiffamiljarizzaw ruħhom mar-rekwiżiti tar-Regolamenti l-ġodda. It-tieni, l-iżviluppi tax-xjenza u tat-teknoloġija, speċjalment dawk f’oqsma relattivament ġodda tal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf (pereżempju, ikel ġdid, OĠM, materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, addittivi alimentari u tal-għalf), jeħtieġu li l-għarfien tal-impjegati jiġi aġġorant kontinwament. It-tielet, minħabba ż-żieda fl-iffukar fuq l-għalf tal-annimali u fuq il-prodotti sekondarji mill-annimali kien meħtieġ li jsir sforz speċjali biex in-negozji u l-uffiċjali tal-kontroll jiffamiljarizzaw ruħhom mar-rekwiżiti l-ġodda tal-liġi tal-UE f'dawn is-setturi.

Fil-livell nazzjonali t-taħriġ huwa appoġġjat u kkumplimentat minn taħriġ organizzat mill-Kummissjoni fil-programm ta’ Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel li nbeda fl-2006 u huwa stipulat fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.  Dan il-programm, li jkopri medda wiesgħa ta’ suġġetti, għandu l-għan li l-kontrolli uffiċjali jsiru iktar effettivi biex jiġi żgurat li l-operaturi fil-livelli kollha jirrispettaw il-liġi tal-UE li tħares is-saħħa tal-pubbliku, tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll il-benessri tal-annimali. Sussegwentement dan jikkontribwixxi biex ikun hemm iktar sigurtà fil-provvista tal-ikel u tal-għalf, l-avvanzament tal-istandards tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti u biex jogħlew il-livelli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-annimali.

Ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni, bħal fil-qasam tal-Iġjene Ġenerali deskritta fit-Taqsima 3.2 ta’ dan ir-rapport, jikkonfermaw li jeħtieġ li jkun hemm iktar taħriġ f'ċerti oqsma.

Laboratorji

L-Istati Membri kollha għandhom jinnominaw laboratorji li jwettqu l-analiżi ta’ kampjuni meħuda waqt il-kontrolli uffiċjali. Dawn il-laboratorji għandhom l-obbligu li jaħdmu, u li jiġu vvalutati u akkreditati, skont standards definiti tal-UE jew skont standards internazzjonali biex ikun żgurat li jkun hemm standards uniformi u għolja. Fl-UE kollha teżisti network kbira ta’ laboratorji uffiċjali. Ħafna minn dawn joperaw fil-livell nazzjonali, iżda l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jinnominaw il-laboratorji uffiċjali tagħhom stess, b’mod partikolari fi Stati Membri li għandhom reġjuni jew awtoritajiet awtonomi. Dan jista’ jwassal biex l-għadd tal-laboratorji uffiċjali jitkattar b’mod konsiderevoli. Il-proċess ta’ akkreditazzjoni huwa kumpless u spiss jiswa’ ħafna flus, speċjalment għal-laboratorji reġjonali jew lokali iżgħar. Bħala riżultat, xi Stati Membri jkomplu jirreġistraw dewmien fl-ilħuq tal-akkredizzjoni kompleta tal-laboratorji uffiċjali tagħhom involuti fl-ittestjar fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali. Fl-2010, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar ir-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni.

Il-verifiki min-naħa tal-FVO jikkonfermaw li l-livell ta’ konformità tal-laboratorji mal-liġi tal-UE jvarja minn settur għal ieħor. Pereżempju, fir-rigward tal-prodotti tal-ħut u tas-sajd, jidher li ġeneralment il-laboratorji li jwettqu l-analiżi fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali huma mgħammra tajjeb u għandhom il-kapaċità li jwettqu l-analiżi meħtieġa; ħafna huma akkreditati. Is-sitwazzjoni hija differenti, pereżempju, fir-rigward ta’ laboratorji li joperaw skont il-pjanijiet nazzjonali ta' kontroll tas-Salmonella. Il-verifiki tal-FVO jirrappurtaw ukoll li f'xi Stati Membri hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-kontrolli tal-pestiċidji.

Ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali u tal-monitoraġġ

a) Oqsma prinċipali fejn hemm nuqqas ta’ konformità

Fil-produzzjoni tal-ikel, hemm żewġ temi rikorrenti fir-rapporti tal-Istati Membri dwar in-nuqqas ta’ konformità fil-produzzjoni tal-ikel: il-kontrolli tal-iġjene fl-istabbilimenti; u t-tikkettar. Ir-rekwiżiti tal-pakkett ta’ Regolamenti dwar l-iġjene daħlu fis-seħħ fl-2006. Ir-rapporti nazzjonali dwar il-kontrolli fl-2007 rreġistraw firxa wiesgħa ta’ nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolament, probabbilment parzjalment minħabba li kienu għadhom kif daħlu fis-seħħ fis-sena ta’ qabel. Fl-2008 u fl-2009 f’dan il-qasam ġie rreġistrat progress konsistenti iżda ħafna mir-rapporti baqgħu jindikaw li l-operaturi ż-żgħar fil-punt tal-katina alimentari fejn isir il-bejgħ u l-forniment tal-ikel kien għad għandhom problemi kontinwi. Il-punti dgħajfa prinċipali jinkludu: binjiet u tagħmir antiki; in-nuqqas ta’ sistemi ta’ awtoverifika min-negozji jew sistemi ta’ dan it-tip li jkunu dgħajfa; applikazzjoni insuffiċjenti tal-HACCP; u reġistri mhux miżmuma kif xieraq. Xi awtoritajiet jindikaw problemi fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tal-forniment tal-ikel ikkawżati minn bdil ta’ spiss ta’ ħafna impjegati, speċjalment il-ħaddiema staġjonali, biex b’hekk huwa diffiċli li l-impjegati jkunu mħarrġa tajjeb biżżejjed dwar il-prattika tajba fl-iġjene. Dwar it-tikkettar, jidher li d-diffikultà prinċipali tirriżulta mir-rekwiżiti kumplessi li ġejjin minn oqsma differenti tal-leġiżlazzjoni (pereżempju l-addittivi, in-nutrizzjoni, il-post tal-oriġini, eċċ).

Dwar l-għalf, in-nuqqasijiet ta' konformità prinċipali huma marbuta ma': dewmien fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi; applikazzjoni insuffiċjenti tal-prinċipji HACCP; l-iġjene fost il-manifatturi tal-għalf; u kontravenzjonijiet tar-regoli dwar l-addittivi tal-ikel.

Fir-rigward tas-saħħa tal-annimali, il-punti dgħajfa rrappurtati għandhom x’jaqsmu mal-identifikazzjoni tal-annimali u l-kontroll tal-movimenti.

Fir-rigward tal-benessri tal-annimali fl-irziezet, ħafna mill-punti dgħajfa li nstabu huma kkawżati min-nuqqas ta’ għafien min-naħa tal-bdiewa, b’mod partikolari tal-iżgħar bdiewa. Xi Stati Membri rreġistraw tnaqqis fil-livell ta’ nuqqas ta’ konformità fl-irziezet, wara li ngħataw taħriġ u informazzjoni lill-bdiewa.

Ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali u tal-monitoraġġ

b) Tendenzi ġenerali fil-mard li jiġi trażmess mill-ikel

Is-Salmonella u l-Campylobacter huma ż-żewġ kawżi prinċipali fl-UE tal-mard li jiġi trażmess mill-ikel. L-analiżi min-naħa tal-EFSA tar-rapporti dwar iż-żoonożi ta’ kull Stat Membru tikkonferma li fl-Unjoni Ewropea qed tonqos it-tendenza li jkun hemm każijiet ta’ salmonellosi fil-bniedem. Fl-2009 ġew irrappurtati total ta’ 108.614-il każ (dejta ppubblikata fl-2011) u b’mod partikolari, naqsu sew il-każijiet fil-bniedem ikkawżati minn S. Enteritidis. Ir-rapport tal-EFSA jindika li l-applikazzjoni tal-programmi ta’ kontroll tas-Salmonella fl-Istati Membri hija raġuni għal dan it-tnaqqis.

Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri dwar il-kontrolli jindikaw li t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar tagħhom għal dawn iż-żewġ perikli mikrobijoloġiċi jirrappreżentaw sehem kbir tat-teħid ta’ kampjuni u tal-ittestjar marbut mal-produzzjoni tal-ikel fl-Istati Membri.   

Miżuri nazzjonali ta’ infurzar

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-negozji jieħdu miżuri biex jirrimedjaw meta jidentifikaw xi nuqqas ta' konformità. Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkollhom regoli definiti sew dwar is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' ksur ta' liġi tal-UE. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kważi r-rapporti kollha jagħtu sommarju tal-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu trattati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità L-iktar azzjonijiet komuni huma l-avviżi ta’ twissija, il-multi, l-għeluq temporanju tan-negozji, u f'każijiet serji anki b’mod permanenti, u f’każijiet rari jittieħdu anki proċeduri kriminali f’każ ta’ frodi jew ksur serju tar-rekwiżiti legali. B’mod ġenerali, l-informazzjoni dwar is-sistemi ta' sanzjonijiet u dwar il-mod ta' kif jitħaddmu hija limitata u l-livell ta' dettall ivarja minn Stat Membru għall-ieħor. Fin-nuqqas ta’ dejta iktar speċifika u armonizzata fir-rapporti annwali, mhux possibli li jingħata ġudizzju dwar il-konsistenza tas-sistema globali ta’ infurzar fl-Istati Membri kollha. F’ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Ċeka, hemm tendenza favur il-bidla minn proċeduri fil-qorti għal proċeduri amministrattivi  inqas onerużi u iktar effettivi fil-każ ta' nuqqasijiet ta' konformità inqas serji. 

Kontrolli uffiċjali wara l-emerġenza ta’ theddidiet speċifiċi għas-saħħa – ikel, annimali u pjanti

Fis-snin riċenti, l-emerġenzi prinċipali tas-saħħa fl-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf oriġinaw mill-manifattura tal-għalf. Fl-2008 fl-Irlanda, instabu livelli għolja ta’ kontaminazzjoni mid-diossina fil-laħam tal-majjal. L-oriġini tal-problema ġiet traċċata fil-proċess ta’ manifattura tal-għalf minħabba l-użu ta’ żjut tal-iskart b’kontaminazzjoni għolja waqt il-proċess ta’ tnixxif. Fl-2010, instabet il-kontaminazzjoni tad-diossina fi prodotti li kienu joriġinaw mill-Ġermanja. Dan ġie traċċat għal xi xaħmijiet, b'mod speċifiku dawk għall-użu industrijali biss, li kienu qed jiġu miżjuda mal-għalf tal-annimali. Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tadotta miżuri speċifiċi biex tittratta dan ir-riskju partikolari.

Fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, l-Istati Membri kellhom jiffukaw l-isforzi addizjonali ta’ kontroll fuq il-Bluetongue u l-influwenza avjarja. It-tifqigħa riċenti tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer fil-Bulgarija tenfasizza l-importanza ta’ viġilanza kontinwa, iżda turi wkoll li, meta applikati tajjeb, il-miżuri ta' kontroll tal-UE huma effettivi fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda.

Fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti, ingħatat prijorità kbira lit-trażżin tat-theddida tan-nematodu tal-injam tal-arżnu fil-Portugall u lill-miżuri ta' implimentazzjoni li għandhom l-għan li jeliminaw it-tixrid tat-theddida fi Spanja.  B'mod simili, it-tixrid rapidu tal-bumunqar aħmar tal-palm fil-pajjiżi tal-Mediterran u t-tixrid ripetut tal-ħanfusa tal-qrun twil Asjatika u l-ħanfusa tal-qrun twil taċ-ċitru, kien jeħtieġ kontroll imsaħħaħ u azzjoni ta' trażżin min-naħa tal-Istati Membri.  Il-miżuri fil-livell tal-UE u l-isforzi ta’ kontroll li saru in-naħa tal-Istati Membri huma deskritti fit-Taqsima 3.2 ta’ dan ir-rapport.

Żviluppi interessanti li possibilment iservu ta’ eżempju ta’ prattika tajba

Il-klassifikazzjoni tal-istabbilimenti u l-pubblikazzjoni tar-riżultati (id-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit u l-Belġju): Permezz tar-rekwiżit li l-operaturi tan-negozji kollha għandhom ikunu rreġistrati flimkien mal-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ dawn in-negozji mill-awtoritajiet uffiċjali, irendu iktar faċli li tingħata indikazzjoni utli lill-konsumaturi dwar il-konformità mal-istandards fir-ristoranti u fil-ħwienet. Diġà hemm disponibbli għadd ta' eżempji, fejn l-iktar wieħed antik huwa l-iskema Daniża 'smiley' (http://www.findsmiley.dk/en-US/Forside.htm). Fir-Renju Unit u fil-Belġju qed jitmexxew pjanijiet b’ideat simili.

 Awtorappurtar min-naħa tal-operaturi tan-negozji dwar azzjonijiet li jieħdu għal skop ta’ rimedju (il-Pajjiżi l-Baxxi): Bħala parti mill-isforz biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi ta’ kontroll u biex jitnaqqas il-piż tal-attivitajiet ta' kontroll fuq l-operaturi tan-negozji alimentari, il-Pajjiżi l-Baxxi introduċew sistema elettronika li permezz tagħha r-rappurtar isir mill-operaturi tan-negozji alimentari stess. Bl-użu ta’ din is-sistema, operatur ta’ negozju alimentari jista’ jirrapporta lill-awtorità ta’ kontroll permezz ta’ għodda ta’ rappurtar fuq l-internet, dwar azzjonijiet li jkun ħa b’reazzjoni għal rakkomandazzjonijiet li jkunu saru waqt żjara preċendenti ta’ kontroll. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ rutina, ġeneralment dawn ir-rapporti jiġu aċċettati mingħajr il-ħtieġa li jsiru żjarat ulterjuri mill-awtoritajiet biex isegwu l-każ, minkejja li darba kultant isiru żjarat mhux imħabbra fuq bażi aleatorja.

Sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Litwanja u s-Slovenja): Għadd ta’ Stati Membri introduċew sistemi ta’ ġestjoni ta’ kwalità (QMS) fis-servizzi ta' kontroll tagħhom, u fir-rigward tagħhom kisbu akkreditazzjonijiet li jlaħħqu ma' standards internazzjonali. Pereżempju, fir-Repubblika Ċeka, is-sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità ta’ ħafna mill-entitajiet ta’ kontroll jiġu vverfikati minn entitajiet esterni skont l-istandard ISO 9001. Dawn is-sistemi huma meqjusa strumenti importanti għat-titjib tal-effikaċja u tal-effiċjenza globali tal-kontrolli, u r-reviżjonijiet indipendenti u kontinwi tal-prestazzjoni jħeġġu biex ikun hemm titjib kontinwu.  Fil-Ġermanja, il-Grupp ta’ Ħidma speċjali tal-Länder dwar il-Ġestjoni tal-Kwalità żviluppa qafas armonizzat għat-tħejjija ta' QMS f'kull wieħed mis-16-il Länder.

3.2.        Riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-Kummissjoni fl-Istati Membri

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq kontrolli fl-Istati Membri biex tivverifika li, globalment, il-kontrolli uffiċjali jkunu qed isiru skont il-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali nazzjonali rispettivi u skont il-liġi tal-UE.

Biex jissodisfa l-obbligi tal-Kummissjoni, kull sena, l-FVO jwettaq programm ta’ verifiki u spezzjonijiet sabiex jikkonferma li jkun hemm konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali u dwar is-saħħa tal-pjanti, u biex jikkonferma li l-kontrolli uffiċjali nazzjonali f’dawn l-oqsma jitwettqu f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan il-programm jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena.

Is-sejbiet li joħorġu minn kull verifika u spezzjoni jiġu ppreżentati f’rapport lill-awtorità nazzjonali rilevanti, flimkien mal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati. Fit-taqsima 3.4 ta’ dan ir-rapport hemm spjegazzjoni ta’ kif jiġu trattati r-rakkomandazzjonijiet.

L-informazzjoni mill-verifiki tal-FVO tista’ tagħti lok għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza jew ta’ salvagwardja min-naħa tal-Kummissjoni (f’forma ta’ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni) f’każ ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-ikel, għas-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti jew meta r-riskju ma jkunx jista' jitrażżan permezz ta' azzjoni meħuda biss mill-Istati Membru milqut. Dawn l-istrumenti legali jistgħu jimponu iktar kontrolli, iżda anki miżuri biex jiġi evitat il-kummerċ jew l-importazzjoni ta’ għalf, ikel, annimali u pjanti jew kwalunkwe prodott li joriġina minnhom, u dan skont is-sitwazzjoni.

F'każ ta' rilevanza, l-informazzjoni mill-verifiki tal-FVO tista’ tintuża bħala prova ta’ ksur tal-liġi tal-UE, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur (ara t-Taqsima 3.4).

Permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ verifika u tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri, kif ukoll tal-profili tal-pajjiżi li jiġu aġġornati regolarment, il-Kummissjoni tipprovdi lill-partijiet interessati u liċ-ċittadini b’rendikont fattwali dwar kif l-awtoritajiet ta’ kontroll f’kull Stat Membru jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw li jkun hemm implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE.

Fis-snin reċenti, l-FVO wettqet madwar 250 verifika kull sena, li koprew il-katina alimentari kollha kif ukoll is-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti.

Il-verifiki fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel huma l-parti prinċipali tal-programm. Fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, mill-inqas 70 % tal-verifiki kienu jikkonċernaw is-sigurtà tal-ikel u xi wħud koprew ukoll aspetti relatati mas-saħħa tal-annimali. Madwar 12 % tal-verifiki kienu relatati b’mod speċifiku mas-saħħa tal-annimali biss. Il-bilanċ inkiseb permezz tal-qasam tal-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fejn, kull sena, madwar 8 % tal-verifiki kienu jiffukaw fuq kull wieħed minn dawn l-oqsma.

Ir-rapporti tal-FVO jipprovdu informazzjoni siewja dwar kif kienu qed jaħdmu s-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri fl-oqsma koperti mill-verifiki, fil-perjodu ta’ rappurtar. It-taqsima li ġejja tippreżenta l-kwistjonijiet ta' interess koperti mill-programm f'dawn l-aħħar tliet snin fl-Istati Membri, dwar is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti. Tipprovdi wkoll sommarju tar-riżultati u l-konklużjonijiet prinċipali tas-sensiela differenti ta’ verifiki.

Ir-rapporti dwar il-verifiki tal-FVO, kif ukoll it-tweġibiet tal-awtoritajiet kompetenti għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-FVO, jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/food/fvo/index_en.cfm

Is-Sigurtà alimentari

Kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-ħalib u l-laħam

Fil-perjodu li qed jiġi eżaminat, kważi fl-Istati Membri kollha, l-FVO wettaq sensiela ta' verifiki tal-kontrolli tal-iġjene relatati mal-produzzjoni tal-laħam aħmar u l-ħalib. Dawn ikkonfermaw li l-Istati Membri introduċew sistemi ta’ kontroll b’saħħithom li ġeneralment huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 882/2004 u li t-titjib meħtieġ fl-istabbilimenti li jipproduċu u jipproċessaw il-laħam u l-ħalib biex jilħqu l-istandards tal-UE fil-kuntest tal-adeżjoni, b’mod ġenerali twettaq b’suċċess fl-għaxar Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004. L-operaturi tan-negozji alimentari wettqu tranżitu lejn ir-rekwiżiti tal-pakkett ta’ Regolamenti dwar l-iġjene. Fejn deher li kien hemm xi nuqqasijiet, dawn ġeneralment setgħu jiġu attribwiti għal fallimenti individwali tal-impjegati fil-qasam tal-kontrolli, li ġeneralment huma sintomu ta' sistema ta' superviżjoni dgħajfa. Ir-raġjuni prinċipali l-oħra għan-nuqqasijiet li jippersistu hija relatata ma’ infurzar ħażin tal-leġiżlazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet li jwettqu l-kontrolli.

Barra minn hekk, din is-sensiela identifikat tendenza, primarjament fl-Istati Membri l-‘antiki’, ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti attwali ta’ spezzjonijiet tal-laħam, pereżempju fir-rigward ta’: (a) l-użu ta’ impjegati tekniċi minflok veterinarji uffiċjali biex iwettqu spezzjonijiet antemortem, u (b) in-nuqqas ta' veterinarji uffiċjali fil-biċċeriji, speċjalment fil-biċċeriji ż-żgħar, fejn l-ispezzjoni postmortem issir fi stadju aktar tard.

Kontrolli uffiċjali fuq l-ikel tat-trabi

Twettqu verifiki fi 11-il Stat Membru u fl-Isvizzera biex jiġu evalwati l-kontrolli fuq il-produzzjoni tal-ikel tat-trabi. Ma nstabu l-ebda nuqqasijiet kbar fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll tal-iġjene u taż-żamma tat-traċċi fin-negozji alimentari li joperaw fis-settur. Madankollu, il-programmi HACCP f’dawn in-negozji ġeneralment ma kienux imfassla biex iqisu r-riskji speċifiċi assoċjati mal-ikel tat-trabi. Ġie nnutat ukoll li hemm nuqqasijiet relatati mar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u t-tikkettar, kif ukoll fl-awtoverifiki tar-residwi tal-pestiċidi u tal-kontaminanti.

Il-kontrolli fuq il-formuli tal-ikel tat-tfal u tal-ikel tat-trabi mhux dejjem kienu sodisfaċenti f'dak li jirrigwarda l-ingredjenti, il-kriterji tal-kompożizzjoni u s-sustanzi nutrizzjonali, it-tikkettar kif ukoll ir-residwi tal-pestiċidi. Spiss, dawn in-nuqqasijiet fil-kontrolli uffiċjali kienu marbuta ma' taħriġ limitat tal-impjegati uffiċjali f'dak li jirrigwarda r-rekwiżiti speċifiċi tal-leġiżlazzjoni, teħid ta' kampjuni mfassal mhux kif xieraq u programmi ta’ ttestjar u kapaċitajiet limitati għall-analiżi tar-residwi tal-pestiċidi.  L-istess bħal fil-każ ta’ setturi oħrajn, in-nuqqasijiet identifikati qed jiġu indirizzati sistematikament permezz ta’ attivitajiet ta’ segwitu.

Arranġamenti tranżitorji għal  konformità mal-Pakkett ta’ Regolamenti dwar l-Iġjene

Skont il-pakkett ta' Regolamenti dwar l-iġjene, li ilhom japplikaw mill-2006, in-negozji alimentari li kienu awtorizzati strettament biex ifornu s-swieq domestiċi, ingħataw perjodu tranżitorju sal-aħħar tas-sena 2009 biex jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tar-Regolamenti. In-negozji tipikament kienu stabbilimenti ta’ kapaċità żgħira li jipproċessaw ammonti limitati ta’ ikel li ġej mill-annimali. Sa tmiem il-perjodu tranżitorju, dawn l-istabbilimenti kellhom jirranġaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom jew jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iġjene, għalkemm ir-Regolamenti jippermettu li jkun hemm flessibilità fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet.

Riċentement saru żjarat f’sitt Stati Membri biex issir reviżjoni tal-progress f’dan il-qasam. Fejn l-awtoritajiet nazzjonali kienu introduċew arranġamenti biex ikun hemm flessibilità skont ir-Regolamenti tal-UE, instab li permezz tagħhom instabu soluzzjonijiet għal ħafna mill-operaturi żgħar fin-negozji alimentari, b’mod partikolari fis-setturi tal-laħam aħmar u tal-ħalib. Fl-Istati Membri b’arranġamenti inqas flessibbli, kien hemm grad ogħla ta’ nuqqas ta’ konformità. Madankollu, minħabba li l-Istati Membri ma jirrispettawx bis-sħiħ ir-rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata bl-arranġamenti nazzjonali dwar il-flessibilità, mhux possibbli li ssir verifika kompleta, fil-livell tal-UE, tal-konformità ma' dawn l-arranġamenti.

Iż-żamma tat-traċċi tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga

Sal-aħħar tal-2011 għandha tintemm sensiela ta' verifiki dwar iż-żamma tat-traċċi tal-laħam taċ-ċanġa u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanġa. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2002, l-aħħar darba li saret reviżjoni, il-kontrolli taż-żamma tat-traċċi tal-laħam taċ-ċanġa u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u t-tikkettar obbligatorju ttejbu fl-Istati Membri fejn saru ż-żjarat. Kien hemm xi nuqqasijiet fir-rigward taż-żamma tat-traċċi tal-annimali ħajjin, li prinċipalment kienu marbuta mal-ġestjoni ta’ bażijiet ta’ dejta, mal-kontrolli fuq l-impriżi u man-notifikazzjoni tal-movimenti fis-swieq jew mill-kummerċjanti tal-bhejjem. 

Kontrolli uffiċjali tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd

Twettqu verifiki f'disa’ Stati Membri biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti tal-UE fil-qasam tal-ħut.  Globalment deher li fil-pajjiżi fejn saru ż-żjarat hemm sistemi ta' kontrolli uffiċjali komprensivi għall-prodotti tas-sajd, inklużi r-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta' stabbilimenti u ta' bastimenti tas-sajd. F’xi pajjiżi nstabu varjazzjonijiet sinifikattivi bejn ir-reġjuni differenti, fl-implimentazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali. Ġeneralment, il-laboratorji li jwettqu l-analiżi uffiċjali kienu mgħammra tajjeb u kellhom il-kapaċità li jwettqu l-analiżi meħtieġa. Ħafna mil-laboratorji kienu akkreditati.

Filwaqt li s-sistemi globali kienu mfassla u ġestiti tajjeb, ġew identifikati tliet oqsma speċifiċi b’punti dgħajfa marbuta mal-kontrolli ta': (a) postijiet primarji tal-produzzjoni, bħall-bastimenti tas-sajd u l-istabbilimenti tal-akkwakultura; (b) xi bastimenti tal-fabbriki jew b’kompartamenti għall-iffriżar; u (c) parametri speċifiċi marbuta mal-prodotti tas-sajd, bħall-verifiki organolettiċi, l-indikaturi tal-freskezza, l-istamina, il-parassiti u l-verifiki mikrobijoloġici.

Kontrolli uffiċjali tat-tjur

Saru 12-il verifika tas-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri fir-rigward tal-laħam tat-tjur u tal-prodotti tiegħu. B’mod ġenerali, il-livell globali ta’ konformità kien tajjeb. Ġiet koperta l-katina kollha tal-produzzjoni, minkejja li f’xi każijiet l-għadd ta’ kontrolli fl-irziezet kien limitati. L-oqsma prinċipali identifikati biex isir titjib kienu jirigwardaw: l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene, bħall-frekwenza tat-teħid ta’ kampjuni minn annimali mejta u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet HACCP fl-istabbilimenti; u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jkun hemm flessibilità f’biċċeriji żgħar. Dan l-aħħar punt jirrifletti l-istess sitwazzjoni tal-arranġamenti ta’ flessibilità fis-setturi tal-laħam aħmar u tal-ħalib li ġew deskritti iktar ‘il fuq f’dan ir-rapport.

Pjanijiet għall-kontroll tas-salmonella

Twettqu seba’ verifiki tal-pjanijiet nazzjonali ta’ kontroll tas-Salmonella fis-settur tat-tjur. Fl-Istati Membri kollha li nżaru, ġew introdotti pjanijiet ta’ kontroll iżda f’xi każijiet l-implimentazzjoni tagħhom ġie posposta għal ċerti kategoriji.  Fl-Istati Membri kollha, il-pjanijiet għall-monitoraġġ u t-teħid ta' kampjuni uffiċjali għas-Salmonella fil-kategoriji differenti ta' tjur ma kienux kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE, fil-biċċa l-kbira minħabba nuqqasijiet fit-teħid ta' kampjuni, fl-azzjonijiet meħuda wara riżultati pożittivi tat-testijiet, u fil-laboratorji.

Kontrolli fuq l-importazzjoni tal-ikel li ma jiġix mill-annimali

Dwar l-implimentazzjoni ta' Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mat-tnaqqis fil-kwalità minħabba l-adulterazzjoni tal-mikotossina u taż-żebgħa tas-Sudan, kien hemm titjib sinifikanti fil-kontrolli uffiċjali, b’mod partikolari fit-teħid ta’ kampjuni, fit-tħejjija tal-kampjuni u fit-trattament tal-konsenji li ma jikkonformawx. Madankollu, instabu punti dgħajfa: fil-prodotti tal-konsum fejn ir-rikorrenza tal-kontrolli li jsiru tiddependi mill-valutazzjoni tar-riskju mill-Istati Membri; fin-notifiki ta’ Twissija Rapida; fil-laboratorji; u fir-rappurtaġġ tar-riżultati analitiċi.

Iktar riċenement il-verifiki tal-FVO fl-Istati Membri kienu qed jagħtu attenzioni partikolari lill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali[6]. Mill-ewwel riżultati jidher li, globalment, l-Istati Membri implimentaw l-obbligi prinċipali tar-Regolament, b'mod partikolari billi ħolqu Punti ta' Dħul Magħżula (DPEs) għat-twettiq tal-verifiki tad-dokumenti, tal-identità u tal-verifiki fiżiċi. L-oqsma fejn jeħtieġ li jsir iktar żvilupp jinkludu: netwerks imtejba bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-faċilitazzjoni tat-tkomplija tat-trasportazzjoni ta’ konsenji bejn Stati Membri differenti waqt li jkunu għadhom qed isiru l-verifiki fiżiċi.

Residwi tal-pestiċidi

L-FVO wettaq 10 verifiki tal-kontrolli tar-residwi tal-pestiċidi fl-Istati Membri. Ir-riżultati indikaw li r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti huma identifikati b’mod ċar u globalment, il-programmi ta' kontroll tar-residwi tal-pestiċidi kienu qed jiġu implementati b’mod sodisfaċenti u kienu msejsa fuq l-ammont ta' riskju.

Madankollu, il-kontrolli uffiċjali f’bosta Stati Membri ibatu minn  nuqqas ta' tagħmir fil-laboratorji biex isiru analiżi effettivi fil-kamp ta’ applikazzjoni analitiku wiesa’ meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Saru rakkomandazzjonijiet lil dawn l-Istati Membri dwar l-azzjoni korrettiva, li qed jiġu segwiti b'mod attiv minnhom.

Mill-verifiki tal-FVO ġie nnutat li filwaqt li l-kontrolli proprji huma rekwiżit ġenerali skont il-liġi alimentari tal-UE, l-operaturi tan-negozji alimentari (notevolment il-katini l-kbar ta' stabbilimenti) implimentaw sistemi ta' kontrolli proprji komprensivi u mmirati lejn ir-residwi tal-pestiċidi. Ġie nnutat ukoll li dawn is-sistemi, li joperaw b’mod parallel mal-kontrolli uffiċjali, ma kienux ġew soġġetti għal valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqsant, u skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-FVO irrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu valutazzjoni tal-affidabilità ta’ dawn is-sistemi ta' kontrolli proprji, u jqisu r-riżultati meta jistabbilixxu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali (ir-Regolament jeħtieġ speċifikament li l-kontrolli uffiċjali tal-Istati Membri jqisu l-affidabilità tal-kontrolli proprji li jitwettqu mill-FVO). 

Kontrolli uffiċjali tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 852/2004 (“Iġjene Ġenerali”)

Twettqu tnejn u għoxrin verifika fl-Istati Membri biex issir valutazzjoni tas-sistemi ta' kontrolli uffiċjali fis-seħħ biex tiġi vverifikata l-konformità ma': ir-regoli dwar l-iġjene alimentari stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 852/2004; id-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tat-traċċi u t-tikkettar; u r-regoli applikabbli għat-tpoġġija fis-suq tal-ilma fil-fliexken. Kien hemm kontrolli fis-seħħ fl-Istati Membri kollha li nżaru u mill-ispezzjonijiet li ġew osservati mit-timijiet ta’ verifika tal-FVO, ġie kkonfermat li l-ispetturi nazzjonali kienu konfidenti fit-twettiq tal-valutazzjoni tar-rekwiżiti ta' iġjene. Madankollu, f’ħafna Stati Membri nstabu punti dgħajfa relatati mal-valutazzjoni tal-HACCP mill-awtoritajiet kompetenti, b’livell ekwivalenti baxx ta’ implimentazzjoni tal-prinċipji HACCP mill-operaturi tan-negozji alimentari stess.  Ġie osservat ukoll li hemm nuqqas ta’ taħriġ.

Kontrolli uffiċjali tal-addittivi tal-ikel

Twettqu sittax-il verifika biex jiġu vvalutati s-sistemi uffiċjali tal-kontrolli fis-seħħ għall-addittivi tal-ikel f’ċerti Stati Membri. Mir-riżultati deher li hemm fis-seħħ oqfsa legali u strutturi organizzattivi stabbiliti għall-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri kollha li nżaru, inklużi netwerks tajbin ta’ laboratorji. Ġeneralment l-għadd ta’ impjegati fil-qasam tal-kontroll huwa biżżejjed, għalkemm il-livelli ta' kwalifiki u ta' taħriġ jistgħu jittejbu. Ġeneralment, il-proċeduri ta’ kontroll jiġu ddokumentati tajjeb, b’mod ġenerali jissegwa metodu ta’ kontroll imsejjes fuq ir-riskju u jittieħdu miżuri f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Madankollu, ġew identifikati xi punti dgħajfa fil-kontrolli tal-purità u fit-tikkettar tal-ikel. Ġeneralment, ma jsirux kontrolli fil-punt tal-importazzjoni, ħlief fil-każ ta’ kuluri mhux awtorizzati msemmija espliċitament fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-monitoraġġ tal-konsum u l-użu tal-addittivi tal-ikel ma ġietx implimentata f’għadd ta’ Stati Membri.  Dan qed jiġi indirizzat b’mod attiv permezz ta' proċess ta' segwitu.

Kontrolli uffiċjali ta’ materjali maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel

Saru sensiela ta’ sittax-il verifika biex jiġu vvalutati l-kontrolli uffiċjali tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel (FCM). Filwaqt li hemm stabbiliti oqfsa legali għall-kontrolli uffiċjali tal-FCM, f’għadd ta’ Stati Membri l-implimentazzjoni bdiet biss riċentement u jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex jiġu żviluppati sistemi ta’ kontroll, inklużi linji gwida speċifiċi dwar il-kontrolli, ikun hemm titjib fil-kwalità tal-laboratorji u jitwettaq taħriġ speċifiku għas-settur. Spiss il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti għall-kontrolli uffiċjali ma tkunx ċara, u dan jirriżulta f'nuqqas, jew koinċidenza, ta’ kontrolli. Peress li skont il-liġi tal-UE r-reġistrazzjoni tal-operaturi FCM mhix obbligatorja, m’hemmx garanzija li jiġu koperti minn kontrolli uffiċjali. Fil-livell tal-manifattura ġeneralment kien hemm kontrolli msejsa fuq ir-riskju stabbiliti tajjeb, iżda jeħtieġ li jsiru iktar sforzi fil-kontrolli fil-livell tal-utent tal-FCM, bħal fuq magni żgħar għall-ipproċessar tal-ikel. L-impjegati tal-awtoritajiet kompetenti spiss ma jkunux imħarrġa biżżejjed dwar kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-FCM, bħas-sistemi taż-żamma tat-traċċi, il-prattiki tajba fil-manifattura u l-valutazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' konformità.

Kontrolli uffiċjali fuq organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)

Il-verifiki tal-FVO ffukaw fuq il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi vverfikata l-konformità mar-rekwiżti taż-żamma tat-traċċi u t-tikkettar fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, għalf u żrieragħ OĠM, u l-prestazzjoni ta’ kontrolli speċifiċi meħtieġa meta jittieħdu deċiżjonjiet f’emerġenzi li jkollhom l-għan li jwaqqfu l-importazzjoni ta’ OĠM mhux awtorizzati. Filwaqt li l-kontrolli ġeneralment jitwettqu skont ir-rekwiżiti tal-UE, ġie nnutat li hemm xi nuqqasijiet fir-rigward ta’: kontrolli fl-importazzjoni ta’ ross Ċiniż; l-akkreditazzjoni tal-laboratorji; u teħid insuffiċjenti ta' kampjuni għall-analiżi fil-laboratorju.

Is-Saħħa tal-Annimali

Il-programmi ta’ eliminazzjoni tal-mard tal-annimali: attivitajiet tat-task force

Barra mill-attivitajiet tal-FVO għall-eliminazzjoni tal-mard tal-annimali, kif deskritti hawn taħt, fl-2000 inħolqot task force biex tissorvelja l-programmi kofinanzjati mill-UE għall-eliminazzjoni tal-mard, bil-għan li tiżdied l-effikaċja ta' dawn il-programmi.  Fil-każ ta’ xi mard, bħat-tuberkolożi bovina, il-bruċellożi, ir-rabja u d-deni klassiku tal-ħnieżer, inħolqu sottogruppi speċifiċi biex jipprovdu appoġġ tekniku lill-Istati Membri u jissorveljaw l-implimentazzjoni.

L-eliminazzjoni tat-tuberkolożi bovina u tal-bruċellożi

L-eliminazzjoni tat-tuberkolożi bovina u tal-bruċellożi fil-baqar, fin-nagħaġ u fil-mogħoż  tingħata prijorità għolja fl-Istati Membri li mhumiex uffiċjalment ħielsa minn dan il-mard. L-FVO wettqet 10 verifiki tal-programmi għall-eliminazzjoni tat-tuberkolożi u/jew tal-bruċellożi. Ġeneralment il-programmi, li huma approvati u kofinanzjati mill-UE, kienu implimentati tajjeb. Madankollu, f’xi Stati Membri li nżaru, instabu xi nuqqasijiet (f'xi każijiet serji) fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment, l-ittestjar u r-ritmu li bih jittieħdu l-kampjuni u/jew fil-prestazzjoni tal-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi. 

B’riżultat tal-attivitajiet tal-FVO u tat-task force, il-Kummissjoni qed tagħti attenzjoni partikolari biex tiżugra li n-nuqqasjiet f'dawn l-Istati Membri jiġu indirizzati permezz ta' programmi ta’ eliminazzjoni li huma mfassla, implimentati u sorveljati aħjar.

Ir-rabja

B’riżultat tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-eliminazzjoni tar-rabja ffinanzjati mill-UE, waqt il-verifki tal-FVO fl-Istati Membri Baltiċi ġie rrapurtat li sar progress biex tiġi eliminata r-rabja. Madankollu, f’uħud mill-Istati Membri, deher li hemm xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ tilqim. Ir-riżultati tal-verifiki tal-FVO jindikaw li l-każijiet tar-rabja f’annimali domestiċi u selvaġġi għadhom preokkupanti.

Deni klassiku tal-ħnieżer

Permezz ta' żieda fl-applikazzjoni tal-miżuri tal-bijosigurtà u ta' kampanji ta' tilqim imtejba fir-rigward tal-ħnieżer selvaġġi fil-kuntest ta' programm ta' eliminazzjoni ffinanzjat mill-UE, fis-snin reċenti fl-UE l-każijiet ta’ deni klassiku tal-ħnieżer (CSF) li tfaċċaw kienu sporadiċi. Dawn kienu mrażżna tajjeb mill-Istati Membri permezz ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti u ta' pjanijiet ta' kontinġenza (ara iktar 'l isfel). Minkejja dan it-titjib, id-deni klassiku tal-ħnieżer jippersisti fost il-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi f’xi reġjuni fi ftit Stati Membri fiċ-ċentru u fix-Xlokk tal-Ewropa, u għalhekk qed idaħħlu r-riskju li l-vajrus jerġa’ jiddaħħal fost il-popolazzjoni tal-ħnieżer domestiċi. L-FVO jissorvelja s-sitwazzjoni tal-mard u l-awtoritajiet jiġu assistiti, inter alia, permezz tal-attivitajiet tat-task force, b’mod partikolari fil-Bulgarija u fir-Rumanija, biex jindirizzaw il-mard fiċ-ċirkostanzi speċjali li jkun hemm f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri.

Pjanijiet ta' kontinġenza

Huwa rekwiżit legali li l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ kontingenza sabiex jitħejjew għall-possibbiltà li jitfaċċa xi mard serju epiżootiku fit-territorju tagħhom, bħall-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer u d-Deni Klassiku tal-Ħnieżer. L-FVO wettaq verifiki ta’ dawn il-pjanijiet ta’ kontingenza fi tmien Stati Membri. Minn dawn il-verifiki ġie konkluż li ġeneralment l-awtoritajiet kompetenti wrew il-kapaċità tagħhom li jirrispondu malajr għan-notifiki dwar suspett ta’ mard epiżootiku u li jieħdu l-miżuri meħtieġa. Saru rakkomandazzjonijiet biex jittejbu iktar xi aspetti, bħall-grad ta’ tħejjija tal-laboratorji, l-arranġamenti lokali u r-reviżjonijiet u l-aġġornamenti regolari tal-pjanijiet.

Kontrolli uffiċjali tal-laboratorji tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (MID)

Huwa rekwiżit legali li l-Kummissjoni tispezzjona l-laboratorji tal-UE li jittrattaw il-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, minħabba r-riskji għas-saħħa tal-annimali f’każ li l-vajrus joħroġ minn ambjent ikkontrollat. Hemm 16-il laboratorju djanjostiku nazzjonali u tliet laboratorji awtorizzati biex jittrattaw il-vajrus għall-produzzjoni tat-tilqim. Fis-snin reċenti, ġew spezzjonati tmien laboratorji u r-riżultati kienu mħallta. Instabu problemi serji fi tliet laboratorji li setgħu kienu ta’ riskju biex il-virus joħroġ. Tnejn minn dawn il-problemi, li kienu jinvolvu s-sistemi ta’ rimi tal-iskart, ġew solvuti malajr, iżda fit-tielet waħda l-livell tal-bijosigurtà ma kienx xieraq u ġiet irtirata l-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġaw l-vajrus ħaj tal-MID. Minħabba r-riskji involuti u r-riżorsi sinifikanti meħtieġa biex jiġi sorveljat l-operat ta' dawn il-laboratorji fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE,  dawn is-sejbiet jikkonfermaw li l-laboratorji tal-MID għandhom ikunu approvati biss f’dawk l-Istati Membri li jkunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu konformità mal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2003/85/KE, u b’mod partikolari biex jiġi żgurat li jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa għal dak il-għan.

BSE

Fil-każ tal-BSE kien hemm tnaqqis qawwi fil-każijiet tal-marda, u dan ippermetta li tiżdied b’mod sostanzjali l-età għall-ittestjar.  Għalhekk, il-frekwenza tal-verifiki tal-FVO f’dan il-qasam ġew imnaqqsa b’mod korrispondenti.

Bluetongue

Wara li sar disponibbli t-tilqim kontra l-bluetongue serotip 8, twettqu verifiki tal-FVO f’erba’ Stati Membri biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tat-tilqim ta’ emerġenza kontra l-bluetongue kofinanzjat. Minkejja li ġew identifikati xi nuqqasijiet, prinċipalment minħabba l-esklużjoni ta' ċerti sottopopolazzjonjiet speċifiċi mit-tilqim, bħall-baqar għat-tismin u ħrief sostitutivi, ġeneralment il-kampanji favur it-tilqim saru kif meħtieġ mill-programmi approvati.

Il-Benessri tal-Annimali

L-FVO wettaq 39 verifika tal-kontrolli tal-benessri tal-annimali li jkopru l-benessri fir-razzett, waqt it-trasport u fil-biċċerija. Mill-programm intensiv, li kien ikopri l-Istati Membri kollha, instabu punti importanti fi tliet oqsma prinċipali.

Il-verifiki tal-FVO kienu qed jissorveljaw il-progress magħmul mill-Istati Membri fit-tneħħija gradwali ta’ gaġeġ mhux mgħammra għat-tiġieġ li jbidu l-bajd, sad-data ta’ skadenza tal-1 ta’ Jannar 2012. Hemm preokkupazzjoni li għadd sostanzjali ta’ produtturi f’bosta Stati Membri mhux se jikkonformaw mad-data ta’ skadenza. Il-Kummissjoni qed taħdem ma’ esperti fl-Istati Membri bil-għan li tħaffef il-proċess ta’ tneħħija gradwali u tikseb il-konformità matul is-sena 2011.

Dwar il-benessri tal-majjali, l-Istati Membri qegħdin fi stadji differenti ta’ tħejjija għall-iskadenza tal-1 ta’ Jannar 2013 li tirrigwarda l-akkomodazzjoni fi gruppi ta’ majjali nisa tqal. Is-sorveljanza min-naħa tal-FVO tal-progress li qed isir f’din il-kwistjoni tindika li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġ li jsiru sforzi sinifikanti biex tiġi rispettata din l-iskadenza.  Għadu ma sarx biżżejjed progress fir-rigward ta’ rekwiżiti li ilhom jeżistu għal iktar żmien, bħall-ħtieġa li jintużaw prattiki ambjentali jew ta’ ġestjoni oħrajn minflok il-qtugħ tad-dnieb tal-majjali żgħar, minbarra l-Isvezja u l-Finlandja, fejn il-qtugħ tad-denb diġà huwa pprojbit.

Fir-rigward tat-trasport, minkejja li fl-2007 kien hemm għadd żgħir biss ta’ Stati Membri organizzati tajjeb biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tal-mezzi ta' trasport, f’dawn l-aħħar snin sar progress konsistenti lejn livelli aħjar ta’ konformità. Notevolment, ir-rekwiżit il-ġdid għall-istallazzjoni ta’ tagħmir ta' monitoraġġ tat-temperatura u ta’ tagħmir ta’ twissija, kien ġeneralment implimentat b’suċċess. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ċerti rekwiżiti relatati mat-tagħmir li jintuża fit-tisqija u fis-sistemi ta’ navigazzjoni satellitari għadhom ma ġewx indirizzati kif xieraq mill-proċess tal-approvazzjoni tal-vetturi.

Is-Saħħa tal-Pjanti

Kontroll fuq l-importazzjoni ta’ prodotti regolati

Twettqu ħdax-il verifika tas-sistemi ta’ kontroll fuq l-importazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tas-saħħa tal-pjanti, u dan bħala parti minn sensiela ta' verifiki ta' reġim ta’ importazzjoni tal-UE rivedut dwar is-saħħa tal-pjanti li ilu jiġi applikat mill-2005. Ġie nnutat li kien hemm titjib konsiderevoli fis-sistemi ta’ kontroll. Madankollu, hemm punti li għad iridu jiġu indirizzati, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kontrolli f'postijiet oħrajn differenti mill-punti ta' dħul. Ġie nnutat li hemm problemi fir-rigward ta' prodotti regolati li jkunu fi tranżitu, peress li ma kienx possibbli li dawn il-prodotti kollha jiġu identifikati fl-ewwel punt ta’ dħul tagħhom. B’riżultat ta’ dan, xi prodotti ma kienux soġġetti għall-kontrolli meħtieġa relatati mas-saħħa tal-pjanti. F'xi Stati Membri l-għeruq ta’ dawn in-nuqqasijiet huma l-allokazzjonijiet tar-riżorsi u n-nuqqasijiet fl-infrastruttura.

Tixrid ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara

Permezz ta’ tlieta u għoxrin verifika ġew koperti medda ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara. F’dak li jirrigwarda l-organiżmi li jeqirdu l-pjanti l-iktar importanti, in-nematodu tal-injam tal-arżnu (Bursaphelenchus xylophilus) jinstab l-iktar fil-Portugall u tfaċċa wkoll fi Spanja. Permezz ta’ sensiela ta’ adattamenti leġiżlattivi u inizjattivi ta’ infurzar min-naħa tal-Kummissjoni bil-għan li jissaħħu l-kontrolli, inklużi għadd kbir ta’ verifiki tal-FVO, ingħata kontribut favur it-trażżin tat-tixrid ta’ dan l-organiżmu li jeqred il-pjanti fil-kumplament tal-UE. Fil-każ tal-bumunqar aħmar tal-palm, (Rhynchophorus ferrugineus), mill-verifiki tal-FVO deher li l-Istati Membri kienu qed jagħmlu sforzi biex jikkontrollaw dan l-organiżmu ta' ħsara għall-pjanti. Minħabba l-bijoloġija tiegħu, huwa diffiċli li jinstab u li jiġi kkontrollat fi żmien bikri, u kien hemm problemi sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-miżiuri meħtieġa biex jinqered mill-ġonna privati u mill-ibliet li fihom hemm il-pjanti (palm) li jġorru dan l-organiżmu. Il-bumunqar aħmar tal-palm issa infirex f’ħafna żoni tal-UE fejn jikbru l-palmi.

Il-Ħanfusa tal-Qrun Twil Ċiniża u l-Ħanfusa tal-Qrun Twil Asjatika (Anoplophora spp.) huma organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti f’medda kbira ta’ pjanti għall-injam  Mill-verifiki tal-FVO jidher li fil-prattika l-miżuri meħtieġa biex dawn l-organiżmi jinqerdu fil-ħin ma jiġux applikati sistematikament mill-Istati Membri. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ tixrid kbir fin-naħa ta' fuq tal-Italja, meta tfaċċa dan it-tixrid ġeneralment kien imrażżan u miżmum f'żoni żgħar u xi drabi anki nqered.

Kontrolli interni fuq is-saħħa tal-pjanti

Twettqu sittax-il verifika fuq il-kontrolli interni fuq is-saħħa tal-pjanti, inkluż il-manutenzjoni ta’ żoni protetti, l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ passaporti għall-pjanti u l-kontrolli fis-settur tal-patata. Ħafna mill-verifiki kkonfermaw li fiż-żoni protetti jsiru kontrolli xierqa, iżda kien hemm każijiet fejn l-Istati Membri ntalbu jtejbu l-kontrolli b’mod sostanzjali sabiex jevitaw li jiġi irtirat l-istatus ta’ żona protetta. Mill-verifiki tal-passaporti tal-pjanti ħarġu riżultati differenti. Indikaw li kienu għadhom ma ġewx indirizzati għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità li kienu ġew identifikati f’sensiela preċedenti ta’ verifiki. Ir-riżultati wrew ukoll li permezz ta’ prijoritizzazzjoni xierqa tal-kompiti u l-allokazzjoni tar-riżorsi, tista' tiġi stabbilita sistema ta’ kontrolli xierqa. Ġie rreġistrat progress f’ħafna mill-verifiki fis-settur tal-patata.

Għalf tal-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali (ABP)

L-FVO wettaq disgħa u tletin verifika f’dan il-qasam. Il-konklużjonijiet prinċipali li ħarġu minn dawn il-verifiki huma spjegati hawn taħt.

Filwaqt li l-proċess ta’ approvazzjoni tlesta fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-ikbar stabbilimenti tal-għalf li jeħtieġu awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni ta’ stabbilimenti iżgħar għad baqa’ ħafna biex titlesta.  Il-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li jiġu rreġistrati l-operaturi kollha attivi fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-ħżin, tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-għalf.

Spiss kien hemm difetti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proċeduri msejsa fuq l-HACCP, flimkien ma’ nuqqas ta’ għarfien espert fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti dwar kif għandhom jevalwawhom.

Fir-rigward tal-kontrolli fuq l-importazzjoni, f’ħafna każijiet kien hemm in-nuqqas ta' metodu msejjes fuq ir-riskju, u fil-każ ta’ xi prodotti l-verifiki fiżiċi ma jsirux spiss. 

Hemm ir-riskju potenzjali li l-proteini pproċessati tal-annimali, li jinsabu fil-fertilizzanti u fuq is-sustanzi ta' arrikkiment tal-ħamrija, jgħaddu b’xi mod fl-għalf.  Il-verifiki tal-FVO identifikaw il-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli uffiċjali fuq il-fertilizzanti organiċi u fuq is-sustanzi tal-arrikkiment tal-ħamrija, li fuq il-post fejn jiġu prodotti deheru sodisfaċenti iżda wrew punti dgħajfa fil-kumplament tal-katina tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-użu. Il-verifiki tal-FVO li jmiss se jenfasizzaw b'mod partikolari fuq il-kontrolli f'din il-parti tal-katina tal-għalf.

Kien hemm titjib sinifikattiv fl-użu ta’ dokumenti kummerċjali dwar l-ABP, kif ukoll fil-preċiżjoni u l-affidabilità tagħhom. L-istess japplika fil-każ tal-ġbir, tat-trasport, tal-identifikazzjoni u tar-rimi tal-ABP, li apparti mis-settur tal-bejgħ bl-imnut, huma ġeneralment konformi mar-rekwiżiti rilevanti.

Kontrolli fuq l-importazzjoni tal-ikel li ġej mill-annimali u tal-annimali

Twettqu 30-il verifika tal-FVO fir-rigward tal-kontrolli fuq l-importazzjoni u t-tranżitu. L-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ sistemi uffiċjali komprensivi għall-kontrolli fuq l-importazzjoni u ġeneralment jaħdmu kif suppost.

B’mod partikolari, permezz tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ sistema komuni kompjuterizzata għall-importazzjoni fi TRACES, ġew issimplifikati ħafna proċeduri li jsiru fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri u ttejbet il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-importazzjoni u t-tranżitu. Sar ukoll iktar faċli li tinkiseb stampa ġenerali tat-tendenza tal-importazzjonijiet fl-UE. Madankollu, l-fatt li wħud mill-Istati Membri prinċipali fil-qasam tal-importazzjoni għadhom ma' jużawx TRACES, jibqa' punt dgħajjef.

Il-verifiki identifikaw għadd ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati:

Ir-regoli attwali rigward il-kontrolli fuq it-trasbord tal-konsenji, li joriġinaw minn pajjiż terz fir-rotta tagħhom lejn pajjiż ieħor, huma kumplessi u diffiċili biex jiġu infurzati, b'mod partikolari fir-rigward tan-notifika lill-postijiet ta' kontroll rilevanti fuq il-fruntieri, u s-segwitu u l-verifika mal-ħruġ fil-limiti ta' żmien rikjesti.  Filwaqt li dawn id-diffikultajiet japplikaw fil-portijiet kollha, huma iktar komuni fil-portijiet ikbar fejn isir il-biċċa l-kbira ta’ trasbord.  Sakemm terġa ssir il-valutazzjoni tar-regoli attwali, saru xi emendi fil-limiti applikabbli u nħarġu linji gwida biex dawn ir-regoli jsiru iktar effettivi kif ukoll iktar faċli biex jiġu infurzati.

Hemm varjabilità kbira fil-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-konsenji impurtati fl-Istati Membri. L-istrateġija ta’ monitoraġġ, il-livell ta’ teħid ta’ kampjuni u l-medda ta’ prodotti u oriġini li ġew ittestjati huma differenti ħafna.

L-awtoritajiet kompetenti ma jużawx b’mod sistematiku l-miżuri ta’ infurzar u s-sanzjonijiet biex itejbu l-konformità f’oqsma bħan-notifika ta’ konsenji qabel ma jaslu fiżikament, u l-mili korrett tad-dokumentazzjoni uffiċjali.

Residwi ta’ mediċini u kontaminanti veterinarji

L-FVO wettaq 20 verifika tar-residwi tal-mediċini u kontaminanti veterinarji fl-Istati Membri. Il-konklużjonijiet prinċipali qed jiġu spjegati hawn taħt.

F’ħafna Stati Membri l-laboratorji fejn isiru l-analiżi issa huma akkreditati fil-livell tal-ISO 17025:2005 iżda hemm varjazzjoni kbira fir-rigward tal-għadd ta' metodi li bihom jiġu dderminati r-residwi inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditazzjoni. Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-akkreditazzjoni ta’ metodu bħal dan jiddependu fuq il-politika tal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Jekk huma jaċċettaw “kamp ta' applikazzjoni flessibbli” wara li l-ewwel kriterji ta’ akkreditazzjoni jkunu ġew sodisfatti, il-laboratorju jista’ jżid kombinazzjonijiet ta’ sustanzi/matriċi/speċijiet mal-metodu diġà akkreditat mingħajr ma kull darba jikseb l-approvazzjoni tal-korp ta’ akkreditazzjoni. Jekk il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jirrikjedu li kull metodu addizzjonali jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni, li ġeneralment issir b’rabta mal-verifiki annwali, il-proċedura iddum iktar u spiss tiswa iktar għal-laboratorji.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE tipprovdi lil-laboratorji li jwettqu l-kontrolli fuq ir-residwi uffiċjali b’istruzzjonijiet vinkolanti dwar il-validazzjoni tal-metodi residwi. Minkejja li dan jieħu ħafna ħin u huwa kemxejn kumplikat, serva biex ġie armonizzat il-metodu ta’ validazzjoni fl-Istati Membri, żdiedet l-affidabilità tar-riżultati u biex il-laboratorji li jwettqu l-kontrolli fuq ir-residwi f’pajjiżi terzi ngħataw gwida.

Jeħtieġ li ż-żwiemel li jiġu ttrattati b’ċerti mediċini jkunu esklużi mill-katina alimentari għal sitt xhur (fil-każ ta' ċerti mediċini) jew għal ħajjithom kollha. Dan isir fit-Taqsima IX tal-passaport ekwin, li għandu jkollu kull żiemel fl-UE minn età ta' madwar sitt xhur. Għalkemm l-iskadenza għar-reġistrazzjoni taż-żwiemel kollha għaddiet, l-implimentazzjoni għadha għaddejja f'bosta Stati Membri. F’ħafna Stati Membri l-passaporti ekwini huma meħtieġa u kkontrollati fil-biċċeriji iżda ftit Stati Membri, jekk hemm, wettqu kontrolli fuq ir-rabta bejn ċerti trattamenti u l-entrati fit-Taqsima IX tal-passaport.

F’ħafna mill-Istati Membri fil-biċċeriji qed tingħata informazzjoni dwar il-katina alimentari (FCI) fir-rigward tal-ispeċi kollha. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tvarja konsiderevolment. Xi Stati Membri jirrikjedu li s-sidien/min irrabbi jiddikjaraw it-trattamenti kollha mogħtija lill-annimal tul ħajtu fl-informazzjoni dwar il-katina alimentari. Oħrajn jirrikjedu biss li ssir dikjarazzjoni li l-annimali ma jmorrux għall-qatla qabel jintemm il-perjodu stabbilit wara li titwaqqaf il-medikazzjoni.

3.3.        Għejun oħrajn ta’ informazzjoni dwar il-kontrolli fl-Istati Membri

Rappurtar skont is-settur

Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar aspetti differenti tas-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa tal-pjanti jeħtieġu lill-Istati Membri jippreżentaw rapport regolari dwar ċerti rekwiżiti speċifiċi . Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni min-naħa tagħha tipproduċi għadd ta’ rapporti settorjali, li jipprovdu rendikont tal-istat ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli għall-katina alimentari, inkluż f’ċerti każijiet dejta speċifika dwar kontrolli uffiċjali u dwar ir-riżultati tagħhom fl-oqsma kkonċernati.

Fost l-iktar rapporti rilevanti ta’ dan it-tip, insibu r-rapporti dwar: il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-annimali li jixtarru għall-preżenza tal-Enċefalopatija Sponġiformi Trasmissibbli (TSE); it-tendenzi u l-għejun ta’ żoonożi; aġenti żoonotiċi u tixrid ta’mard li jinġarr fl-ikel fl-Unjoni Ewropea (mandat mogħti lill-EFSA); mard li jista’ jiġi notifikat tal-annimali bovini u tal-majjali (fil-kuntest tal-kummerċ intern tal-UE); rapport annwali ta’ monitoraġġ tar-residwi ta’ pestiċidi fl-UE kollha; u rapporti dwar il-laqgħat tat-task force għall-eliminazzjoni tal-mard tal-annimali;

Fl-Anness ta’ dan ir-Rapport hemm tabella li telenka r-rapporti prinċipali tal-Kummissjoni ppubblikati fis-sena ta' qabel u l-websajts tagħhom.

Sistemi ta’ twissija rapida u għodod oħrajn għar-rappurtar

Is-sistemi ta’ twissija rapida eżistenti għas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf (RASFF), għal tifqigħat ta’ mard tal-annimali (ADNS) u tifqigħat ta’ mard tal-pjanti (Europhyt) jirrappreżentaw għodod sinifikanti għall-ġestjoni ta’ reazzjoni rapida f’każ ta’ emerġenzi u ta’ riskji emerġenti u huma għajn ta’ informazzjoni dwar it-tendenzi tal-perikli u tal-mard hekk kif jiżviluppaw tul il-katina tal-ikel. Id-dejta li jipprovdu tista’ tkun indikatur importanti ta’ nuqqasijiet ta’ konformità b’rabta ma’ standards ta’ sigurtà stabbiliti. Ir-riżultati dettaljati li ħarġu minn dawn is-sistemi ta’ twissija dwar is-sigurtà tal-ikel u l-mard tal-annimali jinsabu mqassra fir-rapporti annwali dwar l-RASFF u l-ADNS li huma ppubblikati fil-websajt tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/index_en.htm http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/adns/index_en.htm .

Fil-każ tal-Europhyt, l-għodda għan-notifika ta’ interċettazzjonijiet ta’ konsenji għal raġunijiet ta’ saħħa tal-pjanti, il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tniedi websajt li fiha jkun hemm rapporti ta’ kull xahar dwar l-interċettazzjonijiet.

TRACES, is-sistema li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar kontrolli mwettqa fuq l-annimali u l-prodotti mill-annimali (fuq prodotti domestiċi u dawk importati minn pajjiżi terzi) hija għajn importanti oħra ta’ dejta, mhux biss dwar il-volum ta’ movimenti ta’ prodotti tal-konsum koperti, iżda wkoll dwar il-kontrolli veterinarji uffiċjali mwettqa: http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/traces/index_en.htm.

Ir-Rappurtar fil-laqgħat tas-SCOFCAH

Regolarment l-Istati Membri jippreżentaw ukoll rapporti dwar l-operat tal-kontrolli, waqt laqgħat tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (SCFCAH). Dawn jistgħu jkunu rapporti ta’ rutina dwar l-inċidenza u l-kontroll ta’ mard li jinġarr fl-ikel, ta’ mard tal-annimali jew ta’ mard tal-pjanti; jew inkella jistgħu jkunu relatati ma’ tifqigħat reċenti u azzjonijiet f’każ ta’ emerġenza li jittieħdu bħala reazzjoni . Huma jirrappreżentaw għajn oħra importanti ta’ informazzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa kif ikunu qed joperaw il-kontrolli fl-Istati Membri. F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni adottat il-prattika li tippubblika dawn il-preżentazzjonijiet fuq il-websajt tal-Kummissjoni flimkien mal-minuti tal-laqgħat rispettivi.

Barra minn hekk, f’xi oqsma, il-Kummissjoni tħejji ġabra ta’ rapporti bħal dawn hekk kif jintbagħtu mill-Istati Membri u tpoġġihom għad-dispożizzjoni permezz tal-proċeduri tal-Kumitat Permanenti (disponibbli fuq din il-websajt:

http://ec.europa.eu/food/committees/regulatory/index_en.htm).

3.4.        Segwitu u infurzar mill-Kummissjoni

L-attenzjoni għal u l-koordinazzjoni kontinwi tal-azzjonijiet ta’ infurzar jibgħu prijorità fl-oqsma kollha koperti minn dan ir-rapport. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti tal-verifiki tal-FVO huma importanti għal dawn l-azzjonijiet. Huma jiġu segwiti sistematikament permezz ta’ medda sħiħa ta’ attivitajiet.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw “pjan ta’ azzjoni” li fih jiddeskrivu kif indirizzaw jew kif għandhom il-ħsieb li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tevalwa l-pjan ta’ azzjoni u sistematikament tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet kollha permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet ta’ segwitu, li jinkludu: (a) verifiki ġenerali ta’ segwitu li matulhom jiltaqgħu l-awtoritajiet tal-FVO u tal-Istati Membri biex jirrevedu l-progress li jkun sar fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet kollha li jkunu saru lil dak l-Istat Membru; (b) verifiki fuq il-post bħala segwitu għal kwistjonijiet speċifiċi, jew talbiet għal rapporti bil-miktub dwar kwistjonijiet speċifiċi; u (c) laqgħat bilaterali ta’ livell għoli f’każ ta’ problemi ġenerali jew persistenti.

Għajn oħra ta’ informazzjoni li tista’ turi li hemm nuqqas ta’ konformità jew problemi ta’ infurzar hija l-ilmenti minn membri tal-pubbliku jew minn NGOs, u l-Kummissjoni tkun dejjem attenta biex tiżgura li dawn l-ilmenti jissegwew anki mal-Istati Membri konċernati, bil-għan li jinkiseb riżultat pożittiv.

F’termini ta’ għodod oħrajn, u waqt is-snin 2009-2010, il-Kummissjoni sabet li l-Proġett Pilota tal-UE, li ilu jopera fi 15-il Stat Membru volontarju minn April 2008 bil-għan li jingħataw tweġibiet iktar malajr u iktar komprensivi għall-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-liġijiet tal-UE, huwa għodda utli peress li tejjeb il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u kkontribwixxa biex ġew solvuti problemi marbuta mal-infurzar, mingħajr il-ħtieġa li jinbdew proċeduri formali ta' ksur tar-regoli. .

Madankollu, meta l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jieħdu azzjoni korrettiva sodisfaċenti biex jindirizzaw il-problemi persistenti, u meta l-mekkaniżmi deskritti hawn fuq ma jwasslux għal soluzzjoni sodisfaċenti jew ma jsirx biżżejjed progress, jista’ jkun li l-Kummissjoni jkollha tibda proċeduri ta' ksur biex l-Istat Membru jikkonforma. 

Dan seħħ fi tliet każijiet kontra l-Greċja peress li naqset b'mod persistenti milli tikkonforma ma’ medda sħiħa ta’ komponenti importanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-ikel. Il-Qorti tat tliet sentenzi fejn fihom ikkundannat lill-Greċja minħabba n-nuqqasijiet tagħha fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. B’mod speċifiku:

- Mill-verifiki tal-FVO nstab li kien hemm nuqqasijiet li kienu ilhom jeżistu, li kienu fundamentali u sistematiċi fil-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-Greċja u li sostanzjalment kienu minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani fis-servizzi veterinarji tal-Greċja. B’riżultat ta’ dan, kemm l-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll l-awtoritajiet deċentralizzati naqsu milli jwettqu l-kontrolli uffiċjali b’mod effettiv u sostanzjali.  Il-Qorti kkonkludiet li r-riżultati tal-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Griegi biex jissolvew dawn il-problemi ma kienux sodisfaċenti[7].

- il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-Greċja naqset milli tapplika korrettement id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi tal-UE dwar il-prodotti sekondarji mill-annimali u li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem[8] u dwar il-ħarsien tal-annimali waqt it-trasport u fil-biċċeriji[9].

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-2010 tat opinjonijiet motivati kontra l-Italja u Spanja.

- Fil-każ tal-Italja, mill-verifiki tal-FVO deher li l-kapaċità tal-awtoritajiet Taljani li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa tal-pjanti kienet imxekkla minn nuqqas ta' impjegati. B’riżultat ta’ dan, l-Italja naqset ħafna drabi milli tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ notifika. Barra minn hekk, mill-problema identifikata mill-FVO rriżulta li l-awtoritajiet Taljani naqsu b’mod kroniku li jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib, malajr, immedjata u effettiva mal-Kummissjoni.

- Fil-każ ta’ Spanja, mill-verifiki tal-FVO nstab li Spanja ma kinitx qed tapplika tajjeb ir-rekwiżiti tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, fir-rigward ta’: awtorizzazzjoni tat-trasportaturi; approvazzjoni tal-mezzi tat-trasport; kontroll tal-ġurnali ta’ abbord; verifiki dwar jekk l-annimali kienux f’kondizzjoni li jiġu trasportati; spezzjonijiet; u penali.

Hemm iktar tagħrif dwar il-ksur tar-regoli disponibbli fir-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_annual_report_mt.htm

4.           Konklużjonijiet

Ġeneralment, l-Istati Membri jiggarantixxu livell tajjeb ta’ implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tul il-katina alimentari kollha, u juru rispett lejn il-kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tal-ikel, mas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali u mal-benessri tal-annimali. Filwaqt li għad hemm lok għal titjib, sar progress kbir fl-użu effiċjenti tal-istrumenti u tar-riżorsi tal-kontroll u fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kontrolli fis-setturi kollha.

Il-kontrolli uffiċjali, flimkien mal-istrumenti leġiżlattivi li jgħinuhom biex jilħqu l-aħjar livell ta' effikaċja, huma fatturi ewlenin fil-katina alimentari tal-UE. Huma jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli skont ir-riskju li jkun hemm u li jidentifikaw in-nuqqasijiet u jindirizzawhom f’waqthom. Jipprovdu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti b'ħarsa ġenerali sinifikattiva lejn is-sitwazzjonijiet tas-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa.

Ir-rapport tal-Istati Membri jipprovdu serħan il-moħħ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu r-rwol tagħhom b'serjetà u dejjem b'livelli ogħla ta' kompetenza, kif ġie kkonfermat mir-rapport dwar verifiki mwettqa minn esperti tal-Kummissjoni.

Il-verifiki li l-Kummissjoni tagħmel fuq il-post, kif ukoll is-segwitu li jkopri s-setturi kollha li twettaq wara l-verifiki, huma ta' importanza partikolari fl-identifikazzjoni tal-punti dgħajfa li jkunu jeħtieġu jiġu indirizzati u biex jiġi żgurat li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi.

Dawn ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-verifiki, minbarra li jikkumplimentaw l-attivitajiet ta' kontroll tal-Istati Membri, jipprovdu sistema b'saħħitha biex tiġi vvalutata l-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri.

Sabiex tkun żgurata b’mod raġjonevoli l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kull meta jkun meħtieġ il-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa biex tikseb titjib fis-sistemi ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ verifiki fl-Istati Membri.

_______________________

ANNESS

LISTA TA’ RAPPORTI SETTORJALI TAL-KUMMISSJONI PPUBBLIKATI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI TAL-UE DWAR

IS-SIGURTÀ TAL-IKEL, IS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI, IL-BENESSRI TAL-ANNIMALI U S-SAĦĦA TAL-PJANTI

Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni

Rapport annwali dwar il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-annimali li jixtarru għall-preżenza tal-Enċifalopatija Sponġiformi Trasmissibbli (TSEs) fl-UE || L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered || http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/tse_bse/monitoring_annual_reports_en.htm

Ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-UE dwar it-tendenzi u l-għejun taż-żoonożi, l-aġenti żoonotiċi u t-tifqigħ ta’ mard li jinġarr fl-ikel fl-Unjoni Ewropea || L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u ta’ l-aġenti żoonotiċi, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE  (Mandat mogħti lill-EFSA, elaborat mill-EFSA b’kooperazzjoni mal-ECDC) || http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/2090.pdf

Ir-rapport annwali dwar is-Sistemi ta’ Twissija Rapida għas-Sigurtà tal-Ikel u tal-Għalf (RASFF) || L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel || http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/rasff_publications_en.htm

Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni

Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ tar-Residwi ta’ Pestiċidi madwar l-UE kollha || L-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u  jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE  (Mandat mogħti lill-EFSA) || http://ec.europa.eu/food/fvo/specialreports/pesticides_index_en.htm http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1646.htm

Rapport annwali dwar l-irradjazzjoni tal-ikel || L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti ta’ l-ikel trattati b’radjazzjoni li tijonizza || http://ec.europa.eu/food/food/biosafety/irradiation/index_en.htm

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni ta’ Pjanijiet Nazzjonali għall-Monitoraġġ tar-Residwi fl-Istati Membri || L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE || http://ec.europa.eu/food/food/chemicalsafety/residues/control_en.htm

Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni

Rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar is-sorveljanza min-naħa tal-Istati Membri tal-influwenza avjarja fit-tjur u fl-għasafar selvaġġi || L-Artikolu 19.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/875/KE u l-Artikolu 9.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/876/KE li japprovaw programmi biex jinqered u jsir monitoraġġ tal-mard tal-annimali ta’ ċerti TSEs u għall-prevenzjoni taż-żoonożi, ippreżentati mill-Istati Membri u mill-Bulgarija u r-Rumanija għas-sena 2007. || http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/controlmeasures/avian/eu_resp_surveillance_en.htm

Rapporti tal-laqgħat tas-sottogruppi ta’ esperti (Bruċellożi bovina, bruċellożi fin-nagħaġ u l-mogħoż, tuberkulożi bovina u rabja) tat-Task Force (TF) għall-monitoraġġ tal-eliminazzjoni tal-mard fl-Istati Membri || It-Task Force nħolqot fis-sena 2000 bħala azzjoni prevista fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar is-Sigurtà tal-Ikel. || http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/eradication/taskforce_en.htm

Rapport || Bażi Legali || Pubblikazzjoni

Sommarju annwali tas-sottomissjonijiet mill-Istati Membri rigward l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum personali, li jispjega fil-qosor l-informazzjoni rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jiġu reklamati u infurzati r-regoli stipulati fir-Regolament, u dwar ir-riżultati tagħhom || L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009/KE (li jirrevoka l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 745/2004) dwar l-introduzzjoni fl-UE ta’ kunsinni personali ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali || http://ec.europa.eu/food/animal/animalproducts/personal_imports/sum_personal_imports_2005_2007_final.pdf

Benessri tal-annimali: Regolament dwar it-trasport || Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 || http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/transpor t/inspections_reports_reg_1_2005_en.htm

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali  (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

[2]               Sa mill-2010 it-terminu “spezzjoni” ġie mibdul b'“verifika” biex jiġi rifless il-kamp ta' applikazzjoni iktar wiesa' tal-attivitjiet tal-FVO (Uffiċċju Alimentari u Veterinarju). “Verifika” qed tintuża b'mod ġenerali f’dan ir-rapport għal referenza iktar faċli.

[3]               COM(2010) 441 finali tal-25.8.2010.

[4]     Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel

[5]               Analiżi tal-Periklu u tal-Punti Kritiċi tal-Kontroll.

[6]               Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE.

[7]               Sentenza tal-Qorti tal-23.4.2009, fil-Kawża C-331/07.

[8]               Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17.12.2009, fil-Kawża C-248/07.

[9]               Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10.9.2009, fil-Kawża C-416/07.

Top