This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0007
GREEN PAPER Restructuring and anticipation of change: what lessons from recent experience?
GREEN PAPER Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti?
GREEN PAPER Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti?
/* KUMM/2012/07 finali */
GREEN PAPER Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti? /* KUMM/2012/07 finali */
GREEN PAPER Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla:
X'tgħallimna mill-esperjenza reċenti?
1.
Introduzzjoni: ristrutturazzjoni proattiva għal kompetittività u
tkabbir
It-tema ċentrali
ta' din il-Green Paper hija r-ristrutturazzjoni tal-kumpanija u l-konsegwenzi
soċjali tagħha li huma kawża ta' tħassib leġittimu għal ħafna ċittadini
Ewropej. Ir-ristruttarazzjoni hija fattur kruċjali għall-impjiegi u
għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Din il-Green Paper
għandha l-mira li tidentifika prattiki u politiki ta' suċċess fil-qasam
tar-ristrutturazzjoni u l-adattament għall-bidla sabiex jiġu promossi
l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020[1] u b'mod
partikolari l-inizjattiva ewlenija tal-politika industrijali ta' Ottubru 2010[2],
l-"Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" adottata f'Novembru 2010[3]. Il-Green
Paper biħsiebha wkoll tikkontribwixxi biex ittejjeb is-sinerġija bejn l-atturi
rilevanti kollha fl-indirizzar tal-isfidi relatati mar-ristrutturazzjoni u
l-adattament għall-bidla u tqis ix-xogħol importanti li sar fis-snin reċenti
mill-Kummissjoni Ewropea, l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni, l-Istati Membri u
ħafna partijiet interessati oħra[4]. Il-Kummissjoni
tixtieq iġġedded it-termini ta' dan id-dibattitu politiku fid-dawl
tat-tagħlimiet mill-kriżi ekonomika u l-bidliet profondi fil-kuntesti ekonomiċi
u kompetittivi fid-dinja kollha u l-aġenda tar-riforma strutturali li hija
implimentata bħalissa fl-UE[5]. Fid-dawl ta' dan,
il-Kummissjoni se tibni fuq ir-riżultat ta' din il-konsultazzjoni biex tqis
modi ġodda biex il-prattiki tajba jixxerrdu aħjar u jiġu implimentati b'mod
effettiv, inkluż fil-livell tal-UE, biex tiffaċċa kemm it-tħassib immedjat
relatat mal-kriżi ekonomika u kif ukoll l-għanijiet ta' kompetittività fit-tul kif
identifikati fl-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali.
Il-Kummissjoni se ddaħħal ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni tal-Green
Paper fl-aġenda rivatilzzata tal-flessigurtà, anke biex dan iwassal għal
dibattitu mill-ġdid fil-livell tal-UE dwar approċċ possibbli u qafas
għar-ristrutturazzjoni. Fl-inizjattiva
ewlenija tal-politika industrijali, il-Kummissjoni stqarret, b'mod partikolari,
li "orjentazzjonijiet aġġornati dwar ir-ristrutturazzjoni jistgħu jkunu
utli ħafna fit-tisħiħ tal-kapaċità tan-negozji u l-forza tax-xogħol biex
jadattaw ruħhom għal ambjent ekonomiku li qed jinbidel malajr." Dan
l-aġġornament jista' wkoll "jinkoraġġixxi ċaqliq minn azzjonijiet purament
reattivi għal strateġiji iktar antiċipattivi"[6]. Il-Green Paper hija akkumpanjata u appoġġata
mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal "Ristrutturazzjoni fl-Ewropa
2011". Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal jiddeskrivi l-impatt
tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq is-swieq tax-xogħol u t-tweġibiet
tal-partijiet interessati differenti; juri l-azzjoni tal-UE fil-qasam
tal-antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa u l-iżvilupp tal-kompetenzi; jenfasizza
r-rwol tal-fondi tal-UE bħala appoġġ tal-proċessi ta' ristrutturazzjoni,
l-impatt tar-ristrutturazzjoni fir-reġjuni tal-UE u r-rwol tal-istrateġiji ta'
"speċjalizzazzjoni intelliġenti"[7]; janalizza r-rwol tad-djalogu soċjali,
l-istrumenti ġuridiċi u l-miżuri ta' appoġġ tal-Istati Membri f'dan il-qasam;
jelenka l-isfidi u r-reazzjonijiet tal-UE għalihom; u jenfasizza xi
lezzjonijiet meħuda f'dawn l-aħħar snin dwar l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni
tal-bidla u r-ristrutturazzjoni. It-tagħlimiet mill-kriżi L-ekonomija Ewropea ħierġa b'diffikultà
mill-agħar reċessjoni f'għexieren ta' snin.
Ir-reċessjoni kkawżat waqgħa kbira fl-attività ekonomika fl-UE, b'miljuni ta'
impjiegi mitlufa u spiża umana kbira, u tefgħet pressjoni kiefra fuq il-finanzi
pubbliċi, li wasslet għal iktar impenji fiskali vinkolanti. Il-prospetti tas-suq tax-xogħol tal-UE, li
matul ir-reċessjoni tal-2008-2009 kien pjuttost reżiljenti u kien beda joħloq
l-impjiegi fi tmiem l-2010, iddeterjoraw drastikament u qed ikomplu juru
differenzi sinifikanti minn pajjiż għall-ieħor. F'ħafna ekonomiji avvanzati,
il-ħolqien tal-impjiegi s'issa ma kienx suffiċjenti biex jerġa' jimpjega
lill-ħaddiema li tilfu xogħolhom matul il-kriżi, u l-konsegwenzi tar-reċessjoni
qegħdin joħolqu aktar tħassib dwar il-possibilità ta' effetti persistenti dwar
ir-rati tal-qgħad. Minbarra żviluppi
diverġenti fil-PDG, fatturi rilevanti oħra li jispjegaw id-differenzi fir-rati
tal-qgħad fl-Istati Membri kollha jinkludu differenzi fl-ammont ta' aġġustament
tas-sigħat tax-xogħol, bżonnijiet differenti ta' rikollokament tax-xogħol
f'setturi differenti, eż. biex jitbiegħdu mill-kostruzzjoni, sistemi differenti
ta' edukazzjoni u taħriġ, l-iktar il-ftehimiet ta' apprendistat,
kundizzjonijiet inizjali ekonomiċi u istituzzjonali differenti u reazzjonijiet
politiċi dissimilati għar-reċessjoni. Minkejja
sitwazzjonijiet finanzjarji u tas-suq estremament avversi, il-kumpaniji u
l-forzi tax-xogħol tagħhom fl-Ewropa kollha, fil-parti l-kbira, daħlu fi
proċessi kreattivi ta' ristrutturazzjoni li kienu kostruttivi, effettivi u
strumentali biex jillimitaw it-telf ta' impjiegi, permezz ta' arranġamenti
innovattivi, spiss bl-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi u l-Kummissjoni Ewropea.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea
"Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew" (COM (2008) 800 finali)
adottata f'Novembru 2008 tipprovdi qafas ta' azzjoni koordinata fil-livell
tal-UE, minn fost il-politiki varji u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti
disponibbli għall-appoġġ tal-ekonomija Ewropea. F'dan il-kuntest, il-politika
ta' koeżjoni hija ta' importanza partikolari bħala l-għodda ewlenija fil-livell
tal-UE għall-investiment fil-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi[8]. Hija ħaġa urġenti
li tiġi analizzata l-adegwatezza ta' din ir-reazzjoni fid-dawl
tal-inċertezza dwar it-triq għall-irkupru attwali u r-riskji ġodda li resqin
mill-orizzont. L-isfidi tal-kompetittività F'perspettiva
li tolqot iktar il-medda medja taż-żmien, il-progress teknoloġiku u
l-innovazzjoni jqassru ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott u jġiegħlu kostantement
lill-kumpaniji u lill-forza tax-xogħol biex jaġġustaw. Barra minn hekk, bidliet
fit-tqassim internazzjonali tax-xogħol u l-miġja ta' kumpaniji b'saħħithom
minn pajjiżi emerġenti, b'mod partikolari dawk speċjalizzati fl-oqsma ogħla
tas-suq, ikomplu jżidu l-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kumpaniji Ewropej.
Il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, il-preservazzjoni tal-attivitajiet u
l-impjiegi tagħha u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda u l-ftuħ ta' impjiegi
relatati se jiddependu iktar u iktar fuq il-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej
li jsaħħu l-bażi kompetittiva tagħhom permezz tal-innovazzjoni u adattament
rapidu, imma bla xkiel għall-bidla. F'dan is-sens il-bidla teknoloġika u
l-innovazzjoni jistgħu jwasslu għal strateġiji ta' aġġustament għall-kumpaniji
u għall-impjiegi, imma hemm indikazzjonijiet ukoll li l-innovazzjoni, flimkien
mar-riċerka u l-edukazzjoni jistgħu jwasslu għal mod effettiv biex l-Ewropa toħroġ
mill-kriżi. Il-Kummissjoni nediet l-Inizjattiva Ewlenija għal Unjoni
fl-Innovazzjoni fl-2010, u rrappurtat dwar il-progress tal-istat
tal-Innovazzjoni fl-2011[9]. Il-kumpaniji jdawru r-riżorsi minn industriji
u setturi li jipproduċu prodotti u servizzi tradizzjonali, li normalment
ikollhom elastiċità tad-domanda baxxa għad-dħul dinji, lejn setturi u
industriji b'kontenut ogħla ta' teknoloġija u għarfien, normalment b'elastiċità
tad-domanda għolja għad-dħul dinji. Il-kompetittività tal-UE tiddependi mill-kapaċità
tagħha li trawwem kundizzjonijiet qafas għall-kumpaniji innovattivi li jikbru
malajr u li huma importanti għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi[10]. Din se
tiddependi wkoll fuq il-kapaċità li tinżamm u tiġi żviluppata ulterjorment bażi
produttiva fl-Ewropa li min-naħa tagħha tagħti spinta lill-ekonomija
tas-servizzi. L-intrapriżi għandhom bżonn li jkunu kapaċi
jadattaw għall-internazzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni dinjija u jilqgħu
l-isfida kompetittiva. Kwalunkwe ostakli għal dan jistgħu jxekklu l-kompetittività
u l-impjiegi fit-tul. Kundizzjonijiet qafas, kif enfasizzati fl-inizjattiva
ewlenija tal-politika industrijali, huma kruċjali biex jippermettu aġġustament
ekonomiku ta' suċċess. Hemm bżonn ta' involviment bikri tal-partijiet
interessati rilevanti kollha biex il-miżuri ta' aġġustament ikunu suċċess.
Aċċess adegwat għall-finanzi huwa partikolarment rilevanti, peress li
l-investimenti jistgħu jkunu posposti jew imwaqqfa għalkollox minħabba nuqqas
ta' kreditu u aċċess limitat għall-finanzi. Hemm bżonn li jiġu identifikati u
jixxerrdu l-prattiki tajba f'dan il-qasam. L-isfida ta'
adattabilità tan-negozji u l-impjegabilità tal-ħaddiema — Kumpaniji fix-xena
prinċipali tal-proċess tar-ristrutturazzjoni L-iżvilupp tar-riżorsi umani u t-tisħiħ
tal-ħiliet huma ta' importanza assoluta f'dan il-kuntest. Għalhekk hemm bżonn
li l-UE tuża l-esperjenza reċenti biex issaħħaħ il-kompetittività globali,
ħalli toħroġ iktar b'saħħitha u ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u
inklużiva u twassal livelli għolja ta' impjiegi, produttività, kompetittività u
koeżjoni soċjali. Ir-rendiment pożittiv tal-esportazzjoni ta' xi
Stati Membri juri li s-suċċess fis-swieq globali ma jserraħx biss fuq
il-kompetittività tal-prezzijiet imma wkoll fuq fatturi oħra bħall-ispeċjalizzazzjoni
tal-prodott għas-settur, l-innovazzjoni u l-livelli tal-ħiliet. F'dawn l-oqsma,
id-dgħufijiet li ilhom hemm minn qabel il-kriżi qed isiru iktar ovvji. L-UE, matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin,
bniet sistema b'saħħitha ta' ħarsien soċjali u tal-impjiegi li, flimkien ma'
livell relattivament għoli ta' edukazzjoni, kienet il-bażi għall-prosperità
ekonomika u soċjali li kien hemm sa issa. Madankollu, id-dħul ta' atturi ġodda
fl-ekonomija globali u ambjenti tan-negozju li qed jinbidlu malajr qed joħolqu
sfida għal sistema li kienet effettiva ħafna għall-ħolqien ta' tkabbir u
impjiegi. Qed isir dejjem iktar evidenti li mingħajr tibdil, din is-sistema
mhix adegwata biex tiżgura li r-riżorsi, speċjalment ir-riżorsi umani, ikunu
riallokati malajr u bla xkiel minn attivitajiet f'deklin għal attivitajiet
emerġenti. Hija wkoll dejjem inqas u inqas kapaċi li tagħti ċans reali ta'
żviluppi professjonistiċi lill-ħaddiema meta l-impjiegi tagħhom ikunu f'riskju,
għax ma tikkultivax il-kapaċità tagħha biex tadatta ruħha għall-bidla. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti u
l-pressjoni li ġabet magħha għal bidla strutturali jagħmluha iktar importanti
minn qatt qabel li jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet. B'konformità
mal-approċċ tal-flessigurtà u l-Istrateġija Ewropa 2020[11], il-Kummissjoni
hija ħerqana li tinkoraġġixxi adattament tan-negozju permanenti għal
ċirkustanzi ekonomiċi li qed jinbidlu malajr filwaqt li jkun hemm l-għan ta'
grad għoli ta' impjiegi u ħarsien soċjali permezz ta' miżuri xierqa ta' appoġġ.
Miżuri li jappoġġaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi bejn il-kumpaniji u
x-xogħlijiet huma mixtieqa sew. Dawn jinkludu bidliet fil-leġiżlazzjoni
tal-ħarsien tal-impjiegi u fil-prattiki tan-negozju relatati
mar-ristrutturazzjoni korporattiva li ma jxekklux ir-riallokazzjoni tar-riżorsi
lejn attivitajiet b'valur miżjud ogħla u attivitajiet li jikbru iktar malajr,
imma wkoll taħriġ xieraq u politiki ta' attivazzjoni li, flimkien ma' sistemi
mfassla ta' benefiċċju tal-qgħad b'mod adatt, jakkumpanjaw lill-ħaddiema qiegħda
lejn impjiegi u professjonijiet differenti. Operazzjonijiet
ta' ristrutturazzjoni huma parti mill-ħajja ta' kuljum tal-kumpaniji,
tal-ħaddiema, tal-awtoritajiet pubbliċi u ta' partijiet interessati oħrajn.
Fis-snin reċenti, l-UE poġġiet ammont sostanzjali ta' enerġija u sforzi biex
tilħaq l-għanijiet politiċi li jiffaċilitaw l-adattament għall-bidla u
r-ristrutturazzjoni. Madankollu, minkejja x-xogħol ta' min ifaħħru tal-imsieħba
soċjali Ewropej f'dan il-qasam wara konsultazzjonijiet preċedenti mal-Kummissjoni,
il-kapaċità ta' adattament tal-kumpaniji, il-ħaddiema u r-reġjuni għandha bżonn
li tissaħħaħ aktar. Ir-rwol
tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-konverżjoni ekonomika u
soċjali Il-kriżi laqtet
setturi industrijali sħaħ u għalhekk reġjuni sħaħ, irrispettivament
mill-fruntieri nazzjonali. Din żiedet mal-inugwaljanzi ġeografiċi persistenti,
kemm bejn ir-reġjuni u kemm fi ħdan ir-reġjuni stess u dan jimmina s-suq uniku. Ristrutturazzjoni
proattiva u dinamika x'aktarx li titħeġġeġ meta l-awtoritajiet pubbliċi
jkollhom rwol ta' appoġġ f'operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni u fil-proċessi
biex jantiċipawhom billi jiffaċilitaw il-koordinament bejn il-partijiet
interessati minn barra u l-kumpaniji. Ir-rwol tar-reġjuni, apparti dak tal-pajjiżi,
fil-promozzjoni ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti huwa ta' importanza assoluta
u l-modi ta' kif jissaħħu għandu jkun analizzat iktar. Is-servizz pubbliku, impjegatur
importanti ieħor Filwaqt li l-fokus ta' din il-Green Paper huwa s-settur industrijali, l-impatt
tal-kriżi fuq is-settur pubbliku jrid jiġi indirizzat ukoll filwaqt li
jingħaraf ir-rwol importanti tas-settur pubbliku kemm bħala impjegatur kif
ukoll bħala fornitur ta' servizz. L-impjiegi fis-settur pubbliku (inklużi l-amministrazzjoni pubblika,
l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ħidma soċjali) ilhom jiżdiedu konsiderevolment meta
mqabbla mas-setturi l-oħra matul l-aħħar tliet snin b'madwar 2 miljun impjieg
iktar. Fil-ħarifa 2010, madankollu, it-tkabbir naqqas fir-ritmu, u fl-ewwel
nofs tal-2011 sar negattiv. L-impatt tat-tnaqqis fl-infiq fis-settur pubbliku
probabbilment jispjega din il-bidla[12].
It-tnaqqis fl-infiq tas-settur pubbliku se jaffettwa l-iktar lin-nisa kemm
bħala impjegati kif ukoll bħala utenti ewlenin tas-servizzi bħal ngħidu aħna
l-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani. Il-produzzjoni tas-settur ta' ħafna servizzi pubbliċi jista' jkun iktar
ta' valur għall-kompetittività tal-ekonomija milli jindikaw l-ispiża u
l-produttività tagħhom (eż minħabba li jwasslu għal bilanċi pożittivi għoljin
għall-konsumatur jew għal titjibiet fil-produttività tal-fattur totali
f'setturi oħra). Dan ikun il-każ għas-setturi tas-servizzi bħas-saħħa,
l-edukazzjoni, il-kura personali għat-tfal u l-anzjani jew tas-servizzi
tat-trasport. L-awtoritajiet pubbliċi huma responsabbli direttament jew indirettament
permezz ta' intrapriżi pubbliċi jew tal-għoti ta' konċessjonijiet għal sehem
imdaqqas tal-impjiegi fis-setturi tas-servizzi. Minbarra r-responsabilità
ġenerali tagħhom għall-ekonomija, huma għandhom jiżguraw il-kundizzjonijiet
għat-trażmissjoni bla xkiel tal-għerf u l-aqwa użu tal-forza tax-xogħol
eżistenti tas-setturi li huma responsabbli minnhom. Fl-istess ħin, il-bżonn li
l-finanzi pubbliċi jkomplu jiġu kkonsolidati naturalment iħalli impatt fuq
l-attivitajiet u l-impjiegi as-settur pubbliku. Ristrutturazzjoni li ttejjeb
l-effiċjenza hija dejjem iktar importanti anke fis-settur pubbliku. Dan
jenfasizza l-importanza ta' strateġiji ta' ristrutturazzjoni fis-settur
pubbliku li jqisu kif xieraq ir-rwol speċifiku tas-servizzi pubbliċi, inkluż
permezz tal-kontribuzzjoni għall-produttività fis-settur privat. Wieħed jista' jistaqsi wkoll kif jistgħu approċċi antiċipattivi u
strateġiċi fit-tul għall-ġestjoni fil-bidla u r-ristrutturazzjoni jkunu
applikati għas-settur pubbliku, fil-qafas tal-miżuri ta' konsolidazzjoni
attwali. Ikun importanti wkoll li jitqies il-bżonn ta' ristrutturazzjoni
tas-servizzi pubbliċi kruċjali bħall-kura tas-saħħa u li tiġi żgurata
s-sotenibilità fit-tul fid-dawl ta' domanda dejjem tiżdied.
2.
It-tagħlimiet mill-kriżi
L-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija
reali inħass sew fl-2009, meta l-PDG niżel għal rata annwali bla preċedent fuq
iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. L-impjiegi felħu sew fl-Ewropa immedjatament wara
r-reċessjoni, l-iktar minħabba l-aġġustament qawwi fis-sigħat maħduma. Sa
mit-tieni nofs tal-2009, madankollu, it-tnaqqis fl-impjiegi nxtered sew u
l-qgħad spara 'l fuq fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, għalkemm
b'differenzi kbar. L-irkupru reġa' beda jaqbad ir-ritmu fl-ewwel nofs tal-2010
imma stabbilizza ruħu fil-parti l-oħra tas-sena, li jirrifletti wkoll tmiem
l-effett ta' fatturi temporanji bħall-miżuri eċezzjonali ta' stimolu. Minkejja
rkupru fil-produzzjoni, it-tkabbir fl-impjiegi ma segwiex qabel tard fl-2010 u
l-qgħad baqa' fil-livelli għolja milħuqa fl-2009[13]. Ix-xejra kumplessiva tal-impjiegi rriflettiet
forom differenti fil-livell settorjali. Filwaqt li inizjalment iż-żieda
fil-qgħad laqtet l-iktar lill-industriji l-iktar esposti għaċ-ċiklu tan-negozju
u li setgħu jserrħu fuq ammont limitat ta' aġġustament fis-sigħat tax-xogħol,
b'mod partikolari il-kostruzzjoni, hemm evidenza li parti minn din iż-żieda
qiegħda ssir endemika. Minkejja l-użu mifrux ta' skemi ta' ħidma għal żmien
qasir, l-impjiegi naqsu wkoll fil-manifattura u baqgħu fit-triq tan-niżla matul
l-irkupru. Dawn ix-xejriet jistgħu jkunu dovuti għall-aġġustament li nbeda
bir-reċessjoni dinjija wara kapaċità eċċessiva f'ċerti setturi u mill-fatt li
t-telf fil-PDG matul ir-reċessjoni qiegħed jirriskja li jsir permanenti. Il-bżonn li l-ħaddiema jiġu riallokati minn
setturi bi produttività baxxa għal setturi bi produttività għolja jista'
jwassal għal perjodi itwal ta' qgħad u rata ta' qgħad strutturali għoli, li
min-naħa tiegħu jkollu effetti negattivi fuq il-kapital uman, u b'hekk
jikkontribwixxi iktar għal qgħad persistenti[14]. Il-veloċità li biha l-qgħad se jmur lura
għal-livelli ta' qabel il-kriżi mhux se tiddependi biss mill-perspettiva
tat-tkabbir u mill-kundizzjonijiet ekonomiċi u ististuzzjonali differenti
fil-bidu, imma se tiddependi wkoll mill-bżonn għal riallokazzjoni settorjali u
mill-kapaċità tal-kumpaniji li jaġġustaw l-ispejjeż tax-xogħol direttament jew
permezz ta' varjazzjoni fis-sigħat maħduma. Din se tiddependi wkoll
mill-preżenza tal-oqfsa politiċi ta' appoġġ, li jinkludu s-sistemi
tal-benefiċċji tal-qgħad u l-politiki ta' attivazzjoni li jipprovdu inċentivi
għan-nies qiegħda biex imorru lura għax-xogħol; oqfsa li jiffissaw il-paga li
jappoġġaw l-aġġustament fil-paga; sistemi fiskali li jinkoraġġixxu l-ħolqien tal-impjiegi;
suq tax-xogħol attiv fil-mira u politiki ta' taħriġ li jiffaċilitaw
it-tranżazzjonijiet fis-suq tax-xogħol u t-treġija lura għax-xogħol għal dawk
li ilhom qiegħda. L-esperjenza
mill-kriżi ekonomika turi li, minkejja sitwazzjonijiet finanzjarji u tas-suq
estremament avversi, il-kumpaniji u l-forzi tax-xogħol tagħhom fl-Ewropa
kollha, fil-parti l-kbira, daħlu fi proċessi ta' ristrutturazzjoni li kienu
kostruttivi, effettivi u strumentali biex jillimitaw it-telf ta' impjiegi
permezz ta' arranġamenti innovattivi. Kif enfasizzat
fir-Rapport tal-2009 mill-Osservatorju għar-Ristrutturazzjoni Ewropea (ERM)
bl-isem "Restructuring in recession"[15], b'reazzjoni għall-kriżi, ħafna kumpaniji
fl-Ewropa kollha ħadu inizjattivi biex jinżammu l-impjiegi — bl-iktar mod
prominenti b'bosta mezzi ta' tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol (ara l-kaxxa).
Dawn jinkludu twaqqif fil-produzzjoni, obbligi ta' teħid ta' liv annwali,
ġimgħat jew jiem tax-xogħol iqsar, użu msaħħaħ ta' kontijiet tal-ħin
tax-xogħol, rotazzjonijiet fil-liv u sabbatikali. F'xi kumpaniji, il-livelli
tal-pagi ġew aġġustati 'l isfel, bi tnaqqisiet temporanji ta' 10-20 % ma
jkunux xi ħaġa rari. Il-parti l-kbira tal-kumpaniji marru għal
kumbinazzjonijiet differenti ta' dawk il-miżuri, u negozjati intensi wasslu
għal firxa wiesgħa ta' kompromessi — pereżempju, pagi iktar baxxi għal ishma
fil-kumpanija. Pakketti ta' indennità, spiss akkumpanjati minn irtirar bikri,
huma komuni wkoll. Iktar minn qatt
qabel, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv kellhom rwol kruċjali
fl-adattament tal-produzzjoni, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet
tax-xogħol għal ċirkostanzi pressanti u li jinbidlu malajr matul il-kriżi. Min-naħa tagħhom,
l-awtoritajiet pubbliċi żiedu l-istrumenti pubbliċi bil-mira li jippromwovu r-riintegrazzjoni
fis-suq tax-xogħol ta' dawk li sfaw qiegħda matul il-kriżi. F'fażi bikrija
tal-kriżi, l-Istati Membri saħħew il-kapaċità ta' reazzjoni tas-servizzi
tal-impjiegi pubbliċi u l-offerta tas-servizzi tagħhom. Madankollu,
iż-żieda fid-dewmien tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wassal lil xi gvernijiet
biex jaqtgħu l-infiq filwaqt li jnaqqsu r-riżorsi tal-amministrazzjoni
pubblika, inklużi s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi (PES)[16]. Xi
Stati Membri waqqfu jew saħħew entitajiet ta' riklassifikazzjoni speċifiċi.
Dawn l-entitajiet normalment ikollhom ħafna partijiet interessati, inklużi
l-istat, l-awtoritajiet reġjonali, l-imsieħba soċjali u atturi lokali oħrajn.
L-effiċjenza tagħhom, li hija r-riżultat ta' speċjalizzazzjoni
fir-riklassifikazzjoni professjonali, flimkien mal-livelli għoljin ta' fiduċja
inerenti f'governanza b'partijiet interessati multipli jagħmilhom għodda ta'
valur biex wieħed jiflaħ għall-effetti tat-tnaqqis ekonomiku. Ġimgħat
tax-xogħol iqsar kienu probabbilment l-iktar reazzjoni innovattiva għall-kriżi,
spiss b'appoġġ pubbliku estensiv għal dawn l-iskemi.
B'mod ġenerali, il-ħaddiema ġew ikkompensati għas-sigħat mitlufa kemm
fil-pajjiżi bi skemi pubbliċi u kemm fil-pajjiżi fejn it-tnaqqis fil-ħin
tax-xogħol kien regolat bi ftehim kollettiv, bl-awtoritajiet pubbliċi
jintervjenu fl-ewwel każ biex iżidu l-kumpens maqbul kollettivament. Sa liema
punt it-taħriġ ikun ipprovdut matul il-ħin liberu li sar disponibbli jvarja
konsiderevolment ukoll bħalma jvarja sa liema punt jinżammu l-kontributi tas-sigurtà
soċjali matul il-perjodu ta' sigħat tax-xogħol imnaqqsin. Waqt ir-reċessjoni
tal-2008-2009, it-tnaqqis fis-sigħat maħduma kienet l-istrateġija ewlenija ta'
ffrankar tal-ispejjeż għall-kumpaniji. Madankollu, it-tnaqqis tas-sigħat
tax-xogħol bħala reazzjoni għall-kriżi mhix dejjem possibbli. Fil-kumpaniji
tnaqqis temporanju fil-ħin tax-xogħol ikun possibbli meta jkunu disponibbli
bilanċi pożittivi fil-kontijiet tal-ħin tax-xogħol. Barra minn hekk, dawn
l-iskemi ta' xogħol għal żmien qasir x'aktarx li jitilfu l-effettività tagħhom
meta tippersisti domanda dgħajfa fix-xogħol. Irtirar tardiv ta' dawn l-iskemi
jistgħu jġibu magħhom spejjeż sostanzjali minħabba li jorbot ix-xogħol ma'
attivitajiet f'deklin u b'hekk jipprevjeni r-riallokazzjoni neċessarja
tar-riżorsi, jagħmel ħsara lill-prospetti ta' tkabbir futuri u jxekkel
il-kompetizzjoni. Finalment, id-disponibilità ta' skemi sponsorizzati
mill-gvern jiddependu mis-sitwazzjoni fiskali tagħhom li marret lura f'bosta
pajjiżi. Meta dawn
il-mekkaniżmi jiġu analizzati, huwa importanti li jitqies il-fatt li
l-effiċjenza u l-impatt tagħhom, kemm min-naħa ekonomika u kemm min-naħa
soċjali, varjaw konsiderevolment f'kuntesti nazzjonali u settorjali diversi.
Kwalunkwe konklużjonijiet dwar l-adegwatezza u/jew it-trasferibilità tagħhom
lejn kuntesti oħra għandhom għalhekk jinkludu analiżi tal-fatturi ta' suċċess. Tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u skemi ta' ħidma għal żmien qasir — xi evidenza L-analiżi tal-bidliet fl-impjiegi u fil-ħinijiet tax-xogħol b'reazzjoni għat-tnaqqis fil-produzzjoni turi li l-aġġustament tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri varja sostanzjalment matul l-agħar żmien tal-kriżi. Filwaqt li f'xi pajjiżi t-telf tal-impjiegi kien immedjat, f'oħrajn l-impjegaturi, f'xi każijiet appoġġati mill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta' skemi ta' xogħol għal żmien qasir, l-ewwel naqqsu is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom minflok ma keċċewhom. It-tabella ta' hawn taħt turi li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol intuża l-aktar fl-UE fl-ewwel kwart tal-2009, meta l-produzzjoni tal-manifattura kienet fil-punt ċikliku l-iktar baxx tagħha. Wara l-irkupru tal-produzzjoni, is-sigħat medji maħduma żdiedu wkoll li jindika kemm l-irtirar tax-xogħol għal żmien qasir u kemm f'xi każijiet aġġustamenti fil-forza tax-xogħol. Tabella: It-tkabbir kull kwart ta' sena fl-impjiegi u s-sigħat medji maħduma fis-settur tal-manifattura fl-UE (aġġustat staġjonalment) Sors: Eurostat. Meta tħares lejn l-iżviluppi fl-Istati Membri, it-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol intuża sew f'bosta pajjiżi fl-ewwel kwart tal-2009. B'mod partikolari, it-tnaqqisiet fil-ħinijiet tax-xogħol kienu sostanzjali fil-Ġermanja, fil-Belġju u fl-Awstrija li rnexxielhom iżommu l-impjiegi f'livell simili għas-sena ta' qabel. Tabella: Bidla fil-livell tal-impjiegi u fl-għadd medju ta' sigħat tax-xogħol fil-manifattura fi Q12009 meta mqabbel ma' Q12008 (aġġustat staġjonalment) Sors: Eurostat (dejta għall-Italja mhix disponibbli) Jidher li hemm xi indikazzjoni li skemi ta' xogħol għal żmien qasir inaqqsu r-rata ta' telf tal-impjiegi u ż-żieda assoċjata mal-qgħad f'dawn l-ekonomiji. Barra minn hekk, dawn l-iskemi huma ta' benefiċċju għan-negozji, li b'hekk ikunu jistgħu jżommu ħaddiema b'ħiliet kbar jew imħarrġa apposta għal matul perjodu ta' tnaqqis ekonomiku. Analiżi tal-Kummissjoni[17] indikat li dawn l-iskemi kienu effettivi fit-tnaqqis tal-impatt tal-kriżi ekonomika fuq it-telf tal-impjiegi u enfasizzat li l-irtirar f'waqtu ta' dawn il-miżuri kien neċessarju wara l-kriżi ekonomika. L-istudju jenfasizza r-riskju li l-użu fit-tul ta' xogħol għal żmien qasir jappoġġa d-domanda fis-setturi f'deklin u possibbilment jipposponi r-ristrutturazzjoni tagħhom, speċjalment meta l-ispejjeż tar-riallokazzjoni tax-xogħol ikunu baxxi u l-inċentivi għar-ristrutturazzjoni jkunu għoljin. Bil-posponiment tar-riallokazzjoni, skemi ta' xogħol għal żmien qasir iżommu lura l-produttività u l-kisbiet konsegwenti fil-pagi. Biex ikunu l-iktar effettivi, dawn l-iskemi għandhom ikunu marbuta ma' sistema ta' benefiċċji effiċjenti tal-qgħad li tippromwovi r-riallokazzjoni tax-xogħol. Din l-analiżi hija appoġġata minn studju reċenti tal-OECD[18] li jissuġġerixxi li l-iskemi ta' xogħol għal żmien qasir kellhom impatt ekonomikament importanti għall-preservazzjoni tal-impjiegi matul it-tnaqqis ekonomiku, bl-ikbar impatti fil-Ġermanja u l-Ġappun fuq il-ħaddiema b'kuntratti permanenti. Skemi bħal dawn kienu ta' suċċess kbir biex jinżammu l-impjiegi f'dawn l-ekonomiji. B'konformità
mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew, l-Istati
Membri introduċew pakketti komprensivi ta' kontra l-kriżi biex jilqgħu
l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq id-domanda aggregata u jipprevjenu t-telf
eċċessiv tax-xogħol b'reazzjoni għall-kontrattazzjoni temporanja
tal-produzzjoni. Barra l-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir, il-kopertura u
l-ġenerożità tal-benefiċċji tal-qgħad żdiedet f'bosta Stati Membri. Miżuri għal
żmien qasir jinkludu wkoll appoġġ dirett lill-intrapriżi, bħal self jew
garanziji biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi; tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet
tas-sigurtà soċjali; skemi ta' ħolqien tal-impjiegi fis-settur pubbliku;
politiki attivi tas-suq tax-xogħol imsaħħa u dispożizzjonijiet għal taħriġ
normalment bil-ħaddiema qiegħda fil-mira. Sa mill-2010, l-irkupru tal-bidu flimkien ma'
iktar restrizzjonijiet fiskali vinkolanti wasslu għal reviżjoni
tal-prijoritajiet politiċi. Ir-riformi se jkollhom ikunu xierqa f'kuntest fejn
it-tkabbir qiegħed ikompli gradwalment imma x-xogħol għadu mhux jagħti
l-kontribut sħiħ tiegħu għall-potenzjal tat-tkabbir minħabba qgħad għoli u
persistenti. Il-fokus irid ikun fuq is-sistemi tat-taxxa u l-benefiċċji li
jiżguraw li bix-xogħol ikun jaqbillek iktar; politiki ta' attivazzjoni li
jirrikompensaw lin-nies qiegħda li jmorru lura għax-xogħol; sistemi ta'
protezzjoni tal-impjiegi li jsibu bilanċ bejn is-sigurtà u l-flessibilità;
żviluppi fil-pagi konsistenti mal-bżonnijiet ta' ribilanċjament u aġġustament
tal-ekonomija. Ħafna mill-miżuri ta' emerġenza tas-suq tax-xogħol meħuda sa
mill-bidu nett tal-kriżi finanzjarja tneħħew b'mod gradwali. Politiki attivi
tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ issaħħu, filwaqt li xi pajjiżi bdew jirriformaw
il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi biex irawmu l-ħolqien tax-xogħol
u jiġġieldu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Il-miżuri u l-prattiki politiċi msemmija hawn fuq
b'relazzjoni għar-ristrutturazzjoni, b'referenza speċjali għall-iskemi ta'
xogħol għal żmien qasir waqt il-kriżi huma xierqa? F'liema kuntesti speċifiċi?
Huma kapaċi jifilħu għal domanda persistentement dgħajfa? Finalment, x'jistgħu
jagħmlu l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali biex jiskambjaw,
ixerrdu u jħeġġu l-applikazzjoni usa' tal-aqwa prattiki f'dan il-qasam?
3.
L-isfidi tal-kompetittività: L-importanza tat-trawwim
tal-aġġustament ekonomiku u industrijali
Modi differenti għall-kumpaniji biex
jaġġustaw ruħhom L-aġġustament huwa parti mill-proċess
kompetittiv għall-intrapriżi. Dan huwa mezz biex il-kumpaniji jtejbu
l-produttività tagħhom. Il-bżonn għal aġġustament kostanti jirriżulta
mit-tibdil teknoloġiku, l-innovazzjoni, kompetizzjoni iktar qalila u
l-emerġenza ta' kompetitturi ġodda, bidliet fil-preferenzi tal-konsumatur,
bidliet fil-leġiżlazzjoni, id-disponibilità u l-prezz tar-riżorsi u kontributi
oħrajn, l-aċċess għas-suq, eċċ[19]. Il-pressjoni għall-bidla li tista' ssir matul żminijiet normali
titqawwa matul perjodi estiżi ta' attività ekonomika dgħajfa. Il-kumpaniji li
ma jirnexxilhomx jaġġustaw għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu ma jlaħħqux
mal-kompetitturi fi żmien twil. L-aġġustament tista' għalhekk tarah
fil-kuntest ta' proċess ta' riallokazzjoni tar-riżorsi, fejn l-istrutturi
produttivi eżistenti jkunu fil-mira u possibbilment jinbidlu bi strutturi u
kumpaniji iktar effiċjenti u kompetittivi. B'bażi industrijali dejjem b'iktar
ħiliet u dejjem iktar intensiva fil-kapital u t-teknoloġija, l-industrija
tal-UE se ssir terġa' iktar integrata fil-ktajjen tal-valur internazzjonali
hekk kif is-sorsi globali jsiru iktar kumplessi u sabiex isservi lis-swieq
tat-tkabbir globali. Dan l-aġġustament jista' jieħu l-forma ta'
bidliet fl-attivitajiet tal-kumpanija, eż. kamp ta' applikazzjoni usa' jew
idjeq, bidla fil-pożizzjoni tagħha fil-katina tal-valur, tinqasam biex toħloq
impriżi ġodda u intraprenditorjat intern, użu ġdid tal-assi, konsolidazzjoni
tal-bilanċi, titjib fil-ħiliet u t-taħriġ, u/jew bdil organizzattiv
fil-ġestjoni tal-kumpanija. F'termini konkreti, qed jitfaċċaw mudelli ta'
negozju ġodda li jqarrbu l-manifattura iktar mas-servizzi. L-iżvilupp ta'
soluzzjonijiet innovattivi bħal metodi ta' produzzjoni iktar effiċjenti
fir-riżorsi jew teknoloġiji ġodda bħal materjali avvanzati u n-nanoteknoloġija
jista' jkollhom implikazzjonijiet għal deċiżjonijiet ta' esternalizzazzjoni,
eċċ. Dawn huma wħud mill-attivitajiet li jkunu parti mid-dinamiċi ta' kuljum tan-negozju
biex intrapriża tibqa' kompetittiva. Kundizzjonijiet qafas meħtieġa għal
aġġustament effiċjenti Il-kumpaniji u s-setturi nnifishom normalment
ikunu jafu aktar dwar il-bżonnijiet tagħhom ta' ristrutturazzjoni. Biex
jinkiseb aġġustament effiċjenti, il-kumpaniji għandhom bżonn joperaw f'ambjent
fejn il-kundizzjonijiet qafas xierqa jippermettu dan l-aġġustament. Kwalunkwe
ostakli għal dan l-aġġustament ixekklu l-kompetittività u l-impjiegi fit-tul. Is-Suq uniku jrid jgħin jistabbilixxi
l-kundizzjonijiet qafas u joħloq l-opportunitajiet fl-Ewropa kollha.
Il-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-mobilità huwa aspett importanti. Oqsma
importanti oħra għall-intrapriżi u għas-soċjetà b'mod ġenerali, jinkludu
l-funzjonament tas-swieq kapitali (l-aċċess għall-finanzi), il-grad
tal-kompetizzjoni għas-swieq tal-prodotti, l-effiċjenza tas-sistemi tar-riċerka
u l-iżvilupp, l-ambjent intraprenditorjali, il-mekkaniżmi għat-trasferiment
tal-għerf u l-użu tat-teknoloġija, sistema edukattiva u taħriġ effettivi u
sfidi usa' tas-soċjetà. Dawn mhumiex biss aspetti regolatorji. L-Att dwar
is-Suq Uniku u l-inizjattiva Ewlenija dwar l-Unjoni fl-Innovazzjoni huma
ggerjati lejn it-tneħħija sistematika ta' dawn l-ostakli billi jippermettu
lill-intrapriżi biex joħorġu b'ideat tajbin iktar malajr għas-suq,
l-aġġustament u t-tkabbir. SMEs innovattivi ħafna u għenieqed ta' innovazzjoni
qed isiru l-kanal ewlieni għall-proċess ta' innovazzjoni u produzzjoni. Dan
jissarraf fi bżonn dejjem jiżdied għal politika għall-għenieqed u speċjalizzazzjoni
intelliġenti, għal provvista ta' ħiliet kif ukoll għal għerf fokalizzat
tas-swieq futuri u teknoloġiji ewlenin rilevanti. Ristrutturazzjoni Ir-ristrutturazzjoni tista' tikkonċerna
kumpanija waħda, tkun relatata mal-iżvilupp tan-negozju li jkollha għaddej jew
tkun marbuta ma' nuqqas ta' investimenti preċedenti. Hija tista' tinvolvi wkoll
settur sħiħ jew xi oqsma ta' dan is-settur. Barra minn hekk, hemm differenzi
ċari bejn is-setturi, b'xi wħud ikunu iktar affettwati minn oħrajn
mill-pressjoni msemmija fuq. Pereżempju, industriji bħat-tagħmir, il-kimiċi,
il-vetturi bil-mutur jew il-makkinarji elettriċii jista' jingħad li huma
milquta sew mill-kompetizzjoni globali u l-iżvilupp teknoloġiku. Dan għandu
implikazzjonijiet għall-bżonn tagħhom ta’ ristrutturazzjoni effiċjenti. Eżempju reċenti ta' kif kumpaniji u setturi
qed jittrattaw ir-ristrutturazzjoni f'ambjent ekonomiku u soċjali huwa dak
tal-industrija awtomobilistika fir-Rapport Interim tal-Grupp ta' Livell Għoli
CARS 21 adottat fit-2 ta' Diċembru 2011 (ara d-Dokument ta'
Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah "Ristrutturazzjoni fl-Ewropa 2011"[20]). Xi operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni (eż.
l-għeluq ta' partijiet mill-ktajjen tal-provvista, tkeċċijiet temporanji ta' xi
impjegati) se jħallu konsegwenzi negattivi għall-ekonomija ta' madwarhom. Dan
ifisser li hemm rwol għal min ifassal il-politika, imma tweġiba politika
effiċjenti ma għandhiex tittardja jew timblokka ristruttarazzjoni meħtieġa li
ssaħħaħ l-effiċjenza. Minflok huwa għandu jiffoka fuq miżuri politiċi li
jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tar-riżorsi lejn intrapriżi/setturi differenti. B'mod partikolari, l-aċċess għall-finanzi huwa
ta' importanza vitali għall-attivitajiet ekonomiċi, peress li aġġustamenti
neċessarji li jinvolvu l-investiment jistgħu jiġu posposti jew imwaqqfa permezz
ta' aċċess limitat għal fondi esterni. Aċċess għall-finanzi bħal dan ikun
influwenzat mhux biss mis-swieq kapitali jew mill-appoġġ finanzjarju pubbliku,
imma wkoll minn fatturi regolatorji oħrajn bħar-regoli tat-tassazzjoni
korporattiva jew tal-falliment. Proċeduri ta' falliment twal u mimlija piżijiet
jistgħu effettivament jipprevjenu lil intraprendituri onesti milli jidħlu lura
għan-negozju u li kieku b'hekk isalvaw impjiegi eżistenti filwaqt li joħolqu
impjiegi ġodda, minkejja evidenza sostanzjali li dawn in-negozji
"tat-tieni ċans" jikbru iktar malajr u jkunu iktar reżiljenti minn
negozji li jkunu għadhom jibdew b'mod tradizzjonali[21].
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aħseb
l-Ewwel fiż-Żgħir, Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa" tal-2008[22] u l-Komunikazzjoni li ssegwiha "Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji
ż-Żgħar għall-Ewropa" tal-2011[23] jitolbu lill-Istati Membri biex jieħdu żewġ azzjonijiet speċifiċi biex
jittrattaw din il-kwistjoni. B'mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-2008
talbet lill-Istati Membri biex "ikollhom l-għan li, fil-każ ta’ falliment
mhux frawdolenti, ilestu l-proċeduri legali kollha biex jagħlqu n-negozju fi
żmien sena" u l-Komunikazzjoni tal-2011 talbet lill-Istati Membri biex
"jippromwovu l-idea tat-tieni ċans għall-intraprendituri billi jillimitaw
iż-żmien tat-twettiq u tal-ħlas tad-djun għal intraprenditur onest wara li
jfalli għal massimu ta' tliet snin, sal-2013" Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat[24] għandhom
rwol f'xi każijiet ta' ristrutturazzjoni. Dan it-tip ta' għajnuna tista'
tingħata għal kumpaniji li jitqiesu vijabbli imma b'diffikultà u jispiċċaw
falluti mingħajr appoġġ pubbliku peress li l-ebda entitajiet privati ma jkunu
disposti jipprovulhom il-kapital. Għalhekk, din l-għajnuna tirrelata biss għal
sitwazzjonijiet estremi fejn il-kumpaniji jista' jkun li ma jirreaġixxux
fil-ħin għal ambjent li jkun qed jinbidel. Il-Kummissjoni tixtieq tisma' l-fehmiet
tal-partijiet interessati rigward il-mistoqsijiet li ġejjin: - X'tipi ta' kundizzjonijiet qafas huma l-aktar
xierqa sabiex ikun jista' jsir aġġustament industrijali b'suċċess? - X'miżuri eżistenti dwar l-aċċess għall-finanzi
biex jakkumpanjaw aġġustament strutturali jikkostitwixxu prassi tajba? - X'miżuri ulterjuri hemm bżonn li jittieħdu biex
jittejbu l-proċedimenti tal-falliment?
4.
L-isfida ta' adattabilità tan-negozji u l-impjegabilità tal-ħaddiema
— Kumpaniji fix-xena prinċipali tal-proċess tar-ristrutturazzjoni
L-UE rnexxielha tissalvagwardja l-bażi
produttiva tal-ekonomija tagħha għal tul l-agħar snin tat-tnaqqis ekonomiku.
Madankollu, bil-kundizzjonijiet makroekonomiċi inċerti ta' bħalissa,
il-kapaċità tal-industrija Ewropea li tibqa' kompetittiva u tħares l-impjiegi
tagħha se tiddependi iktar u iktar mill-kapaċità tagħha ta' innovazzjoni
kif ukoll mill-adattament malajr u bla xkiel għall-bdil. Dan il-bdil
huwa dovut għall-progress teknoloġiku, xejriet kummerċjali li jinbidlu,
il-qafas regolatorju dejjem jevolvi, il-bdil fil-mudelli tan-negozju u l-imġiba
tal-konsumaturi. L-UE, permezz tal-azzjonijiet tagħha f'oqsma politiċi
differenti, hemm bżonn li tappoġġja s-settur tan-negozju tagħha f'dan
ir-rigward. L-iskala tar-ristrutturazzjoni ekonomika u l-bidla soċjali li ġejja
mill-addattament profond meħtieġ mill-isfidi ambjentali, ekonomiċi, teknoloġiċi,
tas-suq u tas-soċjetà, u aċċellerati bir-reċessjoni l-kbira, huma immensi.
Min-naħa tal-impjiegi, dan se jinvolvi kemm il-ħolqien tal-impjiegi u kif
ukoll it-telf tal-impjiegi u fuq kollox it-trasformazzjoni tal-impjiegi (f'termini
ta' kompiti ġodda, profili ta' ħiliet ġodda u arranġamenti ġodda tax-xogħol).
Filwaqt li forza tax-xogħol ikkwalifikata hija waħda mill-fatturi ta'
kompetittività ewlenin tal-industrija Ewropea, din ma tistax tiġi skontata
u sosteniment għal dan il-fattur jitlob approċċ proattiv. L-adattament bla xkiel għall-bidla b’mod ċar
jitlob bżonniijiet għal ħiliet u investiment adegwat fil-kapital uman. Sabiex
jiġi sostnut tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv huwa essenzjali li jiġi
żgurat li l-kumpaniji jkollhom forza tax-xogħol b'ħiliet adatti sabiex jiġu
evitati n-nuqqasijiet ta' ħiliet u li jkollok ħiliet li ma jaqblux ma' dawk
meħtieġa. L-antiċipazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħiliet futuri (pereżempju,
il-bżonn ta' ħiliet ekoloġiċi u ħiliet f'oqsma bħas-saħħa u l-kura soċjali) u
l-adattament konsegwenti tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kurrikuli u
l-kwalifiki f'kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali, l-iżvilupp ta' apprendistat
ta' taħriġ mill-ġdid ta' kwalità fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja
tal-ħaddiema li huma diġà attivi fis-settur huwa kruċjali wkoll biex il-qgħad
jinżamm baxx. Fil-każ ta' nuqqasijiet ta' ħilieti, il-kumpaniji għandhom ikunu
lesti jfittxu barra l-pajjiż għat-talent. Għal dan l-għan, l-investiment fil-ħiliet tal-ICT u
fl-alfabetizzazzjoni diġitali huwa imperattiv.
L-impjiegi qed jiġu ġġenerati fil-produzzjoni ta'
semikondutturi ġodda effiċjenti fl-enerġija, fil-forniment ta' servizzi
tal-cloud computing, fis-sigurtà ċibernetika u fil-forniment ta'
applikazzjonijiet tal-virtwalizzazzjoni. Minħabba f'hekk, se jkun hemm talba
qawwija għal nies bil-ħiliet meħtieġa f'dawn is-setturi, u inizjattivi
speċifiċi għall-eSkills għandhom ikunu inkoraġġiti. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja u
l-aċċellerazzjoni konkomitanti tal-bdil, bil-bżonnijiet li jsegwu minnha
għar-ristrutturazzjoni f'ċerti setturi u għar-riallokazzjoni settorjali
tax-xogħol, għamluha iktar importanti minn qatt qabel għall-Ewropa li
tindirizza d-dgħufijiet eżistenti fir-rigward tal-adattabilità tan-negozji u
l-impjegabilità tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni trid tinkoraġġixxi
adattament tan-negozju permanenti għal ċirkustanzi ekonomiċi li qed jinbidlu
malajr filwaqt li jkun hemm l-għan ta' grad għoli ta' impjiegi u ħarsien
soċjali permezz ta' miżuri xierqa ta' appoġġ. Miżuri li jappoġġaw ir-riallokazzjoni
tar-riżorsi fost il-kumpanijiet u s-setturi huma meħtieġa sew kif ukoll miżuri
ta' kapitalizzazzjoni fuq dawk b'ħiliet għoljin imma iktar iktar fuq
iż-żgħażagħ qiegħda. Antiċipazzjoni u ġestjoni
aħjar tar-ristrutturazzjoni għandu jgħin lill-impjegati u lill-kumpaniji
biex jadattaw għat-tranżizzjonijiet imposti minn kapaċitajiet eċċessivi u
mill-modernizzazzjoni u minn aġġustament strutturali. Ir-rappreżentanti tal-maniġment u
tal-impjegati huma l-atturi ewlenin li jridu jiddiskutu strateġiji ta'
ristrutturazzjoni li jħarsu 'l quddiem fil-livell tal-kumpanija. Miżuri politiċi jakkumpanjaw ristrutturazzjoni bħal din biex
tiġi evitata t-tbatija soċjali u jiġu promossi ħiliet u imjiegi ġodda billi
tiġi ffaċilitata l-konverżjoni ekonomika u t-tranżizzjoni professjonali. Sabiex
tiġi ffaċilitata r-riallokazzjoni tal-fatturi meta jkun meħtieġ, il-politiki
għandu jkollhom il-mira li jipprevjenu lir-riġiditajiet fis-suq tax-xogħol u
l-istruttura tal-ħiliet tagħha milli jkunu ta' xkiel għall-aġġustament u t-tkabbir
ekonomiku. Fl-istess ħin, l-effetti soċjali u tas-saħħa
tal-insikurezza fl-impjiegi, l-adattament, it-telf tal-impjiegi, u l-qgħad
fit-tul hemm bżonn li jiġu indirizzati b'approċċi effettivi li jippermettu li
l-impjegati jadattaw tuħhom għall-bdil fil-postijiet tax-xogħol, jirriintegraw
malajr fis-swieq tax-xogħol u jimmitigaw l-effetti fuq is-saħħa
tat-tranżizzjonijiet. Prattiki emerġenti fil-livell tal-kumpanija u tas-settur
jistgħu jiġu nnotati f'dan il-qasam, anke matul żminijiet ta' kriżi. L-amplifikazzjoni tal-fatturi li jwasslu
għall-bidla qed ikollha effett profond fuq il-mod ta' kif l-imsieħba soċjali u
l-awtoritajiet pubbliċi jindirizzaw din il-kwistjoni. F'diversi Stati Membri,
fis-snin reċenti kien hemm tendenza ċara li titbiegħed minn strateġija
purament korrettiva lejn azzjoni preventiva, jiġifieri bidla għal strateġija
iktar proattiva li tgħin biex timminimizza l-impatti soċjali marbuta
mal-proċess ta' ristrutturazzjoni. Strateġiji preventivi jintegraw
ir-riskji inerenti fir-ristrutturazzjoni, sabiex ir-riżultat ikun jista' jkun
kemm mobilità professjonali pożittiva tal-ħaddiema affettwati u kemm żieda
tal-kompetittività tal-kumpaniji. Osservazzjoni dwar il-proċessi ta'
ristrutturazzjoni fl-Ewropa tissuġġerixxi, madankollu, li prattiki f'dan
il-qasam xi kultant ikunu reattivi iktar mill-antiċipattivi u proattivi; dawn
jistgħu jiġru meta jkun tard wisq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u
jistgħu ma jinvolvux entitajiet esterni kmieni biżżejjed biex jieħdu sehem
fl-attenwament tal-impatt soċjali tar-ristrutturazzjoni. Attitudnijiet passivi u reżistenza
għall-bidla għandhom prezz ekonomiku għali u jheddu l-investiment u t-tkabbir
fl-impjiegi. Għalhekk huwa importanti li jinħolqu
l-kundizzjonijiet ta' fiduċja li jippermettu li l-oqsma kollha tas-soċjetà
(il-kumpaniji, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, l-awtoritajiet pubbliċi
eċċ.) jiffaċċjaw il-ġejjieni b'mod dinamiku. L-approċċ antiċipattiv huwa fattibbli fir-rigward
tal-ġestjoni tal-bdil u r-ristrutturazzjoni? Kif jistgħu l-orjentazzjonijiet u linji gwida
eżistenti dwar ir-ristrutturazzjoni jittejbu fid-dawl tat-tagħlimiet mill-kriżi
u l-isfidi ekonomiċi u soċjali l-ġodda? Kif jistgħu t-tagħlimiet mill-kriżi
jixxerrdu u jiġu implimentati?
5.
Il-ħolqien ta' sinerġija fil-proċess tal-bdil industrijali
Il-Kummissjoni tixtieq tisma' l-fehmiet
tal-partijiet interessati kollha dwar il-prassi tajba u s-sinerġija possibbli
fl-oqsma ta': (a) l-antiċipazzjoni tal-proċessi tar-ristrutturazzjoni; (b)
il-preparazzjoni għall-proċessi tar-ristrutturazzjoni u l-ġestjoni tagħhom; (c)
il-valutazzjoni u r-rappurtar; (d) ir-rwol tad-djalogu soċjali; u (e)
ir-reviżjoni tal-protezzjoni passiva, kif spjegat hawn taħt. (a)
Antiċipazzjoni tal-proċessi ta' ristrutturazzjoni Ippjanar strateġiku fit-tul Antiċipazzjoni tal-bidla tirnexxi iktar jekk
tkun integrata b'mod effettiv fl-istrateġiji għat-tul tal-kumpaniji u
tar-reġjuni biex jiżguraw u jsaħħu s-sostenibilità u l-kompetittività fit-tul
tagħhom, u jekk titrawwem kultura orjentata lejn l-innovazzjoni. Barra minn hekk,
bl-antiċipazzjoni tal-bidla fl-ippjanar strateġiku fit-tul tagħhom,
il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jaħtfu opportunitajiet li jfiġġu
u jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi. Eżempju pożittiv f'dan ir-rigward huwa
l-iżvilupp ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u effiċjenti
fir-riżorsi, li huwa ppruvat li huwa sors ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi
f'reġjuni differenti madwar l-UE. Ippjanar strateġiku korporattiv fit-tul
jinkludi għanijiet għar-riżorsi umani, l-impjiegi u l-ħiliet għall-iżvilupp
kontinwu tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol. Dan jista' jżid
il-produttività u għalhekk il-kompetittività u l-profittabilità tal-kumpanija,
u l-kapaċità li din tadatta ruħha u tkun innovattiva. Hija tista' wkoll tgħin
biex tiżdied l-impjegabilità tal-impjegati u tħeġġeġ il-mobilità tagħhom ġo u
barra mill-kumpanija. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jista'
jkollhom ukoll rwol importanti fit-titjib tal-kompetittività iktar fit-tul
tar-reġjuni tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' strateġiji ta'
speċjalizzazzjoni intelliġenti. X'jista' jsir biex jiġu mħeġġa approċċi strateġiċi innovattivi u
fit-tul għall-ġestjoni tal-bdil, inklużi kwistjonijiet ta' impjiegi u ħiliet?
Kif tista' tittejjeb is-sinerġija bejn il-kumpaniji, l-awtoritajiet lokali u
l-atturi lokali l-oħra? Kif għandhom jitqassmu ir-responsabilitajiet u r-rwoli speċifiċi f'dan
il-qasam fost il-kumpaniji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi? Antiċipazzjoni bikrija tal-impjiegi u
l-ħiliet meħtieġa Xi kumpaniji jiżviluppaw mekkaniżmi,
b'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-impjegati u/jew ma' fornituri ta'
edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, għal ippjanar bil-quddiem għall-impjiegi u
l-ħiliet. Servizzi tal-impjiegi pubbliċi u għaqdiet settorjali għandhom rwol
importanti wkoll fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li jridu jibdlu xogħolhom
jew is-settur tagħhom, b'hekk jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tax-xogħol bejn
il-kumpaniji u s-setturi. L-identifikazzjoni tat-tip it-tajjeb ta'
taħriġ u ħiliet meħtieġa, u fejn jistgħu jinstabu fil-futur, inkluż bi
preparazzjoni għal bidla demografika, teħtieġ il-kooperazzjoni sħiħa
tal-imsieħba involuti kollha. Il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-iskejjel
vokazzjonali kellha suċċess kbir f'dan il-qasam meta din kienet strutturata u
inkwadrata sew. L-inizjattivi lokali jista' jkollhom rwol importanti wkoll bħal
sħubijiet fil-ħiliet mal-awtoritajiet reġjonali u lokali b'kooperazzjoni
mill-qrib ma' entitajiet barranin, inklużi universitajiet u fornituri oħra ta'
edukazzjoni u taħriġ, istituti teknoloġiċi, ċentri ta' innovazzjoni u aġenziji
tal-iżvilupp kif ukoll fornituri tal-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali.
Il-kumpaniji jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal osservatorji tal-impjiegi u
l-ħiliet, u jieħdu sehem f'inizjattivi rilevanti fir-reġjun u/jew settur
ikkonċernat. Kif jistgħu prattiki effettivi għall-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet
tal-impjiegi u l-ħiliet fi ħdan il-kumpaniji jkunu inkoraġġiti ulterjorment?
Kif jista' t-taħriġ jiġi żvilupat bħala fattur permanenti tal-ġestjoni
tar-riżorsi umani? Kif tista' s-sinerġija bejn l-azzjoni meħuda mill-kumpaniji u
mis-settur pubbliku jiġu promossi biex jiffaċilitaw il-politiki xierqa
tal-impjiegi u l-ħiliet? (b)
Preparazzjoni u ġestjoni tal-proċessi ta'
ristrutturazzjoni Preparazzjoni bikrija Iż-żmien huwa kruċjali fl-isforzi għal
ġestjoni sew tar-ristrutturazzjoni. Kemm jista' jkun, l-operazzjonijiet ta'
ristrutturazzjoni għandhom ikunu preċeduti minn preparazzjoni xierqa li tkun
tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha sabiex tipprevjeni jew
tilqa' għall-impatt ekonomiku, soċjali u reġjonali. Fil-livell settorjali,
l-azzjonijiet mal-industrija kollha li ttieħdu fl-industriji tad-difiża,
tal-parts tal-karozzi u tal-industrijiet tat-telekomunikazzjoni huma eżempji
tajbin. Din il-preparazzjoni għandha idealment isseħħ
kemm jista' jkun malajr malli l-bżonn ta' ristrutturazzjoni tkun rikonoxxuta,
wara li jitqiesu l-metodi u l-proċeduri negozjati fil-livell tas-settur,
tar-reġjun jew tal-kumpanija kkonċernata, jekk ikun hemm. Bidu kmieni jagħmilha
eħfef biex jiġu adottati miżuri għall-minimizzazzjoni tal-impatt ekonomiku,
soċjali u reġjonali tal-operazzjoni. Kif jistgħu l-kumpaniji u l-forzi tax-xogħol tagħhom jitħeġġu jibdew
preparazzjoni bikrija u adegwata għall-proċessi ta' ristrutturazzjoni li
jiffavorixxu l-aċċettazzjoni tal-bidla? Xi prattiki tajba jeżistu f'dan
il-qasam? Ħolqien ta' fiduċja reċiproka u
dijanjożi kondiviżi Huwa importanti li tinħoloq fiduċja reċiproka
u li jkun hemm dijanjożi kondiviża permezz ta' komunikazzjoni kontinwa u ta'
kwalità għolha bejn il-partijiet interessati rilevanti. Ir-rekwiżiti u l-miri
strateġiċi fit-tul tal-kumpaniji jew ir-restrizzjonijiet għal żmien qasir
għandhom ikunu spjegati sal-punt possibbli, flimkien ma' miżuri maħsuba u
alternattivi possibbli oħrajn fid-dawl tal-interessi kollha kkonċernati. Responsabilità soċjali korporattiva u approċċ
trasparenti jista' jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha, speċjalment
ir-rappreżentanti tal-impjegati, biex jikkooperaw fit-tiftix għal soluzzjonijiet
li jissodisfaw l-interessi taż-żewġ naħat mingħajr ma joħolqu dewmien u
inċertizzi żejda. Kemm jista' jkollhom rwol il-fiduċja reċiproka u d-dijanjożi kondiviża
f'ġestjoni tajba tar-ristrutturazzjoni? Kif jista' dan jiġi promoss fi ħdan
il-kumpaniji u f'kuntesti usa’? Minimizzazzjoni tal-impatt
soċjali Filwaqt li jaraw li jippreservaw
il-kompetittività tagħhom u l-prosperità fit-tul, il-kumpaniji ffaċċjati
bil-bżonn ta' ristrutturazzjoni normalment jaħsbu fit-tkeċċijiet biss wara li
jqisu l-alternattivi possibbli l-oħra kollha. Il-kumpaniji spiss jippruvaw
ukoll jidentifikaw u jimplimentaw miżuri xierqa ta' appoġġ. Ir-rappreżentanti
tal-impjegati għandhom ikunu lesti jinnegozjaw soluzzjonijiet flessibbli bħala
alternattivi għall-qgħad. Kif uriet il-kriżi ekonomika, il-flessibilità
hija inerenti fis-sistema eżistenti. Ħafna kumpaniji fl-Ewropa kollha ħadu
inizjattivi temporanji biex iżommu l-impjiegi, inkluż permezz ta' tnaqqis
fis-sigħat tax-xogħol, waqfien fil-produzzjoni, obbligi ta' teħid ta' liv
annwali, ġimgħat jew jiem tax-xogħol iqsar, użu msaħħaħ ta' kontijiet tal-ħin
tax-xogħol, rotazzjonijiet fil-liv u sabbatikali. Meta t-tkeċċijiet ma jkunux jistgħu jiġu
evitati, jew bħala parti minn pakkett ta' alternattivi, il-kumpaniji,
l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati rilevanti inklużi l-fornituri
tas-saħħa u s-sigurtà soċjali jistgħu jitħeġġu jaħdmu flimkien biex jagħmlu
arranġamenti għall-impjegati kkonċernati biex itejbu l-impjegabilità tagħhom u
jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr kemm jista' jkun. Ristrutturazzjoni ġestita ħażin tista' tħalli
impatt sinifikantement ħażin fit-tul fuq ir-riżorsi umani tal-kumpaniji, kif
jidher mill-konsegwenzi umani u psikoloġiċi tagħha, u b'hekk iddgħajjef
ir-riżors ewlieni għall-kompetittività. Il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali minn
xi setturi li jkunu għaddejjin minn bidla partikolarment qawwija qablu dwar
il-linji gwida għall-ġestjoni tal-kwistjonijiet tas-saħħa mentali fil-postijiet
tax-xogħol, u huma dejjem iktar impenjati fil-ġestjoni ta' dawn l-isfidi. X'jistgħu jagħmlu l-kumpaniji u l-impjegati biex jimminimizzaw l-impatt
soċjali u fuq l-impjiegi tal-operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni? Xi rwol
jista' jkollhom il-politiki pubbliċi fil-faċilitazzjoni ta' dawn il-bidliet? Minimizzazzjoni tal-impatti esterni
ekonomiċi, soċjali, ambjentali u reġjonali Il-bżonn li jiġi indirizzat l-impatt
territorjali tar-ristrutturazzjoni kien imsemmi matul ix-xogħol tal-imsieħba
soċjali. F'ħafna każijiet, meta operazzjoni ta' ristrutturazzjoni jkollha effetti
maġġuri f'reġjun, il-kumpaniji jipprovaw jallinjaw l-attivitajiet preparatorji
tagħhom ma' dawk tal-atturi l-oħra kollha bl-għan li jiġu massimizzati
l-opportunitajiet ta' riimpjegar tal-impjegati, titħeġġeġ il-konverżjoni
ekonomika u soċjali tar-reġjun affettwat u jiġu żviluppati attivitajiet
ekonomiċi ġodda li joħolqu l-impjiegi. Għal dik il-fini, il-kumpaniji spiss
jiddiskutu l-miżuri li jkunu qed jitħejjew mal-awtoritajiet reġjonali jew
lokali u partijiet interessati rilevanti oħrajn, inklużi l-fornituri tas-saħħa
u s-sigurtà soċjali. Xi kultant huma jieħdu u/jew jagħtu sehem ukoll lil xi
task force jew netwerk imwaqqaf fil-livell reġjonali jew settorjali biex
jimminimizzaw l-impatt tal-operazzjoni. F'xi każijiet, il-miżuri spjegati fuq jinkludu
lill-impjegati ta' kumpaniji oħrajn, inklużi l-SMEs, fir-reġjun affettwat
mir-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji ikbar. Tagħrif u għajnuna lill-SMEs
x'aktarx li tgħinhom jadattaw lin-negozji tagħhom stess u jġestixxu l-proċess
ta' ristrutturazzjoni. X'jistgħu jagħmlu l-kumpaniji, l-awtoritajiet lokali u l-partijiet
interessati l-oħra li jkun utli għall-minimizzazzjoni tal-impatti reġjonali
tar-ristrutturazzjoni? Kif jistgħu l-kumpaniji affettwati mir-ristrutturazzjoni ta' kumpanija
oħra jkunu sostnuti fil-proċess ta' aġġustament tagħhom stess? B'mod
partikolari, kif jistgħu l-SMEs ikunu infurmati u megħjuna aħjar fil-proċess
ta' ristrutturazzjoni? (c)
Valutazzjoni u rappurtar Għodod għall-valutazzjoni u r-rappurtar
regolari tal-operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni b'kooperazzjoni
mar-rappreżentanti tal-impjegati u l-għaqdiet ta' barra involuti f'dawn
il-proċessi jistgħu jkunu utli f'xi ċirkostanzi, b'mod partikolari
għall-faċilitazzjoni ta' proċess ta' tagħlim. Xi rwol jista' jkollhom il-valutazzjoni u r-rappurtar tal-operazzjonijiet
ta' ristrutturazzjoni passati biex iżidu l-għarfien u jtejbu l-prattiki
tal-partijiet interessati? (d)
Ir-rwol tal-imsieħba soċjali Peress li r-rappreżentanti tal-maniġment u
tal-ħaddiema huma fost l-atturi ewlenin għad-diskussjoni tal-istrateġiji ta'
ristrutturazzjoni, ikun utli li jingħata rwol prominenti għad-djalogu soċjali
fit-tixrid u l-inkoraġġiment tal-aqwa prassi. Xi rwol jista' jkollu d-djalogu soċjali fit-tixrid aħjar u
l-inkoraġġiment tal-aqwa prattiki għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni
tar-ristrutturazzjoni? (e)
Reviżjoni ta' protezzjoni passiva Qabża minn protezzjoni passiva tal-impjiegi
għal protezzjoni attiva qiegħda fil-qalba tal-kunċett flessigurtà. Waħda
mill-possibilitajiet ta' implimentazzjoni ta' dan il-kunċett huwa li nitbiegħdu
mill-ħarsien ta' impjiegi speċifiċi u minflok nersqu lejn il-protezzjoni
tal-impjegati tul il-ħajja professjonali tagħhom kollha. Possibilità oħra hija
li nsaħħu l-hekk imsejħa flessibilità interna li għandha l-għan li tħares
l-impjiegi permezz ta' miżuri li jiżguraw adattament flessibbli
għaċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu. Xi drabi, madankollu, bidla bħal din mhux
dejjem kienet akkumpanjata b'taqliba tas-sistema ta' ħarsien tal-impjiegi
eżistenti, speċjalment f'termini ta' piżijiet u spejjeż. Bħal kull funzjoni oħra fi ħdan il-kumpaniji,
l-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturazzjoni proattiva għandhom prezz imma
għandhom ukoll benefiċċju għal dawk kollha involuti: il-kumpaniji jtejbu
l-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom, l-impjegati jsiru iktar impjegabbli u
r-reġjuni jagħtu spinta lid-dinamiċi ekonomiċi tagħhom. Filwaqt li jitqiesu d-differenzi enormi bejn l-Istati Membri f'dan
ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tisma' l-fehmiet tal-partijiet interessati
(b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali u l-għaqdiet tal-imsieħba soċjali)
dwar jekk xi aspetti tas-sistemi ta' protezzjoni tal-impjiegi jistgħux jiġu
riveduti fid-dawl tat-tranżizzjoni lejn antiċipazzjoni u ħarsien proattiv
tal-impjiegi.
6.
Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali
Ristrutturazzjoni proattiva u dinamika spiss
titħeġġeġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom rwol ta' appoġġ
f'operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni u fil-proċessi biex jantiċipawhom billi
jiffaċilitaw il-koordinament bejn il-partijiet interessati minn barra u
l-kumpaniji. Barra minn hekk, huma spiss joħolqu, jippromwovu u jappoġġaw
mekkaniżmi li jħeġġu lill-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju biex ikunu involuti
f'miżuri ta' dak it-tip. Finalment, l-awtoritajiet pubbliċi jappoġġaw ukoll
il-proċessi antiċipatorji u l-operazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni biex
jallevjaw l-impatt ekonomiku, reġjonali u soċjali tagħhom. Xi wħud mill-aqwa
prattiki identifikati fl-Ewropa huma stabbiliti hawn taħt. Xi i wħud
mill-aqwa prassi identifikati fl-Ewropa: ·
L-awtoritajiet pubbliċi, inkluż il-PES, għandhom
rwol ewlieni fir-reġjuni affettwati mill-bidla strutturali: huma jwaqqfu
entitajiet permanenti, netwerks jew osservatorji li jimmonitorjaw il-proċessi
tal-bidla; jippromwovu patti ta' impjiegi territorjali għall-ħolqien u
l-adattament tal-impjiegi; jippromwovu jew joħolqu mekkaniżmi li jiffaċilitaw
it-tranżizzjoni tal-impjiegi; joffru taħriġ għal kumpaniji żgħar u ta' daqs
medju u għall-impjegati tagħhom u d-djalogu soċjali u l-kooperazzjoni
bejniethom u l-kumpaniji l-kbar; jiffavorixxu l-impjiegi reġjonali u
l-konverżjoni ekonomika u soċjali. ·
F'xi każijiet, l-awtoritajiet pubbliċi jattivaw,
b'kooperazzjoni mal-kumpaniji, servizzi ta' reazzjoni rapida u skemi ta' appoġġ
li jgħinu lill-impjegati jiffaċċjaw tranżizzjonijiet professjonali jew tkeċċijiet.
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-kumpaniji li jirriżultaw mil-liġijiet
nazzjonali u/jew mill-prattiki, l-awtoritajiet pubbliċi xi kultant
jikkofinanzjaw miżuri ta' impjegabilità, inkluż l-akkwist ta' ħiliet
trasferibbli. "Strateġiji
ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti" jistgħu jkunu għodda importanti
għar-reġjuni biex jintużaw fil-proċess ta' ristrutturazzjoni[25]. Fil-livell tal-UE l-Politika ta' Koeżjoni, u
speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, kif ukoll il-Fond Ewropew ta' Aġġustament
għall-Globalizzazzjoni jeżistu wkoll biex jappoġġaw kemm azzjoni antiċipattiva
u kemm miżuri bl-għan li jgħinu lill-impjegati li xogħolhom jinsab mhedded minn
avvenimenti partikolari ta' ristrutturazzjoni, inklużi bżonnijiet tas-suq
tax-xogħol emerġenti li jirriżulta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija
b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi. Kif jista' jitħeġġeġ rwol ta' sostenn għall-awtoritajiet pubbliċi,
partikolarment fil-livell reġjonali, fi proċessi ta' antiċipazzjoni, kif ukoll
b'mod partikolari l-avvenimenti ta' ristrutturazzjoni, meta wieħed iqis
tradizzjonijiet nazzjonali differenti rigward l-involviment tal-awtoritajiet
pubbliċi fil-proċessi tal-livell tal-kumpaniji? KONSULTAZZJONI Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex iwieġbu
l-mistoqsijiet stabbiliti f'din il-Green Paper, u biex jipprovdu kummenti
addizzjonali, sat-30 ta' Marzu 2012. Il-green paper u
t-template għat-tweġiba tista' ssibhom fil-websajt Europa: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=333&langId=mt It-tweġibiet jistgħu jintbagħtu bil-posta elettronika fl-indirizz: EMPL-GREEN-PAPER-RESTRUCTURING@ec.europa.eu jew bil-posta lil: European
Commission Directorate-General
for Employment, Social Affairs and Inclusion Green
Paper on Restructuring Unit
C2 Rue
Joseph II, 27 Office
06/044 B-1000
Brussels [1] COM(2010)2020. [2] Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 "Politika
Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u
s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali" (COM (2010)614 finali). [3] Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda", COM(2010) 682
finali [4] Inkluż
id-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturazzjoni ta'
Jannar 2002, ir-riżultati tax-xogħol sussegwenti li sar mill-imsieħba soċjali
Ewropej u għadd ta' rapporti u studji oħra li saru fis-snin reċenti, mhux inqas
fil-Fora ta' Ristrutturazzjoni organizzati mill-Kummissjoni sa mill-2005.
Taqsira utli tat-tagħlimiet meħuda mill-partijiet interessati kollha
fir-ristrutturazzjoni ngħatat fiċ-"Checklist għall-Proċessi ta'
Ristrutturazzjoni" ppreżentata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha
tat-3 ta' Ġunju 2009 "Impenn konġunt għax-xogħol" [5] COM(2011)815
— Stħarriġ ta' Tkabbir Annwali 2012,
http://ec.europa.eu/europe2020/reaching-the-goals/monitoring-progress/annual-growth-surveys/index_en.htm [6] Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda", COM(2010) 682
finali, punt 1.2. [7] Speċjalizzazzjoni
intelliġenti hija kundizzjoni għal sistemi ta' riċerka u innovazzjoni
nazzjonali u reġjonali skont l-għodda ta' awtovalutazzjoni tal-Unjoni
fl-Innovazzjoni u element kruċjali tal-politika ta' koeżjoni riformata u huwa
propost bħala kundizzjonalità ex-ante għall-użu tal-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali fil-perjodu ta' programmazzjoni tal-Fondi Strutturali
li jmiss għall-2014-2020. F'Ġunju 2011 tnediet Pjattaforma ta'
Speċjalizzazzjoni Intelliġenti li se tassisti lir-reġjuni u lill-Istati Membri fl-iżvilupp
strateġiji bħal dawn. [8] Il-Politika
ta' Koeżjoni: Reazzjoni għall-kriżi ekonomika. Reviżjoni tal-implimentazzjoni
tal-miżuri tal-politika ta' koeżjoni adottata bħala appoġġ għall-Pjan ta'
Rkupru Ekonomiku Ewropew, (SEC(2010) 1291 finali). [9] L-Inizjattiva
Ewlenija 2020 għal Unjoni fl-Innovazzjoni, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
SEC(2010) 1161 u r-Rapport dwar l-Istat tal-UI 2011 (2011) 849 [10] "Innovation
Union Competitiveness report 2011", ec.europa.eu/iuc2011. [11] Il-kunċett
ta' flessigurtà jinsab fil-qalba ta' strateġija integrata, li kien żviluppat
mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fuq il-bażi ta' ftehim wiesa' li l-Ewropa
teħtieġ li ssib modi ġodda u aħjar ta' kif is-swieq tax-xogħol ikunu iktar
flessibbli, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu forom ġodda u aħjar ta' sigurtà.
Din hija reazzjoni komprensiva għall-isfidi ffaċċjati mis-swieq tax-xogħol
Ewropew u mis-soċjetajiet fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-bidla
teknoloġika u demografika. Hija parti integrali tal-istrateġija Ewropa 2020
u l-inizjattiva ewlenija tagħha "Ħiliet ġodda u impjiegi ġodda." [12] Ir-reviżjoni
ta' kwart is-sena tar-rapport dwar il-qagħda soċjali u tal-impjiegi tal-UE ta'
Settembru 2011 - ESTAT [13] Sors :
Labour market developments in Europe 2011, European Commission, European
Economy 2/2011. [14] Ir-reazzjoni
tardiva tal-impjiegi għall-irkupru kienet ukoll il-kontroparti taż-żamma
bilfors ta' impjiegi matul ir-reċessjoni u kienet akkumpanjata minn irkupru
konsiderevoli fil-produttività tax-xogħol [15] http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef0973.htm.
Ara wkoll ir-Rapport annwali tal-ERM tal-2011: http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1165.htm. [16] Fi
stħarriġ tal-KE dwar "l-aġġustament għall-kriżi 2011 mill-PES", 13
minn 21 rispondent iddikjaraw li r-riżorsi finanzjarji tagħhom se jitnaqqsulhom
fit-12-il xahar li ġejjin. F'9 minn dawk it-13-il każ dawn ir-riduzzjonijiet
ammontaw għal 10%. [17] Alfonso
Arpaia et al., ‘Short time working arrangements as response to cyclical
fluctuations’, il-Kummissjoni Ewropea, European Economy Occasional Paper Nru
64, Lulju 2010. [18] Alexander
Hijzen u Danielle Venn, ‘The role of short-time work schemes during the 2008-09
recession’ OECD Working Paper 115, Jan 2011. [19] Ara
pereżempju l-istudju ta' DĠ ENTR "Measuring and benchmarking the
structural adjustment performance of EU industry", disponibbli fl-indirizz
http://ec.europa.eu/enterprise/policies/industrial-competitiveness/industrial-policy/future-of-manufacturing/files/key_findings_measuring_and_benchmarking_en.pdf [20] Ara l-punt 4.3.2 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
Għar-rapport, ara http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/automotive/competitiveness-cars21/cars21/index_en.htm [21] L-istudju
dwar id-"Dinamiċi tan-Negozju" (http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/files/business_dynamics_final_report_en.pdf) jiġbor din l-evidenza, flimkien ma' informazzjoni
estensiva dwar il-liġijiet tal-falliment tal-Istati Membri u analiżi
tal-effetti ta' proċedimenti differenti fuq l-intraprendituri u n-negozji.
Iktar informazzjoni inkluż għażla tal-"aqwa prattiki" ta' appoġġ għal
intraprendituri falluti u onesti tista' ssibha fil-protal "tat-tieni
ċans" hawnhekk: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/failure-new-beginning/index_en.htm [22] COM(2008) 394 finali tal-25.06.2008. [23] COM(2011) 78 finali tat-23.02.2011. [24] Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat
għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2004:244:0002:0017:EN:PDF. [25] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
"Ristrutturazzjoni fl-Ewropa 2011", punt 4.1.3.