Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0071

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/8/KE biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn

/* COM/2012/071 final */

52012DC0071

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/8/KE biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn /* COM/2012/071 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/8/KE biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn

1. Introduzzjoni

F'żona ta’ ġustizzja Ewropea ġenwina, l-individwi u n-negozji ma għandhomx jiġu skoraġġiti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba l-kumplessità tas-sistemi legali u amministrattivi. Iċ-ċittadini kollha għandhom ikunu jistgħu jressqu każ quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta' kull Stat Membru bl-istess faċilità li jistgħu jagħmlu dan fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. L-aċċess għall-ġustizzja ma għandux ikun eskluż minħabba l-ispejjeż li huma parti intrinsika mid-dimensjoni transkonfinali ta' tilwima fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Diġà fl-1999[1], il-Kunsill Ewropew ta' Tampere stieden lill-Kunsill biex jistabbilixxi standards minimi li jiżguraw livell adegwat ta' għajnuna legali f'kawżi ċivili transkonfinali fl-Unjoni kollha. Fuq il-proposta li nħarġet mill-Kummissjoni fit-18 ta' Jannar 2002[2], fil-27 ta' Jannar 2003[3], il-Kunsill adotta d-Direttiva 2003/8/KE[4]('id-Direttiva') biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Novembru 2004[5].

Il-Programm ta' Stokkolma[6] stieden biex issir valutazzjoni tal-effikaċja tal-istrumenti legali adottati fil-livell tal-Unjoni. Ħames snin minn meta bdiet tiġi applikata d-Direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi valutazzjoni tagħha[7].

Fl-2010, il-Kummissjoni nediet studju[8] sabiex tingħata informazzjoni li permezz tagħha tkun tista’ tivvaluta fid-dettall it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva. L-istudju jipprovdi għal analiżi legali u għal parti empirika bbażata fuq stħarriġ li sar fost gruppi differenti ta' partijiet interessati mill-Istati Membri kollha.[9]

Barra minn dan, l-applikazzjoni tad-Direttiva ġiet diskussa man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali fil-laqgħat tiegħu fl-2006 u fl-2010. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat ittri, ilmenti u petizzjonijiet dwar id-Direttiva.

Dan ir-Rapport jippreżenta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva matul il-perjodu mit-30 ta' April 2004 sal-31 ta' Diċembru 2010[10]. Għalkemm id-Direttiva hija applikabbli għal diversi proċeduri Ewropej, bħall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar[11], u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom, dan ir-rapport ma jinkludix informazzjoni dwar, b'mod partikolari, l-użu tad-Direttiva fil-kuntest tal-proċeduri Ewropej, minħabba l-perjodu qasir ħafna ta' żmien li għadda bejn id-dħul fis-seħħ ta' dawn il-proċeduri u l-ġbir tad-dejta li sar għall-ħtiġijiet ta' dan ir-rapport permezz tal-istudju msemmi hawn fuq.

2. L-elementi ewlenin tad-Direttiva

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddikjara li l-fini ta' din id-Direttiva huwa li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f'tilwimiet transkonfinali billi tistabbilixxi regoli komuni għal għajnuna legali f'tilwimiet bħal dawn. Id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni tal-għajnuna legali f'tilwimiet transkonfinali għal persuni li ma jkollhomx riżorsi biżżejjed u meta tkun meħtieġa għajnuna biex ikun żgurat aċċess effettiv għal ġustizzja. Kif inhu indikat fil-premessa 5 tad-Direttiva, l-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt ġeneralment rikonoxxut li jinsab ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[12].

Id-Direttiva tistipula li kull ċittadin li jkun parti f'tilwima ċivili jew kummerċjali fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ikollu r-residenza abitwali tiegħu, għandu dritt għal għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin residenti f'dak l-Istat.

L-"għajnuna legali", fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, tkopri s-servizzi li ġejjin:

· pariri ta' qabel il-litigazzjoni (prekontenzjużi);

· assistenza legali;

· rappreżentanza fil-qorti;

· eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti jew għajnuna fir-rigward tagħhom, inklużi l-ispejjeż relatati man-natura transkonfinali tat-tilwima; kif ukoll

· il-ħlasijiet lil persuni li jkollhom mandat mill-qorti biex jeżegwixxu atti matul il-proċedimenti.

Barra minn dan, id-Direttiva tirregola l-kwistjonijiet li ġejjin:

· L-obbligu li tingħata għajnuna legali lill-persuni li jkunu parzjalment jew totalment mhux kapaċi jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti (l-Artikolu 5);

· Il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jiċħdu applikazzjonijiet għal għajnuna legali fir-rigward ta’ azzjonijiet li jkunu manifestament jidhru li huma infondati (l-Artikolu 6);

· Il-kategoriji tal-ispejjeż li għandhom ikunu koperti mill-għajnuna legali, bħall-interpretazzjoni, it-traduzzjoni tad-dokumenti meħtieġa mill-qorti jew mill-awtorità kompetenti jew l-ispejjeż tal-ivvjaġġar (l-Artikolu 7);

· Il-kategoriji tal-ispejjeż li għandhom ikunu koperti mill-Istat Membru ta' domiċilju jew ta' residenza abitwali (l-Artikolu 8);

· Il-prinċipju tal-kontinwità tal-għajnuna legali (l-Artikolu 9);

· Il-prinċipju tal-applikazzjoni tal-għajnuna legali għal proċeduri extraġudizzjarji (l-Artikolu 10);

· Il-prinċipju tal-applikazzjoni tal-għajnuna legali għall-eżekuzzjoni ta' strumenti (atti) awtentiċi (l-Artikolu 11);

· Il-ħatra u l-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex jagħtu jew jiċħdu l-għajnuna legali (l-Artikolu 12 flimkien mal-Artikolu 14) u

· Il-proċedura tal-applikazzjoni (l-Artikolu 13 flimkien mal-Artikolu 15).

L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri "iġibu fis-seħħ, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mit-30 ta' Novembru 2004 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) fejn it-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva f'liġi nazzjonali għandha ssir mhux iktar tard mit-30 ta' Mejju 2006".

3. It-traspożizzjoni tad-Direttiva u l-applikazzjoni tagħha 3.1. B’mod ġenerali

Qabel mad-Direttiva daħlet fis-seħħ, l-għajnuna legali fi kwistjonijiet tal-liġi ċivili transkonfinali kienet biss garantita f'ċerti Stati Membri permezz tal-applikazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali jew il-liġi nazzjonali interna tagħhom. Kien hemm żewġ kategoriji ta' ftehimiet: bilaterali u multilaterali[13], iżda t-tnejn kellhom biss kamp ta' applikazzjoni limitat. L-adozzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva ġeneralment ġabu kjarezza u uniformità fost l-Istati Membri.

Sal-aħħar tal-perjodu ta' rappurtar, is-sistema ta' għajnuna legali transkonfinali fil-każijiet ċivili li effettivament tkun ta' benefiċċju għal persuni li huma domiċiljati fi Stati Membri oħrajn kienet ġiet introdotta fl-Istati Membri kollha[14] fuq il-bażi tad-Direttiva. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tinsab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[15] li jinsab flimkien ma' dan ir-Rapport.

Għalkemm l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva tista' tvarja fl-Istati Membri, bil-kemm kien hemm kawżi jew ilmenti dwar it-traspożizzjoni. L-unika sentenza li tirrigwarda d-Direttiva li ngħatat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet fit-22 ta' Diċembru 2010[16].

3.2. Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' għajnuna legali 3.2.1. Il-prinċipju unanimament magħruf ta' għajnuna legali għal persuni li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1), li jipprevedu li l-għajnuna legali trid tingħata lil persuni li ma jkollhomx ir-riżorsi li jippermettulhom li jsostnu l-ispejjeż tal-proċedimenti msemmija fid-Direttiva, ġew trasposti fl-Istati Membri kollha. L-istess japplika għall-Artikolu 5(2) li jipprevedi li r-riżorsi ta' persuni bħal dawn għandhom jiġu stmati fid-dawl ta' kriterji oġġettivi.

Barra minn hekk, id-Direttiva tagħraf il-possibbiltà li hemm differenzi kbar fl-istandards tal-għajxien tal-Istati Membri individwali u pprovdiet li, meta jiġu definiti limiti, dawk il-limiti jistgħu jitwarrbu jekk l-applikant jipprova li hemm differenza fl-għoli tal-ħajja bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta fl-Istati Membri kollha minbarra wieħed[17].

3.2.2. It-traspożizzjoni tal-"importanza" tat-tilwima għall-applikant

Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu sistema li fiha l-applikazzjonijiet jistgħu jinċaħdu fil-każ ta' azzjonijiet li jkunu manifestament jidhru li huma infondati[18]. Din il-possibbiltà teżisti f'bosta sistemi nazzjonali ta' għajnuna legali u ntagħżlet mill-maġġoranza tal-Istati Membri li b'hekk ilestu rwieħhom għall-possibbiltà ta' applikazzjonijiet frivoli.

Madankollu, l-Artikolu 6(3) jipprevedi li meta trid tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu ta' applikazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati li jqisu "l-importanza tal-każ individwali għall-applikant". Jidher li l-kunċett ta' "l-importanza tal-każ individwali għall-applikant" huwa kunċett li jwassal għal interpretazzjonijiet differenti fl-Istati Membri. Huwa fil-fatt diffiċli li jiġi stabbilit jekk din l-"importanza" għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji jew jekk għandhiex tiġi eżaminata mill-perspettiva morali jew jekk forsi tirrigwardax kriterji oħrajn bħal, pereżempju, applikazzjoni li jkollha x'taqsam mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

4. Proċedimenti li jirrigwardaw id-Direttiva 4.1. Proċeduri kontenzjużi

L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' għajnuna legali ċivili tippreżenta ftit diffikultajiet għall-Istati Membri fil-każ ta' proċeduri kontenzjużi. Madankollu, is-sitwazzjoni hija kemmxejn differenti fil-każ tal-proċeduri barra dawk ġudizzjarji (extraġudizzjarji) u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi u atti awtentiċi.

4.2. Proċeduri extraġudizzjarji

Rigward il-proċeduri extraġudizzjarji, l-Artikolu 10 tad-Direttiva jistipula li l-għajnuna ġudizzjarja teħtieġ tkopri wkoll l-ispejjeż ta' proċeduri bħal dawn jekk ikunu meħtieġa mil-liġi jew jekk il-qorti tordna lill-partijiet biex jagħmlu użu minnhom. Il-kunċett ta' proċeduri extraġudizzjarji mhuwiex l-istess fl-Istati Membri kollha u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tista' xi drabi tagħti lok għal diffikultajiet u għal applikazzjoni mhux uniformi. Xi drabi, il-proċeduri extraġudizzjarji ordnati mill-qorti[19] jew meħtieġa mil-liġi[20] ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna legali f'xi Stati Membri.

4.3. L-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet tal-qrati u ta' atti awtentiċi

L-Artikolu 9 u 11 jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta' sentenzi kif ukoll ta’ atti awtentiċi.

L-Artikolu 9(2) jiddikjara li riċevitur (benefiċjarju) ta' għajnuna legali fl-Istat Membru fejn tkun ikkostitwita l-qorti għandu jirċievi l-għajnuna legali ipprovduta bil-liġi tal-Istat Membru fejn ikunu qed jintalbu r-rikonoxximent jew l-infurzar (eżekuzzjoni). Għalkemm fost l-Istati Membri m'hemmx uniformità fl-interpretazzjoni li tirrigwarda d-deċiżjoni dwar jekk l-għoti ta' din l-għajnuna huwiex awtomatiku jew jekk jeħtieġx li l-benefiċjarju japplika fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni korrettement[21].

L-Artikolu 11 jistipula li l-għajnuna legali għandha tingħata għall-eżekuzzjoni ta' atti awtentiċi fi Stat Membru ieħor. Għalkemm il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni[22], jistgħu jiġu identifikati żewġ kwistjonijiet li dwarhom hemm xi problemi fil-prattika. L-ewwel nett, il-kunċett ta' att awtentiku ma jeżistix fl-Istati Membri kollha u, it-tieni nett, l-Artikolu 11 ma jispeċifikax li l-Istati Membri huma obbligati jsostnu dawn l-ispejjeż, għalkemm huwa loġiku li l-Artikoli 7 u 8, dwar il-mod kif jinqasmu l-ispejjeż bejn l-Istat Membru fejn tkun kostitwita l-qorti u l-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-applikant għall-għajnuna legali, japplikaw b'analoġija.

5. L-ispejjez koperti minn għajnuna legali bis-saħħa tad-Direttiva

Id-Direttiva telenka għadd ta' spejjeż li l-Istati Membri jridu jkopru b'rabta ma' għajnuna legali transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

5.1. L-ispejjeż relatati mal-assistenza, ir-rappreżentanza, l-interpretar u t-traduzzjoni

Il-prinċipju tal-għoti ta' għajnuna legali b'rabta ma' proċedimenti ġudizzjarji huwa mifrux ħafna fost l-iskemi nazzjonali ta' għajnuna legali.

Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jipprevedu li l-għajnuna legali trid tkopri l-ispejjeż marbuta mal-assistenza ta' avukat jew mar-rappreżentanza minn avukat kif ukoll mal-interpretar u t-traduzzjoni, ġew trasposti fl-Istati Membri kollha[23].

5.2. Spejjeż tal-ivvjaġġar

L-Artikolu 7(c) tad-Direttiva jipprevedi li l-għajnuna legali trid tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar meta l-preżenza fiżika tal-persuna li tkun qed tirċievi l-għajnuna tkun meħtieġa fil-qorti mil-liġi jew mill-qorti tal-Istat Membru fejn il-qorti tkun ikkostitwita. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta mill-maġġoranza tal-Istati Membri[24]. Il-Kummissjoni tisħaq li l-ħtieġa li jiġu koperti dawn l-ispejjeż hija karatteristika fundamentali tad-Direttiva minħabba li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar huma, neċessarjament, spejjeż imġarrba b'rabta ma' tilwima transkonfinali. Barra minn dan, id-Direttiva tillimita l-impatt finanzjarju fuq l-Istati Membri minħabba li tirrestrinġi dan l-obbligu għal proċedimenti li għalihom tkun meħtieġa l-preżenza fiżika tal-persuni kkonċernati.

5.3. L-assistenza ta' avukat lokali qabel ma l-applikazzjoni għal għajnuna legali tkun waslet għand l-Istat Membru li fih il-qorti tkun ikkostitwita

L-Artikolu 8 jipprevedi li l-Istat Membru li fih l-applikant ikollu r-residenza abitwali tiegħu għandu jsosti l-ispejjeż konnessi mal-assistenza ta' avukat lokali għall-applikant sakemm l-applikazzjoni għal għajnuna legali tkun ġiet riċevuta fl-Istat Membru li fih il-qorti tkun ikkostitwita

L-implimentazzjoni konsistenti ta' din id-dispożizzjoni ġġib magħha xi sfidi. Minn naħa, hija l-qorti tar-residenza abitwali li għandha taħtar avukat. Min-naħa l-oħra, huma biss ċerti spejjeż – dawk relatati mal-avukat lokali u t-traduzzjoni ta' dokumenti – li huma koperti mill-Artikolu 8, iżda l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għas-smigħ quddiem il-qorti kompetenti biex tistabbilixxi jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata jew le mhumiex koperti mid-Direttiva. Barra minn dan, mhuwiex ċar jekk tistax issir il-valutazzjoni tat-talba qabel ma jinħatar l-avukat lokali[25] u, minn din il-perspettiva, jekk l-applikant iridx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għajnuna legali fl-Istat Membru tad-domiċilju.

6. Osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva 6.1. Osservazzjonijiet ġenerali

Matul il-perjodu 2004-2009, l-għadd ta' persuni li bbenefikaw minn għajnuna legali transkonfinali żdied biss b'mod limitat. L-Ewrobarometru Nru 351[26] juri li 12% minn dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ fl-UE kienu jafu bl-għajnuna legali transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[27].

In-nuqqas ta' għarfien dwar l-istrument anki fost il-membri tal-professjoni legali jista' jispjega din is-sitwazzjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u l-limitazzjoni tagħha għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali jistgħu wkoll ikunu raġunijiet għal din is-sitwazzjoni[28].

Skont id-dejta disponibbli, l-għadd totali ta' applikazzjonijiet għal għajnuna legali transkonfinali pproċessat minn kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri laħaq il-100 darbtejn biss[29].

Spjegazzjoni: L-għadd medju ta' applikazzjonijiet għal kull Stat Membru bejn l-2005 u l-2009; l-ittra "R" tirreferi għall-applikazzjonijiet riċevuti fl-Istat Membru u "T" tirreferi għall-applikazzjonijiet trażmessi lil Stat Membru ieħor[30].

6.2. Kamp ta' applikazzjoni

Għalkemm il-prinċipju nnifsu ta' għajnuna legali transkonfinali huwa stabbilit sew fl-Istati Membri kollha, irriżulta li hemm xi komplikazzjonijiet prattiċi. Ġew innutati differenzi fl-interpretazzjoni rigward id-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, jiġifieri l-kawżi ċivili u kummerċjali. Barra minn dan, ġie osservat li d-definizzjoni ta' tilwima transkonfinali[31] ma tkoprix għadd ta' sitwazzjonijiet li jidhru li għandhom aspetti transkonfinali[32].

6.3. L-għażla tal-membri tal-professjoni legali

Il-metodi użati biex jintagħżlu l-avukati li jittrattaw każijiet ta' għajnuna legali huma differenti minn Stat Membru għal ieħor. Dawk li jitolbu għal għajnuna legali xi drabi sabu diffikultajiet biex jinħatrilhom konsulent legali li jkun kapaċi jifhem mhux biss il-lingwa imma wkoll is-sistema legali tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali.

6.4. Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' għajnuna legali

Id-differenzi fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istati Membri ġew ikkunsidrati mid-Direttiva[33] imma ma hemmx kriterji oġġettivi li jispeċifikaw il-mod kif dawn id-differenzi għandhom jitqiesu. Barra minn dan, jista' jkun diffiċli għall-Istat li jrid jipprovdi l-għajnuna legali biex jivvaluta d-dokumenti pprovduti minn applikant li jkun domiċiljat fi Stat Membru ieħor biex jipprova s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu.

6.5. L-ispejjez koperti mid-Direttiva

Rigward il-kwistjoni dwar kemm l-ispejjeż tar-rappreżentanza jew tal-pariri legali pprovduti minn avukat ikunu koperti mill-għajnuna legali, jirriżulta li hemm differenzi kbar fl-arranġamenti għall-għażla u l-ħatra ta' konsulent bħal dan. Il-membri tal-professjonijiet legali f'bosta Stati Membri jindikaw termini twal għall-ħlas u l-livell baxx ħafna ta' tariffi. Madankollu, din is-sitwazzjoni mhijiex speċifika għad-Direttiva u tirrigwarda bl-istess mod is-sistema nazzjonali ta' għajnuna legali f'każijiet domestiċi.

7. L-obbligi ta’ informazzjoni għall-Istati Membri

L-Artikolu 18 tad-Direttiva jipprevedi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkoperaw biex jagħtu lill-pubbliku ġenerali u lil ċirkoli professjonali informazzjoni fuq is-sistemi varji ta' għajnuna legali, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali[34].

Il-Kummissjoni tosserva li m’hemmx biżżejjed għarfien dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fost iċ-ċittadini, il-membri tal-professjoni legali u l-bordijiet legali nazzjonali, kif ippruvat mill-istħarriġ:

Ċittadini li jkunu qed ifittxu li ssir ġustizzja: 15% biss taċ-ċittadini jafu b'din id-Direttiva.

L-avukati huma mgħarrfa aħjar dwar id-dritt ta' għajnuna legali transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u fil-fatt huma favur l-estensjoni tiegħu għal relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi: 30% mill-avukati jafu bil-vantaġġi tad-Direttiva.

Il-bailiffs huma kkaratterizzati mill-fatt li l-ebda wieħed minn dawk mistoqsija ma kien għamel użu mid-Direttiva.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istati Membri jridu jwettqu aktar sforzi biex jikkonformaw mal-Artikolu 18, jiġifieri biex jagħtu lill-pubbliku ġenerali u lill-membri tal-professjonijiet informazzjoni dwar is-sistemi varji ta' għajnuna legali fi kwistjonijeit ċivili u kummerċjali kif meħtieġ mid-Direttiva.

8. Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva

Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu primarjament responsabbli għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva, il-Kummissjoni kkontribwixxiet għall-implimentazzjoni tagħha matul il-perjodu ta' rappurtar kif ġej:

Il-Kummissjoni waqqfet il-Kumitat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva u fl-2004 u l-2005 adottat żewġ deċiżjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 16, Deċiżjoni li tistabbilixxi formola għal applikazzjonijiet għal għajnuna legali u Deċiżjoni li tistabbilixxi formola għat-trażmissjoni ta' applikazzjonijiet għal għajnuna legali.[35]

Il-formoli li hemm dispożizzjoni dwarhom fid-Deċiżjonijiet ilhom disponibbli elettronikament mill-2006 fil-websajt tal-"Atlas Ġudizzjarju Ewropew dwar kwistjonijiet ċivili"[36], u dalwaqt se jkunu disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika[37] f'forma dinamika. L-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 14 ġiet ippubblikata fl-Atlas. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-għajnuna legali fi kwistjonijiet ċivili fl-UE ilha disponibbli fuq il-websajt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali mill-2007.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-Kummissjoni kellha żewġ laqgħat man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali dwar is-suġġett tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni organizzat ukoll żewġ Ewrobarometri biex tiskopri x'inhu l-livell ta' għarfien fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna legali.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni wettqet kontroll sħiħ tal-konformità tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li ġie ffinalizzat fl-2010.

9. Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi fil-qasam tal-għajnuna legali ċivili

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fir-rigward tal-għajnuna legali huma bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali u l-liġi interna u jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[38] ma tistabbilixxix regoli speċifiċi dwar l-għajnuna legali ċivili u l-Ftehim Ewropew tal-1977 dwar it-trażmissjoni ta' applikazzjonijiet għal għajnuna legali[39] jirrigwarda biss il-proċeduri relatati mal-għajnuna legali transkonfinali. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja[40] tirrigwarda biss xi Stati Membri[41] u pajjiżi terzi[42]. Id-Direttiva tieħu preċedenza fuq il-Ftehim Ewropew u l-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja f'każijiet bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 20.

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja[43] għandha tippermetti l-applikazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni permezz tal-Unjoni u tista' tattira l-adeżjoni ta' Stati oħrajn. Din tkun ukoll konformi mal-impenn politiku li tippromwovi l-istrumenti tal-Aja li l-UE ħadet meta saret membru tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fl-2007. Dan jista' jkun importanti minħabba li, skont l-istħarriġ, tliet kwarti minn dawk li ħadu sehem huma favur l-estensjoni tal-għajnuna legali ċivili lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

10. Punti ta' riflessjoni rigward it-titjib li possibbilment jista’ jsir fid-Direttiva

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u d-diffikultajiet li s'issa ltaqgħu magħhom, jistgħu jiġu avvanzati xi punti ta' riflessjoni dwar it-titjib li għandu jitqies fil-futur.

10.1.1. Kriterji ekonomiċi biex jingħata l-benefiċċju ta’ għajnuna legali

Jidher li hemm ħtieġa għal aktar kjarifika dwar il-kwistjoni tal-kriterji ekonomiċi biex tingħata l-għajnuna legali. Dan hu importanti għax hemm każijiet fejn min ikun qed jitlob l-għajnuna jikseb konferma mingħand il-qorti fejn ikun domiċiljat li skont ir-regoli nazzjonali huwa jkun eliġibbli għall-għajnuna legali, imma din tinċaħadlu mill-qorti kompetenti.

Minn din il-perspettiva jistgħu jitqiesu żewġ soluzzjonijiet:

Fid-dawl tad-differenza bejn l-għoli tal-ħajja bejn l-Istati Membri, l-eliġibbiltà u l-ammont ta' għajnuna legali jistgħu jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' kriterju komuni u oġġettiv jew fuq il-bażi tal-kriterji applikati fil-post ta' residenza normali tal-persuna li tkun qed tapplika għall-għajnuna legali, jew

Armonizzazzjoni tal-livell ekonomiku jew rikonoxximent reċiproku tal-limiti.

10.1.2. Spejjeż li bħalissa mhumiex koperti

Tinħoloq sitwazzjoni interessanti, li mhijiex koperta mid-Direttiva, meta jkunu se jiġu mġarrba spejjeż tal-ivvjaġġar għas-smigħ quddiem l-imħallef li għandu jiddeċiedi jekk l-għajnuna għandhiex tingħata jew le. Jekk l-applikant ma jkollux biżżejjed riżorsi finanzjarji biex ikopri dawn l-ispejjeż, huwa jista' jiċċaħħad mill-possibbiltà li jikseb l-għajnuna legali mill-qorti kompetenti. Din is-sitwazzjoni tista' tirriżulta b'mod partikolari fis-sitwazzjoni meta l-applikant ikun jirrisjedi fl-Istat Membru fejn ikun hemm għoli tal-ħajja ħafna ogħla milli fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti. Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm sitwazzjoni bħal din tabilħaqq hija barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, hemm każijiet li fihom l-applikant jikseb konferma mill-qorti tar-residenza tiegħu li huwa jkun eliġibbli għall-għajnuna legali fil-ġuriżdizzjoni tagħha imma li jrid ikopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu għas-smigħ quddiem il-qorti kompetenti. Jekk ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji biex ikopri l-vjaġġ, huwa jista' jiġi effettivament miċħud mill-għajnuna legali[44].

10.1.3. Faċilitazzjoni tar-relazzjoni bejn il-membri tal-professjoni legali u l-benefiċjarji

It-tieni punt li jista' jiġi indirizzat huwa l-faċilitazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-professjoni legali u l-benefiċjarji fi Stat Membru ieħor permezz ta' miżuri bħal: l-għażla ta' membru tal-professjoni legali li jkun jitkellem il-lingwa tal-benefiċjarju, l-għajnuna ta' traduttur jew saħansitra l-għażla ta' membru tal-professjoni legali addizzjonali mill-Istat tal-persuna li tkun qed tirċievi l-għajnuna legali, li jista' jservi ta' rabta u, pereżempju, jidħol f'korrispondenza mal-membru tal-professjoni legali li jkun ibbażat fi Stat ieħor.

10.1.4. Kjarezza dwar fejn tkun tinstab l-awtorità kompetenti

Jidher li jkun tajjeb li tiġi nnominata awtorità riċevitur (riċeventi) u trażmittenti waħda f'kull Stat Membru biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dan huwa partikolarment importanti fis-sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal għajnuna legali tiġi ppreżentata direttament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih il-qorti żżomm is-seduti jew fejn sentenza għandha tiġi eżegwita. Peress li d-Direttiva ma tirregolax il-kwistjoni dwar x'jiġri jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata lill-awtorità riċeventi żbaljata, fil-każ ta' sitwazzjoni bħal din jista' jkun hemm diskrepanzi.

10.1.5. Skrutinju tal-istess applikazzjoni minn żewġ awtoritajiet b'żewġ riżultati possibbilment differenti

Id-Direttiva, fl-Artikolu 13, tipprevedi żewġ modi kif titressaq applikazzjoni għal għajnuna legali: jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-applikant ikun domiċiljat jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti[45]. Barra minn dan, id-Direttiva tipprevedi l-possibbiltà li tinċaħad it-trasmissjoni tal-applikazzjoni jekk l-awtorità trasmittenti tiddeċiedi li l-applikazzjoni hija infondata jew li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Sitwazzjoni bħal din tista' potenzjalment tagħti lok għal konfużjoni minħabba li hu possibbli li l-awtorità riċeventi tiċħad l-applikazzjoni minkejja li l-awtorità trażmittenti kieku tqisha fondata. Huwa wkoll possibbli li l-applikant, li l-applikazzjoni tiegħu tkun inċaħdet mill-awtorità trażmittenti, jerġa' jibgħat l-applikazzjoni direttament lill-awtorità riċeventi, fatt li jagħti lok għal piż mhux neċessarju jekk l-istess applikazzjoni jkollha titqies darbtejn, x'aktarx bl-istess riżultat negattiv.

11. Konklużjonijiet

L-Istati Membri kollha huma marbuta bid-Direttiva li tat id-dritt għal għajnuna legali f'każijiet transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għalkemm jista' jiġi osservat li mhux il-metodi kollha ta' applikazzjoni tad-Direttiva ġew implimentati b'mod perfett. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu spjegati prinċipalment mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma xi drabi differenti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-għajnuna legali; barra minn dan in-nuqqas ta' każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ma għenx biex tiżdied l-uniformità fl-applikazzjoni.

Għandu madankollu jiġi enfasizzat li kien hemm biss kawża waħda quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-għajnuna legali transkonfinali, fatt li jista' jkun prova li l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva hija sodisfaċenti.

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ewwel nett tista' tittejjeb fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet attwali. Il-punt ewlieni li fih l-Istati Membri jistgħu juru titjib huwa l-promozzjoni effiċjenti u attiva tad-Direttiva billi l-pubbliku ġenerali u l-membri tal-professjoni legali jiġu pprovduti b'informazzjoni dwar is-sistemi varji ta' għajnuna legali taħt id-Direttiva.

Barra minn dan, il-Kummissjoni se tintensifika l-isforzi tagħha biex iżżid l-għarfien dwar id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll ir-riżultati tal-verifiki dwar il-konformità u se tagħmel segwitu xieraq fir-rigward tagħhom.

Fuq il-bażi tal-punti ta' riflessjoni li ġew ippreżentati hawn fuq, il-Kummissjoni se tqis ukoll ir-reazzjonijiet għal dan ir-Rapport fil-konsiderazzjonijiet tagħha għal azzjonijiet, hekk kif ikun xieraq.

Finalment, rigward il-politika dwar l-għajnuna legali ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se tqis l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja, b'mod partikolari minħabba li l-Unjoni Ewropea hija membru tal-Konferenza tal-Aja[46]. Pass bħal dan ikun mixtieq għax jippermetti l-applikazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni permezz tal-Unjoni u jista' jattira l-adeżjoni ta' Stati oħrajn.

[1]               Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 – il-Konklużjonijiet tal-Presidenza.

[2]               Proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f'tilwimiet transkonfinali billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali u ma' aspetti finanzjarji oħra ta' proċedimenti ċivili (2002/C 103 E/29), COM(2002) 13 finali — 2002/0020(CNS).

[3]               Għandu jiġi enfasizzat li din id-Direttiva tapplika biss għal għajnuna legali f'tilwimiet ċivili u kummerċjali transkonfinali.. B'mod partikolari, ma tkoprix tilwimiet domestiċi u każijiet kriminali jew amministrattivi.

[4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn, ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41 - 47. Rettifika dwar in-numru ta' referenza tad-Direttiva biex dan sar "2003/8/KE", ĠU L 32, 7.2.2003, p. 15.

[5]               Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) fejn l-iskadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali kien it-30 ta' Mejju 2006.

[6]               Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, 2010/C 115/01, 4.05.2010.

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Ħidma Annwali għall-2010 taħt il-Programm ta' Ġustizzja Ċivili, C(2009)10659.

[8]               DBB Law, Studju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 dwar l-għajnuna legali u dwar il-konformità legali tat-traspożizzjoni nazzjonali, rapport finali, Ġunju 2011.

[9]               B'kollox wieġbu 545 entità li kienu jinkludu bordijiet dwar l-għajnuna legali (53), korpi statistiċi (13), bailiffs (43), imħallfin (60), avukati (237), ċittadini li jkunu qed ifittxu li ssir ġustizzja (102) u entitajiet oħra (37).

[10]             Dan il-perjodu kien ukoll il-perjodu li fuqu ffoka l-istħarriġ.

[11]             Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199, 31.7.2007

[12]             Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, 2000/C 364/01, 18.12.2000

[13]             Jiġifieri, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta' Applikazzjonijiet għal Għajnuna Legali, Strasburgu, 27.I.1977.

[14]             Id-Danimarka ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

[15]             Dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni [ADD NUMBER]

[16]             Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat-22 ta' Diċembru 2010, fil-Kawża C‑279/09, DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH vs Bundesrepublik Deutschland.

[17]             Is-Slovakkja ma ttrasponietx għal kollox din id-dispożizzjoni.

[18]             L-Artikolu 6(1)

[19]             Bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, l-Estonja, Ċipru, l-Ungerija, il-Finlandja u r-Renju Unit.

[20]             Bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, l-Estonja, Ċipru, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Finlandja u r-Renju Unit.

[21]             Bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, l-Estonja, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Finlandja.

[22]             Hemm nuqqasijiet fit-traspożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni mill-Irlanda, il-Greċja, l-Estonja, Ċipru, l-Ungerija u s-Slovakkja.

[23]             L-Artikolu 3(2)(b) u l-Artikolu 7(a) u (b)

[24]             Il-Belġju, il-Bulgarija, l-Irlanda, is-Slovenja u r-Renju Unit għandhom xi nuqqasijiet fit-traspożizzjoni.

[25]             Minkejja inċertezzi possibbli dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(a), jista' jiġi konkluż li hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni mir-Repubblika Ċeka, mir-Rumanija u mis-Slovakkja.

[26]             Ewrobarometru Speċjali 351: Il-Ġustizzja Ċivili, Ottubru 2010 http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_351_en.pdf

[27]             Kien hemm l-ogħla rata ta' għarfien dwar l-għajnuna legali transkonfinali fost is-Sloveni u l-Olandiżi li wieġbu għall-istħarriġ, bi 28% li kienu semgħu dwarha. Min-naħa l-oħra, l-għarfien kien l-aktar baxx fost dawk li wieġbu għall-istħarriġ mill-Portugall (7%), l-Irlanda (8%), il-Ġermanja (8%) u l-Polonja (8%).

[28]             Ir-Rapport ma jinkludix osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva rigward it-talbiet imressqa skont il-proċedura Ewropea għat-talbiet żgħar minħabba li r-Regolament beda japplika biss fl-2009.

[29]             Fi Franza fl-2006 u fl-2008.

[30]             L-għadd ta' talbiet trażmessi mhux bilfors jikkorrispondi għall-għadd ta' talbiet riċevuti minħabba l-possibbiltà li t-talba tiġi ppreżentata direttament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-qorti tkun ikkostitwita.

[31]             Fl-Artikolu 2 tad-Direttiva.

[32]             Pereżempju rigward l-ispejjeż biex bailiff iħarrek persuna li tkun residenti fi Stat Membru ieħor quddiem qorti nazzjonali.

[33]             L-Artikolu 5

[34]             Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, 2001/470/KE, Ġurnal Uffiċjali L 174 , 27/06/2001 u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, 568/2009/KE, Ġurnal Uffiċjali L 168/35, 30/6/2009, http://ec.europa.eu/civiljustice/legal_aid/legal_aid_ec_mt.htm

[35]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/844/KE tad-9 ta' Novembru 2004 li tistabbilixxi formola ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna legali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/630/KE tas-26 ta' Awwissu 2005 li tistabbilixxi formola għat-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna legali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE.

[36]             http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/la_information_mt.htm

[37]             https://e-justice.europa.eu/home.do?action

[38]             Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, Ruma, 4.11.1950

[39]             Iffirmat fi Strasburgu fis-27 ta' Jannar 1977 u emendat bi protokoll addizzjonali ffirmat f'Moska fl-2011.

[40]             Il-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja, http://www.hcch.net/index_en.php?act=conventions.text&cid=91

[41]             Il-Bulgarija, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza , Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja.

[42]             L-Albanija, il-Bjelorussja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro, il-Marokk, is-Serbja, l-Isvizzera, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

[43]             Fil-prattika, dan isir permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jaderixxu fl-interess tal-UE, minħabba li l-Konvenzjoni ma tinkludix klawżola REIO (klawżola dwar organizzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika)

[44]             Ara l-Petizzjoni Nru 1667/2009.

[45]             Jew fejn id-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita.

[46]             L-adeżjoni mill-Komunità Ewropea għall-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, 15226/08, JUSTCIV 235, 6.11.2008

Top